Language of document : ECLI:EU:T:2012:58

Kawża T-424/10

Dosenbach-Ochsner AG Schuhe und Sport

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta iljunfanti f’rettangolu — Trade marks internazzjonali u nazzjonali figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw iljunfant u trade mark nazzjonali verbali preċedenti elefanten — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tas-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Karattru distintiv tat-trade marks preċedenti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Eżami limitat għall-motivi invokati

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74(1), u Nru 207/2009, Artikolu 76(1))

1.      Paragun fonetiku ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tax-xebh ta’ trade mark figurattiva li ma jkollhiex elementi verbali ma’ trade mark oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja. Fil-fatt, trade mark figurattiva li ma jkollhiex elementi verbali ma tistax tiġi ppronunzjata bħala tali. L-iktar l-iktar, il-kontenut viżwali jew kunċettwali tagħha jista’ jiġi deskritt oralment. Issa, tali deskrizzjoni tikkoinċidi neċessarjament jew mal-perċezzjoni viżwali jew mal-perċezzjoni kunċettwali tat-trade mark ikkonċernata. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata, b’mod awtonomu, il-perċezzjoni fonetika ta’ trade mark figurattiva li ma jkollhiex elementi verbali u lanqas ma hemm lok li titqabbel mal-perċezzjoni fonetika ta’ trade marks oħra.

(ara l-punti 45, 46)

2.      Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, u skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, fi proċedimenti dwar ir-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jkun limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet.

Skont din id-dispożizzjoni, l-Uffiċċju huwa obbligat jeżamina, fid-deċiżjonijiet tiegħu, il-fondatezza ta’ invokazzjoni dwar il-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti minħabba l-użu preċedenti tagħhom, imressqa espliċitament mill-persuna li talbet id-dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Minn naħa, il-formula standard ma tinkludix taqsima ddedikata għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti iżda tinkludi taqsima biss fir-rigward tal-eventwali reputazzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, la mir-Regolament Nru 40/94 u lanqas mir-Regolament Nru 207/2009 ma jirriżulta li, sabiex tkun ammissibbli, l-invokazzjoni tal-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade mark preċedenti għandha ssir fil-mument meta titressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

(ara l-punti 58, 61, 62)