Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 taʼ Mejju 2013 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-256/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: W. Ferrante, avvocato dello Stato, u G. Palmieri, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-ittra tat-22 ta' Marzu 2013 prot. Ares (2013) 237719 tal-Kummissjoni - Direttorat Ġenerali Edukazzjoni u Kultura, li għandha bħala suġġett l-"Agreement N. ADEC 2007.0266 - Reimbursement. Review after appeal" mibgħuta fil-25 ta' Frar 2013 u li wasslet għand l-Agenzia nazionale per i Giovani fis-6 ta' Marzu 2013, prot. ANG/2741/AMS, li permezz tagħha intalab ir-rimbors ta' somom li jammontaw għal total ta' EUR 1 486 485.90, sa fejn titlob ir-rimbors tal-ammont ta' EUR 52 036.24 u ta' EUR 183 729.72, kif ukoll tal-ittra tat-28 ta' Frar 2013 prot. 267064 tal-Kummissjoni Ewropea - Direttorat Ġenerali Edukazzjoni u Kultura, indirizzata lill-Presidenza del Consiglio dei Ministri - Capo Dipartimento della Gioventù e del Servizio civile nazionale, li permezz tagħha ntbagħtu l-"Final evolution conclusions" tal-"2011 Declaration of Assurance".

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jittratta t-talba għal ħlas lura lill-Kummissjoni xi somom ta' flus li jammontaw għal EUR 1 486 485.90, somma magħmula minn, fost l-oħrajn, EUR 52 036.24, dwar spejjeż magħmula mill-Agenzia Nazionale per i Giovani għal attivitajiet ta' taħriġ u ta' evalwazzjoni tal-volontarji SVE (Servizio volontario Europeo) fil-kuntest tal-Programma Gioventù in Azione għas-sena 2007 u kkunsidrata bħala ineliġibbli u minn EUR 183 729.72 dwar somom mhux irkuprati mill-Agenzia wara talbiet għal ħlas lura lill-benefiċjarji tal-Programma Gioventù għas-snin 2000-2004.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3.2.1 flimkien mal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 5.2.2 tal-"Grant Agreement n. 2007- 0266/001 - 001 for the operational implementation of the Youth in action programme" bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Agenzia Nazionale per i Giovani.

-    F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tiddikjara li anki jekk il-limitu per capita għal kull persuna li qed titħarreġ kien fir-realtà inqabeż, minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni u minħabba limitazzjonijiet ta' ħin, ma jidhirx raġonevoli u lanqas skont l-għan imfittex mid-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE, li huwa dak li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni fis-settur taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, li jintalab il-ħlas lura ta' somom li fir-realtà ntefqu għal skopijiet li jaqgħu taħt il-"Grant Agreement n. 2007 - 0266/001 - 001".

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10.2 tal-Anness II.1 tal-Agreement N. 2003 - 1805/001 - 001 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Agenzia Nazionale per i Giovani.

-    F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tiddikjara li l-awtoritajiet Taljani wettqu konkretament kull miżura possibbli sabiex jiġu rkuprati s-somom inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprovdietx raġunijiet suffiċjenti dwar id-differenza evidenti fit-trattament bejn iż-żewġ każijiet identiċi fir-rigward tas-somom li kellhom jiġu rkuprati għas-snin 2000-2004 u għas-somom għas-snin 2005-2006: għall-ewwel waħda, l-awtorizzazzjoni li ma jsirx l-irkupru ġiet miċħuda; għat-tieni waħda, l-awtorizzazzjoni ġiet milqugħa.

____________