Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2012 - SNCF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-242/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Société nationale des chemins de fer français (SNCF) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Beurier, O. Billard u V. Landes, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

-    tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

-    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1616 finali, tad-9 ta' Marzu 2012, li tiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna implementata mir-Repubblika Franċiża favur Sernam SCS 2 fost oħrajn permezz ta' rikapitalizzazzjoni, ta' garanziji mogħtija u tal-maħfra ta' krediti dovuti minn Sernam mir-rikorrenti.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti sa fejn, meta fid-deċiżjoni kkontestata adottat pożizzjoni li ma kinitx tidher fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni ma ppermettietx lir-rikorrenti tesponi b'mod utli l-fehma tagħha dwar ir-rilevanza ta' din il-pożizzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn id-deċiżjoni "Sernam 2"  ħolqot sitwazzjoni li għamlet leġittimi l-aspettativi tar-rikorrenti fil-karattru regolari taċ-ċessjoni tal-attiv kollhu ta' Sernam.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' diliġenza tagħha u tal-prinċipju ta' ċertezza legali sa fejn il-Kummissjoni adottat deċiżjoni madwar seba' snin wara ċ-ċessjoni tal-attiv kollu ta' Sernam.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq żbalji ta' liġi u ta' fatt sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni "Sernam 2" ma ġewx osservati. Dan il-motiv huwa maqsum f'sitt partijiet ibbażati fuq żbalji li l-Kummissjoni allegatament wettqet meta kkunsidrat:

li ċ-ċessjoni tal-attivi kollha ta' Sernam ma saritx fit-30 ta' Ġunju 2005;

li din ma tikkostitwixxix bejgħ;

li din tikkostitwixxix trasferiment tal-(attiv u tal-passiv) kollu ta' Sernam SA ;

li din ma limitatx ruħha għall-attiv ta' Sernam SA, iżda żdiedet b'EUR 59 miljun;

li din ma seħħitx permezz ta' proċedura trasparenti u miftuħa;

u li l-għan ta' bejgħ tal-attiv ma ġiex osservat.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta' dritt sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-obbligu ta' rkupru tal-għajnuna ta' EUR 41 miljun ġie ttrasferit lil Financière Sernam u lill-kumpanniji sussidjarji tagħha, filwaqt li Financière Sernam ma tistax titqies li bbenefikat minn benefiċċju, peress li din ħallset il-prezz tas-suq għall-attiv kollu ta' Sernam.

Is-sitt motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni u fuq żbalji ta' fatt u ta' liġi sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri tal-protokoll ta' ftehim dwar iċ-ċessjoni tal-attiv kollu ta' Sernam kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat filwaqt li l-prezz imħallas għax-xiri kien prezz tas-suq li rriżulta minn sejħa għal offerti bil-miftuħ, trasparenti, inkondizzjonata u mhux diskriminatorja u li kien ħafna inqas mill-ispiża ta' likwidazzjoni li r-rikorrenti kien ikollha tħallas f'każ ta' likwidazzjoni ġudizzjarja ta' Sernam.

____________

1 - Għajnuna mill-Istat Nru C 37/2008 - Franza - Applikazzjoni tad-Deċiżjoni "Sernam 2" - SA.12522.

2 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/367/KE, tal-20 ta' Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata parzjalment minn Franza favur l-impriża "Sernam" [innorifikata bin-Nru C(2004) 3940] (ĠU 2006, L 140, p. 1).