Language of document : ECLI:EU:T:2007:220

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

11 ta’ Lulju 2007(*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq dinji tal-produzzjoni u l-provvista ta’ djamanti mhux maħduma – Deċiżjoni li tirrendi vinkolanti l-impenji proposti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti – Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Libertà kuntrattwali – Dritt tal-partijiet li jinstemgħu”

Fil-kawża T‑170/06,

Alrosa Company Ltd, stabbilita f’Mirny (ir-Russja), irrappreżentata minn R. Subiotto, S. Mobley u K. Jones, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, A. Whelan u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/520/KE, tat-22 ta’ Frar 2006, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/B-2/38.381 - De Beers) (ĠU L 205, p. 24), li tivvinkola l-impenji meħuda minn De Beers li tieqaf milli tixtri d-djamanti mhux maħduma tagħha minn Alrosa mill-2009, wara fażi ta’ tnaqqis progressiv tal-volumi tagħha ta’ xiri mill-2006 sa l-2008 u li ttemm il-proċedura, skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1)

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka, V. Vadapalas, E. Moavero Milanesi u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża

 1. Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1/2003

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1), sar applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004.

2        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi fis-subartikolu 1 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni, ta[ġ]ixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 jew ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat, tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li [t]temm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm [tmiem] dan il-ksur. Rimedji strutturali jistgħu jiġu imposti biss jekk ma jkunx hemm rimedju […] komportamentali li hu effettiv ugwalment jew jekk ir-rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment ikun ta’ aktar piż għal l-impriża k[ko]nċernata min[n] rimedju strutturali. Jekk il-Kummissjoni għandha interessi le[ġ]it[t]imi li tagħmel hekk, hi tista['] issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat”.

3        Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003:

“1. Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jin[temm] u l-impriża konċernata toffri rabta li tilħaq il-konċerni espressi lilhom mil[l]-Kummissjoni fl-istima [evalwazzjoni] preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista['] tiġi adottata għal per[i]jodu speċifiku u […] tikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil[l]-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni tista’, fuq […] talba jew l-inizjattiva tagħha, terġa['] tiftaħ il-proċeduri:

(a) fejn hemm bidla materjali f’kwalunkwe min[n] dawn il-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni;

(b) fejn l-impriża konċernata ta[ġ]ixxi għal kontrarju tal-irbit tagħhom; jew

(ċ) fejn id-deċiżjoni ġiet ibbażata fuq informazzjoni inkompluta, inkorreta jew qarrieqa previsti [mogħtija] mil[l]-partijiet”.

4        Skond l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003:

“1. Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil[l]-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa [għandha] tagħti [lil]l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil[l]-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ [jinstemgħu] fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa [għandha] tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi [kellhom l-opportunità] jikkummentaw fuqhom. […]

2. Id-dritt[ijiet] tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa [għandhom] jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa [għandhom] jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil [għall-]file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġit[t]imu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. […]

3. Jekk il-Kummissjoni tikkonsidrah neċessarju, hi tista’ ukoll tisma['] lil persuni oħra naturali jew legali. Applikazzjonijiet li jridu jiġu msemma fuq parti tal-persuna ħa [Jekk dawn il-persuni jitolbu li jinstemgħu], fejn juru interess suffiċjenti, jiġu mogħtija [dawn it-talbiet għandhom jintlaqgħu]. […]

4. Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10, hi ħa [għandha] tippublika l-każ konċiż u fil-qosor u l-kontenut prinċipali ta’ l-irbit jew ta’ azzjoni proposta. Terzi persuni interessati jistgħu jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fl-limitu ta’ żmien stipulat mill-Kummissjoni fil-pubblikazzjoni tagħha u dan ma jistax ikun iqsar minn xahar. Il-publikazzjoni tieħu konsiderazzjoni ta’ l-interess leġittimu ta’ l-impriża fil-protezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ tagħhom”.

 Ir-Regolament Nru 773/2004

5        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU L 123, p. 18) ġie adottat skond l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1/2003. Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

6        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004 jipprovdi b’mod partikolari:

“1. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-partijiet ikkonċernati bil-miktub bl-oġġezzjonijiet magħmula kontra tagħhom. Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għandha tkun innotifikata li kull waħda minnhom.

2. Il-Kummissjoni għandha, meta tinnotifika d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lill-partijiet ikkonċernati, tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih dawn il-partijiet jistgħu jinformawha bil-miktub bil-veduti [bl-opinjoni] tagħhom. Il-Kummissjoni m’għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet miktuba rċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

[…]”

7        L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jipprovdi li:

“Jekk tintalab dan, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-file lill-[…]partijiet li[…] lilhom tkun indirizzat id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Aċċess għandu jingħata wara n-notifika tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.”

 2. Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrenti, Alrosa Company Ltd (iktar ’il quddiem “Alrosa”) hija kumpannija stabbilita f’Mirny (ir-Russja). Hija partikolarment attiva fis-suq dinji tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ djamanti mhux maħduma, fejn tokkupa t-tieni post. Hija essenzjalment attiva fir-Russja. Hija twettaq attività ta’ esplorazzjoni, estrazzjoni, valutazzjoni u provvista, kif ukoll attività ta’ ġojjellerija.

9        De Beers SA hija kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu). Il-grupp De Beers, li tiegħu hija l-kumpannija holding prinċipali, huwa attiv ukoll fis-suq dinji tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ djamanti mhux maħduma, fejn jokkupa l-ewwel post. Huwa essenzjalment attiv fl-Afrika t'Isfel, fil-Botswana, fin-Namibja u fit-Tanzanija, kif ukoll fir-Renju Unit. Huwa jwettaq hemmhekk attivitajiet ta’ esplorazzjoni, ta’ estrazzjoni, ta' valutazzjoni, ta’ provvista, ta’ negozju u ta’ fabbrikazzjoni, kif ukoll attività ta’ ġojjellerija, u b'hekk ikopri s-settur kollu tad-djamanti.

10      Fil-5 ta’ Marzu 2002, Alrosa u De Beers innotifikaw lill-Kummissjoni ftehim konkluż fis-17 ta’ Diċembru 2001 bejn Alrosa u żewġ kumpanniji sussidjarji tal-grupp De Beers, City and West East Ltd u De Beers Centenary AG (iktar ’il quddiem “il-ftehim innotifikat”), sabiex jiksbu negative clearence jew eżenzjoni skond ir-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204).

11      Dan il-ftehim, li ġie konkluż fil-kuntest tar-relazzjoni kummerċjali li ilha għaddejja għal żmien twil bejn Alrosa u De Beers, kellu essenjalment bħala suġġett il-provvista ta’ djamanti mhux maħduma.

12      Il-ftehim ġie konkluż għal perijodu ta’ ħames snin li kellu jibda jiddekorri, skond l-Artikolu 12 tiegħu, mid-data li fiha l-Kummissjoni tikkonferma liż-żewġ partijiet kontraenti li dan “ma kienx jikser l-Artikolu 81(1) KE, jew kien jistħoqqlu eżenzjoni skond l-Artikolu 81(3) KE u ma li ma kienx jikser b'xi mod ieħor l-Artikolu 82 KE”.

13      Matul dan il-perijodu, Alrosa impenjat ruħha tbigħ djamanti naturali mhux maħduma prodotti fir-Russja lil De Beers sa ammont ta’ USD 800 000 000 fis-sena, filwaqt li De Beers impenjat ruħha tixtrihom mingħandha, skond l-Artikolu 2.1.1 tal-ftehim innotifikat. Madankollu, fir-raba’ u l-ħames sena ta’ l-implementazzjoni tal-ftehim innotfikat, Alrosa kienet awtorizzata li tnaqqas dan l-ammont għal USD 700 000 000, skond l-Artikolu 2.1.2 tal-ftehim innotifikat. L-ammont ta’ USD 800 000 000, stabbilit skond il-prezzijiet fis-seħħ fid-data meta ġie konkluż dan il-ftehim innotifikat, jikkorrispondi għal madwar nofs il-produzzjoni annwali ta’ Alrosa u għall-produzzjoni kollha esportata barra mill-Komunità ta’ l-Istati Indipendenti (KSI).

14      Fl-14 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni baħgtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lil De Beers bir-riferenza COMP/E‑3/38.381, li fiha hija qieset li l-ftehim innotifikat seta’ jikkostitwixxi akkordju antikompetittiv ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE u ma setax jiġi eżentat skond l-Artikolu 81(3) KE. Fl-istess ġurnata, hija bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet separata lil De Beers bir-riferenza COMP/E‑2/38.381, li fiha hija qieset li l-ftehim seta’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 82 KE.

15      Fil-31 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti u De Beers bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub komuni lill-Kummissjoni fi tweġiba għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet magħmula fil-każ COMP/E‑3/38.381.

16      Fl-1 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet supplementari lir-rikorrenti u lil De Beers, li fiha hija qieset li l-ftehim innotifikat seta’ wkoll jikkostitwixxi akkordju antikompetittiv ipprojbit mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-Żona Ekonika Ewropea (ŻEE) u ma setax jiġi eżentat skond l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim taż-ŻEE. Fl-istess ġurnata, hija bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet supplementari separata lil De Beers li kienet tgħid li l-ftehim innotifikat seta’ wkoll jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 54 ta-Ftehim taż-ŻEE.

17      Fis-7 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni semgħet l-osservazzjonijiet orali tar-rikorrenti u ta’ De Beers.

18      Fit-12 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrenti pproponiet impenji li kienu jinvolvu t-tnaqqis progressiv tal-kwantità ta’ djamanti mhux maħduma mibjugħa lil De Beers mis-sitt sena wara l-implementazzjoni tal-ftehim innotifikat u, mill-2013, impenn li ma tbigħx iktar djamanti mhux maħduma lil De Beers. Ir-rikorrenti reġgħet tenniet dawn l-impenji sussegwentement.

19      Fl-14 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti u De Beers ippreżentaw flimkien xi impenji (iktar ’il quddiem l-“impenji kollettivi”) sabiex jiġu pplakati l-preokupazzjonijiet li dwarhom kienet infurmathom il-Kummissjoni. Dawn l-impenji kollettivi kienu jipprovdu għat-tnaqqis progressiv tal-bejgħ ta’ djamanti mhux maħduma minn Alrosa lil De Beers, li l-valur tagħhom kellu jinżel minn USD 700 000 000 fl-2005 għal USD 275 000 000 fl-2010, u sussegwentement kellhom jiġu limitati għal dan il-livell.

20      Fit-3 ta’ Ġunju 2005, “[k]omunikazzjoni […] fil-każ COMP/E‑2/38.381 – De Beers‑Alrosa ” ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU C 136, p. 32, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fil-qosor”). Fiha, il-Kummissjoni indikat li rċeviet impenji min-naħa ta’ Alrosa u ta’ De Beers waqt li kien qed isir l-eżami tal-ftehim skond l-Artikoli 81 KE, 82 KE, 53 tal-Ftehim taż-ŻEE u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (punt 1), fissret fil-qosor il-każ (punti 3 sa 10) u ddeskriviet l-impenji proposti (punti 11 sa 15). Hija stiednet ukoll lil terzi persuni interessati sabiex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar (punti 2 u 17) u ddikjarat li kienet parti mill-intenzjoni tagħha li taddotta deċiżjoni li tivvinkola l-impenji kollettivi, b’riżerva għar-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni ma' l-atturi fis-suq (punti 2 u 16).

21      Wara din il-pubblikazzjoni, 21 terzi persuni interessati ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Kummissjoni, li informat lil Alrosa u lil De Beers bihom fis-27 ta’ Ottubru 2005. Waqt din il-laqgħa, il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet sabiex jippreżentawlha, qabel tmiem ix-xahar ta’ Novembru 2005, impenji ġodda kollettivi li kienu jxaqilbu lejn id-direzzjoni ta’ waqfien komplet mir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mill-2009.

22      Fil-25 ta’ Jannar 2006, De Beers individwalment ippreżentat xi impenji (iktar ’il quddiem l-“impenji individwali ta’ De Beers”) intiżi sabiex jipplakaw it-tħassib espress mill-Kummissjoni fid-dawl tar-riżultati tal-konsultazzjoni ma' l-atturi fis-suq. L-impenji individwali ta’ De Beers kienu jipprovdu għat-tnaqqis progressiv tal-bejgħ ta’ djamanti mhux maħduma minn Alrosa lil De Beers, li l-valur tagħhom kellu jinżel minn USD 600 000 000 fl-2006 għal USD 400 000 000 fl-2008, kif ukoll il-waqfien sussegwenti tal-bejgħ.

23      Fis-26 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti b’parti mill-impenji individwali ta’ De Beers u stednitha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett. Hija bagħtitila wkoll kopja tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-kummenti magħmula mit-terzi persuni.

24      Sussegwentement, sar skambju ta’ opinjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċertu aspetti tal-proċedura previsti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-implikazzjonijiet tagħhom f’dan il-każ. Il-kwistjonijiet prinċipali kienu dik ta’ l-aċċess għall-fajl, kif ukoll il-kwistjoni tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, tad-dritt li jinstemgħu l-partijiet. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti pprovdiet xi kummenti fuq l-impenji individwali ta’ De Beers u fuq l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni.

25      Fit-22 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/520/KE dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/B‑2/38.381 – De Beers) (ĠU L 205, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”).

26      Skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni “[l]-impenji elenkati fl-anness huma vinkolanti fir-rigward ta’ De Beers” u, skond l-Artikolu 2, “[i]l-proċedura mibdija f’dan il-każ hija magħluqa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 Proċedura

27      B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Ġunju 2006, Alrosa ppreżentat dan ir-rikors.

28      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi skond il-proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76A(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

29      Fis-16 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tad-difiża tagħha.

30      B’deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza (ir-Raba’ Awla) laqgħat it-talba tar-rikorrenti sabiex il-kawża tiġi deċiża skond il-proċedura mħaffa, wara li semgħet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward u fid-dawl ta’ l-urġenza partikolari u ċ-ċirkustanzi tal-kawża.

31      B’ittra tat-28 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza (ir-Raba’ Awla) talbet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet mibgħuta fl-14 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju 2003 lil De Beers b'mod konformi ma' l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE, skond l-Artikoli 49 u 64 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni kkonformat ma' din il-miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu mogħti f’dan ir-rigward.

32      B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrinvijat il-kawża quddiem ir-Raba’ Awla Estiża skond l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li semgħet lill-partijiet.

33      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ April 2007.

34      Alrosa titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna li Alrosa tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 1. Fuq l-ammissibbiltà

36      Filwaqt li tosserva li l-Artikoli 82 KE u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE jistgħu jirrigwardaw biss l-impriżi li jinsabu f’pożizzjoni dominanti, li dan mhuwiex il-każ ta’ Alrosa u li din għaldaqstant la tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti kkonċernata mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni u lanqas destinatarja ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors safejn huwa bbażat fuq i-fatt li r-rikorrenti hija individwalment u direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni.

37      Madankollu, peress li l-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors hija waħda ta’ ordni pubbliku, hija għandha tiġi eżaminata ex officio, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 23).

38      Peress li r-rikorrenti mhijiex destinatarja tad-deċiżjoni, għandu, f’dan ir-rigward, jiġi ddeterminat jekk hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn din ta’ l-aħħar, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

39      F’dan il-każ, skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjoni tivvinkola l-impenji individwali ta’ De Beers li tillimita x-xiri tagħha mingħand Alrosa għal ċertu ammont ta’ djamanti mhux maħduma mill-2006 sa l-2008 u li ma tixtrix, direttament jew indirettament, djamanti mhux maħduma mingħand Alrosa mill-2009. Safejn hija tillimita l-possibbiltà għal De Beers li tiġi fornuta bi djamanti mhux maħduma mingħand Alrosa, id-deċiżjoni tipproduċi effetti diretti u immedjati fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ din ta’ l-aħħar. Ir-rikorrenti hi għaldaqstant direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni.

40      Ir-rikorrenti tinsab ukoll individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni billi din ġiet adottata fi tmiem proċedura li fiha Alrosa pparteċipat b’mod determinanti, billi Alrosa hi msemmija espliċitament fiha, billi hija għandha l-intenzjoni li ttemm ir-relazzjoni kummerċjali li ilha teżisti għal żmien twil bejn Alrosa u De Beers u billi hija tali li taffettwa b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Alrosa fis-suq tal-provvista u tal-produzzjoni ta’ djamanti mhux maħduma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punti 54 sa 56).

41      Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija intitolata tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni abbażi tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

 2. Fuq il-merti

42      L-argumenti żviluppati mir-rikorrenti in sostenn tar-rikora tagħha jistgħu jinqassmu fi tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tad-dritt li l-partijiet jinstemgħu, it-tieni nett, fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 li jipprojbixxi li jiġu imposti fuq impriża kkonċernata impenji li hija ma tkunx daħlet għalihom volontarjament, a fortiori għal perijodu indeterminat u t-tielet nett, finalment, fuq in-natura eċċessiva ta’ l-impenji reżi vinkolanti, bi ksur ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ l-Artikolu 82 KE, tal-libertà kuntrattwali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

43      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, għandhom jiġu qabel kollox eżaminati, flimkien, it-tieni u t-tielet motivi.

 Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ l-Artikolu 82 KE, tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 Argumenti tal-partijiet

44      Ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 safejn din tivvinkola impenji proposti minn waħda biss miż-żewġ impriżi kkonċernati f’dan il-każ, jiġifieri l-impenji individwali ta’ De Beers, u safejn dan isir għal perijodu indeterminat.

45      L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 toffri lill-Kummissjoni u lill-impriża jew l-impriżi kkonċernati minn proċedura li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni il-possibbiltà li jaslu għal soluzzjoni tal-kwistjoni li tkun ta' vantaġġ għal kull parti. Din il-loġika teħtieġ li, meta numru ta’ impriżi huma kkonċernati u flimkien jipproponu impenji lill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar tista’ taċċetta u tivvinkola biss dawn l-impenji, u mhux impenji proposti individwalment minn waħda minnhom. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jmissha ġiet ikkunsidrata bħala impriża kkonċernata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvinkola l-impenji individwali ta’ De Beers.

46      Barra minn hekk, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9 tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-Kummissjoni, meta tagħżel li tivvinkola xi impenji, li tadotta f’dan ir-rigward deċiżjonijiet għal terminu determinat biss. Madankollu, id-deċiżjoni ġiet adottata għal terminu indeterminat.

47      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni tirrendi impossibbli, b’mod assolut u għal perijodu potenzjalment illimitat, kull provvista ta’ djamanti mhux maħduma minn Alrosa lil De Beers. Billi tagħmel hekk, hija tikser l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 82 KE u l-libertà kuntrattwali.

48      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett li d-deċiżjoni fiha, essenzjalment, żball ta' dritt billi hija ekwivalenti għal projbizzjoni ta’ aġir legali, u dan għal perijodu indeterminat.

49      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ fejn il-kompetizzjoni hija libera, stabbilit mill-Artikolu 4(1) KE u l-libertà kuntrattwali, li tinsab fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri u diġà rikonoxxuta mid-dritt Komunitarju (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 180; ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Rozès għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ottubru 1983, Schmidt vs Il-Kummissjoni, 210/81, Ġabra p. 3045, 3072, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, Ġabra p. I‑7791, I-7794, punt 56), għandhom importanza fondamentali fis-sistema legali Komunitarja.

50      B’hekk, l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għandha tieħu dawn il-prinċipju in kunsiderazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 82 KE, li jirrigwarda aġir abużiv speċifiku, ma jistax jiġi interpretat bħala li jinkrimina s-sempliċi fatt li jsir ftehim bil-għan li jinbigħu jew jinxtraw prodotti minħabba s-sempliċi raġuni li waħda mill-partijiet tinsab f’pożizzjoni dominanti.

51      Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni ċċaħħad lil Alrosa u De Beers minn kull libertà li jagħmlu ftehim, inkluż ftehim ad hoc, minħabba s-sempliċi raġuni li De Beers tinsab f’pożizzjoni dominanti, fi swieq li jinsabu fil-linja 'l isfel mis-suq tal-provvista ta’ djamanti mhux maħduma. Din id-deċiżjoni hija tispiċċa tillegalizza l-boycott ta’ Alrosa minn De Beers mill-2009. Din is-sitwazzjoni mingħajr preċedent hija iktar u iktar rimarkabbli billi, oriġinarjament, il-ftehim innotifikat kien ikopri biss 50 % tal-produzzjoni annwali ta’ djamanti mhux maħduma ta’ Alrosa u 10 % tal-produzzjoni annwali dinjija, imbagħad, fil-verżjoni li rriżultat mill-impenji kollettivi, 18 % tal-produzzjoni annwali ta’ Alrosa u 3.6 % tal-produzzjoni annwali dinjija.

52      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni fiha, essenzjalment, żball manifest ta’ evalwazzjoni dovut għall-fatt li t-tħassib espress fir-rigward tal-ftehim innotifikat ma jiġġustifikaw b'ebda mod iċ-ċaħda tal-libertà kuntrattwali tagħha.

53      Fil-fatt, it-tħassib prinċipali espress mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha tal-ftehim innotifikat fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE kien li l-impenn ta’ provvista esklużiva stipulat fil-ftehim kien se jwassal sabiex jissaħħaħ il-poter ta’ De Beers fis-suq billi Alrosa tiġi eskluża mis-suq tal-provvista ta’ djamanti mhux maħduma u, għaldaqstant, billi xerrejja oħra jiġu pprovati mill-aċċess għall-fonti ta' provvista sinjifikattiva li hija kienet tikkostitwixxi.

54      F'każ bħal dan, kien meħtieġ, skond il-ġurisprudenza (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 89, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punti 80, 81 u 160), li ssir evalwazzjoni konkreta ta’ l-effett tat-tqassim tas-suq li l-aġir ta’ De Beers kien se jwassal għalih. Din l-eżiġenza kienet ferm iżjed meħtieġa meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-amministrazzjoni u l-qorti sa llum qatt ma ntalbu jagħtu deċiżjoni fuq il-legalità ta’ impenn ta' provvista esklużiva li tinvolvi xerrej f’pożizzjoni dominanti fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE.

55      F’dan il-każ, jidher li kien ikun xieraq, minn naħa, li l-ftehim innotifikat jiġi emendat safejn kien meħtieġ biex jitnaqqas l-effett ta’ tqassim ikkonstatat, u, min-naħa l-oħra ma kienx ġustifikat li tiġi eskluża kull possibbiltà għal Alrosa li tidħol f’kuntratt ma’ De Beers.

56      Ir-rikorrenti tqis finalment li d-deċiżjoni stess għandha effetti antikompetittivi. Minn naħa, hija ċċaħħadha milli jkollha aċċess għax-xerrej prinċipali fis-suq, bir-riskju konsegwenti li jkollha tnaqqas il-produzzjoni tagħha billi ma jkollhiex iċ-ċertezza li ssib xerrejja alternattivi bl-istess prezzijiet. Min-naħa l-oħra, hija ċċaħħad lil De Beers milli jkollha aċċess għall-produzzjoni ta’ Alrosa, u b'hekk tippermetti lix-xerrejja l-oħra jeżerċitaw setgħa fis-suq ikbar fin-negozjati tagħhom ma’ Alrosa u jimponu prezzijiet artifiċjali.

57      Id-deċiżjoni tikser ukoll l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 82 KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

58      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva fl-ewwel lok, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 KE, li jipprovdi li l-azzjoni meħuda mill-Komunità m’għandhiex teċċedi dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat, għandu bħala konsegwenza, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-legalità ta’ projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija soġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri tal-projbizzjoni jkunu xierqa u meħtieġa għat-twettieq ta’ l-għanijiet leġittimament segwiti mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, u meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas restrittiva u kull inkonvenjent ikkawżat m'għandux ikun sproporzjonat meta mqabbel ma’ l-għanijiet imfittxija (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13, u tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743, punt 93).

59      Ir-rikorrenti tqis, fit-tieni lok, li dan il-prinċipju japplika għad-deċiżjonijiet li għalihom il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 1/2003 huma relatati ma’ l-obbligu li għandha li tiżgura li jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti mill-Artikoli 81 KE u 82 KE. L-użu li hija tagħmel minn dawn is-setgħat m’għandhux għaldaqstant jeċċedi dak li hu meħtieġ sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

60      Ma tagħmel l-ebda differenza f’dan ir-rigward li l-impenji reżi vinkolanti mill-Kummissjoni jkunu inizjalment ġew proposti mill-impriżi kkonċernati u li l-proposta ta’ dawn l-impriżi eventwalment teċċedi dak li hu meħtieġ biex jiġu osservati l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Fil-fatt, huwa biss sabiex jipplakaw it-tħassib li dwaru huma ġew informati mill-Kummissjoni li l-impriżi kkonċernati jipproponu l-impenji tagħhom. Huwa għaldaqstant imperattiv li l-impenji finalment reżi vinkolanti mill-Kummissjoni jipplakaw it-tħassib espress fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni preliminari tagħha, iżda mingħajr ma jinqabżu l-limiti ta' dak li hu xieraq u meħtieġ u għandhom ikunu l-inqas onerużi possibbli biex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Mill-inqas, l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa imperattiv ladarba, bħal f’dan il-każ, l-ivvinkolar ta’ l-impenji jista’ jaffettwa persuna involuta fil-kawża b'mod sfavorevoli.

61      Ir-rikorrenti tqis, fit-tielet lok, li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62      L-ewwel nett, id-deċiżjoni mhijiex meħtieġa biex jinkiseb l-għan tal-projbizzjoni ta’ l-abbuż minn pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, l-impenji kollettivi offrew lill-Kummissjoni l-possibbiltà li s-sehem mill-produzzjoni annwali li Alrosa tipprovdi lil De Beers jitnaqqas minn 50 % fl-2005 għal 18 % fl-2010 u s-snin ta' wara, skond il-prezzijiet fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim innotifikat, u fil-verità għal proporzjon ulterjorment inferjuri fis-snin ta' wara meta tittieħed in kunsiderazzjoni, minn naħa, iż-żieda mistennija fil-produzzjoni ta’ Alrosa u, min-naħa l-oħra, iż-żieda mistennija fil-prezz tad-djamant mhux maħdum. Issa, proporzjon ta’ 50 % ġeneralment tqieset bħala suffiċjenti mill-Kummissjoni fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fejn kienet involuta fornitriċi f’pożizzjoni dominanti, u proporzjon inferjuri għal dan kienet tkun suffiċjenti f’dan il-każ.

63      It-tieni nett, id-deċiżjoni tikkawża effetti sproporzjonati fir-rigward ta’ l-għan ta’ l-Artikolu 82 KE li tinżamm kompetizzjoni mingħajr distorsjoni. Fil-fatt, hija teskludi totalment il-possibbiltà preċedentement mogħtija lil Alrosa li tikkonkludi kuntratti ma’ De Beers. B’hekk, fid-dawl tat-tħassib espress mill-Kummissjoni rigward ir-riskju ta' tqassim tas-suq, kien ikun biżżejjed, meta titqies l-importanza konkreta ta’ dan ir-riskju, li l-ftehim innotifikat jiġi emendat bil-mod previst mill-impenji kollettivi u, għaldaqstant, li s-sehem tal-produzzjoni annwali ta’ Alrosa u s-sehem tal-produzzjoni annwali globali pprovdut lil De Beers jiġu limitati rispettivament għal 18 % u 3.6 % mis-suq. Madankollu, il-Kummissjoni b'ebda mod ma ddeterminat, fid-deċiżjoni, għalhiex din l-għażla inqas restrittiva, li ġiet proposta lilha mill-impriżi kkonċernati, ma setgħetx tiġi aċċettata.

64      It-tielet nett, in-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni, min-naħa tagħha, tagħti lok għal diskriminazzjoni fil-konfront ta’ Alrosa, peress li bejjiegħa oħrajn ikollhom kull libertà li jipprovdu d-djamanti mhux maħduma tagħhom lil De Beers, fi kwantitajiet ugwali jew superjuri, bħala perċentwali tal-produzzjoni annwali dinjija, għat-3.6 % skond il-ftehim innotifikat kif emendat mill-impenji kollettivi.

65      Skond il-Kummissjoni l-motivi tar-rikorrenti mhumiex fondati.

66      L-ewwel nett, il-kunċett ta’ impriżi kkonċernati msemmi fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jirreferi, bħal fil-każ tal-kunċett ta' partijiet ikkonċernati msemmi f’dispożizzjonijiet oħra ta’ l-imsemmi regolament, għall-persuna jew, jekk ikun il-każ, il-persuni li tkun inbdiet proċedura kontra tagħha jew tagħhom, jiġifieri dawk li jistgħu jinżammu responsabili għal ftehim jew prattika miftiehma skons l-Artikoli 81 KE u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE, u abbuż minn pożizzjoni dominanti skond l-Artikoli 82 KE u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE. F’dan il-każ, De Beers biss kienet impriża kkonċernata mill-proċedura miftuħa skond dispożizzjonijiet relativi għal abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għaldaqstant, De Beers biss setgħet tippreżenta f’dan il-kuntest impenji li l-Kummissjoni setgħet tirrendi vinkolanti.

67      Barra minn hekk, il-kliem li jinsab fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jista' jiġi interpretat biss bħala li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, u mhux li imponi l-obbligu, li tadotta deċiżjonijiet għal perijodu determinat.

68      Hija ssostni wkoll li, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni ma tiksirx il-libertà kuntrattwali. Qabel kollox, ikun żbaljat li jiġi allegat li d-deċiżjoni hija ekwivalenti għal projbizzjoni ta’ aġir legali.

69      Fil-fatt, il-libertà kuntrattwali hija limitata mill-projbizzjoni tal-prattiċi antikompetittivi msemmija fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Issa, f’dan il-każ, il-ftehim, ikkunsidrat fil-kuntest tar-relazzjoni kummerċjali li ilha teisti għal żmien twil bejn Alrosa u De Beers, wara evalwazzjoni preliminari, kien jidher li jmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet, l-istess bħal tipi oħra ta’ relazzjonijiet kummerċjali miżmuma bejn il-partijiet waqt l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, bħall-bejgħ ad hoc fuq it-tip “willing buyer / willing seller”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma waslitx għal din l-evalwazzjoni preliminari minħabba s-sempliċi pożizzjoni dominanti ta’ De Beers fis-swieq fil-linja 'l isfel, kif issostni r-rikorrenti, iżda fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ djamanti mhux maħduma, kif jirriżulta fil-premessi 23 u 24 tad-deċiżjoni.

70      Barra minn hekk, id-deċiżjoni mhijiex ekwivalenti għat-tneħħija tal-libertà kuntrattwali ta’ Alrosa. Għall-kuntrarju, hija tilimita ruħha biex tirrendi vinkolanti l-impenji individwali ta’ De Beers li din kienet għamlet skond il-libertà kuntrattwali tagħha stess, li ttemm il-ftehim li kien jorbotha ma’ Alrosa. Jista’ ċertament ikun li Alrosa għandha interess li tissostitwixxi ftehim mal-kompetitriċi prinċipali tagħha għar-riskji tal-kompetizzjoni. Madankollu, la l-interess li l-isħab ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ eventwalment ikollu biex jintrabat ma’ din l-impriża permezz ta’ ftehim, u lanqas iċ-ċirkustanzi l-oħra li jikkonċernaw dan is-sħab, m’għandhom, skond il-ġurisprudenza, jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 89 u 91; tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 71, u tas-27 ta’ April 1994, Almelo, C‑393/92, Ġabra p. I‑1477, punt 44; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T‑65/89, Ġabra p. II‑389, punt 68).

71      Il-Kummissjoni mbagħad tqis li l-allegazzjoni li t-tħassib tagħha ma jiġġustifikax l-adozzjoni ta’ l-impenji individwali ta’ De Beers hija żbaljata.

72      Minkejja li taqbel li huwa normalment meħtieġ li jsir eżami konkret ta’ l-effetti li prattika ta’ tqassim tas-suq jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tosserva li, f’dan il-każ, kien ikun diffiċli ħafna li ssir analiżi intiża sabiex tiddetermina jekk De Beers setgħetx tixtri kwantità stabbilita ta’ djamanti mhux maħduma minn Alrosa mingħajr ma tipprovoka l-effetti mistennija skond l-evalwazzjoni preliminari tagħha, u jekk ikun il-każ x’kienet din il-kwantità. F’kull każ, din l-analiżi kienet inutili billi, fid-dawl ta’ l-għan ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni setgħet leġittimament taċċetta f’dak il-mument l-impenji individwali ta’ De Beers. Fuq kollox, membri tal-persunal tagħha kienu diġà informaw lill-partijiet, waqt il-proċedimenti amministrattivi, li waqfien totali tar-relazzjoni kummerċjali bejn Alrosa u De Beers setgħet tiġi mistennija.

73      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, it-tħassib tal-Kummissjoni ma kienx limitat għal problema ta’ esklużjoni tal-kompetituri jew ta’ tqassim tas-suq. Għall-kuntrarju, it-tħassib kien jestendi għar-relazzjoni kummerċjali kollha stabbilita minn Alrosa u De Beers bil-għan li jirregolaw flimkien, b’metodi li mhumiex konfromi mal-kompetizzjoni normali, il-volum, il-prezz u l-varjetà tad-djamant mhux maħdum fis-suq dinji, b’mod li jitneħħa l-fornitur indipendenti fis-suq, li jissaħħaħ ir-rwol ta’ De Beers bħala market maker u li jiġu ppreġudikati ż-żamma u l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, kif jirriżulta mill-premessi 28, 30 u 32 tad-deċiżjoni.

74      Il-Kummissjoni ssostni finalment li r-rikorrenti m’għandha l-ebda bażi sabiex issostni li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni għandha effetti antikompetittivi. Hija tqis li l-argumenti magħmula f’dan ir-rigward mhumiex validi safejn jippreżentaw żbaljatament lil Alrosa bħala fornitriċi ta’ De Beers meta fil-verità hija kompetitrici tagħha, u mhumiex konvinċenti mill-aspett ekonomiku u lanqas ma huma sostnuti.

75      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

76      F’dan ir-rigward, hija taqbel qabel kollox ma’ l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom tapplika l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

77      Madankollu, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-partikolaritajiet relativi għal din id-dispożizzjoni. Bil-kontra ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, li jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, tordna lill-partijiet ikkonċernati jtemmu dan il-ksur u timponilhom kull miżura korrettiva ta’ natura strutturali jew komportamentali, inkluż il-waqfien minn relazzjonijiet kummerċjali li jmorru kontra r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 9 ta’ l-imsemmi regolament iwassalha sabiex, mingħajr ma tagħti deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ ksur, tikkonstata li m'għadx hemm bżonn li taġixxi minħabba li l-impriżi kkonċernati volontarjament ipproponew impenji li jtemmu t-tħassib tagħha dwar il-kompetizzjoni.

78      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 m’għandhiex għalfejn tibbaża ruħha fuq espożizzjoni tal-motivi bħal dik meħtieġa għal deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 7 ta’ l-imsemmi regolament, b’mod partikolari ladarba jirriżulta diffiċli li tiġi ddeterminata n-natura jew il-portata ta’ l-impenn meħtieġ bħala rimedju għat-tħassib espress mill-Kummissjoni, per eżempju minħabba li l-aġir li qed iħasseb lill-istituzzjoni qatt ma ġie ttrattat jew hu speċifiku, bħal f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-kisba ta’ l-għan ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi kompromess jekk ir-riżultat ta’ l-eżami ta’ deċiżjoni skond din id-dispożizzjoni kellu jiddependi mill-evalwazzjoni ta’ deċiżjoni oħra, ipotetika, adottata skond l-Artikolu 7 ta' l-istess Regolament. Dan jimplika li l-Kummissjoni xorta waħda għandha tagħmel evalwazzjoni, bħal fil-każ ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, u li tirrinunzja għaldaqstant għal parti miż-żieda fl-effettività li l-leġiżlatur ipprova jikseb permezz ta’ l-Artikolu 9.

79      Barra minn hekk, qabel ma taċċetta l-impenji proposti, il-Kummissjoni għandha tivverifika li jipplakaw b’mod suffiċjenti t-tħassib identifikat fir-rigward tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 9 jikkostitwixxi strument ta’ implementazzjoni f’dan il-kuntest.

80      Il-Kummissjoni taqbel li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jobbligaha tirrifjuta impenji manifestament eċċessivi, iżda żżid li, safejn l-impenji jiġu proposti b’mod volontarju mill-impriżi kkonċernati, tali ipoteżi x'aktarx tibqa' eċċezzjonali. F’kull każ, hija ma tistax tkun marbuta tagħmel evalwazzjoni parallela għall-finijiet ta' deċiżjoni ipotetika adottata skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 in kwantu tali evalwazzjoni parallela tippreġudika l-għan innifsu ta’ l-Artikolu 9 ta' dan l-istess Regolament f’dak li jikkonċerna l-effettività tal-proċeduri.

81      Hija tikkonkludi dwar dan li, fid-dawl ta’ l-għan u l-istruttura ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, u jekk l-utilità ta’ din id-dispożizzjoni ma tridx tiġi eliminata, l-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli għad-deċiżjonijiet li japplikawh għandu jkun limitat għal verifika tan-nuqqas ta’ ksur manifest tal-prinċipju ta’ proporzjionalità u, iżjed ġeneralment, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ekonomika kumplessa intiża sabiex tiddetermina jekk l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati jipplakawx it-tħassib espress fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari.

82      Il-Kummissjoni ssostni, imbagħad, li f’dan il-każ, id-deċiżjoni mhijiex sproporzjonata u, b’mod partikolari, ma tippreġudikax indebitament l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ Alrosa.

83      L-ewwel nett, ir-rikorrenti m’għandha l-ebda bażi biex issostni li d-deċiżjoni marret lil hinn minn dak li kien meħtieġ billi rendiet vinkolanti l-impenji individwali ta' De Beers. Fil-fatt, ikun żbaljat li jiġi pretiż li l-ftehim innotifikat kien jirriżreva biss nofs il-produzzjoni annwali ta’ Alrosa lil De Beers, billi n-nofs l-ieħor kien fi kwalunkwe każ riżervat għas-suq Russu u billi, fl-istat inizjali tiegħu, il-ftehim kien ikopri għaldaqstant il-produzzjoni annwali kollha destinata għas-suq dinji, imbagħad 36 % li kieku l-impenji kollettivi ġew reżi vinkolanti. Barra minn hekk, dawn il-perċentwali m’għandhomx jiġu kkunsidrati waħedhom iżda fil-kuntest ta’ relazzjoni kummerċjali li ilha stabbilita għal kważi nofs seklu bl-intenzjoni li l-partijiet jirregolaw flimkien il-produzzjoni u l-prezzijiet. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha fir-rigward tal-kontroll tas-suq minn De Beers u l-impossibbiltà għal Alrosa li tikkompeti magħha b’mod sħiħ; li, fit-tieni lok, it-terzi persuni interessati kkonfermaw li kien meħtieġ li tintemm ir-relazzjoni kummerċjali eżistenti bejn dawn il-kumpanniji; u li, fit-tielet lok, De Beers ipproponiet dawn l-impenji unilateralment u b'hekk neħħiet kull tħassib possibbli. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet permezz ta’ rkantijiet pubbliċi hija ġġustifikata fid-dawl tal-prattiċi preċedenti ta’ Alrosa u ta’ De Beers waqt bejgħ ad hoc tat-tip “ willing buyer / willing seller ”. Fi kwalunkwe każ, Alrosa ma rnexxiliex tipprova kif impenji inqas onerużi, bħall-impenji kollettivi preċedentement proposti lill-Kummissjoni, setgħu jkunu suffiċjenti.

84      It-tieni nett, ir-rikorrenti m’għandha l-ebda bażi biex issostni li d-deċiżjoni kkawżatilha inkonvenjenti sproporzjonati meta mqabbla ma’ l-għan imfittex. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet l-interessi tagħha debitament in kunsiderazzjoni billi ħallietha tippreżenta osservazzjonijeit relativi għall-impenji individwali ta’ De Beers u billi pprovdiet fażi tranżitorja intiża sabiex tkun tista’ tadotta sistema ta’ distribuzzjoni alternattiva. Barra minn hekk, f’Settembru ta' l-2003, Alrosa stess ippreżentat impenji lill-Kummissjoni li kienu jipprovdu għall-waqfien komplet u definittiv tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ De Beers. Finalment, l-impossibbiltà li fiha Alrosa tinsab li tikkonkludi kuntratt ma’ De Beers fit-tmiem ta’ din il-fażi tranżitorja mhijiex definittiva, peress li l-proċedura tista’ dejjem tinfetaħ mill-ġdid skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

85      It-tielet nett, ir-rikorrenti m’għandha l-ebda bażi biex issostni li d-deċiżjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward tagħha billi s-sitwazzjoni tagħha fil-konfront ta’ De Beers hija differenti minn dik ta’ fornituri oħra minħabba l-istat tagħha bħala kompetitriċi prinċipali ta’ din l-impriża f’pożizzjoni dominanti, minn naħa, u r-relazzjoni kummerċjali li ilha żżomm għal żmien twil ma' din ta’ l-aħħar min-naħa l-oħra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003

86      Jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 li l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tirrendi vinkolanti l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, ladarba jkunu tali li jipplakaw it-tħassib espress fl-evalwazzjoni preliminari tagħha. Peress li l-proposti ppreżentati mill-impriżi jkunu fihom infushom neqsin minn effett legali vinkolanti, hija d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 biss li jkollha konsegwenzi legali għall-impriżi.

87      Peress li din id-deċiżjoni għandha bħala effett li ttemm il-proċedura ta’ konstatazzjoni u ta’ penalizzazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi aċċettazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ proposta liberament ifformolata minn sħab f’negozjati, iżda tikkostitwixxi miżura vinkolanti li ġġib fi tmiem ksur jew ksur potenzjali, li fiha l-Kummissjoni teżerċita l-prerogattivi kollha mogħtija lilha mill-Artikoli 81 KE u 82 KE, bir-riżerva ta’ din l-unika partikolarità li l-preżentazzjoni tal-proposti ta’ impenji mill-impriżi kkonċernati tiddispensaha milli ssegwi l-proċedura regolamentari imposta mill-Artikolu 85 KE u, b’mod partikolari, milli tagħti prova tal-ksur.

88      Billi tirrendi vinkolanti aġir partikolari ta’ operatriċi fil-konfront ta’ terzi persuni, deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ indirettament tagħti lok għal effetti legali erga omnes li l-impriża kkonċernata ma kinitx tkun kapaċi toħloq waħeda; il-Kummissjoni hija għaldaqstant l-unika awtriċi tagħha, mill-mument li tirrendi l-impenji proposti mill-impriża kkonċernata vinkolanti, u tassumi għaldaqstant ir-responsabbiltà ta’ dawn l-impenji waħeda. M’hi fil-fatt bl-ebda mod marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni, il-proposti ta’ impenji li l-impriżi kkonċernati jippreżentawlha, u a fortiori li teħodhom in kunsiderazzjoni eżattament kif ikunu ġew proposti.

89      Minkejja li r-Regolament Nru 1/2003 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ impriża kkonċernata, jirriżulta mid-dispożizzjonijet tiegħu li din l-espressjoni tkopri l-impriżi li lilhom hu attribwibbli l-aġir in kwistjoni u li jistgħu jiġu ppenalizzati minħabba f’hekk.

90      F’proċedura miftuħa skond l-Artikolu 82 KE, hija għaldaqstant bħala regola kkonċernata dik l-impriża li tinsab f’pożizzjoni dominanti u li l-aġir tagħha jista' jikkostitwixxi abbuż. Li kieku l-interpretazzjoni korretta hija li l-impriżi kollha li jistgħu jiġu affetwati minn impenji komportamentali intiżi sabiex itemmu abbuż ikkonstatat jew mistenni għandhom ikunu assoċjati mal-proposta ta’ impenn peress li jikkostitwixxu impriżi kkonċernati, ikun hemm impossibbiltà prattika li jintuża l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-maġġoranza tas-sitwazzjonijiet li għalihom japplika l-Artikolu 82 KE.

91      Rigward il-perijodu ta’ l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li tirrendi vinkolanti l-impenji, għandu jiġi nnotat li, għalkemm l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li tali deċiżjoni tista’ tiġi adottata għal perijodu determinat, madankollu ma jimponix li jsir hekk. Il-kliem definittiv ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa differenti f'dan ir-rigward, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, minn dak li ġie adottat fl-istadju tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (COM(2000) 582 finali) li kienet tipprovdi li tali deċiżjoni “hija adottata għal perijodu determinat”. B’hek, l-ebda raġuni ta’ prinċipju ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tirrendi vinkolanti impenji għal perijodu indeterminat.

92      Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jsemmix, bid-differenza ta’ l-Artikolu 7(1) tiegħu, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni hija marbuta tosserva dan il-prinċipju meta tadotta deċiżjonijiet abbażi ta’ dan l-Artikolu. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa fil-fatt rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita bħala li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (is-sentenza Fedesa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

93      Il-premessa 34 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi barra minn hekk li, “[b]i qbil mal-prinċipji tas-susidji [sussidjarjetà] u l-proporzjonalità kif stipulat[i] mil[l]-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jmurx l[il] hinn min[n] dak li hu neċessarju sabiex tilħaq il-għan, li hu li tħalli r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità li jiġu applikati b’mod effettiv”.

94      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni taqbel dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għad-deċiżjonijiet adottati skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Hija tqis madankolu li dan il-prinċipju m’għandhux jiġi applikat bl-istess mod fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7(1), u fil-kuntest ta’ l-Artikolu 9(1) ta' l-imsemmi regolament.

95      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, fl-ewwel lok, li l-għan ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa l-istess ta’ dak ta’ l-Artikolu 9(1) u huwa wkoll l-istess bħall-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1/2003 li hu li tiġi assigurata applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat.

96      Biex tilħaq dan il-għan, il-Kummissjoni għandha marġini ta’ diskrezzjoni fl-għażla mogħtija lilha mir-Regolament Nru 1/2003 li tirrendi vinkolanti l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati u li tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament jew li ssegwi l-metodu previst mill-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmi Regolament, li jeżiġi li jiġi kkonstatat ksur.

97      Madankollu, l-eżistenza ta’ din il-marġini ta’ diskrezzjoni rigward l-għażla tal-metodu li għandu jintuża ma teżonerax lill-Kummissjoni mill-obbligu li tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità ladarba din tiddeċiedi li tirrendi vinkolanti l-impenji proposti skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

98      Fit-tieni lok, skond ġurisprudenza stabbilita dwar is-suġġett, il-prinċipju ta' proporzjonalità jitlob li l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju għat-twettiq ta’ l-għanijiet leġittimi mfittxija (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ġunju 1997, Air Inter vs Il-Kummissjoni, T-260/94, Ġabra p. II-997, punt 144, u Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 201), u, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hi l-inqas restrittiva u kull inkonvenjent ikkawżat m'għandux ikun sproporzjonat meta mqabbel ma' l-għanijiet imfittxija (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 21 u tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, C-174/05, Ġabra p. I-2443, punt 28).

99      L-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ miżuri huwa għaldaqstant stħarriġ oġġettiv, fejn in-natura xierqa u n-natura neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ l-għan li l-istituzzjoni tixtieq tikseb. Għad-deċiżjonijiet adottati skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, l-għan huwa li jintemm il-ksur ikkonstatat; għal dawk adottati skond l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, l-għan huwa li jiġi pplakat it-tħassib espress mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tagħha, li jiġġustifika l-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni li teżiġi l-waqfien minn ksur.

100    Fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1), il-Kummissjoni għandha tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, li jimplika definizzjoni preċiża tas-suq rilevanti u, jekk ikun il-każ, ta’ l-abbuż li bih hi akkużata l-impriża in kwistjoni. Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 9(1) ta’ l-istess Regolament, il-Kummissjoni ċertament mhijiex marbuta tipprova formalment l-eżistenza ta’ ksur, kif inhu wara kollox indikat fil-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003, iżda għandha xorta waħda tistabbilixxi r-realtà tat-tħassib rigward il-kompetizzjoni li jiġġustifika l-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni skond l-Artikoli 81 KE u 82 KE u li jippermetti li hija tobbliga lill-impriża kkonċernata tirrispetta ċerti impenji, ħaġa li tippresupponi analiżi tas-suq u identifikazzjoni tal-ksur intenzjonat inqas definittivi milli fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għalkemm din għandha tkun suffiċjenti sabiex tippermetti stħarriġ tan-natura xierqa ta’ l-impenn.

101    Huwa fil-fatt kuntrarju għall-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 li deċiżjoni li, skond l-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmi Regolament għandha tiġi interpretata bħala sproporzjonata għall-ksur ikkonstatat, tista’ tittieħed billi tintuża l-proċedura li jipprovdi l-Artikolu 9(1) taħt il-forma ta’ impenn reż vinkolanti, minħabba li l-ksur ma jistax jiġi formalment ipprovat f’dan il-kuntest.

102    Diġà ġie deċiż, abbażi ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, li l-pieni imposti fuq l-impriżi, sabiex itemmu ksur tad-dritt Komunitarju, m’għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex, jiġifieri ritorn għal-legalità fir-rigward tar-regoli li, f’dan il-każ, ġew ivvjolati (is-sentenza RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93). L-istess interpretazzjoni għandha tingħata għal dak li jikkonċerna l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li tuża kliem simili ħafna għal dak ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17.

103    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma taqbeż is-setgħat mogħtija lilha kemm mir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE kif ukoll mir-Regolament Nru 1/2003, tadotta abbażi ta’ l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, deċiżjoni li tipprojbixxi b’mod assolut kull relazzjoni kummerċjali futura bejn żewġ impriżi sakemm tali deċiżjoni ma tkunx meħtieġa biex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-ksur (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, Ġabra p. II‑2223, punti 51 u 52).

104    L-ebda kunsiderazzjoni rilevanti bbażata fuq id-differenza bejn l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 ma tippermetti li wieħed jasal għal konklużjoni oħra f’dak li jikkonċerna l-limiti li għandhom jiġu imposti fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li tadotta miżuri vinkolanti skond l-Artikolu 9(1) ta' l-imsemmi Regolament.

105    Fit-tielet lok, in-natura volontarja ta’ l-impenji lanqas ma teżonera lill-Kummissjoni mill-ħtieġa li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrendihom vinkolanti. Il-fatt li impriża tqis, għal raġunijiet tagħha stess, li huwa opportun li f’ċertu mument tippreżenta ċerti impenji ma jfissirx li dawn l-impenji huma fil-fatt meħtieġa.

106    Barra minn hekk, taħt is-sistema tar-Regolament il-qadim Nru 17, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’ċerti ċirkustanzi , l-obbligi li joħloq impenn fuq il-partijiet jistgħu jiġu mqabbla ma' inġunzjonijiet għal waqfien minn ksur (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85, sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 181). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi jidħlu għal tali impenn, l-impriżi kkonċernati sempliċiment jaċċettaw, għal raġunijiet personali tagħhom, deċiżjoni li l-Kummissjoni kellha l-kompetenza li tieħu unilateralment (is-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 181).

107    Il-fatt li l-impenji jiġu proposti minn impriża ma jillimitax għaldaqstant l-istħarriġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita fir-rigward tal-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrendihom vinkolanti.

108    Fl-aħħar lok, il-livell ta’ stħarriġ li tagħmel il-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ l-analiżi li tkun saret mill-Kummissjoni abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat jiddependi mill-eżistenza, f’kull deċiżjoni kkunsidrata, ta’ marġini ta’ diskrezzjoni ġustifikata mill-kumplessità tar-regoli ta’ natura ekonomika li għandhom jiġu implementati. Jekk jittieħed in kunsiderazzjoni l-effett tad-deċiżjonijiet meħuda skond l-Artikoli 81 KE u 82 KE fuq il-libertajiet ekonomiċi fundamentali ggarantiti mit-Trattat, il-każijiet li jinvolvu stħarriġ limitat għandhom ikunu ristretti għal dawk fejn id-deċiżjoni kkontestata tistrieħ fuq evalwazzjoni ekonomika kumplessa, ħlief fl-oqsma, bħal dak tal-konċentrazzjonijiet, fejn l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali hija essenzjali għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-istituzzjoni regolatorja (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punti 38 sa 40).

109    Fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, hija ċertament ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni għandha marġini ta’ diskrezzjoni wiesgħa biex tevalwa l-ħtieġa li tikseb impenji biex tneħħi d-dubji serji li jirriżultaw minn ċertu operazzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, ARD vs Il-Kummissjoni, T-158/00, Ġabra p. II-3825, punti 328 u 329). L-istħarriġ limitat għall-iżball manifest li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita f’dan il-qasam huwa ġġustifikat min-natura prospettiva ta’ l-analiżi ekonomika magħmula mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tikkonkludi li l-operazzjoni in kwistjoni mhijiex se toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 163).

110    Min-naħa l-oħra, l-analiżi li l-Kummissjoni hija mitluba tagħmel fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa skond ir-Regolament Nru 1/2003 tirrigwarda, kemm f’każ ta’ deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 7(1) kif ukoll f’każ ta’ deċiżjoni adottata skond skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, prattika eżistenti. Dan il-fatt ċertament ma jeskludix li jkunu meħtieġa evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, iżda ma jippermettix li fin-nuqqas tagħhom l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jkun f'kull każ limitat għal żball manifest ta’ evalwazzjoni.

111    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li, f'dan il-każ, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk il-miżuri reżi vinkolanti mid-deċiżjoni kinux xierqa u neċessarji sabiex jitwaqqaf l-abbuż identifikat fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni.

–       Fuq il-konformità tad-deċiżjoni mal-prinċipju ta' proporzjonalità

112    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' proporzjonalità jitlob li l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju għall-kisba ta’ l-għan imfittex, filwaqt li, meta jkun hemm possibiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenti li jinħolqu m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ l-għanijiet imfittxija (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Federa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, u ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑180/00, Ġabra p. I‑6603, punt 103).

113    L-għan imfittex mill-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni għandu jinsab fl-evalwazzjoni preliminari, li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet mibgħuta lil De Beers skond l-Artikolu 82 KE. Skond din l-evalwazzjoni, il-ftehim innotifikat jimpedixxi lil Alrosa milli topera bħala fornitriċi indipendenti fis-suq tad-djamanti mhux maħduma u jelimina għaldaqstant sors ta’ provvista għall-klijenti potenzjali. Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis il-ftehim bħala wieħed li jwassal għal distribuzzjoni esklużiva għall-benefiċċju ta' De Beers, u potenzjalment jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti.

114    B’hekk l-abbuż identifikat fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni huwa kkostitwit mill-ftehim innotifikat, li l-konklużjoni tiegħu min-naħa ta’ De Beers huwa ppreżentat bħala abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jingħad li s-sempliċi fatt li l-partijiet ma ġewx permessi jimplementaw dan il-ftehim, fil-kuntest tal-proċedura miftuħa skond l-Artikolu 81 KE, kien suffiċjenti sabiex jinġab fi tmiem l-abbuż eventwali.

115    Madankollu, u anki jekk l-oġġezzjonijiet imsemmija fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet skond l-Artikolu 82 KE jikkonċernaw biss il-ftehim innotifikat, jista’ jiġi rrilevat li t-tħassib espress mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni jirrigwarda wkoll is-sitwazzjoni żvelata mill-ftehim innotifikat, jiġifieri, iktar preċiżament l-eżistenza ta’ relazzjonijiet li ilhom jeżistu għal żmien twil bejn il-partijiet, li l-ftehim innotifikat jiżgura t-tkomplija tagħhom.

116    Għaldaqstant, il-punt 28 tad-deċiżjoni jindika “[…] il-prattiċi eżaminati li jippreżentaw problemi, minħabba l-pożizzjoni dominanti u r-rwol ta’ market maker ta’ De Beers, jirriżultaw mir-relazzjoni kummerċjali bejn din il-kumpannija u l-iżjed kompetitriċi importanti tagħha, Alrosa, fid-dawl tal-kuntest storiku tagħha. Jirriżulta mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni li De Beers u Alrosa ilhom żmien twil li stabbilew relazzjonijiet kummerċjali sabiex jirregolaw flimkien il-volum, il-varjetà u l-prezzijiet tad-djamanti mhux maħduma mibjugħin fis-suq globali. Jidher li l-bażi għax-xiri llum il-ġurnata baqgħet l-istess u tikkostitwixxi waħda mill-elementi prinċipali tar-rwol ta’ De Beers bħala market maker”.

117    Jista’ għaldaqstant jiġi kkunsidrat li l-ftehim innotifikat kien ikkunsidrat fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari bħala s-sors tat-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni mhux biss bħala tali, f’liema każ kull użu ta’ l-Artikolu 82 KE ma jkunx xieraq, iżda minħabba li jsaħħaħ u jipperpetwa relazzjonijiet kummerċjali preeżistenti, fihom infushom meqjusa bħala abużivi.

118    Skond il-punt 46 tad-deċiżjoni, l-ewwel raġuni għat-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prattiċi eżaminati fil-proċedura relativa għall-Artikolu 82 KE “tirrigwarda l-fatt li De Beers setgħet issaħħaħ jew iżżomm il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tnaqqas l-aċċess għal sors vijabbli ta’ provvista ta’ djamanti mhux maħduma għall-klijenti potenzjali u billi twaqqaf lit-tieni kompetitriċi [Alrosa] milli tikkompeti magħha b’mod sħiħ”.

119    B’hekk, l-għan tal-Kummissjoni billi rendiet vinkolanti l-impenji individwali ta’ De Beers kien li ttemm prattiċi li jimpedixxu lil Alrosa milli ssir kompetitriċi effettiva fis-suq in kwistjoni u tiftaħ l-aċċess għal terzi persuni għal sors alternattiv ta’ provvista.

120    Għaldaqstant, in-neċessità tad-deċiżjoni għandha tiġi kkunsirata fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ għanijiet.

121    Mill-punt 47 tad-deċiżjoni jirriżulta li l-impenji individwali ta' De Beers kienu suffiċjenti biex jipplakaw it-tħassib espress fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tagħha, ħaġa li r-rikorrenti ma tikkontestax. Jeħtieġ madankollu li jiġi eżaminat jekk l-impenji individwali ta' De Beers reżi vinkolanti mid-deċiżjoni jissoddisfawx ukoll il-kriterju tan-neċessità, anki jekk il-konklużjoni tad-deċiżjoni ma tittrattax dan l-aspett tal-proporzjonalità tal-miżura.

122    F’dan ir-rigward, kif ġie osservat preċedentement, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ l-atti tal-Kummissjoni li jimplikaw evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi huwa limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukol għall-verifika ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 279).

123    Sabiex, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ twettaq stħarriġ limitat biss għall-kwistjoni tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni, jeħtieġ li hija tkun f’pożizzjoni li tikkonstata li l-Kummissjoni għamlet l-evalwazzjoni tagħha abbażi ta' analiżi ekonomika kumplessa li ppermettitilha tikkonkludi li l-impenji reżi vinkolanti kienu neċessarji sabiex jiġi pplakat it-tħassib espress fl-evalwazzjoni preliminari tagħha.

124    B’hekk, kemm fir-risposta tagħha kif ukoll waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li seta' kien hemm xi differenzi, bejn l-impenji kollettivi u l-impenji individwali ta' De Beers, iżda li l-idetifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-impenji reżi vinkolanti kienet tirrikjedi evalwazzjoni ekonomika kumplessa li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż li jevita. Il-Kummissjoni sostniet ukoll li, fid-dawl tad-diffikoltà li jiġu ddeterminati soluzzjonijiet alternattivi, hija kienet waslet għall-konklużjoni li projbizzjoni totali kienet tirrappreżenta l-unika soluzzjoni xierqa sabiex jiġi pplakat it-tħassib inizjali li kellha.

125    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi ekonomika kumplessa li tiġġustifika limitazzjoni ta' l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tad-deċiżjoni u li hija bbażat il-pretensjoni tagħha li għandu jsir stħarriġ limitat biss fuq il-partikolaritajiet ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, kif ġie osservat fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, għalkemm l-Artikolu 9 ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tippreżenta l-prova tal-ksur investigat fil-proċedura, ma jfissirx li m’għandhiex tgħaqqad biżżejjed elementi analitiċi sabiex ikun jista' jsir stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-proporzjonalità tal-miżura adottata.

126    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li d-deċiżjoni hija vvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni li, barra minn hekk, huwa manifest. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar miċ-ċirkustanzi tal-każ li soluzzjonijiet oħra inqas restrittivi mill-projbizzjoni permanenti ta’ tranżazzjonijiet bejn De Beers u Alrosa kienu possibbli biex jintlaħaq l-għan tad-deċiżjoni, li d-determinazzjoni tagħhom ma kinitx tippreżenta diffikultajiet tekniċi partikolari u li l-Kummissjoni ma setgħetx ma teżaminahomx.

127    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar fl-ewwel lok, li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li impriża li tinsab f’pożizzjoni dominanti fis-suq, torbot – anki jekk fuq talba tagħhom – numru ta’ xerrejja b’obbilgu jew wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli minnhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostitwixxi użu abużiv minn pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82 KE (is-sentenza Hoffmann-Laroche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89). Li kieku kellha tiġi applikata għal xerrej f’pożizzjoni dominanti, din il-ġurisprudenza tfisser li l-fatt, għal De Beers, li tirriżerva għaliha nfisha l-produzzjoni kollha ta’ Alrosa esportata barra mill-KSI, anki bil-kunsens ta’ din ta’ l-aħħar, jista’ jikkostitwixxi abbuż fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħhom.

128    L-iktar soluzzjoni xierqa, prima facie, biex jintemm abbuż ta’ dan it-tip għaldaqstant kienet li jiġi pprojbit lill-partijiet li jikkonkludu kull ftehim li jippermetti lil De Beers tirriżerva għaliha nfisha t-totalità, jew anki parti sostanzjali, tal-produzzjoni ta’ Alrosa esportata barra mill-KSI, sabiex din ta’ l-aħħar issib mill-ġdid l-indipendenza tagħha fis-suq u sabiex l-aċċess ta' terzi persuni għal sors ta’ provvista alternattiv jiġi ggarantit, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi pprojbit kull xiri min-naħa ta’ De Beers tad-djamanti prodotti minn Alrosa.

129    Fit-tieni lok, impenji kollettivi ġew proposti minn De Beers u Alrosa f'Diċembru ta' l-2004 u l-Kummissjoni baqgħet ma spjegatx b'liema mod ma kinux idonei biex jipplakaw it-tħassib espress fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tagħha.

130    Ċertament, il-Kummissjoni qatt m’hi marbuta, taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li tiddeċiedi li tirrendi vinkolanti xi impenji pjuttost milli taġixxi skond l-Artikolu 7 ta’ l-istess regolament. Għaldaqstant, hija mhijiex marbuta tipprovdi r-raġunijiet għalfejn l-impenji ma kinux, fil-fehma tagħha, adattati biex jiġu reżi vinkolanti b’mod li tingħalaq il-proċedura.

131    Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob mill-istituzzjoni, ladarba jeżistu miżuri inqas restrittivi minn dawk li hija għandha l-intenzjoni tirrendi vinkolanti, u tkun taf bihom, li teżamina l-idoneità tagħhom biex jipplakaw it-tħassib li jiġġustifika l-azzjoni tagħha, qabel ma tagħżel, jekk dawn jirriżultaw mhux idonei biżżejjed, l-alternattiva iktar restrittiva.

132    L-impenji kollettivi proposti f’Diċembru ta' l-2004 minn De Beers u Alrosa, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu proċedurali teħodhom in kunsiderazzjoni, la fid-deċiżjoni tagħha u lanqas fil-motivazzjoni tagħha, kienu jikkostitwixxu madankollu miżura inqas restrittiva minn dik li hija ddeċidiet li tirrendi vinkolanti u l-eżami tagħha f’dan ir-rigward huwa rilevanti f’dak li jikkonċerna l-kontroll tal-proporzjonalità.

133    B’hekk, safejn, minn naħa, fetħu progressivament l-aċċess lil terzi persuni għall-produzzjoni ta’ Alrosa, u, min-naħa l-oħra, taw lil din ta’ l-aħħar iż-żmien neċessarju sabiex tiżviluppa s-sistema tagħha ta’ distribuzzjoni ta’ djamanti mhux maħduma, u għaldaqstant li ssir kompetitriċi effettiva ta’ De Beers, dawn l-impenji kollettivi setgħu, prima facie, ikunu idonei biex jipplakaw it-tħassib espress mill-Kummissjoni.

134    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata fil-fatt li, għall-perijodu 2005-2009, l-impenji kollettivi kienu jipprovdu għal tnaqqis sostanzjali fil-kwantità ta’ djamanti rriżervati minn Alrosa għal De Beers, li niżlet minn valur ta' USD 700 000 000 fl-2005 għall-valur ta' USD 275 000 000 mill-2009. Għaldaqstant mill-2009, Alrosa kienet tipprovdi lil De Beers b’35 % biss tal-kwantità li kienet bigħetilha fl-2004. De Beers kienet għaldaqstant diffiċilment tista’ tinfluwenza l-prezzijiet iffissati minn Alrosa, billi iktar minn żewġ terzi tad-djamanti esportati minn din ta’ l-aħħar bara mill-KSI kienu jinbigħu bi prezz iddeterminat wara negozjati ma’ terzi persuni. Li kieku kellu għaldaqstant jitqies li De Beers u Alrosa xtaqu jikkoordinaw il-politika tal-prezzijiet tagħhom, l-implementazzjoni ta' tali koordinazzjoni kienet tkun diffiċilment konċepibbli, peress li, f'każ ta' rifjut minn terzi persuni milli jixtru bil-prezz miftiehem miż-żewġ impriżi, Alrosa ma kinitx tkun tista’ teħles mill-prodotti tagħha mhux mibjugħin billi tbigħhom lil De Beers. L-impenji kollettivi kienu għaldaqstant jagħtu lil terzi persuni aċċess effettiv għal sors alternattiv u indipendenti ta’ provvista.

135    Tnaqqis progressiv fuq ħames snin tal-kwantità mibjugħa lil De Beers, b’limitazzjoni tal-bejgħ għal valur massimu ta’ USD 275 000 000 mill-2009, kien jippermetti wkoll lil Alrosa tistabbilixxi s-sistema tagħha ta’ distribuzzjoni barra mill-KSI, mingħajr liema ma kinitx tista’ tistabbilixxi lilha nfisha bħala kompetitriċi effettiva ta’ De Beers. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota madankollu li fil-punt 47 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-perijodu ta’ tranżizzjoni mill-2006 sa l-2008, jiġifieri tliet snin, kien meħtieġ sabiex Alrosa ġġib fis-seħħ “sistema ta’ distribuzzjoni kompetittiva għall-kwantitajiet ta’ djamanti preċedentement mibjugħa minn De Beers”. Il-Kummissjoni ma tispjegax madankollu kif tali perijodu seta' kien suffiċjenti għal dan il-għan, meta f’Settembru ta’ l-2003 Alrosa informat lill-Kummissjoni li kellha bżonn ta’ perijodu ta’ tmien snin sabiex iġġib fis-seħħ sistema ta’ distribuzzjoni effettiva u li kien biss mill-2012 li hija qieset li kienet se tkun tista' twaqqaf kull bejgħ ta’ djamanti mhux maħduma lil De Beers, kif jirriżulta mid-dokumenti annessi mar-rikors.

136    Barra minn hekk, jista' jiġi nnotat li, fit-3 ta’ Ġunju 2005, data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tal-komunikazzjoni relativa għall-impenji kollettivi, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, b’riżerva għar-riżultati tal-konsultazzjoni tas-suq, tirrendi vinkolanti l-imsemmija impenji. Il-Kummissjoni kkunsidrat għaldaqstant li dawn l-impenji kienu, prima facie, jipplakaw it-tħassib li kienet esprimiet fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tagħha.

137    Fit-tielet lok, li kieku kellu jitqies li l-impenji kollettivi ma kinux tali li jipplakaw it-tħassib inizjali tal-Kummissjoni, l-adattazzjoni tagħhom ukoll setgħet tgħin biex jiġu riżolti l-problemi relativi għall-kompetizzjoni li rriżultaw mill-ftehim innotifikat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi impost fuq il-partijiet l-obbligu li jtemmu b’mod definittiv kull relazzjoni kummerċjali mill-2009.

138    Setgħet b’mod partikolari tiġi kkunsidrata l-emenda, issuġġerita mir-rikorrenti fl-ittra tagħha mibgħuta lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Frar 2006, li kienet tikkonsisti fil-farr li tiġipermessa tbigħ, permezz ta’ bejgħ bl-irkant lil De Beers, djamanti għal valur annwali massimu ta’ USD 275 000 000. Din l-emenda kienet tippermetti, minn naħa, li terzi persuni jkollhom aċċess sħiħ għall-produzzjoni ta’ Alrosa u, min-naħa l-oħra, lil din ta’ l-aħħar sabiex tibqa’ tbigħ kwantità limitata lill-ikbar xerrej fis-suq fuq bażi ad hoc.

139    Il-Kummissjoni m’għandhiex ċertament tissostitwixxi ruħha għall-partijiet biex temenda l-impenji li dawn jipproponu skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex dawn l-impenji jipplakaw it-tħassib imsemmi fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni preliminari tagħha. Madankollu, xejn ma jipprojbiha milli tirrendi vinkolanti biss parti mill-impenji proposti jew sa ċertu punt. Jidher barra minn hekk li f’dan il-każ, fil-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni kienet issuġġeriet lill-partijiet emendi għall-impenji kollettivi. Fil-fatt, f’din l-okkażżjoni, hija kienet ħabbritilhom l-intenzjoni tagħha li tieħu deċiżjoni, bbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, li kienet tipprojbilhom kull relazzjoni kummerċjali mill-2009 jekk ma jipproponux impenji f’dan is-sens sa l-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2005.

140    Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tissuġġerixxi legalment lill-partijiet sabiex jipproponulha impenji li jeċċedu deċiżjoni li hija setgħet tadotta skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, f’dan il-każ, deċiżjoni adottata skond din l-aħħar dispożizzjoni li timponi lil De Beers l-obbligu li ttemm mill-2009, għal żmien indeterminat, kull relazzjoni kummerċjali diretta jew indiretta ma’ Alrosa teċċedi manifestament dak li l-Kummissjoni setgħet timponi filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl ta’ l-għan imfittex.

141    Huma biss ċirkustanzi eċċezzjonali, li ma ġewx identifikati fid-deċiżjoni u li ma jirriżultawx mill-fajl, li jistgħu fil-fatt jiġġustifikaw li deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tipprojbixxi lil impriżi b’mod assolut u definittiv milli jistabbilixxu relazzjonijiet kuntrattwali bejniethom. Ċertament, fil-każ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva ta’ l-impriżi kkonċernati, ma jistax jiġi eskluż li l-projbizzjoni pura u sempliċi ta’ kull tranżazzjoni bejniethom tista’ tkun l-uniku mezz għall-prevenzjoni ta’ l-abbużi. Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni tat x’tifhem fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet nnotifikata lill-partijiet skond l-Artikolu 81 KE li bejn Alrosa u De Beers seta’ kien hemm oligopolija, l-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni hija bbażata biss fuq il-pożizzjoni dominanti ta’ De Beers u mhux fuq pożizzjoni dominanti eventwali kollettiva taż-żewġ impriżi. Kemm fir-risposta tagħha kif ukoll waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li d-deċiżjoni kellha tinftiehem f’dan is-sens.

142    Barra minn hekk, il-paragun li tagħmel il-Kummissjoni bejn l-impenji proposti mir-rikorrenti f’Settembru ta’ l-2003, l-impenji kollettivi u l-impenji reżi vinkolanti mhuwiex biżżejjed biex tintwera n-natura neċessarja ta’ dawn ta’ l-aħħar, ladarba n-neċessità tal-projbizzjoni imposta, f’dan il-każ, taħt il-forma ta' impenji reżi vinkolanti għandha tiġi evalwata oġġettivament, fid-dawl ta' l-għan imfittex mill-Kummissjoni.

143    F’dak li jikkonċerna l-impenji proposti mir-rikorrenti f’Settembru ta' l-2003, li l-Kummissjoni tistrieħ fuqhom biex tiġġustifika l-proporzjonalità tal-miżura, huwa veru li dawn jipproponu li jkun hemm waqfien komplet u għal żmien illimitat tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ De Beers. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, minn naħa, li dawn l-impenji jipprovdu għal dan il-waqfien ta’ relazzjonijiet kummerċjali mill-2013 u mhux mill-2009, li jħalli erba’ snin supplementari lil Alrosa biex tiżviluppa sistema ta’ distribuzzjoni barra mill-KSI li tippermettilha tbigħ il-volum ta’ djamanti mhux maħduma preċedentement mibjugħ lil De Beers. L-implementazzjoni ta’ din is-sistema kienet manifestament neċessarju biex terzi persuni jkollhom il-possibbiltà jaċċedu għall-produzzjoni ta’ Alrosa u biex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tikkompeti b'mod sħiħ ma’ De Beers. Min-naħa l-oħra, Alrosa rtirat dawn l-impenji, minħabba li ma kinux vijabbli mill-aspett ekonomiku. Fl-aħħar nett, il-fatt li impriża pproponiet impenji f’mument partikolari, għar-raġunijiet tagħha stess, ma jfissirx li jista' jiġi presuppost li huma proporzjonali u ma jeħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu li tivverifikat l-adegwatezza tagħhom u n-neċessità tagħhom fid-dawl ta’ l-għan imfittex. Għaldaqstant, il-fatt li Alrosa pproponiet f’Settembru ta’ l-2003 ċertu impenji huwa rrilevanti għal-legalità tad-deċiżjoni.

144    Rigward l-impenji kollettivi proposti mill-partijiet f’Diċembru ta' l-2004, il-Kummissjoni tiddeskrivihom bħala insuffiċjenti, minħabba li, jekk De Beers kienet awtorizzata tkompli tixtri djamanti mhux maħduma minn Alrosa għall-valur ta’ USD 275 000 000 fis-sena, dan seta’ jimpedixxi lil din ta’ l-aħħar milli tikkompeti magħha billi ż-żewġ terzi li fadal tal-produzzjoni tagħha intiżi għall-esportazzjoni jagħmulha iżjed diffiċilment għal Alrosa li tipproponi provvista regolari ta’ selezzjoni wiesgħa ta’ djamanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li De Beers tista’ tkompli tuża d-djamanti ta’ Alrosa biex tkompli teżerċita r-rwol tagħha ta’ “market maker”.

145    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata madankollu li l-uniku element ippreżentat mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-affermazzjoni li l-kapaċità ta’ Alrosa li tipprovdi varjetà wiesgħa ta’ djamanti kienet tonqos li kieku kwantità massima annwali ta’ valur ta' USD 275 000 000 kellha tibqa’ tiġi mibjugħa lil De Beers, huwa riferenza għall-punt 70 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ppreżentata skond l-Artikolu 81 KE. Skond dan il-punt “De Beers […] għandha vantaġġ kunsiderevoli fuq il-kompetituri tagħha, mhux biss minħabba d-daqs tagħha, iżda wkoll minħabba li tista’ tiggarantixxi l-aħjar uniformità fil-provvista [ta’ djamanti mhux maħduma] lill-klijenti tagħha. Dan jista' jiġi spjegat mill-fatt li hija għandha aċċess għall-produzzjoni ta’ numru ikbar ta’ mini li jipproduċu varjetà iżjed wiesgħa ta’ djamanti mhux maħduma u hija l-unika produttriċi li għandha riżervi kbar”. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tipprovax kif Alrosa ma tistax tiżgura provvista regolari ta’ kwantitajiet importanti ta’ djamanti mhux maħduma jekk tkompli tipprovdi kwantità limitata minnhom lil De Beers.

146    Barra minn hekk, anki f'każ li l-bejgħ lil De Beers ta’ kwantità limitata ta’ djamanti kien jippermetti lil din ta’ l-aħħar iżżomm jew issaħħaħ ir-rwol tagħha bħala market maker, u għaldaqstant il-pożizzjoni dominanti tagħha, ma jkunx neċessarjament ġie stabbilit ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Billi l-għan ta’ l-Artikolu 82 KE mhuwiex li jiġu pprojbiti l-pożizzjonijiet dominanti iżda biss l-abbuż tagħhom, il-Kummissjoni ma tistax teżiġi li impriża dominanti tastjeni milli tagħmel xiri li jippermettilha żżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq, jekk f’din is-sitwazzjoni hija ma tirrikorrix għal metodi inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalkemm impriża li għandha din il-pożizzjoni għandha responsabbiltajiet partikulari (is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57), dawn ma jistgħux jagħtu lok għal rekwiżit li tiġi kkontestata l-eżistenza stess tal-pożizzjoni dominanti.

147    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni timponi fuq il-partijiet l-obbligu li jtemmu kull relazzjoni kummerċjali, bl-intenzjoni evidenti li jiddgħajjef ir-rwol ta’ market maker ta’ De Beers.

148    Id-deċiżjoni timponi wkoll de facto lil Alrosa, li mhijiex suġġetta għall-proċedura miftuħa skond l-Artikolu 82 KE, l-obbligu li tbiddel kunsiderevolment l-organizzazzjoni u l-attività tagħha biex tkun tista’ tikkompeti ma' De Beers barra mill-KSI, u dan fi żmien tliet snin.

149    Il-Kummissjoni timponi għaldaqstant fuq operatriċi li mhijiex direttament ikkonċernata mill-proċedura miftuħa skond l-Artikolu 82 KE l-obbligu li tbiddel l-istruttura tas-suq tal-produzzjoni u l-provvista tad-djamanti mhux maħduma, liema miżura teċċedi s-setgħat li l-Kummissjoni għandha skond din id-dispożizzjoni.

150    Il-Kummissjoni ssostni fl-aħħar nett li l-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet permezz ta’ rkantijiet pubbliċi hija ġġustifikata fid-dawl tal-prattiċi preċedenti ta’ Alrosa u ta’ De Beers waqt bejgħ ad hoc (tat-tip “willing buyer/willing seller ”). Hija ssostni li huwa leġittimu li tqum il-biża’ li dan il-bejgħ jippermetti lill-partijiet jibqgħu jimplementaw il-ftehim innotifikat, billi l-kwantitajiet mibjugħin f’din l-okkażjoni jkunu jistgħu jikkorrispondu għall-kwantitajiet previsti mill-imsemmi ftehim.

151    F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li De Beers u Alrosa seta’ kellhom l-intenzjoni li jżommu b’mezzi abużivi l-valur tat-tranżazzjonijiet previsti mill-ftehim innotifikat, il-Kummissjoni ma kintix nieqsa minn mezzi biex tieħu l-miżuri meħtieġa fil-konfront tagħhom biex tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ terġa tiftaħ il-proċeduri jekk l-impriżi kkonċernati jaġixxu bi vjoalzzjoni ta' l-impenji tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2) ta' l-istess Regolament jagħtiha l-possibbiltà li tippenalizza lill-impriżi li ma jirrispettawx l-impenji reżi vinkolanti skond l-Artikolu 9 ta' l-imsemmi Regolament.

152    Barra minn hekk, f'każ li l-bejgħ ad hoc bejn De Beers u Alrosa jippermetti lil De Beers iżżomm jew issaħħaħ ir-rwol tagħha ta’ market maker, dan l-effett ma jiksirx per se r-regoli tal-kompetizzjoni safejn dan il-bejgħ isir abbażi tal-prinċipju ta’ l-aħjar offerent.

153    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma taċċettax għaldaqstant l-argument li l-possibbiltà mogħtija lil Alrosa li tbigħ lil De Beers ċertu kwantità ta’ djamanti fl-okkażjoni ta’ bejgħ bl-irkant neċessarjament tipperikola l-kisba ta’ l-għanijiet imfittxija mill-Kummissjoni. Dan il-bejgħ kien jippermetti, minn naħa, lil terzi persuni biex ikollhom aċċess għall-produzzjoni ta’ Alrosa fl-istess kundizzjonijiet bħal De Beers, u, min-naħa l-oħra, lil Alrosa biex tbigħ lix-xerrejja l-iżjed importanti fis-suq. Peress li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-kriterji differenti mill-kwalità ta’ l-offerta ta' xiri ttieħdu in kunsiderazzjoni minn Alrosa waqt bejgħ bl-irkant li effettivament seħħ, l-argument dwar trattament preferenzjali li minnu allegatament ibbenefikat De Beers waqt dan il-bejgħ m'għandux jiġi aċċettat. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Frar 2006, li ċertament intbagħtet lill-Kummissjoni wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentazzjoni ta’ l-impenji l-ġodda, Alrosa pproponiet li tillimita l-valur tad-djamanti mibjugħa lil De Beers waqt bejgħ bl-irkant għal USD 275 000 000. Din il-limitazzjoni kellha almenu tnaqqas ir-riskji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni allegati mill-Kummissjoni.

154    Minn dan jirriżulta li soluzzjonijiet alternattivi inqas restrittivi għall-impriżi mill-projbizzjoni totali tat-tranżazzjonijiet kienu jeżistu f’dan il-każ u l-Kummissjoni ma setgħetx tonqos milli teħodhom in kunsiderazzjoni billi tinvoka l-allegata diffikoltà tad-determinazzjoni tagħhom.

155    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni dwar in-natura mhux definittiva tad-deċiżjoni, minħabba l-possibbiltà li l-proċeduri jinfetħu mill-ġdid, skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li din il-possibbiltà teżisti fi tliet każijiet: fejn hemm bidla materjali f’wieħed mill-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni; fejn l-impriża kkonċernata tivvjola l-impenn li tkun ħadet; fejn id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni inkompleta, inkorreta jew qarrieqa. Peress li s-sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw ftuħ mill-ġdid tal-proċedura huma elenkati b'mod eżawrjenti, Alrosa tista’ titlob ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri biss għal raġunijiet bħal dawk indikati fir-rikors tagħha, b’mod partikulari minħabba l-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tuża d-diskrezzjoni tagħha biex tirrifjuta ftuħ mill-ġdid. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi aċċettat.

156    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ġustament issostni, minn naħa, li l-projbizzjoni ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali bejn De Beers u hija stess għal żmien indeterminat teċċedi b’mod ċar dak li kien neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex u, min-naħa l-oħra, li soluzzjonijiet oħra, proporzjonali għal dan il-għan, kienu jeżistu. L-użu tal-proċedura li tippermetti li jiġu reżi vinkolanti l-impenji proposti minn impriża kkonċernata ma jeħilsux lill-Kummissjoni milli tapplika l-prinċipju ta' proporzjonalità li jitlob verifika in concreta tal-vijabbiltà ta’ dawn is-soluzzjonijiet intermedjarji.

157    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta' proporzjonalità huwa fondat u d-deċiżjoni għandha tiġi annullata għal dan il-motiv biss.

158    Madankollu, fid-dawl tas-setgħat l-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jannullaw deċiżjonijiet adottati abbażi ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, jeħtieġ ukoll, f'dan il-każ, li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt li l-partijiet jinstemgħu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt li l-partijiet jinstemgħu

 Argumenti tal-partijiet

159    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tad-dritt li tinstema' peress li l-Kummissjoni, minn naħa, ma informathiex dwar ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tikkunsidra, fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati mit-terzi persuni interessati, li l-impenji kollettivi ma kinux tali li jipplakaw it-tħassib tagħha, u, min-naħa l-oħra, ma tathiex il-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward.

160    In sostenn ta’ dan il-motiv, hija tesponi l-ewwel nett li d-dritt li tinstema’, kif inhu ggarantit fil-kuntest ta’ proċedura li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni, jimponi żewġ obbligi fuq il-Kummissjoni. Dan id-dritt, li jista' jiġi eżerċitat minn kull persuna qabel ma miżura individwali li taffetwaha sfavorevolment tittieħed fil-konfront tagħha, kif ifakkar l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea pproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1), jimplika fil-fatt li l-persuni interessati għandhom, qabel ma tiġi adottata l-miżura, jingħataw l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-oġġezzjonijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tqis li għandha tipproċedi kontrihom u li, f’dan ir-rigward, jiġu informati dwar l-elementi ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati dawn l-oġġezzjonijiet (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429) u l-konklużjonijiet li tnissel minnhom il-Kummissjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Hüls vs Il-Kummissjoni, T‑9/89, Ġabra p. II‑499, punt 38).

161    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li t-tħassib espress mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni huwa differenti minn dak espress preċedentement minn din l-istituzzjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, kif l-evalwazzjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti.

162    Għall-ewwel, il-Kummissjoni esprimiet fil-fatt tħassib fir-rigward ta’ żewġ punti. Kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet rigward l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE u l-komunikazzjoni fil-qosor, hija osservat, minn naħa, li l-ftehim jidher li kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba li kien jirriżerva nofs il-produzzjoni ta’ Alrosa lil De Beers u kien inaqqas bl-istess ammont il-possibbiltà għal Alrosa li taġixxi bħala kompetitriċi indipendenti fis-suq. Il-Kummissjoni indikat, min-naħa l-oħra, li jidher li kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti minħabba li kien iċaħħad lill-klijenti ta’ De Beers milli jkollhom aċċess għal provvista alternattiva u kien isaħħaħ is-setgħa ta’ De Beers fis-suq għad-dannu tal-kompetitriċi prinċipali tagħha. Huwa fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni preliminari li r-rikorrenti u De Beers ipproponew l-impenji kollettivi, li l-Kummissjoni inizjalment kellha l-intenzjoni li tirrendi vinkolanti.

163    Sussegwentement, il-Kummissjoni biddlet l-analiżi tagħha. Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet ippreżentati mit-terzi persuni interessati bħala risposta għall-komunikazzjoni fil-qosor, li semmew sitt motivi oħra ta’ tħassib fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija sostniet fil-fatt fil-premessi 41 u 42 tad-deċiżjoni li, filwaqt li ma jiżvelaw ebda tħassib ġdid rilevanti, dawn l-osservazzjonijiet, kif ukoll l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni stess, wassluha biex tiddeċiedi definittivament li l-impenji kollettivi ma kinux tali li jipplakaw it-tħassib tagħha.

164    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-Kummissjoni li kellha tagħtiha l-opportunità tinstema’ mhux biss rigward l-osservazzjonijiet ippreżentati mit-terzi persuni interessati, iżda wkoll rigward l-analiżi li abbażi tagħha hija qieset sussegwentement li l-impenji kollettivi kienu insuffiċjenti u kien hemm bżonn li l-impenji individwali ta' De Beers jiġu reżi vonkolanti. Madankollu, dan ma kienx il-każ.

165    L-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward mhumiex fondati. Minn naħa, il-Kummissjoni ma tistax raġonevolment issostni, kif għamlet fil-premessa 41 tad-deċiżjoni, li l-impenji individwali sempliċement isaħħu l-impenji kollettivi. Fil-fatt, il-projbizzjoni assoluta u potenzjalment definittiva li jkun hemm l-iċken relazzjoni kummerċjali ma’ De Beers hija, mil-lat ekonomiku, kompletament differenti mill-possibbiltà li din ir-relazzjoni tkun tista' teżisti, għalkemm taħt kundizzjonijiet restrittivi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax validament targumenta li r-rikorrenti mhijiex parti kkonċernata mill-proċedura miftuħa skond l-Artikoli 82 KE u 54 tal-Ftehim ŻEE. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni nfisha ammettiet li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu jiġġustifikaw li r-rikorrenti tinstema’ fir-rigward ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati mit-terzi persuni interessati, hija ma kinitx iġġustifikata tirrifjuta milli tismagħha rigward l-analiżi mibdula tagħha.

166    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv mhuwiex fondat.

167    Hija tosserva l-ewwel nett li għandha ssir distinzjoni bejn il-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura miftuħa skond l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE, minn naħa, u l-pożizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ dik miftuħa skond l-Artikoli 82 KE u 54 tal-Ftehim ŻEE, min-naħa l-oħra. L-ewwel waħda minn dawn il-proċeduri infetħet kontra De Beers u Alrosa, li kienu d-destinatarji ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ipproponew impenji kollettivi lill-Kummissjoni u instemgħu minnha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati mit-terzi persuni interessati fir-rigward tagħhom. It-tkomplija ta’ din il-proċedura madankollu saret inutli minħabba l-impenji individwali ta' De Beers u għaldaqstant din ingħalqet mingħajr ma ġiet adottata ebda deċiżjoni. Min-naħa tagħha, it-tieni proċedura infetħet kontra De Beers, iżda mhux kontra r-rikorrenti u wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni.

168    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni legali tal-parti kkonċernata minn proċedura li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni, jiġifieri tal-persuna li kontriha nfetħet din il-proċedura u li fuqha tista’ tiġi imposta penalità, għandha tiġi distinta minn dik tal-partijiet interessati mill-imsemmija proċedura, jiġifieri persuni li jista’ jkollhom interess fir-riżultat tagħha, iżda li kontrihom din il-proċedura ma nfetħitx u li mhumiex suġetti għal penalità. Il-portata tad-dritt li l-partijiet jinstemgħu, kif jirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u mid-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, mhijiex l-istess għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni.

169    Il-Kummissjoni tosserva fl-aħħar nett li s-sitwazzjoni legali tal-partijiet involuti b'xi mod jew ieħor fi proċedura li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni hija partikolari meta jkun hemm l-intenzjoni li jintuża l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, maħluqa sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li tagħlaq malajr u b'mod effettiv il-proċedura ladarba jiġu proposti lilha impenji li jkunu kapaċi jipplakaw it-tħassib tagħha, ma twassalx lill-istituzzjoni sabiex tisma’ lill-partijiet bl-istess mod bħal meta dan ma jkunx il-każ. B’mod partikolari, inizjalment il-Kummissjoni għandha, mhux tibgħat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lill-partijiet ikkonċernati, iżda tinforma lill-impriżi kkonċernati bit-tħassib tagħha permezz ta' evalwazzjoni preliminari. Meta dawn l-impriżi jipproponula xi impenji, li jidhru li jkunu tali li jipplakaw it-tħassib tagħha u li hija għandha l-intenzjoni li tirendi vinkolanti, hija imbagħad il-Kummissjoni li għandha tagħti l-opportunità lil terzi persuni interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward billi tippubblika komunikazzjoni fil-qosor fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

170    Din il-pubblikazzjoni ma tippreġudikax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u ma tobbilgahiex tapplika l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. L-istituzzjoni tista’għaldaqstant tkompli teżamina l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati u, fid-dawl ta’ dan, l-osservazzjonijiet ippreżentati jekk ikun il-każ mit-terzi persuni interessati u ċ-ċirkustanzi tal-kawża, tirrendi vinkolanti l-impenji, tqis li mhumiex idonei biex jipplakaw it-tħassib tagħha u teżamina proposta ġdida ta’ impenji ppreżentata mill-impriżi kkonċernati, jew saħansitra tuża l-proċedura prevista mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant hija m’għandha l-ebda obbligu li tadotta deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

171    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti mhijiex parti kkonċernata mill-proċedura li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni, ma kienx hemm raġuni għalfejn din kellha tkun intitolata tibbenefika mid-drittijiet mogħtija lill-partijiet ikkonċernati mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 773/2004.

172    Madankollu, ir-rikorrenti effettivament ibbenefikat mid-dritt li tinstema’, liema dritt hija setgħet ġuridikament tippretendi li kienet intitolata għalih fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Il-portata ta’ dan id-dritt ġie ddeterminat skond il-pożizzjoni partikolari li kellha r-rikorrenti f’dan il-każ. Din kienet essenzjalment ir-riżultat ta’ l-iżvolġiment parallel ta’ żewġ proċeduri li jirrigwardaw l-akkordji u l-abbużi minn pożizzjoni dominanti, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17 imbagħad dawk tar-Regolament Nru 1/2003. Hija tista' tiġi spjegata wkoll bil-preżentazzjoni suċċessiva ta’ l-impenji kollettivi mir-rikorrenti u De Beers imbagħad, wara l-konsultazzjoni tas-suq, ta’ l-impenji individwali ta' De Beers.

173    Għaldaqstant, r-rikorrenti kienet informata, l-ewwel nett, bit-tħassib espress mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tagħha tal-ftehim innotifikat fir-rigward ta’ l-Artikoli 82 KE u 54 tal-Ftehim ŻEE, permezz tal-komunikazzjoni fil-qosor, it-tieni nett, bl-osservazzjonijiet ippreżentati f’dan ir-rigward mit-terzi persuni interessati u, it-tielet nett, bl-impenji individwali ta’ De Beers. Barra minn hekk, hija kellha l-possibbiltà li tesponi l-opinjoni tagħha fuq l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni interessati u fuq l-impenji individwali ta’ De Beers, u kienet effettivament esprimiet ruħha f’dan ir-rigward.

174    Barra minn hekk, huwa żbaljat li jitqies li l-Kummissjoni uriet tħassib ġdid wara l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni fil-qosor u wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni interessati, Fil-fatt, l-istituzzjoni llimitat ruħha għal analiżi tal-kwistjoni jekk l-impenji kollettivi ta’ Alrosa u ta’ De Beers kinux jipplakaw jew le it-tħassib tagħha rigward il-ftehim. L-osservazzjonijiet ippreżentati mit-terzi persuni interessati f’dan ir-rigward ma qajjmux punti ġodda u kkonfermaw in-nuqqas ta' idoneità ta’ l-impenji kollettivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

175    Ir-Regolament Nru 1/2003 jagħmel distinzjoni bejn numru ta’ kategoriji ta’ parteċipanti fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni: l-impriża “konċernata” (l-Artikolu 7), “[il-persuni li jressqu] l-ilmenti” (l-Artikoli 7 u 27), l-impriżi jew il-partijiet “konċernati” (l-Artikoli 9, 17, 18, 21(1), 27(2)), l-“impriżi suġġetti għal proċedura” (Artikolu 27(1)) u t-“terzi persuni interessati” (Artikolu 27(4)).

176    Għandu mill-ewwel jiġi eskluż li r-rikorrenti hija “[persuna li tressaq] l-ilmenti”. Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, De Beers biss hija l-impriża “konċernata” u “suġġetta għal[l-]proċedura” mibdija mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 82 KE..

177    Ir-rikorrenti mhijiex madankollu sempliċi “terza persuna interessata” fil-proċedura, skond l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, ir-rikorrenti hija l-parti kontraenti flimkien ma’ De Beers fil-kuntest ta’ relazzjoni kummerċjali bilaterali li ilha għaddejja għal żmien twil u li d-deċiżjoni kkontestata qed ittemm. Ir-rikorrenti kienet barra minn hekk involuta fiż-żewġ proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni wara n-notifika tal-ftehim tagħha ma’ De Beers.

178    Il-mod li bih il-Kummissjoni mxiet fiż-żewġ proċeduri relativi għall-ftehim bejn De Beers u Alrosa jikkonferma din il-konklużjoni.

179    Għaldaqstant, wara n-notifika tal-ftehim innotifikat, fl-14 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni fetħet żewġ proċeduri, waħda bbażata fuq l-Artikolu 81 KE, u l-oħra fuq l-Artikolu 82 KE. Iż-żewġ proċeduri ġew irreġistrati bl-istess numru (38.381), kif ġie ppreċiżat mill-Kummissjoni fis-seduta.

180    Il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li tikkonċerna l-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 81 KE u lil De Beers id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li tikkonċerna ż-żewġ proċeduri. Iż-żewġ dikjarazzjonijiet kienu jittrattaw il-ftehim li De Beers u Alrosa kellhom l-intenzjoni li jikkonkludu, fl-isfond tar-relazzjonijjiet li kienu jeżistu bejn iż-żewġ partijiet f'dak iż-żmien.

181    Wara d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni bdew diskussjonijiet, li fihom sussegwentement ingħaqdet De Beers, sabiex jaslu għal soluzzjoni tal-każ permezz ta’ negozjati. Fil-31 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti u De Beers bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub komuni lill-Kummissjoni bħala tweġiba għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li ntbagħtet skond l-Artikolu 81 KE. Dawn l-osservazzjonijiet jittrattaw ukoll il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-akkordju ma’ l-Artikolu 82 KE, minkejja li r-rikorrenti ma rċevietx kopja tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet mibgħuta lil De Beers skond dan l-Artikolu.

182    Barra minn hekk, fis-7 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni semgħet l-osservazzjonijiet orali tar-rikorrenti u De Beers. Fl-14 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti u De Beers ipreżentaw flimkien impenji intiżi sabiex jiġi pplakat it-tħassib li l-Kummissjoni kienet esprimiet fil-konfront tagħhom.

183    Il-komunikazzjoni fil-każ COMP/E-2/38.381 – De Beers – Alrosa tat-3 ta’ Ġunju 2005, li fiha l-Kummissjoni ssemmi l-impenji kollettivi proposti mir-rikorrenti u De Beers u stiednet lit-terzi persuni interessati sabiex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom, lanqas ma tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ proċeduri.

184    Għandu jingħad ukoll li, fis-27 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti u De Beers ipparteċipaw f’laqgħa flimkien mal-Kummissjoni, li fiha l-Kummissjoni infurmathom dwar l-osservazzjonijiet tal-21 terza persuna interessati magħmula wara l-komunikazzjoni tat-3 ta’ Ġunju 2005.

185    Fl-aħħar nett, f'ittra tat-22 ta’ Frar 2006 , il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-proċedura li kienet tikkonċerna lilha ngħalqet, bħala riżultat ta' impenji individwali ta' De Beers fil-proċedura li nbdiet skond l-Artikolu 82 KE.

186    Jirriżulta minn din id-deskrizzjoni tal-fatti li l-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 81 KE u 82 KE minn dejjem ġew ttrattati de facto bħala proċedura waħda, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mir-rikorrenti u minn De Beers.

187    Fiċ-ċirkustanzi t’' dan il-każ, il-konnessjoni bejn iż-żewġ proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni kif ukoll il-fatt li d-deċiżjoni ssemmi espressament lir-rikorrenti jmisshom wasslu għar-rikonoxximent fil-konfront tar-rikorrenti, fir-rigward tal-proċedura sħiħa, tad-drittijiet mogħtija lil “impriża konċernata” skond ir-Regolament Nru 1/2003, minkejja li, stricto sensu, hija mhijiex impriża tali fil-proċedura relativa għall-Artikolu 82 KE.

188    Il-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003 tispeċifika li dan għandu “jirrispetta d-drittjiet fondamentali u josserva l-prinċipji magħrufin [rikonoxxuti] b’mod partikolari mil[l]-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea” u dan ir-regolament “għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett għal dawk id-drittijiet u l-prinċipji”. Skond l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tagħti l-opinjoni tagħha “qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin”.

189    Barra minn hekk, l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li “id-dritt tad-difiża tal-partijiet [ik]konċernati ħa [għandhom] [i]kunu rispettati kompletament fil-proċeduri” u li l-partijiet ikkonċernati huma “intitolati li jkollhom aċċess lil [għall-]file tal-Kummissjoni”.

190    Fl-aħħar nett, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 773/2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 KE u 82 KE tgħid li: “[b]iex tirrispetta d-drittijiet ta’ difiża ta’ l-impriżi, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet [i]kkonċernati d-dritt li jinstemgħu qabel ma tieħu deċiżjoni”.

191    Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-osservanza tad-dritt tal-partijiet li jinstemgħu, f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jaffetwa ħażin lil persuna kkonċernata jikkostitwixxi prinċipju fondamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi garantit anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura in kwistjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21).

192    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fit-3 ta’ Ġunju 2005, meta ġiet ippubblikata l-komunikazzjoni li fiha l-Kummissjoni semmiet l-impenji kollettivi proposti minn De Beers u mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tivvinkola dawn l-impenji, b’riżerva għall-eżitu tal-konsultazzjoni tat-terzi persuni. Hija kienet għalhekk tqis li dawn l-impenji kienu jipplakaw prima facie it-tħassib li hija kienet esprimiet fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tagħha.

193    Wara li rċeviet il-kummenti tat-terzi persuni, il-Kummissjoni qieset madankollu li l-impenji kollettivi ma kinux jipplakaw it-tħassib inizjali tagħha u li l-unika soluzzjoni possibbli kienet li tintemm kull relazzjoni bejn ir-rikorrenti u De Beers mill-2009. Il-Kummissjoni tippreċiża madankollu fil-punt 41 tad-deċiżjoni li l-“maġġoranza ta’ dawn l-osservazzjonijiet ikkonfermaw il-preokkupazzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni [li hija kienet] esprimiet […] fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, filwaqt li enfasizzat li t-tħassib ma kienx jispiċċa kompletament wara l-impenji proposti” u li dawn l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni “m’esprimewx tħassib ġdid rilevanti”. Dan ifisser li l-Kummissjoni m’aċċettatx ilmenti ġodda eventwali ppreżentati mit-terzi persuni.

194    Il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex madankollu konvinta mill-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-kummenti tat-terzi persuni sempliċement ikkonfermaw it-tħassib inizjali tagħha. Fil-fatt, jekk il-kummenti tat-terzi persuni ma kkontribwew xejn ġdid meta mqabbla ma’ l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni, hija setgħet,f'dawn iċ-ċirkustanzi, tirrendi vinkolanti l-impenji kollettivi. Jekk, għall-kuntrarju, it-terzi persuni kqiesu li l-impenji kollettivi ma kinux suffiċjenti u jekk il-kummenti tagħhom wasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li tmiem definittiv biss tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet mill-2009 kien jipplaka t-tħassib inizjali, il-Kummissjoni kien imissha semgħet lill-partijiet rigward dawn l-osservazzjonijiet, kif ukoll rigward l-elementi l-oħra ta’ fatt li kienu jiġġustifikaw il-konklużjoni ġdida tagħha. Fil-fatt jeħtieġ li jiġi ammess li l-Kummissjoni tista’ tinjora l-evalwazzjoni ta' l-impenji kollettivi biss jekk iċ-ċirkustanzi ta’ fatt jinbidlu jew jekk l-evalwazzjoni tkun saret abbażi ta’ informazzjoni li mhijiex eżatta.

195    Il-Kummissjoni kienet ċertament iġġustifikata tqis, wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni, li l-impenji proposti mill-partijiet ma kinux jipplakaw it-tħassib espost fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni preliminari tagħha, peress li l-għan tal-konsultazzjoni tat-terzi persuni prevista fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003, hu preċiżament li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħti deċiżjoni tali li tindirizza l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati fl-evalwazzjoni preliminari tagħha.

196    Madankollu, l-osservanza tad-dritt li l-partijiet jinstemgħu jitlob, f’każ bħal dak in kwistjoni, minn naħa, li l-impriżi li jkunu pproponew dawn l-impenji jkunu informati dwar l-elementi essenzjali ta’ fatt li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha biex teżiġi impenji ġodda u, min-naħa l-oħra, li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom f’dan ir-rigward. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ngħatat biss informazzjoni fil-qosor rigward il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni nisslet mill-osservazzjonijiet tat-terzi persuni. Fil-fatt, fil-laqgħa tas-27 ta’Ottubru 2005, il-Kummissjoni sempliċement informatha dwar il-fatt li l-kummenti tat-terzi persuni kienu jirrigwardaw prinċipalment ir-riskju ta’ tqassim tas-suq u r-riskju ta’ akkordju bejn De Beers u Alrosa, kif ukoll li l-membru tal-Kummissarju inkarigat mill-kompetizzjoni kien talab lit-tim responsabbli għall-fajl sabiex ma jaċċettax l-impenji kollettivi kif kienu ġew ippreżentati. Fl-istess laqgħa, hija rċeviet ġabra fil-qosor ta’ l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni u ġiet informata bin-natura ta’ l-impenji li l-Kummissjoni kienet qed tistenna mill-partijiet, wara r-riżultat negattiv tal-konsultazzjoni tat-terzi persuni: it-tmiem ta' kull relazzjoni mill-2009 u proposta ġdida ta’ impenji, abbażi ta’ dan, qabel għeluq ix-xahar ta’ Novembru 2005.

197    L-impriżi kkonċernati għandhom ukoll, skond l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dritt li kollhom aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni. Dan id-dritt jagħmel parti, skond ġurisprudenza stabbilita, mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex iħarsu d-drittijiet tad-difiża u sabiex jiżguraw, b’mod partikolari, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt li l-partijiet jinstemgħu (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98 u T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 334 u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407). L-eżerċizzju ta' dan id-dritt jippresupponi, skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 773/2004, li l-impriża kkonċernata tippreżenta talba f’dan is-sens lill-Kummissjoni.

198    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-partijiet jaqblu li r-rikorrenti talbet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni. Madankollu, skond ir-rikorrenti, din it-talba ġiet ippreżentata oralment waqt il-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005 u reġgħet saret fl-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2005, filwaqt li, skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti talbet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni biss fis-6 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri wara li skada t-terminu mogħti biex jitressqu impenji ġodda.

199    Jirriżulta mill-fajl li, fil-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005, fi tweġiba għal mistoqsija ta’ l-avukati tar-rikorrenti rigward l-aċċess għall-verżjoni mhux kundfidenzjali ta’ l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni, il-Kummissjoni indikat li, skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, hija ma kellha l-ebda obbligu tikkomunikalha din il-verżjoni. Il-fatt li l-possibbiltà ta' aċċess għal dawn id-dokumenti ġiet diskussa bejn il-partijiet f’din il-laqgħa mhuwiex, fuq kollox, ikkontestat mill-Kummissjoni.

200    Għandu jiġi osservat ukoll li l-impenji individwali reżi vinkolanti mid-deċiżjoni ġew ippreżentati minn De Beers fil-25 ta’ Jannar 2006, jiġifieri wara d-data finali tat-30 ta’ Novembru 2005 indikata mill-Kummissjoni fil-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005 għall-preżentazzjoni ta’ impenji ġodda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, la jista’ jiġi sostnut li wara t-30 ta’ Novembru 2005 proposti ġodda ta’ impenji kollettivi ma setgħux jiġu ppreżentati minn Alrosa u De Beers u lanqas li, wara din id-data, talba għal aċċess għall-osservazzjonijiet tat-terzi persuni ma kien ikollha ebda utilità prattika għar-rikorrenti.

201    Wara t-talba formali mressqa mir-rikorrenti bil-miktub fis-6 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni pprovdiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni biss fis-26 ta’ Jannar 2006, jiġifieri iktar minn sitt ġimgħat wara d-data tat-talba formali mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward u iktar minn tliet xhur wara l-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005, li matulha l-kwistjoni ta’ l-aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni ġiet diskussa mill-partijiet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata wkoll li dawn id-dokumenti ġew trażmessi lir-rikorrenti fl-istess ħin li fih ntbagħtet il-kopja ta’ l-impenji individwali ta' De Beers, b’mod li għaldaqstant kien impossibbli għaliha li twieġeb b’mod utli u tipproponi impenji ġodda flimkien ma’ De Beers.

202    Issa, l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni kellhom importanza partikolari fil-proċedura, inkwantu l-Kummissjoni ħadithom in kunsiderazzjoni biex tikkonkludi li l-konsultazzjoni tas-suq kienet negattiva u li biss it-tmiem ta' kull relazzjoni kummerċjali mill-2009 kienet tikkostitwixxi soluzzjoni aċċettabbli. Fil-fatt, skond il-punt 42 tad-deċiżjoni, “dawn l-osservazzjonijiet, kif ukoll l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni stess, wassluha biex titlob lill-partijiet sabiex jemendaw l-impenji li huma kienu pproponew”.

203    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kellha, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, dritt li tinstema’ fir-rigward ta’ l-impenji individwali ta’ De Beers li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tirrendi vinkolanti fil-kuntest tal-proċedura miftuħa skond l-Artikolu 82 KE u li hija ma ngħatatx il-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt b’mod sħiħ, minkejja li l-kwistjoni dwar b’liema mod eżattament din l-irregolarità setgħet taffettwa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax, f’dan il-każ, tiġi stabbilita b’mod ċar.

204    Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikorrenti, eżaminat sussidjarjament, huwa fondat ukoll.

205    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar 'il fuq li d-deċiżjoni għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

206    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skond it-talbiet ta’ din ta’ l-aħħar f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/520/KE tat-22 ta' Frar 2006, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/B-2/38.381 — De Beers), hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk ta' Alrosa Company Ltd.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Vadapalas

Moavero Milanesi

 

       Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Lulju 2007.

E. Coulon

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.