Language of document : ECLI:EU:T:2007:212

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

11 ta’ Lulju 2007 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Dannu subit minn impriża minħabba ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jivvizzja l-proċedura ta’ verifika tal-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq Komuni”

Fil-kawża T‑351/03,

Schneider Electric SA, stabbilita f’Rueil-Malmoison (Franza), irrappreżentata minn A. Winckler u M. Pittie, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn P. Oliver, É. Gippini Fournier u C. Ingen-Housz, imbagħad minn M. Oliver, O. Beyne u R. Lyal, fl-aħħar minn Oliver, Lyal u F. Arbault, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.‑D. Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors għall-kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba illegalitajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ verifika tal-kompatibbiltà mas-suq Komuni ta’ konċentrazzjoni bejn Schneider Electric SA u Legrand SA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, I. Wiszniewska-Białecka, V. Vadapalas, E. Moavero Milanesi u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [(ĠU L 395, p. 1, kif emendat (ĠU L 257, 1990, p. 13) u kif modifikat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament”)] jiddisponi, fl-Artikolu 2(3) tiegħu, li konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f’xi parti kbira minnu għandha tiġi ddikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni.

2        L-Artikolu 3(1)(b) tar-regolament jgħid li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni għandha titqies li teżisti meta impriża tikseb, kemm jekk b’xiri ta’ titoli jew assi, b’kuntratt jew b’xi mezz ieħor, kontroll dirett jew indirett ta’ impriża waħda jew aktar jew xi partijiet minn dawn l-impriżi.

3        L-Artikolu 6(1)(b) tar-regolament jispeċifika li l-Kummissjoni tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-konċentrazzjonijiet li huma nnotifikati lilha skond ir-Regolament u li, għalkemm jiddependu minn dan l-aħħar, ma jqajmux dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom.

4        Fil-każ kuntrarju, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ kontroll [verifika] approfondita (deċiżjoni msejħa ta’ “ftuħ tal-fażi II”), skond l-Artikolu 6(1)(c).

5        L-Artikolu 10(1) jispeċifika li dawn l-atti jridu jittieħdu fi żmien xahar, liema perijodu jibda fil-jum wara li tkun waslet in-notifikazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni jew mill-jum meta tkun waslet l-informazzjoni kollha.

6        L-Artikolu 8 jawtorizza lill-Kummissjoni, fil-paragrafi 2 u 3 rispettivi tiegħu, li tieħu fil-kuntest tal-fażi II tal-verifika kemm deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, skond il-każ, wara modifiki miġjuba mill-impriżi kkonċernati għall-pjan ta’ merger innotifikat, kif ukoll deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

7        L-Artikolu 10(3) jispeċifika li d-deċiżjonijiet li jiddikjaraw operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni għandu jseħħ f’terminu massimu ta’ erba’ xhur sa mid-data tal-ftuħ tal-fażi II.

8        Skond l-Artikolu 8(4), jekk operazzjoni ddikjarata inkompatibbli tkun diġà twettqet, il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni skond il-paragrafu 3 jew b’deċiżjoni għaliha, teħtieġ li l-impriżi jiġu separati jew kull azzjoni oħra li tista’ tkun xierqa biex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.

9        Skond l-Artikolu 10(6), l-operazzjoni nnotifikata titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II fit-terminu massimu ta’ xahar li jibda jiddekorri minn notifika jew minn meta tiġi rċevuta l-informazzjoni kollha, jew deċiżjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni f’erba’ xhur wara l-ftuħ tal-fażi II.

10      Skond l-Artikolu 10(5), meta l-Qorti Komunitarja tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni, it-termini stabbiliti mir-regolament jerġgħu jibdew japplikaw sa mid-data tas-sentenza.

11      L-Artikolu 7(1) jispeċifika li konċentrazzjoni m’għandhiex tidħol fis-seħħ qabel in-notifikazzjoni tagħha jew fi żmien tliet ġimgħat wara n-notifikazzjoni tagħha.

12      Fil-paragrafu 3 tiegħu, l-Artikolu 7 jispeċifika li l-paragrafu 1 tiegħu ma jfixkilx l-implementazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri jew ta’ skambju li tkun notifikata lill-Kummissjoni, basta li minn jeħodha ma jeżerċitax id-drittijiet tal-vot li jmorru mat-titoli in kwistjoni jew li dan jagħmlu biss biex jippriserva l-valur sħiħ ta’ l-investimenti tiegħu u fuq il-bażi ta’ deroga mogħtija mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 4.

13      Il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tagħti deroga mill-obbligi imposti fil-paragrafi 1 u 3 ta’ l-Artikolu 7 sabiex ma tħallix li ssir ħsara serja lil xi impriża jew impriżi konċernati minn xi operazzjoni ta’ konċentrazzjoni. Dik id-deroga tista’ ssir bla ħsara għal xi kundizzjonijiet u obbligi biex ikunu assigurati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. Deroga tista’ tiġi mitluba jew mogħtija f’kull ħin, anke qabel in-notifikazzjoni jew wara t-tranżazzjoni.

14      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 18 tar-regolament jgħid fil-paragrafu 1 tiegħu, li qabel ma tieħu d-deċiżjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8(3), il-Kummissjoni tagħti lill-impriżi kkonċernati l-opportunità li jagħtu, fl-istadji kollha tal-proċedura sal-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv, l-opinjoni tagħhom dwar l-oġġezzonijiet fir-rigward tagħhom.

15      Dan l-istess artikolu jippreċiża, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom l-impriżi kkonċernati setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom u li d-drittijiet tagħhom ta’ difiża huma totalment assigurati fil-proċedura.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Schneider Electric SA (iktar ’il quddiem “Schneider”) u Legrand SA huma żewġ impriżi Franċiżi attivi fil-produzzjoni u l-bejgħ, l-ewwel waħda, ta’ prodotti u ta’ sistemi fis-setturi tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku, tal-verifika industrijali u ta’ l-awtomazzjoni, it-tieni, ta’ apparati elettriċi ta’ installazzjonijiet ta’ tensjoni baxxa.

17      Is-settur tal-prodotti ta’ distribuzzjoni ta’ l-elettriku huwa diviż skond is-swieq tal-prodotti segwenti:

Segment

Isem

Prodotti

Segment 1

Switchboards prinċipali ta’ tensjoni baxxa

Komponenti ta’ armarji, circuit breakers, fuses, eċċ.

Segment 2

Panel boards ta’ distribuzzjoni

Komponenti ta’ armarji, circuit breakers, fuses, eċċ.

Segment 3

Supporti tal-kejbils u trunking prefabbrikati

Supporti tal-kejbils u trunking prefabbrikati

Segment 4

Panel boards terminali

Komponenti ta’ armarji, circuit breakers, fuses, swiċċis u circuit breakers differenzjali, eċċ.

Segment 5A

Tagħmir elettroniku aktar l-isfel mill-panel boards terminali

Sistemi ta’ tagħmir ultra terminali

Sistemi ta’ kontroll

Sistemi ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni

Komponenti għal sistemi ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni

Segment 5B

Aċċessorji ta’ installazzjoni ta’ distribuzzjoni

Kaxxi ta’ derivazzjoni, materjal ta’ ffissar u materjal ta’ kejbil għal użu aktar l-isfel mill-panel board terminali u aktar l-isfel mill-apparat ta’ installazzjoni

Segment 5C

Trunking

Kaxxi ta’ l-art, trunking ta’ mal-ħajt, kondjuit, eċċ.

Komponenti industrijali

Prodotti ta’ trasformazzjoni u ta’ forniment

Aċċessorji ta’ kontroll u ta’ sinjalar.

Tagħmir destinat sabiex jassigura l-kurrent elettriku alternating jew dirett ta’ tagħmir industrijali

Tagħmir ta’ konnessjoni destinat sabiex jassigura l-kontroll ta’ tagħmir industrijali.


18      Il-grossisti, distributuri taż-żona, jixtru mill-gruppi industrijali produtturi tal-gamma ta’ materjali użati mill-professjonisti tas-settur, mill-installaturi u mill-panel builders. Dawn ta’ l-aħħar jassemblaw l-elementi differenti tal-panelli ta’ distribuzzjoni ta’ l-elettriku.

19      Schneider u Legrand informaw lill-Kummissjoni dwar pjan ta’ xiri, skond l-Artikolu 3(1)(b) tar-regolament, tal-kontroll minn Schneider ta’ l-impriża Legrand kollha permezz ta’ offerta pubblika ta’ skambju (iktar ’il quddiem l-“OPS”).

20      Ittra tat-12 ta’ Jannar 2001 skambjata mill-presidenti taż-żewġ impriżi tipprovdi li l-president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Legrand ikun personalment assoċjat ma’ l-ippjanar ta’ kull soluzzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni u li kull rabta li tikkonċerna Legrand ma tistax tkun proposta jew kkonsentita minn kwalunkwe waħda mill-impriżi mingħajr il-ftehim minn qabel tal-presidenti tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Schneider u ta’ Legrand.

21      Fil-15 ta’ Jannar 2001, iż-żewġ impriżi annunzjaw il-ftehim tagħhom fuq l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni proposta (iktar ’il quddiem l-“operazzjoni”) u Schneider ippreżentat operazzjoni ta’ OPS fuq it-titoli ta’ Legrand lill-conseil des marchés financiers ta’ Pariġi.

22      L-OPS infetħet mill-1 ta Frar sas-7 ta’ Marzu 2001 u ġiet innotifikata formalment lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Frar 2001.

23      Fil-formola tagħhom ta’ notifika CO, il-partijiet notifikanti osservaw b’mod partikolari li, fir-rigward ta’ l-effetti ta’ l-operazzjoni fuq l-offerta bejn is-segmenti 4 u 5 tas-swieq settorjali in kwistjoni, kien hemm ftit raġuni għalxiex wieħed jaħseb li kien ser ikun hemm l-eżistenza ta’ effett eventwali tal-konglomerat b’riżultat ta’ l-operazzjoni.

24      Peress li l-operazzjoni tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, il-Kummissjoni fetħet, fit-30 ta’ Marzu 2001, il-fażi II tal-verifika, skond l-Artikolu 6(l)(c) tar-regolament.

25      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2001, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lil Schneider u Legrand, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11(1) tar-regolament.

26      Din it-talba ġiet segwita minn deċiżjoni formali skond l-Artikolu 11(5) tar-regolament, datata s-27 ta’ April 2001, u li għandha bħala effett, skond l-Artikolu 10(4), li tissospendi t-terminu ta’ erba’ xhur impost mill-Kummissjoni mill-ftuħ tal-fażi II sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni.

27      Wara l-annullament mill-cour d’appel de Paris (Franza), li quddiemha l-azzjonisti minoritarji ta’ Legrand ressqu azzjoni għall-kontestazzjoni ta’ l-ammissibbiltà ta’ l-OPS, Schneider ippreżentat, fis-7 ta’ Ġunju 2001, it-termini ta’ OPS emendata, li ġiet iddikjarata ammissibbli, miġjuba fil-21 ta’ Ġunju segwenti u li ngħalqet fil-25 ta’ Lulju 2001.

28      Il-Kummissjoni indirizzat lill-Schneider, fit-3 ta’ Awwissu 2001, komunikazzjoni ta’ l-ilmenti li fiha ssostni l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, minħabba l-operazzjoni, f’ċertu numru ta’ swieq settorjali nazzjonali.

29      Fis-6 ta’ Awwissu 2001, il-kummissjoni tat-tranżazzjonijiet tal-borża tat l-opinjoni tar-riżultat definittiv ta’ l-OPS ta’ Schneider, li b’hekk ġabret 98,7 % ta’ l-ishma ta’ Legrand.

30      Fir-risposta tagħhom tas-16 ta’ Awwissu 2001 għall-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti, il-partijiet fl-operazzjoni kkontestaw id-definizzjoni tas-swieq meqjusa mill-Kummissjoni, kif ukoll l-analiżi tagħha ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq dawn is-swieq.

31      Fid-29 ta’ Awwissu 2001, seħħet laqgħa komuni ta’ l-impriżi notifikanti u tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, destinata sabiex tiddefinixxi modifiki eventwali ta’ l-operazzjoni li jistgħu jsolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajma mill-Kummissjoni.

32      Għal dan il-għan, Schneider ipproponiet f’bosta okkażjonijiet miżuri korrettivi lill-Kummissjoni.

33      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2001 indirizzata lill-kummissarju responsabbli mill-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni, Schneider u Legrand urew is-sorpriża totali tagħhom għar-reazzjoni negattiva tal-Kummissjoni għall-aħħar proposti tagħhom, minkejja li dawn kienu jipprevedu l-irtirar ta’ Legrand mis-swieq tal-komponenti għal tabelli elettriċi fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”).

34      Fl-10 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat, skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament, id-Deċiżjoni 2004/275/KE (Kawża COMP/M.2283 ‑ Schneider-Legrand) li tiddikjara l-operazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni (ĠU L 101, 2004, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà”).

35      Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 782 tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li l-operazzjoni ħolqot pożizzjoni dominanti li għandha bħala effett li tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-swieq settorjali nazzjonali segwenti :

–        is-swieq ta’ circuit breakers f’kaxxa magħmula bil-foma, circuit breakers żgħar u armarji destinati għal panel boards diviżorji ta’ distribuzzjoni ta’ l-elettriku fl-Italja;

–        is-swieq ta’ circuit breakers żgħar, swiċċis differenzjali u kaxxi destinati għal panel boards terminali ta’ distribuzzjoni ta’ l-elettriku fid-Danimarka, fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugall;

–        is-swieq ta’ circuit breakers ta’ konnessjoni fi Franza u fil-Portugall;

–        is-suq ta’ supporti tal-kejbils fir-Renju Unit;

–        is-suq ta’ plakek u ta’ swiċċis fil-Greċja;

–        is-suq ta’ tagħmir li jwaqqaf l-oxxilazzjoni fi Spanja;

–        is-suq ta’ materjali ta’ twaħħil u ta’ derivazzjoni fi Franza;

–        is-suq ta’ prodotti ta’ trasformazzjoni ta’ l-elettriku fi Franza;

–        is-suq ta’ back up ta’ verifika u tas-sinjalar fi Franza.

36      Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll, fil-premessa 783 tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li l-operazzjoni saħħaħ pożizzjoni dominanti li għandha bħala effett li tostakola b’mod kunsiderevoli kompetizzjoni effettiva fis-swieq settorjali Franċiżi segwenti :

–        is-swieq ta’ circuit breakers f’kaxxa magħmula bil-forma, circuit breakers żgħar u armarji destinati għal panel boards ta’ distribuzzjoni tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku;

–        is-swieq ta’ circuit breakers żgħar, swiċċis differenzjali u kaxxi destinati għall-panel boards terminali tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku;

–        is-suq ta’ plakkek u swiċċis;

–        is-suq ta’ tagħmir li jwaqqaf l-oxxillazzjoni;

–        is-suq ta’ sistemi ta’ illuminazzjoni ta’ sigurtà jew ta’ blokok awtonomi ta’ illuminazzjoni u ta’ sigurtà.

37      Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma jippermettux li l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà jiġu solvuti.

38      Billi Schneider ħolqot, mill-fatt li kienet tippossjedi 98,1 % tal-kapital ta’ Legrand, konċentrazzjoni dikjarata a posteriori inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni adottat, fl-24 ta’ Ottubru 2001, it-tieni komunikazzjoni ta’ l-ilmenti għall-finijiet tas-separazzjoni ta’ Schneider u ta’ Legrand.

39      F’dan id-dokument, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tordna lil Schneider, skond l-Artikolu 8(4) tar-regolament, twettaq trasferiment ta’ l-ishma tagħha f’Legrand bl-għan li ma tibqax f’pożizzjoni sinjifikattiva, sabiex tirrestawra kompetizzjoni effettiva b’livell ta’ ċertezza suffiċjenti u f’termini suffiċjentement qosra. Il-Kummissjoni tqis ukoll neċessarju li tikkonferixxi immedjatament lil mandatarju ta’ ċerta esperjenza u indipendenti l-ġestjoni tas-sehem ta’ Schneider f’Legrand.

40      Fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7(4) tar-regolament, fl-4 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni awtorizzat lill-Schneider, fuq talba ta’ din ta’ l-aħħar, li teżerċità d-drittijiet tal-vot relatati mas-sehem tagħha f’Legrand permezz ta’ l-intermedjarju ta’ mandatarju nnominat minn Schneider skond il-kundizzjonijiet previsti minn kuntratt ta’ prokura approvat mill-Kummissjoni.

41      Fl-10 ta’ Diċembru 2001, Schneider u Salustro Reydel Management, il-mandatarju, iffirmaw il-kuntratt ta’ prokura.

42      Fit-13 ta’ Diċembru 2001, Schneider ressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikors għall-annullament kontra d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà (Kawża T‑310/01) u, permezz ta’ att separat, talba bl-għan li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq dan ir-rikors permezz tal-proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

43      Fit-23 ta’ Jannar 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat din it-talba fid-dawl tat-tip ta’ fajl u, b’mod partikolari, tal-volum tar-rikors u tad-dokumenti annessi miegħu.

44      Fit-30 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni adottat, skond l-Artikolu 8(4) tar-regolament, deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ separazzjoni”) li tordna lil Schneider li tissepara minn Legrand f’terminu ta’ disa’ xhur, li jiskadi fil-5 ta’ Novembru 2002.

45      Id-deċiżjoni ta’ separazzjoni pprojbixxiet lil Schneider milli tipproċedi b’separazzjoni distinta ta’ ċerti attivitajiet ta’ Legrand, suġġetti għall-ftehim minn qabel tal-Kummissjoni lix-xerrej jew lix-xerrejja ta’ Legrand u pprojbixxiet kull bejgħ mill-ġdid ulterjuri lil Schneider ta’ ċerti attivitajiet ta’ Legrand.

46      Permezz ta’ atti ppreżentati fit-18 ta’ Marzu 2002, Schneider ippreżentat rikors għall-annullament kontra d-deċiżjoni ta’ separazzjoni (Kawża T‑77/02), talba bl-għan li tittieħed deċiżjoni fuq dan ir-rikors permezz tal-proċedura mħaffa, kif ukoll talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni (Kawża T‑77/02 R).

47      It-talba għall-proċedura mħaffa ntlaqgħat fil-kawża T‑77/02 permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza nnotifikata lill-partijiet fil-25 ta’ Marzu 2002.

48      Fil-5 ta’ April 2002, laqgħa informali quddiem il-President ta’ l-Ewwel Awla u l-imħallef relatur ġiet organizzata mar-rappreżentanti tal-partijiet fil-Kawża T‑310/01.

49      Wara s-seduta tal-proċedura sommarja tat-23 ta’ April 2002 fil-kawża T‑77/02, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2002, pprorogat sal-5 ta’ Frar 2003 it-terminu impost fuq Schneider sabiex tissepara ruħha minn Legrand, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ l-istadji tal-proċess ta’ separazzjoni fit-terminu prorogat.

50      Fit-3 ta’ Mejju 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza (l-Ewwel Awla) iddeċidiet, wara li semgħet lill-Kummissjoni, li tilqa’ d-domanda ta’ Schneider sabiex id-deċiżjoni fil-kawża T‑310/01 tingħata permezz tal-proċedura mħaffa, wara li ħadet in kunsiderazzjoni l-konferma minn Schneider taż-żamma tal-verżjoni mqassra tar-rikors tagħha, trażmessa fit-12 ta’ April 2002.

51      Fir-rigward għall-proroga tat-terminu ta’ separazzjoni mogħti mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2002, Schneider irrevokat it-talba tagħha ta’ sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni fil-kawża T‑77/02 R, permezz ta’ ittra riċevuta fl-14 ta’ Mejju 2002.

52      Permezz tad-Digriet tat-28 ta’ Mejju 2002, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ppronunzja t-tħassir tal-kawża T‑77/02 R u rriżerva l-ispejjeż ta’ l-istanza sommarja sakemm jiġi deċiż ir-rikors għall-kawża prinċipali fil-kawża T‑77/02.

53      Permezz ta’ digrieti tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Legrand, il-Kumitat ċentrali ta’ impriża tas-SA Legrand u l-Kumitat Ewropew tal-grupp Legrand ġew ammessi sabiex jintervjenu fil-Kawżi T‑310/01 u T‑77/02, sabiex jappoġġaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, minħabba l-interess fis-soluzzjoni tal-kawżi miġjuba minn Legrand, fejn is-sitwazzjoni kienet direttament affettwata miż-żamma jew l-annullament tad-deċiżjonijiet li ttieħdu.

54      Schneider ippreparat it-trasferiment ta’ Legrand li sseħħ fl-eventwalità ta’ ċaħda taż-żewġ rikorsi tagħha għall-annullament u konkludiet għal dan il-għan, fis-26 ta’ Lulju 2002, mal-konsorzju Wendel-KKR kuntratt ta’ trasferiment li kellu jkun eżegwit l-aktar tard sa l-10 ta’ Diċembru 2002 u li kien jikkontjeni klawsola li tippermetti lill-Schneider, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li ttemm il-kuntratt sal-5 ta’ Diċembru 2002, bi ħlas ta’ kumpens għat-tħassir bħala korrispettiv.

55      Permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schneider I”), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, minħabba żbalji ta’ analiżi u ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq is-swieq settorjali nazzjonali esterni għal Franza, kif ukoll minħabba l-ksur tad-drittijiet tad-difiża li jivvizzja l-analiżi ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq is-swieq settorjali Franċiżi u tal-miżuri korrettivi proposti minn Schneider.

56      Fuq l-ewwel punt, is-sentenza Schneider I stabbilixxiet dan li ġej:

“256      […] Il-Kummissjoni […] stmat wisq is-saħħa ekonomika ta’ l-entità ġdida fuq is-swieq settorjali nazzjonali previsti fil-premessi 782 u 783, billi tintegra fl-analiżi tagħha ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq dawn is-swieq il-varjetà ta’ gamma ta’ prodotti li ma tirriflettix is-sitwazzjoni reali tal-kompetizzjoni li tkun teżisti hemmhekk wara l-operazzjoni […]

257      L-istess raġunament għandu japplika fir-rigward tal-varjetà wiesgħa ta’ ditti ta’ l-entità b’riżultat tal-merger, li minnu l-karattru inkomparabbli jirriżulta wkoll mill-aggregazzjoni astratta tad-ditti miżmuma mill-partijiet notifikanti fuq it-territorju kollu taż-ŻEE.

[…]

296      […] billi rrifjutat li tinkludi fil-partijiet tas-suq ta’ ABB u ta’ Siemens il-bejgħ integrat tal-komponenti għal panel boards elettroniċi magħmula minn dawn iż-żewġ gruppi, il-Kummissjoni stmat wisq is-saħħa ekonomika ta’ […] żewġ konkorrenti importanti ta’ l-entità riżultat tal-merger u, reċiprokament, stmat wisq is-saħħa ta’ din l-entità fis-suq Franċiż u Taljan tal-komponenti għall-panel boards elettroniċi diviżorji, kif ukoll fis-suq Daniż, Spanjol, Franċiż, Taljan u Portugiż tal-komponenti għall-panel boards elettroniċi terminali.

[…]

404      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-iżbalji, ommissjonijiet u inkonsistenzi stabbiliti iktar ’il fuq fl-analiżi magħmula mill-Kummissjoni ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni […] huma mingħajr ebda dubju gravi.

405      Billi tibbaża ruħha fuq l-estensjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-entità b’riżultat tal-merger għaż-ŻEE kollha, il-Kummissjoni inkludiet indikaturi tas-saħħa ekonomika barranija għas-swieq settorjali nazzjonali affettwati mill-operazzjoni u li għandhom bħala effett li jamplifikaw indebitament l-impatt ta’ din fuq dawn is-swieq.

406      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-ebda wieħed mill-elementi ta’ fatt ikkunsidrati fid-deċiżjoni ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tranżazzjoni proposta tista’ tikkawża problemi ta’ kompetizzjoni fi swieq oħra minbarra s-swieq settorjali fi Franza u f’sitt pajjiżi oħra li d-deċiżjoni tidentifika, fil-premessi 782 u 783 tagħha, bħala affettwati mill-operazzjoni.

407      Id-deċiżjoni ma tikkontjeni, b’mod partikolari, ebda analiżi ta’ l-istruttura kompetittiva tas-swieq settorjali nazzjonali mhux affettwati mill-konċentrazzjoni kontenzjuża […]

408      Minħabba l-lakuni u l-kontradizzjonijiet li jivvizzjaw l-analiżi ta’ l-istrutturi tad-distribuzzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx issostni bħala vantaġġi ta’ kompetizzjoni sostanzjali ta’ l-entità li tirriżulta mill-merger la l-allegat aċċess privileġġat għad-distribuzzjoni li tirriżulta mill-pożizzjonijiet tagħha fis-swieq kollha tal-materjali elettriċi ta’ tensjoni baxxa fil-livell tad-distribuzzjoni, u lanqas l-inkapaċità tal-grossisti li jeżerċitaw limitu kompetittiv fuq l-entità ġdida.

409      Permezz tal-karattru astratt tagħhom u distakkat mis-swieq settorjali nazzjonali li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni, l-indikaturi ta’ saħħa ekonomika bbażati fuq il-gamma ta’ prodotti mhux ugwali u tal-medda inkomparabbli ta’ ditti tal-grupp Schneider Legrand wasslu lill-Kummissjoni li terġa’ tqis wisq l-impatt ta’ l-operazzjoni […] fis-swieq settorjali nazzjonali affettwati minnhom.

410      L-istess japplika, minn naħa, għar-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-bejgħ kollu magħmul minn ABB u Siemens fis-swieq nazzjonali tal-komponenti għal panel boards elettroniċi affettwati mill-operazzjoni u, min-naħa l-oħra, għal-lakuni li jivvizzjaw, b’mod partikolari, l-analiżi ta’ l-impatt ta’ din l-operazzjoni fuq is-swieq Daniżi ta’ komponenti għal panel boards terminali u fis-swieq Taljani tal-komponenti għall-panel boards ta’ distribuzzjoni u terminali.

411      L-iżbalji ta’ analiżi u ta’ l-evalwazzjoni kkunsidrati iktar ’il fuq huma ta’ natura li jċaħħdu mill-valur ta’ prova l-evalwazzjoni ekonomika ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni […], li fuqha hija bbażata d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà kkontestata.

412      Madankollu, ikun xi jkun il-kobor tal-lakuni li jista’ jkollha deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkostata l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, huma ma jistgħux jammontaw għall-annullament jekk, u fejn, l-elementi l-oħra kollha kontenuti f’din id-deċiżjoni jippermettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tikkunsidra bħala stabbilit li fi kwalunkwe każ it-twettiq ta’ l-operazzjoni jwassal għall-ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li għandha bħala effett xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva, skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament […]

413      F’dan ir-rigward, l-iżbalji kkostatati fihom infushom ma setgħux jerġgħu jpoġġu fid-dubju l-ilmenti li l-Kummissjoni kkunsidrat fir-rigward ta’ kull suq settorjali Franċiż elenkat fil-premessi 782 u 783.

414      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota f’dan ir-rigward li Schneider ma kkontestatx b’mod serju l-analiżi ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni […] fuq dawn is-swieq. Hija, għall-kuntrarju, ikkritikat lill-Kummissjoni talli użat is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fuq is-swieq Franċiżi wara l-operazzjoni sabiex tasal għal konklużjonijiet dwar is-swieq l-oħra settorjali nazzjonali affettwati […]

415      Effettivament, fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt kontenuti fid-deċiżjoni, mhux possibbli li wieħed ma jasalx għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li t-tranżazzjoni proposta toħloq jew isaħħaħ fis-swieq Franċiżi, fejn kull waħda miż-żewġ partijiet notifikanti kienet diġà b’saħħita ħafna, pożizzjoni dominanti li għandha bħala effett, skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament […], xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali ta’ dan […]

416      Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni, li l-grupp Schneider/Legrand jipposjedi f’kull suq Franċiż affettwat partijiet mis-suq indikattiv ta’ dominanza jew ta’ pożizzjoni dominanti msaħħa, kif jirriżulta mill-preżenza dgħajfa u mit-tixrid tal-partijiet tas-suq tal-kompetituri prinċipali ta’ l-entità immerġjata […]

417      Minbarra dan, il-Kummissjoni kkunsidrat […], mingħajr ma ġiet ikkritikata fuq dan il-punt minn Schneider, u kif jirriżulta wkoll […] mid-deċiżjoni, li l-prezzijiet tal-materjal ta’ l-elettriku tat-tensjoni baxxa mħallsa mill-grossisti tkun bħala medja kunsiderevolment aktar għolja fi Franza milli fis-swieq l-oħra nazzjonali affettwati, qabel it-twettiq tal-konċentrazzjoni.

418      […] ma jistax jiġi kkontestat li r-rivalità bejn il-partijiet notifikanti hija eżerċitata b’mod dominanti fis-swieq settorjali msemmija fl-ilmenti u li l-operazzjoni […] jkollhaa bħala effett li tħassar fattur essenzjali tal-kompetizzjoni.

[…]

419      Għaldaqstant, l-analiżi ekonomika li hija l-bażi tad-deċiżjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala insuffiċjenti biss għas-swieq kollha settorjali nazzjonali affettwati minbarra s-swieq Franċiżi, billi dawn ta’ l-aħħar jammontaw mingħajr dubju għal parti sostanzjali tas-suq komuni skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

57      Fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider li vvizzjaw l-analiżi ta l-impatt ta’ l-operazzjoni fis-swieq settorjali Franċiżi u tar-rimedji proposti mir-rikorrenti, is-sentenza Schneider I qalet hekk :

“444      Il-Kummissjoni kienet […] marbuta tippreċiża b’mod aktar ċar il-problemi ta’ kompetizzjoni mqajma mit-tranżazzjoni proposta, b’mod li tippermetti lill-partijiet notifikanti li jippreżentaw b’mod xieraq u fi żmien mixtieq il-proposti ta’ trasferiment ta’ ishma li jistgħu, skond il-każ, jagħmlu l-operazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

445      […] ma jirriżultax mill-qari tagħha li l-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [tat-3 ta’ Awwissu 2001] ittrattat b’ċarezza suffiċjenti u bi preċiżjoni r-rinfurzar tal-pożizzjoni ta’ Schneider fir-rigward tad-distributuri Franċiżi ta’ materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa, li rriżultat mhux biss mit-total ta’ bejgħ ta’ Legrand fis-swieq tal-komponenti ta’ panel boards elettroniċi, iżda wkoll mill-pożizzjoni dominanti ta’ Legrand fis-segmenti ta’ tagħmir ta’ l-elettriku ultra terminali. Jeħtieġ li jiġi osservat b’mod partikolari li l-konklużjoni ġenerali tal-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti telenka s-swieq settorjali nazzjonali differenti affettwati mill-operazzjoni […], mingħajr ma jiġi muri li l-pożizzjoni ta’ waħda miż-żewġ partijiet notifikanti f’suq speċifiku ta’ prodotti tkun tappoġġa l-pożizzjoni tal-parti l-oħra f’suq settorjali ieħor.

[…]

453      […] il-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti ma ppermettietx lil Schneider tevalwa fl-estent kollu tagħhom il-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni minħabba l-operazzjoni […] fis-suq Franċiż tal-materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa kkawżati fuq il-livell ta’ distribuzzjoni.

454      Jirriżulta li d-drittijiet għad-difiża ta’ Schneider ġew injorati f’diversi aspetti.

455      L-ewwel nett, Schneider ġiet miċħuda l-possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, fil-livell tad-distribuzzjoni, il-pożizzjoni dominanti ta’ Schneider fis-settur tal-komponenti għal panel boards ta’ distribuzzjoni u terminali ser tissaħħaħ fi Franza permezz tal-pożizzjoni dominanti ta’ Legrand fit-tagħmir ultra terminali.

456      Schneider b’hekk ma ngħatatx l-okkażjoni li tippreżenta b’mod xieraq l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward ukoll fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti u fis-seduta tal-21 ta’ Awwissu 2001.

457      Jekk dan ma kienx il-każ, il-Kummissjoni setgħet terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha jew, għal kuntrarju, tipprovdi iktar provi in sostenn ta’ l-argument tagħha, b’mod li d-deċiżjoni setgħet fi kwalunkwe każ tkun differenti.

458      Għalhekk, Schneider għandha tkun meqjusa bħala li ma bbenefikatx mill-opportunità li tippreżenta b’mod xieraq u fi żmien opportun il-proposti ta’ trasferiment ta’ ishma ta’ daqs suffiċjenti sabiex tippermetti li jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni fis-swieq settorjali Franċiżi in kwistjoni.

459      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni, f’dan ir-rigward, li Schneider sostniet fis-seduta li hija ma setgħetx tipproponi effettivament fi żmien xieraq xi rimedji għall-problemi tal-kompetizzjoni li abbażi tagħhom hija ma kkontestatx d-deċiżjoni.

460      Għaldaqstant, Schneider setgħet ġiet indirettament imċaħħda mill-possibbiltà li tikseb approvazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tagħti għar-rimedji proposti, jekk il-partijiet notifikanti kienu tpoġġew f’pożizzjoni li jippreżentaw fi żmien opportun il-proposti ta’ ċessjoni ta’ daqs suffiċjenti sabiex jiġu solvuti l-problemi kollha ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni fuq il-livell ta’ distribuzzjoni fi Franza.

461      L-effett ta’ dawn l-irregolaritajiet huwa għalhekk aktar gravi għaliex, kif sostniet il-Kummissjoni bosta drabi fis-seduta, ir-rimedji jikkostitwixxu l-uniku mezz sabiex operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 2(3) tar-regolament ma tiġix iddikjarata inkompatibbli.

462      Konsegwentement, billi d-deċiżjoni hija vvizzjata minn ksur ta’ drittijiet tad-difiża, hemm lok li l-motiv jiġi milqugħ.

463      Id-deċiżjoni għandha, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun annullata, mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni fuq il-motivi u l-argumenti l-oħra mressqa minn Schneider sabiex issostni r-rikors tagħha u indirizzati, b’mod partikolari, kontra l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposti tat-trasferiment ta’ l-ishma ppreżentati minn Schneider sabiex jagħmlu l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

464      Skond l-Artikolu 233 KE, hija l-Kummissjoni fil-fatt li għandha tieħu l-miżuri għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ta’ annullament.

465      Dawn il-miżuri ta’ eżekuzzjoni għandhom jirrispettaw il-motivi li jammontaw għas-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tas-sentenza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 27). Il-motivi rilevanti tas-sentenza preżenti jimplikaw b’mod partikolari, fl-ipoteżi fejn tkun inkluża l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni nnotifikata, li Schneider għandha titpoġġa f’pożizzjoni, għas-swieq settorjali nazzjonali affettwati li fir-rigward tagħhom l-analiżi ekonomika fid-deċiżjoni ma ġietx skartata mis-sentenza preżenti, jiġifieri s-swieq settorjali Franċiżi, li tressaq id-difiża proprja tagħha u, fejn xieraq, li tipproponi miżuri korrettivi li jwieġbu għall-ilmenti mqajma u indikati minn qabel mill-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

58      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, (T‑77/02, Ġabra p. II‑4201, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schneider II”), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat konsegwentement id-deċiżjoni ta’ separazzjoni, għar-raġuni li hija tammonta għal miżura ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà annullata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li teżamina l-motivi l-oħra ta’ illegalità mqajma b’mod awtonomu kontra d-deċiżjoni ta’ separazzjoni.

59      Il-Kummissjoni ma appellatx mis-sentenzi Schneider I u Schneider II, li b’hekk saru res judicata.

60      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ottubru 2002, Schneider sostniet l-importanza u l-konsegwenzi finanzjarji gravi tat-termini ta’ żmien tal-proċedura u kkonfermat li l-miżuri korrettivi tagħha għal Franza ta’ l-24 ta’ Settembru 2001 setgħu jservu bħala bażi provviżorja għall-eżami mill-ġdid tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni, fl-istennija ta’ l-artikulazzjoni ta’ lmenti eventwali.

61      Il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta’ Novembru 2002 (ĠU C 279, 2002, p. 22) opinjoni dwar it-tkomplija tal-verifika ta’ l-operazzjoni, fejn ippreċiżat li, skond l-Artikolu 10(5) tar-Regolament, it-termini ta’ żmien għall-eżami ser jiġu applikati mit-23 ta’ Ottubru 2002, l-għada ta’ l-għoti tas-sentenza Schneider I. Il-Kummissjoni żiedet li fl-ewwel analiżi tal-fażi I u mingħajr preġudizzju għal deċiżjoni finali, l-operazzjoni setat terġa taqa’ taħt ir-regolament u stiednet lil terzi sabiex jikkomunikawlha l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom.

62      Permezz ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-13 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni informat lil Schneider li l-operazzjoni kienet tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni fis-swieq settorjali Franċiżi, minħabba sovrapożizzjoni importanti minn naħa tas-suq ta’ Schneider u ta’ Legrand, ta’ l-għajba tar-rivalità tradizzjonali bejniethom, ta’ l-importanza tad-ditti ta’ l-entità Schneider‑Legrand, tal-poter tagħhom fuq il-grossisti u ta’ l-inkapaċità ta’ kull kompetitur li jissosstitwixxi ruħu għall-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Legrand qabel it-twettiq ta’ l-operazzjoni.

63      Il-Kummissjoni qalet b’mod partikolari :

“B’hekk il-operazzjoni tirriżulta, fuq kull suq affettwat li fuqu waħda jew oħra mill-partijiet kienet f’pożizzjoni dominanti qabel il-operazzjoni, fl-eliminazzjoni ta’ konkorrent immedjat, li hu biss kien f’pożizzjoni li jeżerċità saħħa kompetittiva fir-rigward ta’ l-impriża dominanti, permezz ta’ l-appoġġ mogħti lilha minn pożizzjonijiet b’saħħithom ħafna ta’ l-istess grupp f’segmenti oħra ta’ l-istess settur, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-fama tad-ditti tagħha u r-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti.”

64      Fl-14 ta’ Novembru 2002, Schneider ipproponiet lill-Kummissjoni miżuri korrettivi li għandhom bħala suġġett li jneħħu s-sovrapożizzjoni ta’ attivitajiet bejn Schneider u Legrand fis-swieq settorjali Franċiżi affettwati.

65      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 2002, Schneider ikkomunikat lill-Kummissjoni li l-argumenti żviluppati fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-13 ta’ Novembru 2002 jibqgħu, fin-nuqqas ta’ eżami suq b’suq ta’ l-effetti ta’ l-operazzjoni, ta’ tip u ta’ portata mhux preċiża u ma jagħtux prova ta’ l-eżistenza ta’ effett anti-kompetittiv fuq is-swieq affettwati u li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Kummissjoni kienu miċħuda mir-realtà.

66      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni informat lil Schneider li l-miżuri korrettivi li hija kienet suċċessivament ippreżentat ma kinux suffiċjenti sabiex jeliminaw ir-restrizzjonijiet kollha għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-operazzjoni, minħabba d-dubji persistenti fuq il-vijabbiltà u l-awtonomija ta’ l-attivitajiet ittrasferiti u ta’ l-inkapaċità tal-miżuri proposti sabiex joħolqu bilanċ għas-saħħa ta’ l-entità Schneider/Legrand.

67      Permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2002, il-cour d’appel de Versailles (Franza), li kienet qed tiddeċiedi provviżorjament, ikkonstatat li proposti għal miżuri korrettivi ta’ Schneider ma kinux suġġetti għall-ftehim minn qabel tal-president ta’ Legrand, bi ksur ta’ l-ittra tat-12 ta’ Jannar 2001, iċċitata iktar ’il fuq, u konsegwentement ordnat lill-Schneider sabiex tirtira “l-proposti ta’ irtirar ta’ investiment li jikkonċernaw l-assi ta’ Legrand u li ma kinux approvati minn din ta’ l-aħħar”.

68      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2002, Schneider kkritikat lill-Kummissjoni li tikkontesta l-vijabbiltà u l-kapaċità tal-miżuri korrettivi tagħha sabiex tiggarantixxi ż-żamma ta’ sitwazzjoni kompetittiva fuq is-swieq Franċiżi affettwati u tiddikjara li, f’dan l-istadju avvanzat ħafna tal-proċedura, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma għamlitx aktar realista t-tkomplija tad-diskussjonijiet. Sabiex iġġib fi tmiem inċertezza ta’ aktar minn sena, Schneider b’hekk informat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha ta’ bejgħ ta’ Legrand lil Wendel-KKR.

69      Permezz ta’ faks tat-3 ta’ Diċembru 2002, Schneider ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha lill-Kummissjoni, fejn ippreċiżat li, skond id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ trasferiment tas-26 ta’ Lulju 2002, il-bejgħ ta’ Legrand lil Wendel-KKR ma kien għadu jimplika ebda inizjattiva min-naħa tagħha u kellu jsir fl-10 ta’ Diċembru 2002.

70      Permezz tad-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni bdiet il-fażi II tal-verifika ta’ l-operazzjoni, fejn ikkonkludiet li l-miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma kinux jippermettu, fl-istadju ta’ l-investigazzjoni, li jeliminaw id-dubji serji li hemm fuq il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti tagħha fuq is-swieq settorjali Franċiżi identifikati fil-punti 782 u 783 tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

71      Il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li l-attivitajiet proposti għat-trasferiment jikkonċernaw l-ishma ta’ Legrand u jidhru li jikkontradixxu s-sentenza tal-cour d’appel de Versailles u rrifjutat sussidjarjament il-miżuri proposti għal raġunijiet ta’ vijabbiltà u ta’ awtonomija ta’ l-entitajiet ikkonċernati.

72      Fl-10 ta’ Diċembru 2002, Schneider ittrasferiet is-sehem tagħha f’Legrand lil Wendel‑KKR u l-għada informat is-servizzi tal-Kummissjoni.

73      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni informat lil Schneider bl-għeluq, minħabba nuqqas ta’ suġġett, tal-proċedura ta’ eżami, peress li Schneider ma kinitx tikkontrolla aktar lil Legrand.

74      Fl-10 ta’ Frar 2003, Schneider ressqet rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-fażi II ta’ l-4 ta’ Diċembru 2002 u d-deċiżjoni ta’ l-għeluq tat-13 ta’ Diċembru 2002 (Kawża T‑48/03).

75      Permezz tad-digrieti tad-29 ta’ Ottubru 2004, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01 DEP u T‑77/02 DEP, Ġabra p. II-4201), il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet l-ammont ta’ l-ispejjeż li Schneider tista’ tiġbor lura mill-Kummissjoni għal EUR 419 595,32, fil-kawża T‑310/01, u għal EUR 426 275,06, fil-kawżi T‑77/02 u T‑77/02 R.

76      Permezz tad-digriet tal-31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑48/03, Ġabra p. II‑111), il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat bħala inammissibbli r-rikors għal annullament T‑48/03, għar-raġuni li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II u d-deċiżjoni ta’ għeluq ikkritikata ma kinux jammontaw għal atti li jippreġudikaw lil Schneider.

77      Schneider ippreżentat appell kontra dan id-digriet, permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ April 2006.

78      Dan l-appell ġie miċħud permezz tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2007 (Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, C‑188/06 P, Ġabra p. I-35). Fil-punt 48 ta’ dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, billi għażlet li terġa’ tibda fażi I tal-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni, li tneħħi l-konsegwenzi tas-sentenza Schneider I, billi jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji għall-finijiet li tiġi ggarantita n-nuqqas ta’ ksur eventwali tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

79      Fl-10 ta’ Ottubru 2003, Schneider ressqet dan ir-rikors għal kumpens.

80      Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2003, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza assenja l-kawża lir-Raba’ Awla.

81      Fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tillimita f’dan l-istadju d-dibattiti għall-prinċipju tat-teħid tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u għall-metodoloġija ta’ l-evalwazzjoni tad-dannu.

82      Permezz tad-digrieti ta’ l-20 ta’ April 2004 u tas-6 ta’ Diċembru 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża ġew ammessi rispettivament sabiex jintervjenu fil-kawża, l-ewwel waħda sabiex tappoġġa l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u t-tieni waħda in sostenn ta’ dawk ta’ Schneider.

83      Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fit-13 ta’ Ottubru 2004, li tirrinvija l-kawża quddiem ir-Raba’ Awla Estiża.

84      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tistaqsi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet prinċipali, li rrispondew fit-termini imposti.

85      Instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta tal-25 ta’ April 2007.

86      Schneider, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        prinċipalment:

–        tikkundanna l-Komunità tħallasha s-somma ta’ EUR 1 663 734 716,76, suġġett għat-tnaqqis minħabba l-kompetizzjoni ta’ l-ammont ta’ l-ispejjeż li jistgħu jinġabru lura stabbilit permezz tad-digrieti tat-tassazzjoni mogħtija fil-kawżi T‑310/01 DEP u T‑77/02 DEP, u għal żieda minħabba, minn naħa, l-interessi dovuti sa mill-4 ta’ Diċembru 2002, sal-pagament totali, bir-rata annwali ta’ 4 % u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ taxxa li Schneider ikollha tħallas fuq l-ammont tal-kumpens assenjat fil-mument li tirċievi tali kumpens;

–        sussidjarjament :

–        tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

–        tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità;

–        tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-finijiet li jiġi stabbilit l-ammont tad-dannu li għalih għandu jingħata kumpens effettivament subit minn Schneider;

–        tikkundanna fi kwalunkwe każ lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ l-istanza.

87      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha :

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u kollu kemm hu infondat;

–        tikkundanna lil Schneider għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

88      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi ta’ l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni, fid-difiża tagħha, li l-ispjegazzjoni ta’ ċerti aspettattivi ta’ Schneider jinkludu rinviji globali għal argumenti artikolati in sostenn tat-tliet rikorsi tagħha għal annullament T‑310/01, T‑77/02 u T‑48/03 u li jvarjaw skond l-għan tagħhom jew it-titolu tagħhom ta’ l-argumentazzjoni ta’ l-azzjoni preżenti ta’ kumpens. Rinviji ġenerali bħal dawn ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

89      Il-Kummissjoni b’hekk tillimita ruħha sabiex tikkontesta l-fondatezza ta’ l-unika argumentazzjoni esposta fir-rikors u ma tikkunsidrax, konsegwentement, ruħha marbuta li tirrispondi għall-argumentazzjoni żviluppata in sostenn tar-raġunijiet ta’ annullament mogħtija fit-tliet rikorsi għal annullament, b’mod li hija mhijiex ripetuta fir-rikors preżenti iżda invokata biss permezz ta’ rinviju.

90      Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li l-ebda sforz ma sar sabiex fir-rikors tiġi identifikata, iġġustifikata u kkwalifikata n-natura tar-rabta allegata bejn l-imġiba attribwita lilha u kull kap tad-dannu invokati.

91      Schneider twieġeb essenzjalment li l-preżentazzjoni ta’ l-argumentazzjoni kollha li hija żviluppata fir-rikors tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà rikjesti mid-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli u interpretati mill-ġurisprudenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

92      Għandu jingħad li skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza permezz ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-istess Statut, u skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa.

93      Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u biex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tippronunzja ruħha fuq ir-rikors, jekk dan ikun il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra. Bil-għan li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, ta’ l-inqas b’mod sommarju iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑294/04, Ġabra p II‑2719, punt 23).

94      Sabiex jissodisfa dawn il-ħtiġijiet, rikors li għandu l-għan li jikkumpensa d-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jikkontjeni l-elementi li jippermettu li tiġi identifikata l-imġiba li r-rikorrenti tattribwixxi għall-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li r-rabta kawżali teżisti bejn l-imġiba u d-dannu li hija tallega li subiet, kif ukoll il-karattru u d-daqs tad-dannu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Jannar 2002, Biret u Cie vs Il-Kunsill, T‑210/00, Ġabra p. II‑47, punt 34, ikkonfermata fuq l-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret u Cie vs Il-Kunsill, C‑94/02 P, Ġabra p. I‑10565).

95      F’dan il-każ partikolari, minkejja l-importanza u n-numru tagħhom, ir-riferimenti tar-rikorrenti għall-argumentazzjoni artikolata in sostenn tar-raġunijiet għall-annullament tar-rikorsi T‑310/01, T‑77/02 u T‑48/03 għandhom jitqiesu bħala sempliċi elaborazzjoni ta’ l-ispjegazzjoni fir-rikors ta’ l-illegalitajiet li allegatament jivvizzjaw l-imġiba kkritikata tal-Kummissjoni, liema elaborazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni bħala inammissibli fil-forma.

96      Fir-rigward ta’ l-identità tal-partijiet u tal-bażi ġuridika, jiġifieri ta’ l-illegalitajiet li allegatament jivvizzjaw l-azzjoni tal-Kummissjoni, eżistenti bejn it-tliet rikorsi għal annullament u l-azzjoni preżenti għal kumpens, hemm lok li tintlaqa’ l-ammissibbiltà tar-riferimenti li seħħew bl-iżviluppi tar-rikors, huma stess ammissibbli, għall-ispjegazzjoni tar-raġunijiet żviluppati in sostenn tat-tliet rikorsi għal annullament.

97      Jeħtieġ ukoll li tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn hija ma tesponix validament ir-rabta kawżali allegata bejn id-dannu subit u l-imġiba kkritikata tal-Kummissjoni.

98      Jirriżulta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-ispjegazzjoni tar-rabta kawżali fir-rikors twieġeb għall-kundizzjonijiet minimi ta’ ammissibbiltà formali meħtieġa għal rikorsi mit-testi u l-ġurisprudenza. Hija fil-fatt b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li tippreżenta d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi dwar il-pretensjonijiet tagħha ta’ kumpens li Schneider issostni li ż-żewġ illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kkawżawlha direttament dannu u li l-imġiba kollha adottata mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni waqqfet lir-rikorrenti milli tnaqqas dan id-dannu mill-ammont tal-kumpens mitlub.

99      Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward u li jiġu milqugħa bħala ammissibbli kemm l-azzjoni preżenti għal kumpens kif ukoll l-argumentazzjoni kollha in sostenn tagħha.

 Fuq il-mertu

 L-argumentazzjoni ġenerali tal-partijiet

100    Schneider issostni li ż-żewġ illegalitajiet ikkonstatati fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mis-sentenza Schneider I, jiġifieri, min-naħa, in-nuqqasijiet ta’ l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fis-swieq settorjali nazzjonali esterni għall-Franza u, min-naħa l-oħra, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti minħabba l-artikulazzjoni insuffiċjenti fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-3 ta’ Awwissu 2001 ta’ l-oġġezzjoni li tittratta l-appoġġ, fis-swieq Franċiżi tal-materjal ta’ l-elettriku ta’ tensjoni baxxa pperċepit għal-livell tad-distribuzzjoni bl-ingrossa, mogħti lill-pożizzjoni dominanti ta’ Schneider fis-settur tal-komponenti għall-panel boards ta’ distribuzzjoni u terminali permezz tal-pożizzjoni preponderanti ta’ Legrand għal dak li jirrigwarda s-segmenti tat-tagħmir ultra terminali, jammontaw għal żewġ ksur suffiċjentement serji tar-regoli tad-dritt li għandhom bħala oġġett li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi,

101    L-implementazzjoni ta’ l-operazzjoni ma kinitx seħħet biss minħabba l-imġiba illegali ta’ l-Kummissjoni. Jirriżulta li ż-żewġ illegalitajiet serji li jivvizzjaw id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà għandhom l-ewwel nett bħala konsegwenza diretta l-iżvalutar ta’ l-ishma tar-rikorrenti kkostitwit, fl-ewwel lok, mit-telf irreġistrat fuq l-ishma ta’ Legrand, fit-tieni lok, min-nuqqas ta’ profitt dovut għall-impossibbiltà li jitwettqu s-sinerġiji mistennija mill-operazzjoni u għad-distruzzjoni konsekuttiva ta’ l-istrateġija industrijali tal-grupp u, fl-aħħar nett, fit-tielet lok, mill-impatt negattiv ħafna fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrenti.

102    Id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kienet konsegwentment ġegħlet lil Schneider tħallas, minn naħa, l-ispejjeż marbuta mat-tariffi professjonali tal-mandatarju ad hoc li seħħew fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ separazzjoni ta’ Schneider u ta’ Legrand u ta’ l-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni mibdija l-għada ta’ l-għoti tas-sentenzi Schneider I u Schneider II u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż sostnuti abbażi tar-rikorsi T‑310/01, T‑77/02 u T‑77/02 R ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, tnaqqis magħmul għall-ammont ta’ l-ispejjeż rekuperabbli diġà allokati lil Schneider permezz taż-żewġ digrieti ta’ tassazzjoni ta’ l-ispejjeż tad-29 ta’ Ottubru 2004, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01 DEP u T‑77/02 DEP), iċċitati iktar ’il fuq.

103    Il-komportament ostili manifestat mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Schneider fil-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni tkompliet u aggravat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li, mingħajr ma kien il-kawża tad-dannu inizjali, madankollu kkontribwixxa sabiex jiddetermina r-riżultat finali tiegħu.

104    Permezz ta’ l-attitudni tagħha, il-Kummissjoni fil-fatt, min-naħa, aggravat id-dannu inizjalment subit minħabba d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u, min-naħa l-oħra, ikkawżat lir-rikorrenti danni addizzjonali fil-forma ta’ ċerti spejjeż li hija kellha ssostni sa mill-10 ta’ Ottubru 2001.

105    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kienet, mill-bidu tal-proċedura tal-verifika, naqset mil-lealtà fir-rigward ta’ Schneider, imbagħad, sussegwentement għad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, kisret id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ minn awtorità imparzjali, injorat serjament il-kompetenza esklużiva tal-verifika li r-regolament tirriżerva għall-istituzzjoni. Matul l-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni, il-Kummissjoni ma eżegwitx bi bona fede s-sentenza Schneider I, kisret mill-ġdid id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u, fl-aħħar nett, ipproċediet b’analiżi żbaljata, żleali u diskriminatorja tal-miżuri korrettivi tagħha.

106    Fit-tieni lok, l-intransiġenza li l-Kummissjoni mmanifestat fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet u tat-terminu ta’ separazzjoni ta’ Schneider u ta’ Legrand kienu wasslu lil Schneider sabiex tesponi diversi tariffi professjonali għal pariri legali, bankarji u fiskali għall-finijiet ta’ l-esplorazzjoni ta’ metodi differenti ta’ separazzjoni possibbli. Fl-aħħar nett, billi instrumentalizzat it-tensjonijiet li seħħew bejn Schneider u Legrand l-għada tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, il-Kummissjoni kienet wasslet lil Legrand sabiex tintroduċi kontra Schneider azzjoni ġudizzjarja fi Franza f’Novembru 2002, imbagħad opponiet id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali meta r-rikorrenti pprovat tikseb il-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni. Minn dan irriżultaw spejjeż ġodda li Schneider qatt ma kellha ssostni.

107    Il-Kummissjoni tirrispondi essenzjalment li l-ebda waħda miż-żewġ illegalitajiet ikkostatati mis-sentenza Schneider I fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà ma tippreżenta serjetà suffiċjenti sabiex tkun tista’ tammonta għal żball ta’ natura li jikkawża responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward ta’ Schneider.

108    L-imġibiet l-oħrajn ħżina allegati ma huma bl-ebda mod stabbiliti u, fi kwalunkwe każ, ma jammontawx għal ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jista’ jikkostitwixxi żball ta’ tip li jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità.

109    Għal dak li jirrigwarda l-ammont tad-dannu tagħha, Schneider tallega li t-telf ta’ valur irreġistrat fuq l-ishma kien tela’, fid-data tad-deċiżjoni illegali ta’ inkompatibbiltà, l-10 ta’ Ottubru 2001, għal ammont inkluż bejn 2,483 u 3,326 biljun Euro. Dan id-dannu kien varja sussegwentement sabiex jillimita ruħu b’mod definittiv għal EUR 1,663 734 716,76, inklużi l-ispejjeż ikkawżati lir-rikorrenti permezz ta’ l-imġiba kollha ħażina tal-Kummissjoni.

110    Id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kienet ikkawżat lil Schneider telf ta’ valur ta’ l-ishma bejn id-data ta’ l-annunzjar ta’ l-OPE fuq it-titoli ta’ Legrand, f’Jannar 2001, u d-data tat-twettiq tal-kuntratt ta’ trasferiment, f’Diċembru 2002. Dan it-telf jinkludi t-telf finanzjarju kkonstatat fuq l-ishma ta’ Legrand, in-nuqqas ta’ qligħ minħabba l-impossibbiltà li jitwettqu s-sinerġiji mistennija mill-operazzjoni, id-dannu konsekuttiv għall-istrateġija industrijali ta’ Schneider u d-dannu għall-immaġini.

111    Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda dannu ma ġie stabbilit. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata kemm il-karattru reali u ċert ta’ l-iżvalutar ta’ l-ishma allegat kif ukoll il-metodu propost minn Schneider sabiex tevalwa dan il-kap tad-dannu. Minbarra dan, kienet ir-responabbiltà tar-rikorrenti li ma tesponix ruħha għal tariffi professjonali eċċessivi l-għada tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tanalizza fid-dettall il-fatturi ppreżentati in sostenn ta’ dawn it-talbiet u l-possibbiltà li tikkompleta u tadatta l-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tad-dannu.

112    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnega l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġibiet attribwiti lilha u l-kapijiet varji tad-danni allegati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni l-karattru ipotetiku ħafna ta’ l-argument ta’ Schneider li jgħid li, fin-nuqqas ta’ l-illegalitajiet attribwiti lill-Kummissjoni, l-operazzjoni kienet tiġi awtorizzata u mwettqa għal żmien twil.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Prim’Istanza

113    L-ewwel nett, għandu jkun imfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-aġir allegat fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et, T‑383/00, Ġabra p. II‑5459, punt 95).

114    Meta, bħal f’dan il-każ partikolari, hija invokata bħala bażi ta’ l-azzjoni għal kumpens l-illegalità ta’ att ġuridiku, din, sabiex tista’ tkun ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, għandha tammonta għal ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala oġġett li tikkonferixxi drittijiet liċ-ċittadini.

115    Il-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward huwa dak tal-ksur manifest u gravi, minn istituzzjoni Komunitarja, tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 47].

116    Is-sistema użata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tieħu b’mod partikolari in kunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li jridu jiġu affrontati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-awtur ta’ l-att in kwistjoni [sentenza Holcim (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, punt 50].

117    Meta l-istituzzjoni in kwistjoni għandha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, anki ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju [sentenza Holcim (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, punt 47].

118    L-istess japplika meta l-istituzzjoni konvenuta tonqos minn obbligu ġenerali tad-diliġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs EURATOM, C‑308/87, Ġabra p. I‑1203, punti 13 u 14) jew tapplika b’mod ħażin normi sostanzjali jew proċedurali rilevanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni, 5/66, 7/66 u 13/66 sa 24/66, Ġabra p. 317, 339 u 340).

119    Minbarra dan, hija l-parti li tallega r-responsabbiltà tal-Komunità li għandha tressaq il-provi konklużivi fir-rigward ta’ l-eżistenza jew tal-portata tad-dannu li hija tinvoka u tistabbilixxi bejn id-dannu u l-imġiba inkriminanti ta’ l-istituzzjoni taħt eżami rabta suffiċjentement diretta bejn kawża u effett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier Frères et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, T‑178/98, Ġabra p. II‑3331, punt 118, ikkonfermat fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, Ġabra p. I‑7541).

120    Peress li waħda mit-tliet kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma ġietx sodisfatta, il-pretensjonijiet ta’ kumpens għandhom ikunu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 81, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37), billi, barra minn hekk, l-imħallef Komunitarju mhuwiex marbut li jsegwi ordni ta’ eżami stabbilit (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 13).

121    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li, jekk hija tkun responsabbli finanzjarjament fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ partikolari, il-kapaċità tagħha li teżerċita b’mod sħiħ il-funzjoni ta’ regolatur tal-kompetizzjoni li jagħtiha t-Trattat KE tkun kompromessa, minħabba l-effett ta’ projbizzjoni fuq il-verifika tal-konċentrazzjonijiet li jista’ jwassal għar-riskju li jkollhom jiġu sostnuti d-danni allegati mill-impriżi kkonċernati.

122    Jeħtieġ li jiġi ammess li effett bħal dan, li huwa kuntrarju għall-interess ġenerali Komunitarju, jista’ jseħħ jekk il-kunċett ta’ ksur serju tad-dritt Komunitarju jkun mifhum bħala li jinkludi l-iżbalji kollha jew fatti li, anki jekk jippreżentaw livell ta’ serjetà ċerta, huma xorta waħda parti, permezz tan-natura tagħhom jew tal-portata tagħhom, mill-imġiba normali ta’ istituzzjoni responsabbli sabiex tissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li huma kumplessi, delikati u suġġetti għal marġini kunsiderevoli ta’ interpretazzjoni.

123    Ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju, għall-finijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-ksur ta’ obbligu legali li, għalkemm huwa ta’ dispjaċir, jista’ jiġi spjegat mil-limitazzjonijiet oġġettivi li jaqgħu fuq l-istituzzjoni u fuq l-aġenti tagħha bħala riżultat ta’ l-effett tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-verifika tal-konċentrazzjonijiet.

124    Min-naħa l-oħra jibqa’ d-dritt għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-imġiba ta’ l-istituzzjoni meta dan jikkostitwixxi att manifestament kuntrarju għar-regola ta’ dritt u serjament dannuż għall-interessi ta’ terzi għall-istituzzjoni u ma jkunux la ġustifikati u lanqas spjegati mil-limitazzjonijiet partikolari li huma imposti b’mod oġġettiv fis-servizz f’funzjonament normali.

125    Definizzjoni bħal din tal-limitu tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità hija ta’ tip li tipproteġi l-marġni ta’ manuvrar u l-libertà ta’ evalwazzjoni li għandu jibbenefika minnha, fl-interess ġenerali, ir-regolatur Komunitarju tal-kompetizzjoni, kemm fid-deċiżjonijiet diskrezzjonali tiegħu kif ukoll fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tiegħu tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju primarju u sekondarju, mingħajr madankollu ma jattribwixxi lil terzi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li mhumiex skużabbli.

126    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx ksur suffiċjentement serju tar-regoli ta’ dritt li għandhom bħala għan li joħolqu drittijiet għall-vantaġġ ta’ l-individwi, billi tadotta d-deċiżjoni ta’ inkompatibiltà annullata mis-sentenza Schneider I, qabel ma’ tikkunsidra l-elementi ta’ aggravament tad-dannu li jirriżulta mill-imġiba kollha adottata mill-istituzzjoni matul il-proċedura tal-verifika ta’ l-operazzjoni.

 Fuq l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà

 Fuq in-nuqqasijiet ikkonstati fl-analiżi ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

127    Schneider issostni li l-iżbalji, ommissjonijiet u kontradizzjonijiet ikkonstatati mis-sentenza Schneider I fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, fil-livell ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fis-swieq settorjali nazzjonali esterni għall-Franza, jammontaw għal illegalitajiet suffiċjentement serji, li ma jistgħux jiġġustifikaw la l-kumplessità tal-verifika ta’ l-operazzjoni u lanqas il-limitazzjonijiet eventwali ta’ żmien, fid-dawl tas-sospensjoni sussegwenti tat-terminu ta’ erba’ xhur impost fuq il-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni.

128    Il-Kummissjoni tirrispondi li, fin-nuqqas ta’ prova ta’ qbiż manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, dawn l-illegalitajiet mhumiex suffiċjentement serji, fir-rigward tal-kumplessità tas-sitwazzjonijiet eżaminati, għall-karattru prospettiv ta’ l-analiżi tas-swieq u għall-obbligu tal-ħeffa tal-proċedura tal-verifika. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet speċifikat, fil-punt 412 tas-sentenza Schneider I, li l-iżbalji mwettqa ma kinux ta’ tip li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

129    Bħala prinċipju, ma jistax jiġi eskluż li l-vizzji manifesti u gravi li jaffettwaw l-analiżi ekonomika li fuqha huma bbażati deċiżjonijiet meħuda dwar il-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jammontaw għall-ksur tar-regola ta’ dritt suffiċjentement serju sabiex ikun hemm r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

130    Madankollu, determinazzjoni bħal din timponi qabel xejn l-obbligu li jiġi vverifikat li r-regola miksura mill-analiżi difettuża hija ddestinata sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi. Issa, jekk ċerti prinċipji u ċerti regoli li għalihom l-analiżi ta’ kompetizzjoni hija marbuta li tikkonforma għandhom in-natura ta’ regoli ddestinati li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi, in-normi kollha, tad-dritt primarju jew sekondarju jew ibbażati fuq ġurisprudenza, li l-Kummissjoni għandha tirrispetta fl-evalwazzjonjiet ekonomiċi tagħha ma jistgħux mill-bidu jiġu kkunsidrati li għandhom tali natura.

131    Imbagħad jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-analiżi ekonomiċi neċessarji għall-kwalifikazzjoni ta’ sitwazzjoni jew ta’ operazzjoni skond id-dritt tal-kompetizzjoni huma ġeneralment, kemm fuq il-pjan tal-fatti kif ukoll fuq dak tar-raġunament elaborat mid-deskrizzjoni tagħhom, dikjarazzjonijiet intellettwali kumplessi u diffiċli, li fihom jistgħu jaħarbu ċerti nuqqasijiet, bħal approssimazzjonijiet, inkoerenzi, anki ċerti omissjonijiet, fid-dawl tal-limitazzjonijiet tat-terminu li huma imposti fuq l-istituzzjoni. Għaldaqstant, dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal fil-każ tal-verifika ta’ konċentrazzjonijiet, l-analiżi tinkludi aspett prospettiv. Is-serjetà ta’ insuffiċjenza dokumentarja jew loġika tista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tikkostitwixxix dejjem ċirkustanza suffiċjenti sabiex twassal għar-responsabbiltà Komunitarja.

132    Fl-aħħar nett, huwa neċessarju li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex iżżomm il-kontroll tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, li jimplika li minn dan wieħed ma jistax jistenna prattika rigorożament stabbilita u invarjabbli fl-implementazzjoni tar-regoli rilevanti u, bl-istess mod, li hija tgawdi minn ċerta libertà fl-għażla ta’ l-għodda ekonometriċi għad-dispożizzjoni tagħha, kif ukoll f’dak tal-metodi ta’ approċċ approprijati għall-istudju ta’ fenomenu (ara, per eżempju, għad-definizzjoni tas-suq rilevanti, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni T‑219/99, Ġabra p. II‑5917, punti 89 et seq, ikkonfermata fuq appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-95/04 P, Ġabra p. I-2331), safejn dawn l-għażliet mhumiex manifestament kuntrarji għar-regoli aċċettati mid-dixxiplina ekonomika u jkunu konsegwentement implementati.

133    Madankollu, mhuwiex meħtieġ f’dan il-każ li tittieħed deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk it-tliet premessi preċedenti jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-vizzji li jaffettwaw l-analiżi ekonomika ta’ l-effetti mistennija mill-operazzjoni fis-swieq settorjali rilevanti barra minn Franza jaqbżu l-limitu li lilhinn minnu teżisti r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

134    Fil-fatt, in-nuqqasijiet ikkonstatati mis-sentenza Schneider I fl-analiżi ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq is-swieq settorjali nazzjonali barra minn Franza ma setgħux ikollhom effett fuq il-konstatazzjoni ta’ l-inkompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni li għaliha l-Kummissjoni waslet b’mod definittiv fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

135    Anki fin-nuqqas ta’ dan il-ksur tad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tawtorizza l-operazzjoni f’dan l-istadju, peress li, skond il-punt 413 tas-sentenza Schneider I, l-iżbalji kkonstatati ma jistgħux fihom infushom ikunu suffiċjenti sabiex jikkontestaw l-ilmenti li l-Kummissjoni kienet sostniet fir-rigward ta’ kull wieħed mis-swieq settorjali Franċiżi msemmija fil-premessi 782 u 783 tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà. Fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt kontenuti fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, mhux possibbli, skond il-punt 415 ta’ l-istess sentenza, li wieħed ma jaqbilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-operazzjoni toħloq jew issaħħaħ fis-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal elettroniki ta’ tensjoni baxxa, fejn kull wieħed miż-żewġ partijiet kien diġà b’saħħtu ħafna, pożizzjoni dominanti li għandu bħala effett, skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament, xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali ta’ dan.

136    Jekk din hija mingħajr effett fuq il-karatterizzazzjoni ta’ l-operazzjoni fir-rigward tas-swieq settorjali Franċiżi, il-projbizzjoni ta’ l-analiżi ekonomika tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà b’hekk mhijiex żejda fis-sentenza Schneider I, peress illi hija għandha bħala konsegwenza li tinvalida l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà li tirrigwarda s-swieq l-oħra u, konsegwentement, li tillimta l-eżami ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża għall-parti tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li tibqa’ valida, dik li tikkonċerna s-swieq settorjali Franċiżi.

137    Sabiex tasal għal dan ir-riżultat, huwa suffiċjenti li l-analiżi ekonomika ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni ikun iddikjarat nieqes minn valur probatorju, kif għamel il-punt 411 tas-sentenza Schneider I, billi l-kwistjoni dwar jekk dan id-difett kienx jammonta wkoll għal ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju hija rrilevanti f’dan ir-rigward.

138    Konsegwentement, l-ilment li jirrigwarda l-analiżi ekonomika difettuża kontenuta fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mhuwiex, bil-mod kif sar, xieraq sabiex waħdu jwassal għal xi konsegwenza fuq t-tkomplija tal-proċedura, u lanqas, konsegwentement, ma seta’ jikkawża lil Schneider dannu distint minn dak eventwalment ikkawżat mill-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

139    L-uniku difett tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li, skond is-sentenza Schneider I, setgħet ċaħdet lir-rikorrenti minn possibbiltà li tkun tista’ tikseb deċiżjoni favorevoli għat-twettiq ta’ l-operazzjoni jirrigwarda għalhekk in-nuqqas ta’ qbil ikkonstatat bejn il-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-3 ta’ Awwissu 2001 u d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà stess, fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq l-appoġġar tal-pożizzjonijiet tal-partijiet għall-operazzjoni. Għaldaqstant, huma n-natura u s-serjetà ta’ dan id-difett tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li jeħtieġu li jiġu evalwati sabiex jiġi stabbilit jekk din id-deċiżjoni qabżitx il-limitu sabiex il-Komunità tinżamm responsabbli.

 Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider

–       L-argumenti tal-partijiet

140    Schneider tfakkar li l-Kummissjoni ma kitbitx b’mod suffiċjentement ċar u preċiż fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha tat-3 ta’ Awwissu 2001 l-oġġezzjoni għall-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni bbażat fuq l-appoġġ, fuq is-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa misjuba fil-livell tad-distribuzzjoni bl-infrossa, mogħti lill-pożizzjoni dominanti ta’ Schneider fis-settur tal-komponenti għall-panel boards ta’ distribuzzjoni u terminali permezz tal-pożizzjoni preponderanti ta’ Legrand għal dak li jirrigwarda s-segmenti tat-tagħmir ultra terminali, liema fatt jiċħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment matul il-proċedura amministrattiva tal-verifika u li tippreżenta b’mod xieraq il-miżuri korrettivi.

141    Madankollu, min-notifika ta’ l-operazzjoni, Schneider kienet tat lill-Kummissjoni l-informazzjoni fuq ir-rabtiet ikkunsidrati li jeżistu bejn is-segmenti ta’ suq 4 u 5 ikkonċernati u l-pożizzjonijiet rispettivi tal-partijiet għall-operazzjoni fuq dawn is-segmenti fi Franza, billi tenfasizza mill-bidu n-nuqqas ta’ effetti ta’ portafoll. Il-Kummissjoni madankollu qajmet dan l-ilment biss fl-24 ta’ Settembru 2001, wara li kien skada t-terminu normali sabiex jiġu ppreżentati l-miżuri korrettivi u xi jiem biss mit-tmiem tal-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni.

142    Il-Kummissjoni tirrispondi li n-nuqqas ta’ qbil bejn il-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-3 ta’ Awwissu 2001 u d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tirriżulta, mhux minn nuqqas totali, iżda biss minn nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ta’ l-ilment ta’ appoġġar peress illi l-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti kienet qajmet din il-problema f’bosta mill-premessi tagħha.

143    Il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider mhuwiex suffiċjentement serju, fir-rigward ta’ l-elaborazzjoni f’terminu qasir tal-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti, għall-evalwazzjoni kumplessa kemm ta’ l-argumenti bażiċi kollha, fejn l-ilment ta’ appoġġar kien jammonta biss għal wieħed minn ħafna elementi rilevanti, kif ukoll tal-miżuri korrettivi proposti minn Schneider.

144    Iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti forniet lill-Kummissjoni informazzjoni li turi li l-operazzjoni ma kellha l-ebda problema ta’ appoġġ għandha t-tendenza li tnaqqas iktar u iktar is-serjetà ta’ l-iżball proċedurali mwettaq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

145    Jeħtieġ li jingħad li, qabel ma tieħu deċiżjoni li tistabbilixxi l-inkompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija marbuta, skond l-Artikolu 18(1) tar-regolament, li tagħti lill-impriżi notifikanti, l-okkażjoni li jinformaw, f’kull stadju tal-proċedura sal-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv, il-perspettiva tagħhom fir-rigward ta’ l-oġġezzjonijiet li saru fir-rigward tagħhom.

146    Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 18(3) tar-regolament li l-Kummissjoni tista’ tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha ta’ inkompatibbiltà biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom l-impriżi interessati setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom.

147    Fil-kwalità tagħhom ta’ destinatarji tad-deċiżjonijiet ta’ awtorità pubblika li taffettwa b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom, l-impriżi li huma parti għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ daqs Komunitarju għandhom fil-fatt ikunu f’pożizzjoni li jinfurmaw b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom u, għal dawn il-finijiet, ikunu informati b’mod ċar, fi żmien xieraq, tas-sustanza ta’ l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni mqajma fir-rigward ta’ l-operazzjoni nnotifikata tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, T‑87/96, Ġabra p. II‑203, punt 88).

148    Il-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti jippreżentaw f’dan ir-rigward importanza partikolari, peress li hija speċifikament destinata sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati jirreaġixxi għall-preokkupazzjonijiet espressi mill-istituzzjoni regulatorja, minn naħa, billi jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar dan, min-naħa l-oħra, bil-għan li jissottomettu lill-Kummissjoni miżuri destinati li jikkorreġu l-impatt negattiv ta’ l-operazzjoni nnotifikata.

149    Din il-garanzija, li taqa’ taħt il-garanziji fundamentali li bihom is-sistema legali Komunitarja tarmonizza t-twettiq tal-proċeduri amministrattivi, tagħti importanza kbira lill-verifika ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14).

150    Fil-fatt, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni f’dan ir-rigward kemm l-importanza ta’ l-interessi finanzjarji u ta’ l-interessi industrijali inerenti għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ daqs Komunitarju kif ukoll il-portata kunsiderevoli tas-setgħat ta’ verifika li l-Kummissjoni għandha sabiex tirregola l-kompetizzjoni fis-suq komuni.

151    Minn dan jirriżulta li Schneider invokat il-ksur ta’ regola li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

152    Il-fatt li l-Kummissjoni tfassal, bħal fil-kawża preżenti, komunikazzjoni ta’ l-ilmenti b’tali mod li, hekk kif jirriżulta mis-sentenza Schneider I, ir-rikorrenti ma setgħetx tkun taf li, fin-nuqqas li tippreżenta l-miżuri korrettivi xierqa sabiex tnaqqas jew jisparixxu s-sitwazzjonijiet ta’ appoġġ bejn il-pożizzjonijiet tagħha u dawk ta’ Legrand fuq is-swieq settorjali Franċiż, hija ma kellha l-ebda possibbiltà li tara li l-operazzjoni iiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, jikkostitwixxi fil-kawża preżenti ksur manifest u gravi ta’ l-Artikolu 18(1) u (3) tar-regolament.

153    Għaldaqstant, il-miżuri korrettivi kkunsidrati minn Schneider f’Settembru 2001, sa u inkluż l-irtirar ta’ Legrand mis-swieq tal-komponenti għall-panel boards elettroniċi fiż-ŻEE kollha, ma kinux oġġettivament ta’ natura li jsolvu l-problema speċifika ta’ l-appoġġ, fuq is-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal ta’ l-elettriku ta’ tensjoni baxxa kkunsidrati fil-livell tad-distribuzzjoni bl-ingrossa, mogħti lill-pożizzjoni dominanti ta’ Schneider fis-settur tal-komponenti għall-panel boards ta’ distribuzzjoni u terminali permezz tal-pożizzjoni preponderanti ta’ Legrand għal dak li jirrigwarda s-segmenti tat-tagħmir ultra terminali.

154    Dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża mhumiex ġustifikati u lanqas spjegati mil-limitazzjonijiet partikolari li jaqgħu oġġettivament fuq is-servizzi tal-Kummissjoni. In-nuqqas in kwistjoni, li la l-eżistenza u lanqas il-konsistenza tiegħu mhuma kkontestati mill-istituzzjoni, tinkludi għalhekk, fil-kap tal-Komunità, obbligu ta’ kumpens tal-konsegwenzi dannużi tagħha.

155    Fil-fatt, l-argument mqajjem mill-konvenuta dwar id-diffikultà inerenti għat-twettiq ta’ analiżi kumplessa ta’ swieq taħt limitazzjoni ta’ żmien riġida ħafna huwa irrilevanti, għaliex il-fatt li kkawża d-dannu in kwistjoni mhijiex l-analiżi tas-swieq rilevanti mill-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti jew tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà iżda l-ommissjoni fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti ta’ referenza essenzjali fil-konsegwenzi tagħha u fid-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li ma fiha ebda diffikultà teknika partikolari, billi ma teħtieġ l-ebda eżami speċifiku supplementari li ma setax ikun imwettaq għal raġunijiet ta’ żmien u li n-nuqqas tiegħu ma jistax ikun attribwit għal problema ta’ redazzjoni fortuwitu jew aċċidentali li l-qari globali tal-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tippermetti li tikkumpensa.

156    Minn dan jirriżulta li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider għandu jiġi kkunsidrat fil-kawża preżenti bħala ksur manifest u gravi mill-Kummissjoni tal-limiti li huma imposti fuqha u jikkostitwixxi, bħala tali, ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

157    Għaldaqstant, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider jammonta, min-naħa tal-Kummissjoni, għal żball ta’ natura li jagħti lok għal responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità, sakemm tiġi stabbilita wkoll l-eżistenza ta’ dannu reali u ċert u rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn dan id-dannu u l-ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jammonta għal żball.

158    Qabel ma jiġi eżaminat jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex sodisfatti, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina għal darb’oħra jekk il-Kummissjoni ma adottatx fir-rigward tar-rikorrenti, matul il-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni, imġiba ġeneralment illegali li minnha rriżulta, hekk kif issostni Schneider, jew aggravament tad-dannu kkawżat mid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà illegali, jew inkella dannu distint ikkostitwit minn spejjeż ġodda sostnuti mir-rikorrenti.

159    Sa fejn l-ilmenti li r-rikorrenti tindirizza lill-Kummissjoni flimkien ma’ dawk li ġew ikkonstatati mis-sentenza Schneider I jippreżentaw ruħhom bħala addizzjonali għal dawn u b’hekk jikkostitwixxu, skond il-każ, ċirkustanzi li jiġġeneraw danni addizzjonali għall-illegalitajiet prinċipali, huma għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-kriterji ġenerali tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, liema jippresupponu, kif intqal fil-punti 113 sa 126 iktar ’il fuq, ksur suffiċjentement serju tar-regola ta’ dritt mill-istituzzjoni Komunitarja.

 Fuq l-illegalitajiet l-oħra ta’ l-imġiba tal-Kummissjoni preżunti li aggravaw id-dannu allegatament subit minħabba d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà jew li kkawżaw dannu distint

 Fuq in-nuqqas ta’ lealtà

–       L-argumenti tal-partijiet

160    Schneider tikkunsidra li l-Kummissjoni naqset mil-lealtà fir-rigward tagħha billi tatha illegalment l-impressjoni li deċiżjoni ta’ kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni kienet prevedibbli, billi ma wissitiex kmieni biżżejjed li hija kellha l-intenzjoni tipprojbixxi l-operazzjoni u billi ma informathiex dwar l-eżistenza ta’ ostakoli għall-awtorizzazzjoni ta’ l-operazzjoni.

161    Fil-fatt, il-Kummissjoni qatt ma informat lil Schneider dwar l-ilment ta’ appoġġ qabel l-24 ta’ Settembru 2001, għalkemm kellha l-elementi li hija kellha bżonn sabiex tiddeċiedi fuq dan il-punt qabel it-tfassil tal-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tagħha tat-3 ta’ Awwissu 2001. Il-pożizzjonijiet dominanti tal-partijiet għall-operazzjoni fis-swieq settorjali in kwistjoni u l-importanza tal-mezzi ta’ distribuzzjoni kienu trattati għal żmien twil fil-formularju CO u identifikati malajr ħafna mill-Kummissjoni.

162    Mix-xahar ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jwassluha sabiex tafferma f’Ottubru 2001 li l-appoġġ tal-pożizzjonijiet rispettivi tal-partijiet notifikanti jammontaw għal ostakolu għall-konċentrazzjoni.

163    Dan in-nuqqas ta’ lealtà hija kkorroborata mid-dikjarazzjoni tal-kummissarju responsabbli għal kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni ppubblikata f’“Le Monde” tat-8 ta’ Novembru 2001 u li skond din “[…] meta s-saħħa ta’ l-impriżi qabel il-merger tagħhom hija tali li l-ebda ‘miżura korrettiva’ ma tista’ tinstab, il-Kummissjoni m’għandha ebda għażla oħra ħlief li tipprojbixxi l-merger […]”.

164    Il-Kummissjoni twieġeb li hija ma kinitx tiddisponi f’Mejju 2001 mill-elementi kollha neċessarji għall-konklużjoni ta’ analiżi kompetittiva u għall-identifikazzjoni ta’ problemi eventwali ta’ kompetizzjoni. Kien ikun żgur prematur li kieku l-Kummissjoni esprimiet, f’dan iż-żmien, oppożizzjoni ta’ prinċipju għall-operazzjoni, jekk mhux ukoll ksur ta’ l-obbligu tagħha ta’ segretezza u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

165    Id-dikjarazzjoni tal-kummissarju hija nieqsa minn rilevanza għaliex hija ġiet wara d-deċiżjoni ta’ inkompatibiltà u tillimita ruħha li tippreżenta a posteriori l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

166    Fi kwalunkwe każ, Schneider setgħet, fil-kwalità tagħha ta’ operatur normalment avżat, tevalwa r-riskji differenti li jippreżenta l-operazzjoni taħt il-liġi Franċiża u taħt id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, minħabba s-saħħa kbira tal-partijiet fi Franza.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

167    Jeħtieġ li jingħad li l-allegazzjonijiet ta’ Schneider ma jippermettux li l-ilment ta’ nuqqas ta’ lealtà jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement stabbilit.

168    B’mod partikolari, Schneider ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel referenza għall-indizzji gravi, preċiżi u konkordanti ta’ natura li jistabbilixxu li, kif ir-rikorrenti kienet sostniet fir-rikors tagħha T‑310/01, il-Kummissjoni xtaqet, qabel id-diskussjoni tal-miżuri korrettivi proposti minn Schneider, tipprojbixxi mill-bidu l-operazzjoni għar-raġunijiet ta’ prinċipju billi teskludi a priori kull rimedju għall-inkompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni.

169    Il-preżentazzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża ma tippermettix li jiġi eskluż li l-Kummissjoni kienet kapaċi tevalwa oġġettivament u b’għarfien sħiħ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq is-swieq differenti settorjali nazzjonali kkonċernati biss fl-istadju tat-tfassil tal-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-3 ta’ Awwissu 2001, wara li eżaminat u użat kwantità ta’ informazzjoni mogħtija minn Schneider u Legrand fl-iskadenza ta’ terminu ta’ risposta ta’ diversi ġimgħat u li, kif issostni r-rikorrenti stess fir-rikors tagħha fil-kawża T‑310/01, kienet vasta u kumplessa.

170    Jeħtieġ li jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li l-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti għandha preċiżament bħala għan li tforni l-elementi kollha neċessarji li jippermettu lill-impriżi li jsostnu b’mod xieraq il-perspettiva tagħhom fuq l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni, wara l-użu ta’ l-informazzjoni mogħtija minn qabel mill-partijiet interessati, fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata, sabiex imbagħad jippermettu lill-Kummissjoni li tippronunzja ruħha permezz ta’ deċiżjoni finali f’għarfien sħiħ tal-kawża.

171    Jekk in-nuqqas li l-ilment ta’ appoġġ jissemma fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-3 ta’ Awwissu 2001 jammonta għal ksur serju tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider, min-naħa l-oħra, ma jirriżultax b’mod flagranti mill-atti li din l-illegalità għandha neċessarjament tkun mifhuma bħala li tirriżulta minn nuqqas ta’ lealtà minn naħa tal-Kummissjoni.

172    Id-dikjarazzjoni kkontestata tal-kummissarju responsabbli mill-kompetizzjoni, riprodotta fil-punt 163 iktar ’il fuq, ma twassalx neċessarjament għall-analiżi mressqa minn Schneider. Mhuwiex eskluż li l-kummissarju kellu l-intenzjoni, permezz ta’ l-użu tal-preżent ta’ l-indikattiv, li jistabbilixxi regola ġenerali li ma tapplikax biss għall-operazzjoni, billi barra minn hekk din ma kinitx l-unika kawża ċċitata fid-dikjarazzjoni kkontestata.

173    Id-dikjarazzjoni in kwistjoni b’hekk f’din il-kawża ma tistax tiġi interpretata b’mod ċert bħall-manifestazzjoni a posteriori ta’ volontà diskussa mill-Kummissjoni li topponi mill-bidu ostaklu ta’ prinċipju għall-operazzjoni.

174    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ lealtà attribwita lill-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

175    Għaldaqstant, hemm lok li t-talbiet ta’ Schneider jiġu miċħuda.

 Fuq il-ksur tad-dritt ta’ Schneider li tinstema minn awtorità imparzjali

–       L-argumenti tal-partijiet

176    Schneider issostni li d-deċiżjonijiet ta’ organu amministrattiv li ma jistgħux ikunu s-suġġett, bħad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-verifika tal-konċentrazzjonijiet, ta’ rikors ta’ reviżjoni amministrattiva konformi mal-garanziji offerti mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”), li tiggarantixxi lill-persuni kkonċernati d-dritt għal smigħ xieraq, għandhom josservaw din id-dispożizzjoni mill-istadju tal-proċedura amministrattiva ta’ verifika.

177    Madankollu, l-assenjar ta’ l-istess grupp ta’ uffiċjali għall-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ inkompatibbiltà u tas-separazzjoni jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ imparzjalità stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

178    Minbarra dan, ikun possibbli li tiġi kkontestata l-oġġettività u n-newtralità ta’ l-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni li twettqet l-għada ta’ l-għoti tas-sentenzi Schneider I u Schneider II, minħabba l-kompożizzjoni identika, għall-inqas in parti, tat-timijiet li suċċessivament segwew t-tmexxija ta’ l-operazzjoni matul il-proċedura tal-verifika kollha.

179    Il-Kummissjoni toġġezzjona li nuqqas fid-dover tagħha ta’ imparzjalità ma ġiex stabbilit u li hija mhijiex “qorti” skond l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-osservanza ta’ din id-dispożizzjonu hija totalment assigurata, fid-dawl tad-dritt ta’ l-impriżi li jitolbu lill-imħallef Komunitarju l-annullament tad-deċiżjonijiet adottati skond id-dispożizzjonijiet tar-regolament.

180    Minbarra dan, l-ebda regola ta’ dritt jew ta’ deontoloġija ma topponi li l-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni jiġi fdat lit-tim ta’ uffiċjali li jassiguraw il-verifika inizjali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

181    L-osservanza tad-dritt tal-persuni kkonċernati sabiex il-kawża tagħhom tinstema minn qorti indipendenti u imparzjali hija ggarantita mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni, li għalih jirreferi l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u ġiet stabbilita mill-ġdid fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

182    Bħala parti integrali tad-drittijiet fundamentali protetti fis-sistema ġuridika Komunitarja u fir-rigward ta’ liema l-imħallef Komunitarju jassigura l-ossevanza mill-Kummissjoni fit-tmexxija tal-proċeduri tagħha ta’ verifika tal-konċentrazzjonijiet, id-dritt għal smigħ xieraq jistabbilixxi b’mod manifest regola li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-persuni kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza du 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II‑1173, punti 102 u 103).

183    Madankollu, l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ma jipprojbixxix, sakemm id-dritt għal qorti imparzjali jkun iggarantit, l-intervent minn qabel ta’ l-organi amministrattivi li ma jissodisfawx taħt l-aspetti kollha r-regoli li japplikaw għall-proċedura quddiem il-qrati (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Le Compte vs Il-Belġju tat-23 ta’ Ġunju 1981, Serje A Nru 43, paragrafu 51).

184    F’dan il-każ partikolari, ir-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 230 KE kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(3) u (4) tar-regolament jikkostitwixxi rimedju ġurisdizzjonali li jinkludi l-garanziji mitluba mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni.

185    Minbarra dan, l-ebda regola ta’ dritt kif ukoll l-ebda prinċipju ma tipprekludi lill-Kummissjoni milli tafda f’idejn l-istess uffiċjali l-eżami mill-ġdid ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni li tiddikjara dik l-operazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni.

186    Wieħed ma jistax, bħala prinċipju ġenerali li jirriżulta mill-obbligu ta’ imparzjalità, jgħid li istanza amministrattiva jew ġudizzjarja għandha l-obbligu li tirrinvija l-kawża lil awtorità oħra jew lil organu ieħor ikkostitwit minn din l-awtorità (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Ringeisen vs L-Awstrija tas-16 ta’ Lulju 1971, Serje A Nru 13, punt 97).

187    Għal dak li jirrigwarda s-sezzjoni dixxiplinari tal-kunsill ta’ assoċjazzjoni professjonali, il-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-Bniedem setgħet issostni li wieħed ma setgħax jara raġuni ta’ suspett leġittimu fiċ-ċirkustanza li tlieta mis-sitt membri ta’ din is-sezzjoni ħadu sehem f’deċiżjoni mogħtija fuq rinviju wara appell minn deċiżjoni preċedenti li kienu ikkontribwixxew għall-elaborazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Diennet vs Franza tas-26 ta’ Settembru 1995, Serje A Nru 325‑A, punt 38).

188    Minn dan jirriżulta li l-identiċità totali jew parzjali tat-timijiet ta’ uffiċjali responsabbli mill-istadji differenti ta’ verifika ta’ l-operazzjoni ma tikkostitwixxix, minn naħa tal-Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

189    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ Schneider ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq l-intransiġenza murija mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-metodi ta’ separazzjoni ta’ Schneider u ta’ Legrand

–       L-argumenti tal-partijiet

190    Schneider tikkritika lill-Kummissjoni li kienet indebitament intransiġenti fuq il-metodi ta’ separazzjoni ta’ Legrand. Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tawtorizza lill-Schneider sabiex teżamina trasferiment ta’ l-assi tagħha f’Legrand minbarra separazzjoni pura u sempliċi kienet iddisswadiet lill-operaturi industrijali kollha, li għalihom iż-żieda fil-valur ta’ l-ishma Legrand, li tat lok għal sinerġiji industrijali u kummerċjali, kienet tkun bla dubju aktar għolja minn dik ta’ investituri finanzjari, li kienu l-uniċi f’pozizzjoni li jipparteċipaw fil-proċess tal-bejgħ bil-kundizzjonijiet ta’ separazzjoni imposti mill-Kummissjoni.

191    Il-projbizzjoni ta’ prinċipju impost fuq Schneider milli żżomm jew terġa’ tixtri ċerti ishma ta’ Legrand kienu waqqfu lir-rikorrenti milli żżomm it-titoli li setgħu jippermettulha twettaq parti mis-sinerġiji previsti u fixklu s-setgħa tagħha ta’ negozjar ma’ akkwirenti potenzjali.

192    L-għażla bejn separazzjoni, trasferiment jew introduzzjoni fil-borża u l-possibbiltà li żżomm parti mill-kapital ta’ Legrand u li żżomm temporanjament kreditu fuq Legrand jew fuq l-akkwirent tagħha kellhom ikunu kkunsidrati fid-dawl tal-ħtiġijiet l-oħra kollha tal-Kummissjoni.

193    Minkejja l-proroga tat-terminu ta’ separazzjoni, il-pressjonijiet kostanti u l-attitudni sistematikament negattiva tal-Kummissjoni kienu ġiegħlu lil Schneider ma tinterrompix jew twettaq aktar bil-mod is-separazzjoni. Din il-proroga fil-fatt ma kinitx tkun apparenti peress li ma kinitx tippreġudika “it-twettiq ta’ l-istadji neċessarji għall-proċess ta’ separazzjoni fit-terminu hekk kif prorogat”.

194    Il-Kummissjoni tikkunsidra għall-kuntrarju li hija tat prova ta’ flessibbiltà kbira. Filwaqt li l-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 kienet tipprovdi separazzjoni permezz tad-distribuzzjoni ta’ ishma ta’ Legrand lit-titolari ta’ ishma ta’ Schneider pro rata skond is-sehem tagħhom, id-deċiżjoni ta’ separazzjoni ppermettiet lill-parti kkonċernata, fuq talba tagħha, li tagħżel bejn separazzjoni, trasferiment jew introduzzjoni fil-borża, li żżomm sehem mill-kapital ta’ Legrand, jew inkella li titlob l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni sabiex iżżomm provviżorjament kreditu fuq Legrand jew fuq l-akkwirent tagħha.

195    Billi d-deċiżjoni ta’ separazzjoni kienet biss metodu ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, separazzjoni ta’ Schneider u ta’ Legrand li tippreserva d-daqs ta’ din ta’ l-aħħar ma tistax tiġi kkunsidrata bħala indiċi ta’ intransiġenza.

196    Is-soluzzjoni ta’ l-akkwirenti finanzjarji kienet iffavorita minn Schneider stess. Barra minn hekk, l-akkwirenti industrijali ma kinux aċċettaw is-surcharge meħtieġ minnhom minn Schneider, meta mqabbla ma’ l-akkwirenti finanzjarji.

197    Fuq proposta tal-bank konsulent ta’ Schneider, il-Kummissjoni kienet tat il-kunsens tagħha li testendi minn sitta għal disa’ xhur it-terminu ta’ separazzjoni. Il-Kummissjoni kienet awtorizzat proroga supplementari ta’ tliet xhur, jiġifieri sal-5 ta’ Frar 2003, għalkemm irriżervat l-eventwalità ta’ proroga ġdida. Barra min hekk, id-deċiżjoni ta’ separazzjoni kienet ippermettiet li jiġi pprorogat dan it-terminu, fuq talba ta’ Schneider, f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

198    Hekk kif hija tikkontesta l-metodi tas-separazzjoni, Schneider tpoġġi fid-diskussjoni l-legalità intrinsika, fid-dawl ta’ l-Artikolu 8(4) tar-regolament, tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni li ġiet annulata mill-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ inkompatibiltà li tagħha hija kienet tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni (ara punti 44 u 58 iktar ’il fuq), u għalhekk mingħajr ma kellhom jiġu eżaminati l-merti tagħha.

199    Meta operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tkun, bħal f’dan il-każ partikolari, diġà twettqet fil-mument meta l-Kummissjoni tikkonstata l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, l-Artikolu 8(4) tar-regolament jawtorizza l-istituzzjoni sabiex tordna kull azzjoni xierqa sabiex tistabbilixxi kompetizzjoni effettiva.

200    Mingħajr il-bżonn li jiġi deċiż jekk din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, ma jistax jingħad li huwa stabbilit li l-Kummissjoni kisret tali regola b’mod manifest u gravi billi talbet separazzjoni taż-żewġ partijiet f’operazzjoni li tipproteġi l-intanġibbiltà tad-daqs ta’ Legrand u billi pprojbixxiet kull trasferiment mill-ġdid ulterjuri ta’ attivitajiet ta’ Legrand lil Schneider.

201    Fil-fatt, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-pożizzjonijiet dominanti ta’ impriżi notifikanti fuq is-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa affettwati mill-operazzjoni, id-differenza li tissepara l-partijiet tagħha tas-suq minn dawk tal-kompetituri immedjati tagħha, il-fama tad-ditti tagħhom fi Franza, kif ukoll l-għajba tar-rivalità tradizzjonali bejn iż-żewġ partijiet ikkonċernati.

202    Minbarra dan, l-għażla tal-mezzi ġuridiċi ta’ separazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-punt 105 tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni, tħalliet f’idejn Schneider, sakemm dawn jeskludu sehem sinjifikattiv tar-rikorrenti fil-kapital ta’ Legrand u jiggarantixxu l-bejgħ tal-grupp Legrand mingħajr separazzjoni distinta ta’ ċerti attivitajiet ta’ Legrand.

203    Minbarra dan, Schneider ma wrietx li t-terminu ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni kien manifestament qasir wisq. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprorogat bi 3 xhur it-terminu inizjalment stabbilit għal sitt xhur fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tal-21 ta’ Ottubru 2001.

204    Fil-premessa 122 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li hija disposta, minn naħa, li tawtorizza perijodu addizzjonali ta’ tliet xhur, li fih il-mandatarju jingħata mandat irrevokabbli u esklużiv ta’ bejgħ sabiex Schneider tingħata l-flessibbiltà neċessarja fin-negozjati tagħha ma’ l-akkwirenti jew investituri potenzjali u, min-naħa l-oħra, li ttawwal dawn it-termini jekk issirilha talba għal dan il-għan, sakemm Schneider jew il-mandatarju jkunu f’pożizzjoni li juru li għamlu mill-aħjar tagħhom sabiex it-terminu jiġi osservat.

205    Fis-seduta li seħħet fit-23 ta’ April 2002 quddiem l-qorti tar-rinviju fil-kawża T‑77/02 R, il-Kummissjoni tat lil Schneider, fis-26 ta’ April 2002, proroga ta’ tliet xhur, u b’hekk iddifferixxiet it-terminu ta’ separazzjoni għall-5 ta’ Frar 2003, jiġifieri għal terminu ta’ skadenza ta’ sena min-notifika tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni, mingħajr preġudizzju għall-fakoltà rriżervata lil Schneider li titlob, f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, proroga supplementari.

206    Anki jekk wieħed jammetti li t-trasferiment ta’ impriża tad-daqs ta’ Legrand iseħħ in ġenerali f’termini li jistgħu jkunu ta’ aktar minn sena, kif jistgħu jagħtu l-impressjoni l-kliem użati fir-rigward ta’ Schneider fil-punt 110 tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, f’dan il-każ kellha tkun ir-rikorrenti li tfittex proroga ġdida. Madankollu, ma jirriżultax mill-atti li hija għamlet dan.

207    Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-risposta tagħha tas-7 ta’ Novembru 2001 għall-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tal-Kummissjoni ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, Schneider kienet, qabel id-deċiżjoni ta’ separazzjoni stess, diġà għamlet kuntatt ma’ l-akkwirenti potenzjali.

208    Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-punt 5 ta’ l-Anness II tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni, dan jimponi biss l-adozzjoni, skond il-mezzi magħżula, ta’ att ġuridiku irreversibbli, li l-eżekuzzjoni materjali tiegħu għandha sseħħ fit-tliet xhur wara l-adozzjoni ta’ dan l-att.

209    Għalhekk wieħed jista’ jassumi biss li l-Kummissjoni kienet imponiet fuq Schneider, sabiex tissepara minn Legrand, il-mezzi u t-terminu ta’ separazzjoni li jikkostitwixxu ksur manifest u gravi tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali ta’ l-istituzzjoni.

210    Għaldaqstant, l-argumentazzjoni ta’ Schneider ma tistax tiġi milqugħa.

 Fuq l-instrumentalizzazzjoni tat-tensjoni li seħħet bejn il-partijiet fl-operazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

211    Schneider tallega li l-Kummissjoni żiedet it-tensjonijiet li seħħew bejn il-partijiet fl-operazzjoni l-għada tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, b’mod partikolari, billi ma ħallithiex issir taf fi żmien xieraq l-elementi mogħtija minn Legrand fid-diskussjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni.

212    Il-Kummissjoni kienet uriet l-istess attitudni l-għada tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni. Il-Kummissjoni kienet wasslet lil Legrand sabiex tintroduċi kontra Schneider azzjoni ġudizzjarja fi Franza f’Novembru 2002, u sussegwentement issuġġettat ir-raġunament tagħha fuq l-adegwatezza tal-miżuri ġodda korrettivi ta’ Schneider għas-sentenza ċċitata tal-cour d’appel de Versailles.

213    Il-Kummissjoni twieġeb li l-bidla fl-attitudni ta’ Legrand tirriżulta pjuttost minn kunflitt ta’ interessi eventwali bejn il-partijiet fl-operazzjoni.

214    B’mod partikolari, Schneider ma ressqet l-ebda element konkret li juri n-nuqqas tagħha ta’ aċċess għall-elementi tal-fajl mogħtija minn Legrand. Wara li rċeviet il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti in kwistjoni f’Jannar 2002, Schneider lanqas ma ppreżentat it-talba speċifika ta’ aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

215    L-allegazzjonijiet ta’ Schneider ma jippermettux li l-ilment ta’ strumentalizzazzjoni mill-Kummissjoni tat-tensjonijiet li kienu seħħew bejn il-partijiet fl-operazzjoni jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement stabbilit.

216    Jeħtieġ li jingħad b’mod partikolari li l-Kummissjoni sostniet fil-punt 88 tar-risposta tagħha, mingħajr ma ġiet kontradetta minn Schneider, li tat lir-rikorrenti f’Jannar 2002 verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li jikkonċernaw Legrand u lista li tinkludi sunt mhux kunfidenzjali ta’ informazzjoni li saret inaċċessibbli. Issa, ma jirriżultax mill-proċess li Schneider kienet ippreżentat talba speċifika ta’ aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti.

217    Barra minn hekk, la l-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni li tippreżerva d-daqs ta’ Legrand fid-deċiżjoni ta’ separazzjoni, la t-teħid in kunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tar-rimedji proposti minn Schneider, u lanqas ebda att ieħor imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni ma jistgħu jkunu oġġettivament ikkunsidrati, b’mod ċert, bħala ispirati minn intenzjoni li tiġi megħjuna d-degradazzjoni tar-rapporti bejn il-partijiet fl-operazzjoni.

218    Għaldaqstant, it-talbiet ta’ Schneider għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-kompetenza esklużiva tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

219    Schneider tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret b’mod gravi u manifestament il-kompetenza esklużiva li r-regolament jirrikonoxxilha billi tissuġġetta l-evalwazzjoni tal-validità tal-miżuri korrettivi proposti mir-rikorrenti matul l-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni għad-dispożittiv tas-sentenza tal-cour d’appel de Versailles tad-29 ta’ Novembru 2002 li tiddeċiedi b’mod provviżorju fuq kwistjoni ta’ dritt purament kuntrattwali nazzjonali.

220    Il-Kummissjoni tqis li fl-ebda mument ma rrinunzjat għall-kompetenza esklużiva u lanqas, iktar u iktar, ma wettqet illegalità suffiċjentement serja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

221    Fl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-verifika li hija għandha sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ daqs Komunitarju, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-ftehim li jorbtu l-partijiet notifikanti, sakemm il-kundizzjonijiet tagħhom ikunu legali skond id-dritt nazzjonali applikabbli.

222    Schneider hija żbaljata meta ssostni li l-Kummissjoni ssuġġettat l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha sabiex tevalwa l-validità tal-miżuri korrettivi tagħha għad-dispożittiv tas-sentenza tal-cour d’appel de Versailles iċċitata. F’dan ir-rigward, mhuwiex fil-fatt in kwistjoni l-primat tar-regoli tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni fuq dawk tad-dritt nazzjonali iżda l-istabbiliment ta’ l-effetti li jingħataw lil ftehim tad-dritt privat mid-dritt nazzjonali li jirregola tali effetti skond id-dritt Komunitarju.

223    B’hekk ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju, billi ddeduċiet il-karattru inċert u b’hekk, inaċċettabbli, tal-proposti ta’ trasferiment ta’ l-attivitajiet ta’ Legrand imressqa minn Schneider mill-fatt li jmorru kontra ftehim tad-dritt privat li jaqa’ b’mod regolari fl-ambitu tad-dritt nazzjonali u li, skond il-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali kompetenti, jorbot lill-partijiet fl-operazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt.

224    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumentazzjoni ta’ Schneider ma tistax tirnexxi.

 Fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni bi bona fede tas-sentenza Schneider I

–       L-argumenti tal-partijiet

225    Ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza Schneider I ċaħdet l-analiżi tal-Kummissjoni fuq is-swieq kollha minbarra s-swieq settorjali Franċiżi. Il-Kummissjoni b’hekk ma kellha l-ebda raġuni li terġa tkompli l-eżami tagħha ta’ l-operazzjoni fil-fażi I, meta barra minn hekk hija kienet taf li fl-iskadenza tat-terminu tal-5 ta’ Diċembru 2002, terminu mogħti lil Schneider permezz tal-kuntratt ta’ trasferiment sabiex tinvoka l-klawżola ta’ terminazzjoni tal-bejgħ ta’ Legrand, ir-rikorrenti kienet ser titlef il-benefiċċji ta’ l-isforzi li hija kienet għamlet sabiex tnaqqas id-dannu tagħha.

226    Schneider loġikament insistiet ukoll sabiex il-proċedura ta’ verifika terġa’ tibda l-għada tas-sentenza Schneider I fuq il-bażi tat-terminu ta’ sitt ġimgħat tal-fażi I. Dan it-terminu kellu jippermetti lill-Kummissjoni teżegwixxi bi bona fede s-sentenza Schneider I billi tagħti lir-rikorrenti l-possibbiltà li tippreżenta, skond il-każ, il-miżuri korrettivi adegwati.

227    Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II ta’ l-4 ta’ Diċembru 2002 kienet barra minn hekk ivvizzjata minn diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ma mxietx ma’ l-iskema analitika mfassla mis-sentenza Schneider I. L-analizi tal-kompetizzjoni tas-swieq in kwistjoni kkunsidrati fl-aħħar nett mill-Kummissjoni jippreżentaw l-istess tip ta’ omissjonijiet, ta’ żbalji u ta’ kontradizzjonijiet gravi li wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

228    Il-Kummissjoni teskludi li t-tkomplija tal-proċedura ta’ verifika fl-istadju tal-fażi I tista’ tkun ikkunsidrata bħala indizzju ta’ mala fede. Is-soluzzjoni adottata, fuq talba ta’ Schneider, kienet l-unika waħda li tippermetti l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali pożittiva fuq l-operazzjoni qabel il-5 ta’ Diċembru 2002.

229    L-analiżi ekonomika magħmula mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-data aġġornata minn Schneider hija konformi għal kollox ma’ dik validata fuq il-mertu tas-sentenza Schneider I, wara li l-Kummissjoni ħadet ħsieb li tippreċiża b’mod aktar ċar l-ilment ta’ appoġġ.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

230    Jirriżulta mill-punt 48 tad-digriet tad-9 ta’ Marzu 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li, kuntrarjament għal dak li ssostni Schneider, il-Kummissjoni setgħet legalment tagħżel it-tkomplija tal-proċedura tal-verifika ta’ l-operazzjoni fil-fażi I, sabiex tieħu l-konsegwenzi tas-sentenza Schneider I, iċċitata iktar ’il fuq, billi tieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex tiggarantixxi n-nuqqas ta’ ksur eventwali tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider.

231    Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti mhumiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu li l-analiżi ta’ kompetizzjoni tas-swieq settorjali Franċiżi rilevanti li tinsab fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-fażi II tippreżenta l-istess nuqqasijiet bħal dawk li affettwaw l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq is-swieq settorjali nazzjonali esterni għall-Franza li tinsab fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u kkundannata mis-sentenza Schneider I.

232    L-iżbalji ta’ analiżi ppenalizzati mis-sentenza Schneider I ma setgħux ikollhom effett fuq l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq is-swieq settorjali Franċiżi, minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawn l-aħħar imsemmija.

233    Jirriżulta minn qari flimkien tal-punti 413 u 415 tas-sentenza Schneider I li mhux possibbli li tiġi kkontestata l-konklużjoni li tgħid li t-tranżazzjoni proposta toħloq jew isaħħaħ fuq is-swieq settorjali Franċiżi materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa, fejn kull waħda mill-partijiet notifikanti kienet diġà b’saħħitha ħafna, pożizzjoni dominanti li għandha bħala effett, skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament, xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew, għall-inqas, f’parti sostanzjali ta’ din.

234    Ġew ikkunsidrati f’dan ir-rigward bħala rilevanti l-ishma ta’ dawn is-swieq indikattivi ta’ dominanza jew ta’ pożizzjoni dominanti msaħħa ta’ l-entità li ngħaqdet, l-aktar livell għoli tal-prezzijiet tal-materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa għad-distribuzzjoni bl-ingrossa, l-għajba tar-rivalità tradizzjonali bejn iż-żewġ ex atturi prinċipali, kif ukoll il-fama tad-ditti taż-żewġ imsieħba.

235    Huwa wkoll importanti li wieħed jinnota li huwa suffiċjenti li jkun hemm dubji serji fuq il-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni sabiex tittieħed id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II skond l-Artikolu 6(1)(c) tar-regolament, filwaqt li l-prova tal-kreazzjoni jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti hija meħtieġa mill-Kummissjoni mill-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament meta hija tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni abbażi ta’ l-Artikolu 8(3).

236    Għaldaqstant, ma jirriżultax li fl-evalwazzjoni, għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza Schneider I, tal-problemi ta’ kompetizzjoni residwi li jirriżultaw mill-operazzjoni fis-swieq settorjali Franċiżi li għadhom ikkunsidrati bħala rilevanti, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

237    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tilqa’ l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

 Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

238    Schneider issostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tagħha ta’ difiża fl-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni meta din sabet ruħha fl-impossibbiltà li ssir taf ir-riżultati tat-testijiet tas-suq magħmula mill-Kummissjoni u li tirrispondi korrettament għad-diffikultajiet li huma setgħu juru.

239    Il-Kummissjoni twieġeb li aċċess tal-partijiet għal konċentrazzjoni għar-riżultati ta’ investigazzjoni tas-swieq bħal dawk li seħħew f’Novembru 2002 mhux previst matul il-fażi tal-verifika li tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II u li aċċess bħal dan ma jistax jirriżulta mill-prinċipju ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

240    Jekk l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża hija imposta qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tippreġudika lill-impriżi kkonċernati, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II adottata wara t-testijiet tas-suq in kwistjoni ma tammontax għal att li jippreġudika lil Schneider (digriet tal-31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 76, ikkonfermata mid-digriet tad-9 ta’ Marzu 2007 Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 72), li l-legalità tagħha tiddependi fuq l-osservanza ta’ dawn id-drittijiet.

241    Il-Kummissjoni b’hekk ma wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tikkonferixxi d-drittijiet lil individwi, billi ma kkomunikatx lil Schneider ir-riżultati tat-testijiet tas-swieq tal-fażi I tal-proċedura tal-verifika ta’ l-operazzjoni li tkompliet l-għada ta’ l-għoti tas-sentenzi Schneider I u Schneider II.

242    Għaldaqstant, it-talbiet ta’ Schneider għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-analiżi żbaljata, żleali u diskriminatorja tal-miżuri korrettivi proposti minn Schneider f’Novembru 2002

–       L-argumenti tal-partijiet

243    Schneider tikkritika lill-Kummissjoni talli sostniet l-eżistenza ta’ dubji serji fuq il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni skond l-Artikolu 6(1)(c) tar-regolament, minflok applikat il-kriterju bbażat fuq l-Artikolu 2(3) tal-kreazzjoni jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li fuqu għandha tkun ibbażata deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà abbażi ta’ l-Artikolu 8(3).

244    Schneider tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli kkunsidrat li l-miżuri korrettivi tagħha ta’ Novembru 2002 kienu insuffiċjenti, minkejja l-fatt li kienu ser ineħħu s-sovrapożizzjonijiet kollha ta’ l-attivitajiet ta’ Schneider u ta’ Legrand fuq is-swieq affettwati, permezz ta’ trasferiment lil akkwirent uniku ta’ impriżi awtonomi u vijabbli, joffru gamma kunsiderevoli ta’ prodotti u ta’ ditti u aċċess faċilitat għad-distribuzzjoni, minħabba impenji komportamentali ta’ Schneider, jeqirdu kull riskju ta’ appoġġ min-naħa ta’ Schneider u jillimitaw l-lista ta’ l-akkwirenti potenzjali għall-industrijalisti kapaċi li jiżviluppaw l-entità ttrasferita.

245    L-impenji strutturali ta’ Schneider kienu flimkien ma’ impenji komportamentali, aċċettati mill-Kummissjoni f’kawżi oħra ta’ konċentrazzjoni, li jiffaċilitaw l-aċċess għad-distribuzzjoni u jneħħu kull riskju ta’ appoġġar.

246    Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li hija kkunsidrat li l-miżuri korrettivi ta’ Schneider ma jippermettux li jiġu eliminati l-problemi kollha ta’ kompetizzjoni identifikati fis-swieq Franċiżi tal-materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa u li huma jikkawżaw, minbarra n-nuqqas ta’ ċertazza legali li tirriżulta mis-sentenza tal-cour d’appel de Versailles, bosta problemi ta’ vijabbiltà, ta’ awtonomija u ta’ attitudni ta’ l-entitajiet ittrasferiti sabiex terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva. Il-Kummissjoni evalwat l-impatt ta’ dawn il-miżuri korrettivi fuq is-swieq affettwati għal dak li jirrigwarda l-ishma tas-suq, it-tneħħija tas-sovrapożizzjonijiet, is-saħħa tad-ditti li għandhom jiġu ttrasferiti u s-setgħa ta’ negozjar ta’ Schneider/Legrand mal-grossisti.

247    Minbarra l-fatt li kull każ ta’ konċentrazzjoni jqajjem problemi speċifiċi ta’ kompetizzjoni, il-miżuri ta’ mġiba proposti kellhom biss impatt limitat ħafna u l-verifika ta’ l-applikazzjoni tagħhom kienet qajmet diffikultajiet kunsiderevoli, fid-dawl tan-numru kbir ħafna ta’ prodotti u ta’ distributuri li għalihom dawn l-impenji kellhom l-intenzjoni li japplikaw.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

248    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 48 tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet legalment terġa’ tkompli mill-fażi I l-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni l-għada ta’ l-għoti tas-sentenza Schneider I.

249    Peress li hija kienet iddeċidiet li terġa tivverifika l-operazzjoni f’dan l-istadju, il-Kummissjoni kull ma setgħet tagħmel huwa li tapplika, fid-dawl tal-ftuħ tal-fażi II tal-verifika ta’ l-operazzjoni permezz tad-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Diċembru 2002, il-kriterju bbażat, skond l-Artikolu 6(1)(c) tar-regolament, fuq l-eżistenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni.

250    Għalhekk Schneider hija żbaljata li tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-kriterju tal-kreazzjoni jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament, li fuqu l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha meta tadotta deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq skond l-Artikolu 8(3).

251    Fir-rigward ta’ l-adegwatezza tal-miżuri korrettivi ta’ Schneider sabiex issolvi l-problemi ta’ kompetizzjoni residwi identifikati mill-Kummissjoni fuq is-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal ta’ l-elettriku ta’ tensjoni baxxa, huwa stabbilit li t-trasferiment ta’ attivitajiet ta’ Legrand propost minn Schneider jikkostitwixxi element ċentrali tad-dispożittiv tal-miżuri korrettivi ssuġġeriti.

252    Minn dan jirriżulta li l-irtirar, ordnat lill-Schneider mill-cour d’appel de Versailles, tal-proposti tagħha ta’ rtirar ta’ investiment għal dak li jikkonċerna l-assi ta’ Legrand ippreżentati mingħajr il-qbil ta’ din ta’ l-aħħar wassal sabiex jiġġustifika d-dubji li l-Kummissjoni tgħid li kompliet ikollha dwar il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni.

253    Barra min hekk, fir-rigward b’mod partikolari tas-saħħa li kellu fi Franza l-grupp Schneider/Legrand, minħabba l-preżenza kbira li kellu fis-segmenti kollha differenti tal-prodotti addizzjonali tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku ta’ tensjoni baxxa, l-għajba tar-rivalità tradizzjonali ta’ żewġ partijiet fl-operazzjoni u ż-żamma tad-ditti magħrufa mill-partijiet ikkonċernati, ma jirriżultax li l-Kummissjoni kisret b’mod gravi u manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-miżuri korrettivi ta’ Schneider ma kinux suffiċjenti sabiex jisparixxu d-dubji kollha serji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni.

254    Għaldaqstant, mhuwiex stabbilit li r-rifjut tal-Kummissjoni li tammetti l-adegwatezza ta’ dawn il-miżuri sabiex ineħħu d-dubji serji li hija kompliet ikollha dwar il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni jirriżulta, hekk kif issostni Schneider, minn analiżi żbaljata, żleali u diskriminatorja ta’ dawn il-miżuri.

255    Konsegwentement, it-talbiet ta’ Schneider f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

256    Jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti li l-ebda waħda mill-ilmenti relattivi għall-imġiba kollha adottata mill-Kummissjoni fil-proċedura tal-verifika ta’ l-operazzjoni ma żvelat ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandu bħala għan li jikkonferixxi drittijiet lil individwi.

257    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li ma jistax jiġi attribwit lill-Kummissjoni, minħabba l-fatt ta’ din l-imġiba ġenerali, la aggravazzjoni tad-dannu li Schneider tgħid li subiet minħabba l-ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, u lanqas l-ispejjeż li hija kienet sostniet fil-proċedura ta’ separazzjoni jew quddiem il-qrati Franċiżi.

258    Konsegwentement, iċ-ċirkustanza biss li Schneider ġiet miċħuda, minħabba n-nuqqas ta’ qbil bejn il-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-3 ta’ Awwissu 2001 u d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, mill-possibbiltà li jiġu ppreżentati l-miżuri korrettivi adatti sabiex isolvu l-problema ta’ l-appoġġar tal-pożizzjonijiet tagħha fuq dawk ta’ Legrand fuq is-swieq settorjali Franċiżi rilevanti toħloq fir-rigward tar-rikorrenti dritt sabiex tikseb kumpens għad-danni li hija sostniet b’konsegwenza ta’ din l-imġiba ħażina.

259    Konsegwentement, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina jekk id-difett fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, liema jikkostitwixxi żball ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, jistax jiġi kkunsidrat bħala konness mad-dannu invokat minħabba relazzjoni ta’ kawża u effett suffiċjentement diretta.

 Fuq ir-rabta kawżali allegata bejn il-ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u d-dannu invokat f’dan ir-rigward

 Fuq it-telf tal-valur ta’ l-ishma ta’ Legrand miżmuma minn Schneider

260    Id-dannu li Schneider invokat b’mod prinċipali hija bbażata fuq it-telf finanzjarju li ġie kkawżata lir-rikorrenti mill-obbligu li jinbiegħu l-assi ta’ Legrand għal prezz inferjuri għal dak li xtrathom.

261    Id-deċiżjoni ta’ separazzjoni, li hija illegali peress li tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà hija stess illegali, stabbiliet fil-fatt terminu għall-Schneider sabiex tittrasferixxi l-assi ta’ Legrand u pprekludietha milli twettaq kull trasferiment separat ta’ wħud minn dawn l-assi.

262    Konsegwentement, jekk, fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni nieqsa minn bażi legali, Schneider ma setgħetx tittrasferixxi l-assi li minnhom kienet obbligata tissepara mingħajr ma tbagħti telf, minħabba d-deprezzament fil-valur ta’ l-imsemmija assi bejn id-data ta’ l-akkwist tagħhom u d-data tat-trasferiment impost tagħhom, jeħtieġ li jingħad li dan it-telf huwa direttament ikkawżat mill-obbligu li tiġi eżegwita deċiżjoni illegali, ikunu xi jkunu min-naħa l-oħra r-raġunijiet li għalihom l-assi in kwistjoni tilfu l-valur fl-interval taż-żmien ikkunsidrat.

263    Madankollu, sabiex jiġi stabbilit id-dannu li jista’ jiġi attribwit lil azzjoni żbaljata ta’ istituzzjoni Komunitarja, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti tan-nuqqas li jiġġenera r-responsabbiltà u mhux dawk ta’ l-att li fih tali nuqqas, sakemm l-istituzzjoni setgħet jew kellha tadotta att ta’ l-istess effett mingħajr ma tikser ir-regola ta’ dritt.

264    Fi kliem ieħor, l-analiżi tar-rabta kawżali ma tistax titlaq mill-premessa żbaljata li tgħid li, fin-nuqqas ta’ att illegali, l-instituzzjoni tkun naqset milli taġixxi jew kellha tadotta att kuntrarju, li min-naħa tagħha tista’ tkun ukoll imġiba illegali, iżda għandha tagħmel paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata, għall-partijiet terzi kkonċernati, mill-azzjoni żbaljata u s-sitwazzjoni li tirriżulta għalih minn imġiba ta’ l-istituzzjoni li tosserva r-regola ta’ dritt.

265    Fil-każ fejn iċ-ċirkustanza ta’ żball li fuqha hija bbażata t-talba għal kumpens tinsab f’deċiżjoni li għandha bħala effett li tirrifjuta lil applikant awtorizzazzjoni jew miżura oħra favorevoli, ma jistax jiġi preżunt, għall-finijiet ta’ l-analiżi ta’ l-effetti ta’ l-iżball u tal-paragun bejn is-sitwazzjoni reali u s-sitwazzjoni legali kkonstatata, li, fin-nuqqas ta’ difett identifikat, l-applikant kien neċessarjament jibbenefika mill-awtorizzazzjoni jew mill-miżura oħra favorevoli li huwa kien qed jitlob.

266    Bl-istess mod, jeħtieġ li, meta jkun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża li jaffettwa deċiżjoni li tiddikjara merger ta’ impriżi inkompatibbli mas-suq komuni, ma jiġix sostnut li, fin-nuqqas ta’ dan il-ksur, il-operazzjoni nnotifikata kienet ġiet iddikjarata kompatibbli b’mod espliċitu jew impliċitu, iżda li ssir evalwazzjoni ta’ l-effetti li d-difett identifikat setgħa kellu fuq is-sens tad-deċiżjoni.

267    B’hekk, f’dan il-każ partikolari, id-dannu attribwibbli lill-Komunità ma jistax jiġi dedott mill-paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata mid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u sitwazzjoni kkaratterizzata mill-awtorizzazzjoni espressa jew taċita ta’ l-operazzjoni, ħlief fil-każ fejn l-qorti Komunitarja tkun f’pożizzjoni li tikkonstata li l-inkompatibbiltà ġiet iddikjarata mill-Kummissjoni bħala konsegwenza, diretta u ċerta, tal-ksur ta’ l-obbligi legali tagħha.

268    Għaldaqstant, hemm lok, sabiex tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjenti bejn in-nuqqas identifikat u d-dannu allegat, li tevalwa l-impatt tad-difett ikkunsidrat fis-sentenza Schneider I b’riżultat tal-proċedura tal-verifika ta’ l-operazzjoni.

269    F’dan ir-rigward, għalkemm jirriżulta mis-sentenza Schneider I li l-ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider kellu bħala effett li jrendi d-deċiżjoni ta’ inkompatibiltà illegali, madankollu ma jirriżultax li fin-nuqqas ta’ ksur bħal dan l-operazzjoni kellha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

270    Fil-fatt, is-sentenza Schneider I sostniet, fil-punt 465 tagħha, li, abbażi tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni involuti, skond l-Artikolu 233 KE, fl-annullament tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà minħabba din l-illegalità (ara s-sentenza Schneider I, punti 462 u 463), il-Kummissjoni kellha tpoġġi lil Schneider f’pożizzjoni li effettivament tressaq id-difiża tagħha kontra l-ilmenti li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat fir-rigward ta’ kull suq settorjali Franċiż tal-materjal ta’ l-elettriku ta’ tensjoni baxxa affettwata mill-operazzjoni u, fejn xieraq, li tipproponi l-miżuri korrettivi li jistgħu jwieġbu għal dawn l-ilmenti, b’mod li tinkiseb, eventwalment fi tmiem l-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni, deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni.

271    Hekk kif Schneider stess ammettiet fir-replika tagħha, l-analiżi ekonomika ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq is-swieq settorjali Franċiżi kkunsidrat fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà ma kinitx invalidata mis-sentenza Schneider I.

272    Għal dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Schneider I, il-Kummissjoni kienet għalhekk marbuta tagħmel il-verifika ta’ l-operazzjoni mingħajr ma teskludi li hija tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni u, għal dan il-għan, tisma’ lir-rikorrenti fuq l-ilment ta’ appoġġar u tieħu in kunsiderazzjoni l-miżuri korrettivi eventwali li setgħu jiġu ppreżentati minn Schneider u Legrand sabiex jiġu solvuti l-problemi tal-kompatibbiltà li jirriżultaw mill-appoġġar tal-pożizzjonijiet tagħhom rispettivi fis-swieq settorjali Franċiżi kkonċernati.

273    Għalgaqstant, ma kien hemm ebda obbligu proċedurali li jorbot lill-Kummissjoni, fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Schneider I, li tiddikjara l-operazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

274    Barra menn hekk, għandha tiġi miċħuda wkoll it-teżi żviluppata mir-rikorrenti fis-seduta li tgħid li teżisti preżunzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata.

275    Skond il-ġurisprudenza Komunitarja, ir-regolament ma joħloq l-ebda preżunzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata u f’kull każ hija l-Kummissjoni li għandha jkollha opinjoni ċara fuq din il-kompatibbiltà u li konsegwentement tieħu deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 61).

276    Operazzjoni ta’ konċentrazzjoni hija, ċertament, taċitament meqjusa li hija kompatibbli mas-suq Komuni meta, b’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tadottatx deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II fit-terminu ta’ xahar stabbilit mill-Artikolu 10(1) tar-regolament, jew tiddeċidi fuq il-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq Komuni fit-terminu ta’ erba’ xhur impost mill-Artikolu 10(3).

277    Madankollu, huwa stabbilit li l-ebda waħda minn dawn l-ipoteżijiet ma kienet ikkonstatata fil-kawża preżenti, billi l-Kummissjoni għalqet debitament u fit-termini previsti ż-żewġ fażijiet tal-verifika tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni permezz ta’ l-adozzjoni ta’ l-atti previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament.

278    Konsegwentement, id-difett identifikat fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà ma ċaħad lil Schneider minn ebda dritt għal deċiżjoni ta’ kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni, espliċita jew impliċita, li tiġġustifika li l-konsegwenzi kollha finanzjarji taċ-ċaħda ta’ dan id-dritt u, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mill-obbligu li jittrasferixxu l-assi ta’ Legrand, ikunu kkunsidrati bħala dannu attribwibbli lill-Komunità.

279    Jirriżulta li Schneider ma tistax issostni validament li hija sostniet, minħabba difett li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, dannu ugwali għat-totalità tat-telf tal-valur ta’ l-ishma ta’ Legrand miżmuma minnha fl-10 ta’ Ottubru 2001, jiġifieri somma bejn 2,483 u 3,326 biljun Euro, fin-nuqqas ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn dan id-dannu u l-ksur li jwassal għar-responsabbiltà Komunitarja.

280    Fis-sitwazzjoni fejn ma jkollhiex dritt għar-rikonoxximent tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni, ir-rikorrenti setgħet ċertament ikollha possibbiltà tajba li tikseb deċiżjoni favorevoli, possibbltà li jekk miċħuda tikkostitwixxi dannu ċert u li ma jistax jingħata kumpens għalih.

281    Fil-fatt, ma jkunx eskluż li, permezz ta’ l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ilment ta’ appoġġar u permezz tal-proposti ta’ rtirar ta’ investiment ta’ natura li jnaqqas jew jikkumpensa, fir-rigward ta’ dan l-ilment, l-impatt antikompetittiv ta’ l-operazzjoni proposta, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tistabbilixxi, suġġett għal żball ta’ evalwazzjoni, il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni.

282    Madankollu, hekk kif min-naħa l-oħra jsostni l-istudju mwettaq minn Schneider fuq l-istabbiliment tad-dannu allegat, huwa diffiċli li jiġi stabbilit it-tip u l-ammont ta’ l-investimenti rtirati li kienu neċessarji sabiex jagħmlu l-operazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u tinkiseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni fuq it-twettiq tagħha. Huwa aktar diffiċli sabiex jiġi stabbilit l-impatt fuq il-valur globali ta’ l-ishma miżmuma mill-impriża rikorrenti tat-trasferimenti u tat-tranżazzjonijiet li dawn il-miżuri korrettriċi kienu implikaw.

283    Jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-modifiki tal-parametri ekonomiċi li neċessarjament akkumpanjaw deċiżjoni eventwali tal-kompatibbiltà hija inċerta wisq sabiex tkun l-oġġett ta’ paragun utli mas-sitwazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà. Jekk wieħed jaċċetta li Schneider tilfet possibbiltà effettiva sabiex tikseb deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, it-twettiq ta’ din il-possibbiltà hija marbuta ma’ parametri inċerti wisq sabiex ikunu l-oġġett ta’ kwantifikazzjoni konvinċenti.

284    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li, minn naħa, it-trasferiment ta’ l-assi ta’ Legrand seta’ jirriżulta impossibbli biex jitwettaq minħabba raġunijiet tad-dritt intern u li, min-naħa l-oħra, huwa impossibbli li jiġi deċiż jekk it-trasferiment ta’ l-assi ta’ Schneider f’miżura suffiċjenti sabiex jiġi kkumpensat l-effett ta’ appoġġar tal-pożizzjonijiet tagħha għal dawk ta’ Legrand ma setax jikkawża l-għajba ta’ kull interess fl-operazzjoni għall-impriża rikorrenti.

285    Konsegwentement, kumpens għal dannu subit minn Schneider minħabba ċ-ċaħda ta’ possibbiltà serja li tkun tista’ żżomm l-assi ta’ Legrand hija inkonċepibbli.

286    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ma teżistix rabta kawżali suffiċjentement stretta bejn l-illegalità mwettqa u ċ-ċaħda ta’ deċiżjoni eventwali tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni sabiex il-Komunità tista’ tkun responsabbiltà minħabba l-obbligu impost fuq Schneider li tittrasferixxi l-ishma tagħha f’Legrand, u lanqas sabiex jiġi attribwit lill-Komunità dannu ugwali għat-telf totali tal-valur li dawn l-assi soffrew bejn l-akkwist tagħhom minn Schneider u t-trasferiment sussegwenti tagħhom.

287    Għall-istess raġunijiet, Schneider ma tkunx ġustifikata li ssostni li d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà illegali kienet tpoġġiha fl-impossibbiltà li twettaq is-sinerġiji antiċipati ta’ l-operazzjoni u kienet tikser konsegwentement l-istrateġija industrijali tagħha, u lanqas li kienet tikkawżalha dannu fl-imaġini tagħha permezz ta’ l-impatt negattiv li hija kien ikollha fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrenti.

288    Min-naħa l-oħra, teżisti rabta kawżali suffiċjentement stretta sabiex tagħti dritt għall-kumpens bejn l-illegalità mwettqa u żewġ tipi ta’ dannu sostnuti mir-rikorrenti. L-ewwel tikkorrispondi għall-ispejjeż li sostniet l-impriża sabiex tipparteċipa fil-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni wara l-annullamenti deċiżi mill-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Ottubru 2002. It-tieni tikkorrispondi għat-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment li Schneider kellha tagħti lill-akkwirent ta’ l-ishma ta’ Legrand sabiex l-effett ta’ dan it-trasferiment jiġi pospost għal data li tippermetti li l-proċeduri ġudizzjarji fis-seħħ quddiem il-qorti Komunitarja ma jkunux imċaħda mis-suġġett tagħhom qabel ma jintemmu.

 Fuq l-ispejjeż ta’ tariffi professjonali, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġudizzjarji sostnuti minn Schneider

289    Fir-rigward ta’ l-ispejjez sostnuti minn Schneider abbażi tat-tariffi professjonali tal-mandatarju ad hoc, jeħtieġ li jiġi nnutat li l-ħatra ta’ mandatarju ssib il-bażi ġuridika tagħha fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tar-regolament li jobbliga lill-impriża li saret, bħal f’dan il-każ, qabel ma l-Kummissjoni ma tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata, proprjetarja ta’ l-ishma ta’ impriża oħra permezz ta’ l-OPE, skond id-dispożizzjoni derogatorja ta’ l-Artikolu 7(3), li teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ vot relatati ma’ l-ishma li jirriżultaw minn din l-OPE biss permezz ta’ l-awtorizzazzjoni konċessa mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7(4).

290    Għaldaqstant, kien abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni, fl-4 ta’ Diċembru 2001, tat lil Schneider, fuq talba tagħha, l-awtorizzazzjoni li teżerċità d-drittijiet tal-vot relatati ma’ l-ishma tagħha f’Legrand, permezz ta’ l-intermedjazzjoni ta’ mandatarju nnominat minn Schneider fil-kundizzjonijiet previsti minn kuntratt ta’ mandat approvat mill-Kummissjoni.

291    Schneider għalhekk mhijiex fondata meta ssostni, fil-punt 149 tar-rikors, li l-intervent tal-mandatarju kien neċessarju permezz ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u lanqas meta ssostni, fil-punt 252 tar-replika, li jekk l-operazzjoni ma kinitx ġiet ipprojbita b’mod żbaljat fl-10 ta’ Ottubru 2001, Schneider qatt ma kien ikollha bżonn tirrikorri għal mandatarju sabiex teżerċita d-drittijiet tagħha fl-assemblea ġenerali ta’ Legrand f’Diċembru 2001, peress li f’dik id-data hija kienet eżerċitat direttament il-kontroll esklużiv.

292    Fil-fatt, hekk kif diġà ġie kkonstatat, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà ma inkludietx awtomatikament konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni, peress li kien hemm fis-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal ta’ l-elettriku ta’ tensjoni baxxa problemi ta’ kompetizzjoni residwi qabel l-operazzjoni.

293    Fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ konsultazzjoni tal-pariri legali, fiskali u bankarji u ta’ spejjeż oħra amministrattivi sostnuti għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni tas-separazzjoni skond il-metodi imposti mill-Kummissjoni, huma ma jistgħux ikunu rikonoxxuti aktar bħal konsegwenza ta’ l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

294    Fil-fatt, minn naħa, l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u, konsegwentement, tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni, ma timplikax, hekk kif diġà ġie msemmi, li l-operazzjoni kellha tiġi rrikonoxxuta bħala kompatibbli u lanqas li l-impriżi setgħu jkomplu jikkostitwixxu entità magħquda. Għalhekk ma jistax ikun preżunt li l-ispejjeż amministrattivi normalment sostnuti minn Schneider sabiex titwettaq is-separazzjoni ta’ l-ishma ma kellhomx ikunu sostnuti mir-rikorrenti jekk l-istituzzjoni kienet adottat deċiżjoni legali.

295    Min-naħa l-oħra, safejn Schneider tallega li kellha ssostni spejjeż mhux normali minħabba l-metodi ta’ separazzjoni żbaljati li ġew imposti fuqha permezz tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni u minħabba l-intransiġenza manifesta mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, dan l-element ta’ dannu allegat huwa marbut, mhux mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża kkonstatat fis-sentenza Schneider I, iżda ma’ l-ilmenti awtonomi li ma ġewx ikkunsidrati, fis-sentenza preżenti, bħala ksur suffiċjentement serji sabiex jagħtu dritt għal kumpens.

296    Fir-rigward ta’ l-ispejjeż għall-finijiet ta’ l-istanza ġudizzjarja nazzjonali sostnuti minn Legrand, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti stess tqis li huma ġew ikkawżati, mhux mid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà illegali, iżda mill-attitudni tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-istrumentalizzazzjoni tat-tensjonijiet bejn il-partijiet fil-operazzjoni, li ma ġietx ikkunsidrat fis-sentenza preżenti bħala li tikkostitwixxi lment li jwassal għar-responsabbiltà Komunitarja.

297    L-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti Komunitarja għandhom jiġu kkunsidrati bħala koperti permezz tad-deċiżjonijiet meħuda fuq l-ispejjeż, abbażi tar-regoli proċedurali speċifiċi applikabbli għal dawn it-tip ta’ spejjeż, fid-deċiżjonijiet li jġiebu fi tmiem l-istanza u f’għeluq il-proċeduri speċjali previsti f’każ ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda l-ammont ta’ l-ispejjeż (ara, f’dan il-każ, id-digrieti tad-29 ta’ Ottubru 2004, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑310/01 DEP u T‑77/02 DEP, iċċitati). Dawn il-proċeduri jittrattaw esklużivament talba ta’ l-istess somom, jew ta’ somom sostnuti għall-istess finijiet, fil-kuntest ta’ azzjoni li tpoġġi fid-dubju r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, inkluż minn persuni li, billi tilfu fil-kawża tagħhom, kellhom ibatu l-ispejjeż, kif kien il-każ ta’ Schneider fil-kawżi T‑48/03 u C‑188/06 P.

298    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ konsultazzjoni, tariffi professjonali u spejjeż amministrattivi ta’ tipi differenti sostnuti minn Schneider sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura tal-verifika ta’ l-operazzjoni mitluba mis-sentenzi Schneider I u Schneider II, jeħtieġ li jiġi ammess, min-naħa l-oħra, li huma marbuta ma’ l-imġiba żbaljata ta’ l-istituzzjoni permezz ta’ rabta kawżali diretta u ċerta.

299    Ir-raġuni hija li billi l-Kummissjoni naqset milli tifformula, fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-3 ta’ Awwissu 2001, problema ta’ kompetizzjoni li fuqha hija bbażat id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, ir-rikorrenti ġiet miċħuda mill-possibbiltà li tesprimi ruħha f’dan ir-rigward u li toffri kontro‑miżuri xierqa, liema ċirkustanza mmotivat l-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni. Dan l-annullament għamel obbligatorju li terġa’ sseħħ il-proċedura, iddestinata preċiżament sabiex tippermetti lir-rikorrenti li tinstema fuq l-ilment in kwistjoni u li tippreżenta, skond il-każ, proposti ta’ miżuri intiżi sabiex jikkorreġu l-effetti ta’ l-operazzjoni fuq dan il-punt, meta hija kellha tkun f’pożizzjoni li tagħmel dan qabel ma l-Kummissjoni tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni.

300    L-ispiża sostnuta mir-rikorrenti sabiex tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva tal-verifika inkluża fis-sentenzi Schneider I u Schneider II ma kinitx tkun sostnuta li kieku l-Kummissjoni kienet mill-bidu adottat deċiżjoni li tosserva d-drittijiet tad-difiża, li ma kinitx tkun annulata għal din ir-raġuni u li setgħet ittemm b’mod definittiv il-proċedura ta’ verifika, kemm billi tiddikjara l-operazzjoni kompatibbli, jew billi tiddikjaraha inkompatibbli.

301    Ċertament, jekk l-ilment ta’ appoġġar kien ġie inkluż fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti tat-3 ta’ Awwissu 2001, Schneider kellha tippronunzja ruħha dwar dan u tipprepara, skond il-każ, miżuri korrettivi xierqa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni, kif kellha tagħmel wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u t-tkomplija konsekuttiva tal-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni. Iżda diffiċilment jista’ jiġi kkontestat li l-fatt li titkompla, fuq bażi ġuridiċi ġodda, proċedura amministrattiva interrotta għal tnax-il xahar neċessarjament jirrappreżenta, għall-interlokutur ta’ l-istituzzjoni regolatorja, spiża inkomparabbilment ogħla għal dik li kienet tirrappreżenta r-risposta għal istess ilment, fil-proċedura tal-verifika inizjali, mill-impriża u mill-konsulenti tagħha diġà involuti għal kollox fil-laqgħat u d-diskussjonijiet mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

302    Jirriżulta li l-ispejjeż sostnuti minn Schneider permezz tal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni li tkompliet wara s-sentenzi Schneider I u Schneider II huma marbuta permezz ta’ rabta kawżali suffiċjenti ma’ l-imġiba ħażina ta’ l-istituzzjoni sabiex tagħti dritt għal kumpens.

 Fuq it-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand mogħti lil Wendel-KKR sabiex jippermetti li tiġi posposta d-data li fiha kellu jsir it-trasferiment

303    Hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina jekk l-illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kellhiex bħala konsegwenza tnaqqis tal-valur li bih l-assi miżmuma minn Schneider fil-kapital ta’ Legrand ġew evalwati fil-kuntratt ta’ trasferiment konkluż ma’ Wendel-KKR.

304    Huwa stabbilit li n-negozjati li seħħew fid-dawl tat-trasferiment ta’ Legrand u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment minn Schneider u Wendel-KKR li seħħ fis-26 ta’ Lulju 2002 irriżultaw direttament mid-deċiżjoni ta’ inkompatibiltà ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001, li, għalkemm illegali, madankollu użat l-effetti legali kollha tagħha sa l-annullament tagħha permezz tas-sentenza Schneider I mogħtija fit-22 ta’ Ottubru 2002.

305    Schneider kienet imġegħla minħabba din id-deċiżjoni li tibda u li tikkonkludi ma’ Wendel-KKR negozjati għat-trasferiment ta’ l-assi tagħha f’Legrand, qabel l-għoti stess tas-sentenza li tiddiċiedi dwar ir-rikors tagħha għal annullament imressaq kontra din id-deċiżjoni, biex spiċċat sabiex tesponi ruħha aktar għall-obbligu, fil-każ ta’ sentenza ta’ ċaħda, li tibda u tikkonkludi negozjati ta’ trasferiment f’kundizzjonijiet żvantaġġużi mill-bidu għall-interessi tagħha, peress illi huma kellhom jiġu konklużi kemm jista’ jkun malajr, fid dawl tat-terminu ta’ separazzjoni stabbilit għall-5 ta’ Frar 2003 u tal-karattru inċert ta’ l-għoti mill-Kummissjoni ta’ propoga ġdida ta’ dan it-terminu.

306    Jirriżulta li Schneider kienet kemm marbuta permezz ta’ l-eżistenza tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li tistabbilixxi fil-kuntratt ta’ trasferiment konkluż fis-26 ta’ Lulju 2002 prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand kif ukoll li tiggarantixxi min-naħa l-oħra l-possibbiltà li tissospendi l-eżekuzzjoni effettiva ta’ dan it-trasferiment sa’ l-10 ta’ Diċembru 2002.

307    Din id-data kienet fil-fatt suffiċjentement wara d-data prevedibbli tal-pronunzja tas-sentenza Schneider I, li kellha sseħħ permezz ta’ proċedura mħaffa, sabiex tippermetti kemm lil Schneider tikseb il-konferma, f’każ ta’ ċaħda tar-rikors tagħha għal annullament, tal-legalità tad-deċiżjoni in kwistjoni jew, fis-sitwazzjoni kuntrarja ta’ annullament, li sseħħ sussegwentement, li tassigura li jkollha l-possibbiltà li terġa’ tikseb l-eżami mill-ġdid ta’ l-operazzjoni mill-Kummissjoni, permezz tal-preżentazzjoni tal-miżuri ġodda korrettivi, fil-perspettiva ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tiddeċiedi legalment fuq il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni.

308    Għaldaqstant, huwa minħabba l-eżistenza, fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, taż-żewġ illegalitajiet li jistgħu jidhru lil Schneider bħala manifesti u fit-tfittxija leġittima ta’ deċiżjoni legali li tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni li Schneider sabet ruħha limitata kemm li tinnegozja u li tikkonkludi, fis-26 ta’ Lulju 2002, il-kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand u li tipposponi l-iskadenza tat-twettiq effettiv ta’ dan it-trasferiment sa’ l-10 ta’ Diċembru 2002.

309    Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mill-proċess li l-kuntratt ta’ trasferiment seta’ jiġi ffirmat f’data qabel is-26 ta’ Lulju 2002, anki jekk id-deċiżjoni in kwistjoni ma kinitx dehret lill-Schneider bħala vvizzjata minn illegalitajiet manifesti li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tissanzjona permezz tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

310    Fil-fatt jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni, sa mill-10 ta’ Ottubru 2001, it-terminu li ma jistax jitbiddel u li huwa neċessarju għall-ħolqien u l-implementazzjoni tal-mekkaniżmi finanzjarji kumplessi li hemm wara bejgħ ta’ assi tad-daqs ta’ Legrand, kif juru l-isforzi li saru minn Schneider sabiex tikseb mill-Kummissjoni l-proroga tat-terminu inizjali ta’ separazzjoni ta’ 6 xhur.

311    Dan l-obbligu li jiġi pospost it-twettiq effettiv tal-bejgħ ta’ Legrand ikkawżat mir-riċerka leġittima minn Schneider ta’ deċiżjoni li tiddeċiedi legalment fuq il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni neċessarjament wasslet sabiex ir-rikorrenti tagħti l-kunsens tagħha lil Wendel-KKR għal tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand fir-rigward tal-prezz li l-parti kkonċernata kienet tikseb f’każ ta’ bejgħ assigurat li seħħ fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li kienet tidher mill-bidu bħala vvizzjata minn żewġ illegalitajiet manifesti.

312    Fil-fatt għandu jingħad li l-posponiment għall-10 ta’ Diċembru 2002 tal-bejgħ effettiv ta’ l-ishma ta’ Legrand jimplika l-għoti lil Wendel-KKR tal-kumpens tar-riskju tad-deprezzament ta’ l-ishma ta’ Legrand li għalih kienet qed tirreferi Wendel-KKR meta tat il-kunsens tagħha għal rapport bħal dan, u jseħħ biss minħabba l-eventwalità ta’ varjazzjoni żvantaġġuża ta’ l-andament tat-titoli industrijali fil-perijodu inkluż bejn id-data tal-firma tal-kuntratt tat-trasferiment u l-aħħar terminu miftiehem bejn il-partijiet kontraenti għat-twettiq effettiv tal-bejgħ.

313    Jeħtieġ li jingħad f’dan ir-rigward li r-rapport prodott fl-anness 29 tar-rikors jirreferi preċiżament għal telf ta’ opportunità subit minn Schneider fis-sens li hija ma segħtetx tagħżel id-data tal-bejgħ mill-ġdid ta’ Legrand.

314    Dan il-ħlas fil-forma ta’ tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment jidher independenti mill-kumpens ta’ ksur kontenut fil-kuntratt ta’ trasferiment, li jikkorrispondi għall-prezz li għandu jitħallas minn Schneider fis-sitwazzjoni ta’ rinunzja min-naħa tagħha għat-trasferiment.

315    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà għandu jiġi meqjus bħala li huwa relatat b’rabta suffiċjentement diretta mal-posponiment għall-10 ta’ Diċembru 2002, fil-kuntratt ta’ trasferiment, tat-terminu għat-twettiq effettiv tal-bejgħ ta’ Legrand, fis-sens li dan il-posponiment kien indispensabbli sabiex jippermetti lil Schneider li teżerċità b’mod effettiv id-dritt ta’ kull persuna kkonċernata li tikseb deċiżjoni legali fuq il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni regolarment innotifikata u, eventwalment, li jkun jista’ jinstema’ fi proċedura li toffrilu l-garanziji meħtieġa.

316    Konsegwentement, il-ksur ikkaratterizzat tad-dritt Komunitarju li waslet għalih il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jiġi meqjus bħala li huwa wkoll relatat b’rabta suffiċjentement diretta mad-dannu subit minn Schneider minħabba t-tnaqqis inevitabbli tal-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand inerenti għall-posponiment tat-twettiq effettiv tat-trasferimet lil Wendel-KKR.

317    Jirriżulta mill-iżviluppi kollha li ppreċedew li l-ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà għandu jkun meqjus bħala konness b’rabta kawżali suffiċjentement diretta, min-naħa, ma’ l-ispejjeż ta’ Schneider minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva ta’ verifika ta’ l-operazzjoni li saret l-għada tas-sentenzi Schneider I u Schneider II u, min-naħa l-oħra, mat-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ l-ishma ta’ Legrand mogħti lil Wendel-KKR sabiex jiġi pospost it-terminu tat-trasferiment.

 Fuq iż-żewġ kapi tad-dannu u l-evalwazzjoni tagħhom

318    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, permezz tad-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tillimita essenzjalment id-dibattiti fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u fuq il-metodoloġija ta’ l-evalwazzjoni tad-dannu.

319    Fir-rigward ta’ l-ispejjeż sostnuti minn Schneider minħabba l-parteċipazzjoni tagħha għat-tkomplija tal-proċedura tal-verifika ta’ l-operazzjoni, jeħtieġ li jingħad li r-rikorrenti sostniet, minħabba l-proċedura amministrattiva ta’ separazzjoni, ir-rikorsi T‑310/01, T‑77/02 u T‑77/02 R u, fl-aħħar nett, it-tkomplija tal-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni, spejjeż li dwarhom hija tagħti evalwazzjoni globali fil-punt 150 tar-rikors tagħha.

320    Sabiex jiġi stabbilit l-ammont li l-Kummissjoni għandha tikkumpensa lill-Schneider abbażi ta’ l-ispejjeż sabiex titkompla l-proċedura ta’ verifika, jeħtieġ għalhekk li jitnaqqsu mill-ispejjeż kollha previsti fil-punt preċedenti t-total ta’ l-ispejjeż sostnuti minn Schneider fil-kawżi T‑310/01, T‑77/02 u T‑77/02 R, l-ispejjeż previsti fil-punt 293 iktar ’il fuq u, fl-aħħar nett, l-ispejjeż li Schneider neċessarjament sostniet fid-dawl tal-miżuri korrettivi ta’ l-appoġġar li hija f’kull każ kienet tipproponi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li kieku din ġiet adottata fl-osservanza tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

321    Huma l-partijiet li għandhom jittrażmettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data ta’ l-għoti tas-sentenza preżenti, l-ammont għal dak li jirrigwarda dan il-kap tad-dannu stabbilit bi ftehim komuni skond il-metodi ta’ kalkolu indikati fil-punt preċedenti, jew li jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan l-istess terminu, it-talbiet tagħom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni.

322    Id-dannu kkostitwit mit-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand lil Wendel‑KKR li seħħ minħabba l-posponiment tat-twettiq effettiv tal-bejgħ ta’ Legrand lill-akkwirent sa l-10 ta’ Diċembru 2002, huwa indaqs għad-differenza eżistenti bejn il-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand li f’dan il-każ seħħ bejn il-partijiet għall-kuntratt u dak li Schneider setgħet tikseb mit-trasferent li kieku hija kienet tiddisponi fid-dawl ta’ l-ewwel proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni, fl-10 ta’ Ottubru 2001, minn deċiżjoni legali dwar il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni.

323    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tagħmel tajjeb għad-dannu ċert u li jista’ jiġi kkalkulat, subit f’dan ir-rigward mir-rikorrenti.

324    Għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-ammont tad-dannu subit mir-rikorrenti minħabba t-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand li r-rikorrenti kellha tagħti lil Wendel-KKR b’riżultat tal-posponiment għall-10 ta’ Diċembru 2002 ta’ l-iskadenza tat-twettiq effettiv tal-bejgħ ta’ Legrand lill-akkwirent, hemm lok li jiġi ordnat li jsir rapport, skond l-Artikoli 65(d), 66(l) u 70 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li jkunu nstemgħu l-osservazzjonijiet tal-partijiet u jkunu ġew mistiedna sabiex jesprimu ruħhom dwar l-għażla ta’ espert.

325    Għal dawn il-finijiet, l-espert għandu jingħata kopja awtentikata tal-kuntratt ta’ trasferiment tas-26 ta’ Lulju 2002 u tar-rapport ta’ l-1 ta’ Ottubru 2003 dwar l-istabbiliment tad-dannu allegat minn Schneider, li jidher, rispettivament, fl-anness 8 u l-anness 29 tar-rikors.

 Fuq il-kontribuzzjoni ta’ Schneider għad-dannu tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

326    Il-Kummissjoni tikkunsidra li Schneider użat mezz ġuridiku ta’ riskju għoli fir-rigward tal-verifika Komunitarja ta’ konċentrazzjonijiet, meta d-dritt Franċiż kien jagħtiha possibbiltajiet ta’ tqarrib ma’ Legrand li setgħu jwasslu għal notifika lill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma jagħtu lok għall-obbligu li tinbeda OPE.

327    Schneider twieġeb li l-mezz magħżul kien l-uniku possibbli, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu ppreġudikati l-effetti ekonomiċi u s-sigurtà ta’ l-operazzjoni u li xejn ma seta’ jagħti indikazzjoni ta’ l-oppożizzjoni ta’ prinċipju li kienet ser tagħmel fil-konfront tagħha l-Kummissjoni u lanqas tal-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża li kien ser jitwettaq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

328    Huwa stabbilit li Schneider xtrat it-titoli ta’ Legrand permezz ta’ OPE fejn għamlet użu mid-deroga kontenuta fl-Artikolu 7(3) tar-regolament abbażi ta’ l-effett sospensiv ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-regolament.

329    Għaldaqstant, billi akkwistat il-verifika ta’ Legrand, skond l-Artikolu 3(1)(b) tar-regolament, b’mod kompletament legali kemm skond id-dritt Franċiż kif ukoll skond id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, Schneider ma assumietx ir-riskju li l-verifika ta’ l-operazzjoni twassal fit-termini stabbiliti mir-regolament għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ġuridikament perfetta u għal obbligu sussegwenti li tipproċedi b’separazzjoni ta’ l-ishma ta’ impriżi diġà magħquda.

330    Madankollu, kif jirriżulta mid-daqs ta’ l-operazzjoni ta’ merger imwettaq u mit-tisħiħ kunsiderevoli tas-saħħa ekonomika li hija ġġib għall-benefiċċju ta’ l-uniċi żewġ atturi prinċipali preżenti fis-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal ta’ l-elettriku ta’ tensjoni baxxa, Schneider ma setgħetx tinjora li kien hemm għall-inqas ir-riskju li l-merger imwettaq joħloq jew isaħħaħ pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq komuni u li għalhekk tali merger ikun ipprojbit mill-Kummissjoni abbażi ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament.

331    Fil-fatt, is-saħħa li għandhom il-partijiet fl-operazzjoni fuq is-swieq settorjali Franċiżi u t-tisħiħ tal-pożizzjonijiet taż-żewġ imsieħba wara l-merger jirriżulta mill-annessi 7 sa 17 ta’ l-operazzjoni ta’ formularju CO tat-12 ta’ Diċembru 2000, li m’għadx għandhom natura kunfidenzjali (digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Frar 2006, mogħti fil-kawża preżenti, punt 25) u li fihom il-partijiet notifikanti kienu taw kif ġej l-ishma f’perċentwali mis-swieq settorjali Franċiż miżmuma mill-operaturi prinċipali tas-settur matul is-sena finanzjarja 1999:

Segmenti

Schneider

Cible

Hager

Siemens

ABB

Segment1

Panel boards ġenerali


32


-


-


2


2

Segment 2

Panel boards ta’ distribuzzjoni


30


7


2


0


1

Segment 3

Mogħdijiet tal-kejbils


-


-


4


-


-

Segment 4

Panel boards terminali


32


15


15


0,1


1

Segment 5

Ultra terminali


9


67


3


-


-

Segment 5.A.1

Plakkek u swiċċis


6


87


-


-


-

Segment 5.A.2

Sistemi ta’ verifika


-


-


-


-


-

Segment 5.A.3

Sistemi ta’ sigurtà


-


-


-


-


-

Segment 5.A.4

Netwerks ta’ komunikazzjoni


-


-


-


-


-

Segment 5.B

Sistemi ta’ installazzjoni


31


66


-


-


-

Segment 5.C

Trunking


-


38


10


-


-


332    Jirriżulta li Schneider stess ikkontribwiet għat-twettieq tad-dannu lilha nnfisha meta assumiet ir-riskju reali ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà a posteriori ta’ konċentrazzjoni ġuridikament perfetta u, konsegwentement, ta’ l-eventwalità ta’ bejgħ imġiegħel ta’ l-ishma akkwistati (ara f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 54).

333    Din il-kunsiderazzjoni madankollu ma tapplikax għad-dannu magħmul lil Schneider permezz tal-parteċipazzjoni tagħha għat-tkomplija tal-proċedura amministrattiva tal-verifika ta’ l-operazzjoni, din il-parteċipazzjoni kienet indipendenti mid-data ta’ twettiq tal-konċentrazzjoni.

334    F’dawn iċ-ċirkustanzi, issir evalwazzjoni ġusta ta’ l-informazzjoni tal-kawża meta r-rikorrenti tiġi rikonoxxuta responsabbli għal terz tad-dannu kumpensabbli li hija subiet minħabba t-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment mogħti lil Wendel-KKR.

335    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq li hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas, fit-termini definiti iktar ’il fuq, minn naħa, l-ispejjeż ta’ Schneider minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni li seħħet wara s-sentenzi Schneider I u Schneider II u, min-naħa l-oħra, iż-żewġ terzi tad-dannu subit minn Schneider minħabba t-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand mogħti lil Wendel-KKR.

 Fuq l-interessi

 L-argumenti tal-partijiet

336    Schneider titlob li tiġi mogħtija, minħabba rata ta’ interessi annwali ta’ 4 %, l-interessi ta’ kumpens li l-ammont ta’ kumpens mogħti jkun iġġenera mid-data tal-materjalizzazzjoni tagħha, fl-4 ta’ Diċembru 2002, li hija d-data tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II, sa’ l-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza preżenti.

337    Ir-rata ta’ 4 % għandha tkun applikabbli wkoll għall-kalkolu ta’ l-interessi moratorji prodotti mill-ammont ta’ kumpens allokati sa mill-għoti ta’ din is-sentenza.

338    Il-Kummissjoni ssostni li Schneider ma urietx li hija l-vittma ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali li tagħti d-dritt għall-għoti ta’ interessi ta’ kumpens. Barra minn hekk, l-ammont ta’ kumpens ikun jista’ jinkludi wkoll interessi moratorji sa mid-data ta’ l-għoti tas-sentenza.

339    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tikkontesta r-rata eżorbitanti ta’ 4 % mitluba mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

340    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li, hekk kif jirriżulta mill-prinċipji komuni għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri, li għalihom jirreferi t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, talba għall-interessi hija ġeneralment ammissibbli fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens (sentenza Dumortier Frères et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

341    Il-kumpens għad-dannu subit minn persuna kkonċernata minħabba l-imġiba illegali ta’ l-organi tal-Komunità għandu bħala suġġett li jerġa’ jikkostitwixxi malajr kemm jista’ jkun il-patrimonju tal-vittma.

342    Konsegwentement, peress li jkunu sodisfatti, bħal f’dan il-każ partikolari, il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-qorti Komunitarja ma tistax tinjora l-konsegwenzi żvantaġġużi li jirriżultaw miż-żmien li jkun għadda bejn id-data tat-twettiq tad-dannu, jiġifieri l-10 ta’ Diċembru 2002, data tat-twettiq effettiv tat-trasferiment ta’ Lagrand lil Wendel-KKR, u dak tal-ħlas tal-kumpens, fejn hemm lok li jittieħed in kunsiderazzjoni t-telf monetarju kkonstatat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Frar 1994, Grifoni vs EURATOM, C-308/87, Ġabra p. I-341, punt 40, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-260/97, Ġabra p. II-2741, punt 138).

343    It-terminu tal-perijodu li jagħti d-dritt għal din l-evalwazzjoni monetarja mill-ġdid għandha, bħala prinċipju, tikkoinċidi mad-data ta’ l-għoti tas-sentenza li tistabbilixxi l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061, punt 35, u s-sentenza Camar vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 142 u 143).

344    Madankollu, sa fejn il-kreditu ta’ kumpens ma jkunx, fid-data ta’ l-għoti ta’ l-imsemmija sentenza, la ċert fir-rigward ta’ l-ammont tiegħu u lanqas li jista’ jiġi ddeterminat abbażi ta’ l-elementi oġġettivi stabbiliti, l-interessi moratorji ma jistgħux jibdew jiddekorru minn din id-data, iżda biss, f’każ ta’ dewmien u sal-ħlas kollu, mid-data ta’ l-għoti tas-sentenza li twassal għal-likwidazzjoni tad-dannu subit.

345    Jirriżulta li l-ammont ta’ kumpens dovut lir-rikorrenti mill-10 ta’ Diċembru 2002 għandu jerġa’ jiġi evalwat sad-data ta’ l-għoti tas-sentenza li twassal għal-likwidazzjoni tad-dannu, flimkien ma’ l-interessi moratorji sa minn din l-aħħar imsemmija data u sal-ħlas kollu.

346    Ir-rata ta’ interessi li tapplika hija kkalkulata abbażi tar-rati stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, applikabbli suċċessivament matul kull wieħed miż-żewġ perijodi kkonċernati, miżjud b’żewġ punti, sakemm ma jkunx għola minn dak ta’ 4 % mitlub mir-rikorrenti fit-talbiet tagħha (sentenza Mulder et vs Il-Kunsil u Il-Kummissjoni, punt 342, punt 35).

 Fuq it-talba għaż-żieda tal-kumpens minħabba l-ammont tat-taxxa nazzjonali

 L-argumenti tal-partijiet

347    Schneider titlob żieda tal-kumpens mogħti sa l-ammont tat-taxxa li hija jkollha tagħti fuq l-ammont ta’ dan il-kumpens.

348    Il-Kummissjoni twieġeb li, fin-nuqqas ta’ bażi fiskali, wieħed ma jistax jikkonċepixxi kumpens abbażi ta’ l-ispejjeż ta’ natura fiskali, liema spejjeż ma jaqgħux aktar taħt il-metodoloġija tal-kriterji tal-kalkolu tad-dannu iżda taħt l-eżami tal-mertu tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

349    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-kumpens allokat ma jkunx miżjud minħabba impożizzjoni fiskali nazzjonali li tista’ tiġi imposta fil-ġejjieni fuq dan l-ammont.

350    Jeħtieġ li jingħad li, skond ir-rapport ippreżentat minn Schneider fl-anness 29 tar-rikors tagħha, mhuwiex ċert li l-kumpens mogħti mill-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti lok għat-taxxa.

351    Fi kwalunkwe każ, it-talba għal żieda għandha tiġi kkwalifikata bħala prematura, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni relattiva kemm għall-ammont tas-somma mħallsa kif ukoll għar-rata tat-taxxa li ser tiġi applikata f’każ li tittieħed mill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali.

352    Għaldaqstant, hemm lok li fi kwalunkwe każ tiġi miċħuda t-talba għaż-żieda tal-kumpens minħabba l-ammont tat-taxxa nazzjonali li hija tista’ tħallas.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

permezz ta’ deċiżjoni interlokutorja,

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Komunità Ewropea hija kkundannata tħallas, minn naħa, l-ispejjeż li sostniet Schneider Electric SA minħabba l-parteċipazzjoni tagħha għat-tkomplija tal-proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li seħħet wara l-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/01 u T-77/02) u, min-naħa l-oħra, iż-żewġ terzi tad-dannu subit minn Schneider Electric minħabba l-ammont ta’ tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand SA li Schneider Electric kellha tagħti lill-akkwirent b’riżultat tal-posponiment ta’ l-iskadenza tat-twettiq effettiv tal-bejgħ ta’ Legrand sa l-10 ta’ Diċembru 2002.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-partijiet għandhom jittrażmettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data ta’ l-għoti tas-sentenza preżenti, l-ammont għal dak li jirrigwarda l-ewwel kap tad-dannu, stabbilit bi ftehim komuni skond il-metodi ta’ kalkolu indikati fil-punt 320 tas-sentenza preżenti.

4)      Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, il-partijiet għandhom jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan l-istess terminu, it-talbiet tagħom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni.

5)      Għandu jsir rapport għall-finijiet li jiġi evalwat l-ammont għal dak li jirrigwarda t-tieni kap tad-dannu ta’ Schneider Electric imsemmi fil-punt 1 iktar ’il fuq.

6)      Schneider Electric u l-Kummissjoni huma mistiedna sabiex jesprimu ruħhom dwar l-għażla ta’ espert jew li jipproponu lill-Qorti tal-Prim’Istanza lista ta’ esperti għall-finijiet li wieħed minnhom jiġi maħtur mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

7)      Għall-finijiet tar-rapport tiegħu, tiġi kkomunikata lill-espert, permezz tar-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kopja awtentikata ta’ l-annessi 8 u 29 tar-rikors.

8)      L-espert huwa mistieden jippreżenta r-rapport tiegħu f’terminu li għad irid jiġi stabbilit.

9)      Ir-rapport għandu jiġi kkomunikat lill-partijiet permezz tar-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

10)    Il-kumpens jerġa’ jiġi evalwat mill-ġdid u miżjud minħabba l-interessi moratorji skond il-kriterji stabbiliti fil-punti 345 u 346 tas-sentenza preżenti.

11)    L-ispejjeż huma rriżervati.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Vadapalas

Moavero Milanesi

 

      Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2007.

E. Coulon

 

      H. Legal

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

L-argumentazzjoni ġenerali tal-partijiet

Kunsiderazzjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltŕ

Fuq in-nuqqasijiet ikkonstati fl-analiżi ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-illegalitajiet l-oħra ta’ l-imġiba tal-Kummissjoni preżunti li aggravaw id-dannu allegatament subit minħabba d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltŕ jew li kkawżaw dannu distint

Fuq in-nuqqas ta’ lealtà

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur tad-dritt ta’ Schneider li tinstema minn awtorità imparzjali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-intransiġenza murija mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-metodi ta’ separazzjoni ta’ Schneider u ta’ Legrand

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-instrumentalizzazzjoni tat-tensjoni li seħħet bejn il-partijiet fl-operazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-kompetenza esklużiva tagħha

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni bi bona fede tas-sentenza Schneider I

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-analiżi żbaljata, żleali u diskriminatorja tal-miżuri korrettivi proposti minn Schneider f’Novembru 2002

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-rabta kawżali allegata bejn il-ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltŕ u d-dannu invokat f’dan ir-rigward

Fuq it-telf tal-valur ta’ l-ishma ta’ Legrand miżmuma minn Schneider

Fuq l-ispejjeż ta’ tariffi professjonali, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġudizzjarji sostnuti minn Schneider

Fuq it-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand mogħti lil Wendel-KKR sabiex jippermetti li tiġi posposta d-data li fiha kellu jsir it-trasferiment

Fuq iż-żewġ kapi tad-dannu u l-evalwazzjoni tagħhom

Fuq il-kontribuzzjoni ta’ Schneider għad-dannu tagħha

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-interessi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-talba għaż-żieda tal-kumpens minħabba l-ammont tat-taxxa nazzjonali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.