Language of document : ECLI:EU:T:2007:222

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Lulju 2007 (*)

“Persunal impjegat ma’ l-impriża konġunta JET – Applikazzjoni ta’ status ġuridiku differenti minn dak ta’ membru tal-persunal temporanju – Kumpens għad-danni materjali subiti”

Fil-kawża T‑144/02,

Richard J. Eagle, residenti f’Oxfordshire (ir-Renju Unit) u t-12-il rikorrent l-oħra li isimhom jidhru fl-anness, irrappreżentati minn D. Beard, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J.-P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett l-iffissar, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni (T-144/02, Ġabra P. II-3381), ta’ l-ammont tal-kumpens dovut għad-dannu finanzjarju subit minn kull wieħed mir-rikorrenti minħabba l-fatt li ma ġiex irreklutat bħala membru tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet Ewropej matul iż-żmien li ħadem ma’ l-impriża konġunta Joint European Torus (JET),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn B. Vesterdorf, President, M. Jaeger u H. Legal, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-20 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

1        Bis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T-144/02, Ġabra p. II-3381, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, billi naqset milli toffri lir-rikorrenti kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju bi ksur ta’ l-istatuti ta’ l-impriża konġunta Joint European Tours (JET), il-Kummissjoni wettqet illegalità ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità Ewropea, li din l-illegalità tellfithom opportunità serja ta’ reklutaġġ bħala membri tal-persunal temporanju u li d-dannu subit mir-rikorrenti jinsab fid-differenza bejn ir-remunerazzjonijiet, benefiċċji relatati u drittijiet għal pensjoni li l-persuni kkonċernati kienu jirċievu jew jakkwistaw kieku ħadmu għall-proġett JET bħala membri tal-persunal temporanju u r-remunerazzjonijiet, benefiċċji relatati u drittijiet għal pensjoni li fil-fatt irċevew jew akkwistaw bħala persunal bil-kuntratt (punti 141, 157 u 164 tas-sentenza interlokutorja).

2        Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkunsidrat li r-rikorrenti kien imisshom ippreżentaw it-talbiet tagħhom għal kumpens fi żmien raġonevoli, li ma setax jeċċedi ħames snin mill-mument meta jsiru jafu bis-sitwazzjoni diskriminatorja li lmentaw dwarha, iddeċidiet li l-kumpens dovut kellu jiġi kkalkolat, għal kull wieħed minnhom, mid-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded li jikkonċernah, liema data ma setgħetx tkun aktar minn ħames snin qabel li fiha ressaq it-talba tiegħu għal kumpens lill-Kummissjoni (punt 71 tas-sentenza interlokutorja).

3        Billi l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-kumpens dovut għal kull wieħed mir-rikorrenti, is-sentenza interlokutorja (punt 167) stabbiliet il-prinċipji u l-kriterji li abbażi tagħhom il-partijiet kienu mistiedna jilħqu ftehim, u fin-nuqqas ta’ dan huma kellhom iressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza t-talbiet tagħom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni.

4        Għalhekk, il-partijiet kellhom:

1)       jiddeterminaw il-pożizzjoni u l-grad li kien ikollu kull rikorrenti abbażi tal-funzjonijiet imwettqa li kieku ġie offrut kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju mid-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded, liema data ma setgħetx tkun aktar minn 5 snin qabel id-data li fiha ressaq it-talba tiegħu għal kumpens (punti 166 u 168 tas-sentenza interlokutorja);

2)       iwettqu r-rikostruzzjoni tal-karriera tal-persuna kkonċernata, minn meta ġiet irreklutata sal-perijodu fuq imsemmi ta’ l-aħħar ħames snin, għall-massimu, billi jieħdu in kunsiderazzjoni:

–        iż-żieda medja fir-remunerazzjonijiet għall-pożizzjoni u l-grad korrispondenti ta’ membru tal-persunal tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (KEEA), li jaħdem mal-JET, jekk ikun il-każ,

–        l-eventwali promozzjonijiet li minnhom setgħet tibbenefika l-persuna kkonċernata matul dan il-perijodu, fid-dawl tal-grad u tal-pożizzjoni magħżula, fuq il-bażi tan-numru medju ta’ promozzjonijiet mogħtija lil membri tal-persunal temporanju tal-KEEA f’sitwazzjoni simili (punt 169 tas-sentenza interlokutorja);

3)       iwettqu l-paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet u dik ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fir-rigward ta’ l-ammonti netti, wara li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet, tnaqqis jew imposti oħra dovuti skond il-leġiżlazzjoni applikabbli (punt 170 tas-sentenza interlokutorja).

5        Il-Qorti tal-Prim’Istanza speċifikat li l-perijodu tal-kumpens kellu bħala punt tat-tluq id-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded fil-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data li fiha tressqet it-talba għal kumpens u li kien jintemm, jew fid-data li fiha l-persuna kkonċernata waqfet taħdem għall-proġett JET jekk din id-data kienet qabel id-data tat-tmiem tal-proġett, il-31 ta’ Diċembru 1999, jew f’din id-data ta’ l-aħħar jekk il-persuna kkonċernata ħadmet għall-proġett JET sakemm intemm (punt 171 tas-sentenza interlokutorja).

6        Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, billi l-indennizz sabiex jiġi kkumpensat it-telf tar-remunerazzjonijiet u ta’ benefiċċji relatati kien kopert mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ Uffiċjali u Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u kien ikkalkulat bit-teħid in kunsiderazzjoni tat-taxxa Komunitarja, huwa kien nett minn kull taxxa u ma jistax ikun suġġett għal tnaqqis ta’ taxxa nazzjonali (punt 173 tas-sentenza interlokutorja).

7        Peress li l-partijiet ma waslu għal ebda ftehim fuq il-punti kollha relattivi għad-determinazzjoni eżatta tal-kumpens dovut lil kull wieħed mir-rikorrenti, huma ressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-28 ta’ Ottubru 2005, it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni.

8        Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikata fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-partijiet, skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, informazzjoni u kjarifiki dwar il-punti ta’ diverġenza li kien għad hemm bejniethom fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tad-dannu ta’ kull wieħed mir-rikorrenti.

9        Ir-rikorrenti wieġbu għat-talbiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’ittra ppreżentata fir-Reġistru fid-19 ta’ Frar 2007. Il-Kummissjoni ressqet l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġibiet tar-rikorrenti b’ittra ppreżentata fir-Reġistru fl-1 ta’ Marzu 2007.

10      Fit-tweġibiet tagħhom għat-talbiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-partijiet, li speċifikaw il-kwantifikazzjoni tad-danni mitluba minnhom in segwitu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, indikaw li kienu waslu għal ftehim dwar uħud mill-kwistjonijiet ta’ bejniethom li fuqhom ma kienx hemm qbil u enfasizzaw il-punti li kienu għadhom in kontestazzjoni.

11      B’digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Marzu 2007, it-talba għal intervent imressqa fis-27 ta’ Frar mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġiet miċħuda minħabba li kienet tardiva, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 115(1) u l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura, meħudin flimkien.

12      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta ta’ l-20 ta’ Marzu 2007. Il-Kummissjoni ppreżentat verżjoni kkoreġuta ta’ l-annessi għall-osservazzjonijiet tagħha fl-1 ta’ Marzu 2007.

13      Fi tmiem is-seduta, il-President ta terminu ta’ ġimgħa lir-rikorrenti sabiex jikkomunikaw l-eventwali modifiki tagħhom għad-dokumenti ppreżentati matul is-seduta mill-Kummissjoni. Fuq talba tar-rikorrenti, il-President, fis-27 ta’ Marzu 2007, ta proroga tat-terminu lill-Kummissjoni u lir-rikorrenti, sat-30 ta’ Marzu u sat-3 ta’ April 2007 rispettivament, sabiex tippermetti lill-konvenuta tagħmel l-aħħar korrezzjonijiet għall-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni u lir-rikorrenti li jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn l-aħħar elementi.

14      Il-proċedura orali ngħalqet fis-17 ta’ April 2007.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tordna lill-Kummissjoni tikkumpensahom għat-telf ta’ dħul mix-xogħol u benefiċċji oħra kkawżati mill-ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq fil-konfront tagħhom, bit-talba tagħhom għal kumpens stabbilita fl-ammont totali, għar-rikorrenti kollha, ta’ 2 629 269 lira Sterlina (GBP), fil-31 ta’ Ottubru 2005;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tordnalha li, b’applikazzjoni tas-sentenza interlokutorja, tikkumpensa lir-rikorrenti, skond l-osservazzjonijiet tagħha, fl-ammont totali, għar-rikorrenti kollha, ta’ 574 424 GBP;

–        tordnalha tbati nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

 Id-dritt

 Fuq il-portata tal-kawża rationae personae

17      Bi tweġiba għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikaw li tlieta minnhom, T. F. Atkins, E. Junger u J. Fanthome ma ppreżentaw l-ebda talba għal kumpens.

18      Konsegwentement, hemm lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza tieħu konjizzjoni ta’ dan u tikkonstata li 10 mit-13-il rikorrent ppreżentaw talbiet għal kumpens.

19      Barra minn dan, għandha tittieħed konjizzjoni tal-fatt li l-Kummissjoni rtirat it-talba li għamlet fl-osservazzjonijiet tagħha ta’ 1 ta’ Marzu 2007 sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ eventwali tpaċija bejn il-kumpens li għandu jkun dovut mill-konvenuta lis-Sur Walton b’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u l-kreditu li l-istituzzjoni tgħid li għandha kontra l-persuna kkonċernata b’applikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2005 (ara, fir-rigward tat-tpaċija ta’ krediti, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Jannar 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-231/04, punti 11 et seq.).

 Fuq l-ammont ta’ kumpens mitlub

20      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet tar-rikorrenti għal kumpens għall-perijodu stabbilit mis-sentenza interlokutorja (1995-1999) għall-finijiet ta’ kumpens, huma aktar minn darba u nofs ogħla mit-talbiet tagħhom tal-bidu. Hija tqis li, minkejja li dawn it-talbiet ġew adattati mill-persuni kkonċernati fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-informazzjoni li hija tathom matul id-diskussjonijiet ta’ bejniethom, din iż-żieda sostanzjali fit-talbiet tar-rikorrenti tista’ ma tissodisfax id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura.

21      Fir-rigward tal-prinċipju, għandu jiġi rrilevat li, f’kawża li fiha sentenza interlokutorja kienet stabbiliet il-metodi tal-kalkolu tad-dannu subit u li fiha kien ġie ordnat li ssir perizja, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li t-talbiet tal-bidu jiġu rriveduti u miżjuda, billi qieset li dawn it-talbiet emendati kienu ammissibbli. Hija kkunsidrat li dawn it-talbiet kienu żvilupp ammissibbli, jekk mhux neċessarju, tat-talbiet kontenuti fir-rikors, fuq kollox billi, minn naħa, hija kienet stabbiliet l-elementi neċessarji għall-kalkolu tad-dannu għall-ewwel darba fis-sentenza interlokutorja u billi, min-naħa l-oħra, il-kompożizzjoni eżatta tad-dannu u l-metodu preċiż tal-kalkolu tal-kumpens dovut ma kinux għadhom ġew diskussi. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li hija kienet stiednet lill-partijiet, fid-dispożittiv tas-sentenza interlokutorja, sabiex jippreżentaw it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni fl-ipoteżi fejn dawn ma jaslux għal ftehim fuq l-ammonti tad-dannu. Hija kkonkludiet li din l-istedina tkun mingħajr sens u portata jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jifformulaw, wara li tingħata din is-sentenza, talbiet differenti minn dawk kontenuti fir-rikors tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-203, punti 38 sa 40).

22      Bl-istess mod, f’din il-kawża, billi s-sentenza interlokutorja ffissat il-perijodu li għalih kumpens huwa dovut, l-elementi li jikkomponuh u l-metodu li għandu jiġi segwit sabiex jiġi ddeterminat l-ammont eżatt tal-kumpens dovut lil kull wieħed mir-rikorrenti, għandu neċessarjament ikun possibbli li tiġi korretta l-kwantifikazzjoni tat-talbiet individwali ta’ kull rikorrent in segwitu għal din is-sentenza.

23      Barra minn dan, jirriżulta mill-proċess li t-talbiet tar-rikorrenti għal kumpens tat-28 ta’ Ottubru 2005, irriveduti fid-dawl tal-motivi tas-sentenza interlokutorja, huma aktar baxxi, u mhux ogħla, mit-talbiet tagħhom tal-bidu, jekk jittieħed in kunsiderazzjoni l-ammont globali tagħhom u mhux, kif għamlet il-konvenuta, biss il-parti tat-talbiet tal-bidu li jikkonċernaw il-perijodu tal-kumpens.

24      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal aktar ‘il fuq li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-ammont tat-talbiet finali għandha tiġi miċħuda billi hija irrilevanti.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

25      Din is-sentenza għandha l-għan li tiddetermina l-kumpens dovut lil kull wieħed mir-rikorrenti bħala rimedju għad-dannu li rriżulta mill-illegalità kkonstatata fis-sentenza interlokutorja, skond il-prinċipji u l-kriterji stabbiliti minnha, kif imfakkra fil-punti 1 sa 6 aktar ‘il fuq, billi l-partijiet ma waslux għal ftehim totali fuq il-punti kollha sabiex jiġu implementati l-prinċipji u l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

26      Qabel xejn, għandu jiġi osservat li s-sentenza interlokutorja, la ġiet ikkontestata la fuq il-punt tad-dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tal-Komunità, minħabba fl-illegalità kkonstatata, la fuq il-punt tar-rikonoxximent tad-dannu subit mir-rikorrenti, li d-drittijiet tagħhom għal kumpens ġew limitati għal perijodu massimu ta’ ħames snin, u lanqas fir-rigward tal-prinċipji u l-kriterji li għandhom iservu sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens dovut lil kull wieħed mir-rikorrenti. Għalhekk din is-sentenza saret definittiva fuq dawn il-punti kollha, li kisbu l-istatus ta’ res judicata, u hija applikabbli għar-riżoluzzjoni finali tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-281/89, Ġabra p. I-347, punt 14; digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Lulju 1996, Coussios vs Il-Kummissjoni, C-397/95 P, Ġabra p. I-3873, punt 25, u tat-28 ta’ Novembru 1996, Lenz vs Il-Kummissjoni, C-277/95 P, Ġabra p. 6109, u, fir-rigward ta’ l-istatus ta’ res judicata tas-sentenza interlokutorja, is-sentenza Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 54 sa 56). Barra minn dan, il-Kummissjoni enfasizzat, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq imsemmija ta’ l-1 ta’ Marzu 2007, li la r-rikorrenti u lanqas hija stess m’appellaw mis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li din għalhekk kisbet l-istatus definittiv ta’ res judicata.

27      Barra minn dan, fl-istadju tal-kawża fl-għeluq tal-proċedura orali, jidher li, b’paragun mat-talbiet rispettivi tagħhom tat-28 ta’ Ottubru 2005, il-partijiet ftehmu fuq numru ta’ kwistjonijiet, ġenerali jew speċifiċi, dwar id-determinazzjoni tal-kumpens dovut lil kull rikorrent fid-dawl tal-prinċipji u tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza interlokutorja.

28      L-ewwel nett, jidher li l-partijiet ftehmu f’dak li jirrigwarda l-metodoloġija ġenerali għall-kalkolu tat-telf tar-rikorrenti, l-identifikazzjoni ta’ fiex jikkonsisti prinċipalment id-dħul, Komunitarju u nazzjonali, tal-persuni kkonċernati, li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, l-applikazzjoni, fuq l-ammont finali tal-kumpens dovut lil kull wieħed minnhom, ta’ imgħax sempliċi, bir-rata ta’ 5.25 %, u n-natura mhux taxxabbli skond il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tal-kumpens li għandhom jirċievu r-rikorrenti, billi l-kwistjoni tas-sistema fiskali applikabbli għal dan il-kumpens kienet ġiet espressament u definittivament deċiża permezz tas-sentenza interlokutorja (ara l-punt 6 iktar ‘il fuq).

29      It-talbiet ippreżentati mill-partijiet fit-28 ta’ Ottubru 2005 jsemmu n-nuqqas ta’ qbil li għad baqa’ dwar sitt punti, li jikkundizzjonaw id-determinazzjoni preċiża tal-kumpens dovut lil kull rikorrent u li l-partijiet jissottomettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza għad-deċizjoni tagħha. Huma jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-bidu tal-perijodu tal-kumpens għal kull rikorrent (ara punt 5 iktar ‘il fuq), it-tieni nett, il-grad u l-iskala li għandhom jiġu ddeterminati għal kull wieħed fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens (ara punt 4 iktar ‘il fuq), it-tielet nett, il-promozzjonijiet li minnhom il-persuni kkonċernati setgħu jibbenefikaw (ara punt 4 iktar ‘il fuq), ir-raba’ nett, il-benefiċċji relatati mad-dħul li huma setgħu jirċievu (ara punt 1 iktar ‘il fuq), il-ħames nett, il-kontribuzzjonijiet, tnaqqis u imposti oħra li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat id-dħul nett ta’ membru tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet u dak ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt (ara punt 4 iktar ‘il fuq) u, is-sitt nett, id-drittijiet għal pensjoni li għalihom kull wieħed mir-rikorrenti kien intitolat (ara punt 1 iktar ‘il fuq).

30      In segwitu għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 8 iktar ‘il fuq, il-partijiet resqu eqreb ta’ xulxin dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-punti ta’ nuqqas ta’ qbil tagħhom imsemmija iktar ‘il fuq. Madankollu l-qbil tagħhom huwa totali biss f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet, tnaqqis u imposti oħra li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat id-dħul nett effettiv li rċevew il-persuni kkonċernati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt. Min-naħa l-oħra, għad hemm diverġenzi xi ftit jew wisq importanti, f’dak li jirrigwarda l-punti l-oħra in kontestazzjoni.

31      Barra minn dan, il-partijiet, li għandhom opinjonijiet konverġenti f’dan ir-rigward, spjegaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u fis-seduta, id-diffikultajiet tagħhom sabiex l-awtoritajiet fiskali tar-Renju Unit jaċċettaw li l-kumpens li għandhom jirċievu r-rikorrenti ma jistax jiġi suġġett għat-taxxa nazzjonali, skond kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza interlokutorja, billi dawn l-awtoritajiet indikaw l-intenzjoni tagħhom li jintaxxaw, jekk mhux l-ammont kapitali tal-kumpens, għall-inqas l-imgħaxijiet li għandhom jiżdiedu ma’ dan il-kumpens. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi speċifikament fuq il-kwistjoni li dan il-kumpens, kapital u imgħaxijiet, mhuwiex taxxabbli.

32      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati wara xulxin is-sitt punti msemmija fil-punt 29 iktar ‘il fuq, filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-punti li fuqhom hemm qbil u l-punti li fuhom mhemmx, kif ukoll, il-kwistjoni tas-sistema fiskali ta’ l-imgħaxijiet dovuti fuq il-kumpens li għandhom jirċievu r-rikorrenti.

 Fuq il-punti li fuqhom hemm qbil

 Fuq il-bidu tal-perijodu tal-kumpens

33      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza interlokutorja, li l-kumpens dovut kellu jiġi kkalkulat, għal kull rikorrent, mid-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded li jikkonċernah, liema data ma setgħetx tkun aktar minn ħames snin qabel id-data li fiha ressaq it-talba tiegħu għal kumpens lill-Kummissjoni, u li din id-data kienet stabbilita bejn it-12 ta’ Novembru 1994 u s-16 ta’ Frar 1995 (punti 83 u 166 tas-sentenza interlokutorja). Barra minn dan, jirriżulta mis-sentenza (punt 171) li l-perijodu tal-kumpens jintemm jew fid-data li fiha r-rikorrent ikkonċernat waqaf jaħdem għall-proġett JET jekk din id-data hija qabel id-data tat-tmiem tal-proġett, il-31 ta’ Diċembru 1999, jew f’din id-data ta’ l-aħħar jekk huwa ħadem għall-proġett JET sakemm intemm, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li, fil-każ partikolari tas-Sur Walton, impjegat bħala membru tal-persunal temporanju fl-1999, il-perijodu li matulu għandu dritt għal kumpens jintemm fid-data tar-reklutaġġ effettiv tiegħu magħmul skond il-Kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

34      Jirriżulta mill-istruttorja u, b’mod partikolari, mit-tweġibiet għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 8 iktar ‘il fuq, li r-rikorrenti ma setgħux jegħlbu d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom sabiex jiddeterminaw id-data eżatta tal-bidu tal-perijodu tal-kumpens li jikkorispondi għal kull wieħed minnhom minħabba l-metodi ta’ ħlas tagħhom, kull ġimgħa jew kull xahar, it-tiġdid tardiv tal-kuntratti tagħhom u, fil-każ ta’ tnejn minnhom, il-fatt li kellhom kuntratti mhux annwali. Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, stabbiliti permezz ta’ konsultazzjoni ta’ l-arkivji tal-JET, li jagħmlu d-determinazzjoni tad-data tal-bidu tal-perijodu tal-kumpens partikolarment delikata, ir-rikorrenti ftehmu mal-Kummissjoni sabiex jadottaw id-data ta’ l-1 ta’ Marzu 1996 (li tiġi ħames snin qabel id-data tat-talba tagħhom għal kumpens) bħala punt tat-tluq ta’ dan il-perijodu.

35      Fid-dawl tad-diffikultajiet partikolari msemmija mir-rikorrenti biex jużaw id-dokumenti kuntrattwali kkonsultati u tal-ftehim tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza li, fis-sentenza interlokutorja, kienet stiednet lill-partijiet sabiex jilħqu ftehim, għandha tieħu konjizzjoni tal-ftehim bejn il-partijiet u tiddikjara li d-data li tistabbilixxi l-bidu tal-perijodu tal-kumpens ta’ kull wieħed mir-rikorrenti hija l-1 ta’ Marzu 1996, kif indikat fit-tieni kolonna ta’ l-Anness 2 ta’ din is-sentenza.

36      Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda l-proposta alternattiva tar-rikorrenti, spjegata fit-tweġibiet tagħhom għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tittieħed in kunsiderazzjoni, mhux id-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded, iżda l-ewwel data li fiha kien dovut ħlas, suġġeriment li kien ikkontestat mill-konvenuta, billi mhuwiex konformi mal-motivi tas-sentenza interlokutorja (punt 166).

 Fuq il-kontribuzzjonijiet, tnaqqis u imposti oħra

37      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza interlokutorja (punt 170) li, sabiex jiġi ddeterminat id-dannu, il-paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet u dik ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt bħalma kien kull wieħed mir-rikorrenti għandha ssir fuq il-bażi ta’ l-ammonti netti, wara li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet, tnaqqis jew imposti oħra dovuti skond il-leġiżlazzjoni applikabbli.

38      In segwitu għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti, skond il-motivi ċċitati iktar ‘il fuq tas-sentenza interlokutorja, naqqsu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul li rċevew bħala membri tal-persunal bil-kuntratt, is-somom li fil-bidu huma kienu ħadu in kunsidrazzjoni fit-talbiet tagħhom tat-28 ta’ Ottubru 2005, li jikkorrispondu għall-ħlasijiet lil fondi tal-pensjoni. Il-Kummissjoni aċċettat dawn l-arranġamenti.

39      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tieħu konjizzjoni ta’ dan sabiex tiddeċiedi dwar id-dħul nett li kull rikorrent effettivament irċieva bħala membru tal-persunal bil-kuntratt matul il-perijodu tal-kumpens.

 Fuq il-punti li fuqhom mhemmx qbil

 Fuq il-grad u l-iskala fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens

–       L-argumenti tal-partijiet

40      Ir-rikorrenti jsostnu li l-grad u l-iskala għandhom jiġu ddeterminati, mhux biss billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki akkademiċi tagħhom u l-esperjenza professjonali preċedenti tagħhom, izda wkoll abbażi tal-karriera ta’ kull wieħed minnhom fil-JET minn meta beda jaħdem hemm, jiġifieri, għal numru minnhom, qabel il-bidu tal-perijodu tal-kumpens. Huma jqisu li l-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet, fis-sentenza interlokutorja, kriterju ta’ ekwivalenza funzjonali bejn il-pożizzjonijiet okkupati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt u dawk okkupati bħala membri tal-persunal temporanju. Ir-rikorrenti jindikaw li, sabiex jistabbilixxu din l-ekwivalenza funzjonali, huma rreferew għal memorandum tal-kap tal-kuntratti tal-JET, is-Sur Byrne, tal-25 ta’ Awwissu 1989.

41      Ir-rikorrenti jsostnu, billi jipprevalixxu ruħhom mis-sentenza interlokutorja, li l-Kummissjoni llum ma tistax titlob l-istess livell ta’ prova, li jkun, f’ċerti każijiet, impossibbli li jingħata, daqslikieku kien il-każ tar-reklutaġġ effettiv tagħhom, meta huma fil-fatt ġew irreklutati biex jaħdmu mal-JET. Barra minn dan, huma jindikaw li kull wieħed minnhom ta prova formali tal-karriera u tal-curriculum vitae tiegħu.

42      Il-Kummissjoni ssostni li l-grad u l-iskala għandhom jiġu ddeterminati fid-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik inkluż fil-perijodu tal-kumpens, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-lawrji u l-esperjenza professjonali preċedenti ta’ kull rikorrent, bħallikieku kien il-każ ta’ l-ewwel irreklutar. Hija tikkunsidra li r-rikorrenti għandhom jippreżentaw l-istess provi, f’dak li jirrigwarda l-kwalifiki u l-esperjenza professjonali, bħallikieku fil-fatt ġew irreklutati. Il-konvenuta tqis li jirriżulta mis-sentenza interlokutorja li r-responsabbiltà tal-Komunità hija stabbilita, u li kumpens huwa dovut għal perijodu massimu ta’ ħames snin, u li l-kuntratti preċedenti ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni.

43      Barra minn dan, il-Kummissjoni tindika li d-dokumenti rilevanti, użati minnha, sabiex tiddetermina pożizzjonijiet u gradi huma, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 1984 dwar il-kriterji applikabbli għall-klassifikazzjoni fi grad u fi skala għar-reklutaġġ tal-persunal f’karigi xjentifiċi u tekniċi u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1983, dwar il-kriterji applikabbli għall-ħatra fi grad u għall-klassifikazzjoni fi skala meta wieħed jiġi rreklutat, f’dak li jirrigwarda l-persunal amministrattiv.

44      Il-konvenuta tqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà tal-provi li ġew ikkomunikati lilha mir-rikorrenti, fil-biċċa l-kbira f’Lulju 2005, jew saħansitra f’Settembru jew f’Ottubru 2005, fid-dawl ta’ l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45      Preliminarjament, fir-rigward tal-provi dwar il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti, li huma utli għad-determinazzjoni tal-grad u ta’ l-iskala ta’ kull wieħed mir-rikorrenti fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza interlokutorja, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kwalifiki tagħhom, ir-rikorrenti kellhom possibbiltajiet serji li jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal temporanju (punti 155 u 157 tas-sentenza interlokutorja). Għaldaqstant, mhemmx lok, sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens dovut lil kull wieħed mir-rikorrenti, li jiġi eżaminat jekk, fid-data tal-bidu tal-perijodu tal-kumpens, il-persuna kkonċernata kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għal tali reklutaġġ. Fil-fatt, jirriżulta mill-motivi tas-sentenza interlokutorja li l-livell tal-prova mitlub sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ kull rikorrent ma tistax, kif issostni l-Kummissjoni, ikun ekwivalenti għal dak ta’ reklutaġġ reali.

46      Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tal-konvenuta li ċerti elementi ta’ prova tressqu tard wisq, fis-sens li r-rikorrenti kkomunikathomlha bejn ix-xahar ta’ Lulju u x-xahar ta’ Ottubru 2005, ma jistax jitqies, fid-dawl ta’ l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura, li dawn l-elementi huma inammissibbli fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

47      Fil-fatt, huma l-motivi tas-sentenza interlokutorja, li jiddeċiedu dwar il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Komunità, li ddeterminaw id-dannu subit mir-rikorrenti, li stabbilew il-metodu li għandu jiġi segwit sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tad-dannu u li, b’referenza, b’mod partikolari, għall-kwalifiki akkademiċi, għall-esperjenza professjonali u għall-funzjonijiet imwettqa mal-JET, ippermettew lill-partijiet li jidentifikaw l-elementi rilevanti għad-determinazzjoni tal-kumpens dovut. Fid-dawl tal-prorogi tat-termini mitluba mir-rikorrenti, li għalihom il-konvenuta m’oġġezzjonatx, u tal-fatt li din ta’ l-aħħar ippermettiet lir-rikorrenti jaċċedu għall-arkivju tal-JET biss fl-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru 2005, mhemmx lok li xi prova tkun liema tkun tiġi ddikjarata inammissibbli.

48      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni fi grad u fi skala ta’ kull wieħed mir-rikorrenti, fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza interlokutorja, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-pożizzjonijiet u l-kwalifiki tar-rikorrenti, kif elenkati mill-Kummissjoni, jidhru li huma analogi, fir-rigward tan-natura u tal-livell tagħhom, għal dawk tal-membri effettivi tat-tim tal-proġett. Hija osservat (punt 121) li l-Kummissjoni kienet ammettiet fis-seduta li ma kienx hemm differenzi fundamentali bejn il-membri effettivi tat-tim tal-proġett u r-rikorrenti, peress li l-kwalifiki u l-esperjenza professjonali ta’ l-ewwel u tat-tieni kienu simili. Hija rrilevat ukoll (punt 122) li dan ix-xebh fil-funzjonijiet kien ikkonfermat mill-pjan ta’ struttura tal-persunal tal-JET.

49      Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza interlokutorja (punti 166 u 168) li l-pożizzjoni, il-grad u l-iskala li għandhom jiġu ddeterminati għal kull rikorrent għandhom jikkorrispondu għall-funzjonijiet imwettqa minn kull wieħed minnhom mal-JET, fid-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded fil-perijodu tal-kumpens, billi l-funzjonijiet in kwistjoni huma dawk li l-persuna kkonċernata kienet teżerċita mal-JET f’dik id-data, jekk hija diġà kienet taħdem hemm qabel, li huwa l-każ tal-parti l-kbira tar-rikorrenti, jew il-funzjonijiet li minħabba fihom hija bdiet taħdem hemm. Il-klassifikazzjoni ta’ kull rikorrent għandha għalhekk tiġi stabbilita skond ir-reklutaġġ effettiv mill-JET, li, ġeneralment, kien qabel id-data tal-bidu tal-perijodu tal-kumpens.

50      Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat id-drittijiet għal kumpens ta’ kull rikorrent għal perijodu massimu ta’ ħames snin, hija madankollu ddeċidiet li, sa mill-bidu, jiġifieri sa mill-ewwel kuntratt tagħhom, il-persuni kkonċernati kellhom jiġu rreklutati taħt kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju, u l-illegalità damet tul il-perijodu ta’ żmien kollu tal-JET (punti 127 u 139 tas-sentenza interlokutorja). Kuntrarjament għat-teżi tal-Kummissjoni, il-konstatazzjoni ta’ l-illegalità tirrigwarda t-tul kollu ta’ l-impjieg mal-JET iżda l-kumpens huwa dovut, għall-motivi esposti fis-sentenza interlokutorja (punti 57 sa 84), biss għall-perijodu tal-kumpens definit minnha.

51      Konsegwentement, is-sitwazzjoni ta’ kull rikorrent fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens m’għandhiex tiġi ekwiparata ma’ dik li kienet tirriżulta mill-ewwel reklutaġġ iżda għandha tiġi ttrattata billi jiġi kkunsidrat li, mill-ewwel kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, il-persuna kkonċernata kellha tiġi rreklutata bħala membru tal-persunal temporanju, ħaġa li twassal sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni, skond il-każ, il-“karriera” magħmula qabel il-bidu tal-perijodu tal-kumpens, sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni li tikkorrispondi għall-funzjonijiet imwettqa minn kull wieħed mir-rikorrenti fil-bidu ta’ dan il-perijodu.

52      Barra minn dan, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-“karriera” magħmula preċedentement mal-JET ma jikkostitwixxix sewwasew, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, rikostruzzjoni tal-karriera, iżda jammonta biss għat-teħid in kunsiderazzjoni tal-klassifikazzjoni li għaliha waslet, skond il-każ, il-persuna kkonċernata bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-JET, ħaġa li tirriżulta mis-sentenza interlokutorja, li tirreferi għall-funzjonijiet imwettqa minn kull rikorrent fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens, sabiex jiġu ddeterminati l-pożizzjoni u l-grad ta’ kull rikorrent (punti 166 u 168 tas-sentenza interlokutorja), filwaqt li għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ekwivalenza bejn il-pożizzjonijet, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti u tal-membri effettivi tat-tim tal-proġett (punti 121 u 122). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni li għandha tiġi ddeterminata fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens għandha tieħu dan ix-xebh fil-funzjonijiet in kunsiderazzjoni.

53      Sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ kull rikorrent fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens, għandhom jiġu użati l-elementi disponibbli rilevanti kollha msemmija mill-partijiet, jiġifieri, minn naħa, il-memorandum tal-kap tal-kuntratti tal-JET tal-25 ta’ Awwissu 1989, li jistabbilixxi ekwivalenza bejn il-gradi tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u tmien gradi li jikkonċernaw membri tal-persunal tal-KEEA, kif ukoll il-klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-JET kif tirriżulta mir-reġistru ta’ l-imsemmi persunal għas-sena 1994 u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 1984 dwar il-kriterji applikabbli għall-klassifikazzjoni fi grad u fi skala għar-reklutaġġ tal-persunal f’karigi xjentifiċi u tekniċi kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1983, dwar il-kriterji applikabbli għall-ħatra fi grad u għall-klassifikazzjoni fi skala meta wieħed jiġi rreklutat, f’dak li jirrigwarda l-persunal amministrattiv.

54      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi dokumenti, il-klassifazzjoni fi grad u fi skala ta’ kull rikorrent fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens huwa stabbilit kif ġej.

55      L-ewwel nett, għandha tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ kull rikorrent bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fid-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded fil-perijodu kkunsidrat, kif tista’ tiġi stabbilita mill-memorandum tal-kap tal-kuntratti tal-JET tal-25 ta’ Awwissu 1989 u mir-reġistru tal-persunal bil-kuntratt tal-JET li jikkorrispondi għas-sena 1994. Ħlief fil-każ ta’ l-ewwel reklutaġġ, din il-klassifikazzjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tieħu in kunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal ikkonċernati mir-reklutaġġ inizjali tagħhom sad-data tat-tiġdid tal-kuntratti tagħhom li jiftaħ il-perijodu tal-kumpens, skond il-prinċipji msemmija qabel.

56      It-tieni nett, għandhom jigu stabbiliti l-grad u l-iskala korrispondenti ta’ membru tal-persunal tal-KEEA ekwivalenti għal din l-klassifikazzjoni abbażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 1984 dwar il-kriterji applikabbli għall-klassifikazzjoni fi grad u fi skala għar-reklutaġġ tal-persunal f’karigi xjentifiċi u tekniċi u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1983, dwar il-kriterji applikabbli għall-ħatra fi grad u għall-klassifikazzjoni fi skala meta wieħed jiġi rreklutat, f’dak li jirrigwarda l-persunal amministrattiv.

57      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq li l-klassifikazzjoni fi grad u fi skala ta’ kull wieħed mir-rikorrenti fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens huwa ddeterminat kif indikat fit-tielet kolonna ta’ l-Anness 2 ta’ din is-sentenza.

 Fuq il-promozzjonijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

58      Ir-rikorrenti jsostnu li r-ritmu li bih jingħataw il-promozzjonijiet fil-JET kienu partikolarment favorevoli, ħaġa li, f’dan il-każ, għandha twassal sabiex jiġi kkunsidrat, minn naħa, li wieħed jgħaddi għal grad ogħla malli ż-żieda fl-iskala taqbeż is-salarju fl-ewwel skala fil-grad superjuri li jmiss, ħlief fi tliet każijiet, li dwarhom huma jaqblu mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri, in-nuqqas ta’ promozzjoni mill-grad B għall-grad A, mill-grad A 5 għall-grad A 4 u mill-grad A 4 għall-grad A 3. Min-naħa l-oħra, promozzjoni li tikkorrispondi għal progressjoni medja fil-karrieri għandha tiżdied kull ħames snin.

59      Il-korrelazzjoni stretta bejn il-gradi mitluba mir-rikorrenti u dawk li jidhru fir-reġistru tal-persunal bil-kuntratt tal-JET tikkonferma l-fondatezza tal-metodu propost minnhom. Huwa jippermetti wkoll li ħatra għal pożizzjoni ta’ responsabbiltà twassal għal promozzjoni.

60      Il-Kummissjoni tqis li bdil fir-responsabbiltà ma jwassalx awtomatikament għal promozzjoni, għaliex mhemmx rabta awtomatika bejn grad u funzjoni, billi uffiċjal jista’ jgħaddi minn pożizzjoni ta’ amministratur għal dik ta’ kap ta’ diviżjoni mingħajr ma jiġi promoss.

61      Bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet indikaw li huma ftehmu fuq rata ta’ promozzjoni ta’ 20 %, li tikkorrispondi għal promozzjoni kull ħames snin.

62      Il-Kummissjoni tibqa’ ma taqbilx fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ din ir-rata, magħmula mir-rikorrenti, għall-perijodu preċedenti għall-perijodu tal-kumpens, skond il-metodu tagħhom li jikkonsisti filli tittieħed in kunsiderazzjoni l-karriera magħmula fil-JET qabel il-perijodu tal-kumpens sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni fil-bidu ta’ dan il-perijodu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

63      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ ftehim indikat mill-Kummissjoni ma jirrigwardax l-effett tal-promozzjonijiet li r-rikorrenti setgħu jibbenefikaw minnhom bir-rata aċċettata, bejn il-partijiet, ta’ 20 % kull sena matul il-perijodu tal-kumpens, iżda jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din ir-rata sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ kull kull wieħed mir-rikorrenti, fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens, billi, skond il-każ, tiġi rrikostruwita l-karriera preċedenti tal-persuna kkonċernata fil-JET. Għalhekk, dawn il-kritiki jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-grad u ta’ l-iskala fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens u ma jirrigwardawx il-promozzjonijiet matul dan il-perijodu li għandhom jiġu rrikostruwiti hawnhekk.

64      Fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-promozzjonijiet preċedenti għall-perijodu tal-kumpens, li mhuwiex in kwistjoni hawnhekk, għandu madankollu jiġi osservat, fid-dawl tal-preokkupazzjonijiet tal-konvenuta, li huwa ċert li, mill-mument fejn ġie kkonstatat (ara l-punti 50 et seq. iktar ‘il fuq), skond il-motivi tas-sentenza interlokutorja, li kellha tittieħed in kunsiderazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ kull rikorrent fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens, il-karriera tal-persuna kkonċernata minn meta ġiet effettivament reklutata, dan il-metodu ta’ “rikostruzzjoni tal-karriera” bilfors jinkludi l-promozzjonijiet li minnhom setgħet tibbenefika din il-persuna. Billi l-partijiet aċċettaw li r-rata ta’ promozzjoni fil-JET kienet ta’ 20 %, ir-rikorrenti setgħu loġikament jużawha sabiex iwettqu din ir-“rikostruzzjoni tal-karriera” tal-bidu, sabiex jiddeterminaw il-grad u l-iskala ta’ kull wieħed mir-rikorrenti fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens.

65      Fir-rigward tal-promozzjonijiet matul il-perijodu tal-kumpens, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza interlokutorja (punt 169), li l-partijiet kellhom jiftiehmu dwar ir-rikostruzzjoni tal-karriera ta’ kull wieħed mir-rikorrenti minn meta ġie rreklutat sal-perijodu ta’ l-aħħar ħames snin li għalih huwa dovut il-kumpens, billi jieħdu in kunsiderazzjoni ż-żieda medja fir-remunerazzjonijiet għall-pożizzjoni u grad korrispondenti ta’ membru tal-persunal tal-KEEA, li jekk ikun il-każ ikun jaħdem mal-JET, u l-eventwali promozzjonijiet li minnhom seta’ jibbenefika kull wieħed mir-rikorrenti matul dan il-perijodu, fid-dawl tal-grad u tal-post magħżul, fuq il-bażi tan-numru medju ta’ promozzjonijiet mogħtija lil membri tal-persunal temporanju tal-KEEA f’sitwazzjoni simili.

66      Jirriżulta mis-sentenza interlokutorja li r-rikostruzzjoni ta’ l-eventwali promozzjonijiet matul il-perijodu tal-kumpens għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-grad u ta’ l-iskala magħżula fil-bidu ta’ dan il-perijodu massimu ta’ ħames snin, bl-applikazzjoni tan-numru medju ta’ promozzjonijiet mogħtija lill-membri tal-persunal temporanju tal-KEEA f’sitwazzjoni simili, jiġifieri li jaħdmu mal-JET, skond il-prassi tal-promozzjonijiet kif kienet fis-seħħ fil-JET.

67      Fil-fatt, huwa fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-membri effettivi tat-tim tal-proġett JET li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li r-rikorrenti kienu nżammu f’sitwazzjoni ġuridika diskriminatorja li tikkostitwixxi illegalità (punti 140 u 141 tas-sentenza interlokutorja) u li minħabba f’dan, huma ġarrbu dannu (punti 164 u 169 tas-sentenza interlokutorja). Konsegwentement, is-“sitwazzjoni simili”, li għandha sservi bħala punt ta’ paragun sabiex jiġu ddeterminati l-progressjonijiet fil-karriera li r-rikorrenti setgħu jibbenefikaw minnhom, hija dik, li jekk ikun il-każ hija l-iktar favorevoli, tal-membri effettivi tat-tim tal-proġett JET.

68      L-eventwali aċċess għal pożizzjonijiet li jinvolvu responsabbiltajiet partikolari ma ttiħidx in kunsiderazzjoni fil-kalkolu, billi, kif qieset il-Kummissjoni, mhemmx rabta awtomatika bejn il-grad u l-funzjoni, billi uffiċjal jista’ jibdel il-pożizzjoni tiegħu mingħajr ma jibbenefika minn promozzjoni minħabba f’hekk. Min-naħa l-oħra, il-promozzjonijiet irrikostruwiti għandhom jinkludu l-bidliet fl-iskala u l-bidliet fil-grad skond il-prassi tal-JET.

69      Għaldaqstant, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, skond il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza interlokutorja, il-promozzjonijiet irrikostruwiti abbażi tal-motivi fuq imsemmija sabiex jiġi stabbilit id-dħul nett li kull rikorrenti seta’ jirċievi bħala membru tal-persunal temporanju matul il-perijodu tal-kumpens.

 Fuq il-benefiċċji relatati

–       L-argumenti tal-partijiet

70      Ir-rikorrenti jsostnu li d-dħul nett li kull wieħed minnhom effettivament irċieva għandu jiġi kkalkulat, wara t-tnaqqis ta’ l-ammonti li qala’ meta ħadem matul il-leave tiegħu jew meta ħadem sahra, billi jiġi kkunsidrat li kull wieħed ħadem l-istess numru ta’ ġranet bħal membru tal-persunal temporanju tal-KEEA f’sitwazzjoni ekwivalenti u mingħajr sahra. Huma jsostnu li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ammonti li effettivament qalgħu r-rikorrenti għal dan ix-xogħol addizzjonali (li huma ogħla minn dawk ta’ membri tal-persunal temporanju tal-JET) jikkanċella kull kumpens għal-leave mħallas u għas-sahra.

71      Il-Kummissjoni ssostni li l-ammonti mħallsa mir-rikorrenti għal-leave mħallas u għas-sahra, minħabba fil-flessibbiltà li kellhom sabiex iżidu d-dħul tagħhom, b’differenza mill-membri tal-persunal tal-KEEA, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fid-dħul li l-persuni kkonċernati rċevew bħala membri tal-persunal bil-kuntratt. Fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dħul Komunitarju li kull wieħed minnhom seta’ jirċievi, hija ssostni li, għall-parti tal-kumpens li tikkorrispondi għal ċerti allowances, bħall-allowance tal-familja, l-allowance tat-tfal dipendenti jew l-allowance ta’ l-edukazzjoni, għandha tinġieb il-prova li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba.

72      Fir-rigward tal-missjonijiet eventwalment imwettqa mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li f’dan il-każ huwa in kwistjoni r-rimbors ta’ spejjeż u mhux ta’ telf ta’ qligħ. Fir-rigward ta’ l-allowances ta’ kuljum li xi rikorrenti rċevew peress li kienu jgħixu ‘l bogħod mis-sit tal-JET, il-konvenuta ssostni li r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtux benefiċċji ekwivalenti lill-membri tal-persunal temporanju u li l-kumpens korrispondenti għandu jiġi kkalkulat bħala dħul effettivament irċevut bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

73      In segwitu għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jidher li l-partijiet ftehmu fuq il-punti li ġejjin.

74      F’dak li jirrigwarda l-leave mħallas, huwa aċċettat, fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira tar-rikorrenti ma bbenefikawx minnu, li jingħaddu mad-dħul irċevut mir-rikorrenti bħala membri tal-persunal bil-kuntratt l-ammonti li l-persuni kkonċernati rċevew talli ħadmu numru ta’ sigħat ekwivalenti għal dak li kieku kienu jagħmlu bħala membri tal-persunal tal-KEEA.

75      Fir-rigward tas-sahra, il-partijiet qablu li jiddistingwu s-sitwazzjoni tar-rikorrenti li jaqgħu fil-kategorija A minn dik tar-rikorrenti fil-kategorija B. Minn naħa, billi l-persunal tal-KEEA fil-kategorija A ma jitħallasx għas-sahra magħmula, b’differenza mill-persunal bil-kuntratt li taħtu jaqgħu r-rikorrenti, dawn ta’ l-aħħar jaċċettaw iż-żieda ta’ 10 % applikata mill-Kummissjoni fuq id-dħul nazzjonali tagħhom. Min-naħa l-oħra, jidher li l-persunal tal-KEEA fil-kategorija B (kif ukoll dak fil-kategorija C) kien jirċievi kumpens għas-sahra, li mhuwiex finanzjarju iżda f’sigħat, ħaġa li hija impossibbli li tiġi kkalkulata. Konsegwentement, ir-rikorrenti ddeċidew li ma jiħdux in kunsiderazzjoni s-sahra fuq iż-żewġ naħat ta’ l-ekwazzjoni (dħul nazzjonali u dħul Komunitarju). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni żammet uniformament iż-żieda ta’ 10 % applikata għad-dħul irċevut mir-rikorrenti bħala membri tal-persunal bil-kuntratt. Minn dan għalhekk tirriżulta diverġenza fl-evalwazzjoni ta’ dan id-dħul fiċ-ċifri prodotti mill-partijiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

76      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza interlokutorja (punt 164), li, għall-perijodu ta’ ħidma ma’ l-impriża konġunta JET, id-dannu subit mir-rikorrenti kien jirriżulta fid-differenza bejn ir-remunerazzjonijiet, benefiċċji relatati u drittijiet għal pensjoni li l-persuni kkonċernati kienu jirċievu jew jakkwistaw kieku ħadmu għall-proġett JET bħala membri tal-persunal temporanju u r-remunerazzjonijiet, benefiċċji relatati u drittijiet għal pensjoni li fil-fatt irċevew jew akkwistaw bħala persunal bil-kuntratt.

77      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li sabiex jiġi ddeterminat id-dħul nett Komunitarju li kull rikorrent irċieva matul il-perijodu tal-kumpens li kieku ġie rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-benefiċċji kollha li l-parti kkonċernata kienet intitolata għalihom fid-dawl ta’ l-elementi dwar is-sitwazzjoni personali u professjonali tagħha li għalihom tista’ tipprovdi provi dokumentali. Min-naħa l-oħra mhemmx lok li jiġi inkluż kumpens li hija setgħet tirċievi għall-missjonijiet, billi l-Kummissjoni f’dan ir-rigward sostniet, mingħajr ma ġiet kontradetta, li, fil-JET, l-ispejjeż kollha ta’ soġġorn kienu jiġu rrimborsati filwaqt li l-allowances ta’ kuljum ġew imnaqqsa, jew saħansitra mneħħija.

78      Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat id-dħul nett nazzjonali rċevut minn kull rikorrent bħala membru tal-persunal bil-kuntratt matul il-perijodu tal-kumpens, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni r-remunerazzjonijiet kollha li l-persuni kkonċernati effettivament irċevew f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-allowance ta’ kuljum li eventwalment irċevew uħud mir-rikorrenti minħabba li kienu joqogħdu ‘l bogħod mis-sit tal-JET.

79      Fir-rigward tal-leave mħallas, għandha tittieħed konjizzjoni tal-ftehim bejn il-partijiet u għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ammonti li l-persuni kkonċernati rċevew talli ħadmu numru ta’ sigħat ekwivalenti għal dak tas-sigħat ta’ xogħol li kieku kienu jagħmlu bħala membri tal-persunal tal-KEEA.

80      F’dak li jirrigwarda s-sahra, kif ftehmu l-partijiet, billi l-persunal tal-KEEA fil-kategorija A ma kienx imħallas għas-sahra magħmula, b’differenza mill-membri tal-persunal bil-kuntratt bħar-rikorrenti, għandha tiġi applikata żieda ta’ 10 % fuq id-dħul li l-persuni kkonċernati rċevew bħala membri tal-persunal bil-kuntratt.

81      Fir-rigward tar-rikorrenti kklassifikati fil-kategorija B, għandu jiġi osservat li l-konvenuta ma ssostnix li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-persunal tal-KEEA fil-kategoriji B u C kien jirċievi kumpens għas-sahra, li mhuwiex finanzjarju iżda f’sigħat, li huwa impossibbli li jiġi kkalkulat, huma ineżatti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li s-soluzzjoni l-iktar adegwata hija dik tar-rikorrenti, jiġifieri li ma tittiħidx in kunsiderazzjoni s-sahra, kemm għad-determinazzjoni tad-dħul irċevut mir-rikorrenti bħala membri tal-persunal bil-kuntratt kemm għad-determinazzjoni tad-dħul li kieku rċevew bħala membri tal-persunal temporanju tal-KEEA.

82      Konsegwentement, id-dħul nett li kull rikorrent seta’ jirċievi bħala membru tal-persunal temporanju matul il-perijodu tal-kumpens u dak li effettivament irċieva bħala membru tal-persunal bil-kuntratt matul l-istess perijodu għandu jiġi ddeterminat skond il-prinċipji msemmija iktar ‘il fuq li jirrigwardaw il-benefiċċji relatati.

83      Minn dan jirriżulta li l-ammont tad-dħul nett irċevut mill-membri tal-persunal bil-kuntratt, l-ammont tad-dħul li kien imisshom irċevew bħala membri tal-persunal temporanju, l-ammont tat-telf li jirriżulta mid-differenza bejn dawn iż-żewġ valuri u l-ammont tat-telf akkumulat li jirriżulta billi dan l-aħħar ammont jiġi aġġornat sal-31 ta’ Diċembru 1999 huma dawk li jidhru fil-kolonni (1), (2), (3) u (4), rispeettivament, ta’ l-Anness 3 ta’ din is-sentenza.

 Fuq id-drittijiet għal pensjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

84      Ir-rikorrenti jsostnu li għandhom dritt għal ħlas ta’ kumpens għat-telf tad-drittijiet għal pensjoni u li dan ma jistax jiġi ssostitwit b’għotja għall-firda. Huma jsostnu li l-parti l-kbira tagħhom ħadmu mal-JET matul perijodu itwal minn dak ta’ ħames snin għall-massimu li abbażi tiegħu għandu jiġi kkalkulat il-kumpens. Huma jqisu li approċċ xieraq sabiex jiġu ddeterminati d-drittijiet għal pensjoni jikkonsisti fil-kalkolu ta’ l-ispejjeż ta’ vitalizju ekwivalenti għal pensjoni li kienu jirċievu li kieku ġiet irrispettata l-liġi u li tittieħed in kunsiderazzjoni l-parti ta’ dan l-ammont li tikkorrispondi għall-perijodu tal-kumpens.

85      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti jistgħu jippretendu biss għotja għall-firda billi ġie stabbilit mill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-perijodu li għalih il-Komunità hija responsabbli għal non-reklutaġġ u li għalih ġiet obbligata tipprovdi kumpens huwa ta’ massimu ta’ ħames snin. L-għoti ta’ drittijiet għal pensjoni minħabba fil-fatt li wħud mir-rikorrenti qabel kienu ħadmu mal-JET, li jfisser li wieħed ikun qed jibbaża ruħu fuq kuntratti konklużi qabel il-bidu tal-perijodu tal-kumpens, huwa kuntrarju għal dak li ppreskriviet il-Qorti tal-Prim’Istanza.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

86      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza interlokutorja (punt 164), li, għall-perijodu ta’ ħidma ma’ l-impriża konġunta JET, id-dannu subit mir-rikorrenti kien jinkludi drittijiet għal pensjoni, li kienu jikkorispondu għad-differenza bejn id-drittijiet għal pensjoni li l-persuni kkonċernati kienu jirċievu kieku ħadmu għall-proġett JET bħala membri tal-persunal temporanju u d-drittijiet għal pensjoni li fil-fatt kienu akkwistaw bħala membri tal-persunal bil-kuntratt.

87      Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-kumpens kellu jkun ikkalkulat fuq perijodu li jibda mid-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded li jikkonċerna lir-rikorrent in kwistjoni, liema data ma setgħetx tkun aktar minn ħames snin qabel id-data li fiha ressaq it-talba tiegħu għal kumpens lill-Kummissjoni u li jintemm jew fid-data li fiha huwa waqaf jaħdem għall-proġett JET jekk din id-data kienet qabel id-data tat-tmiem tal-proġett, il-31 ta’ Diċembru 1999, jew f’din id-data ta’ l-aħħar jekk huwa ħadem għall-proġett JET sakemm intemm (punt 171 tas-sentenza interlokutorja).

88      Jirriżulta mingħajr ambigwità mill-motivi ċċitati iktar ‘il fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza espressament irrikonoxxiet li r-rikorrenti għandhom dritt għal kumpens relattiv għad-drittijiet għal pensjoni. Għaldaqstant, għalkemm hija qabel illimitat l-ammissibbiltà tal-kwantifikazzjoni tad-danni għal perijodu massimu ta’ ħames snin mit-talba għal kumpens ta’ kull wieħed mir-rikorrenti, minn dan hija ma ddeduċietx li din il-parti tal-kumpens għandha f’kull każ tiġi ssostitwita b’għotja għall-firda. L-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma tistax tiġi aċċettata.

89      Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 51 iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza interlokutorja, iddeċidiet li, sa mill-bidu, ir-rikorrenti kellhom jiġu rreklutati taħt kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju u li, bit-tul ta’ żmien li damet għaddejja l-illegalità mwettqa, hija eċċediet il-perijodu tal-kumpens. Din il-konstatazzjoni twassal bilfors sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti setgħu jiksbu xi drittijiet għal pensjoni bis-saħħa tal-perijodu kollu li matulu kull wieħed minnhom effettivament ħadem mal-JET, iżda l-kumpens relattiv għal dawn l-eventwali drittijiet huwa limitat għall-perijodu tal-kumpens.

90      Konsegwentement, sabiex tiġi ddeterminata l-parti tal-kumpens li tikkorrispondi għad-drittijiet għal pensjoni, għandha tiġi kkunsidrata, għal kull rikorrent, id-data ta’ l-ewwel reklutaġġ effettiv tiegħu mill-JET, li skond il-każ tista’ tkun data preċedenti għall-perijodu tal-kumpens, liema kumpens ikun dovut għat-telf tad-drittijiet għal pensjoni relattivi għall-perijodu massimu ta’ ħames snin li jikkorrispondi għall-perijodu tal-kumpens. Il-perijodu massimu ta’ ħames snin fuq imsemmi għalhekk ma jikkostitwixxix l-uniċi snin li jagħtu lok għad-drittijiet. Huwa fil-fatt il-perijodu ta’ impjieg totali ta’ kull rikorrent mal-JET li jagħti lok għal drittijiet għal pensjoni li huwa jista’ jkollu, bid-drittijiet korrispondenti sussegwentement imnaqqsa pro rata għat-tul tal-perijodu tal-kumpens, fuq il-perijodu totali ta’ l-impjieg skond il-motivi ċċitati iktar ‘il fuq tas-sentenza interlokutorja.

91      Barra minn dan, għandu jiġi kkunsidrat li l-kumpens dovut għad-drittijiet għal pensjoni ma jistax ikun inqas mill-valur attwarjali tar-riżervi kkostitwiti f’isem kull rikorrent mill-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiem u ta’ min iħaddem fir-rigward tal-perijodu massimu ta’ ħames snin li jikkorrispondi għall-perijodu tal-kumpens.

92      Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn rikorrent, b’mod partikolari minħabba li jkun ħadem għal inqas minn għaxar snin mal-JET, f’kull każ ma setax, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, ikollu dritt għal pensjoni ta’ l-irtirar iżda biss dritt għal għotja għall-firda, kumpens għat-telf ta’ tali għotja, imnaqqas pro rata għat-tul tal-perijodu tal-kumpens, fuq il-perijodu totali ta’ l-impjieg, jikkostitwixxi l-alternattiva li neċessarjament għandha tingħatalu skond il-motivi ċċitati iktar ‘il fuq tas-sentenza interlokutorja. Mit-tweġibiet tar-rikorrenti għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li, fl-aħħar stadju tat-talbiet tagħhom, dawn ta’ l-aħħar jippreżentaw, għal dawk fosthom li ħadmu inqas minn għaxar snin mal-JET, talba għal għotja għall-firda minflok għad-drittijiet għal pensjoni.

93      Iċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni ma jqegħdux fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

94      Għalkemm, fis-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber, C-262/88 (Ġabra p. I-1889), il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-effetti fiż-żmien ta’ l-interpretazzjoni li tat ta’ l-Artikolu 141 KE għal raġunijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jipprekludi li sitwazzjonijiet legali li eżawrew l-effetti tagħhom fl-imgħoddi jerġgħu jitqiegħdu in diskussjoni, din is-soluzzjoni ma tidhirx rilevanti f’din il-kawża.

95      Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, relattivi għall-kumpens tad-danni kkawżati minn illegalitajiet imwettqa mill-Komunità fil-konfront tar-rikorrenti, ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk tal-kawża msemmija preċedentement, li qajmet problema ta’ reviżjoni retroattiva ta’ sistemi ta’ pensjoni fit-territorju kollu tal-Komunità b’implikazzjonijiet finanzjarji kunsiderevoli, apparti li l-konvenuta ma semmiet l-ebda kunsiderazzjoni imperattiva ta’ interess ġenerali.

96      Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li, għall-perijodu preċedenti għall-perijodu tal-kumpens, ma kienx hemm fondi ta’ pensjoni għall-JET, b’mod li l-għoti ta’ drittjiet għal pensjoni lir-rikorrenti għal dan il-perijodu preċedenti jwassal sabiex jingħatalhom vantaġġ li minnu l-membri tal-persunal tal-KEEA impjegati mal-JET ma bbenefikawx, lanqas ma tista’ tintlaqa’.

97      Mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta’ l-Artikoli 2 u 39 tal-Kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, li jirregolaw, b’mod partikolari, il-membri tal-persunal tal-KEEA, jirriżulta li l-membri tal-persunal temporanju għandhom dritt għal pensjoni ta’ l-irtirar jew għal għotja għall-firda taħt il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 8(5) ta’ l-istatut tal-JET anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 78/471/Euratom tat-30 ta’ Mejju 1978, dwar it-twaqqif ta’ l-impriża konġunta JET (ĠU L 151, p. 10), fil-verżjoni tiegħu li hija rilevanti għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni tar-rikorrenti, kien jirreferi espressament għall-Kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej għall-persunal irreklutat bħala membri tal-persunal temporanju, kif kellhom ikunu r-rikorrenti. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li, fil-prattika, is-sistema prevista mit-testi applikabbli ma ġietx irrispettata għall-membri tal-persunal tal-KEEA impjegati mill-JET, dan il-fatt spjaċevoli ma jistax jiġi invokat mill-konvenuta fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens dovut lir-rikorrenti minħabba fl-illegalitajiet imwettqa fil-konfront tagħhom.

98      Barra minn dan, filwaqt li r-rikorrenti ilhom li talbu kumpens għat-telf tad-drittijiet għal pensjoni minn mindu ressqu r-rikors tagħhom fl-2001 u filwaqt li s-sentenza interlokutorja espliċitament aċċettat il-prinċipju ta’ dan il-kumpens, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżattezza ta’ l-allegazzjoni tagħha jew speċifikat id-diffikultajiet prattiċi li jistgħu jirriżultaw minnha.

99      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq li l-kumpens tar-rikorrenti għat-telf tad-drittijiet għal pensjoni jew, skond il-każ, għall-għotja għall-firda għandu jiġi ddeterminat, skond il-motivi fuq imsemmija, kif indikat fil-kolonna (5) ta’ l-Anness 3 ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ammont totali tal-kumpens dovut lil kull wieħed mir-rikorrenti

100    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza interlokutorja (punt 164), li għall-perijodu ta’ ħidma ma’ l-impriża konġunta JET, id-dannu subit mir-rikorrenti jinsab fid-differenza bejn ir-remunerazzjonijiet, benefiċċji relatati u drittijiet għal pensjoni li l-persuni kkonċernati kienu jirċievu jew jakkwistaw kieku ħadmu għall-proġett JET bħala membri tal-persunal temporanju u r-remunerazzjonijiet, benefiċċji relatati u drittijiet għal pensjoni li fil-fatt irċevew jew akkwistaw bħala membri tal-persunal bil-kuntratt.

101    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq li l-ammont definittiv tal-kumpens dovut lil kull wieħed mir-rikorrenti sabiex jiġi rrimedjat id-dannu in kwistjoni, fil-31 ta’ Diċembru 1999, liema data tagħlaq f’kull każ il-perijodu tal-kumpens, għandu jiġi stabbilit fl-ammont totali indikat fil-kolonna (6) ta’ l-Anness 3 ta’ din is-sentenza. Minn din id-data ‘l quddiem, dan l-ammont jagħti lok għal imgħax sempliċi bir-rata ta’ 5.25 %, kif indikat fil-punt 28 iktar ‘il fuq, sal-ħlas effettiv tal-kumpens.

 Fuq is-sistema fiskali applikabbli għall-kumpens dovut lir-rikorrenti

102    Il-partijiet spjegaw il-problemi li jistgħu jinqalgħu, fuq livell nazzjonali, fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, minħabba l-intenzjoni espressa mill-awtoritajiet fiskali tar-Renju Unit, li jintaxxaw, jekk mhux l-ammont kapitali tal-kumpens, għall-inqas l-imgħaxijiet relatttivi għall-kumpens in kwistjoni hawnhekk, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tas-sentenza interlokutorja.

103    Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li billi l-kumpens dovut lil kull rikorrent huwa intiż sabiex jiġi kkumpensat it-telf tar-remunerazzjonijiet u ta’ benefiċċji relatati stmati netti mit-taxxa u ġie kkalkulat, skond l-istess regoli, billi ttieħdet in kunsiderazzjoni t-taxxa Komunitarja, dan għandu jibbenefika mis-sistema fiskali applikabbli għall-ammonti mħallsa mill-Komunitajiet lill-persunal tagħhom, skond l-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ Uffiċjali u Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej. Għaldaqstant, il-kumpens in kwistjoni, interpretat b’dan il-mod nett minn kull taxxa, ma jistax ikun suġġett għal tnaqqis ta’ taxxa nazzjonali. Għalhekk, ebda kumpens addizzjonali mhuwa dovut bħala kumpens għal tali tnaqqis (punt 173 tas-sentenza interlokutorja).

104    Jirriżulta mis-sentenza interlokutorja li kemm il-kapital tal-kumpens dovut lil kull rikorrent kif ukoll l-imgħaxijiet relattivi għalih, li jikkostitwixxu l-prezz għaż-żmien meħud sabiex jiġi rrimedjat id-dannu mġarrab mill-persuni kkonċernati u huma għalhekk inseparabbli mill-kapital, ma jistgħu fl-ebda każ ikunu suġġetti għal kwalunkwe taxxa nazzjonali li jkollha l-effett dirett li tnaqqas il-kumpens għal dan id-dannu. Barra minn dan, kif jirriżulta mis-sentenza interlokutorja, il-Komunità ma tistax tiġi ordnata tħallas kumpens addizzjonali lir-rikorrenti, li mhuwiex marbut ma’ l-illegalitajiet ikkonstatati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex jiġi kkumpensat it-tnaqqis tal-kumpens finalment miġbur mill-persuni kkonċernati, minħabba f’deċiżjonijiet fiskali nazzjonali, billi tali trasferiment fir-realtà jammonta għal kontribuzzjoni indebita għall-baġit ta’ Stat Membru.

105    Mingħajr mhemm lok li tiddeċiedi minn qabel l-eventwali konsegwenzi proċedurali li jesponi ruħu għalihom l-Istat Membru f’dan il-każ, liema konsegwenzi hija l-Kummissjoni li għandha tikkunsidra jekk ikunux opportuni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ biss tikkonferma l-immunità fiskali sħiħa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-kumpens dovut lir-rikorrenti, kemm fir-rigward tal-kapital kif ukoll fir-rigward ta’ l-imgħaxijiet, immunità li tirriżulta mill-motivi tas-sentenza interlokutorja, li kisbet l-istatus definittiv ta’ res judicata, kif indikat fil-punti 26 u 28 iktar ‘il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

 L-argumenti tal-partijiet

106    Ir-rikorrenti, li jitolbu li l-konvenuta tiġi ordnata tbati l-ispejjeż skond l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura, isostnu li, minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat l-perijodu tal-kumpens, huma ma kinux telliefa fuq kap tat-talbiet tagħhom u li l-ispejjeż tagħhom mhumiex proporzjonati mat-tul tal-perijodu tal-kumpens.

107    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jistgħux jippretendu li huma rebbieħa billi kienu telliefa fuq waħda mill-kwistjonijiet essenzjali, jiġifieri l-preskrizzjoni, li kellha l-effett li naqqset b’5 jew 6 darbiet it-talbiet inizjali tagħhom. Filwaqt li tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddedikat kważi nofs is-sentenza T-144/02 tal-5 ta’ Ottubru 2004 għal din il-kwistjoni, hija tqis li approċċ li jista’ jiġi adottat huwa li hija tiġi ordnata tbati biss nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

108    Għandu jiġi mfakkar li l-ispejjeż tal-kawża kienu rriżervati mill-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza interlokutorja.

109    Jirriżulta mill-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli f’dan il-każ, peress li l-kontroversja ġiet eżaminata fil-kuntest ta’ kawżi bejn il-Komunità u l-impjegati tagħha (punt 52 tas-sentenza interlokutorja), li, f’dan il-kuntest, l-istituzzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3).

110    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

111    Barra minn dan, l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

112    Għandu jiġi rrilevat li jirriżulta kemm mid-dispożittiv tas-sentenza interlokutorja kif ukoll mill-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju għalih li r-rikorrenti kienu rebbieħa fil-parti essenzjali tat-talbiet tagħhom. Fil-fatt il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet id-dritt għal kumpens għad-dannu finanzjarju subit minn kull wieħed mir-rikorrenti minħabba l-fatt li ma ġiex irreklutat bħala membru tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet matul iż-żmien li ħadem ma’ l-impriża konġunta JET. Għalhekk, iċ-ċirkustanza allegata mill-konvenuta li l-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat il-perijodu tal-kumpens ma jnaqqas xejn mid-dikjarazzjoni sħiħa u intiera tar-responsabbiltà tal-Komunità minħabba fl-illegalità mwettqa, li ġiet ikkonstatata għall-perijodu kollu li matulu r-rikorrenti ħadmu mal-JET.

113    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, minkejja li dawn ta’ l-aħħar tilfu parti mit-talbiet tagħhom għal kumpens safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza m’aċċettatx l-ammonti kollha mitluba bħala kumpens għad-dannu in kwistjoni, madankollu jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti kisbu kumpens ogħla minn dak li l-Kummissjoni kienet disposta tagħtihom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 363 sa 365).

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li, għall-proċedura kollha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, u li l-Kunsill, bħala intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)       Il-Kummissjoni għandha tħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti kumpens li jikkorrispondi għall-ammont indikat għal kull wieħed minnhom fil-kolonna (6) ta’ l-Anness 3 ta’ din is-sentenza.

2)      Fuq dan l-ammont għandhom jitħallsu imgħaxijiet bir-rata ta’ 5,25% mill-31 ta’ Diċembru 1999 sad-data tal-ħlas effettiv.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrenti relattivi għall-proċedura kollha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

4)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Vesterdorf

Jaeger

Legal

Mogħtija fl-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Lulju 2007.

E. Coulon

 

      B. Vesterdorf

Reġistratur

 

      President

Anness 1

Lista tar-rikorrenti (13)

Atkins T. F.

Brickley Carol

Eagle Richard J.

Fanthome John G.

Felton Robert

Gaberscik Alexander

Gardener Martin

Grant Michael George

Junger Edward

Marren Clifford

Marrs Beryl

Sands David

Walton Robert C.

Anness 2

Ismijiet tar-rikorrenti

Bidu tal-perijodu tal-kumpens

Grad u skala fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens

Brickley

1 ta’ Marzu 1996

A 5/2

Eagle

1 ta’ Marzu 1996

B 1/8

Felton

1 ta’ Marzu 1996

A 5/3

Gaberscik

1 ta’ Marzu 1996

A 7/1

Gardener

1 ta’ Marzu 1996

B 1/7

Grant

1 ta’ Marzu 1996

B 2/4

Marren

1 ta’ Marzu 1996

B 1/5

Marrs

1 ta’ Marzu 1996

B 1/8

Sands

1 ta’ Marzu 1996

B 2/1

Walton

1 ta’ Marzu 1996

A 5/5

Anness 3

Ismijiet tar-rikorrenti

Total tad-dħul nett irċevut bħala membru tal-persunal bil-kuntratt (1)

Dħul nazzjonali (GBP)

Total tad-dħul nett ta’ membru tal-persunal temporanju ekwivalenti (2)

Dħul Komunitarju (GBP)

Differenza:

Telf nett sempliċi

(3 = 2- 1)

(GBP)

Differenza:

Telf nett akkumulat

(4 = 3 aġġornat sal-31 ta’ Diċembru 1999)

(GBP)

Telf ta’ pensjoni ta’ l-irtirar

(jew għotja għall-firda) (5)

(GBP)

Telf totali

sal-31 ta’ Diċembru 1999

(6 = 4 + 5)

(GBP)

Brickley

55 885

127 702

71 817

78 799

12 233

91 033

Eagle

102 784

186 517

83 734

90 189

147 220

237 410

Felton

127 231

198 678

71 447

76 915

48 132

125 047

Gaberscik

61 513

87 728

26 215

28 210

12 346

40 555

Gardener

104 242

262 987

158 745

170 348

121 464

291 812

Grant

62 745

167 619

104 875

111 738

127 730

239 467

Marren

111 040

207 958

96 918

104 288

123 823

228 111

Marrs

102 977

186 517

83 540

89 981

162 080

252 061

Sands

72 970

157 228

84 259

90 038

88 551

178 589

Walton

113 978

210 673

96 695

103 612

104 409

208 021


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.