Language of document : ECLI:EU:T:2013:298

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Disinni Komunitarji — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinni Komunitarji li jirrappreżentaw uċuħ tal-arloġġi — Disinni preċedenti mhux irreġistrati — Raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Novità — Artikoli 4, 5 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 — Karattru individwali — Impressjoni globali differenti — Artikoli 4, 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 — Drittijiet tal-awtur preċedenti — Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑68/11,

Erich Kastenholz, residenti f’Troisdorf (il-Ġermanja), irrappreżentat minn L. Acker, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn S. Hanne, sussegwentement minn D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Qwatchme A/S, stabbilita f’Løsning (id-Danimarka), irrappreżentata minn M. Zöbisch, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI tat-2 ta’ Novembru 2010 (Każ R 1086/2009‑3), relatata ma’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Erich Kastenholz u Qwatchme A/S,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen (President), S. Soldevila Fragoso (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Jannar 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Mejju 2011,

wara li rat il-modifika tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Settembru 2006, l-intervenjenti, Qwatchme A/S ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Id-disinn li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu huwa abjad u iswed, kif jidher hawn taħt:

Image not found

3        Id-disinn espost fil-punt 2 iktar ʼil fuq ġie rreġistrat fl-istess jum tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt in-numru 000602636-0003 (iktar ʼil quddiem id-“disinn ikkontestat”). Il-prodotti li d-disinn huwa maħsub li jkopri jaqgħu taħt il-klassi 10.07 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat-8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Uċuħ ta’ arloġġi, parti minn uċuħ ta’ arloġġi, minutieri tal-uċuħ ta’ arloġġi”.

4        Fil-25 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrent, Erich Kastenholz, ippreżenta quddiem l-UASI, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tad-disinn ikkontestat. Ir-raġunijiet invokati insostenn tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu, minn naħa, dik prevista mill-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li d-disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi regolament minħabba n-nuqqas ta’ novità tiegħu u, min-naħa l-oħra, dik prevista mill-Artikolu 25(1)(f) tal-imsemmi regolament, li d-disinn ikkontestat jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta’ wiċċ ta’ arloġġ protett mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar id-drittijiet tal-awtur.

5        Ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li d-disinn ikkontestat kien identiku għad-disinn ta’ wiċċ ta’ arloġġ, protett mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar id-drittijiet tal-awtur, billi juża t-teknika tas-soprapożizzjoni ta’ diski kkuluriti “Farbfolge II, 12-Stunden im 5-Minuten Takt” (Sekwenza ta’ kuluri II, 12-il siegħa b’ritmu ta’ 5 minuti), ippreżentat u ppubblikat mill-artist Paul Heimbach bejn l-2000 u l-2005, li huwa iswed u abjad, kif ġej rispettivament:

“Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt” (bil-kuluri)

Image not found

“Farbfolge II” (2003) (iswed u abjad)

Image not found

6        Kien mid-disinn “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt” li l-artist Paul Heimbach żviluppa l-wiċċ tal-arloġġi “Farbzeiger II”, li huwa iswed u abjad, kif ġej:

Image not found

7        Ir-rikorrent isostni wkoll li “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”, “Farbfolge II” (2003) u “Farbzeiger II”, kienu protetti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar id-drittijiet tal-awtur, peress li huma “kienu jippreżentaw wiċċ ta’ arloġġ li jinbidel kontinwament mal-moviment tal-minutieri u li fuqu kull minutiera kienet imwaħħla ma’ diska kkulurita semi-trasparenti li kienet tiġġenera kuluri differenti kull darba li kienu jgħaddu min fuq xulxin”.

8        Fin-nota addizzjonali tiegħu quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI tas-27 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti sostna, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tan-novità u tan-natura individwali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta l-istess karatteristiċi tad-disinn “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”, kif irrappreżentat bil-kuluri iswed u abjad fil-punt 5 iktar ʼil fuq. Huwa ppreżenta wkoll quddiem l-UASI żewġ opri oriġinali ta’ Paul Heimbach, jiġifieri “Farbfolge (5/17)” [Sekwenza ta’ kuluri (5/17)], iffirmata u datata Frar 2000, u “Farbfolge II (89/100)” [Sekwenza ta’ kuluri II (89/100)], iffirmata u datata Settembru 2003, li jikkostitwixxu varjanti tad-disinn “Farbfolge II, 12-Stunden im 5-Minuten Takt” li ġie invokat inizjalment mir-rikorrent, u li jidhru kif ġej:

“Farbfolge (5/17)”

Image not found

“Farbfolge II (89/100)”

Image not found

9        Ir-rappreżentazzjonijiet, l-iżviluppi u l-varjanti differenti ta’ “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt” kif imsemmija fil-punti 5, 6 u 8 iktar ʼil fuq, jikkostitwixxu, minn naħa, id-disinni eżaminati matul il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-UASI (iktar ʼil quddiem id-“disinni preċedenti”) u, min-naħa l-oħra, l-opri artistiċi eżaminati fl-imsemmija proċedimenti (iktar ʼil quddiem l-“opri artistiċi preċedenti”).

10      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2009, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi kkonkludiet li d-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti kienu differenti minħabba l-eżistenza ta’ differenzi bejn id-diski. Hija bbażat dik il-konklużjoni fuq il-fatt li, minn naħa, l-ebda mill-konfigurazzjonijiet ippreżentati fil-perspettivi rispettivi tad-disinn ikkontestat ma kienet irrappreżentata f’wieħed mid-disinni preċedenti, u għaldaqstant dawn tal-aħħar ma setgħux jostakolaw in-novità tad-disinn ikkontestat, u li, min-naħa l-oħra, id-disinni preċedenti kienu jipproduċu gamma kbira ta’ kuluri differenti, meta d-disinn ikkontestat jipproduċi biss massimu ta’ tliet fazzjonijiet ta’ kulur u, għaldaqstant, kien jipproduċi impressjoni differenti minn dik ikkreata mid-disinni preċedenti u dan jippermetti li dan tal-aħħar jiġi rikonoxxut li għandu karattru individwali. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ppreċiżat li, minħabba d-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni, id-disinn ikkontestat ma kienx jagħmel użu mill-opra protetta mid-drittijiet tal-awtur Ġermaniż.

11      Fil-25 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2010 (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell ċaħad l-appell, billi kkunsidra, fl-ewwel lok, li d-disinn ikkontestat kien differenti mid-disinni preċedenti, peress li l-kuluri tal-wiċċ tal-arloġġ ippreżentati fid-disinni kunfliġġenti kienu differenti ħafna minn xulxin u kienu jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. It-Tielet Bord tal-Appell indika li għalhekk id-disinn ikkontestat kellu karattru individwali u b’hekk ma setgħax ikun identiku għad-disinni preċedenti għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Fit-tieni lok, il-Bord ikkunsidra li minħabba d-differenzi eżistenti bejn id-disinni kunfliġġenti, id-disinn ikkontestat ma setgħax jitqies la li huwa riproduzzjoni u lanqas li huwa imitazzjoni tal-opri artistiċi preċedenti.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrinvija l-kawża bil-għan li tiġi eżaminata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

15      Waqt is-seduta, ir-rikorrent irrinunzja għat-tieni kap ta’ talbiet, fatt li ġie nnotat fil-minuti tas-seduta.

 Id-dritt

 Fuq it-talba tar-rikorrent maħsuba għall-implementazzjoni ta’ miżura ta’ perizja

16      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali li tawtorizza il-parteċipazzjoni fil-proċedimenti ta’ professur tal-arti, bħala espert, bil-għan li jistabbilixxi li l-idea oriġinali sottostanti l-opri artistiċi preċedenti, jiġifieri r-rappreżentazzjoni tal-ħin permezz ta’ kuluri u ta’ fazzjonijiet differenti, tibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u li tagħti lil dak l-espert, jekk ikun xieraq, il-possibbiltà li jipprovdi, waqt is-seduta, spjegazzjonijiet addizzjonali fir-rigward tar-rapport peritali li ġie ppreżentat matul il-proċedimenti amministrattivi.

17      L-UASI kkunsidra li ma hemmx lok li tiġi ammessa l-parteċipazzjoni ta’ professur tal-arti bħala espert fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li l-osservazzjonijiet inklużi fir-rapport peritali ma humiex rilevanti bil-għan li jiġi stabbilit li l-imsemmija opri artistiċi għandhom ikunu protetti mir-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat.

18      L-intervenjenti kkunsidrat li t-talba intiża għall-implementazzjoni ta’ perizja, kif mitluba mir-rikorrent, ma hijiex rilevanti.

19      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-regoli tal-proċedura tagħha jagħtu lill-Qorti Ġenerali s-setgħa diskrezzjonali bil-għan li tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tordna miżura bħall-perizja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 65 ta’ dawk ir-regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna perizja, kemm ex officio kif ukoll fuq talba ta’ waħda mill-partijiet. Ladarba t-talba għal perizja, imressqa permezz ta’ rikors, tkun tindika bi preċiżjoni r-raġunijiet ta’ natura li jiġġustifikaw tali miżura, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ dik it-talba fid-dawl tas-suġġett tal-kawża u tal-bżonn ta’ tali miżura.

20      F’dan il-każ, l-attività ta’ professur tal-arti bħala espert sempliċement jeżamina ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża u jagħti opinjoni kwalifikata fuq dawn tal-aħħar, abbażi tal-kompetenzi professjonali tiegħu.

21      Issa, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għall-idea oriġinali sottostanti l-opra artistika hija evalwazzjoni ta’ natura legali li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma taqax taħt il-kompetenza ta’ espert fil-qasam tal-arti.

22      Għaldaqstant, jeħtieġ li t-talba tar-rikorrent tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrent imqajma għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

23      L-UASI jsostni li l-ispjegazzjonijiet fattwali tar-rikorrent relatati mal-qasam rilevanti tas-suq ma ġewx ippreżentati matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u ma jistgħux jiġu invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

24      Permezz ta’ dawk l-argumenti, ir-rikorrent jipprova juri l-evoluzzjoni tas-settur tal-arloġġi dekorattivi, li fih il-prinċipju ta’ wiċċ tal-arloġġ li jibdel il-kulur ġie żviluppat għall-ewwel darba fid-disinni preċedenti, fatt li r-rikorrent iqis bħala importanti bil-għan li tiġi evalwata l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat mid-disinni kunfliġġenti.

25      Skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li għandha teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, l-eżami li sar mill-Qorti Ġenerali ma jistax imur lil hinn mill-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kwistjoni kif tressqet quddiem il-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Drie Mollen sinds 1818 vs UASI – Nabeiro Silveira (Galáxia), T‑66/03, Ġabra p. II‑1765, punt 45]. Fil-fatt, rikorrent ma jistax ibiddel quddiem il-Qorti Ġenerali t-termini tal-kawża minn kif kienu jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet magħmula minnu stess u mill-intervenjent (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 43, u tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra p. I‑10053, punt 122).

26      B’mod kuntrarju għal dak li jippretendi l-UASI, l-argument imqajjem mir-rikorrent ma għandux l-għan li jiġu eżaminati mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda jikkostitwixxi żvilupp tal-argument tiegħu intiż sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat sa fejn dan jikkostitwixxi riproduzzjoni ta’ idea jew ta’ prinċipju ġdid żviluppat għall-ewwel darba fid-disinni preċedenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Alcon vs UASI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 40).

27      Ċertament, mill-eżami tal-proċess jirriżulta li l-argument suespost ma tqajjimx quddiem il-Bord tal-Appell. Madankollu, mir-rikors jirriżulta li dak l-argument jiżviluppa l-argument relatat mal-assenza ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, li dan tal-aħħar huwa biss riproduzzjoni tad-disinni preċedenti li l-idea jew il-prinċipju oriġinali tagħhom hija l-indikazzjoni tal-ħin permezz tal-bdil tal-kuluri tal-wiċċ tal-arloġġ. Issa dak l-argument, li huwa intiż li jikkontesta l-possibbiltà li tingħata protezzjoni lid-disinn ikkontestat b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002 abbażi tal-assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali tiegħu, diġà tressaq mir-rikorrent waqt il-proċedimenti amministrattivi. Fil-fatt, dan tal-aħħar sostna quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, u fir-replika tiegħu għall-osservazzjonijiet tal-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi fin-nota addizzjonali tiegħu tas-27 ta’ Ottubru 2008, li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta eżattament l-istess karatteristiċi tal-opri tal-artist Paul Heimbach. Huwa kkonferma wkoll quddiem il-Bord tal-Appell, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li d-disinni kunfliġġenti kienu jippreżentaw żewġ jew tliet uċuħ ikkuluriti bl-istess mod u li għaldaqstant huma kienu jipproduċu l-istess impressjoni globali. B’mod kuntrarju għal dak li jsostni l-UASI, minkejja n-natura suċċinta tagħhom, dawk l-iżviluppi jippermettu l-kunsiderazzjoni li l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat kien diġà s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità ppreżentata mir-rikorrent.

28      Għaldaqstant hemm lok li dak l-argument jitqies li huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

29      Ir-rikorrent jinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 4 u 5, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 6, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b)tal-imsemmi regolament, u, t-tielet wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(f) tal-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 4 u 5, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002

30      Ir-rikorrent ikkunsidra li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu essenzjalment fuq il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u li l-eżami tiegħu tan-novità kien insuffiċjenti. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma ddistingwiex b’mod ċar dawk iż-żewġ elementi.

31      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-kunċett ta’ novità għandu jiġi interpretat b’mod oġġettiv u li, b’mod konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, jeħtieġ sempliċiment li jiġi deċiż jekk id-disinn ikkontestat huwiex identiku għad-disinni preċedenti li kienu ġew żvelati lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, huwa ppreċiża li dik l-identità jew, skont it-termini tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002, “[identità] bl-eċċezzjoni [tal-]karatteristiċi tagħhom [li] jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali” ma tistax tiġi assimilata mal-identità fl-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti, kif inhi eżaminata bil-għan li jiġi evalwat il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

32      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

33      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju għandu jiġi protett biss sa fejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

34      Skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament, disinn Komunitarju rreġistrat huwa meqjus bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun ġie żvelat lill-pubbliku “qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità”.

35      F’dan il-każ, mill-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-disinni preċedenti ġew żvelati lill-pubbliku qabel it-28 ta’ Settembru 2006, li hija d-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat quddiem l-UASI, fatt li ma ġiex ikkontestat mill-partijiet.

36      Il-Bord tal-Appell enfasizza, fil-punt 27 tad-Deċiżjoni kkontestata, li n-novità u l-karattru individwali kienu kundizzjonijiet distinti, iżda li sa ċertu punt hemm soprapożizzjoni bejniethom. Għalhekk huwa kkunsidra li, għalkemm iż-żewġ disinni kienu jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat, dawn ma setgħux jiġu meqjusa bħala identiċi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn preċedenti.

37      Mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li żewġ disinni jitqiesu li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss f’dettalji immaterjali, jiġifieri dettalji li ma humiex perċepibbli immedjatament u li għaldaqstant ma jipproduċux differenzi, anki dgħajfa, bejn l-imsemmija disinni. Għall-kuntrarju, bil-għan li tiġi evalwata n-novità ta’ disinn, jeħtieġ li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ differenzi li ma humiex insinjifikattivi bejn id-disinni kunfliġġenti, anki jekk dawn ikunu dgħajfa.

38      Kif isostni r-rikorrent, il-kliem tal-Artikolu 6 imur lil hinn minn dak tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Għalhekk, id-differenzi kkonstatati bejn id-disinni kunfliġġenti fil-kuntest tal-Artikolu 5 jistgħu, speċjalment jekk dawn ikunu dgħajfa, ma jkunux suffiċjenti sabiex jipproduċu fuq l-utent avżat impressjoni globali differenti fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan is-sens, id-disinn ikkontestat jista’ jitqies li huwa ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, iżda mhux bħala li huwa ta’ karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament.

39      Għall-kuntrarju, sa fejn il-kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 tmur lil hinn minn dik stabbilita mill-Artikolu 5 tal-istess regolament, impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6 tista’ tkun ibbażata biss fuq l-eżistenza ta’ differenzi oġġettivi bejn id-disinni kunfliġġenti. Għaldaqstant dawn tal-aħħar għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ novità tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod konformi ma’ dak li ġie indikat fil-punt 37 iktar ʼil fuq. Għaldaqstant, kif ġie indikat mill-Bord tal-Appell fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet tan-novità u tal-karattru individwali sa ċertu punt jikkoinċidu.

40      F’dan il-każ, id-disinni kunfliġġenti ma humiex identiċi fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, kif indika l-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, id-disinni preċedenti kienu kkaratterizzati mill-evoluzzjoni kkalibrata ta’ spettru kbir ta’ kuluri, li l-kombinazzjoni u l-intensità tagħhom tinbidel mal-ħin, filwaqt li d-disinn ikkontestat jippreżenta biss żewġ fazzjonijiet jew kuluri uniformi fil-pożizzjonijiet li jindikaw it-12 u s-6 siegħa jew erba’ fazzjonijiet uniformi fil-pożizzjonijiet li jindikaw is-sigħat l-oħra u, għaldaqstant, fil-każijiet kollha, mingħajr varjazzjoni tal-intensità tal-fazzjonijiet. Dawk id-dettalji jikkostitwixxu, minn perspettiva oġġettiva u indipendentement mill-konsegwenzi tagħhom fuq l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat, differenzi sinjifikattivi bejn id-disinni kunfliġġenti li jippermettu li tiġi evalwata n-novità tad-disinn ikkontestat.

41      Din il-konklużjoni ma’ tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrent li d-disinn “Farbfolge (5/17)”, riprodott fil-punt 8 iktar ʼil fuq, huwa kompost minn żewġ diski li nofshom biss huwa kkulurit u li għalhekk għandu jkollhom l-istess effett bħaż-żewġ nofs diski li jikkomponu d-disinn ikkontestat.

42      Fil-fatt, id-differenzi bejn id-disinn ikkontestat preċedenti “Farbfolge (5/17)” ma jirriżultawx mill-fatt li d-diski kkuluriti li jifformaw parti minn kull wieħed mill-imsemmija disinni huma nofs diski jew diski sħaħ nofshom ikkuluriti, iżda mill-mod kif dawn huma kkuluriti. Kif jirriżulta mill-punt B2 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, mqassra fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ tad-disinni preċedenti “Farbfolge (5/17)” u “Farbfolge II (89/100)”, riprodotti fil-punt 8 iktar ʼil fuq, id-diski ġew ikkuluriti b’intensità progressiva fis-sens tal-minutieri tal-arloġġ, filwaqt li, fil-każ tad-disinn ikkontestat, id-diski ġew ikkuluriti b’mod uniformi. Barra minn hekk, dawk iż-żewġ disinni jinkludu t-tielet diska li ma hijiex preżenti fid-disinn ikkontestat u li tikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi prodott effett viżiv differenti minn dak prodott mid-disinn ikkontestat. Kif jirriżulta mill-punti B1 u B2 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni u mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, dawk il-karatteristiċi huma preżenti fid-disinni preċedenti kollha u jagħtu lok għall-evoluzzjoni kkalibrata ta’ spettru kbir ta’ kuluri, li l-kumbinazzjoni u l-intensità tagħhom tinbidel mal-ħin. Din l-evoluzzjoni tikkostitwixxi l-element karatteristiku tad-disinni preċedenti, indipendentement mill-fatt li d-diski kkuluriti li jifformaw parti minn kull wieħed mill-imsemmija disinni huma nofs diski jew diski sħaħ nofshom ikkuluriti.

43      Għalhekk, il-Bord tal-Appell mexa b’mod ġust meta, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, stabbilixxa d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti li jippermettulu li jevalwa n-novità tad-disinn ikkontestat u kkonkluda favur in-novità ta’ dan tal-aħħar.

44      Ir-rikorrent jallega li l-Bord tal-Appell naqas, waqt l-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn ikkontestat abbażi tal-elementi msemmija fil-punt 40 iktar ʼil fuq, milli jipparaguna r-rappreżentazzjonijiet 3.1 sa 3.7 tal-imsemmi disinn, li ġew riprodotti fil-punt 2 iktar ʼil fuq, ma’ wieħed mid-disinni preċedenti, jiġifieri “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”, li ġew riprodotti bil-kulur fil-punt 5 iktar ʼil fuq, meta kkonkluda favur in-nuqqas ta’ identità bejn id-disinni kunfliġġenti, b’tali mod li l-Bord tal-Appell b’hekk wettaq żball proċedurali. Skont ir-rikorrent, mill-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt” jirriżulta li r-rappreżentazzjonijiet kollha tal-uċuħ tal-arloġġ huma kważi l-istess fil-każijiet kollha, fejn l-unika differenza hija li l-limiti bejn il-kuluri huma ftit iktar imċajprin fid-disinn preċedenti invokat.

45      Madankollu, mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”, li ġie riprodott bil-kulur fil-punt 5 iktar ʼil fuq, u li, waqt tali paragun, huwa ħa inkunsiderazzjoni ir-rappreżentazzjonijiet kollha tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt mill-imsemmi punt 25 jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonstata li, fil-każ tad-disinn ikkontestat, “[kienu] viżibbli żewġ fazzjonijiet jew kuluri fuq il-wiċċ tal-arloġġ fil-pożizzjonijiet li juru it-12-il siegħa u s-6 siegħa” u “[kienu] viżibbli erbaʼ fazzjonijiet distinti għas-siegħat l-oħra kollha”. Huwa kkonstata wkoll li “id-disinn preċedenti [kien] kapaċi jipproduċi spettru kbir ta’ kuluri permezz ta’ moviment ikkonrollat mill-minutieri, li l-kumbinazzjoni u l-intestità tagħhom [kienet] tinbidel mal-ħin”. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell iddeskriva b’mod sintetiku r-rappreżentazzjonijiet differenti tad-disinn preċedenti “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”, li kien l-unika wieħed li jippermetti li jiġi evalwat b’mod immedjat it-tibdil tal-kuluri u tal-intensità tal-fazzjonijiet kull ħames minuti, u pparagunaha mad-disinn ikkontestat.

46      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ippreċiża, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[ma kinux] possibbli żewġ fazzjonijiet jew kuluri uniformi fil-pożizzjonijiet li jindikaw it-12 u s-6 siegħa fuq id-disinni preċedenti”, u dan jikkostitwixxi differenza importanti bejn id-disinni kunfliġġenti. Fil-fatt, ir-rappreżentazzjoni tal-wiċċ tal-arloġġ fil-pożizzjoni li tindika t-12-il siegħa fid-disinn ikkontestat, li tippreżenta nofs abjad u n-nofs l-ieħor iswed, fejn it-tnejn huma uniformi, hija differenti minn dik tal-ewwel rappreżentazzjoni, fuq ix-xellug, tad-disinn preċedenti “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”, li tidher bil-kulur fil-punt 5 iktar ʼil fuq, li tippreżenta kombinazzjoni progressiva ta’ kuluri skuri u abjad. Barra minn hekk, kif jirrikonoxxi r-rikorrent stess, id-disinn ikkontestat ma jistax jilħaq il-pożizzjoni li tindika t-12-il siegħa, kif din tidher fid-disinn preċedenti “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”. Bl-istess mod, b’mod kuntrarju għal dak li jippretendi r-rikorrent, il-pożizzjoni li tindika s-6 siegħa fid-disinn ikkontestat, li hija rrappreżentata f’żewġ toni uniformi ta’ griż, hija differenti mis-seba’ rappreżentazzjoni, fuq ix-xellug, tad-disinn preċedenti “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”, li jippreżenta kombinazzjoni progressiva ta’ aħmar u aħdar li jagħti lok, tal-inqas, għal erba’ fazzjonijiet differenti.

47      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinn preċedenti “Farbfolge II, 12 Stunden im 5-Minuten Takt”, li ġie riprodott bil-kulur fil-punt 5 iktar ʼil fuq, u li minn dan huwa kkonkluda li l-karatteristiċi tad-disinni kunfliġġenti kienu differenti ferm.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, waqt il-paragun tad-disinni kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-disinn ikkontestat ġie rreġistrat f’abjad u iswed u konsegwentement, kellu jikkonstata li l-kulur ma jista’ jkollu l-ebda rwol fil-qasam tan-novità.

49      Jeħtieġ li dak l-argument jiġi miċħud bħala irrilevanti. Kif ġie indikat fil-punt 40 iktar ʼil fuq, il-Bord tal-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu relatata man-novità, kif tinsab fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq id-differenzi stabbiliti waqt l-eżami tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, kif jirriżulta mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, huwa kkunsidra li, fil-każ tad-disinni preċedenti, l-evoluzzjoni progressiva tad-diski li jikkomponuhom kienet kapaċi tipproduċi spettru kbir ta’ kuluri li l-kumbinazzjoni u l-intensità tagħhom kienet tinbidel mal-ħin, filwaqt li, fil-każ tad-disinn ikkontestat, dan tal-aħħar kien jippreżenta biss żewġ kuluri uniformi fil-pożizzjonijiet li jindikaw it-12-il siegħa u s-6 siegħa jew erba’ kuluri fil-pożizzjonijiet li jindikaw is-sigħat l-oħra mingħajr varjazzjoni tal-intensità. Għaldaqstant, ir-raġunament tal-Bord tal-Appell huwa bbażat fuq il-kapaċità tad-disinni kunfliġġenti li jipproduċu ċertu spettru ta’ kuluri, pjuttost kbir, kif ukoll tibdil permanenti tat-tonijiet, u mhux fuq id-differenza tal-kulur li teżisti bejniethom. Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li l-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-differenzi eżistenti bejn id-disinni kunfliġġenti, ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li d-disinn ikkontestat kien ġie rreġistrat f’iswed u abjad u li ma kkonstatax li l-kulur ma kellu l-ebda rwol f’dan il-każ.

50      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinni kunfliġġenti ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala identiċi fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002.

51      Għaldaqstant, dan l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 4 u 6, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002

52      Minn naħa, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Bord tal-Appell kellu jadotta interpretazzjoni inqas stretta tal-kunċett ta’ karattru individwali u ma kellux jassimila l-identità fl-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, mal-identità jew l-“[identità] bl-eċċezzjoni [tal-]karatteristiċi tagħhom [li] jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali” fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, huwa jqis li l-Bord tal-Appell ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni differenzi fil-kuluri eżistenti bejn id-disinni kunfliġġenti bil-għan li jiġi evalwat il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

53      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell ma eżaminax, fid-deċiżjoni kkontestata, l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat mid-disinni kunfliġġenti, iżda sempliċement ikkonstata li ċerti differenzi kienu jirriżultaw f’perċezzjoni differenti fir-rigward tal-utent avżat.

54      L-intervenjenti tikkonferma li l-livell ta’ libertà tal-awtur huwa limitat mill-eżiġenzi tekniċi imposti mill-preżenza ta’ folji mekkaniċi kkuluriti li jgħaddu minn fuq xulxin u li neċessarjament jifformaw parti minn wiċċ ta’ arloġġ li l-kuluri tiegħu jinbidlu skont il-moviment tal-minutieri. Għalhekk, ikunu suffiċjenti differenzi dgħajfa sabiex jiġi stabbilit il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

55      Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, il-karattru individwali għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat, li għandha tkun differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, qabel id-data tal-prijorità. L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li, għall-finijiet ta’ dik l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-libertà tal-awtur fl-iżvilupp tad-disinn.

56      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Bord tal-Appell ma assimilax l-identità fl-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, mal-identità jew l-“[identità] bl-eċċezzjoni [tal-]karatteristiċi tagħhom [li] jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali”, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, id-differenzi eżistenti bejn id-disinni kunfliġġenti, jiġifieri l-possibbiltà li tinkiseb kombinazzjoni ikbar ta’ kuluri u varjazzjoni tal-intensità ta’ dawn tal-aħħar għad-disinni preċedenti, u kkunsidra, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li, mill-perspettiva tal-utent avżat, dawk id-differenzi kienu suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti.

57      Skont il-ġurisprudenza, l-utent avżat huwa persuna li għandha viġilanza partikolari u li tiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, jiġifieri tal-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkolari), T‑9/07, Ġabra p. II‑981, punt 62, u tad-9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs UASI – Honda Giken Kogyo (Magna b’kombustjoni interna), T‑11/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 23).

58      Il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fuqu jiġi inkorporat id-disinn, b’konformità mal-għan li għalih l-istess prodott huwa intiż (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Tagħmir tal-Komunikazzjoni), T‑153/08, Ġabra p. II-2517, punt 46, u Magna b’kombustjoni interna, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 24).

59      Id-definizzjoni “informat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu grad ta’ konoxxenzi fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom (sentenza Tagħmir tal-Komunikazzjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 47 u Magna b’kombustjoni interna, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 25).

60      F’dan il-każ, mill-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li l-utent avżat kien persuna li kienet familjari mad-disinni tal-arloġġi. Dik il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrent quddiem il-Bord tal-Appell. Skont il-ġurisprudenza, id-Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll il-motivazzjoni tagħha jifformaw parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, kuntest li huwa magħruf mir-rikorrent u li jippermetti lil qorti li teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tagħha tal-legalità fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2011, Industrias Francisco Ivars vs UASI – Motive (Riduttur mekkaniku tal-veloċità), T‑246/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li kienet il-perspettiva tal-utent avżat, kif definita mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li l-Bord tal-Appell adottat sabiex jiġi stabbilit li d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti kienu suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti u sabiex jiġi rikonoxxut, konsegwentement, il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

61      Għal kuntrarju ta’ dak li jippretendi r-rikorrent, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax id-differenza tal-kulur eżistenti bejn id-disinni kunfliġġenti bil-għan li jevalwa l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Kif ġie indikat fil-punt 49 iktar ʼil fuq, il-Bord tal-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-fatt li, fil-każ tad-disinni preċedenti, l-evoluzzjoni progressiva tad-diski li jikkomponuhom kienet kapaċi tipproduċi spettru kbir ta’ kuluri, li l-kumbinazzjoni u l-intensità tagħhom kienu jinbidlu mal-ħin, filwaqt li, fil-każ tad-disinn ikkontestat, dan tal-aħħar kien jippreżenta biss żewġ kuluri uniformi fil-pożizzjonijiet li jindikaw it-12 u s-6 siegħa jew erba’ kuluri oħra fil-pożizzjonijiet li juru s-sigħat l-oħra mingħajr varjazzjoni tal-intensità. Għaldaqstant, ir-raġunament tal-Bord tal-Appell huwa bbażat fuq il-kapaċità tad-disinni kunfliġġenti li jipproduċu ċertu spettru ta’ kuluri, pjuttost kbir, kif ukoll tibdil permanenti ta’ toni, u mhux fuq id-differenza ta’ kulur eżistenti bejniethom.

62      Anki jekk jiġi preżunt, kif isostni r-rikorrent, li d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala dgħajfa, dawn faċilment jiġu pperċepiti mill-utent avżat. F’dak ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-karattru tal-prodott li għalih japplika d-disinn jew li fuqu ser jiġi applikat u, b’mod partikolari, tal-qasam industrijali li jaqa’ fih (sentenza Tagħmir tal-Komunikazzjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 43). F’dan il-każ, fir-rigward tal-uċuħ tal-arloġġi, parti mill-uċuħ tal-arloġġi u l-minutieri tal-uċuħ tal-arloġġi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn huma maħsuba li jintlibsu b’mod viżibbli fuq il-polz u li l-utent avżat jiddedika attenzjoni partikolari għall-apparenza tiegħu. Fil-fatt, huwa jeżaminahom b’akkuratezza u jkun f’pożizzjoni li jipperċepixxi, kif ġie indikat fil-punt 56 iktar ʼil fuq, li d-disinni preċedenti jipproduċu kombinazzjoni ikbar ta’ kuluri mid-disinn ikkontestat u, għall-kuntrarju ta’ dan tal-aħħar, varjazzjoni tal-intensità tal-kuluri. Fid-dawl tal-importanza tal-apparenza tal-imsemmija prodotti għall-utent avżat, dawk id-differenzi, anki jekk jiġu kkunsidrati bħala dgħajfa, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala insinjifikattivi minn dan tal-aħħar.

63      Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-differenzi indikati fil-punt 56 iktar ʼil fuq kellhom effett kbir fuq l-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti, b’tali mod li dawn tal-aħħar kienu jipproduċu impressjoni globali differenti mill-perspettiva tal-utent avżat.

64      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-mudelli tal-uċuħ ta’ arloġġ jistgħu jagħtu lok għal numru ta’ riproduzzjonijiet jew ta’ rappreżentazzjonijiet prattikament illimitati u li l-kreatur tad-disinn ikkontestat għaldaqstant kellu l-possibbiltà li ma jirriproduċix l-idea oriġinali tad-disinni preċedenti meta kienet ġiet żviluppata għall-ewwel darba, jiġifieri l-indikazzjoni tal-ħin permezz tat-tibdil tal-kuluri.

65      Il-Bord tal-Appell enfasizza, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li grad ta’ libertà tal-kreatur kien limitat biss min-neċessità li jiġi segwit u muri t-tibdil tal-ħin.

66      B’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali ippreżentata waqt is-seduta, l-intervenjenti ppreċiżat li, permezz tal-argumenti tagħha relatati mal-grad ta’ libertà tal-kreatur, fid-dawl tal-fatt li, fl-opinjoni tagħha, il-libertà tal-kreatur kienet limitata minn raġunijiet tekniċi, hija kellha l-intenzjoni tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell f’dak ir-rigward, fatt li ġie nnotat fil-minuti tas-seduta.

67      Sa fejn l-intervenjenti ingħatat raġun fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ xebh bejn id-disinni kunfliġġenti, ikkontestata permezz ta’ dan ir-rikors, hija ġġustifikat interess li tifformula, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, konklużjoni awtonoma, maħsuba għar-riformazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-grad ta’ libertà tal-kreatur, li għandu sehem importanti fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2008, Powerserv Personalservice vs UASI – Manpower (MANPOWER), T‑405/05, Ġabra p. II‑2883, punt 24). Dik il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza purament formali li l-intervenjenti ma talbitx espressament fl-atti tagħha, ir-riformazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2011, Olive Line International vs UASI – Knopf (O-live), T‑485/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 65).

68      Madankollu, b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi l-intervenjenti, il-grad ta’ libertà tal-kreatur ma huwiex limitat f’dan il-każ. Kif jirriżulta mill-punt 3 iktar ʼil fuq, il-prodotti li għalihom ġie rreġistrat id-disinn ikkontestat jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Uċuħ ta’ arloġġi, parti minn uċuħ ta’ arloġġi, minutieri ta’ uċuħ ta’ arloġġi”. Dik id-deskrizzjoni hija pjuttost wiesgħa, peress li hija ma tinkludi l-ebda preċiżjoni fir-rigward tat-tip ta’ arloġġi li huma juru l-ħin fuqhom. Għaldaqstant, l-intervenjenti ma jistax jippretendi li l-libertà tal-kreatur hija limitata minħabba raġunijiet tekniċi.

69      Konsegwentement, hemm lok li tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li l-grad ta’ libertà tal-kreatur hija limitata biss min-neċessità li jiġi segwit u muri t-tibdil tal-ħin.

70      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-kreatur tad-disinn ikkontestat ma kellux jirriproduċi l-idea oriġinali tad-disinni preċedenti, jeħtieġ li dan jiġi miċħud bħala infondat. Ċertament, il-possibbiltajiet ta’ disinn ta’ wiċċ ta’ arloġġ huma prattikament illimitati u jinkludu, partikolarment, dawk li l-kulur jew il-kuluri tagħhom jinbidlu. Ċerti mudelli jista’ jkollhom forma iktar kumplessa, bħal dik tad-disinni preċedenti li fihom il-ħin huwa rrappreżentat mill-kuluri jew mill-isfumaturi tal-kuluri ġġenerati mis-soprapożizzjoni tad-diski jew tan-nofs diski ta’ kulur wieħed li jippermettu lill-utent li jaqra l-ħin skont l-evoluzzjoni tal-imsemmija kuluri u tal-isfumaturi tagħhom. Il-forma tad-disinni preċedenti hija kkreata b’tali mod li l-intensità tal-kuluri tiżdied jew tonqos matul id-diska.

71      Id-disinn ikkontestat jikkostitwixxi forma mhux tant kumplessa ta’ wiċċ ta’ arloġġ li jibdel il-kulur u li, kif ġie indikat fil-punt 62 iktar ʼil fuq, huwa differenti mid-disinni preċedenti, mill-perspettiva tal-utent avżat, minħabba elementi sinjifikattivi u mhux fjabbli li jikkonċernaw l-apparenza tal-uċuħ tal-arloġġi. Għaldaqstant huwa ma jistax jitqies li huwa riproduzzjoni tad-disinni preċedenti jew tal-idea oriġinali li kienet ġiet żviluppata għall-ewwel darba f’dawn tal-aħħar.

72      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament Nru 6/2002, fil-prinċipju, id-dritt tad-disinni jipproteġi l-apparenza ta’ prodott jew ta’ parti minn prodott, iżda mhux eċċessivament l-ideat li jkunu preżenti waqt il-konċepiment tiegħu. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jippretendi li jikseb, abbażi tad-disinni preċedenti, protezzjoni għall-idea warajhom, jiġifieri l-idea ta’ wiċċ ta’ arloġġ li jippermetti l-qari tal-ħin skont il-kuluri tad-diski li jikkomponuh.

73      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002

74      Ir-rikorrent jikkunsidra li l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-disinni preċedenti jikkostitwixxu opra artistika protetta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, li l-idea prinċipali tagħhom, jiġifieri r-rappreżentazzjoni tal-ħin bil-kuluri u sfumaturi differenti, intużat mingħajr awtorizzazzjoni fid-disinn ikkontestat.

75      Barra minn hekk, huwa jsostni li r-rapport peritali redatt minn espert tal-opri ta’ Paul Heimbach ma ttiħidx inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, anki meta dan, minkejja kollox, kien rilevanti għad-determinazzjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur.

76      Preliminarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-fajl amministrattiv, ir-rapport peritali ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit u għaldaqstant huwa l-Bord tal-Appell li għandu jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

77      Hemm lok ukoll li jiġi enfasizzat li, kif ġie indikat fil-punt 21 iktar ʼil fuq, ma huwiex kompitu tal-espert li jwettaq evalwazzjoni legali dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur u l-eżistenza ta’ ksur tal-imsemmi dritt.

78      Għaldaqstant, kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ma ħax kont tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura legali inklużi fir-rapport peritali ppreżentat mir-rikorrent waqt il-proċedura amministrattiva.

79      Fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq l-opri artistiċi preċedenti allegat mir-rikorrent, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ikun jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta’ xogħol protett bil-liġijiet tad-drittijiet tal-awtur ta’ Stat Membru. Għalhekk, dik il-protezzjoni tista’ tiġi invokata mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur meta, skont id-dritt tal-Istat Membru li jagħtih il-protezzjoni, huwa jkun jista’ jimpedixxi l-imsemmi użu ta’ dak id-disinn.

80      Ir-rikorrent, minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali li huwa semma’ fil-punt 39 tar-rikors, madankollu f’dan il-każ ma pproduċa l-ebda indikazzjoni dwar il-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja, partikolarment fuq il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jimpedixxix, skont id-dritt Ġermaniż, ir-riproduzzjoni mhux awtorizzata tal-idea li fuqha jkunu bbażati l-opri artistiċi preċedenti mingħajr ma tillimita ruħha għall-protezzjoni tal-konfigurazzjoni jew tal-karatteristiċi tal-imsemmija opri.

81      Kif indika l-Bord tal-Appell fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-istrumenti ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li l-Ġermanja assumiet, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tkopri l-konfigurazzjoni jew il-karatteristiċi tal-opra iżda mhux l-ideat.

82      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jinċaħad it-tielet motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      M. Erich Kastenholz huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Soldevila Fragoso

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ġunju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.