Language of document : ECLI:EU:T:2013:298

Kawża T‑68/11

Erich Kastenholz

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinni Komunitarji — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinni Komunitarji li jirrappreżentaw uċuħ tal-arloġġi — Disinni preċedenti mhux irreġistrati — Raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Novità — Artikoli 4, 5 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 — Karattru individwali — Impressjoni globali differenti — Artikoli 4, 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 — Drittijiet tal-awtur preċedenti — Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-6 ta’ Ġunju 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Miżuri istruttorji — Perizja — Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 65)

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni — Emenda tat-termini tat-tilwima kif imressqa quddiem il-Bord tal-Appell — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 135(4))

3.      Disinni Komunitarji — Kundizzjonijiet ta’ protezzjoni — Verifika tal-kundizzjonijiet tan-novità u tal-karattru individwali

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 5 u 6)

4.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — Utent avżat — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6 u 25(1)(b))

1.      Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jagħtu lil din setgħa diskrezzjonali bil-għan li tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tordna miżura bħal perizja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 65 ta’ dawk ir-regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna perizja, kemm ex officio kif ukoll fuq talba ta’ waħda mill-partijiet. Ladarba t-talba għal perizja, imressqa permezz ta’ rikors, tkun tindika bi preċiżjoni r-raġunijiet ta’ natura li jiġġustifikaw tali miżura, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ dik it-talba fid-dawl tas-suġġett tal-kawża u tal-bżonn ta’ tali miżura.

(ara l-punt 19)

2.      Skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Fil-fatt, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, l-eżami li sar mill-Qorti Ġenerali ma jistax imur lil hinn mill-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kwistjoni kif tressqet quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, ir-rikorrent ma jistax ibiddel quddiem il-Qorti Ġenerali t-termini tal-kawża minn kif kienu jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet magħmula minnu stess u mill-parti l-oħra.

(ara l-punt 25)

3.      Mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-disinji Komunitarji, jirriżulta li żewġ disinni jitqiesu li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss f’dettalji immaterjali, jiġifieri dettalji li ma humiex perċepibbli immedjatament u li għaldaqstant ma jipproduċux differenzi, anki dgħajfa, bejn l-imsemmija disinni. Għall-kuntrarju, bil-għan li tiġi evalwata n-novità ta’ disinn, jeħtieġ li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ differenzi li ma humiex insinjifikattivi bejn id-disinni kunfliġġenti, anki jekk dawn ikunu dgħajfa.

Il-kliem tal-Artikolu 6 imur lil hinn minn dak tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Għalhekk, id-differenzi kkonstatati bejn id-disinni kunfliġġenti fil-kuntest tal-Artikolu 5 jistgħu, speċjalment jekk dawn ikunu dgħajfa, ma jkunux suffiċjenti sabiex jipproduċu fuq l-utent avżat impressjoni globali differenti fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan is-sens, id-disinn ikkontestat jista’ jitqies li huwa ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, iżda mhux li huwa ta’ karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament.

Għall-kuntrarju, sa fejn il-kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 tmur lil hinn minn dik stabbilita mill-Artikolu 5 tal-istess regolament, impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6 tista’ tkun ibbażata biss fuq l-eżistenza ta’ differenzi oġġettivi bejn id-disinni kunfliġġenti. Għaldaqstant dawn għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ novità tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tan-novità u tal-karattru individwali sa ċertu punt jikkoinċidu.

(ara l-punti 37-39)

4.      L-utent avżat fis-sens tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji huwa persuna li għandha viġilanza partikolari u li tiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, jiġifieri tal-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat. Il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fuqu jiġi inkorporat id-disinn, b’konformità mal-għan li għalih l-istess prodott huwa intiż. Il-kwalifika “avżat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu grad ta’ konoxxenzi fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom.

(ara l-punti 57-59)