Language of document : ECLI:EU:T:2015:984

Kawża T‑67/11

Martinair Holland NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Ftehimiet u prattiki miftiehma fuq diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (stabbiliment ta’ sovrataxxi marbuta mal-karburant u ta’ sovrataxxi marbuta mas-sigurtà, rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Artikolu 101 TFUE, Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2015

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa – Rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ċarezza u preċiżjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni

(Artikoli 101(1) TFUE u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 2 u 23(5))

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Identifikazzjoni tal-ksur sanzjonat – Identifikazzjoni tal-persuni li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni – Prijorità mogħtija lid-dispożittiv meta mqabbel mal-motivazzjoni

(Artikoli 101(1) TFUE u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

3.      Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Modalitajiet ta’ eżerċizzju – Ksur li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni – Natura vinkolanti tad-deċiżjoni għall-qrati nazzjonali – Portata – Importanza taċ-ċarezza u tal-preċiżjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni

(Artikoli 101(1) TFUE u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 2 u 16(1))

4.      Akkordji – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Impriżi li jistgħu jinstabu fi ksur li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’akkordju globali – Kriterji – Għan uniku u pjan globali

(Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa – Kontradizzjonijiet interni fid-deċiżjoni – Konsegwenzi – Annullament – Kundizzjonijiet – Impossibbiltà li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha

(Artikoli 101(1) TFUE u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża – Inammissibbiltà

(Artikoli 101(1) TFUE u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

1.      Għall-finijiet tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 296 TFUE, li ssemmi għall-inqas il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’dan il-mod il-qorti kompetenti u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun loġika, u b’mod partikolari din ma għandha turi l-ebda kontradizzjoni interna li taffettwa l-komprensjoni tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att.

Barra minn hekk, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 1/2003, li minnhom jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jimponu multi minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex ta’ natura kriminali, il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru jippreżupponi aġir li huwa ġeneralment meqjus żleali, għad-detriment tal-pubbliku inġenerali, li jġib miegħu stigma reali u li jista’ jwassal, fil-konfront tal-impriżi responsabbli, għall-impożizzjoni ta’ multi li jistgħu jammontaw sa 10 % tad-dħul mill bejgħ annwali tagħhom, u li għalhekk huma indiskutibbilment severi. Fid-dawl tan-natura tal-atti ta’ ksur inkwistjoni u tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta magħhom, dawn jaqgħu taħt il-qasam kriminali fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret li, jekk “piena” tiġi imposta permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tressaq kwalunkwe deċiżjoni meħuda kontriha b’dan il-mod quddiem qorti li toffri l-istess garanziji previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB.

Issa, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jimplika li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jkun partikolarment ċar u preċiż u li l-impriżi miżmuma responsabbli jew issanzjonati jkunu f’pożizzjoni li jifhmu u li jikkontestaw l-attribuzzjoni ta’ din ir-responsabbiltà u l-impożizzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet, kif dawn jirriżultaw minn kliem l-imsemmi dispożittiv.

(ara l-punti 27-31)

2.      Fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, huwa permezz tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tindika n-natura u l-portata tal-ksur li hija tissanzjona. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda speċifikament il-portata u n-natura tal-ksur issanzjonat, huwa d-dispożittiv, u mhux il-motivi, li huwa importanti. Huwa biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ ċarezza tat-termini użati fid-dispożittiv li dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat billi jsir riferiment għall-motivi tad-deċiżjoni. Kif qieset il-qorti tal-Unjoni, sabiex jiġu ddefiniti l-persuni li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, sakemm dan ma jagħtix lok għal dubji.

(ara l-punt 32)

3.      Fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-Artikolu 101(1) TFUE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi li jeżiġu li persuna tkun tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha permezz ta’ kuntratt jew ta’ mġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, huma l-qrati nazzjonali inkarigati sabiex japplikaw, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, din id-dispożizzjoni li għandhom mhux biss jiżguraw l-effett sħiħ tagħha iżda li għandhom ukoll iħarsu dawn id-drittijiet. Għalhekk, kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu sostnut meta tkun teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE.

Issa, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 TFUE li huma diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jagħmlu dan f’sens li jmur kontra din id-deċiżjoni, inkluż fir-rigward tal-portata ratione temporis jew ġeografika tal-aġiri eżaminati jew fir-rigward tar-responsabbiltà tal-persuni li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-qrati nazzjonali huma marbutin mid-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, sakemm din ma tiġix annullata jew iddikjarata invalida, u dan jeżiġi li d-dispożittiv tagħha jkun jista’ jinftiehem b’mod mhux ambigwu.

B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jifhmu, mit-termini ċari tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kemm il-portata ta’ dan il-ksur, kif ukoll li jidentifikaw il-persuni responsabbli għal dan il-ksur, sabiex ikunu jistgħu jisiltu l-konsegwenzi neċessarji f’dak li jirrigwarda t-talbiet għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur, imressqa mill-persuni li ġew leżi minn dan l-istess ksur.

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li persuna meqjusa responsabbli għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kkonstatat mill-Kummissjoni tiġi obbligata tikkumpensa d-dannu kkawżat lil klijenti ta’ persuni oħra miżmuma responsabbli għall-istess ksur. Il-formulazzjoni tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni donnha hija, minn din il-perspettiva, determinanti peress li din tista’ tistabbilixxi drittijiet u obbligi reċiproċi bejn il-persuni kkonċernati. Il-qorti nazzjonali tista’ wkoll, jekk ikun previst mil-liġi nazzjonali, tkun obbligata li tqis li l-persuni kollha ddikjarati responsabbli għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kkonstatat mill-Kummissjoni jkunu obbligati jikkumpensaw in solidum id-dannu kkawżat. F’dan il-każ, il-formulazzjoni tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tista’, fir-rigward tal-persuni kkonċernati, ukoll tkun determinanti.

(ara l-punti 33-39)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 55, 60)

5.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, meta l-motivi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa jiddeskrivu ksur wieħed uniku u kontinwat, li għalih ipparteċipaw l-impriżi kollha inkriminati, filwaqt li d-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, li jinkludi diversi artikoli, jikkonstata l-eżistenza jew ta’ diversi ksur uniċi u kontinwati separati jew inkella ta’ ksur wieħed uniku u kontinwat imputabbli biss lill-impriżi li pparteċipaw direttament fl-aġiri li jikkostitwixxu ksur imsemmija f’kull wieħed mill-imsemmija artikoli, ikun hemm kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv tad-deċiżjoni.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi eżistenza ta’ tali kontradizzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jitqies li din hija vvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni, sakemm, l-ewwel nett, fil-globalità tagħha d-deċiżjoni tippermetti li l-persuni kkonċernati jidentifikaw u jinvokaw din l-inkoerenza, it-tieni nett, il-formulazzjoni tad-dispożittiv tkun suffiċjentement ċara u preċiża li tippermettilhom jifhmu l-portata eżatta tad-deċiżjoni u, it-tielet nett, il-provi użati sabiex tintwera l-parteċipazzjoni ta’ impriżi inkriminati fil-ksur attribwiti lilhom fid-dispożittiv, jkunu identifikati u eżaminati b’mod ċar fil-motivi.

Minn-naħa l-oħra, jekk il-kontradizzjonijiet interni fid-deċiżjoni jkunu tali li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi ssanzjonati u li jipprekludu lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha, id-deċiżjoni hija vvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni li jiġġustifika l-annullament tagħha. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta d-deċiżjoni ma tippermettix, minn naħa, li tiġi evalwata s-suffiċjenza tal-provi esposti fil-motivi u lanqas ma tippermetti, min-naħa l-oħra, li tinftiehem il-loġika li wasslet sabiex il-Kummissjoni tqis lid-destinatarji tad-deċiżjoni huma responsabbli.

(ara l-punti 58, 74-76, 78, 84)

6.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li timponi multa, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Fin-nuqqas ta’ dan, ikun hemm ir-riskju li l-obbligu li deċiżjoni individwali tingħata motivazzjoni ma jilħaqx l-għan tiegħu li huwa dak li l-persuna kkonċernata tingħata indikazzjoni suffiċjenti biex tiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b’mod li tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 80, 81)