Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Jannar 2011 - Recombined Dairy System vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-65/11)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Rikorrenti: Recombined Dairy System A/S (Horsens, id-Danimarka) (rappreżentanti: T. K. Kristjánsson u T. Gønge, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1(2) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Novembru 2010 [Każ C(2010) 7692 (REC 03/08)] indirizzata lill-awtorità doganali Daniża, SKAT, li tikkonstata li f'dak li jirrigwarda ammont ta' EUR 1 406 486,06 (DKK 10 492 385,99), huwa ġġustifikat li jittieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni msemmija fit-talba tar-Renju tad-Danimarka tas-6 ta' Ottubru 2008, u li f'dak li jirrigwarda ammont ta' EUR 1 234 365,24 (DKK 9 208 364,69), ma huwiex ġustifikat li tingħata r-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni msemmija fit-talba tar-Renju tad-Danimarka tas-6 ta' Ottubru 2008;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li huwa ġġustifikat li tittieħed inkunsiderazzjoni a posteriori u li ma huwiex ġġustifikat li tingħata r-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk jeżistux f'dan il-każ żball tal-awtoritajiet doganali, b'mod konformi mal-Artikolu 236 u l-Artikolu 220(2)(b), u ċirkostanzi partikolari b'mod konformi mal-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità 1.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet:

li ma kienx hemm żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali f'dak li jirrigwarda żewġ merkanziji li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti kienet ġabret informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar 'il quddiem "ITV"),

li kien hemm żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali f'dak li jirrigwarda merkanzija li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet doganali kienu indikaw lir-rikorrenti li ITV ma kinitx neċessarja, peress li r-rikorrenti kellha ITV għal merkanzija identika minn aspett tariffarju u

li ma kienx hemm żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali f'dak li jirrigwarda żewġ merkanziji oħra li għalihom ir-rikorrenti ma kinitx talbet ITV, peress li din il-merkanzija kienet identika, minn aspett tariffarju, għal merkanziji li għalihom ir-rikorrenti kienet ġabret ITV.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li kienu jeżistu ċirkustanzi partikolari fir-rigward taż-żewġ merkanziji koperti minn ITV u tal-merkanzija li għaliha kien ġie indikat li ITV ma kinitx neċessarja, iżda li ma kienx hemm ċirkustanzi partikolari fir-rigward tal-aħħar żewġ merkanziji, peress li r-rikorrenti ma talbitx ITV għal dawn il-merkanziji.

Ir-rikorrenti ressqet żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Skont l-ewwel motiv, l-awtoritajiet doganali wettqu żball f'dak li jirrigwarda l-ħames merkanziji kollha matul il-perijodu kollu, peress li l-klassifikazzjoni mill-awtoritajiet doganali taħt il-pożizzjoni 3504 fl-ITV maħruġa minnhom wasslet lir-rikorrenti biex b'mod leġittimu taħseb li l-klassifikazzjoni taħt din il-pożizzjoni kienet korretta.

Skont it-tieni motiv, jeżistu ċirkustanzi partikolari f'dak li jirrigwarda ż-żewġ merkanziji li għalihom ma ntalbitx ITV, għaliex il-fatt li l-awtoritajiet doganali kienu bidlu, b'effett retroattiv, l-interpretazzjoni tat-tariffa doganali 2 li huma applikaw matul ħafna snin jeċċedi r-riskju kummerċjali normali.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

2 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382).