Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Jannar 2011 - Erich Kastenholz vs UASI - qwatchme (kwadranti ta' arloġġ)

(Kawża T-68/11)

Lingwa tar-rikors: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Erich Kastenholz (Troisdorf, il-Ġermanja) (rappreżentant: L. Acker, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: qwatchme A/S (Vejle East, id-Danimarka)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tat-2 ta' Novembru 2010, fil-Każ R 1086/2009-3;

tibgħat lura l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex isir l-eżami tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur invokata mir-rikorrenti, liema protezzjoni ma ġietx analizzata b'mod xieraq mill-imsemmija diviżjoni;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Disinn Komunitarju rreġistrat li huwa s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: Disinn Komunitarju Nru 602636-0003, li jirrapreżenta l-kwadrant ta' arloġġ

Proprjetarju tad-disinn Komunitarju: qwatchme A/S

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: ir-rikorrent

Motivi tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 25(1)(b), u tal-Artikolu 4, kif ukoll tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 1 minħabba n-nuqqas ta' novità u l-ksur tad-drittijiet fuq ix-xogħol artistiku ta' Paul Heimbach, stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 25(1)(b) u tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 inkwantu l-Bord tal-Appell ma għamilx, fid-deċiżjoni tiegħu, distinzjoni xierqa bejn il-karatteristiċi tan-"novità" u l-"karattru individwali" u kif ukoll ksur tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 6/2006 inkwantu la l-Bord tal-Appell u lanqas id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ma analizzaw kif meħtieġ jekk id-disinn Komunitarju kienx jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta' xogħol protett mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar id-drittijiet tal-awtur.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta' Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).