Language of document : ECLI:EU:T:2011:377

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

14 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Multi – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”

Fil-Kawża T‑189/06,

Arkema France SA, stabbilita f’Colombes (Franza), inizjalment irrappreżentata minn A. Winckler, S. Sorinas Jimeno u P. Geffriaud, sussegwentement minn S. Sorinas Jimeno u E. Jégou, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault u O. Beynet, sussegwentement minn V. Bottka, P. J. Van Nuffel u B. Gencarelli, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Prek, A. Dittrich, L. Truchot u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Arkema France SA (preċedentament Atofina SA), hija kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż li, fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, kienet tikkummerċjalizza, b’mod partikolari, il-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“PH”) u l-perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem il-“PBS”).

2        Bejn id-data ta’ bidu tal-ksur u x-xahar ta’ April 2000, l-azzjonarja prinċipali tagħha, b’97.5 %, kienet Elf Aquitaine SA. Mix-xahar ta’ April 2000 lil hemm, 96.48 % tar-rikorrenti kienet miżmuma minn Elf Aquitaine, li hija stess kienet miżmuma, b’99.43 %, minn Total SA.

3        F’Novembru 2002, Degussa AG infurmat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-PH u tal-PBS u talbet l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il-quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).

4        Degussa pproduċiet provi materjali lill-Kummissjoni li ppermettewlha twettaq, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, spezzjonijiet fil-bini ta’ tliet impriżi, fosthom dawk tar-rikorrenti.

5        Wara dawn l-ispezzjonijiet, diversi impriżi, fosthom EKA Chemicals AB, ir-rikorrenti u Solvay SA, talbu l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u bagħtu lill-Kummissjoni provi dwar l-akkordju inkwistjoni.

6        Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati.

7        Wara s-smigħ tal-impriżi kkonċernati li seħħ fit-28 u fid-29 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-konfront ta’ Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals, Degussa, Edison SpA, FMC Corp., FMC Foret SA, Kemira Oyj, Air liquide SA, Chemoxal SA, SNIA SpA, Caffaro Srl, Solvay SA, Solvay Solexis SpA, Total, Elf Aquitaine u r-rikorrenti (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.

 Id-deċiżjoni kkontestata

8        Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fir-rigward tal-PH u tal-prodott sekondarju [downstream], il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni importanti mill-perspettiva kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet potenzjali u reali tal-produzzjoni, fi tqassim tal-ishma tas-suq u tal-klijenti kif ukoll fl-iffissar u s-sorveljanza tal-osservanza tal-prezzijiet mixtieqa.

10      Ir-rikorrenti, Total u Elf Aquitaine inżammu responsabbli “konġuntament u in solidum” għall-ksur (premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, P. 171), iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

12      Il-Kummissjoni ddeterminat l-ammonti bażiċi tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata), li ġie kklassifikat bħala gravi ħafna (premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Abbażi ta’ trattament differenzjat, ir-rikorrenti, Total u Elf Aquitaine ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija, li tikkorrispondi għal ammont inizjali ta’ EUR 20 miljun (premessi 460 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti, ġie applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 fuq dan l-ammont inizjali, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ kunsiderevoli tal-kumpanniji holding tal-grupp, jiġifieri Elf Aquitaine u Total (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Peress li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur, skont il-Kummissjoni, mit-12 ta’ Mejju 1995 sal-31 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri għal perijodu ta’ ħames snin u seba’ xhur, l-ammont tal-multa tagħha ġie miżjud b’55 % minħabba t-tul (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Din iż-żieda ma saritx fuq l-ammont tal-multa imputabbli lil Total, li r-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni ġiet meqjusa għall-perijodu mit-30 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2000 (premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Kummissjoni kkunsidrat ċirkustanza aggravanti, fir-rigward tar-rikorrenti, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ reċidiva fil-konfront tal-ksur kkonstatat fid-Deċiżjoni tagħha 85/74/KEE, tat-23 ta’ Novembru 1984, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (Każ IV/30.907 – Perossidu) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1985, L 35, p. 1) u fid-Deċiżjoni tagħha 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (Każ IV/31.865 - PVC) (ĠU L 239, p. 14). Konsegwentement, għall-ammont bażiku tal-multa imputabbli fuq ir-rikorrenti, hija applikat żieda ekwivalenti għal 50 % tal-ammont bażiku li kien ikun applikabbli fil-konfront tagħha li kieku l-kumpanniji holding tal-grupp ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 469 sa 471 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 409 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet it-tieni impriża li ssodisfat il-kundizzjoni prevista fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u għal din ir-raġuni tatha tnaqqis ta’ 30 % fuq l-ammont tal-multa, filwaqt li dan it-tnaqqis ġie applikat fuq l-ammont totali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fuq Total u fuq Elf Aquitaine (premessi 509 sa 514 u 529 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      L-Artikolu 1(o) sa (q) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li t-tliet kumpanniji kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni, Total, mit-30 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2000, u r-rikorrenti u Elf Aquitaine, mit-12 ta’ Mejju 1995 sal-31 ta’ Diċembru 2000.

19      L-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 78 663 miljun, li fir-rigward tagħha Total u Elf Aquitaine ġew miżuma responsabbli “konġuntament u in solidum” sal-limitu ta’ EUR 42 miljun u EUR 65.1 miljun, rispettivament

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

21      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ġiet rinvijata quddiem is-Sitt Awla Estiża.

22      Peress li żewġ Membri tal-Awla estiża ma setgħux jokkupaw il-kariga, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompletaw l-Awla skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-3 ta’ Settembru 2010.

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwardha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, fis-sustanza, sitt motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà tal-ksur imwettaq minn sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni ta’ fatti relatati mal-imputazzjoni tal-ksur lil Total u lil Elf Equitaine, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-priniċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-raba’ wieħed, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward taż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba l-effett disważiv, il-ħames wieħed, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward taż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba r-reċidiva, u, is-sitt wieħed, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa b’applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà tal-ksur imwettaq minn sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 Osservazzjonijiet preliminari

27      Għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra. p. I‑8237, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu inekwivokament jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din il-persuna. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tindika wkoll f’liema kwalità l-persuna ġuridika tkun qegħda tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat fuq kumpannija parent, b’mod partikolari, meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fil-fatt, dan l-argument huwa minnu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens fuq imsemmi. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 59).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent kienet proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha sabiex tippreżumi li din tal-ewwel kienet teżerċità influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ dik is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti biex juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fil-każ preżenti, fil-premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, għamlet sunt tal-prinċipji li hija kienet bi ħsiebha tapplika biex tidentifika d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

36      B’mod partikolari, hija fakkret li kumpannija parent setgħet tkun miżmuma responsabbli għall-aġir illegali ta’ sussidjarja sakemm din tal-aħħar ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent. Hija rrilevat li, sostanzjalment, setgħet tippreżumi li sussidjarja 100 % miżmuma bi proprjetarja kienet essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent tagħha, filwaqt li din tal-aħħar setgħet tikkonfuta l-preżunzjoni permezz ta’ prova kuntrarja (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Elf Aquitaine, il-Kummissjoni rrilevat li din kellha 98 % tal-kapital tar-rikorrenti u kienet dejjem ħatret il-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ din tal-aħħar. B’hekk il-Kummissjoni ppreżumiet li Elf Equitaine kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tar-rikorrenti (premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Fir-rigward ta’ Total, il-Kummissjoni indikat li f’April tas-sena 2000, din tal-ewwel kienet ħadet il-kontroll ta’ 99.43 % tal-kapital ta’ Elf Aquitaine, li hija kienet tikkontrolla direttament jew indirettament il-kapital tal-kumpannija tal-grupp li kellha rwol dirett fl-aġir li jikkostitwixxi ksur u li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hija kienet ippreżumiet l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ Total fuq l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji tagħha Elf Aquitaine u r-rikorrenti (premessi 428 u 429 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Fil-premessi 430 sa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet l-argumenti mqajma mir-rikorrenti, kif ukoll dawk imressqa minn Total u minn Elf Aquitaine, kontra l-imputazzjoni tal-ksur fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, u eżaminathom fil-premessi 433 sa 440 ta’ din id-deċiżjoni.

40      Fil-premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonfermat il-konklużjoni tagħha li r-rikorrenti, Total u Elf Aquitaine kienu jikkostitwixxu impriża waħda, u kkonstatat ir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur inkwistjoni, filwaqt li rrilevat li Total kienet responsabbli għall-ksur biss mid-data li fiha ħadet il-kontroll tal-kapital ta’ Elf Aquitaine, jiġifieri għall-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ April u l-31 ta’ Diċembru 2000.

41      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni billi tqajjem essenzjalment żewġ ilmenti, ibbażati, minn naħa, fuq ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-allegat ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq minn sussidjarja tagħha

42      Matul is-seduta, ir-rikorrenti rrilevat li hija ma kinitx qegħda tikkontesta l-konstatazzjoni tal-ksur inkwistjoni, iżda biss l-imputazzjoni tiegħu fuq Total u fuq Elf Aquitaine, sa fejn din l-imputazzjoni kellha konsegwenzi fuq l-ammont tal-multa tagħha.

43      Hija ssostni essenzjalment li meħuda waħedha, id-detenzjoni tat-totalità u, a fortiori, tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja, ma tippermettix li jiġi konkluż awtomatikament li l-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha u li tiġi imputata bir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta imputat ir-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpanniji parent tar-rikorrenti biss abbażi tal-preżunzjoni marbuta mad-detenzjoni min-naħa tagħhom tal-kważi totalità tal-kapital tagħha.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu segwit mill-Kummissjoni biex timputa l-ksur kkontestat fuq Total u fuq Elf Aquitaine, fejn hija bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni inkwistjoni, huwa konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 27 sa 34 iktar ’il fuq.

45      Minn naħa, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tissuġġerixxi r-rikorrenti, din l-imputazzjoni ma kinitx ibbażata biss fuq l-istruttura ta’ detenzjoni tal-kapital, iżda wkoll fuq il-konstatazzjoni li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ma kinitx ġiet ikkonfutata (ara b’mod partikolari l-premessi 437 u 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Min-naħa l-oħra, minn din il-ġurisprudenza (ara b’mod partikolari l-punti 33 u 34, iktar ’il fuq) jirriżulta li s-struttura ta’ detenzjoni tal-kapital ta’ sussidjarja tikkostitwixxi kriterju suffiċjenti biex tkun tista’ ssir l-imsemmija preżunzjoni, mingħajr il-bżonn li l-Kummissjoni tkun marbuta tressaq indizji addizzjonali relatati mal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent, kif teżiġi r-rikorrenti.

47      Din il-konklużjoni ma hijiex preġudikata mill-fatt li tali indizji addizzjonali setgħu jiġu rrilevati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (T‑112/05, Ġabra. p. II‑5049, punti 13 u 54). Fil-fatt, kemm mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq (punti 61 u 62) kif ukoll mis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni punt 27 iktar ’il fuq (punti 61 u 62), jirriżulta mingħajr l-ebda ambigwità li l-implementazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ tali indizji. Bl-istess mod, għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi li, meta ġraw il-fatti, il-kumpannija parent kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tirrigwarda speċifikament il-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha (sentenza tal-10 ta’ Settemrbu 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 60). Issa, fil-kawża preżenti, Total u Elf Aquitaine ma kellhomx it-totalità tal-kapital tar-rikorrenti (ara punt 2 iktar ’il fuq).

49      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument ibbażat fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine ma kinitx tlaħħaq il-100 %. Għall-kuntrarju, waqt is-seduta, hija rrilevat li ma kinitx qegħda targumenta li l-imsemmi fatt “[kien] ibiddel fondamentalment l-affarjiet fir-rigward tal-kontroll ġuridiku” tas-sussidjarja, biex b’hekk ikkonfermat li hija ma kinitx topponi l-applikazzjoni tal-istess sistema ta’ evidenza f’sitwazzjonijiet ta’ kontroll sħiħ u kważi sħiħ tal-kapital.

50      Għaldaqstant l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

51      Ir-rikorrenti ssotni li, meta bbażat ruħha biss fuq il-preżunzjoni inkwistjoni fir-rigward tal-kumpanniji parent tagħha, il-Kummissjoni wettqet “diskriminazzjoni mhux ġustifikata” fil-produzzjoni tal-prova. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet l-unika sussidjarja li, fil-konfront tagħha, il-Kummissjoni kienet disposta tinvoka l-preżunzjoni, filwaqt li, fir-rigward tal-impriżi l-oħra kkonċernati, hija ressqet fatturi addizzjonali dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpanniji parent.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, mill-premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fir-rigward tad-destinatarji kollha l-Kummissjoni adottat l-istess regola li tipprovdi li l-kontroll tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja huwa biżżejjed biex titqajjem preżunzjoni juris tantum li tippermetti l-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-kumpannija parent. Fil-fatt, il-preżunzjoni inkwistjoni ġiet applikata kemm għall-grupp ta’ Total kif ukoll għall-gruppi ta’ kumpanniji l-oħra indirizzati mid-deċiżjoni kkontestata.

53      Il-fatt li fir-rigward ta’ ċerti destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Akzo Nobel, FMC, Air liquide, SNIA u Edison, il-Kummissjoni invokat, minbarra l-preżunzjoni, ċerti indizji addizzjonali tal-influwenza determinanti eżerċitata minn kumpanniji parent, ma jfissirx li l-prinċipji applikati ma kinux l-istess għad-destinatarji kollha.

54      Fil-fatt, fir-rigward ta’ Akzo Nobel, mill-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “peress li [din] tikkontrolla 100 % lil EKA [Chemicals], il-Kummissjoni tikkunsidra li [din] eżerċitat influwenza determinanti fuq EKA [Chemicals], peress li ma ġiet prodott ebda element li jista’ jikkonfuta din il-preżunzjoni”. Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li, fil-premessa 385 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal ċerti fatturi addizzjonali intiżi li jikkonfermawha.

55      Fir-rigward ta’ FMC, il-Kummissjoni indikat li hija waslet għall-konklużjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ din tal-ewwel “minħabba l-fatt li FMC Foret [kienet] sussidjarja 100 % kkontrollata (indirettament) minn FMC” (premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-kunsiderazzjoni hija bla ħsara għall-fatt li, fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat indizju addizzjonali tal-influwenza determinanti eżerċitata minn FMC fuq is-sussidjarja tagħha.

56      Fir-rigward ta’ Air Liquide, fil-premessa 403 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat, li “peress li, meta twettaq il-ksur, [din tal-ewwel] kellha 100 % tal-kapital ta’ Chemoxal u kellha s-setgħa li taħtar il-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Chemoxal, [hija kienet] ppreżumiet li [din tal-ewwwel] kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha”. Il-Kummissjoni ċċarat din l-osservazzjoni billi, fil-premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, indikat li “l-parteċipazzjoni b’100 % tal-kapital ta[t] lok għal preżunzjoni li [setgħet] tiġi kkonfutata billi jintwera li [...] is-sussidjarja [kienet] tibbenefika minn […] awtonomija”.

57      Fir-rigward ta’ SNIA, mill-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ġiet miżmuma responsabbli minħabba l-amalgamazzjoni tagħha mal-kumpannija li kienet il-kumpannija parent b’100 % tal-entità direttament implikata fil-ksur, u għalhekk is-sitwazzjoni invokata ma kinitx komparabbli ma dik tar-rikorrenti.

58      Finalment, fir-rigward ta’ Edison, fil-premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “fin-nuqqas ta’ argument li jikkonfuta l-preżunzjoni, id-detenzjoni ta’ 100 % tal-kapital ġiet ikkunsidrata [mill-ġurisprudenza] bħala fattur suffiċjenti”. Barra minn hekk, fil-premessi 419 sa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat ċerti elementi addizzjonali, billi indikat li dawn tal-aħħar kienu jikkontradixxu l-argument ta’ Edison ibbażat fuq l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha.

59      Għalhekk, mill-premessi ċċitati iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontroll tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja huwa biżżejjed, fin-nuqqas ta’ argument li jikkonfuta r-riżultanti preżunzjoni, sabiex ir-responsabbiltà tiġi attribwita fuq il-kumpannija parent, filwaqt li indizji addizzjonali ta’ influwenza eżerċitata minn ċerti kumpanniji parent ikkonċernati fuq is-sussidjarji tagħhom ġew esposti, meta kienu disponibbli, jew biex isaħħu l-konklużjoni li diġà tirriżulta validament mill-kontroll sħiħ tal-kapital tas-sussidjarja, jew biex tingħata risposta għall-argumenti żviluppati mill-impriżi kkonċernati.

60      Barra minn hekk, fir-rigward tal-grupp li minnu tifforma parti r-rikorrenti, minbarra r-rabta kapitalistika, il-Kummissjoni rrilevat ukoll il-fatt li l-membri tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti kienu ġew maħtura minn Elf Aquitaine (premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr madankollu ma ssuġġettat l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja miżmuma b’ 100 %, jew kważi, fuq il-kumpannija parent tagħha, għall-eżistenza ta’ fatturi addizzjonali.

61      Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat, u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt relatati mal-imputazzjoni tal-ksur fuq Total u fuq Elf Aquitaine

62      Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk wieħed jissuponi li l-metodu fejn tintuża l-preżunzjoni inkwistjoni huwa leġittimu, il-Kummissjoni ma kinitx effettivament intitolata li timputa l-ksur fuq Total u fuq Elf Aquitaine.

63      L-ewwel nett, hija ssostni li kkonfutat din l-imputazzjoni billi wriet in-nuqqas ta’ kwalunkwe implikazzjoni tad-diretturi ta’ Elf Aquitaine u ta’ Total fil-prattiċi li jikkostitwixxu ksur inkwistjoni.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni imputat il-ksur inkwistjoni fuq Total u fuq Elf Aquitaine minħabba li, meta seħħew il-fatti, huma kienu jiffurmaw impriża waħda mar-rikorrenti. Biex waslet għal din il-konklużjoni l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li tirriżulta mill-kontroll tagħhom tal-kważi totalità tal-kapital tar-rikorrenti u kkonstatat li din il-preżunzjoni ma kinitx ġiet ikkonfutata matul il-proċedura amministrattiva.

65      Issa, peress li din il-kunsiderazzjoni ma kinitx ibbażata fuq il-parteċipazzjoni tal-kumpanniji parent tar-rikorrenti fl-aġir li jikkostitwixxi ksur, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ implikazzjoni diretta tad-diretturi ta’ dawn il-kumpanniji u fuq in-nuqqas ta’ konoxxenza tagħhom tal-fatti li taw lok għall-akkużi, ma jistax jikkonfuta din il-kunsiderazzjoni.

66      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li hija kkonfutat il-preżunzjoni inkwistjoni meta, matul il-proċedura amministrattiva, uriet l-awtonomija tagħha fit-tfassil tal-politika kummerċjali tagħha.

67      Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni inkwistjoni, hija l-kumpannija parent li għandha tipproduċi provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi fis-suq b’mod awtonomu.

68      F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha relatati mar-rabtiet, ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, liema provi jistgħu jvarjaw skont il-każ (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 61 u 74).

69      B’mod partikolari, din l-evalwazzjoni ma għandhiex tkun limitata biss għall-elementi marbuta mal-politika kummerċjali strictu sensu tas-sussidjarja, bħall-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, il-preżunzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkonfutata biss billi jiġi muri li hija s-sussidjarja li tamministra dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi istruzzjonijiet f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 65 u 75).

70      Fil-każ preżenti, mill-proċess jirriżulta li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti sostniet essenzjalment li l-politika kummerċjali tagħha qatt ma ġiet definita mill-kumpanniji parent tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-istruttura tal-grupp, kif ukoll minħabba l-proporzjon baxx ta’ attivitajiet ikkonċernati mill-ksur meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ globali tagħha.

71      Għandu jiġi rrilevat immedjatment li dan l-argument jistrieħ biss fuq sempliċi dikjarazzjonijiet, peress li r-rikorrenti ma ġabet ebda prova konkreta insostenn tal-argument tagħha bbażat fuq l-awtonomija tagħha fis-suq. B’mod partikolari, il-parti kkonċernata tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tagħmel riferiment għall-ebda dokument insostenn tad-dikjarazzjonijiet misjuba fiha.

72      Għalhekk, huwa ċar li l-argument imressaq mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma setax jikkostitwixxi sensiela ta’ indizji li kienu biżżejjed biex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, apparti l-fatt li l-argument inkwistjoni ma kienx ikkorraborat minn provi rilevanti, dan ma kienx ta’ natura li juri l-awtonomija tar-rikorrenti.

74      L-ewwel nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni tar-rikorrenti li Total u Elf Aquitaine kienu biss holdings li ma kinux operattivi, għandu jiġi rrilevat li, dan il-fatt, meħud waħdu, ma jistax ikun biżżejjed biex jiġi eskluż li dawn tal-aħħar eżerċitaw influwenza determinanti fuq ir-rikorrenti, b’mod partikolari billi kkoordinaw l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, holding hija kumpannija li hija intiża li tiġbor flimkien l-ishma f’diversi kumpanniji u li l-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 63).

75      Madankollu, ir-rikorrenti stess tammetti li Elf Aquitaine intervjeniet fl-iktar deċiżjonijiet importanti li seta’ jkollhom impatt fil-livell tal-grupp kollu kemm hu u li hija kienet tfassal politika ġenerali ħafna dwar il-kompatibbiltà tal-attivitajiet fost id-diversi fergħat, il-bdil tal-attivitajiet u l-preżenza ġeografika tal-attivitajiet fid-dinja. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom it-tendenza li jikkonfermaw li Elf Aquitaine kellha l-funzjoni li tiżgura unità fit-tmexxija u koordinazzjoni, ta’ natura li tinfluwenza l-aġir tar-rikorrenti fis-suq.

76      It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li Total u Elf Aquitaine ma intervjenewx fit-tfassil tal-politika kummerċjali relatata mal-PH u mal-PBS, għandu jiġi kkonstatat li, fi grupp ta’ kumpanniji, id-diviżjoni tax-xogħol hija fenomenu normali li ma hijiex biżżejjed biex tikkonfuta l-preżunzjoni li r-rikorrenti, Total u Elf Aquitaine kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

77      Barra minn hekk, ma tista’ tiġi milħuqa ebda konklużjoni mill-fatt li l-kumpanniji parent qatt ma kellhom klijenti komuni mar-rikorrenti, li huma kienu assenti mis-swieq li fihom din tal-aħħar investiet u mis-swieq relatati u li l-attività relatata mal-prodotti kkonċernati kienet biss parti żgħira mid-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp.

78      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni u ta’ rabta bejnha u bejn il-kumpanniji parent tagħha, ħlief għal informazzjoni li tirriżulta mill-obbligi legali fil-qasam tal-kontabbiltà u tas-superviżjoni finanzjarja, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-awtonomija tas-sussidjarja ma tistax tiġi evalwata biss fir-rigward tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma implementat politika ta’ informazzjoni speċifika, favur il-kumpannija parent tagħha, fis-suq ikkonċernat, ma huwiex biżżejjed biex juri l-awtonomija tagħha.

79      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq il-fatt li, fit-18 ta’ Mejju 2006, hija sseparat ruħha mill-grupp Total mill-perspettiva kapitalistika, għandu jiġi rrilevat li din is-separazzjoni, sussegwenti għall-ksur u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax isservi bħala indizju rilevanti għall-evalwazzjoni tar-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur.

80      Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tiddevja minn dik meħuda fid-deċiżjoni C (2003) 4570, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandu jiġi rrilevat li, mill-premessi 373 sa 391 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma analizzat il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, li hija ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni tal-awtonomija tagħha fil-konfront tal-kumpannija parent.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tivverifika sistematikament jekk l-aġir ta’ sussidjarja li jikkostitwixxi ksur jistax jiġi imputat fuq il-kumpannija parent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-setenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 330 u 331). Għalhekk, il-fatt waħdu li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-possibbiltà li tindirizza d-deċiżjoni C (2003) 4570 lill-kumpannija parent tar-rikorrenti ma jipprekludix li hija tagħmel dan fil-każ preżenti, skont il-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-imputabbiltà.

82      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentament, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet korretta li tikkonkludi li l-elementi prodotti mir-rikorrenti, anki jekk dawn jittieħdu fit-totalità tagħhom, ma kinux biżżejjed biex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni.

83      Fir-rigward tad-dokument prodott mir-rikorrenti fl-anness tar-rikors intitolat “Setgħat interni u impenji ta’ nefqa”, intiż li jikkorrabora l-argument tagħha li Total kienet tillimita ruħha li tapprova l-iktar investimenti importanti mwettqa mis-sussidjarji tagħha, għandu jiġi rrilevat li dan id-dokument ma ġiex invokat mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għalhekk ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

84      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li d-dokument inkwistjoni ma jikkostitwixxix prova li tista’ tistabbilixxi l-awtonomija tar-rikorrenti, peress li, minn naħa, hekk kif jirriżulta mir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, dan fih ir-regoli li jiddeterminaw id-dritt li jintrabat il-grupp, applikabbli “wara l-2001”, u għaldaqstant ma huwiex marbut mal-perijodu li fih seħħ il-ksur inkwistjoni, u li, min-naħa l-oħra, l-argument li l-intervenzjoni tal-kumpannija ewlenija tal-grupp fil-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha hija limitata għal investimenti ta’ ċertu livell ma huwiex biżżejjed biex jistabbilixxi l-awtonomija ta’ din tal-aħħar.

85      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet korretta li tikkonkludi li l-elementi prodotti mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinux biżżejjed biex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni.

86      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

87      Ir-rikorrenti targumenta li, minħabba li naqset milli tirrispondi għall-argumenti ppreżentati biex turi l-awtonomija tagħha, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ amminstrazzjoni tajba.

88      L-ewwel nett, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq l-argumenti esposti fil-qosor fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq il-fatt li l-ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tagħha minn Elf Aquitaine ma setgħetx tipprova, minnha nnifisha, l-eżerċitar ta’ kontroll effettiv u li r-rikorrenti kienet tibbenefika minn awtonomija totali fit-tfassil tal-politika kummerċjali tagħha. Barra minn hekk, hija naqset milli tesponi ċerti argumenti ppreżentati mir-rikorrenti, relatati mal-fatt li d-diretturi tal-kumpanniji Total u Elf Aquitaine qatt ma kienu implikati fil-prattiċi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u li l-kontroll eżerċitat mill-kumpanniji parent kien limitat għall-awtorizzar tal-iktar investimenti importanti.

89      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha toħroġ b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istitutzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun possibbli għall-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fiha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Meta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli in solidum għall-ksur, tali deċiżjoni għandu jkun fiha sunt dettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punti 78 sa 80).

91      Min dan jirriżulta li meta, bħal fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u li l-kumpanniji kkonċernati jkunu ressqu, matul il-proċedura amministrattiva, elementi intiżi li jikkonfutaw din il-preżunzjoni, id-deċiżjoni għandha jkun fiha sunt adegwat tal-motivi ta’ natura li jiġġustifika l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dawn il-provi ma kinux biżżejjed biex l-imsemmija preżunzjoni tiġi kkonfutata.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 430 sa 441 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni motivata fuq l-elementi invokati mir-rikorrenti u mill-kumpanniji parent tagħha.

93      Fil-fatt wara li, fil-premessi 430 sa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeskriviet l-argumenti mressqa mill-impriżi kkonċernati fir-risposti rispettivi tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti mqajma, ibbażati prinċipalment fuq l-illegalità tal-imputazzjoni tal-aġir abbażi tal-preżunzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji tal-awtonomija ta’ entità legali, tal-personalità tal-pieni, tar-responsabbiltà personali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

94      Barra minn hekk, fil-premessi 433 sa 441 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li l-preżunzjoni marbuta mad-detenzjoni minn Elf Aquitaine u minn Total tal-kważi totalità tal-kapital tar-rikorrenti ma kinitx ġiet ikkonfutata u li l-konklużjoni tar-responsabbiltà ta’ dawn tal-ewwel għall-ksur inkwistjoni kellha tibqa’ fis-seħħ abbażi ta’ din il-preżunzjoni.

95      Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dawn il-motivi, il-Kummissjoni rrispondiet ukoll għall-punti essenzjali tal-argumenti tar-rikorrenti.

96      Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha mqajma quddiemha mill-partijiet ikkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 64; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytrsekondarju u Brink’s France, punt 89 iktar ’il fuq, punt 64), hija ma tistax tiġi kkritikata li ma tatx risposta preċiża fuq kull argument imqajjem mir-rikorrenti. Fil-fatt, risposta globali, bħal dik li ġiet mogħtija fil-kawża preżenti, tista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, tkun biżżejjed biex l-impriża tkun tista’ tiddefendi effettivament id-drittijiet tagħha u biex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

97      Minbarra dan, in-natura konċiża tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt hija ġġustifikata mill-fatt li l-argument imqajjem mir-rikorrenti kien jikkonsisti f’sempliċi dikjarazzjonijiet u ma kienx ikkorroborat minn provi konkreti dwar l-allegata awtonomija tagħha fis-suq.

98      F’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li fil-premessi 430 sa 432 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-allegazzjoni tagħha li l-kontroll eżerċitat mill-kumpanniji parent kien limitat għall-awtorizzazzjoni tal-iktar investimenti importanti, għandu jiġi rrilevat li din l-allegazzjoni hija inkluża f’dik li tipprovdi li “[ir-rikorrenti] [kienet] tgawdi minn awtonomija totali fil-politika kummerċjali tagħha u fl-aġir tagħha fis-suq”, li hija riprodotta fir-raba’ inċiż tal-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija miċħuda bħala insuffiċjenti fil-kuntest tar-risposta globali mogħtija għall-elementi kuntrarji inkwisjtoni fil-premessa 437 ta’ din id-deċiżjoni, li tindika li “l-preżunzjoni [inkwistjoni] ma ġietx ikkonfutata”.

99      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li n-natura konċiża ta’ din ir-risposta hija ġustifikata mill-fatt li l-allegazzjonijiet inkwsitjoni ma kinux ikkorroborati minn ebda prova konkreta.

100    Fir-rigward tal-argument li d-diretturi ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine qatt ma kienu implikati fil-prattiċi inkriminati, mill-punti 64 u 65 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq dan l-element biex timputa l-ksur kontenzjuż lill-kumpanniji parent tar-rikorrenti, u għalhekk in-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni espliċita fuq l-argument inkwistjoni ma setax jagħti lok għall-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

101    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx espliċitament għall-argument imsemmi fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata li jipprovdi li l-ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti minn Elf Aquitaine ma kienx jipprova l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 427 sa 429 tad-deċiżjoni kkontestata jiriżulta li dan l-element issemma addizjonalment għall-preżunzjoni inkwistjoni u li ma kellux effett fuq l-imputazzjoni tal-ksur kontenzjuż fuq il-kumpanniji parent tar-rikorrenti. Għalhekk, in-nuqqas ta’ risposta espliċita għall-argument inkwistjoni ma żammx lir-rikorrenti milli tkun taf il-ġustifikazzjonijiet ta’ din l-imputazzjoni u lanqas milli tikkontestaha quddiem il-Qorti Ġenerali.

102    Finalment, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-obbligu ta’ motivazzjoni inkwisjtoni kien iktar b’saħħtu fil-każ preżenti, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq approċċ ġdid, għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, ibbażata biss fuq ir-rabta kapitalistika, diġà ġiet applikata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-Deċiżjoni C (2004) 4876, tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel, Akzo Nobel Nederland BV, Akzo Nobel Chemicals BV, Akzo Nobel Functional Chemicals BV, Akzo Nobel Base Chemicals AB, EKA Chemicals, Akzo Nobel AB, Atofina, Elf Aquitaine, Hoechst AG, Clariant GmbH, Clariant AG (Każ E-1/37.773 – AMCA), li fiha hija imputat il-ksur imwettaq mir-rikorrenti lil Elf Aquitaine. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni applikat pożizzjoni radikalment ġdida fir-rigward tal-kumpanniji parent tagħha.

103    Fi kwalunkwe każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tagħti motivazzjoni konċiża, iżda, billi għamlet referiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, esponiet b’mod espliċitu kemm il-prinċipji li hija kienet bi ħsiebha tapplika biex tidentifika d-destinatarji tagħha (premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fir-rigward tal-grupp Total (premessi 427 sa 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

104    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwiex fondat.

105    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi bbażat ruħha fuq sempliċi preżunzjoni ta’ influwenza determinanti u naqset milli teżamina bir-reqqa l-elementi prodotti biex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni, b’mod partikolari, dawk dwar in-nuqqas ta’ rilevanza tal-ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti minn Elf Aquitaine u l-awtonomija tar-rikorrenti fit-tfassil tal-politika kummerċjali tagħha.

106    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 98 sa 101 iktar ’il fuq, ir-risposta konċiża mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata għal dawn l-elementi hija ġġustifikata, fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq l-awtonomija tar-rikorrenti, mill-fatt li din l-allegazzjoni ma kienet ikkorraborata minn ebda prova konkreta, u, fir-rigward tal-argument li jikkontesta r-rilevanza tal-ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi, minn natura subordinata ta’ dan l-element li ma kellux effett fuq l-imputazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, in-natura konċiża ta’ din ir-risposta lanqas ma tippermetti li jiġi kkonstatat ksur tal-obbligu li l-fatturi rilevanti li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva jiġu eżaminati bir-reqqa u b’imparzjalità.

107    Barra minn hekk, il-qari tal-premessi 434 sa 441 tad-deċiżjoni kkonstestata jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tar-rikorrenti u tal-kumpanniji parent tagħha, esposti fil-qasor fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata, intiżi li jikkontestaw l-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni. L-analiżi tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tippermettix li jiġu identifikati elementi rilevanti oħra li allegatament ġew injorati mill-Kummissjoni.

108    Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma huwiex fondat.

109    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward taż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba l-effett disważiv

110    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat iż-żieda inkwistjoni abbażi tal-kunsiderazzjoni marbuta mad-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Elf Aquitaine u Total, sa fejn il-ksur ma setax ikun imputat fuqhom.

111    Għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment jistrieħ kompletament fuq il-premessa, li ġiet miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni motivi, li l-ksur kontenzjuż ma setax jiġi imputat fuq il-kumpanniji parent tar-rikorrenti. Għalhekk, hemm lok li dan jiġi miċħud mill-ewwel.

112    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament meta, fil-kuntest taż-żieda inkwistjoni, ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs u d-dħul mill-bejgħ tal-grupp, mingħajr ma ppruvat li d-diretturi tal-kumpanniji parent kienu ħadu sehem fil-ksur jew li r-riżorsi tal-grupp kienu ġew użati mis-sussidjarja.

113    Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tagħha, u, f’dan ir-rigward, hija tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 106 u 120, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 243).

114    Għandu jitfakkar li l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, titlob li l-ammont tal-multa għandu jiġi aġġustat sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont l-eżiġenzi bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa, u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 283, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 379).

115    B’mod partikolari, hija l-possibbiltà tal-impriża li tikseb iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa tagħha li tista’ tiġġustifika, fid-dawl tal-effett dissważiv suffiċjenti ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ multiplikatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 18, u s-sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 284, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 379).

116    B’hekk, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni setgħet legalment iżżid l-ammont inizjali tal-multa inkwistjoni, fid-dawl tad-daqs globali tal-impriża li kienet komposta mir-rikorrenti, Total u Elf Aquitaine.

117    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ġġustifikata, b’mod partikolari mill-possibbilta tal-impriża kkonċernata li tikseb iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tistabbilixxi rabta bejn l-użu tar-riżorsi tal-impriża kkonċernata u l-ksur inkwisjtoni, iżda setgħet tieħu legalment inkunsiderazzjoni d-daqs globali tal-impriża.

118    Peress li ż-żieda inkwistjoni hija legalment ibbażata fuq id-daqs tal-impriża kkonċernata, peress li r-riżorsi użati fil-kuntest tal-ksur ma humiex kriterju rilevanti, l-applikazzjoni tagħha ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sempliċement minħabba l-fatt li hija ma tagħmilx distinzjoni bejn l-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur skont l-imsemmi kriterju.

119    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-allegata natura sproporzjonata taż-żieda inkwistjoni, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li peress li l-ksur issanzjonat jikkorrispondi għal aġir li l-illegalità tiegħu ġiet kkonstatata ripetutament mill-Kummissjoni wara l-ewwel interventi tagħha f’dan il-qasam, dan jiġġustifika kompletament id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għal livell suffiċjentement dissważiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punti 46 u 47).

120    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-komportament tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-daqs tal-impriża kkonċernata, ikkonfermat mid-dħul mill-bejgħ globali partikolarment sinjifikattiv ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine matul l-iktar sena finanzjarja reċenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata), iż-żieda inkwistjoni, b’applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 3, ma għandhiex tkun kkunsidrata bħala sproporzjonata fid-dawl tal-għan ta’ dissważjoni.

121    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward taż-żieda tal-multa minħabba r-reċidiva

122    Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ ċertezza legali

123    Fir-rikors ir-rikorrenti ssotni li, meta bbażat ruħha fuq kundanni preċedenti li jirrigwardaw fatti li jmorru lura għal iktar minn 20 sena qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ ċertezza legali.

124    Waqt is-seduta, hija speċifikat li, peress li ħadet konjizzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331), u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hija kienet qiegħdha tirtira l-parti preżenti tas-sitt motiv, filwaqt li kienet qiegħdha żżomm fis-seħħ l-argument żviluppat fil-kuntest tat-tieni parti tal-imsemmi motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fatt li ġie vverbalizzat waqt is-seduta.

125    Għalhekk, ma għadx hemm lok li tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-motiv.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

126    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem sa fejn l-istess kundanni preċedenti bħal dawk invokati fid-deċiżjoni kkontestata kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-konfront tagħha minħabba r-reċidiva f’żewġ deċiżjonijiet preċedenti, id-deċiżjonijiet C (2003) 4570 u C (2004) 4876.

127    Għandu jitfakkar li l‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ identità tal-fatti, ta’ unità ta’ min iwettaq il-ksur u ta’ unità tal-interess ġuridiku protett. Għalhekk, dan il-prinċipju jipprojbixxi li l-istess persuna tiġi ssanzjonata għal iktar minn darba għall-istess aġir illeċitu sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 338).

128    Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ ksur preċedenti ma huwiex intiż sabiex jissanzjona mill-ġdid l-imsemmi ksur, iżda sempliċement sabiex jissanzjona lir-rikorrenti talli pparteċipat fl-akkordju kkonċernat fid-deċiżjoni kkontestata bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir tagħha ta’ reċidivista, il-fatt li l-Kummissjoni tkun diġà ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-istess każijiet ta’ ksur fiż-żewġ deċiżjonijiet preċedenti msemmija, ma jinvolvix ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

129    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem esposti fil-punt 127 iktar ’il fuq ma humiex sodisfatti peress li l-kundizzjoni ta’ identità tal-fatti hija nieqsa. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssanzjonat lir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, li għalih hija la kienet ħadet proċeduri kontriha u lanqas ma adottat sanzjonijiet, u dan ma huwiex sostnut, barra minn hekk, mir-rikorrenti.

130    Għalhekk, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ne bis in idem meta ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tagħha 85/74 u 94/599 biex tikkonstata l-aġir reċediv tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hija kienet diġà ħadet inkunsiderazzjoni l-istess ċirkustanza aggravanti fid-deċiżjonijiet C (2003) 4570 u C (2004) 4876.

131    Għaldaqstant, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

132    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta, fid-deċiżjoni kkontestata, applikat żieda għall-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva, l-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tagħha li jgħid li billi ħadet inkusiderazzjoni l-istess ċirkustanza aggravanti fid-deċiżjonijiet C (2003) 4570 u C (2004) 4876, l-għan ta’ dissważjoni kien diġà ġie sodisfatt.

133    Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet 85/74 u 94/599 biex tikkonstata r-reċidiva fil-kuntest ta’ ksur ieħor, ma kienx jipprekludiha milli tieħu dawn iż-żewġ deċiżjonijiet inkusiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-eżami tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, sabiex tiddiswadi lir-rikorrenti li tirrepeti, fil-futur, l-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur.

134    Kull wieħed mill-imsemmi ksur kien jikkostitwixxi, wieħed indipendentament mill-ieħor, repetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hekk kif ġie kkonstatat fil-kuntest tad-Deċiżjonijiet 85/74 u 94/599, u jixhdu tendenza tar-rikorrenti li ma tiġbidx il-konklużjonijiet opportuni minn dawn il-kundanni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 40).

135    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta imponietilha żieda ġdida minħabba r-reċidiva, minkejja li dan l-istess fatt kien ġie meħud inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjonijiet C (2003) 4570 u C (2004) 4876 u li, konsegwentement, dan ma ħallielha l-ebda possibbiltà li tadatta l-aġir tagħha. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-imsemmija deċiżjonijiet biex tistabbilixxi l-aġir reċediv tar-rikorrenti, il-fatt li dawn ġew adottati wara t-tmiem tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata ma għandux effett fil-każ preżenti.

136    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, konsegwentement, it-tieni parti, kif ukoll il-motiv preżenti fit-totalità tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tat-tnaqqis tal-multa abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

137    Il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tipprovdi, fil-punti 21 sa 23 tagħha:

“21. Biex tikkwalifika [għal tnaqqis tal-ammont tal-multa], impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

22. Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar [minn dak tal-] provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.

23. Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

a)      jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

b)      il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu, b’mod relattiv għall-multa li kieku kienet tiġi imposta, kif ġej. Għal:

–        l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta’ 30-50 %,

–        it-tieni impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %,

–        impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %.

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull koperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni ma hijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

138    Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kkonstatat li Degussa kienet tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tkun tista’ tibbenefika minn immunità totali mill-multa. EKA Chemicals, ir-rikorrenti u Solvay, peress li ġew ikkunsidrati bħala rispettivament l-ewwel, it-tieni u t-tielet impriża li ssodisfaw ir-rekwiżit previst fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, kisbu tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 40, ta’ 30 u ta’ 10 % rispettivament (premessi 501 sa 524 tad-deċiżjoni kkontestata).

139    Permezz tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali għandha tatiha tnaqqis addizzjonali għall-ammont tal-multa fid-dawl tal-portata u tal-importanza tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

140    Il-motiv preżenti huwa sub-diviż f’erba’ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

141    Ir-rikorrenti ssosnti li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fil-premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata meta għamlet interpretazzjoni “purament kronoloġika” tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u meta kkunsidrat id-data tal-kontribuzzjoni bħala kriterju essenzjali għall-applikazzjoni tagħha. B’mod partikolari, hija ssostni li tat l-iktar kontribuzzjoni importanti għall-istabbiliment tal-ksur, filwaqt li l-valur miżjud tal-kontribuzzjoni tagħha jiġġustifika li hija tiġi kkunsidrata bħala “l-ewwel impriża” fis-sens tal-punt 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

142    Għandu jiġi rrilevat li minn elementi mhux ikkontestati tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li EKA Chemicals ressqet it-talba għal klemenza tagħha fid-29 ta’ Marzu 2003, għamlet dikjarazzjoni orali fil-31 ta’ Marzu 2003, u pprovdiet provi dwar il-ksur matul dik l-istess ġimgħa (premessi 67, 503 u 505 tad-deċiżjoni kkontestata).

143    Huwa wkoll paċifiku li kien biss sussegwentement għal dawn il-fatti, permezz ta’ faks tat-3 ta’ April 2003, fl-erba’ neqsin għaxra ta’ filgħaxija, li r-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni t-talba għal klemenza tagħha flimkien ma tlettax-il anness fejn ġie indikat li dawn kienu jinkludu dokumenti dwar l-akkordju inkwistjoni. Fis-26 ta’ Mejju 2003, hija bagħtet lill-Kummissjoni elementi ġodda dwar it-talba għal klemenza tagħha, li fosthom kien hemm l-ispjegazzjonijiet fuq id-dokumenti mibgħuta fit-3 ta’ April 2003 (premessi 69, 510 u 516 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li EKA Chemicals kienet l-ewwel waħda li ssodisfat il-kundizzjonijiet tal-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għaliex, fid-29 u fil-31 ta’ Marzu 2003, din tal-aħħar kienet ipproduċiet provi li jikkontribwixxu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data tal-kontribuzzjoni tagħha (premessa 503 tad-deċiżjoni kkontestata), u li r-rikorrenti kienet it-tieni impriża li ssodisfat dawn l-istess kundizzjonijiet, permezz tal-elemeni prodotti fit-3 ta’ April 2003 (premessa 509 tad-deċiżjoni kkontestata).

145    Fil-premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata, kkritikata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrilevat:

“[…] mill-punt 23 tal-Komunikazzjoni fuq il-[kooperazzjoni] jirriżulta b’mod ċar li d-data ta’ kwalunkwe komukazzjoni li tilħaq il-livell rikjest biex provi jitqiesu li jikkontribwixxu valur miżjud sinjifikattiv hija determinanti għall-finijiet tal-kalkulazzjoni tal-faxxa ta’ tnaqqis. Il-provi jiġu mqabbla ma dawk li diġà jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data li fiha huma jiġu prodotti. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-komunikazzjoni inkwistjoni tikkontriwixxix valur miżjud sinjifikattiv, għandhom jittieħdu inkusiderazzjoni biss il-provi li diġà jinsabu għand il-Kummissjoni u l-provi prodotti mill-impriża kkonċernata. B’hekk [il-Kummissjoni …] tikkunsidra li l-komunikazzjoni ta’ EKA [Chemicals] tad-29 ta’ Marzu 2003, flimkien mad-dikjarazzjoni tagħha tal-31 ta’ Marzu 2003, tilħaq il-livell fuq isemmi skont il-punt 21 tal-Komunikazzjoni [fuq il-kooperazzjoni]. Minn dan jirriżulta li EKA [Chemicals] tista’ tibbenefika minn tnaqqqis fi ħdan l-ewwel faxxa indikata fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni [fuq il-kooperazzjoni]. Dan ifisser li l-valur tal-komunikazzjoni [tar-rikorrenti] jista’ jkun rilevanti biss biex jiġi stabbilit il-livell possibbli ta’ tnaqqis fi ħdan il-faxxa sussegwenti.”

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-punti 21 u 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jirriżulta li, sabiex tkun tista’ titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa, impriża għandha tipproduċi quddiem il-Kummissjoni provi li jikkontribwixxu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha.

147    Barra minn hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-faxxex ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa previsti fil-punt 23(b) tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mument li fih l-impriża ssodisfat dan ir-rekwiżit.

148    Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-istruttura tas-sistema prevista mill-komunikazzjoni inkwistjoni, li tipprovdi tliet faxxex differenti għall-“ewwel impriża”, għat-“tieni impriża” u għal “impriżi oħra” li jissodisfaw ir-rekwiżit inkwistjoni, li għalhekk timplika li l-Kummissjoni tiddetermina l-mument preċiż li fih ir-rekwiżiti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa jiġu sodisfatti mill-impriża kkonċernata, billi tqabbel il-provi prodotti ma dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha fid-data li fiha saret it-talba.

149    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet korretta li, fil-premessi 503 u 509 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeterminat il-faxex imsemmija fil-punt 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-mument li fih, EKA Chemicals u r-rikorrenti ssodisfaw rispettivament ir-rekwiżiti tal-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

150    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkonfutati mill-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw dan l-approċċ taħt diversi motivi.

151    L-ewwel nett, l-interpretazzjoni mressqa mir-rikorrenti li tgħid li r-riferiment għall-“ewwel” impriża, fil-punt 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għandu jiġi interpretat bħala li jirrigwarda l-impriża li l-kontribuzzjoni għandha l-għola valur miżjud, bl-ebda mod ma tirriżulta mill-kliem tal-imsemmi punt, li jirrigwarda speċifikament “l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21”, jiġifieri r-rekwiżit li jiġu prodotti provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni fil-mument tat-talba.

152    It-tieni nett, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tikkritika lill-Kummissjoni talli bbażat ruħha fuq approċċ “purament kronoloġiku”, li jwassal biex tkun ikkumpensata l-ewwel impriża li tikkoopera u, b’hekk, tingħata preferenza lill-“kriterju kronoloġiku biss indipendentament mill-livell ta’ valur miżjud tal-kontribuzzjoni”.

153    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 503, 509 u 515 tad-deċiżjoni kkontestata, meta kklassifikat l-impriżi li għamlu talba għal klemenza skont il-faxxex previsti fil-punt 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq l-ordni li fih l-impriżi kienu għamlu t-talbiet tagħhom, iżda ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-kontribuzzjonijiet tagħhom, billi eżaminat, skont il-kundizzjoni prevista fil-punt 21 tal-imsemmija Komunikazzjoni, jekk il-provi prodotti kellhomx valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma’ dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha fil-mument li fih saret kull talba rispettiva.

154    Għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi r-rikorrenti, dan l-approċċ, li jieħu inkunsiderazzjoni kemm l-aspett ratione temporis kif ukoll dak kwalitattiv tal-kontribuzzjoni u li jikkumpensa l-ewwel l-impriża li tissodisfa r-rekwiżiti għat-tnaqqis, jikkonforma mal-għanijiet imfittxija mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, billi jħeġġeġ lill-impriżi li jixtiequ jikkooperaw biex jintervjenu fl-investigazzjoni mill-iktar fis possibbli billi jipproduċu, fl-ewwel talba tagħhom, il-provi kollha li jkollhom. B’mod partikolari, billi jħeġġeġ biex jintlaħaq il-livell ta’ valur miżjud sinjifikattiv sa mill-ewwel talba, huwa jippermetti li jiġi eskluż li l-impriża li tagħmel talba għal klemenza tqassam l-isforz ta’ kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura.

155    It-tielet nett, peress li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tistrieħ fuq approċċ li jeżiġi li tiġi stabbilita ordni kronoloġika preċiża tat-talbiet, li jikkorrispondi għall-għanijiet ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali, l-applikazzjoni tagħha ma għandhiex tvarja skont jekk l-intervall bejn it-talbiet ikunx twil jew qasir. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka l-fatt li, fil-każ preżenti, l-intervall bejn it-talbiet kien ta’ xi ġranet, fil-każ ta’ EKA Chemicals u tagħha, jew saħansitra ta’ xi siegħat ta’ intervall fil-każ tagħha u ta’ Solvay.

156    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ma tistax tinferixxi argument mill-konklużjoni li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke vs Il‑Kummissjoni (T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 127) li tgħid li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-livelli ta’ kooperazzjoni ta’ żewġ impriżi, l-element kronoloġiku ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fis-sitwazzjonijiet fejn l-informazzjoni trażmessa mill-partijiet ikkonċernati kienet ġiet hekk trażmessa f’intervall pjuttost qasir u fi stadju essenzjalment identiku tal-proċedura amministrattiva.

157    Huwa biżżejjed li jitfakkar li l-konklużjoni inkwistjoni tirrigwarda l-punt D tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4) li ma tagħmel ebda riferiment għall-kriterju ta’ preċedenza tal-kooperazzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma impriża oħra, filwaqt li, barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza imsemmija, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni, b’analoġija, tal-punt 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni applikabli fil-kawża preżenti (sentenza Wieland-Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punti 126 u 129).

158    Il-ħames nett, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka r-regoli applikabbli f’ċerti Stati Membri, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li peress li l-programm ta’ klemenza adottat mill-Kummissjoni huwa awtonomu, il-programmi adottati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma jistgħux jinvalidaw l-interpretazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-punti 21 u 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

159    Is-sitt nett, fir-rigward tal-mudell ta’ programm ta’ klemenza mfassal minn netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni f’Settembru 2006, għandu jiġi rrilevat li dan il-mudell, li, b’mod partikolari huwa intiż li jwassal għall-armonizzazzjoni volontarja tal-programmi ta’ klemenza applikati mill-membri tan-netwerk, huwa sussegwenti għall-adozzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u għalhekk ma għandux iservi bħala element effettiv għall-interpretazzjoni tagħha.

160    Fi kwalunkwe każ, il-punt 11 ta’ dan il-mudell, invokat mir-rikorrenti, li jipprovdi li “biex jiġi definit il-livell ta’ tnaqqis xieraq tal-multa, l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-provi jkunu ġew ikkomunikati (kif ukoll l-ordni tal-wasla li fiha l-impriżi jkunu għamlu t-talba tagħhom) u l-valur miżjud globali ta’ dawn il-provi”, ma jeskludi bl-ebda mod l-approċċ applikat mill-Kummissjoni fil-każ preżenti, li huwa bbażat preċiżament fuq dawn il-fatturi. Fir-rigward tat-taħlita preċiża tal-fatturi ratione temporis u kwalitattivi, il-punt 24 tal-istess mudell jipprovdi għall-possibbiltà “li dawn il-parametri jiġu magħquda b’diversi modi sabiex min jagħmel it-talba jiġi kkumpensat għall-kontribuzzjoni tiegħu”, filwaqt li jenfasizza l-importanza ta’ “distinzjoni netta bejn l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom, sabiex it-talbiet għall-immunità jkunu ħafna iktar attraenti”, ħaġa li ma hijiex inkwistjoni fil-każ preżenti.

161    Finalment, sa fejn ir-rikorrenti tirrileva fir-rikors li hija “stiednet lill-Qorti Ġenerali teżamina ex officio l-possibbiltà tal-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-imsemmija komunikazzjoni fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ ekwita”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-aħħar argument ma jistrieħ fuq l-ebda argument differenti minn dawk eżaminati u miċħuda iktar ’il fuq u, għalhekk, ma jistax jiġi milqugħ.

162    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-valur miżjud superjuri tal-provi prodotti mir-rikorrenti meta mqabbel ma dak tal-provi prodotti minn EKA Chemicals

163    Ir-rikorrenti ssostni li, li kieku l-Kummissjoni interpretat korrettament il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hija bilfors kienet tikkonkludi li r-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li ssodisfat ir-rekwiżiti biex tikseb tnaqqis tal-multa. Il-provi prodotti mir-rikorrenti kkontribwixxew ħafna għall-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni, u, b’mod partikolari, huma ta’ valur miżjud ferm iktar sinjfikattiv minn dawk prodotti minn EKA Chemicals.

164    Mill-eżami tal-ewwel parti tal-motiv preżenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet korretta meta stabbilixxiet l-ordni tal-impriżi li ssodisfaw ir-rekwiżiti biex jiksbu tnaqqis tal-multa, billi eżaminat jekk l-impriża kkonċernata pproduċietx provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, qabel ma dan ir-rekwiżit ma ġie ssodisfat minn impriża oħra.

165    Peress li l-Kummissjoni kkonstatat li l-provi prodotti minn EKA Chemicals bejn id-29 u l-31 ta’ Marzu 2003 kienu ssodisfaw dan ir-rekwiżit, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-parti preżenti tal-motiv, hija korrettament ikklassifikatha bħala l-ewwel impriża fis-sens tal-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, indipendentament mill-valur tal-kontribuzzjonijiet li saru sussegwentement, inlużi fosthom dik tar-rikorrenti.

166    Għalhekk, it-tieni parti tal-motiv ma tistax tiġi milqugħa.

 Fuq it-tielet parti, ippreżentata sussidjarjament, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ valur miżjud sinjifikattiv tal-elementi prodotti minn EKA Chemicals

167    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt meta kkunsidrat li l-elementi prodotti minn EKA Chemicals bejn id-29 u l-31 ta’ Marzu 2003 kienu kkontribwixxew “valur miżjud sinjifikattiv” fis-sens tal-punti 21 sa 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Skont ir-rikorrenti, dawn l-elementi ma jagħmlu xejn iktar milli jikkorraboraw l-elementi prodotti minn Degussa, u jirrigwardaw essenzjalment is-suq Skandinavu u l-laqgħat bilaterali mill-bidu tal-ksur, qabel ma kienu ġew implementati r-“regoli tal-logħba” tal-akkordju multilaterali inkwistjoni.

168    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri ta’ akkordju, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, madankollu hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża speċifika. Għaldaqstant, żball manifest ta’ evalwazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni biss jista’ jiġi ċċensurat (ara s-sentenza Wieland-Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punt 124, u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kkonstatat li EKA Chemicals kienet ipproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma’ dawk li diġà kienu jinsabu fil-pussess tagħha fid-data tal-kontribuzzjoni inkwistjoni (premessa 503 tad-deċiżjoni kkontestata).

170    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 506 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li EKA Chemicals ipprovdiet dokumenti ta’ dak iż-żmien, fir-rigward ta’ ċerti laqgħat u kuntatti oħrajn ta’ natura kollużorja, relatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni u li kellhom effett dirett fuq l-istabbiliment tat-tul tal-akkordju, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u l-14 ta’ Ottubru 1997, kif ukoll provi li jikkonfermaw u jikkompletaw dawk prodotti minn Degussa, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-14 ta’ Ottubru 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1999.

171    Fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ ksur uniku li seħħ fil-livell taż-ŻEE, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-informazzjoni ta’ EKA Chemicals ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li din kienet tikkonċerna prinċipalment is-suq Skandinavu. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li EKA Chemicals bagħtet informazzjoni fuq kuntatti skambjati mal-manifatturi tal-“kontinent” u li, barra minn hekk, ċertu aġir li jikkostitwixxi ksur kien jirrigwarda, mingħajr distinzjoni, kemm is-swieq Skandinavi kif ukoll dak “kontinentali” (ara, b’mod partikolari, il-premessi 106 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

172    Sussegwentement, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-kontribuzzjoni ta’ EKA Chemicals kienet sostanzjalment tirrigwarda l-perijodu inizjali tal-akkordju ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta l-valur miżjud sinjifikattiv tagħha. Għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti minn EKA Chemicals ippermettew lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-bidu tal-akkordju għall-31 ta’ Jannar 1994 u li tistabbilixxi l-fatti relatati mal-perijodu inizjali tal-akkordju, bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u l-14 ta’ Ottubru 1997. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, dawn l-elementi ma humiex limitati li jikkorraboraw l-informazzjoni li diġà kellha l-Kummissjoni fil-mument tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 506 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontribuzzjoni ta’ EKA Chemicals kienet tinkludi elementi li jikkorraboraw u jikkompletaw dawk prodotti minn Degussa għall-perijodu sussegwenti, bejn l-14 ta’ Ottubru 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1999.

173    Peress li din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkundizzjonata mill-valur tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti, din tal-aħħar ma tistax validament tikkontestaha billi ssostni li pproduċiet elementi iktar iddettaljati dwar il-mekkaniżmu preċiż tat-tħaddim tal-akkordju inkwisjoni għall-perijodi kkonċernati.

174    Fl-aħħar nett, il-valur miżjud sinjifikattiv tal-elementi prodotti minn EKA Chemicals lanqas ma jista’ jiġi kkonfutat mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-numru, allegatament baxx, ta’ premessi tad-deċiżjoni kkontestata li fihom intużaw dawn l-elementi.

175    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jurux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta kkonkludiet li EKA Chemicals kienet ipproduċiet provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv, fis-sens tal-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, qabel id-data tat-talba għal klemenza mressqa mir-rikorrenti.

176    Għaldaqstant it-tielet parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, imressqa b’mod iktar sussidjarju, ibbażata fuq tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

177    Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-linji gwida, il-Kummissjoni messha tatha tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa abbażi tal-kontribuzzjoni effettiva tagħha, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, sabiex jiġi rifless il-“valur ġust” tal-kontribuzzjoni tagħha, fid-dawl tan-natura manifestament insuffiċjenti tat-tnaqqis mogħti b’applikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni.

178    Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li fir-rigward tal-ksur li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, bħala prinċipju, il-persuna kkonċernata ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad tal-kooperazzjoni tagħha inkwantu ċirkustanza attenwanti, lil hinn mill-kuntest legali tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 586, u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Fil-kawża preżenti, din il-kunsiderazzjoni tgħodd iktar u iktar peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tar-rikorrenti, billi naqqset l-ammont tal-multa skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi validament ikkritikata talli ma applikatx tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni.

180    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza ta’ allegati ċirkustanzi li jiġġustifikaw deroga minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, billi ssostni li l-valur tal-kontribuzzjoni tagħha ttieħed biss parzjalment inkunsiderazzjoni skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tat lir-rikorrenti t-tnaqqis massimu ta’ 30 % fi ħdan il-faxxa li kienet applikabbli għaliha skont il-punt 23 tal-imsemmija komunikazzjoni, u dan minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet ikkomunikat elementi addizzjonali biss fis-26 ta’ Mejju 2003, diversi ġimgħat wara t-talba inizjali tagħha, limitati għal tlettax–il anness li jindikaw li kienu jinkludu dokumenti dwar l-akkordju inkwistjoni (premessi 510 u 513 tad-deċiżjoni kkontestata).

181    Għalhekk, peress li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti ġiet ikkumpensata bi tnaqqis massimu fi ħdan il-faxxa applikabbli skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hija ma tistax, fi kwalunkwe każ, titlob validament tnaqqis addizzjonali minħabba l-istess kooperazzjoni, abbażi tal-linji gwida.

182    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

183    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-talba ppreżentata sussidjarjament, intiża għat-tibdil tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, peress li l-ebda element invokat fil-kawża preżenti ma kien ta’ natura tali li jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa, ma hemmx lok li tilqa’ din it-talba fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

184    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

185    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tiflfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Arkema France SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vadapalas

Prek

Dittrich

Truchot

 

      O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltŕ tal-ksur imwettaq minn sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-allegat ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq minn sussidjarja tagħha

Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt relatati mal-imputazzjoni tal-ksur fuq Total u fuq Elf Aquitaine

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward taż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba l-effett disważiv

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward taż-żieda tal-multa minħabba r-reċidiva

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ ċertezza legali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tat-tnaqqis tal-multa abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-valur miżjud superjuri tal-provi prodotti mir-rikorrenti meta mqabbel ma dak tal-provi prodotti minn EKA Chemicals

Fuq it-tielet parti, ippreżentata sussidjarjament, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ valur miżjud sinjifikattiv tal-elementi prodotti minn EKA Chemicals

Fuq ir-raba’ parti, imressqa b’mod iktar sussidjarju, ibbażata fuq tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.