Language of document : ECLI:EU:T:2010:389

Kawża T-193/06

Télévision française 1 SA (TF1)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ċinematografika u awdjoviżiva — Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet — Rikors għal annullament — Nuqqas ta’ impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 88(2) u (3) KE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors ta’ impriża kompetitriċi li ma jiġġustifikax impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq — Inammissibbiltà

(Artikolu 88(2) u (3) KE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

1.      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet indirizzati lilha jew kontra d-deċiżjonijiet li għalkemm meħuda fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 88(3) KE, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Huwa biss fil‑kuntest ta’ din l‑aħħar fażi tal‑eżami, li hija intiża sabiex il‑Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id‑dettalji kollha tal‑kawża, li t‑Trattat jobbliga lill‑Kummissjoni tintima lill‑persuni interessati sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom.

Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza ta’ din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja. Għal dawn ir-raġunijiet, din tiddikjara ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, ippreżentat minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors jkun li, b’dan il-mod, tħares id-drittijiet proċedurali tagħha taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

Tali persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, huma l‑persuni, l‑impriżi jew l‑assoċjazzjonijiet li jistgħu jiġu affettwati fl‑interessi tagħhom permezz tal‑għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l‑impriżi li jikkompetu mal‑benefiċjarji ta’ din l‑għajnuna u l‑organizzazzjonijiet professjonali.

(ara l-punti 64, 69-71)

2.      Individwi oħra apparti d-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment fil-każ biss li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal kif ikunu d-destinatarji ta’ tali deċiżjoni.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, meta r-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din il-persuna jkollha tipprova li hija għandha status partikolari, b’mod partikolari, li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fil-konfront tal-impriża benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, iżda għandha turi, minbarra dan, il-kobor tal-preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha fis-suq.

(ara l-punti 66, 72, 76-78)