Language of document : ECLI:EU:T:2011:278

Kawża T-192/06

Caffaro Srl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Multi — Preskrizzjoni — Trattament differenzjat — Tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat għall-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 5(d))

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Parteċipazzjoni allegatament forzata – Sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 5(d))

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

4.      Kompetizzjoni — Multi — Impożizzjoni — Neċessità li l-impriża tkun ibbenefikat mill-ksur — Assenza — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Ineżistenza ta’ benefiċċju

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 5(d))

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-fattur ta’ dissważjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’diversi kategoriji

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu bħala mezz ta’ prova ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Difetti li jaffettwaw lil din id-deċiżjoni

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Artikolu 81(1) KE)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji – Ċirkustanzi attenwanti – Evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3, it-tieni inċiż)

1.      Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni ta’ sorveljanza li d-dritt tal-Unjoni jagħtiha. Din il-funzjoni tinkludi d-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u li tiggwida f’dan is-sens l-imġiba tal-impriżi.

Il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tiggwida l-imġiba tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jfissirx li hija ma tistax iżżid, f’kull waqt, dan il-livell sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jeżisti, għal raġuni iktar qawwija, fil-kuntest tal-possibbiltà, f’ċerti każijiet, li timponi multa msejħa “simbolika”, li l‑Kummissjoni rriżervat għaliha fil-punt 5(d) tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, jew li ma timponix multa.

(ara l-punti 37-39)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-fatt li tkun aġixxiet f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika ma jikkostitwixxix, bħala tali, ċirkustanza li tista’ teskludi r‑responsabbiltà ta’ parti f’akkordju. Tali ċirkustanza lanqas ma għandha neċessarjament tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

Impriża li tipparteċipa f’laqgħat li għandhom skop antikompetittiv, anki jekk taħt il-pressjoni ta’ parteċipanti oħra li għandhom saħħa ekonomika ikbar, għandha dejjem il-possibbiltà li tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni sabiex tirrapporta l-attivitajiet antikompetittivi inkwistjoni minflok ma tkompli bil-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat. Fil-fatt, anki jekk wieħed jissoponi li impriża kellha pressjoni sabiex taderixxi għall-akkordju, hija setgħet dejjem tinforma lill-awtoritajiet kompetenti, minflok ma ssir parti f’dan l-akkordju.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, la l-allegata sitwazzjoni ta’ dipendenza fuq parti oħra għall-ftehim u lanqas il-pożizzjoni minaċċanti allegatament adottata minn din tal-aħħar ma għandhom jikkaratterizzaw sitwazzjoni li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħala ċirkustanza attenwanti.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex, a fortiori, tkun marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-istess elementi għall-finijiet ta’ deċiżjoni li ma tiġix imposta multa jew li tiġi imposta biss multa simbolika.

(ara l-punti 41-44)

3.      Prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza possibbli ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li huwa ftit probabbli li ċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi. Dan il-prinċipju japplika wkoll fir-rigward ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li fihom hija ma tkunx imponiet multa jew tkun imponiet biss multa simbolika.

F’dan il-kuntest, jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni hija marbuta tosserva l‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ma tistax tittratta sitwazzjonijiet simili b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

(ara l-punti 46, 47)

4.      Il-fatt li impriża ma kisbet l-ebda vantaġġ minn ksur tal-Artikolu 81 KE ma jistax jostakola l-impożizzjoni ta’ multa, altrimenti din titlef in-natura dissważiva tagħha. Minn dan isegwi li, sabiex tiffissa l-multi, il-Kummissjoni la hija marbuta tistabbilixxi li l-ksur ikun wassal għal vantaġġ illegali lill-impriżi kkonċernati u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, in‑nuqqas ta’ benefiċċju miksub mill-ksur inkwistjoni.

In-nuqqas ta’ tali benefiċċju ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa ċirkustanza attenwanti li tista’ titqies fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, u, għalhekk, ma jikkostitwixxix motiv li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa simbolika. Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, fil-prinċipju, fir-rigward tal-fatt li impriża pparteċipat f’kollużjoni mal-kompetituri tagħha kontra l-interessi ekonomiċi tagħha u li hija sostniet, konsegwentement, l-effetti negattivi ta’ din il‑kollużjoni, peress li tali ċirkustanza, anki jekk titqies stabbilita, lanqas ma tikkostitwixxi element li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti u, a fortiori, bħala ċirkustanza li tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa simbolika.

Impriża li tkompli tiftiehem mal-kompetituri tagħha fuq il‑prezzijiet, minkejja l-allegata ħsara li hija ssostni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li wettqet ksur inqas gravi minn dak ta’ impriżi oħra involuti wkoll fil-kollużjoni.

(ara l-punti 59-62)

5.      L-impożizzjoni tal-multa fuq impriża li pparteċipat f’akkordju illegali ma tistax titiqies ineffikaċi biss minħabba l-fatt li hija ma toperax iktar fis-suq ikkonċernat mingħajr madankollu ma tkun waqqfet kull attività ekonomika. Fil-fatt, il-fattur ta’ dissważjoni huwa evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata.

Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni ma tinkludix l-evalwazzjoni tal-probabbiltà li l-impriża inkwistjoni terġa’ twettaq ksur. Fil-fatt, it-tfittxija tal-effett dissważiv ma tipprevedix biss l-impriżi speċifikament previsti mid-deċiżjoni li timponi multi, u dan inkwantu l-impriżi ta’ daqs simili u li għandhom riżorsi analogi għandhom ukoll jiġu inċitati sabiex jastjenu milli jipparteċipaw fi ksur simili tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tal-għan ta’ repressjoni, il-fatt li l‑waqfien tal-attivitajiet kummerċjali fis-suq ikkonċernat ikollu l-konsegwenza li l-impriża taħrab l-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur imwettaq huwa kuntrarju għal dan l-għan.

(ara l-punti 66, 67, 69, 70)

6.      It-tqassim ta’ membri ta’ akkordju f’kategoriji, sabiex isir trattament differenzjat fl-istadju tal-iffissar tal-ammonti inizjali tal-multi, għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonali meta mqabbel mal-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur.

Il-fatt li fil-kuntest ta’ trattament differenzjat tiġi stabbilita sena ta’ referenza differenti għal membru tal-akkordju ma jwassalx, fih innifsu, għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Ċertament, minn naħa, l-użu ta’ sena ta’ referenza komuni għall-impriżi kollha li pparteċipaw fl-istess ksur jiżgura lil kull impriża li din tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-oħrajn, inkwantu s-sanzjonijiet jiġu ddeterminati b’mod uniformi u, min-naħa l-oħra, l-għażla tas-sena ta’ referenza li tagħmel parti mill-perijodu ta’ ksur tippermetti l-evalwazzjoni tal-estent tal-ksur imwettaq fid-dawl tar-realtà ekonomika kif kienet tidher matul dan il-perijodu.

Madankollu, ma jirriżultax li l‑għażla tas-sena komuni tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ determinazzjoni tas-sanzjonijiet b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ legalment tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal impriża partikolari, is-sena ta’ referenza komuni tkun barra mill-perijodu ta’ ksur stabbilit fir-rigward tagħha u ma tikkostitwixxix għalhekk indikazzjoni utli tal-piż individwali tagħha meta sar il-ksur u, minħabba f’hekk, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ sena differenti mis-sena ta’ referenza komuni, kemm-il darba t-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji jibqa’ koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

Fil-fatt, huwa fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet analogi li għandha ssir l-għażla ta’ sena finanzjarja ta’ referenza differenti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fir-rigward ta’ impriża li ma għadhiex attiva fis-suq matul is-sena finanzjarja stabbilita għall-partijiet l-oħra fl-akkordju, li għalhekk ma tikkostitwixxix indikazzjoni affidabbli tas-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha.

(ara l-punti 83, 87-91)

7.      Id‑dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata, li l-eżattezza tagħha tkun ikkontestata minn impriżi oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr is-sostenn ta’ provi oħra.

(ara l-punt 116)

8.      Sa fejn ċerti raġunijiet ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huma, fihom infushom, ta’ natura li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod sodisfaċenti skont il-liġi, id-difetti li jistgħu jkunu marbuta ma’ raġunijiet oħra tal-att huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-parti operattiva tagħha.

(ara l-punt 124)

9.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, minkejja li l-Kummissjoni hija marbuta tipprovdi lill-impriża involuta f’investigazzjoni ċerti elementi ta’ informazzjoni, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, dan l-obbligu jipprevedi l-informazzjoni mogħtija lill-impriża kkonċernata, fl-istadju tal-ewwel miżura meħuda fir-rigward tagħha. Għalhekk, id-drittijiet tad-difiża ta’ impriża ma jkunux inkisru minħabba informazzjoni tardiva meta din l-impriża tkun ġiet informata bl-investigazzjoni li tkun għaddejja, b’mod adegwat, fl-istadju ta’ talba għal informazzjoni, jekk din tikkostitwixxi l-ewwel miżura meħuda fil-konfront tagħha.

(ara l-punti 162, 163)

10.    Mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jirriżultax li l‑Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 tagħhom. Minkejja li ċ-ċirkustanzi elenkati huma ċertament fost dawk li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’każ partikolari, din tal-aħħar ma hijiex obbligata li tikkonċedi tnaqqis addizzjonali fuq din il-bażi b’mod awtomatiku, meta impriża tressaq provi ta’ natura li jindikaw il-preżenza ta’ waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi.

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura mandatorja fil-linji gwida fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il‑Kummissjoni żżomm marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l‑estent ta’ tnaqqis possibbli tal-ammont tal-multi, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi attenwanti kollha li jikkaratterizzaw il-każ partikolari.

(ara l-punti 173, 174)

11.    Sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża għandhiex tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ ftehim ta’ ksur, skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji ta’ Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għandu jiġi vverifikat jekk l-impriża ressqitx argumenti ta’ natura li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet għall-ftehim ta’ ksur, hija fil-fatt naqset milli tapplikahom billi adottat imġiba kompetittiva fis-suq jew, tal-inqas, li hija kisret b’mod ċar u sostanzjali l-obbligi intiżi sabiex jimplementaw dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet il-funzjonament stess ta’ dan l-akkordju.

(ara l-punt 178)