Language of document : ECLI:EU:T:2011:279

Kawża T-194/06

SNIA SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Assorbiment ta’ kumpannija responsabbli mill-ksur — Drittijiet tad-difiża — Konkordanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija parent u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81 KE)

2.      Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Ksur – Imputazzjoni – Persuna ġuridika responsabbli għat-tmexxija tal-impriża matul il-ksur – Tmiem

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Proċedura – Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Motiv ġdid – Kunċett

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Deċiżjoni li ma hijiex identika għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Kundizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

1.      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur, hemm preżunzjoni sempliċi li l-imsemmija soċjetà parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-imġiba tas-sussidjarja tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ kumpannija sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Imbagħad, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma ġġibx provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

(ara l-punti 49, 50)

2.      Meta entità li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil ġuridiku jew organizzattiv, dan it-tibdil ma għandux neċessarjament l-effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà għall-ksur jekk, mill-perspettiva ekonomika, ikun hemm identiċità bejn iż-żewġ entitajiet.

Fil-fatt, jista’ jirriżulta meħtieġ, għall-finijiet tal-implementazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni, li r-responsabbiltà tiġi imputata lill-utent ġdid tal-impriża li tkun wettqet il-ksur, fil-każ fejn dan jista’ jiġi effettivament ikkunsidrat li huwa s-suċċessur tal-utent inizjali.

Dan il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” huwa applikabbli f’ċirkustanzi partikolari, bħal dawk partikolarment tal-każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli mill-użu tal-impriża ma tkunx baqgħet ġuridikament teżisti wara t-twettiq tal-ksur jew tal-każ tar-ristrutturazzjoni interna ta’ grupp, fid-dawl tar-rabtiet strutturali bejn l-utent inizjali u l-utent il-ġdid tal-impriża, meta l-utent il-ġdid ma jiqafx neċessarjament milli jkollu eżistenza ġuridika, iżda ma jibqax jeżerċita attività ekonomika notevoli fis-suq ikkonċernat.

Impriża ma tistax validament tibbaża ruħha fuq il-fatt li, minkejja l-amalgamazzjoni tagħha ma’ waħda mill-kumpanniji li jikkostitwixxu l-entità ekonomika responsabbli għal ksur, hija, fir-realtà, ma assumietx l-elementi materjali u umani li wasslu għat-twettiq tal-ksur. Fil-fatt, meta impriża inkwistjoni ma tibqax teżisti minħabba l-fatt li din tkun ġiet assorbita minn akkwirent, dan tal-aħħar jassumi l-attivi u l-passivi tagħha, inklużi r-responsabbiltajiet tagħha minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża assorbita tista’ tiġi imputata lill-akkwirent.

(ara l-punti 56-58, 61-62)

3.      Huwa prekluż li jiġu ppreżentati motivi ġodda matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv espost preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

(ara l-punt 73)

4.      Il-garanzija proċedurali prevista mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, tapplika l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontra din l-impriża, bħall-fatti allegati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija kontra tagħha.

Madankollu, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li saret fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tkun biss, bħala definizzjoni, provviżorja, u deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata biss għar-raġuni li l-konklużjonijiet definittivi li saru minn dawn il-fatti ma jikkorrispondux b’mod preċiż għal din il-klassifikazzjoni intermedjarja. Billi tippreċiża, b’mod leġittimu, din il-klassifikazzjoni fid-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tagħti importanza ikbar lill-elementi li qabel hija tkun ikkunsidrat sekondarji, bil-kundizzjoni, madankollu, li hija tikkunsidra biss fatti li dwarhom il-partijiet interessati kellhom l-okkażjoni jesprimu ruħhom u li hija tkun ipprovdiet, matul il-proċedura amministrattiva, l-elementi neċessarji għad-difiża. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tisma’ lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom intiżi sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet billi timmodifika l-analiżi tagħha, proprju sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Deċiżjoni bbażata fuq elementi essenzjali li fir-rigward tagħhom l-impriża kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura d-difiża tagħha għandha tiġi annullata, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk ir-responsabbiltà tal-impriża tistax tirriżulta minn elementi oħra.

(ara l-punti 79-81, 87)