Language of document : ECLI:EU:T:2011:277

Kawża T-191/06

FMC Foret, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Tul tal-ksur — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Drittijiet tad-difiża — Multi — Ċirkustanzi attenwanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Kunċett — Qbil tal-intenzjonijiet fir-rigward tal-aġir li għandu jiġi adottat fis-suq — Inklużjoni

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Komunikazzjoni ta’ informazzjoni sabiex jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma — Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftiehma” — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu bħala mezz ta’ prova ta’ dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni minn impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

5.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Prova unika — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

6.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Indizji prodotti mill-Kummissjoni — Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom għan antikompetittiv

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Dikjarazzjonijiet ġuramentati u testimonjanzi miġbura matul is-seduti

(Artikolu 81 KE)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Inapplikabbiltà tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Applikabbiltà tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 19(1))

9.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tar-risposti għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kundizzjonijiet — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Determinazzjoni tad-dokumenti utli għad-difiża unikament mill-Kummissjoni — Inammissibbiltà — Esklużjoni mill-fajl tal-proċedura ta’ dokumenti li jiskaġunaw — Illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2))

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel inċiż tal-punt 3)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

1.      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari.

Ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata għadhom is-suġġett ta’ negozjati.

(ara l-punti 97, 98)

2.      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jikkontempla forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li jista’ jew jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella jiżvela lit-tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jadotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

Il-fatt li wieħed jikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tiegħu bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

(ara l-punti 99-101)

3.      Il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, jiġbru taħthom forom ta’ kollużjoni li jikkondividu l-istess karatteristiċi u li jiddistingwu ruħhom minn xulxin biss permezz tal-intensità tagħhom u tal-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom.

Fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li involva l-parteċipazzjoni għal diversi snin ta’ diversi manifatturi bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni ma hijiex mistennija li tikkwalifika l-ksur b’mod preċiż bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE.

Il-kwalifikazzjoni doppja tal-ksur bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi fatti li wħud minnhom ġew ikkwalifikati bħala ftehim u oħra bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix kwalifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless.

(ara l-punti 102-104)

4.      Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi akkużati fil-kuntest ta’ talbiet għal klemenza għandhom jiġu evalwati bi prudenza u, bħala regola ġenerali, ma jistgħux jiġu aċċettati mingħajr konfermi. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata b’parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra

Għall-finijiet tal-eżami tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li għamlu talba għal klemenza, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, l-importanza tal-indizji konkordanti li jsostnu r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ indikazzjoni li dawn kienu jipprovaw jimminimizzaw l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-ksur u jimmassimmizzaw dik tal-impriżi l-oħra.

(ara l-punti 119-121)

5.      Ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli, sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tibbaża ruħha fuq prova dokumentarja waħda, sakemm ma jkun hemm ebda dubju fuq il-valur probatorju ta’ din il-prova u sakemm, waħedha, il-prova inkwistjoni tattesta b’mod ċert l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni.

Għalkemm huwa ċertament minnu li din iċ-ċirkustanza ma tapplikax, bħala regola ġenerali, għas-sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ impriża akkużata, li, sa fejn huma kkontestati minn impriżi kkonċernati oħra, għandhom jiġu kkonfermati bi provi addizzjonali u indipendenti.

Madankollu, fil-każ fejn id-dikjarazzjoni li tkun toriġina minn impriża li tikkoopera tkun partikolarment affidabbli, din il-kunsiderazzjoni tista’ tingħata inqas importanza għaliex, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-livell ta’ konferma meħtieġ huwa inqas, kemm f’termini ta’ preċiżjoni kif ukoll f’termini ta’ intensità.

Fil-fatt, fil-każ fejn serje ta’ indizji konkordanti tippermetti li tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ ċerti aspetti speċifiċi tal-prattika miftiehma msemmija fid-dikjarazzjoni magħmula fil-kuntest tal-kooperazzjoni, din id-dikjarazzjoni tista’ tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex tikkonferma aspetti oħra tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha esklużivament fuq din id-dikjarazzjoni, sakemm ma jkunx hemm dubji dwar il-veraċità ta’ dak li ġie ddikjarat u sakemm l-indikazzjonijiet ma jkunux ta’ natura vaga.

Barra minn hekk, anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ impriża ma hijiex ikkonfermata fir-rigward tal-fatti speċifiċi indikati, din jista’ jkollha ċertu valur probatorju sabiex jiġi kkonfermat il-fatt tal-eżistenza tal-ksur, fil-kuntest ta’ serje ta’ indizji konkordanti adottata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, sa fejn dokument ikun fih informazzjoni speċifika li tikkorrispondi għal dik li tinsab f’dokumenti oħra, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi jistgħu jsaħħu lil xulxin reċiprokament.

(ara l-punti 122-126)

6.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiddeduċi, minn perijodi fejn il-provi huma partikolarment abbundanti, konklużjonijiet fir-rigward ta’ perijodi oħra fejn id-distakk bejn kull prova jista’ jkun ikbar. Għalhekk, għandu jkun hemm spjegazzjoni verament solida sabiex qorti tiġi konvinta li, matul ċerta fażi ta’ serje ta’ laqgħat, seħħew affarijiet totalment differenti minn dawk li seħħew matul laqgħat preċedenti jew sussegwenti, meta dawn il-laqgħat kienu jlaqqgħu l-istess ċirklu ta’ parteċipanti, meta dawn seħħew fil-kuntest ta’ ċirkustanzi esterjuri omoġenei u meta dawn kellhom mingħajr ebda dubju l-istess għan.

Barra minn hekk, ladarba impriża tkun assistiet, anki mingħajr ma kellha rwol attiv, għal laqgħa li matulha ssemmiet prattika miftiehma illegali, hija titqies bħala li pparteċipat għall-imsemmija prattika miftiehma, sakemm hija ma tipprovax li kienet apertament idissassoċjat ruħha minnha jew li hija informat lill-parteċipanti l-oħra li hija kellha l-intenzjoni li tipparteċipa għal-laqgħa inkwistjoni f’perspettiva differenti minn tagħhom.

Ladarba l-Kummissjoni turi l-parteċipazzjoni ta’ impriża għal tali laqgħat illegali, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva.

(ara l-punti 127, 159, 160, 204, 236)

7.      Xhieda mogħtija taħt ġurament quddiem qorti jew, eventwalment, fil-kuntest ta’ inkjesta quddiem prokuratur inkwirenti, jista’ jkollha valur probatorju għoli, fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw fuq il-livell kriminali fir-rigward ta’ xhud li jkun gideb fil-kuntest tal-inkjesta, ħaġa li tagħmel din id-depożizzjoni iktar affidabbli minn sempliċi dikjarazzjoni. Madankollu dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex applikabbli għad-dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ impjegati ta’ impriża ppreżentati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, u lanqas għax-xhieda tagħhom mogħtija matul is-seduta mal-Kummissjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li, sa fejn tali dikjarazzjonijiet saru taħt ġurament, dawn għandhom valur probatorju għoli u li, għalhekk il-Kummissjoni hija obbligata, jekk ikun meħtieġ, li turi li x-xiedha kienu ħatja ta’ sperġur.

(ara l-punti 132, 133)

8.      Matul il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex il-possibbiltà li timponi s-smigħ ta’ persuni inkwantu xhieda taħt ġurament.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata li tisma persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu ta’ interess suffiċjenti biss sa fejn dawn il-persuni effettivament jitolbu li jiġu mismugħa. Għalhekk, hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni raġonevoli sabiex tiddeċiedi dwar l-intesess li jista’ jkollu s-smigħ ta’ persuni li x-xhieda tagħhom tista’ tkun importanti għall-istabbiliment tal-fajl. Fil-fatt, il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża ma tirrikjedix li l-Kummissjoni tisma’ xhieda indikati mill-partijiet ikkonċernati, meta hija tqis li l-investigazzjoni tal-kawża kienet suffiċjenti.

Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Kummissjoni ma hijiex qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u għalkemm il-multi imposti mill-Kummissjoni ma humiex ta’ natura kriminali, xorta jibqa l-fatt li l-Kummissjoni hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva.

Madankollu, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt dwar il-kompetizzjoni ma jipprevedux l-obbligu li l-Kummissjoni ssejjaħ lix-xhieda favur li x-xhiedha tagħhom tkun mitluba, ma jmurx kontra l-imsemmija prinċipji. Fil-fatt, il-Kummissjoni, għalkemm tista’ tisma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi meta hija tqis li dan huwa neċessarju, hija lanqas ma għandha d-dritt li ssejjaħ xhieda kontra mingħajr ma tkun kisbet il-kunsens tagħhom. Peress li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni hija biss ta’ natura amministrattiva, hija ma hijiex obbligata li tipprovdi lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li tagħmel mistoqsijiet lil xhud partikolari u li tanalizza d-dikjarazzjonijiet tiegħu fl-istadju tal-investigazzjoni. Huwa biżżejjed li d-dikjarazzjonijiet użati mill-Kummissjoni jkunu ġew ipprovduti fil-fajl mibgħut lir-rikorrenti, li tista’ tikkuntestahom quddiem il-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 135, 137-139)

9.      Ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma ladarba l-għan antikompetittiv tagħhom huwa stabbilit. Ir-responsabbiltà ta’ impriża partikolari għall-ksur hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’laqgħat waqt li kienet taf l-għan antikompetittiv tagħhom, anke jekk sussegwentement hija ma implementatx xi waħda jew oħra mill-miżuri miftiehma matul dawn il-laqgħat.

(ara l-punti 252, 253)

10.    Id-dritt ta’ aċċess għal fajl, li huwa korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni u li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha.

Dawn jinkludu kemm id-dokumenti kontra kif ukoll id-dokumenti favur, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Fir-rigward tad-dokumenti kontra, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment jista’ jiġi pprovat biss b’riferiment għall-imsemmi dokument. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova li r-riżultat li għalih waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument mhux ikkomunikat kellu jitwarrab bħala prova.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument favur, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi biss li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża tistabbilixxi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti favur għad-difiża tagħha, billi turi, b’mod partikolari, li hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux konformi mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li għalhekk setgħu jinfluwenzaw, b’xi mod, l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni.

(ara l-punti 262-265)

11.    Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn impriżi ma jiffurmawx parti mill-fajl tal-investigazzjoni veru u proprju. Għalhekk, fir-rigward tad-dokumenti li ma jiffurmawx parti mill-fajl miftuħ meta ġiet innotifikata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata li tiżvela l-imsemmija risposti lil impriżi oħra kkonċernati biss jekk jirriżulta li dawn ikunu jinkludu elementi ġodda favur jew kontra.

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-dokumenti favur, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħti aċċess, fuq inizjattiva tagħha stess, għal dokumenti li ma humiex fil-fajl tal-investigazzjoni tagħha u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tuża kontra l-partijiet ikkonċernati fid-deċiżjoni finali. Peress li l-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola ġenerali, obbligata li tiżvela tali dokumenti fuq inizjattiva tagħha stess, impriża ma tistax, bħala prinċipju, validament tinvoka l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ allegati elementi favur li jinsabu fir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ladarba hija ma talbitx aċċess għal dawn ir-risposti matul il-proċedura amministrattiva.

Peress li l-argumentazzjoni tal-impriża rikorrenti hija intiża li tistabbilixxi li l-Kummissjoni kellha tikkonstata l-preżenza ta’ elementi favur fir-risposti inkwistjoni u, għaldaqstant, tikkomunikahom lir-rikorrenti fuq inizjattiva tagħha stess, hija din l-impriża li, fil-kuntest ta’ tali argumentazzjoni, għandha tipprovdi l-ewwel indizju tal-utilità, għad-difiża tagħha, tar-risposti kkonċernati. Hija għandha, b’mod partikolari, tindika l-eventwali elementi favur inkwistjoni jew tipprovdi indizju li juri l-eżistenza tagħhom u, għaldaqstant, l-utilità tagħhom għall-bżonnijiet tal-kawża.

Barra minn hekk, filwaqt li hija obbligata tiżvela lill-impriżi kkonċernati s-siltiet tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jinkludu kull indikazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ element kontra, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li testendi dan l-iżvelar għas-siltiet l-oħra tar-risposta inkwistjoni, li ma għandhom ebda konnessjoni mal-element invokat.

(ara l-punti 266, 267, 290, 292, 296, 297)

12.    Sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, il-fajl stabbilit mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura amministrativa fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jinkludi l-elementi rilevanti kollha miksuba matul l-investigazzjoni. B’mod partikolari, għalkemm huwa ċertament minnu li hija tista’ teskludi mill-proċedura amministrattiva l-elementi li ma għandhom ebda relazzjoni mal-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li huma, konsegwentement, irrilevanti għall-investigazzjoni, madankollu l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiddetermina, waħedha, id-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata.

Il-Kummissjoni ma tosservax dawn ir-rekwiżiti meta teskludi mill-fajl dokument li jinvolvi traskrizzjoni tad-dikjarazzjoni orali magħmula minn impriża dwar fatt li jikkostitwixxi ksur, filwaqt li d-dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-istess impriża fir-rigward ta’ dan l-istess fatt tintuża inkwantu element rilevanti għall-investigazzjoni.

Madankollu, tali irregolarità tista’ taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss jekk din tista’ tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni bi ħsara għall-impriża kkonċernata, li hija obbligata li turi li hija setgħet tuża d-dokument favur mhux żvelat sabiex tiddefendi ruħha, u b’mod partikolari li hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li għalhekk setgħu jinfluwenzaw, b’xi mod, l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 306-308)

13.    Il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika responsabbli għall-ksur issanzjonat. Min-naħa l-oħra, jekk sadanittant din l-unità ekonomika tkun waqfet, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li jeżiġi li l-limitu inkwistjoni jiġi applikat fil-konfront tiegħu b’mod individwali.

(ara l-punt 324)

14.    Meta impriża ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkonċedilha l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti abbażi tar-rwol passiv jew emulattiv tagħha fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li din l-impriża ma invokatx b’mod espliċitu r-rwol passiv tagħha matul il-proċedura amministrattiva ma jaffettwax l-ammissibbiltà tal-ilment tagħha.

Fil-fatt, minn naħa, l-impriżi destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma humiex obbligati li jitolbu speċifikatament li jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti. Min-naħa l-oħra, meta ksur twettaq minn diversi impriżi, il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom, sabiex tiddetermina jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, b’mod partikolari meta inkwistjoni jkun hemm ċirkustanza attenwanti espliċitament imsemmija fil-lista mhux eżawrjenti li tinsab fil-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA.

(ara l-punti 329, 330)

15.    Ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv ta’ impriża fit‑twettiq ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jista’, jekk ikun stabbilit, jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, fid‑dawl tal-fatt li dan ir-rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ profil baxx mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ ftehim antikompetittiv.

Fost l-elementi li jistgħu juru r-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni kemm in-natura ħafna iktar sporadika tal‑parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri normali tal-akkordju, kif ukoll il-fatt li daħlet tard fis-suq li kien is‑suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal‑parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew saħansitra l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw fil-ksur. F’kull każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża inkwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti.

F’dan ir-rigward, ladarba l-Kummissjoni stabbilixxiet, suffiċjentement skont il-liġi, li impriża kienet rappreżentata jew informata f’dak li jirrigwarda l-parti l-kbira tal-laqgħat kollużorji msemmijin mid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li din l-impriża ma pparteċipatx fiżikament għal ċerti laqgħat, iżda ġiet informata dwarhom bit-telefown, imur id f’id man-natura klandestina tal-iżvolġiment tagħhom u bl-ebda ma huwa prova li l-impriża kellha rwol esklużivament passiv jew emulattiv.

(ara l-punti 331-333, 337)

16.    Skont it-termini tat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew tal-prattiċi illeċiti jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, dejjem sakemm l-impriża inkwistjoni tipprova li, matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim li jikkostitwixxu ksur, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementhom billi adottat aġir kompetittiva fis-suq jew, minn tal-anqas, li b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju.

Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim mal-kompetituri tagħha hija stabbilita, ma ġabitx ruħha fis-suq b’mod konformi mal-aġir miftiehem mal-kompetituri tagħha, billi segwiet politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq, ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Ma jistax jiġi eskluż li din l-impriża ppruvat sempliċement tinqeda bl-akkordju favuriha.

(ara l-punti 345, 346)