Language of document : ECLI:EU:T:2011:378

Kawża T-190/06

Total SA et Elf Aquitaine SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur — Drittijiet tad-difiża — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Prinċipju ta’ legalità tad-delitti u l-pieni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Ċertezza legali — Użu ħażin ta’ poter — Multi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata

(Arikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni — Deċiżjoni li tikkonċerna diversi destinatarji

(Arikoli 81 KE u 82 KE u 253 KE)

5.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti – Imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja lill-impriża waħda fformata minn din tal-aħħar u l-kumpannija parent tagħha — Nuqqas ta’ konoxxenza, mill-kumpannija parent, tal-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur — Esklużjoni

(Arikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ammonti diġà imposti minħabba attivitajiet antikompetittivi oħra — Assenza

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      L-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-Artiolu 81 KE, u dan jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni iuris tantum li l-imsemmija kumpannija teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital azzjonarju kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

L-istruttura tal-pussess tal-kapital ta’ kumpannija sussidjarja tikkostitwixxi kriterju suffiċjenti sabiex issir dik il-preżunzjoni, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tressaq indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent. Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill-fatt li dawk l-indizji supplimentari setgħu jiġu rrilevati f’kawżi oħra. Fil-fatt, l-implementazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ tali indizji. Bl-istess mod, ma huwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi għal dan il-għan li l-kumpannija parent kienet taf, fil-mument meta seħħew il-fatti, bl-aġir illeċitu tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

Meta l-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni li timponi multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kontroll tal-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu tal-kumpannija sussidjarja kien suffiċjenti, fin-nuqqas ta’ argument li jikkonfuta l-preżunzjoni riżultanti, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli, u li indizji supplimentari ta’ influwenza eżerċitata minn ċerti kumpanniji parent ikkonċernati fuq is-sussidjarji tagħhom issemmew, meta kienu disponibbli, jew biex tiġi msaħħa l-konklużjoni li tirriżulta diġà validament tal-kontroll totali tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jew b’risposta għall-argumenti mressqa mill-impriżi kkonċernati, il-fatt li, fir-rigward ta’ ċerti destinatarji tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet invokat, minbarra l-preżunzjoni, ċerti indizji supplimentari tal-influwenza determinanti eżerċitata minn kumpanniji parent ma jfissirx li l-prinċipji applikati ma kinux l-istess għad-destinatarji kollha, u li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 35-38, 49, 50, 190, 196)

2.      Meta l-Kummissjoni tapplika l-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti bil-għan li kumpannija parent tiġi imputata bl-aġir tas-sussidjarja tagħha li jkun jikkostitwixxi ksur, hija l-kumpannija parent li għanda tipproduċi provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-elementi kollha pertinenti fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dik il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ. B’mod partikolari, ma hemmx lok li din l-evalwazzjoni tiġi limitata għall-elementi marbuta mal-politika kummerċjali stricto sensu tal-kumpannija sussidjarja, bħall-istrateġija tad-distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, il-preżunzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkonfutata biss billi jintwera li hija l-kumpannija sussidjarja li tiġġestixxi dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi struzzjonijiet f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, għalkemm il-fatt li wħud mid-diretturi tal-kumpannija parent u tal-kumpannija sussidjarja huma l-istess jikkostitwixxi indizju tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, in-nuqqas ta’ tali sovrapożizzjoni ma jistax jikkostitwixxi indizju suffiċjenti tal-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja.

Iċ-ċirkustanza waħeda li l-kumpannija parent hija holding mhux operattiva ma hijiex suffiċjenti biex jiġi eskluż li hija eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, billi kkoordinat b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Effettivament, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding hija kumpannija intiża biex tiġbor flimkien l-ishma f’diversi kumpanniji u li l-funzjoni tagħha hi li tiżgura l-unità fit-tmexxija.

Barra minn hekk, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, it-tqassim tal-kompiti jikkostitwixxi fenomenu normali li ma huwiex biżżejjed biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li l-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 81 KE. L-istess jgħodd fir-rigward tal-fatt li sussidjarja kienet tintervjeni fis-suq f’isimha u akkont tagħha stess, u mhux bħala rappreżentanta tal-kumpanniji parent tagħha. L-ebda konklużjoni ma tista’ tiġi dderivata mill-fatt li kumpannija parent qatt ma kellha klijenti komuni mal-kumpannija sussidjarja tagħha, li hija kienet assenti mis-swieq li investiet fihom il-kumpannija sussidjarja tagħha u swieq relatati, li l-attività relatata mal-prodotti kkonċernati kienet biss parti żgħira tal-fatturat globali tal-kumpannija parent tagħha u li dawk il-prodotti kienu jirrappreżentaw biss uħud min-numru ferm kbir ta’ prodotti tal-attività tas-sussidjarja tagħha.

Barra minnhekk, peress li l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja ma tiġix evalwata biss fir-rigward tal-aspetti tal-ġestjoni operattiva tal-impriża, il-fatt li dik is-sussidjarja qatt ma implementat, favur il-kumpannija parent tagħha, politika ta’ informazzjoni speċifika fis-suq ikkonċernat ma hijiex suffiċjenti biex turi l-awtonomija tagħha. Bl-istess mod, il-fatt li impriża ma tippreżentax ruħha bħala interlokutriċi unika, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll fl-istadju litiġjuż, ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li l-kumpannija sussidjarja kkonċernata hija awtonoma fil-konfront tal-kumpannija jew kumpanniji parent tagħha.

Barra minn hekk, ma huwiex l-involviment dirett tal-kumpannija parent fil-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda l-fatt li huma jikkostitwixxu impriża waħda, li jawtorizza lill-Kummissjoni li żżomm lil din tal-ewwel responsabbli għall-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant, tali imputazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-kumpannija parent ma ġietx informata mis-sussidjarja tagħha u saret taf bl-eżistenza tal-akkordju inkwistjoni biss wara l-verifiki li saru mill-Kummissjoni fil-bini tal-kumpannija sussidjarja.

Finalment, il-perċezzjoni ta’ terzi fir-rigward tal-immaġni ta’ kumpannija ma hijiex biżżejjed fiha nfisha biex turi li kumpannija sussidjarja hija awtonoma fil-konfront tal-kumpannija jew kumpanniji parent tagħha.

(ara l-punti 55-57, 65, 68, 71-73, 75, 76, 78)

3.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha. B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li kontriha jistgħu jiġu imposti multi, din għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar u għandha tindika f’liema kwalità din il-persuna ser tiġi akkużata bil-fatti allegati. B’hekk, kemm-il darba l-kumpannija li kontriha tiġi invokata l-preżunzjoni inkwistjoni tkun tista’, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u matul is-seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta, tippreżenta l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi sabiex tikkontesta dik il-preżunzjoni u kemm-il darba l-Kummissjoni tkun obbligata li tieħu f’kunsiderazzjoni dawk l-elementi sabiex, jekk ikun il-każ, tabbanduna l-ilmenti li jirriżultaw li kienu infondati, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ikun ġie osservat.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tadotta miżuri ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ impriża qabel tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet meta hija tqis li għandha barra minn hekk informazzjoni li tiġġustifika li tintbagħat tali dikjarazzjoni. Lanqas ma jirriżulta mill-kodiċi ta’ prattiki tajbin tal-Kummissjoni li din tal-aħħar għandha tindirizza miżuri ta’ investigazzjoni lill-impriżi qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

Finalment, meta l-Kummissjoni tagħmel użu mill-preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq kumpannija sussidjarja, f’każ fejn din ikollha l-ishma azzjonarji kollha jew kważi kollha tagħha, sabiex iżżommha responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra l-kumpannija sussidjarja tagħha, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni żżomm lil dik il-kumpannija parent “ħatja” a priori, għaliex l-imsemmija kumpannija tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq, billi turi l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja tagħha. L-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni f’ebda każ ma tista’ titqies bħala prova ta’ ħtija tal-impriża kkonċernata. Fil-każ kuntrarju, il-ftuħ ta’ kwalunkwe proċedura f’dan il-qasam potenzjalment jista’ jmur kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza.

(ara l-punti 105-107, 118, 120, 125-127)

4.      Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

Meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli in solidum għall-ksur, tali deċiżjoni għandha jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta hija tieħu, fil-kuntest tal-prattika deċiżjonali tagħha, deċiżjoni li tmur sostanzjalment lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. B’hekk ma huwiex biżżejjed, f’każ bħal dan, li tingħata motivazzjoni sommarja, b’mod partikolari b’riferiment għal prattika deċiżjonali stabbilita.

Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha u li l-kumpanniji inkwistjoni ressqu, matul il-proċedura amministrattiva, provi sabiex jikkonfutaw dik il-preżunzjoni, id-deċiżjoni trid tinkludi spjegazzjoni suffiċjenti tal-motivi li jiġġustifikaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li dawn il-provi ma kinux suffiċjenti biex tiġi kkonfutata dik il-preżunzjoni. Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, hija ma tistax tiġi akkużata li ma tatx risposta preċiża għal kull argument invokat minn impriża. In-natura konċiża ta’ motivazzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata mill-fatt li l-argument invokat mill-kumpannija parent ikkonċernata jikkonsisti f’sempliċi affermazzjonijiet u ma kienx issostanzjat minn provi konkreti dwar ir-rabtiet bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji kkonċernati matul il-perijodu tal-ksur.

(ara l-punti 130, 131, 137, 148-149, 153, 154)

5.      Il-kunċett ta’ impriża jinkludi kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u l-mod ta’ finanzjament tagħha. B’mod partikulari, il-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, dik l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur.

Madankollu, il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jrid jiġi imputat b’mod inekwivoku lil persuna ġuridika li kontriha jistgħu jiġu imposti multi. Għaldaqstant, meta l-eżistenza ta’ tali ksur tkun stabbilita, għandha tiġi ddeterminata l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet responsabbli għall-operat tal-impriża fil-mument meta twettaq il-ksur sabiex hija tirrispondi għal dan. Barra minn hekk, il-prattika tal-Kummissjoni li żżomm lil kumpannija responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ parti mill-multa imposta kontra kumpannija oħra, meta l-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar ikun jista’ jiġi imputat lilha, hija konformi mal-Artikolu 23(2), tar-Regolament Nru 1/2003. F’tali ipoteżi, il-kumpannija inkwistjoni hija kkundannata biex tħallas multa għal ksur li hija titqies li wettqet permezz ta’ din l-imputazzjoni.

Għaldaqstant, il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni tidentifika persuni ġuridiċi differenti li għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa ma huwiex inkompatibbli mal-kunċett ta’ impriża. Għall-kuntrarju, dan jikkonsisti f’applikazzjoni eżatta ta’ dak il-kunċett, meta jkun stabbilit li l-impriża inkwistjoni hija, mill-perspettiva ġuridika, ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

Bl-istess mod, ebda ksur tal-kunċett ta’ impriża ma jista’ jiġi dderivat mis-sempliċi fatt li dawk il-persuni ġuridiċi differenti huma responsabbli għall-ħlas tal-multa f’ammonti differenti. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li diversi persuni ġuridiċi jifformaw impriża waħda responsabbli għat-twettiq tal-ksur ma timplikax neċessarjament li l-elementi rilevanti kollha għall-kalkolu tal-multa huma imputabbli lilhom bl-istess mod, b’mod partikolari meta l-kompożizzjoni tal-impriża inkwistjoni mill-perspettiva ġuridika tkun evolviet maż-żmien.

(ara l-punti 162-166)

6.      Meta l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jiġi attribwit lil kumpannija parent minħabba li hija tkun tikkostitwixxi impriża waħda mas-sussidjarja tagħha, u mhux minħabba l-involviment dirett tagħha fil-ksur, in-nuqqas ta’ konoxxenza tagħha dwar l-akkordju huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din l-imputazzjoni.

F’dan ir-rigward, ġaladarba tali kumpannija parent ma ssostnix li l-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun ipparteċipat direttament fil-ksur ma kinitx taf bil-proġett globali ta’ arranġamenti antikompetittivi, in-nuqqas ta’ konoxxenza min-naħa tagħha dwar l-akkordju ma jikkostitwixxix indizju tal-fatt li l-gravità tal-ksur imwettaq mill-impriża li hija tikkostitwixxi mal-kumpannija sussidjarja kien ta’ grad inqas u b’hekk ma jistax jikkostitwixxi motiv li jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

(ara l-punti 217-218)

7.      Meta l-Kummissjoni tikkonstata li impriża wettqet diversi ksur differenti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE, peress li din tal-aħħar tkun ipparteċipat f’diversi akkordji differenti fl-istess perijodu, hija tista’ timponi fuq din l-impriża multi differenti, li kull waħda minnhom tirrispetta l-limiti ffissati fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Kull waħda minn dawn il-multi għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tad-dewmien u tal-gravità proprja tal-ksur li tissanzjona. Peress li l-impożizzjoni ta’ multa kontra impriża għal diversi attivitajiet antikompetittivi li jirrigwardaw prodotti oħrajn ma taffettwax ir-realtà tal-ksur partikolari kkonstatat mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-oġġettiv ta’ dissważjoni segwit mill-multi, is-sempliċi fatt li impriża tkun ġiet ikkundannata reċentement għal multi oħrajn, għal atti ta’ ksur parzjalment simultanji, ma jistax jiġġustifika tnaqqis tal-multa imposta mill-Kummissjoni għall-ksur ikkonċernat

(ara l-punti 246, 247)