Language of document : ECLI:EU:T:2011:277

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Tul tal-ksur – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Drittijiet tad-difiża – Multi – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑191/06,

FMC Foret, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn M. Seimetz, avukat, u C. Stanbrook, QC,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Arbault, sussegwentement minn V. Di Bucci u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla (Relatur), A. Dittrich u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, FMC Foret, SA, hija kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol li fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti kienet tikkummerċjalizza, b’mod partikolari, il-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“PH”) u l-perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem il-“PBS”).

2        Hija hija 100 % sussidjarja ta’ FMC Chemicals Netherlands BV u tifforma parti mill-grupp ikkontrollat mill-impriża Amerikana FMC Corp.

3         F’Novembru 2002, Degussa AG infurmat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-PH u tal-PBS u talbet l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il-quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).

4        Degussa pproduċiet provi materjali lill-Kummissjoni li ppermettewlha twettaq, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, spezzjonijiet fil-bini ta’ tliet impriżi.

5        Wara dawn l-ispezzjonijiet, diversi impriżi, fosthom b’mod partikolari EKA Chemicals AB, Atofina SA (li saret Arkema SA) u Solvay SA, talbu l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u bagħtu lill-Kummissjoni provi dwar l-akkordju inkwistjoni.

6        Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati.

7        Wara s-seduta li nżammet bejn l-impriżi kkonċernati u l-Kummissjoni, li seħħet fit-28 u fid-29 ta’ Ġunju 2005, din tal-aħħar adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-30 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-konfront ta’ Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals, Degussa, Edison, FMC, ir-rikorrenti, Kemira Oyj, Air liquide SA, Chemoxal SA, SNIA SpA, Caffaro Srl, Solvay, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema (Każ COMO/7/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innottifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.

 Id-deċiżjoni kkontestata

8        Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fir-rigward tal-PH u tal-prodott sekondarju [downstream], il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-ksur, li ġie kkonstatat fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 2000, kien jikkonsisti prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni importanti mill-perspettiva kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet potenzjali u reali tal-produzzjoni, fi tqassim tal-ishma tas-suq u tal-klijenti kif ukoll fl-iffissar u s-sorveljanza tal-osservanza tal-prezzijiet mixtieqa.

10      Ir-rikorrenti nżammet responsabbli għal ksur “flimkien u in solidum” ma FMC (premessi 389 u 395 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, P. 171), iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

12      Il-Kummissjoni ddeterminat l-ammonti bażiċi tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata), li ġie kklassifikat bħala gravi ħafna (premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Abbażi ta’ trattament differenzjat, ir-rikorrenti, inkwantu l-ikbar operatur fis-swieq ikkonċernati fiż-ŻEE, ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija, li tikkorrispondi għal ammont inizjali ta’ EUR 50 miljun (premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Peress li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur, skont il-Kummissjoni, mid-29 ta’ Mejju 1997 sal-31 ta’ Diċembru 1999, jiġifieri għal perijodu ta’ sentejn u seba’ xhur, l-ammont inizjali tal-multa tagħha ġie miżjud b’25 % (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Ġie deċiż li ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti ma kellha tiġi applikata kontra jew favur ir-rikorrenti.

16      L-Artikolu 1(g) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipat fil-ksur ikkonċernat mid-29 ta’ Mejju 1997 sal-31 ta’ Diċembru 1999.

17      Fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, “flimkien u in solidum” ma’ FMC, multa ta’ EUR 25 miljun.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

19      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ġiet rinvijata quddiem is-Sitt Awla Estiża.

20      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Jannar 2010, il Qorti Ġenerali għamlet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn wieġbu fid-29 ta’ Jannar 2010.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-3 ta’ Marzu 2010.

22      Skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li żewġ Membri tal-Awla ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, id-deliberazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tkomplew mit-tliet Imħallfin li ffirmaw din is-sentenza.

23      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni imponitilha multa;

–        sussidjarjament, tnaqqas l‑ammont tal‑multa;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Fir-replika, kif ukoll matul l-udjenza, ir-rikorrenti speċifikat li l-ewwel talba tar-rikors kellha tinftiehem fis-sens li permezz tagħha qed jintalab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikkonċernha, u dan jinkludi l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, it-tieni nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl u, it-tielet nett, fuq il-livell eċċessiv tal-ammont tal-multa.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni tal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi suffiċjentement preċiżi u konkordanti sabiex tipprova l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

28      Minn naħa, il-Kummissjoni bbażat ruħha ampjament fuq indikazzjonijiet impreċiżi u mhux ikkonfermati pprodotti fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza, mfasslin bl-għaġġla, mhux argumentati u li, għalhekk, għandhom valur probatorju mnaqqas. Min-naħa l-oħra, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prova kuntrarja prodotta mir-rikorrenti, b’mod partikolari, ix-xhieda tal-impjegati tagħha allegatament involuti fl-aġiri li jikkostitwixxu ksur.

29      Il-Kummissjoni ma rrifjutatx il-provi li r-rikorrenti pproduċiet fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u matul is-seduta mal-Kummissjoni, b’mod partikolari x-xhieda tal-impjegati tagħha. Barra minn hekk, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni tar-rikorrenti dwar l-aġir kompetittiv tagħha fis-suq.

30      L-insuffiċjenza ta’ pprovi invokati fir-rigward tar-rikorrenti ġiet rikonoxxuta mill-uffiċjal tas-seduta matul is-seduta mal-Kummissjoni. L-imsemmi Uffiċjal tas-seduta allegatament ippropona laqgħa bejn il-partijiet, kif ukoll eżami kuntradittorju tal-prova kuntrarja l-ġdida prodotta mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni ma tatx widen għal dan is-suġġeriment.

31      Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni akkużat lir-rikorrenti li pparteċipat fil-ksur minn Jannar 1994 sa Ġunju 2001, iżda sussegwentement naqqset b’mod sostanzjali l-portata ta’ din l-akkuża. Fid-deċiżjoni kkontestata, hija llimitat ruħha għall-perijodu ta’ bejn id-29 ta’ Mejju 1997, id-data tal-laqgħa li tinżamm kull sitt xhur tal-European Chemical Industry Council (CEFIC) organizzata mir-rikorrenti f’Sevilla, u t-13 ta’ Diċembru 1999, id-data tal-laqgħa ta’ Fribourg, li għaliha kien preżenti impjegat tar-rikorrenti.

32      Sabiex tistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu ksur, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq informazzjoni mhux ikkonfermata, li kienet ġejja minn sors uniku, rispettivament ta’ Degussa, ta’ Solvay jew ta’ Atofina, bi ksur tal-ġurisprudenza li tgħid li dikjarazzjoni magħmula minn impriża waħda ma tikkostitwixxix prova suffiċjenti ta’ ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T‑337/94, Ġabra p. II‑1571, punt 91).

33      Fir-rigward tal-informazzjoni ta’ Degussa, il-Kummissjoni indikat, żbaljatament, li din kienet ġiet ikkonfermata mill-provi miksuba mingħand partijiet oħra li pparteċipaw fil-ksur. Mill-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-verità, li, peress li ċerti impriżi kienu ammettew l-allegazzjonijiet li Degussa għamlet fir-rigward tagħhom, ma kienx meħtieġ li l-allegazzjonijiet tagħha kontra r-rikorrenti jiġu kkonfermati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma pprovatx tikkonferma l-informazzjoni ta’ Degussa li kienet timplika lir-rikorrenti.

34      Fir-rigward ta’ provi oħra provenjenti minn impriża waħda, il-Kummissjoni osservat li dawn kienu nkisbu minn xhieda diretti tal-kuntatti illegali, li kienu ntbgħatulha “wara riflessjoni attenta” u li kienu kredibbli fid-dawl ta’ grupp ta’ provi koerenti (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Issa, mhux dawn l-indikazzjonijiet kollha huma eżatti. L-informazzjoni ta’ Solvay hija impreċiża u tindika, pereżempju, li sors mhux identifikat fi ħdan Solvay iddikjara li impjegat mhux identifikat ta’ Solvay kien ikkuntatta lill-impjegati tar-rikorrenti f’erba’ okkażjonijiet mhux speċifikati. Dan jgħodd ukoll għall-allegazzjoni ta’ Solvay li tgħid li r-rikorrenti kkompensat lil Atofina għall-għeluq tas-sit ta’ produzzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tqabbel din l-informazzjoni max-xhieda kuntrarja tal-impjegati tar-rikorrenti.

36      Fir-rigward ta’ informazzjoni provenjenti minn impjegat ta’ Atofina, jiġifieri noti meħudin waqt il-laqgħat tal-kartell, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istess noti kienu ġew prodotti sabiex jiġi pprovat li kien hemm diversi laqgħat. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, dawn in-noti ta’ spiss jinkludu punti interrogattivi.

37      Għalhekk, il-Kummissjoni żbaljatament invokat kontra r-rikorrenti provi provenjenti minn impriża waħda, li ma kinux ikkonfermati u li ġew imgiddba minn xhieda tal-impjegati tar-rikorrenti.

38      Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkritika l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-laqgħat speċifiċi.

–       Fuq it-telefonati rċevuti mir-rikorrenti

39      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha, żbaljatament, fuq l-informazzjoni ta’ Solvay u ta’ Atofina sabiex tikkonstata li r-rikorrenti kienet ġiet informata bit-telefown dwar ir-riżultati ta’ ċerti laqgħat tal-akkordju.

40      L-informazzjoni ta’ Solvay kienet tikkonċerna erba’ laqgħat ta’ “livell għoli”, bejn Degussa, Solvay u Kemira (premessi 171 sa 174, 211, 215 sa 217 u 239 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Solvay li tgħid li “atturi oħra fis-suq ġew informati bir-riżultat ta’ dawn il-laqgħat”, “[fejn] Solvay [kienet] pereżempju infurmat lil Foret (fi Spanja) u lil Ausimont (fl-Italja) dwar ir-riżultati konkreti ta’ dawn id-diskussjonijiet”. Skont il-Kummissjoni, din id-dikjarazzjoni kienet ġiet ikkonfermata minn Atofina (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      L-imsemmija dikjarazzjoni ta’ Solvay ma tippermettix li tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni li tgħid li Solvay iddikjarat li kienet żammet lir-rikorrenti informata “b’mod eżawrjenti […] ġeneralment bit-telefown” (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata). Din la tindika “min ċempel lil min” u lanqas il-kontenut ta’ dak li ntqal. Din ma tispeċifikax għal liema laqgħat hija qiegħda tagħmel riferiment, bl-eċċezzjoni ta’ dik ta’ Awwissu 1997. Il-Kummissjoni nnifisha pprovdiet dan id-dettall. Id-dikjarazzjoni ta’ Solvay ma setgħetx tiġi kkonfermata minn Atofina, li ma kinitx preżenti għal-laqgħat. Fil-fatt, Atofina tagħmel riferiment għal telefonati ta’ Solvay fil-kuntest ta’ diversi laqgħat, jiġifieri dawk tal-“grupp B”, li nżammew bejn l-aħħar tas-sena 1995 u l-bidu tas-sena 1997. Għaldaqstant l-informazzjoni ta’ Solvay u dik ta’ Atofina ma jikkonfermawx lil xulxin.

42      Barra minn hekk, Solvay nnifisha kkontestat li kienet ipparteċipat għal waħda mill-erba’ laqgħat inkwistjoni, jiġifieri dik li allegatament inżammet fi Frankfurt am Main f’April 1998 (premessa 217 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-laqgħa ta’ Settembru 1998 fi Brussell, Solvay ma semmietx li kienet ikkuntattjat lir-rikorrenti.

43      Matul is-seduta mal-Kummissjoni, din tal-aħħar ippruvat inutilment tikseb informazzjoni iktar preċiża mingħand Solvay. Mingħajr iktar informazzjoni preċiża, id-dikjarazzjoni ta’ Solvay dwar it-telefonati hija nieqsa minn valur probatorju. F’kull każ, din hija mgiddba mix-xhieda tal-impjegati tar-rikorrenti, li jiċħdu li rċevew telefonati mingħand Solvay.

44      Fir-rigward tal-informazzjoni ta’ Atofina, il-Kummissjoni żbaljatament ibbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ impjegat ta’ Atofina li tgħid li r-rikorrenti pparteċipat, erba’ darbiet, għal-laqgħat permezz tat-telefown (premessi 180 sa 192 u 247 sa 253 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni ma ġiet ikkonfermata minn ebda parteċipant ieħor għal-laqgħat inkwistjoni.

45      Dokumenti oħra tal-fajl jimminaw il-kredibbiltà tal-informazzjoni mogħtija mill-impjegat ikkonċernat ta’ Atofina. B’mod partikolari, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-indikazzjoni tiegħu li tgħid li rappreżentant tar-rikorrenti pparteċipa għal laqgħa f’Pariġi fit-12 ta’ Frar 1996 (punti 137 u 138 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Fir-rigward ta’ din l-indikazzjoni, ir-rikorrenti wriet li ma hijiex korretta peress li l-passaport tal-allegat parteċipant għal-laqgħa jikkonferma li huwa kien jinsab fl-Istati Uniti matul il-ġimgħa inkwistjoni. Il-Kummissjoni mkien ma ssemmi dan l-iżball fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, f’diversi okkażjonijiet, ix-xhud ta’ Atofina pproduċa l-istess paġna tan-noti tiegħu bħala prova għal diversi laqgħat. In-noti inkwistjoni ta’ spiss jinkludu punti interrogattivi fir-rigward tal-informazzjoni tar-rikorrenti u l-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat. Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi waqt l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kredibbiltà tal-provi ta’ Atofina.

46      Għall-ewwel laqgħa inkwistjoni, f’Pariġi f’Settembru 1997, l-informazzjoni inizjali ta’ Atofina ma kinitx tippermetti li jiġi identifikat l-impjegat tar-rikorrenti li kien allegatament ingħaqad mal-laqgħa telefonikament. L-impjegat tar-rikorrenti, identifikat sussegwentement f’tabella mħejjija minn Atofina, ikkontesta taħt ġurament li huwa qatt kien irċieva din it-telefonata. Din il-kontestazzjoni ma tteħditx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

47      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti kienet ġiet ikkuntattjata kien plawżibbli, fid-dawl tal-kuntatti magħmula preċedentement u tal-parteċipazzjoni tagħha, bit-telefown, għal żewġ laqgħat sussegwenti (premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, fir-rigward tal-allegati kuntatti preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata tindika biss telefonata waħda rċevuta xahar qabel (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata), li kienet tirriżulta mill-informazzjoni mhux ikkonfermata ta’ Solvay. L-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti, bit-telefown, għal żewġ laqgħat sussegwenti hija bbażata fuq l-istess informazzjoni mhux ikkonfermata ta’ Atofina.

48      Fir-rigward tat-tieni laqgħa inkwistjoni, miżmuma fi Frankfurt am Main fis-17 ta’ Novembru 1997 (premessi 188 sa 192 tad-deċiżjoni kkontestata), l-impjegat ta’ Atofina identifika, u b’dan il-mod ikkontradixxa ruħu, għall-ewwel impjegat wieħed, u sussegwentement żewġ impjegati tar-rikorrenti li allegatament ġew ikkuntattjati. Il-Kummissjoni ma ssemmix din il-kuntradizzjoni u hija nnifisha wettqet żball fir-rigward tal-isem tal-persuna identifikata (nota ta’ qiegħ il-paġna 204 tad-deċiżjoni kkontestata). L-informazzjoni inkwistjoni ma hijiex ikkonfermata u hija kkontestata mill-impjegati identifikati tar-rikorrenti.

49      Bil-kontra tal-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-informazzjoni ta’ Atofina ma hijiex ikkonfermata mill-provi dokumentarji. Il-provi inkwistjoni ġew prodotti mill-istess impjegat ta’ Atofina u ma jistgħux isostnu d-dikjarazzjonijiet tiegħu stess. Barra minn hekk, din hija tabella mfassla matul il-laqgħa kkonċernata li tesponi l-prezz għal kull klijent u għal kull manifattur (premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata), u li tinkludi, fir-rigward tar-rikorrenti, erba punti interrogattivi. Barra minn hekk, din l-informazzjoni mhux bilfors ġiet ipprovduta mir-rikorrenti, iżda setgħet inkisbet permezz ta’ sorsi oħra, b’mod partikolari mingħand klijenti tar-rikorrenti.

50      It-telefonata allegatament irċevuta minn impjegat tar-rikorrenti lanqas ma ġiet ikkonfermata minn Degussa fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-verità, Degussa llimitat ruħha li tiġbor fil-qosor il-kontenut tal-komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ Atofina li tgħid li wħud mill-impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kienu ġew infurmati dwar din il-laqgħa, u wara li tikkonferma l-parteċipazzjoni tagħha għal din il-laqgħa. Il-konfessjoni ta’ Degussa tgħodd biss bħala prova kontriha u bl-ebda mod ma timplika lir-rikorrenti.

51      Fir-rigward tat-tielet laqgħa inkwistjoni, fil-21 ta’ Novembru 1997 f’Pariġi (premessi 193 sa 197 tad-deċiżjoni kkontestata), ebda membru ieħor tal-kartell, ħlief Atofina, ma jsemmi parteċipazzjoni tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni bbażat ruħha żbaljatament fuq id-dikjarazzjoni ta’ Atofina, li ma hijiex ikkonfermata u hija kontradetta mix-xhieda tal-impjegat inkwistjoni tar-rikorrenti.

52      Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljatament ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-prezzijiet miżmuma mir-rikorrenti kienu indikati fin-noti meħuda matul il-laqgħa inkwistjoni (premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-parti l-kbira tat-tabella kien biss fiha sempliċi asteriski. Il-ftit prezzijiet indikati huma prezzijiet immirati stmati mill-impjegat ta’ Atofina u ma jirriżultawx mill-informazzjoni tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-istess tabella tinkludi informazzjoni dwar żewġ manifatturi oħra li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma invokatx il-parteċipazzjoni tagħhom f’din il-laqgħa. Il-Kummissjoni nnifisha ammettiet li prezzijiet immirati setgħu jiġu mdaħħla fir-rigward ta’ manifattur mingħajr ma dan tal-aħħar ikun jaf b’dan. It-tabella inkwistjoni għalhekk ma tikkonfermax l-informazzjoni ta’ Atofina.

53      Għar-raba’ laqgħa inkwistjoni, tat-12 ta’ Ottubru 1998 f’Düsseldorf, in-noti meħuda mill-impjegat ta’ Atofina ma jindikawx il-persuni preżenti u l-ispjegazzjonijiet ulterjuri tagħhom mogħtija minnu jindikaw: “FMC assenti”. Hija biss it-tabella mfassla għat-talba għal klemenza magħmula minn Atofina li tindika li r-rikorrenti kienet “assenti iżda kkuntattjata bit-telefown u rrappreżentata minn Solvay”. Ebda parteċipant ieħor, inkluża Solvay, ma kkonferma l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal din il-laqgħa. Min-naħa l-oħra Degussa, meta ġiet mistoqsija dwar dan, irrispondiet li “sa fejn taf hi […], ma [kienx] hemm parteċipazzjoni min-naħa tar-raba’ impriża”. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni żbaljatament limitat ruħha li tindika li “tliet impriżi oħra [kienu] kkonfermaw li din il-laqgħa kienet inżammet” (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ebda waħda minn dawn l-impriża ma kienet ikkonfermat l-informazzjoni ta’ Atofina li kienet timplika lir-rikorrenti. Barra minn hekk, billi indikat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Atofina kienu “plawżibbli meta mqabbla mal-provi fil-pussess tagħha” (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni limitat ruħha li tagħmel riferiment għall-allegazzjonijiet l-oħra mhux ikkonfermati ta’ Atofina. Għalhekk hija qegħdha tirraġuna f’ċirkolu.

54      Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni tal-impjegat ta’ Atofina li tgħid li huwa kkuntattja bit-telefown lill-impjegati tar-rikorrenti ma hijiex ikkonfermata. Min-naħa l-oħra, ix-xhieda tal-impjegati tar-rikorrenti fejn huwa indikat li ma rċevewx it-telefonati hija kkonfermata kemm mis-silenzju tal-membri l-oħra tal-kartell f’dan ir-rigward kif ukoll mill-punti interrogattivi li jinsabu fin-noti tal-laqgħat prodotti minn Atofina. L-informazzjoni fuq il-prezzijiet tar-rikorrenti li tinsab f’dawn in-noti setgħet kienet toriġina minn sorsi oħra. Għalhekk, dawn l-elementi kollha kkunsidrati flimkien jixhdu favur in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħat inkwistjoni.

–       Fuq il-kuntatti li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC

55      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljatament ikkunsidrat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat għal sitt laqgħat li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC bejn Mejju 1997 u Novembru 1999. Hija tindika li l-impjegati tagħha pparteċipaw għal-laqgħat inkwistjoni tas-CEFIC. Madankollu, kull wieħed mill-impjegati tagħha ddikjara li ma kienx ipparteċipa għall-attivitajiet tal-kartell li seħħew b’mod marġinali għal dawn il-laqgħat. Issa, il-Kummissjoni ċaħdet, mingħajr ġustifikazzjoni, ix-xhieda tal-impjegati tar-rikorrenti.

56      Is-sempliċi fatt li impriża tkun preżenti għal laqgħa tal-kartell ma jipprovax parteċipazzjoni fil-kartell. Impriża tista’ b’mod partikolari tistabbilixxi li ma pparteċipatx fl-attivittajiet tal-kartell billi turi li hija indikat lill-kompetituri tagħha li kienet qegħdha tipparteċipa għaliha f’perspettiva differenti minn tagħhom.

57      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-laqgħat ta’ Sevilla, ’f’Mejju 1997, l-impjegat tar-rikorrenti li kien ipparteċipa kien iddikjara espliċitament li, minn naħa, l-impriża tiegħu kienet “qed tespandi fil-Ġermanja” u li ma kinitx “interessata” minn xi limitazzjoni tal-prezzijiet u li, min-naħa l-oħra, huwa kien irrifjuta li jinnegozja fuq dawn il-prezzijiet. Din ix-xhieda hija kkonfermata mill-fatt li, ikkonfrontat minn din id-dikjarazzjoni, ir-responsabbli ta’ Degussa ħareġ b’rabja mis-sala fejn kienet qed tinżamm waħda minn dawn il-laqgħat (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, ir-rappreżentant tar-rikorrenti ma ġiex mistieden għal ikla f’restorant li nżammet l-għada (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Skont ix-xhieda tal-istess impjegat tar-rikorrenti, il-laqgħa tas-CEFIC ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains kellha l-istess riżultat. Manifatturi żgħar, fosthom ir-rikorrenti, kienu rrifjutaw li jkunu parti għal ftehim antikompetittivi, għaliex huma riedu jkomplu jaġixxu b’mod kompetittiv.

59      L-impjegati tar-rikorrenti lanqas ma pparteċipaw għal diskussjonijiet tal-kartell matul l-erba’ laqgħat l-oħra li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC (premessi 198 sa 207, 254 sa 258, 264, 265 u 273 sa 275 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-laqgħat kienu nżammew f”restoranti, f’bars jew f’kurituri tal-lukanda. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li diskussjonijiet ta’ kartell multilaterali jistgħu jseħħu f’tali postijiet pubbliċi. Għalhekk, il-konverżazzjonijiet probabilment seħħew b’mod bilaterali, jew saħansitra wara li l-impjegati tar-rikorrenti telqu mir-restorant.

60      Il-Kummissjoni ma titrattax il-fatt li r-rikorrenti tiċħad li ħadet sehem f’dawn id-diskussjonijiet. Hija tindika li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-impjegati tagħha kienu ddisassoċjaw ruħhom fir-rigward tad-diskussjonijiet antikomptetittivi (premessa 207 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li ammettiet, fir-rigward ta’ waħda mil-laqgħat, li “ma jistax jiġi eskluż li […] diversi diskussjonijiet seħħew, pjuttost, fuq bażi bilaterali” (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont ir-rikorrenti, peress li l-konverżazzjonijiet kienu bilaterali, l-impjegati tagħha ma kinux jafu bihom u ma setgħux jiddisassjoċjaw ruħhom minnhom.

61      Fir-rigward tal-ikla li seħħet b’mod marġinali għal-laqgħa tas-CEFIC li nżammet fi Brussell, fis-26 ta’ Novembru 1997, skont il-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata, “Degussa, EKA, Solvay u Atofina indikaw li [r-rikorrenti u Kemira] kienu effettivament preżenti, li kienu jafu perfettament dwar in-natura illegali tad-diskussjonijiet deskritti iktar ’il quddiem u li huma kienu ħadu sehem fihom”. Issa, EKA Chemicals mkien ma ssemmi lir-rikorrenti. Solvay fasslet lista tal-parteċipanti, li ma tinkludix l-ismijiet tal-impjegati tar-rikorrenti, filwaqt li żiedet li “probabbilment il-parteċipanti l-oħra kollha” għal-laqgħa tas-CEFIC kienu rrappreżentati.

62      L-informazzjoni ta’ Atofina u ta’ Degussa tillimita ruħha li tindika l-persuni preżenti għall-ikla, fosthom ir-rappreżentanti tar-rikorrenti, mingħajr ebda allegazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom għad-diskussjonijiet antikompetittivi.

63      Fir-rigward tal-laqgħa li seħħet b’mod marġinali għal-laqgħa tas-CEFIC ta’ Novembru 1999 (premessi 273 sa 275 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni naqset milli ssemmi li din il-laqgħa kienet inżammet f’post pubbliku, jiġifieri kuritur ta’ lukanda, waqt ikla uffiċjali. Dawn id-diskussjonijiet kellhom neċessarjament ikunu bilaterali u ma hemmx prova suffiċjentement preċiża u konkordanti tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal dawn id-diskussjonijiet.

–       Fuq il-laqgħa tat-13 ta’ Lulju 1998 f’Königswinter

64      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljatament indikat li d-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti kien ipparteċipa għal-laqgħa ma Solvay u Degussa f’Königswinter f’Lulju 1998 fir-rigward tal-għeluq ta’ sit ta’ produzzjoni ta’ Atochem (premessa 233 tad-deċiżjoni kkontestata). L-impjegat ikkonċernat ċaħad li kien ħa sehem f’din il-laqgħa u pproduċa rċevuta ta’ taxi, li minnha jirriżulta ismu, li turi li dakinhar huwa kien jinsab f’Barcelona.

65      Il-Kummissjoni naqset milli tiċħad din il-prova, filwaqt li llimitat ruħha li tissuġġerixxi li huwa possibbli li l-impjegat tar-rikorrenti kien preżenti għal-laqgħa ta’ Königswinter u li iktar tard fl-istess ġurnata qabad taxi f’Barcelona. Fir-rigward ta’ laqgħat oħra, Degussa pproduċiet rċevuti ta’ ristoranti li minnhom tirriżulta l-lista tal-parteċipanti. Issa, fir-rigward tal-laqgħa inkwistjoni, il-Kummissjoni naqset milli tikseb iktar elementi mingħand Degussa u mingħand Solvay. Solvay ma kkonfermatx il-preżenza tar-rikorrenti għal din il-laqgħa.

66      Il-fatt li r-rikorrenti ma ħaditx sehem fid-diskussjonijiet dwar l-għeluq ta’ sit ta’ Atochem huwa kkonfermat mill-assenza tagħha waqt il-laqgħat sussegwenti f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonstatat li Solvay kienet ikkonfermat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ftehim ma Atochem (premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata). Solvay ma tispeċifikax l-elementi ta’ din l-allegata parteċipazzjoni u Degussa ma tagħmel ebda riferiment għaliha. Huwa possibbli li Solvay, bi żball, għamlet riferiment għal kuntratt ta’ provvista legali, konkluż bejn ir-rikorrenti u Atochem f’dak iż-żmien.

67      Fil-premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tindikax li r-rikorrenti kienet ftehmet li tirremunera lil Atochem. In-nuqqas ta’ sustanza tad-dikjarazzjoni ta’ Solvay f’dan ir-rigward hija enfasizzata mill-fatti sussegwenti, b’mod partikolari mill-assenza tar-rikorrenti matul il-laqgħa sussegwenti ta’ Ottubru 1998 bejn Solvay, Degussa u Atofina. Issa, mill-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li matul din il-laqgħa, Degussa u Solvay ikkonvinċew lill-Atochem tagħlaq is-sit, permezz ta’ remunerazzjoni min-naħa ta’ Degussa u ta’ Solvay.

–       Fuq il-laqgħa ma’ Degussa, tat-28 ta’ Settembru 1998, fi Brussell

68      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat l-informazzjoni ta’ Degussa dwar il-laqgħa bilaterali ta’ Settembru 1998. Skont il-premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan ta’ din il-laqgħa kien li r-rikorrenti tiġi infurmata bir-riżultati tal-laqgħa li kienet inżammet dakinhar filgħodu stess. Fil-verità Degussa indikat biss li s-“suġġett tal-laqgħa [kien] diskussjoni ta’ natura ġenerali dwar l-iżvilupp tas-suq Ewropew tal-PH, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell għoli ta’ prezzijiet milħuqa, u tal-possibbiltajiet li jinżamm tali livell”. Degussa ma ssemmi ebda ftehim fuq il-prezzijiet u fuq l-ishma tas-suq, iżda tirrimarka li d-diskussjoni kienet “ta’ natura ġenerali”.

–       Fuq il-laqgħat dwar il-PBS

69      Ir-rikorrenti tindika li l-impjegat tagħha jiftakar li kien ipparteċipa għal tnejn mill-erba’ laqgħat fuq il-PBS imsemmijin fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 237 u 238, 259 sa 263, 267 sa 270 u 276 sa 279 tad-deċiżjoni kkontestata) jiġifieri dik li nżammet f’Milano lejn il-bidu tas-sena 1999 u dik li nżammet fi Fribourg f’Diċembru 1999.

70      L-għan ta’ dawn iż-żewġ laqgħat kien li jiġu diskussi mezzi li l-industrija setgħet tuża sabiex tikkalma t-tħassib dwar l-effetti li wieħed mill-ingredjenti tal-PBS jista’ jkollu fuq is-saħħa. Fid-dawl ta’ dan it-tħassib, ir-rikorrenti kienet diġà bdiet taħseb biex tiżviluppa “prodott alternattiv”, il-perkarbonat tas-sodju (iktar ’il quddiem il-“PCS”). Huwa ta’ dispjaċir li, matul il-laqgħat inkwistjoni, manifatturi oħra ħadu sehem f’diskussjonijiet illegali. Dawn l-intenzjonijiet ma kinux jinteressaw lir-rikorrenti peress li hija kienet diġà ddeċidiet li tabbanduna progressivament il-PBS favur il-PCS. Għalhekk, ir-rappreżentant tagħha ma ħax sehem f’diskussjonijiet illegali. Din l-ispjegazzjoni hija kkonfermata minn Degussa, li kkonfermat li l-laqgħat inkwistjoni kienu nżammu “mingħajr ma kienu ppjanati” fil-kuntest ta’ diskussjonijiet legali.

71      Fir-rigward ta’ żewġ laqgħat oħra fuq il-PBS, rispettivament dik ta’ Settembru 1998 f’Lyon u dik tas-sajf 1999 f’Bâle, l-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti tirriżulta biss mill-informazzjoni mhux ikkonfermata ta’ Solvay. Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni x-xhieda tal-impjegat inkwistjoni tar-rikorrenti, li ma jiftakarx li kien ħa sehem f’dawn il-laqgħat.

–       Argumenti żviluppati fil-kuntest tar-replika

72      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, sa fejn hija ma kelliex provi preċiżi u konkordanti dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-attivitajiet kostituttivi tal-akkordju.

73      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi li fuqhom kienet ibbażata t-teżi tar-rikorrenti u żnaturat oħrajn sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-aħjar provi kienet ix-xhieda diretta tal-impjegati tagħha, applikat preżunzjonijiet mhux iġġustifikati bi ħsara għar-rikorrenti, immodifikat il-provi li kienu favorevoli għaliha, assimilat il-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat tas-CEFIC, li huma legali, għal attivitajiet li jikkostitwixxu kartell u “żejnet” provi bi ħsara għaliha.

74      Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi b’mod oġġettiv u globali. Hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi li jikkonfermaw li r-rikorrenti kienet qed taġixxi b’mod aggressiv għat-tqassim tas-suq, li l-kompetituri tagħha kienu qegħdin jitilfu ishma tas-suq favuriha u li kienu lmentaw dwar dan u li żewġ tentattivi ta’ laqgħat tal-akkordju spiċċaw fix-xejn meta r-rikorrenti rrifjutat li tipparteċipa għalihom. Hija naqset milli tikseb provi addizzjonali dwar allegazzjonijiet mhux ikkonfermati kontra r-rikorrenti.

75      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma żammitx kontrointerrogatorju sabiex tivverifika l-veraċità tax-xhieda tal-impjegati tagħha. Ir-rikorrenti kienet l-unika impriża li ppreżentat xhieda matul is-seduta mal-Kummissjoni. Ebda waħda mill-kumpanniji li xhedu kontra r-rikorrenti ma pproduċew xhieda matul is-seduta mal-Kummissjoni. Diversi provi prodotti minn Degussa u minn Solvay kienu essenzjalment joriġinaw minn sorsi anonimi. Il-Kummissjoni warrbet id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tar-rikorrenti minħabba li dawn ma sarux taħt ġurament.

76      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ppreżentat b’mod ineżatt l-elementi miksuba insegwitu għas-seduta mal-Kummissjoni.

77      Matul is-seduta mal-Kummissjoni, l-uffiċjal tas-seduta speċifika li wħud mill-provi li fuqhom kienet qed tibbaża ruħha l-Kummissjoni, b’mod partikolari l-allegazzjonijiet ta’ sorsi anonimi prodotti minn Solvay dwar it-telefonati li kien hemm mar-rikorrenti, ma kinux kredibbli. Issa, wara din is-seduta, il-Kummissjoni ma kisbitx provi addizzjonali.

78      B’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-laqgħa ta’ Sevilla ta’ Mejju 1997, il-Kummissjoni fir-risposta tagħha żbaljatament tindika li hija kisbet konferma ta’ ċerti aspetti fattwali mingħand impriżi oħra, wara s-seduta mal-Kummissjoni, u tat lir-rikorrenti l-possibbiltà li tesponi l-opinjoni tagħha. Wara s-seduta mal-Kummissjoni ma kienx hemm kontribuzzjonijiet oħra dwar dawn il-laqgħat.

79      Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, l-elementi addizzjonali mibgħuta lir-rikorrenti bl-ebda mod ma huma relatati mal-allegati telefonati ta’ Solvay. Fil-kontribuzzjonijiet tagħhom sussegwenti għas-seduta mal-Kummissjoni, Solvay u Degussa kienu sempliċement iddeskrivew il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti punti speċifiċi (f’dak li jirrigwarda Degussa, il-laqgħa ta’ Frankfurt am Main ta’ Novembru 1997 u, f’dak li jirrigwarda Solvay, il-laqgħa ta’ Königswinter f’Lulju 1998) u kienu kkonfermaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħhom. Għall-ewwel ebda waħda minn dawn il-kumpanniji ma kienet semmiet il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dawn il-laqgħat. Il-Kummissjoni nnifisha ammettiet li r-risposta ta’ Solvay kienet “indiretta” u li Degussa ma kinitx implikat “espliċitament” lir-rikorrenti.

80      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjonijiet kuntradittorji. Fir-rigward ta’ Kemira, hija kkunsidrat li ma setax jiġi eskluż li diversi diskussjonijiet li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC kienu pjuttost seħħew fuq bażi bilaterali (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljatament tiddikjara li ma huwiex possibbli li l-impjegati tagħha pparteċipaw għall-istess laqgħat mingħajr ma kienu jafu dwar il-prattika miftiehma.

81      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni żnaturat ċerti provi li kienu favur ir-rikorrenti. L-ewwel nett, dawn huma indikazzjonijiet li jgħidu li r-rikorrenti kienet tifforma parti mill-grupp ta’ “studenti ħżiena”, minħabba li hija riedet iżżid il-kapaċitajiet totali fl-Ewropa bi ħsara għall-prezz. Fir-risposta tagħha l-Kummissjoni żbaljatament ċaħdet din il-prova billi ddikjarat sempliċement li dan kien tentattiv min-naħa tar-rikorrenti li tuża l-akkordju favuriha.

82      It-tieni nett, fir-rigward tal-laqgħat ta’ Sevilla li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC, l-impjegat tar-rikorrenti indika li huwa kien irrifjuta li jipparteċipa għal kull laqgħa ta’ akkordju u li, konsegwentement, ir-rappreżentanti ta’ Solvay u ta’ Degussa kienu telqu mis-sala tal-laqgħa. Meta rrifjutat li tammetti din ix-xhieda, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni mhux fondata tagħha tar-raġunijiet li għalihom Solvay u Degussa kienu telqu mis-sala tal-laqgħa, jiġifieri li l-manifatturi ż-żagħar, inkluża r-rikorrenti, ma kinux sodisfatti bil-proposti, probabbilment minħabba s-sehem tas-suq li kien ġie attribwit lilhom. Ma teżisti ebda prova insostenn ta’ din it-teżi tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, it-tmiem bikri tal-laqgħat ta’ Sevilla flimkien mal-fatt li l-kompetituri kienu qed jilmentaw dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet tagħha u dwar iż-żieda tas-sehem tas-suq tagħha, juru li hija kienet speċifikatament indikat lill-kompetituri tagħha li kienet qed tipparteċipa għal dawn il-laqgħat f’perspettiva differenti minn tagħhom.

83      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni żnaturat ċerti provi dokumentarji.

84      L-ewwel nett, fir-rigward tat-timbru li jinsab fuq il-passaport tal-impjegat tar-rikorrenti, li jindika d-dħul tiegħu fit-territorju tal-Istati Uniti fl-10 ta’ Frar 1996, il-Kummissjoni żbaljatament iddikjarat li dan mhux neċessarjament jipprova li l-impjegat inkwistjoni ma setax kien jinsab Pariġi jumejn wara. Issa, skont ir-rikorrenti, ma huwiex possibbli li l-impjegat inkwistjoni tar lejn l-Istati Uniti fl-10 ta’ Frar, qagħad hemmhekk 24 siegħa, għamel titjira lura transatlantika bil-lejl, mar direttament għal laqgħa tal-akkordju fit-12 ta’ Frar u wara reġa lura lejn l-Istati Uniti. Skont ir-rikorrenti, li kieku dan kien il-każ kien ikun hemm timbru ieħor fuq il-passaport tiegħu. Għalhekk, l-impjegat ta’ Atofina kien żbaljat meta ddikjara li r-rappreżentant tar-rikorrenti kien f’Pariġi fit-12 ta’ Frar 1996. Jekk ma dan kollu jiżdied il-fatt li, f’diversi okkażjonijiet, Atofina kienet l-unika waħda li sostniet li r-rikorrenti kienet tipparteċipa għal laqgħat tal-akkordju u li wħud min-noti tagħha kienu jinkludu punti interrogattivi, dan jimmina l-kredibbiltà tal-informazzjoni ta’ Atofina.

85      It-tieni nett, fir-rigward tal-irċevuta tat-taxi, maħruġa f’Barcelona fit-13 ta’ Lulju 1998, li minnha jirriżulta isem l-impjegat tar-rikorrenti li allegatament kien preżenti għal-laqgħa f’Königswinter l-istess ġurnata, il-Kummissjoni tpoġġi f’dubju dan l-element, mingħajr ebda bażi, billi tindika li din l-irċevuta setgħet ġiet stabbilita f’mument ieħor tal-ġurnata (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, il-preżunzjoni ta’ innoċenza għandha tipprevali fuq tali spekulazzjoni.

86      It-tielet nett, in-noti tal-laqgħat prodotti minn Atofina, li fihom il-punti interrogattivi fil-kolonna relatata mal-prezzijiet tar-rikorrenti, jirriflettu l-fatt li Atofina ma kellha ebda informazzjoni fuq il-prezzijiet tar-rikorrenti, minħabba li din ma kinitx preżenti għal-laqgħa. Madankollu, fir-risposta tagħha l-Kummissjoni żbaljatament tissuġġerixxi li dawn il-punti interrogattivi jirriflettu l-“prudenza” osservata mill-impjegat ta’ Atofina. Il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-ispjegazzjoni alternattiva, proposta mir-rikorrenti, li tgħid li l-informazzjoni inkwistjoni “tista’ tkun toriġina minn sors kwalsiasi”. Għalhekk, fir-rigward ta’ din il-laqgħa, il-Kummissjoni żnaturat ix-xhieda ċara tal-impjegati tar-rikorrenti li kienet sostnuta minn provi dokumentarji.

87      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni indikat li nota tal-impjegat ta’ Atofina, dwar il-laqgħa ta’ Düsseldorf ta’ Ottubru 1998, kienet issemmi lir-rikorrenti diversi drabi. Skont ir-rikorrenti n-nota inkwistjoni ma hijiex ċara, iżda mill-ispjegazzjonijiet ulterjuri ta’ Atofina jirriżulta li din tirreferi għal laqgħa sussegwenti, li x’aktarx inżammet fid-9 ta’ Novembru, li matulha kellu jiġi adottat “mudell definittiv”, u li din issemmi “kummentarju fuq il-mod ta’ kif [ir-rikorrenti] għandha tiġi konvinta taċċetta l-ishma tagħha tas-suq, billi tintuża l-pressjoni ta’ Solvay”. F’Ottubru 1998, ir-rikorrenti reġgħet irrifjutat li tipparteċipa għall-attivitajiet tal-kartell. Issa, mingħajr ma analizzat il-kontenut tan-nota, il-Kummissjoni żbaljatament ibbażat ruħha fuq is-sempliċi fatt li kien issemma isem ir-rikorrenti.

88      Fis-seba’ lok, il-Kummissjoni “sebbħet” il-provi, billi żiedet dettalji ineżistenti jew billi eżaġerat il-fatti kkonstatati.

89      L-ewwel nett, fir-rigward tal-laqgħa bilaterali ma Degussa, f’Settembru 1998 fi Brussell, ikkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li din kienet tikkonsisti f”“debriefing” tal-laqgħa li kienet inżammet dakinhar filgħodu (premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, l-informazzjoni ta’ Degussa ma tgħid xejn fuq l-eżistenza ta’ tali “debriefing” u ma ssemmi ebda diskussjoni dwar il-PBS jew dwar l-iffriżar tal-ishma tas-suq tal-PH. Fir-rigward tal-PH, Degussa ddikjarat espliċitament li d-diskussjonijiet kienu baqgħu “ġenerali”. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma infondati.

90      It-tieni nett, fir-rigward tal-laqgħat ta’ Sevilla, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet tabilħaqq iddissasoċjat ruħha mid-diskussjonijiet antikompetittivi billi rrifjutat li timpenja ruħha fl-attivitajiet kostituttivi tal-akkordju, li kien wassal għat-“tluq għall-arrieda” tar-rappreżentanti ta’ Degussa u ta’ Solvay u, għalhekk, għat-tmiem ta’ din is-serje ta’ laqgħat. Atofina ddikjarat li l-imsemmija laqgħat kienu ngħalqu bit-tluq tar-rappreżentanti ta’ Degussa u ta’ Solvay. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni żnaturat l-elementi tal-fajl.

91      It-tielet nett, fir-rigward tat-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li Atofina kkonfermat l-allegazzjonijiet ta’ Solvay fir-rigward tat-telefonati, huwa evidenti li l-informazzjoni ta’ Solvay u dik ta’ Atofina jirrigwardaw laqgħat differenti. Għaldaqstant l-ebda sovrappożizzjoni ma kienet possibbli bejniethom fir-rigward tal-parteċipanti u tal-perijodi ta’ dawn il-laqgħat.

92      Fit-tmien lok, ir-rikorrenti ssostni li Solvay u Atofina, peress li ppreżentaw it-talbiet għal klemenza tagħhom b’mod parallel, kienu “impenjati fit-tellieqa” sabiex jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv lill-provi li l-Kummissjoni diġà kellha, u dan jimmina l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tagħhom.

93      L-impriżi li għamlu talba għal klemenza ma setgħux jivverifikaw il-memorja tal-impjegati tagħhom, u lanqas ma setgħu jipprovdu provi ċari u preċiżi. Pereżempju, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li Solvay “volontarjament ikkonfermat” il-laqgħa ta’ Köningswinter ta’ Lulju 1998 fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, filwaqt li, fir-risposta tagħha, hija fil-parenteżi żiedet: “għandna nivverifikaw jekk dan sarx realment b’mod volontarju jew inkella fuq talba tal-Kummissjoni”. Bl-istess mod, fir-rigward tal-laqgħa ta’ Düsseldorf ta’ Ottubru 1998, Degussa, fuq talba tal-Kummissjoni, “kompliet tistaqsi” lill-impjegati tagħha fir-rigward tal-parteċipanti.

94      Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti tindika li hija qatt ma nstabet ħatja ta’ xi attivitajiet antikompetittivi. Matul is-seduta mal-Kummissjoni, l-impjegati tagħha taw ix-xhieda tagħhom u għamlu dikjarazzjonijiet li giddbu l-allegazzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Huma l-impriżi reċidivi li ppruvaw jiksbu l-klemenza li, fit-“tiġrija” tagħhom lejn dan l-għan, għamlu allegazzjonijiet vagi, mhux ikkonfermati u ta’ spiss provenjenti minn sorsi anonimi fl-ittri provenjenti mill-avukati tagħhom jew noti enigmatiċi miktubin bl-idejn “miżgħuda b’punti interrogattivi”. Il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda spjegazzjoni li tippermetti li dawn il-provi jingħataw il-preċedenza fuq il-provi ċari u mhux ikkontestati ppreżentati mir-rikorrenti.

95      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

96      Skont l-Artikolu 81(1) KE, il-ftehim kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki kollha miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, huma inkompatibbli mas-suq komuni u pprojbiti.

97      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256 u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

98      Ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata għadhom is-suġġett ta’ negozjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

99      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jikkontempla forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 158).

100    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li jista’ jew jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella jiżvela lit-tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jaddotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

101    Il-fatt li wieħed jikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tiegħu bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il‑Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 82 u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 178).

102    Skont ġurisprudenza stabbilita l-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, jiġbru taħthom forom ta’ kollużjoni li jikkondividu l-istess karatteristiċi u li jiddistingwu ruħhom minn xulxin biss permezz tal-intensità tagħhom u tal-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 131 u 132, u HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 190).

103    Fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li jinvolvi l-parteċipazzjoni għal diversi snin ta’ diversi manifatturi bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni ma għandiex tkun mistennija li tikkwalifika l-ksur b’mod preċiż bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 111 sa 114, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 696).

104    Il-kwalifikazzjoni doppja tal-ksur bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma għandha tinftihem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi fatti li wħud minnhom ġew ikkwalifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix kwalifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (sentenzi Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 264, u HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 187).

105    Fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova tal-ksur, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-provi li jistgħu juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58).

106    F’dan ir-rigward hija għandha tipproduċi provi preċiżi u konkordanti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Madankollu, ma huwiex obbligatorju li l-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni jkunu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti f’dak li jirrigwarda kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-serje ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, ikkunsidrata globalment, tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    L-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE min-naħa ta’ impriża ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat iżda globalment (ara s-sentenza BPB vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attivitajiet antikompetittivi jseħħu bil-moħbi u, għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, ikkunsidrati globalment, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni kooerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57).

110    Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tkun adita b’rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita, b’mod ġenerali, stħarriġ sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE humiex sodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il‑Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    L-eżistenza ta’ dubju fi ħdan il-qorti għandha tkun ta’ benefiċċju għall-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur, tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, li jista’ jwassal għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità (sentenza Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 149 u 150).

112    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk fil-kawża preżenti l-Kummissjoni stabbilixxietx, suffiċjentement skont il-liġi, li r-rikorrenti ħadet sehem fil-ksur inkwistjoni.

–       Osservazzjonijiet preliminari

113    Ir-rikorrenti tagħmel numru ta’ kritiki ġenerali fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova fil-kawża preżenti, billi tallega, l-ewwel nett, il-valur probatorju ridott tal-provi prodotti mill-impriżi li għamlu talba għal klemenza, it-tieni nett, l-użu ta’ informazzjoni mhux ikkonfermata li toriġina minn sors uniku, it-tielet nett, in-nuqqas ta’ konfutazzjoni tax-xhieda kuntrarja mogħtija mill-impjegati tagħha u, ir-raba’ nett, l-ommissjoni li tati widen għall-proposti tal-uffiċjal tas-seduta waqt is-seduta mal-Kummissjoni.

114    Għalkemm dawn il-kritiki huma mħalltin, b’mod kunsiderevoli, mal-ilmenti magħmula kontra l-elementi materjali invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, madankollu dawn xorta waħda jirrikjedu ċerti osservazzjonijiet preliminari.

115    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-valur tal-provi prodotti fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza, għandu jitfakkar li l-fatt biss li l-informazzjoni ġiet prodotta min impriża li għamlet talba għal klemenza ma jimminax il-valur probatorju tagħha.

116    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tipprevalixxi ruħha minn dikjarazzjonijiet ta’ impriżi inkriminati sabiex tużahom kontra impriża oħra (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 512). Id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala neqsin minn valur probatorju biss minħabba dan il-fatt (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 57 u 58).

117    Għalkemm ċertu nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet volontarji tal-parteċipanti prinċipali għal akkordju illegali hija komprensibbli, peress li dawn il-parteċipanti jistgħu jimminimizzaw l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-ksur u jimmassimizzaw dik tal-oħrajn. Madankollu, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-proċedura prevista mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-fatt li jintalab il-benefiċċju tal-applikazzjoni tagħha sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa mhux neċessarjament iħeġġeġ lill-impriżi jippreżentaw provi żnaturati fir-rigward tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Qorti tiġi żvijata jista’ jimmina kemm is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li din tal-aħħar li tibbenefika b’mod sħiħ mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 58).

118    B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna tikkonfessa li hija kkommettiet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru oltre dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori, fin-nuqqas ta’ fatti partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punti 211 u 212; u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02 u T‑126/02, T‑128/02 u T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 166, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 59).

119    Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi akkużati fil-kuntest ta’ talbiet għal klemenza għandhom, madankollu, jiġu evalwati bi prudenza u, bħala regola ġenerali, ma jistgħux jiġu aċċettati mingħajr konfermi.

120    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata b’parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 219; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 285; Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 167, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 293; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Enso-Gutzeit vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 91).

121    Għall-finijiet tal-eżami tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li għamlu talba għal klemenza, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, l-importanza tal-indizji konkordanti li jsostnu r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ indikazzjoni li dawn kienu jipprovaw jimminimizzaw l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-ksur u jimmassimmizzaw dik tal-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 70, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 62 u 295).

122    It-tieni nett, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li, fir-rigward ta’ ċerti elementi fattwali, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq prova waħda, għandu jitfakkar li ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli, sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ ksur, tibbaża ruħha fuq prova dokumentarja waħda, sakemm ma jkun hemm ebda dubju fuq il-valur probatorju ta’ din il-prova u sakemm, waħedha, il-prova inkwistjoni tattesta b’mod ċert l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1838).

123    Għalkemm huwa ċertament minnu li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq, din iċ-ċirkustanza ma tapplikax, bħala regola ġenerali, għas-sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ impriża akkużata, li, sa fejn ikunu kkontestati minn impriżi kkonċernati oħra, għandhom jiġu kkonfermati bi provi addizzjonali u indipendenti.

124    Madankollu, fil-każ fejn id-dikjarazzjoni li tkun toriġina minn impriża li tikkoopera tkun partikolarment affidabbli, din il-kunsiderazzjoni tista’ tingħata inqas importanza għaliex, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-livell ta’ konferma meħtieġ huwa inqas, kemm f’termini ta’ preċiżjoni kif ukoll f’termini ta’ intensità.

125    Fil-fatt, fil-każ fejn serje ta’ indizji konkordanti tippermetti li tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ ċerti aspetti speċifiċi tal-prattika miftiehma msemmija fid-dikjarazzjoni magħmula fil-kuntest tal-kooperazzjoni, din id-dikjarazzjoni tista’ tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex tikkonferma aspetti oħra tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punti 220 u 334). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha esklużivament fuq din id-dikjarazzjoni, sakemm ma jkunx hemm dubji dwar il-veraċità ta’ dak li ġie ddikjarat u sakemm l-indikazzjonijiet ma jkunux ta’ natura vaga.

126    Barra minn hekk, anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ impriża ma hijiex ikkonfermata fir-rigward tal-fatti speċifiċi indikati, din jista’ jkolla ċertu valur probatorju sabiex jiġi kkonfermat il-fatt tal-eżistenza tal-ksur, fil-kuntest ta’ serje ta’ indizji konkordanti adottata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, sa fejn dokument ikun fih informazzjoni speċifika li tikkorrispondi għal dik li tinsab f’dokumenti oħra, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi jistgħu jsaħħu lil-xulxin reċiprokament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 275).

127    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiddeduċi, minn perijodi fejn il-provi huma partikolarment abbundanti, konklużjonijiet fir-rigward ta’ perijodi oħra fejn id-distakk bejn kull prova jista’ jkun ikbar. Għalhekk, għandu jkun hemm spjegazzjoni verament solida sabiex qorti tiġi konvinta li, matul ċerta fażi ta’ serje ta’ laqgħat, seħħew affarijiet totalment differenti minn dawk li seħħew matul laqgħat preċedenti jew sussegwenti, meta dawn il-laqgħat kienu jlaqqgħu l-istess ċirklu ta’ parteċipanti, meta dawn seħħew fil-kuntest ta’ ċirkustanzi esterjuri omoġenei u meta dawn kellhom mingħajr ebda dubju l-istess għan (konklużjonijiet tal-Imħallef M. Vesterdorf, fil-vesti tiegħu ta’ Avukat Ġenerali fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, II‑885, konklużjonijiet komuni għas-sentenzi msejħa “polypropylène”, Ġabra p. II‑954).

128    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-prova, il-Kummissjoni naqset milli tisma’ lill-impjegati tar-rikorrenti u li tieħu inkunsiderazzjoni x-xhieda tagħhom.

129    Ir-rikorrenti b’mod partikolari ssostni li l-konstatazzjoni tal-ksur hija msejsa, b’mod kunsiderevoli, fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Solvay u fuq dawk ta’ impjegat ta’ Atofina li jindikaw li ċerti impjegati tar-rikorrenti, għalkemm kienu assenti għal ċertu numru ta’ laqgħat, kienu ġew ikkuntattjati jew informati bit-telefown. Ir-rikorrenti tindika li l-impjegati tagħha identifikati f’dawn id-dikjarazzjonijiet ippreżentaw lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet li jixhdu mod ieħor, u li dawn id-dikjarazzjonijiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li l-Kummissjoni kellha d-dikjarazzjonijiet bil-miktub tal-impjegati kkonċernati tar-rikorrenti u li dawn kienu preżenti matul is-seduta mal-Kummissjoni.

131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dikjarazzjonijiet ittiħdux debitament inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ssir ħaġa waħda mal-evalwazzjoni tal-ilmenti li r-rikorrenti ressqet kontra l-elementi fattwali konkreti inkwistjoni.

132    Madankollu, f’dan l-istadju għandu jiġi osservat li r-rikorrenti żbaljatament issostni li, sa fejn id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni saru taħt ġurament, dawn għandhom valur probatorju għoli u li, għalhekk, il-Kummissjoni kienet obbligata li turi li x-xhieda tar-rikorrenti kienu ħatja ta’ “sperġur”.

133    Fil-fatt, għalkemm xhieda mogħtija taħt ġurament quddiem qorti jew, eventwalment, fil-kuntest ta’ inkjesta quddiem prokuratur inkwirenti, jista’ jkollha valur probatorju għoli, fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw fuq il-livell kriminali fir-rigward ta’ xhud li jkun gideb fil-kuntest tal-inkjesta, ħaġa li tagħmel din id-depożizzjoni iktar affidabbli minn sempliċi dikjarazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 312), madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex applikabbli għall-kawża preżenti, peress li dawn huma dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ impjegati tar-rikorrenti ppreżentati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, kif ukoll ix-xhieda tagħhom mogħtija matul is-seduta mal-Kummissjoni.

134    Barra minn hekk, ir-rikorrenti żbaljatament issostni li l-Kummissjoni kienet obbligata li tikkonfronta x-xhieda kontriha, prodotta minn Atofina u minn Solvay, max-xhieda kuntrarja tal-impjegati tagħha, fil-kuntest ta’ kontrointerrogatorju matul is-seduta mal-Kummissjoni.

135    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma għandiex il-possibbiltà li timponi s-smigħ ta’ persuni inkwantu xhieda taħt ġurament.

136    Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tagħti l-kunsens li tiġi intervistata bl-għan li tinġabar informazzjoni relata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, skont il-premessa 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) qabel ma tieħu dikjarazzjonijiet orali minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħtu l-kunsens tagħhom li jkunu intervistati, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lil dawk il-persuni bil-bażi legali tal-intervista u n-natura volontarja tagħha.

137    Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata li tisma persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu ta’ interess suffiċjenti biss sa fejn dawn il-persuni effettivament jitolbu li jiġu mismugħa. Għalhekk, hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni raġonevoli sabiex tiddeċiedi dwar l-intesess li jista’ jkollu s-smigħ ta’ persuni li x-xhieda tagħhom tista’ tkun importanti għall-istabbiliment tal-fajl. Fil-fatt, il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża ma tirrikjedix li l-Kummissjoni tisma’ xhieda indikati mill-partijiet ikkonċernati, meta hija tqis li l-investigazzjoni tal-kawża kienet suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punti 382 u 383, u l-ġurisprudenza ċċittata.

138    Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, tipprovdi li “[k]ull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-dritt[…] li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu”. Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex qorti fis-sens ta’ dan l-artikolu u għalkemm il-multi imposti mill-Kummissjoni ma humiex ta’ natura kriminali, xorta jibqa l-fatt li l-Kummissjoni hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva.

139    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni ma jipprevedux l-obbligu li l-Kummissjoni ssejjaħ lix-xhieda favur li x-xhiedha tagħhom tkun mitluba, ma jmurx kontra l-imsemmija prinċipji. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, għalkemm hija tista’ tisma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi meta hija tqis li dan huwa neċessarju, il-Kummissjoni lanqas ma għandha d-dritt li ssejjaħ xhieda kontra mingħajr ma tkun kisbet il-kunsens tagħhom (sentenzi HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punti 389 sa 392, u Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punti 86 u 87). Peress li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni hija biss ta’ natura amministrattiva, hija ma hijiex obbligata li tipprovdi lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li tagħmel mistoqsijiet lil xhud partikolari u li tanalizza d-dikjarazzjonijiet tiegħu fl-istadju tal-investigazzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 200). Huwa biżżejjed li d-dikjarazzjonijiet użati mill-Kummissjoni jkunu ġew ipprovduti fil-fajl mibgħut lir-rikorrenti, li tista’ tikkuntesthom quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 147 sa 149).

140    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka ksur tad-dritt tagħha li teżamina jew li tara li jiġu eżaminati x-xhieda kontra.

141    F’kull każ, ma hemm xejn li jipprekludi lir-rikorrenti milli titlob li xhieda kontra jiġu msejħa u eżaminati quddiem il-Qorti Ġenerali, billi tagħmel talba għal miżuri istruttorji f’dan ir-rigward. Issa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma għamlitx tali talba. Min-naħa l-oħra l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jkun neċessarju li ssejjaħ lix-xhieda inkwistjoni biss jekk ikollu jirriżulta, wara l-eżami magħmul iktar ’il quddiem, li l-atti li jinsabu fil-proċess u l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura orali ma humiex suffiċjenti sabiex tiddeċiedi l-kawża.

142    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li l-insuffiċjenza tal-provi invokati kontriha ġiet rikonoxxuta mill-uffiċjal tas-seduta matul is-seduta mal-Kummissjoni, fejn dan tal-aħħar ippropona eżami kontradittorju tal-prova kuntrarja l-ġdida prodotta mir-rikorrenti, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tagħha. Il-Kummissjoni ma tatx widen għal din il-proposta.

143    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li r‑rapport tal‑uffiċjal tas‑seduta jikkostitwixxi dokument purament intern għall‑Kummissjoni, li ma għandux l‑iskop li jikkompleta jew li jikkorreġi l‑argumentazzjoni tal‑impriżi, u li għalhekk ma għandu l‑ebda aspett deċiżiv li l‑Qorti Komunitarja għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha (sentenzi tal‑Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 176, u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw iktar u iktar għall-kummenti espressi mill-uffiċjal tas-seduta matul is-seduta mal-Kummissjoni, bħal dawk invokati mir-rikorrenti fil-kawża preżenti. F’kull każ, fir-rapport finali tiegħu tal-20 ta’ April 2006, mehmuż mar-risposta, l-uffiċjal tas-seduta ddikjara li r-regoli li jirrigwardaw id-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża kienu ġew rispettati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni.

145    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha, il-kritika li r-rikorrenti tagħmel fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova mill-Kummissjoni u tat-tmexxija tas-seduta mal-Kummissjoni hija, parzjalment infondata u, parzjalment konfuża mal-ilmenti mressqa kontra l-elementi materjali tal-ksur eżaminati iktar ’il quddiem.

–       Fuq il-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

146    Fir-rigward tal-karatteristiċi prinċipali tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat li, mill-31 ta’ Jannar 1994, il-kompetituri skambjaw u ddiskutew informazzjoni kunfidenzjali dwar il-volumi ta’ produzzjoni u l-possibbiltà li dawn jitnaqqsu, billi jippruvaw jostakolaw it-tqegħid fis-suq ta’ kapaċitajiet ġodda. Huma kienu ddiskutew ukoll dwar it-tqassim tal-klijenti u tal-ishma tas-suq, kif ukoll fuq il-prezzijiet tal-bejgħ. Huma waqqfu sistema ta’ sorveljanza, li permezz tagħha huma kienu b’mod regolari jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali fuq is-suq, fuq il-kumpanniji, fuq il-volumi ta’ bejgħ u fuq il-prezzijiet tal-bejgħ. Barra minn hekk, il-kompetituri impenjaw ruħhom fi tnaqqis tal-kapaċitajiet u kienu regolarment janalizzaw l-iżvilupp tal-ishma tas-suq waqt laqgħat multilaterali (premessi 100, 351 sa 354 tad-deċiżjoni kkontestata.

147    Parti kbira mil-laqgħat multilaterali kienu nżammew b’mod marġinali għal-laqgħat ta’ kull sitt xhur tas-CEFIC, li hija assoċjazzjoni legali tal-industrija kkonċernata.

148    F’Awwissu 1997 fi Brussell, kif ukoll matul it-tliet laqgħat sussegwenti, fi Frar, f’April u f’Settembru 1998, il-parteċipanti għall-dawn l-iskambji kienu ftehmu fuq żieda koordinata tal-prezzijiet tal-PH (premessi 171 u 172 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-PBS, matul l-ewwel diskussjonijiet f’dan ir-rigward, kienet ġiet skambjata data sensittiva fuq is-suq, bil-għan li jiġi konkluż ftehim antikompetittiv, u “t-triq kienet ġiet ippreparata” għal ftehim formali sa, minn tal-inqas, mill-15 ta’ Mejju 1998 (premessi 100, 214 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata). L-aħħar laqgħa multilaterali fil-kuntest ta’ din il-kollużjoni seħħet fit-18 ta’ Mejju 2000, iżda l-ftehim fuq iż-żamma tal-livell tal-prezzijiet tal-PH inżamm fis-seħħ sa tmiem is-sena 2000 (premessi 281 u 282, 355 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata).

149    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat li din kienet tifforma parti mill-“qalba irreduċibbli” tal-parteċipanti għall-ksur (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni osservat il-preżenza ta’ indikazzjonijiet ta’ kuntatti kollużorji li jimplikaw lir-rikorrenti sa mill-1991 (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, skont l-informazzjoni ta’ Atofina, in-noti tal-laqgħat ta’ Lulju, ta’ Ottubru u ta’ Novembru 1995, prodotti minn Atofina, jinkludu data tar-rikorrenti u jagħmlu riferiment għall-preżentazzjoni tal-pożizzjoni tar-rikorrenti (premessi 120, 127, 128, 129, 133 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont l-informazzjoni ta’ Degussa, matul laqgħa bilaterali, li seħħet fit-tieni sitt xhur tas-sena 1996 jew fl-ewwel sitt xhur tas-sena 1997, ir-rikorrenti kienet “aċċettat l-idea fundamentali ta’ żieda koordinata fil-livell tal-prezzijiet” (premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata).

150    Kif jirriżulta mill-proċess, din l-informazzjoni relatata mal-perijodu inizjali tal-akkordju ġiet ikkontestata mir-rikorrenti u, fin-nuqqas ta’ konferma, ma kinitx intużat kontriha.

151    Konsegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset b’mod sostanzjali t-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, meta mqabbel mat-tul li kien ġie indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fir-rigward tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha provi li jindikaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħa tal-kartell tad-29 ta’ Mejju 1997 u li din id-data kellha tingħażel għad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni indikat li kienet fermament konvinta bl-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur sat-13 ta’ Diċembru 1999, id-data tal-aħħar laqgħa tal-kartell li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni kellha l-prova tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tar-rikorrenti (premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata).

152    Il-kuntatti illegali invokati kontra r-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontesta huma s-segwenti:

–        tliet laqgħat multilaterali li nżammew fit-28 jew fid-29 ta’ Mejju 1997 f’Sevilla, b’mod marġinali għal laqgħa tas-CEFIC (premessi 156 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata) u li fir-rigward tagħha r-rikorrenti tammetti l-parteċipazzjoni tagħha għal tnejn minnhom, iżda ssostni li kienet opponiet id-diskussjonijiet illegali;

–        erba’ laqgħat multilaterali li nżammew, rispettivament, f’Awwissu 1997 fi Brussell, fit-18 ta’ Settembru 1997 f’Pariġi, fis-17 ta’ Novembru 1997 fi Frankfurt am Main u fil-21 ta’ Novembru 1997 f’Pariġi, li għalihom ir-rikorrenti ma kinitx preżenti fiżikament iżda li dwarhom hija kienet ġiet informata bit-telefown minn Atochem (premessi 171 sa 197 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li r-rikorrenti tikkontesta;

–        laqgħat multilaterali li nżammew fis-26 u fis-27 ta’ Novembru 1997 fi Brussell, b’mod marġinali għal-laqgħa tas-CEFIC (premessi 198 sa 209 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti tammetti li pparteċipat għal-laqgħa tas-CEFIC iżda ssostni li ma kinitx taf dwar id-diskussjonijiet illegali;

–        laqgħat bilaterali bejn Degussa, Kemira u Solvay, bejn tmiem is-sena 1997 u l-bidu tas-sena 1998, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti kienet ġiet informata permezz tat-telefown minn Solvay (premessa 210 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li r-rikorrenti tikkontesta;

–        laqgħat multilaterali tal-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains, b’mod marġinali għal-laqgħa tas-CEFIC (premessi 221 sa 232 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti tammetti li pparteċipat għal-laqgħa tas-CEFIC iżda ssostni li ma kinitx taf dwar id-diskussjonijiet illegali;

–        laqgħa bejn Degussa, Solvay u r-rikorrenti, fit-13 ta’ Lulju 1998 f’Königswinter, dwar l-għeluq ta’ fabbrika tal-PBS ta’ Atochem (premessi 233 sa 236 tad-deċiżjoni kkontestata), li fir-rigward tagħha r-rikorrenti tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħa;

–        laqgħa ta’ “livell għoli” bejn Degussa u Solvay fir-rigward tal-PH u l-PBS, fit-28 ta’ Settembru 1998 fi Brussell, li warajha Degussa kienet iltaqgħet mar-rikorrenti sabiex tinformha bir-riżultat (premessi 239 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ma tiċħadx li ltaqgħet ma’ Degussa iżda ssostni li l-kontenut ta’ dan il-kuntatt kien legali;

–        laqgħa multilaterali dwar il-PH, fit-12 ta’ Ottubbru 1998 f’Düsseldorf, li għaliha r-rikorrenti ma pparteċipatx, iżda li magħha hija kienet, skont Atofina, ingħaqdet bit-telefown (premessi 247 sa 253 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li r-rikorrenti tikkontesta;

–        laqgħat multilaterali u kuntatti bilaterali, b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC, fil-25 u fis-26 ta’ Novembru 1998 fi Brussell (premessi 254 sa 258 tad-deċiżjoni kkontestata), fit-30 ta’ April 1999 f’Estoril (il-Portugall) (premessi 264 sa 265 tad-deċiżjoni kkontestata) u fis-16 ta’ Novembru 1999 fi Brussell (premessi 273 sa 275 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti tammetti li pparteċipat għall-imsemmija laqgħat tas-CEFIC iżda ssostni li ma kinitx taf dwar id-diskussjonijiet illegali;

–        erba’ laqgħat multilaterali li kienu jikkonċernaw esklużivament il-PBS, li nżammew, rispettivament, fis-16 ta’ Settembru 1998 ’f’Lyon (premessi 237 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata), lejn il-bidu tas-sena 1999 f’Milano (premessi 259 sa 263 tad-deċiżjoni kkontestata), fis-sajf tas-sena 1999 f’Bâle (premessi 267 sa 270 tad-deċiżjoni kkontestata) u fit-13 ta’ Diċembru 1999 f’Fribourg (premessi 276 sa 279 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti tikkontesta li pparteċipat għal-laqgħat ta’ Lyon u ta’ Bâle u, filwaqt li tammetti li kienet preżenti għaż-żewġ laqgħat l-oħra, tindika li l-għan tagħhom kien perfettament legali, jiġifieri l-għażla tal-aġir li kellu jiġi adottat fil-konfront tal-moviment “anti-borat” u li, għalkemm id-diskussjonijiet kienu “ddevjaw” lejn suġġetti “inapproprjati”, hija ma kinitx tat “wisq attenzjoni” fid-dawl tad-deċiżjoni li taqleb mill-PBS għal PCS, għal raġunijiet marbutin mal-ambjent.

153    Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, apparti fir-rigward taż-żewġ laqgħat fuq il-PBS, lejn il-bidu tas-sena 1999 f’Milano u fit-13 ta’ Diċembru 1999 fi Fribourg, ir-rikorrenti tikkontesta li pparteċipat għal kuntatti kollużorji fir-rigward tal-elementi l-oħra kollha msemmijin fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq il-laqgħat multilaterali tat-28 jew tad-29 ta’ Mejju 1997 f’Seville

154    F’dak li jirrigwarda t-tliet laqgħat li seħħew f’Sevilla, huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti kienet irrappreżentata fir-rigward tal-ewwel tnejn fir-rigward, rispettivament, tal-PH (fejn il-parteċipanti għal-ewwel laqgħa kienu Atochem, Degussa, Solvay, Kemira u r-rikorrenti) u tal-PBS (fejn il-parteċipanti għat-tieni laqgħa kienu Caffaro u l-istess parteċipanti bħal dawk tal-ewwel laqgħa). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma ħaditx sehem għall-ikla f’restorant li nżammet l-għada (premessi 156, 162 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    Għaż-żewġ laqgħat li għalihom kienet preżenti, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kontenut tad-diskussjonijiet li, minn naħa taw lok għal skambju ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp tas-suq u, min-naħa l-oħra kienu jirrigwardaw proposti ta’ żieda globali tal-prezzijiet u ftehim dwar it-tqassim tas-suq tal-PH (premessi 157 sa 161 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll tentattivi paralleli fir-rigward tal-PBS (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata).

156    Il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li “minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja u l-oppożizzjoni espressa minn uħud mill-manifatturi ż-żagħar Ewropej, ma [kien] intlaħaq ebda ftehim finali dakinhar” (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, it-tentattivi ta’ diskussjonijiet fuq il-PBS intemmu, skont id-dikjarazzjoni ta’ Atofina, “b’irritazzjoni kbira tar-responsabbli ta’ Degussa […] li, ikkonfrontat bir-reżistenza tal-manifatturi ż-żagħar li [kienu qed jirrifjutaw] li jaċċettaw l-opinjonijiet ta’ Solvay u ta’ Degussa, [ħareġ] b’rabja mis-sala” (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata).

157    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti madankollu targumenta li inkwantu manifattur żgħir, hija kienet, fil-verità kontra l-aġir illegali, u dan huwa kkonfermat mill-assenza tagħha għal ikla f’restorant li nżammet l-għada.

158    Ir-rikorrenti tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali aġġunt tagħha ta’ dak iż-żmien, mehmuża mar-rikors, li minnha jirriżulta, fl-opinjoni tagħha, li fir-rigward tal-laqgħa fuq il-PH, ir-rappreżentant tagħha kien indika lil Degussa u lil Solvay li hija kienet “qed tespandi fil-Ġermanja” u li ma kinitx “interessata” minn xi limitazzjoni tal-prezzijiet. Għalhekk hija rrifjutat li tiddiskuti dawn il-prezzijiet u dan wassal għat-tluq bikri tar-responsabbli ta’ Degussa.

159    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba impriża tkun assistiet, anki mingħajr ma kellha rwol attiv, għal laqgħa li matulha ssemmiet prattika miftiehma illegali, hija titqies bħala li pparteċipat għall-imsemmija prattika miftiehma, sakemm hija ma tipprovax li kienet apertament idissasoċjat ruħha minnha jew li hija informat lill-parteċipanti l-oħra li hija kellha l-intenzjoni li tipparteċipa għal-laqgħa inkwistjoni f’perspettiva differenti minn tagħhom (ara s-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 3199, u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    Peress li r-rikorrenti ammetiet li kienet preżenti għad-dikussjonijiet illegali inkwistjoni, hija għandha għalhekk turi li l-parteċipazzjoni tagħha kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva.

161    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-oppożizzjoni tar-rikorrenti għall-proposti speċifiċi ppreżentati minn Degussa, jekk titqies bħala stabbilita, ma hijiex biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, sabiex turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li kienet qed tipparteċipa għal-laqgħat inkwistjoni f’perspettiva differenti minn tagħhom.

162    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-laqgħat deskritti fil-premessi 156 sa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li, “jekk Solvay u Degussa telqu mis-sala tal-laqgħa, dan ma kienx minħabba r-rifjut tal-manifatturi ż-żgħar li jiftiehmu fuq żieda tal-prezzijiet fiha nnifisha, iżda pjuttost għaliex mid-dehra l-proposta ma kinitx tissodisfa lil dawn tal-aħħar, probabbilment minħabba s-sehem tas-suq li kien ġie attribwit lilhom”, li “xejn ma [kien] jindika li [r-rikorrenti] kienet effettivament irrifjutat l-idea nnifisha ta’ ftehim mal-kompetituri jew li hija kienet iddisassoċjat ruħha fir-rigward tal-ftehim propost inkwantu tali” u li, iktar minn hekk, matul il-laqgħa inkwistjoni kienet ġiet skambjata informazzjoni kunfidenzjali (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

163    Minn naħa għandu jiġi osservat li din it-teżi tal-Kummissjoni hija koerenti mal-iżvolġiment tal-akkordju, fejn jirriżulta li, mil-laqgħat ta’ Sevilla, il-partijiet fl-akkordju kienu “ddeċidew li jagħtu inqas importanza lill-ishma tas-suq, li sa dakinhar kienu s-suġġett prinċipali tad-diskussjonijiet, sabiex jikkonċentraw l-interess tagħhom fuq żieda globali tal-prezzijiet” (premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata), u li żieda koordinata tal-prezzijiet kienet ġiet deċiża matul laqgħa sussegwenti fi Brussell, f’Awwissu 1997 (premessi 171 u 172 tad-deċiżjoni kkontestata).

164    Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata oppożizzjoni għan-natura illegali tad-diskussjonijiet bl-ebda mod ma hija kkonfermata mill-informazzjoni li toriġina minn impriżi oħra, li jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw nuqqas ta’ fiduċja bejn il-partijiet fl-akkordju u diverġenza ta’ opinjonijiet bejn il-manifatturi l-kbar u l-manifatturi ż-żgħar (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju ma hijiex limitata għal-laqgħat ta’ Sevilla, li jiffurmaw parti minn grupp ta’ kuntatti kollużorji eżaminati iktar ’il quddiem.

166    Barra minn hekk, il-pożizzjoni addottata mir-rikorrenti matul il-laqgħat inkwistjoni hija ekwivoka. Għalkemm hija sostniet li kienet kontra d-diskussjonijiet antikompetittivi matul il-laqgħa fuq il-PH, li kient tirrigwarda kemm mudell dettaljat għat-tqassim tas-suq kif ukoll il-prezzijiet, madankollu huwa paċifiku li r-rappreżentant tagħha ma telaqx mill-post tal-laqgħa u li huwa pparteċipa għal-laqgħa sussegwenti fir-rigward tal-PBS. Lanqas l-assenza tiegħu għall-ikla f’restorant li nżammet l-għada ma tikkostitwixxi indizju tal-oppożizzjoni tagħha għad-diskussjonijiet kollużorji, peress li anki wħud mill-partijiet l-oħra kkonċernati, b’mod partikolari Solvay u Ausimont, ma pparteċipawx għaliha.

167    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat inkwistjoni, li matulhom seħħet prattika miftiehma illegali, kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva.

–       Fuq it-telefonati rċevuti mir-rikorrenti

168    Fir-rigward tal-laqgħat multilaterali li segwew dawk ta’ Sevilla, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx ipparteċipat fiżikament, iżda li kienet ġiet ikkuntattjata jew informata bir-riżultat tagħhom permezz tat-telefown. Dawn huma, minn naħa, erba’ laqgħat ta’ “livell għoli”, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni ta’ Solvay u, min-naħa l-oħra, serje ta’ laqgħat irrakkontati minn Atofina.

169    L-ewwel nett, fir-rigward tal-laqgħat ta’ “livell għoli”, bejn Degussa, Solvay u Kemira (laqgħat ta’ Awwissu 1997 u ta’ Frar 1998 fi Brussell, laqgħat ta’ April 1998 fi Frankfurt am Main u ta’ Settembru 1998 fi Brussell; premessi 172, 211, 215 u 239 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni indikat li “għalkemm kienu biss tliet impriżi li kienu assistew [għalihom], id-diskussjonijiet kienu jgawdu l-appoġġ tas-settur kollu” u li “[r-rikorrenti] u Ausimont dejjem ġew informati b’mod eżawrjenti (ġeneralment bit-telefown) bir-riżultati tad-diskussjonijiet” (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata).

170    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din il-konstatazzjoni hija bbażata, minn naħa, fuq id-dikjarazzjoni ta’ Solvay, li tgħid li “atturi oħra fis-suq kienu informati bir-riżultati tal-laqgħat bejn Degussa, Solvay u Kemira”, fejn il-Kummissjoni speċifikat li “Solvay, pereżempju, [kienet] informat [lir-rikorrenti] u lil Ausimont […] bir-riżultat konkret tad-diskussjonijiet”, u, min-naħa l-oħra fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Atofina, li jgħidu li, “FMC għal raġunijiet ta’ Company Policy (Kumpannija rreġistrata fl-Istati Uniti) ma kinitx tassisti fiżikament għal-laqgħat kollha iżda kienet iżżomm ruħha aġġornata permezz ta’ Solvay u li kienet evidentement parti kkonċernata fil-ftehim kollha u fin-negozjati [kollha]” (premessa 172 u noti ta’ qiegħ il-paġni 175 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata).

171    Il-Kummissjoni mxiet mad-dikjarazzjoni ta’ Solvay anki f’dak li jirrigwarda l-laqgħat bilaterali bejn Degussa u Kemira, bejn it-tmiem tas-sena 1997 u l-bidu tas-sena 1998, li għalihom kienet “xi kultant” tipparteċipa Solvay. Skont il-Kummissjoni, Degussa u Solvay iddikjaraw li r-rikorrenti ma kinitx ipparteċipat għalihom, minħabba li l-impriża kienet implementat programm ta’ konformizzazzjoni, iżda li Solvay kienet tinfurmaha bir-riżultati ta’ dawn il-laqgħat bit-telefown (premessa 210 tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħmel riferiment għad-dikjarazzjoni ċċitata iktar ’il fuq ta’ Solvay).

172    Ir-rikorrenti tikkontesta li kienet ġiet ikkuntattjata minn Solvay. Hija tenfasizza n-natura impreċiża tad-dikjarazzjoni ta’ din tal-aħħar, billi ssostni li l-affermazzjonijiet ta’ Atofina ma kinux jikkonċernaw il-laqgħat ta’ “livell għoli” u ma setgħux jikkonfermaw id-dikjarazzjoni ta’ Solvay. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni żnaturat l-affermazzjonijiet ta’ Solvay, sa fejn hija kkonstatat li ċerti impriżi kienu ġew informati “b’mod eżawrjenti” u “ġeneralment bit-telefown” (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata).

173    Fir-rigward tal-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ Solvay, għandu jiġi osservat li din hija informazzjoni mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal klemenza minn impriża akkużata. Id-dikjarazzjoni inkwistjoni hija mfassla b’mod ġenerali, fir-rigward tal-laqgħat kollha ta’ “livell għoli”, u ma tippermettix li jiġu identifikati l-persuni fiżiċi implikati f’kuntatti, u dan jipprekludi li tiġi vverifikata permezz ta’ xhieda. Is-silta kkonċernata tad-dikjarazzjoni ta’ Solvay, kif iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 175 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ssemmix li l-informazzjoni kienet ingħatat “bit-telefown” u “b’mod eżawrjenti”. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija mill-ikbar operatur fis-suq, li tgħid li diversi impriżi tas-settur kienu nżammew informati bid-diskussjonijiet illegali, ma jistax jiġi eskluż li dan l-operatur ipprova jimminimizza r-rwol tiegħu fl-iżvolġiment tal-akkordju.

174    Fir-rigward tal-konferma tad-dikjarazzjoni ta’ Solvay, għandu jiġi osservat li din id-dikjarazzjoni, li tirrigwarda l-informazzjoni mogħtija lir-rikorrenti, ma hijiex ikkonfermata minn provi oħra dwar il-laqgħat imsemmija. Fil-fatt, mil-proċess jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ Atofina, imsemmija mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 176 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-verità ma tagħmilx riferiment għal-laqgħat ta’ “livell għoli”, iżda biss għal-laqgħat tal-“grupp B” li nżammew bejn tmiem is-sena 1995 u l-bidu tas-sena 1997, u li seħħew, għall-inqas il-parti l-kbira minnhom, qabel il-perijodu tal-ksur deċiż fil-konfront tar-rikorrenti. Barra minn hekk, huwa kostanti li Atofina ma pparteċipatx għal-laqgħat ikkonċernati mid-dikjarazzjonijiet ta’ Solvay.

175    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, għall-finijiet li jiġi ppruvat li r-rikorrenti kienet ġiet informata bir-riżultati tal-laqgħat ta’ “livell għoli”, id-dikjarazzjoni ta’ Solvay għandha valur probatorju intrinsiku dgħajjef ħafna u li din ma hijiex ikkonfermata direttament minn provi oħra. Konsegwentement, din id-dikjarazzjoni ma tistax tistabbilixxi, waħedha, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-kuntatti kollużorji ta’ bejn Settembru 1997 u Settembru 1998, iżda tista’, l-iktar l-iktar, tikkostitwixxi element aċċessorju fis-serje ta’ indizji magħżula għal dan il-għan.

176    It-tieni nett, fir-rigward tal-ħames laqgħat imsemmijin minn Atofina (laqgħat tat-18 ta’ Settembru 1997 f’Pariġi, tas-17 ta’ Novembru 1992 fi Frankfurt am Main, tal-21 ta’ Novembru 1997 f’Pariġi u ta’ Ottubru 1998 f’Dusseldorf; premessi 180, 188, 193 u 247 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti tikkontesta l-kredibbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ Atofina, li tgħid li hija kienet ġiet infurmata bit-telefown, u ssostni li din ma ġietx ikkonfermata minn elementi ta’ prova oħra. Hija tipproduċi d-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tagħha identifikati fid-dikjarazzjoni ta’ Atofina, li jiċħdu li kienu ġew ikkuntattjati.

177    Fir-rigward tal-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ Atofina, għandu jiġi osservat li l-fatt li din id-dikjarazzjoni saret fil-kuntest ta’ talba għal klemenza ma jimminax, waħdu, il-kredibbiltà tagħha. Ma hemm xejn li jagħti ’l wieħed x’jifhem li Atofina ppruvat timminimalizza l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju billi tindika li hija kienet ikkuntattjat lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ serje ta’ laqgħat. Għandu jiġi osservat ukoll li l-indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-kuntatti mar-rikorrenti bl-ebda mod ma huma mfasslin b’mod vag, iżda bil-kontra ta’ dan jinkludu livell ta’ dettall sinjifikattiv u jippermettu li jiġu identifikati l-impjegati tar-rikorrenti li ġew ikkuntattjati. L-informazzjoni toriġina minn xhud dirett, jiġifieri l-impjegat ta’ Atofina li pparteċipa għal laqgħat ikkontestati. Għandu jiġi mfakkar li dan għamel id-dikjarazzjoni tiegħu fis-26 ta’ Mejju 2003, jiġifieri diversi ġimgħat wara l-produżżjoni tal-ewwel provi, fit-3 ta’ April 2003 (premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata). Kemm miċ-ċirkustanzi tal-kooperazzjoni tiegħu kif ukoll mill-kontenut preċiż tad-dikjarazzjoni tiegħu jirriżulta li din saret b’mod deliberat u wara riflessjoni attenta.

178    Dawn iċ-ċirkustanzi kollha għalhekk jixhdu favur il-valur probatorju għoli tad-dikjarazzjoni inkwistjoni ta’ Atofina.

179    Fir-rigward tal-konferma tad-dikjarazzjoni ta’ Atofina, fir-rigward tal-laqgħa tat-18 ta’ Settembru 1997 f’Pariġi, minbarra dikjarazzjoni ta’ impjegat ta’ Atofina li tgħid li r-rikorrenti ġiet “ikkuntattjata bit-telefown sabiex tingħatalha informazzjoni fuq id-diskussjonijiet”, nota ta’ laqgħa mfassla mill-istess impjegat tirreferi għall-ittra kapitali “E”, li tidentifika lir-rikorrenti, u tindika li din kienet “assenti iżda kkuntatjata bit-telefown” (premessi 180 u 181 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-elementi tal-fajl iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 188 tal-istess deċiżjoni).

180    Fir-rigward tal-laqgħa tas-17 ta’ Novembru 1997 fi Frankfurt am Main, skont l-istess dikjarazzjoni, impjegat jew tnejn tar-rikorrenti kienu ġew ikkuntattjati bit-telefown waqt li kienet qed tiżvolġi l-laqgħa u rappreżentant ta’ Atofina kien tahom rendikont tagħha (premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni hija kkonfermata wkoll minn nota ta’ laqgħa prodotta minn Atofina, li tindika dan li ġej: “FMC = assenti iżda kkuntattjata bit-telefown minni (is-sur […]) rappreżentant lokali ieħor (is-sur […]) attiv ħafna” (nota ta’ qiegħ il-paġna 200 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tissemma bħala l-ewwel impriża li kellha tħabbar iż-żieda tal-prezzijiet u l-informazzjoni tagħha kienet tinsab fit-tabella tal-laqgħa li kienet tinkludi l-prezzijiet minimi għal kull klijent u għal kull manifattur (premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk Degussa speċifikat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li rappreżentant ta’ Atofina kien ċempel lil rappreżentant tar-rikorrenti waqt din il-laqgħa (premessa 192 u nota ta’ qiegħ il-paġna 206 tad-deċiżjoni kkontestata).

181    Fir-rigward tal-laqgħa tal-21 ta’ Novembru 1997 f’Pariġi, skont l-istess dikjarazzjoni ta’ Atofina, ir-rikorrenti kienet ġiet ikkuntattjata bit-telefown sabiex jinkiseb il-kunsens tagħha fuq iż-żieda koordinata tal-prezzijiet (premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata) u n-noti meħudin fil-kuntest ta’ din il-laqgħa jindikaw il-prezzijiet tar-rikorrenti (premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-elementi tal-fajl iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 216).

182    Fir-rigward tal-laqgħa ta’ Ottubru 1998 f’Düsseldorf, minbarra d-dikjarazzjoni li rappreżentant tar-rikorrenti “segwa l-iżvolġiment tal-laqgħa bit-telefown”, il-minuti ta’ din il-laqgħa jsemmu s-sehem tas-suq, attwali jew propost, tar-rikorrenti (premessi 247 sa 249 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-elementi tal-fajl iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 282 tal-istess deċiżjoni).

183    Minn dawn l-elementi jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ Atofina mhux biss talli għandha valur probatorju importanti iżda talli hija kkonfermata, għall-kull laqgħa kkonċernata, minn provi dokumentarji kontemporanji għall-fatti invokati, ipprovduti minn Atofina, kif ukoll, fir-rigward ta’ waħda mil-laqgħat, ikkonfermata mid-dikjarazzjoni li Degussa għamlet fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

184    Barra minn hekk, fid-dawl tal-valur probatorju importanti tad-dikjarazzjoni ta’ Atofina, kif ukoll tal-livell iddettaljat tal-provi dokumentarji prodotti, il-kredibbiltà tagħhom ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li l-provi dokumentarji joriġinaw mill-awtur tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni.

185    Fil-fatt, ir-rikorrenti la tikkontesta l-awtentiċità tal-provi dokumentarji prodotti minn Atofina, u lanqas l-ispjegazzjonijiet li hija tat fir-rigward tal-kontenut tagħhom. Hija tikkontesta biss il-kredibbiltà ta’ dawn id-dokumenti, inkwantu prova tal-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordju.

186    Issa, fid-dawl tal-fatt li dawn huma dokumenti mfasslin minn xhud dirett fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, kif ukoll tal-kontenut preċiż u ddettaljat tagħhom, dawn għandhom jingħataw valur probatorju ċert.

187    Il-kredibbiltà ta’ dawn id-dokumenti ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-kontenut u tal-livell ta’ preċiżjoni tagħhom.

188    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li ċerta informazzjoni hija akkumpanjata minn asteriski u minn punti interrogattivi, xi kultant bl-indikazzjoni “biex tiġi vverifikata”, ma jikkonfutax il-kredibbiltà tal-informazzjoni kollha li tinsab fid-dokumenti kkonċernati.

189    It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tagħha setgħu kienu joriġinaw minn sosrsi oħra, pereżempju, mill-klijenti tagħha, ma huwiex plawżibbli, sa fejn it-tabelli jinkludu informazzjoni oħra li timplika direttament lir-rikorrenti, jiġifieri n-noti li jsemmu li hija kienet ġiet ikkuntattjata, li hija kellha tkun l-ewwel waħda li tħabbar iż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll li s-sehem tas-suq li kellu jiġi attribwit lilha (premessi 188, 192 u 282 tad-deċiżjoni kkontestata).

190    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li, permezz tal-argument tagħha bbażat fuq l-użu darbtejn ta’ provi li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ta’ Atofina, fir-rigward tad-diversi laqgħat, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tirreferi għal elementi tal-fajl li ma intużawx kontriha fid-deċiżjoni kkontestata.

191    Fil-fatt, mill-argumenti tagħha jirriżulta li dawn jew jirrigwardaw laqgħat li seħħew qabel il-perijodu tal-ksur deċiż fil-konfront tagħha (jiġifieri l-laqgħat tat-23 ta’ Novembru 1995, tat-12 ta’ Frar 1996, tat-22 u tat-23 ta’ Mejju 1996, tas-27 ta’ Novembru 1996 kif ukoll “laqgħat ġenerali oħra” tal-1996), jew inkella laqgħat li fir-rigward tagħhom hija ammettiet kemm il-parteċipazzjoni tagħha kif ukoll il-kontenut tad-diskussjonijiet (laqgħat tat-28 u tad-29 ta’ Mejju 1997), jew inkella laqgħat li, għalkemm jissemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma ġewx ikkonfermati fid-deċiżjoni kkontestata (żewġ laqgħat tas-sena 1999, f’Roissy u fi Frankfurt am Main). Barra minn hekk, fir-rigward ta’ nota li allegatament intużat fir-rigward tal-laqgħa tas-26 ta’ Novembru 1997 fi Brussell u laqgħa oħra li nżammet “bejn Ġunju u Settembru 1997”, ir-rikorrenti lanqas biss ma tindika l-premessi kkonċernati tad-deċiżjoni kkontestata.

192    F’dan ir-rigward, meta ġiet mistoqsija dwar dan fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ma indikatx il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li fihom kien sar użu doppju ta’ ċerti provi.

193    Għalhekk, anki jekk jitqies li ċerti noti miktubin bl-idejn prodotti minn Atofina, mingħajr data, ma setgħux jiġu kollegati ma laqgħat speċifiċi, tali argument huwa ineffettiv sa fejn ma jikkonċernax il-provi użati kontra r-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata.

194    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, anki jekk jitqies stabbilit, l-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tal-provi prodotti minn Atofina jista’ jiġi spjegat fid-dawl taż-żmien li għadda bejn il-fatti kkontestati u l-mument ta’ meta d-dikjarant intalab jindika t-tifkiriet tiegħu. Peress li dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni jirrigwarda elementi oħra għajr dawk li ntużaw kontra r-rikorrenti, dan ma huwiex ta’ natura tali li jikkonfuta n-natura kredibbli tal-provi li jirrigwardaw il-kuntatti magħmula mar-rikorrenti u l-użu tal-informazzjoni tagħha, peress li dawn l-aspetti tal-aħħar huma kkonfermati b’mod ċar u preċiż.

195    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tindika li hija kkontestat, fil-kuntest tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, element ipprovdut mill-impjegat ikkonċernat ta’ Atofina, fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni ta’ wieħed mir-rappreżentanti tagħha għal laqgħa f’Pariġi fit-12 ta’ Frar 1996. Sabiex tikkontesta din l-informazzjoni r-rikorrenti tindika li pproduċiet kemm dikjarazzjoni tal-impjegat tagħha li tgħid mod ieħor, kif ukoll kopja tal-passaport ta’ dan tal-aħħar li tinkludi timbru ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Uniti fl-10 ta’ Frar 1996.

196    Għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjoni prodotta mir-rikorrenti tpoġġi f’dubju indikazzjoni partikolari tal-impjegat ta’ Atofina. Fil-fatt, fid-dawl tal-prova prodotta mir-rikorrenti, ma huwiex probabbli wisq li r-rappreżentant tagħha, li daħal fit-territorju tal-Istati Uniti fl-10 ta’ Frar, seta’ jmur Pariġi jumejn wara. Min-naħa l-oħra għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni din il-kunsiderazzjoni u, fin-nuqqas ta’ konferma tal-informazzjoni ta’ Atofina, ma sostnietx li r-rikorrenti kienet ipparteċipat għal-laqgħa inkwistjoni.

197    Madankollu, il-fatt li r-rikorrenti poġġiet f’dubju element prodott minn Atofina, li ma ntużax kontra r-rikorrenti, ma huwiex ta’ natura tali li jaffettwa l-kredibbiltà tad-dikjarazzjoni kkonċernata fit-totalità tagħha.

198    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tagħha li jiċħdu li kienu ġew ikkuntattjati mill-impjegat ta’ Atofina, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 186, 191, 192 u 253 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni din il-kontestazzjoni tal-impjegati tar-rikorrenti u evalwatha fid-dawl tal-provi l-oħra li hija kellha.

199    Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li serje ta’ indizji li tirriżulta, minn naħa, mill-informazzjoni ta’ Atofina fir-rigward tat-telefonati mar-rikorrenti fil-kuntest tal-laqgħat li nżammew bejn Settembru 1997 u Ottubru 1998 u, min-naħa l-oħra, mill-indikazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti u tad-data li tikkonċernha fil-provi dokumentarji relatati ma’ dawn il-laqgħat, turi, suffiċjentement skont il-liġi, li matul il-perijodu kkonċernat ir-rikorrenti kienet ipparteċipat f’kuntatti illegali.

200    Għandu wkoll jiġi osservat li dawn l-elementi huma kkonfermati, fir-rigward ta’ laqgħa, minn Degussa u huma, sussidjarjament, konkordanti mad-dikjarazzjoni ta’ Solvay fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ laqgħat oħra li seħħew matul l-istess perijodu.

201    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti dwar il-provi kkonċernati ma jistax jiġi milqugħ.

–       Fuq il-kuntatti magħmula b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC

202    Il-Kummissjoni ddeċidiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’kuntatti kollużorji li seħħew b’mod marġinali għal ħames laqgħat tas-CEFIC, li seħħew wara l-laqgħa ta’ Sevilla (jiġifieri dik ta’ Novembru 1997, dawk ta’ Mejju u ta’ Novembru 1998 u dawk ta’ April u ta’ Novembru 1999; premessi 198 sa 207, 221 sa 232, 254 sa 258, 264 u 265, 273 sa 275 tad-deċiżjoni kkontestata).

203    Ir-rikorrenti tammetti li pparteċipat għal-laqgħat ta’ kull sitt xhur tas-CEFIC, iżda tikkontesta li kienet involuta f’kuntatti illegali billi ssostni n-nuqqas ta’ prova suffiċjentement preċiża u konkordanti f’dan ir-rigward. Hija tindika li l-laqgħat inkwistjoni nżammew f’postijiet pubbliċi, jiġifieri f”restoranti, f’bars jew f’kurituri ta’ lukanda. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, id-diskussjonijiet illegali seħħew biss b’mod bilaterali jew wara t-tluq tar-rappreżentanti tagħha.

204    Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 159 iktar ’il fuq, ladarba l-Kummissjoni turi l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata għal laqgħat illegali, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva.

205    Għalhekk, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal diskussjonijiet illegali ġietx stabbilita f’dak li jirrigwarda kuntatti kollużorji li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat inkwistjoni tas-CEFIC, u sussegwentement, jekk ikun il-każ, jekk ir-rikorrenti pproduċietx indizji li jistgħu juru li madankollu l-parteċipazzjoni tagħha kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva.

206    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntatti magħmula matul l-ikla f’restorant li seħħet lejliet il-laqgħa tas-CEFIC tas-26 u tas-27 ta’ Novembru 1997 fi Brussell, il-Kummissjoni kkonstatat li Degussa, EKA Chemicals, Solvay u Atofina kienu indikaw li r-rikorrenti u Kemira “kienu effettivament preżenti, li kienu jafu perfettament dwar in-natura illegali tad-diskussjonijiet […] u li huma kienu ħadu sehem fihom” (premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata).

207    Ir-rikorrenti ssostni li EKA Chemicals ma semmietha mkien, li Solvay fasslet biss lista tal-parteċipanti, li fiha ma jidrux l-ismijiet tal-impjegati tagħha, filwaqt li żiedet tgħid li “probabbilment anki l-parteċipanti l-oħra kollha” għal-laqgħa tas-CEFIC kienu rrappreżentati, u, li l-informazzjoni ta’ Atofina u ta’ Degussa kienet tikkonsisti biss fl-indikazzjoni tal-persuni preżenti għall-ikla, fosthom ir-rappreżentanti tagħha. Hija tindika li wieħed mir-rappreżentanti tagħha għamel dikjarazzjoni fejn ċaħad li pparteċipa f’diskussjonijiet illegali.

208    Għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-elementi invokati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 218 tad-deċiżjoni kkontestata, prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Jannar 2010, il-konstatazzjoni li tghid li impjegat tar-rikorrenti ħa sehem għall-ikla li matulha kien hemm diskussjonijiet illegali bejn il-parteċipanti, tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Atofina u ta’ Degussa li huma preċiżi f’dan ir-rigward.

209    Ladarba l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal dawn il-kuntatti illegali tirriżulta minn serje ta’ indizji konkordanti, din ma tistax tiġi kkonfutata bid-dikjarazzjoni tal-impjegat ikkonċernat tagħha, li ma jiċħadx espliċitament li kien preżenti matul il-laqgħa, iżda jsostni biss li ma pparteċipax għal kuntatti kollużorji.

210    Għandu wkoll jiġi osservat li l-implikazzjoni tar-rikorrenti fid-diskussjonijiet illegali inkwistjoni tirriżulta wkoll minn elementi oħra esposti fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li, minn naħa, matul it-tqassim tal-kompetenzi reġjonali, ġie deċiż li r-rikorrenti kellha tkun responsabbli għal Spanja u l-Portugall u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ħadet sehem kemm għal-laqgħa fuq il-PBS, li nżammet b’mod marġinali għal-istess laqgħa tas-CEFIC, kif ukoll għal laqgħat lokali li segwew (premessi 201 u 208 tad-deċiżjoni kkontestata).

211    It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntatti magħmula b’mod marġinali għal-laqgħa segwenti tas-CEFIC, f’Mejju 1998 f’Évian-les-Bains, jiġifieri matul żewġ laqgħat fuq il-PH u l-PBS, mill-elementi msemmijin fil-premessi 222 u 226 tad-deċiżjoni kkontestata, prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Jannar 2010, jirriżulta li Degussa u Solvay ikkonfermaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-laqgħa fuq il-PBS, Atofina hemżet it-tabella tal-laqgħa li fiha ċ-ċifri tal-bejgħ tal-PBS u li tinkludi d-data tar-rikorrenti (premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata).

212    Fid-dikjarazzjoni prodotta mir-rikorrenti u mehmuża mar-rikors, l-impjegat ikkonċernat tagħha ammetta l-eżistenza ta’ diskussjonijiet illegali fuq il-PBS li seħħew b’mod marġinali għal-din il-laqgħa tas-CEFIC, huwa jgħid:

“Anki jiena ħadt sehem għal-laqgħa tas-CEFIC f’Évian-les-Bains li nżammet f’Mejju 1998. Matul din il-laqgħa, id-diskussjoni reġgħet għal darb’oħra xaqilbet lejn is-suġġett tal-ishma tas-suq, kif indikat fid-[dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet]. Il-produtturi ż-żagħar bħar-[rikorrenti] kienu qed jirrifjutaw li jaċċettaw l-iffriżar tal-ishma tas-suq għaliex aħna xtaqna nkomplu nikkompetu.”

213    It-tielet nett, fir-rigward tal-kuntatti magħmula b’mod marġinali għal-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Novembru 1998 fi’ Brussell, jiġifieri l-laqgħa fir-restorant fuq il-PBS, fil-25 ta’ Novembru u l-laqgħa fuq il-PBS tal-għada, mill-elementi msemmijin fil-premessi 255 u 257 tad-deċiżjoni kkontestata, prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Jannar 2010, jirriżulta li Degussa ddikjarat li rappreżentant tar-rikorrenti kien ħa sehem għal dawn iż-żewġ laqgħat illegali. Fir-rigward tal-laqgħa fuq il-PH, din id-dikjarazzjoni ġiet ikkonfermata minn Kemira (premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata).

214    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-kuntatti magħmula b’mod marġinali għal-laqgħa tas-CEFIC ta’ April 1999 f’Estoril, mill-premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont Degussa, dakinhar filgħaxija, fil-bar tal-lukanda, kien saru kuntatti fir-rigward tal-PH.

215    Il-ħames nett, mill-premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont Degussa, ir-rikorrenti pparteċipat għal laqgħa fuq il-PH lejliet il-laqgħa tas-CEFIC tas-16 ta’ Novembru 1999 fi Brussell. L-eżistenza ta’ din il-laqgħa illegali ġiet ammessa minn Solvay, Atofina, Kemira u Ausimont.

216    Għandu jiġi osservat li, għalkemm tirriżulta biss mid-dikjarazzjoni ta’ Degussa, il-konstatazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-kuntatti illegali magħmula fil-kuntest ta’ dawn l-aħħar laqgħat tista’ madankollu tiġi kkunsidrata bħala stabbilita, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 275 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-indizji kollha li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-agiri kollużorji fil-kuntest ta’ serje ta’ laqgħat organizzati skont l-istess modalitajiet. B’mod partikolari l-laqgħat inkwistjoni seħħew fl-istess perijodu bħal-laqgħat li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ammettiet li kienet preżenti waqt id-diskussjonijiet illegali (ara l-punti 235 sa 242 iktar ’il quddiem).

217    Il-konstatazzjoni li tirriżulta minn dawn l-elementi konkordanti ma tistax tiġi kkonfutata mid-dikjarazzjoni tal-impjegat tar-rikorrenti, li mingħajr ma ċaħad espliċitament li kien preżenti matul laqgħat li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat inkwistjoni tas-CEFIC, jikkontesta biss il-fatt li huwa pparteċipa għal kuntatti kollużorji.

218    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni esponiet serje ta’ indizji li jiġġustifikaw, b’mod konvinċenti, il-konklużjoni tagħha dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal laqgħat illegali li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat inkwistjoni tas-CEFIC.

219    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-kuntatti illegali inkwistjoni setgħu saru b’mod bilaterali jew inkella f’lingwi mhux magħrufa mill-impjegati tagħha u li għalhekk ma kinux konxji tagħhom. Dan l-argument ma huwiex plawżibbli, fid-dawl, minn naħa, tal-kumplessità tad-diskussjonijiet, li l-kontenut tagħhom huwa espost b’mod partikolari fil-premessi 200 sa 205, 223 sa 229, 256, 257 u 274 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, tal-indikazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti u tal-informazzjoni tagħha fid-dokumenti mfassla b’konnessjoni immedjata mal-kuntatti kollużorji li seħħew matul l-istess perijodu (ara l-punti 179 sa 182 iktar ’il fuq).

220    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha li jindikaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-kuntatti kollużorji inkwistjoni, din tal-aħħar ma tistax validament tibbaża argument fuq osservazzjoni inċidentali tal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ waħda mill-laqgħat ikkonċernati, li tgħid li “ma jistax jiġi eskluż li […] diversi diskussjonijiet seħħew, pjuttost, fuq bażi bilaterali” (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

221    Konsegwentement, peress li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda indizju ieħor li jista’ jistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat inkwistjoni kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tiddeċiedi li r-rikorrenti kienet implikata fil-kuntatti kollużorji li kien hemm b’mod marġinali għal-laqgħat ikkonċernati tas-CEFIC.

–       Fuq il-laqgħa tat-13 ta’ Lulju 1998 f’Königswinter

222    Fil-premessi 233 sa 236 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li fit-13 ta’ Lulju 1998 kien hemm laqgħa bejn Degussa, Solvay u r-rikorrenti f’Königswinter u li din il-laqgħa kienet ġiet organizzata minn Degussa sabiex “tivverifika li t-tliet kumpanniji kienu deċiżi li jipperswadu lil Atochem ittemm il-produzzjoni tagħha tal-PBS sabiex jitnaqqsu l-kapaċitajiet f’dan is-settur”.

223    Mill-premessi 234 u 235 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal din il-laqgħa laqgħa tirriżulta minn dikjarazzjoni ta’ Degussa, ikkonfermata mir-responsabbli ta’ Solvay, b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

224    Ir-rikorrenti tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa ta’ Königswinter billi tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni tal-impjegat ikkonċernat tagħha kif ukoll fuq irċevuta ta’ taxi li kienet tindika isem dan tal-aħħar, maħruġa f’Barcelona dakinhar stess tal-laqgħa. Barra minn hekk, hija ssostni li Solvay fil-verità ma kkonfermatx il-preżenza tagħha għal din il-laqgħa. Hija tikkontesta d-dikjarazzjoni ta’ Solvay li tgħid li r-rikorrenti “kienet ipparteċipat għall-ftehim ma Atochem, billi inkambu pprovdiet kumpens fi Spanja” (premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata).

225    Għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa u, bil-kontra għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawk ta’ Solvay huma mfassla b’mod ċar u mingħajr ebda dubju jikkonfermaw il-preżenza tar-rikorrenti f’Königswinter. Fil-fatt, għalkemm Solvay ma semmietx il-laqgħa inkwistjoni fit-talba għal klemenza tagħha, iżda biss fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija madankollu indikat, fit-talba għal klemenza tagħha, li Atochem kienet qed titlob kumpens għall-għeluq tas-sit tagħha ta’ produzzjoni tal-PBS, billi indikat li Degussa kienet ikkuntattjat lir-rikorrenti u lilha f’dan ir-rigward (element tal-fajl li ġie parzjalment iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 271 tad-deċiżjoni kkontestata).

226    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, kif ukoll tal-fatt li l-irċevuta tat-taxi maħruġa f’Barcelona dakinhar stess tal-laqgħa ma tikkostitwixxix il-prova li r-rappreżentant tar-rikorrenti ma kienx mar Königswinter fl-istess jum, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tiddeċiedi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat għal-laqgħa inkwistjoni (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata).

227    Għandu wkoll jiġi osservat li, għalkemm ir-rikorrenti ma pparteċipatx għal-laqgħa sussegwenti fuq l-istess suġġett, fl-1 ta’ Ottubru 1998, anki l-elementi li jirrigwardaw din il-laqgħa jikkostitwixxu indizji tal-implikazzjoni tagħha fid-diskussjonijiet dwar l-għeluq tas-sit ta’ produzzjoni tal-PBS ta’ Atochem.

228    Minn naħa, kif jirriżulta mill-premessi 243 u 244 tad-deċiżjoni kkontestata, kemm Degussa kif ukoll Solvay indikaw li s-suġġett tal-laqgħa tal-1 ta’ Ottubru 1998, f’Pariġi, kien il-preżentazzjoni lill-Atochem tal-proposta adottata minn Degussa, minn Solvay u mir-rikorrenti matul il-laqgħa f’Königswinter. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li wara l-għeluq tal-fabbriki ta’ produzzjoni ta’ Atochem u ta’ Caffaro, l-ishma ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji fis-suq tal-PBS kellhom bħala prinċipju jgħaddu fuq Solvay, fuq Degussa u fuq ir-rikorrenti.

229    Fid-dawl ta’ dawn l-elemnti kollha, l-argumenti li r-rikorrenti għamlet sabiex tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha għall-kuntatti li seħħew f’Königswinter, dwar l-għeluq tas-sit ta’ Atochem, ma jistgħux jiġu milqugħin.

–       Fuq il-laqgħa ma Degussa tat-28 ta’ Settembru 1998 fi Brussell

230    Fil-premessi 239 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet laqgħa ta’ “livell għoli”, fit-28 ta’ Settembru 1998 fi Brussell, bejn Degussa u Solvay. Hija kkonstatat li, “sussegwentement (filgħaxija), dejjem fi Brussell, [kien hemm] laqgħa bilaterali bejn rappreżentant għoli ta’ Degussa u rappreżentant għoli [tar-rikorrenti] li s-suġġett tagħha kien li Degussa tikkomunika r-riżultati tal-laqgħa ta’ dakinhar filgħodu”. Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq informazzjoni ta’ Degussa, kif ukoll fuq daħla fl-aġenda ta’ impjegat ta’ Degussa (premessa 241 u nota ta’ qiegħ il-paġna 267 tad-deċiżjoni kkontestata).

231    Ir-rikorrenti ma tikkontestax li din il-laqgħa nżammet, iżda tikkontesta biss is-suġġett tagħha, billi tindika li Degussa ma semmietx din il-laqgħa fit-talba għal klemenza tagħha u li, fl-informazzjoni ulterjuri tagħha, hija osservat biss li “s-suġġett tal-laqgħa [kien] diskussjoni ta’ natura ġenerali dwar l-iżvilupp tas-suq Ewropew tal-PH, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell għoli ta’ prezzijiet milħuqa, u tal-possibbiltajiet li jinżamm tali livell”.

232    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-laqgħa inkwistjoni ma tissemmiex fit-talba għal klemenza ta’ Degussa huwa irrilevanti, sa fejn ir-rikorrenti ma tikkontestax li din il-laqgħa nżammet. Fir-rigward tas-suġġett kollużorju ta’ din il-laqgħa, għandu jiġi osservat li, kif osservat il-Kummissjoni, dan huwa kkonfermat bil-fatt li l-laqgħa mar-rikorrenti seħħet wara l-laqgħa ma’ Solvay, li s-suġġett illegali tagħha ma huwiex ikkontestat, li din hija indikata, fl-aġenda ta’ impjegat ta’ Degussa, bħala l-“laqgħa segwenti” (nächstes meeting) u li din ġiet inkluża fil-lista ta’ kuntatti kollużorji pprovduta minn Degussa (nota ta’ qiegħ il-paġna 267 tad-deċiżjoni kkontestata).

233    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-laqgħa inkwistjoni.

–       Fuq il-laqgħat dwar il-PBS

234    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat is-serje ta’ laqgħat segwenti, dwar il-PBS, bejn Degussa, Solvay, Ausimont u r-rikorrenti:

–        il-laqgħa tas-16 ta’ Settembru 1998 f’Lyon (premessi 237 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħa tal-bidu tas-sena 1999 f’Milano (premessi 259 sa 263 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħa matul is-sajf tas-sena 1999 f’Bâle (premessi 267 sa 270 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħa tat-13 ta’ Diċembru 1999 fi Fribourg (premessi 276 sa 279 tad-deċiżjoni kkontestata).

235    Għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-laqgħat ta’ Milano u ta’ Fribourg, ir-rikorrenti tammetti kemm il-parteċipazzjoni tagħha kif ukoll il-fatt li d-diskussjonijiet kienu “ddevjaw” lejn suġġetti “inapproprjati” iżda ssostni li r-rappreżentant tagħha ma kienx ta “wisq attenzjoni” għal dawn id-diskussjonijiet.

236    Peress li l-preżenza tar-rikorrenti u l-kontenut illegali tad-diskussjonijiet ġew stabbiliti, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa għal dawn il-laqgħat f’perspettiva differenti minn tagħhom (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 159 iktar il-fuq).

237    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni tal-impjegat tagħha li pparteċipa għal dawn iż-żewġ laqgħat, li l-għan ta’ dawn il-laqgħat kien li jiġu diskussi meżżi li l-industrija setgħet tuża sabiex ittaffi t-tħassib maħluq mill-moviment “anti-borat” u li, fid-dawl ta’ dan it-tħassib hija kienet diġà pprevediet li tiżviluppa “prodott alternattiv”, il-PCS. Għalhekk, għalkemm tammetti li, matul il-laqgħat inkwistjoni, manifatturi oħra kienu impenjaw ruħhom f’diskussjonijiet illegali, ir-rikorrenti ssostni li dawn id-diskussjonijiet ma kinux interessaw lir-rappreżentant tagħha, li għalhekk ma pparteċipax għad-diskussjonijiet illegali, minkejja li ma telaqx mill-post fejn kienu qed isiru. Skont ir-rikorrenti, din l-ispjegazzjoni hija kkonfermata minn Degussa, li tiddikjara li l-laqgħat inkwistjoni nżammew fil-kuntest ta’ diskussjonijiet legali.

238    Għandu jiġi osservat li l-laqgħat inkwistjoni seħħew fi żmien meta l-akkordju kien żviluppat sew u li kienu preċeduti minn ċertu numru ta’ kuntatti kollużorji li jimplikaw lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti nnifisha tammetti l-kontenut illegali tad-diskussjonijiet, mingħajr ebda indikazzjoni fil-miftuħ tal-oppożizzjoni tagħha, u mingħajr ma indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa għal dawn il-laqgħat f’perspettiva differenti minn tagħhom.

239    Barra minn hekk ma huwiex plawżibbli wisq li r-rikorrenti ma kellha ebda interess fid-diskussjoni illegali dwar il-prezzijiet tal-PBS, sa fejn hija kompliet tipproduċiħ fis-sena 1999 u fis-sena 2000 u kienet fost l-ikbar erba’ manifatturi tal-PBS, li kollha kemm huma pparteċipaw għall-istess laqgħat, u sa fejn hija bdiet tikkummerċjalizza l-PCS biss fis-sena 2002 (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

240    Barra minn hekk, il-provi dwar il-laqgħat inkwistjoni jinkludu tabelli li fihom indikazzjonijiet speċifiċi dwar l-ishma tas-suq tal-parteċipanti (premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata) u li jsemmu d-diskussjonijiet fuq l-attribuzzjoni tal-ishma tas-suq li kienu disponibbli wara l-għeluq tal-fabbriki ta’ produzzjoni ta’ Atochem u ta’ Caffaro, li “kellhom bħala prinċipju jgħaddu fuq Solvay, fuq Degussa u fuq [ir-rikorrenti] skont is-sehem tas-suq reali tagħhom” (premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

241    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-indikazzjoni ta’ Degussa, li tgħid li l-laqgħat inkwistjoni nżammew “fi ħdan” laqgħat legali, ma tfissirx li d-diskussjonijiet illegali seħħew “mingħajr ma kienu ppjanati” u li kienu ta’ natura fortuita.

242    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex juru li l-parteċipazzjoni tagħha għad-diskussjonijiet inkwistjoni kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva.

243    Fir-rigward tal-laqgħat ta’ Lyon u ta’ Bâle, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal dawn il-laqgħat tirriżulta minn informazzjoni li toriġina, rispettivament, minn Degussa u minn Solvay, mhux ikkonfermata minn provi oħra, fid-dawl tal-identiċità tal-parteċipanti tagħhom u tal-għan tagħhom, kif ukoll peress li seħħew qrib xulxin, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tiddeċiedi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat għal dawn il-laqgħat kollha kemm huma.

244    Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti, dwar il-laqgħat fuq il-PBS miżmuma bejn Settembru 1998 u Diċembru 1999, ma jistgħux jiġu milqugħin.

–       Konklużjoni

245    Għandu jiġi mfakkar li l-provi li l-Kummissjoni invokat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE min-naħa ta’ impriża ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat iżda fil-globalità tagħhom (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq).

246    Wara l-eżami espost fil-punti 113 sa 244 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi kollha analizzati jikkostitwixxu serje ta’ indizji li juru, suffiċjentement skont il-liġi, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

247    Fil-fatt, għall kull wieħed mill-fatti kostituttivi ta’ dan il-ksur, il-Kummissjoni pproduċiet prova kredibbli u li, f’numru kbir ta’ każijiet, kienet ikkonfermata direttament minn provi oħra. Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju tirriżulta, minn naħa, mill-parteċipazzjoni tagħha għal diversi laqgħat u kuntatti kollużorji u, min-naħa l-oħra, mill-indikazzjoni ta’ isimha u tal-informazzjoni tagħha fid-diversi dokumenti mfassla b’konnessjoni immedjata ma’ dawn il-kuntatti. L-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat żnaturament jew “tisbieħ” tal-provi huma, fid-dawl tal-analiżi mwettqa iktar ’il fuq, infondati.

248    Sa fejn, għal ċerti fatti li jikkostitwixxu ksur, il-Kummissjoni invokat provi iżolati, li ma setgħux ikunu kkonfermati direttament permezz ta’ indizji oħra, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl ta’ serje ta’ indizji konkordanti li juru l-parteċipazzjoni fl-akkordju, hemm bżonn ta’ spjegazzjoni verament solida sabiex tinkiseb il-konvinzjoni li, matul ċerta fażi ta’ serje ta’ laqgħat, seħħew affarijiet li kienu totalment differenti minn dawk li seħħew matul laqgħat preċedenti u sussegwenti (ara l-punt 127 iktar ’il fuq).

249    Issa, fid-dawl tal-analiżi magħmula iktar ’il fuq għandu bilfors jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċietx argumenti solidi li jistgħu jikkonfutaw il-provi li l-Kummissjoni użat fil-konfront tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda ċerti laqgħat li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq indizji li joriġinaw minn sors wieħed ta’ informazzjoni (ara l-punti 216 u 243 iktar ’il fuq).

250    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kritika tar-rikorrenti li tinvoka l-benefiċċju tad-dubju, skont il-prinċipju in dubio pro reo, għandha tiġi miċħuda. Wara evalwazzjoni globali, kemm din il-kritika, kif ukoll l-ilmenti speċifiċi tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura tali li jikkonfutaw is-serje ta’ indizji preċiżi u konkordanti użati fid-deċiżjoni kkontestata.

251    Fl-aħħar nett, il-legalità tal-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti ta’ din tal-aħħar intiżi sabiex juru li hija kienet aġixxiet “aggressivament” fis-suq, abbażi ta’ deskrizzjoni storika tal-iżviluppi fis-suq u, b’mod partikolari, taż-żieda sinjifikattiva tas-sehem tagħha tas-suq fiż-ŻEE bejn s-sena 1993 u s-sena 2001.

252    Fil-fatt, minn naħa, ladarba l-għan antikompetittiv ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma jiġi stabbilit, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 140, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punti 28 sa 30).

253    Min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà ta’ impriża partikolari għall-ksur hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’laqgħat waqt li kienet taf l-għan antikompetittiv tagħhom, anke jekk sussegwentement hija ma implementatx xi waħda jew oħra mill-miżuri li jkunu ftehmu dwarhom matul dawn il-laqgħat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 508 u 509).

254    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel motiv ma huwiex fondat u għandu, għaldaqstant jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl.

 L-argumenti tal-partijiet

255    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ċerti elementi kontra meħuda mir-risposti ta’ Solvay u ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma tatha l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fuq dawn l-elementi.

256    L-ewwel nett, fir-rigward tal-informazzjoni ta’ Solvay dwar telefonati, din tal-aħħar ma indikatx id-dati ta’ meta hija allegatament ikkuntattjat lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn kienu jirrigwardaw il-laqgħat deskritti fil-premessi 171 sa 174, 211, 215 sa 217 u 239 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, jidher li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet Solvay ċaħdet li kienet ipparteċipat għal-laqgħa msemmija fil-premessi 215 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-element huwa partikolarment importanti, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-allegati telefonati ta’ Solvay sabiex sussegwentement tikkonferma l-allegati telefonati ta’ Atofina. Issa, ir-rikorrenti ma kelliex aċċess għar-risposta ta’ Solvay għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tkun tista’ ssir taf dwar dak li din kienet indikat dwar din il-laqgħa.

257    It-tieni nett, il-Kummissjoni apparentement ibbażat ruħha fuq ir-risposti ta’ Degussa u ta’ Solvay għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-laqgħa ta’ Settembru 1998 fi Brussell (premessi 239 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, ir-rikorrenti ma setgħetx tikkonsulta l-eventwali indikazzjonijiet li Solvay għamlet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fir-rigward tat-telefonati li hija allegatament irċeviet fir-rigward ta’ din il-laqgħa.

258    It-tielet nett, il-Kummissjoni apparentement ibbażat ruħha fuq ir-risposta ta’ Solvay għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tikkonferma l-allegazzjoni ta’ Degussa li tgħid li r-rikorrenti kienet ipparteċipat għal-laqgħa ta’ Novembru 1999 fi Brussell (premessi 273 sa 275 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li r-rikorrenti ma setgħetx issir taf dak li qalet Solvay, hija ma setgħetx tirrispondi għal dan l-ilment.

259    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ngħatatx il-possibbiltà li tipprepara d-difiża tagħha minħabba li hija ma kelliex aċċess għar-risposti inkwistjoni, li setgħu anki kienu jinkludu elementi favur.

260    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

261    Skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu ggarantiti kompletament matul l-iżvolġiment tal-proċeduri. Il-partijiet huma intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu tal-impriżi li s-sigrieti tan-negozju tagħhom ma jiġux żvelati.

262    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li l‑Kummissjoni għandha tagħti lill‑impriża kkonċernata l‑possibbiltà li twettaq eżami tad‑dokumenti kollha li jinsabu fil‑fajl tal‑investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad‑difiża tagħha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punti 125 sa 128, u s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali, tad‑29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 81).

263    Dawn jinkludu kemm il-provi kontra kif ukoll dawk favur, bla ħsara għas-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 68).

264    Fir-rigward tal-provi kontra, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id‑dokument sabiex issostni l-oġġezzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min‑naħa l-oħra, li din l-oġġezzjoni setgħet biss tiġi pprovata permezz ta’ riferiment għall-imsemmi dokument. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid‑deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dan id-dokument mhux ikkomunikat ma kienx jiġi kkunsidrat bħala prova (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punti 71 sa 73).

265    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument favur, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħtet tuża l-imsemmi dokument favur għad-difiża tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 253 iktar ’il fuq, punt 318, u Hercules Chemicalsvs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 81), billi turi b’mod partikolari li hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għalhekk, b’xi mod, kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 74).

266    Fir-rigward tal-aċċess għar-risposti mogħtija mill-impriżi kkonċernati l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jitfakkar li tali risposti ma jifformawx parti mill-fajl veru u proprju tal-investigazzjoni (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 380).

267    Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti li ma jifformawx parti mill-fajl kif kien stabbilit meta ġiet innotifikata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata li tiżvela l-imsemmija risposti lil impriżi oħra biss jekk jirriżulta li dawn fihom elementi ġodda favur jew kontra.

268    Fil-kawża preżenti, minn naħa, fir-rikors tagħha r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha permezz tal-użu, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ ċerti elementi kontra meħuda mir-risposti ta’ Solvay u ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fuqhom hija ma kelliex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li ma ngħatatx il-possibbiltà li tipprepara d-difiża tagħha, minħabba li hija ma kelliex aċċess għar-risposti inkwistjoni, li setgħu anki kienu jinkludu elementi favur.

269    Barra minn hekk, matul is-seduta, hija żviluppat argument ġdid ibbażat fuq in-nuqqas ta’ aċċess għal dokument ta’ Solvay, prodott mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2010 (ara l-punt 300 iktar ’il quddiem).

–       Fuq l-allegati elementi kontra meħuda mir-risposti ta’ Solvay u ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

270    Hija ġurisprudenza stabbilita li, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq elemen mislut minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-argumenti tagħhom fuq tali prova ġdida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-element inkwistjoni effettivament jikkostitwixxi element kontra d-diversi impriżi li allegatament ipparteċipaw fil-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 386, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 50).

271    Dokument jista’ jiġi kkunsidrat bħala dokument kontra biss meta dan jintuża mill-Kummissjoni insostenn tal-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq minn impriża. Sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-konfront tagħha, ma huwiex biżżejjed li l-impriża inkwistjoni turi li, matul il-proċedura amministrattiva, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuq dokument użat fi kwalsiasi parti tad-deċiżjoni kkontestata. Jeħtieġ li hija turi li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni użat dan id-dokument bħala prova addizzjonali sabiex tikkonkludi ksur li għalieh l-impriża pparteċipat (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 35).

272    F’dan il-każ huwa paċifiku li fl-24 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni żvelat lir-rikorrenti s-siltiet tar-risposti ta’ Solvay u ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kien fihom elementi ġodda li hija kellha l-intenzjoni li tuża kontra r-rikorrenti. Dawn kienu l-punti 249 sa 254 tar-risposta ta’ Solvay, dwar il-laqgħa dwar l-għeluq ta’ sit ta’ produzzjoni tal-PBS ta’ Atochem, fit-13 ta’ Lulju 1998 f’Königswinter, u l-punti 26 sa 28 tar-risposta ta’ Degussa, dwar it-telefonata mar-rikorrenti fil-kuntest tal-laqgħat f’Novembru 1997. Ir-rikorrenti ppreżentat il-kummenti tagħha fil-15 ta’ Marzu 2006.

273    Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-Kummissjoni użat kontriha elementi oħra mislutin mill-istess risposti, li ma ġewx żvelati lilha.

274    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li mid-deċiżjoni kkontestata donnu jirriżulta li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet Solvay ċaħdet li pparteċipat għal-laqgħa ta’ April 1998 fi Frankfurt am Main, imsemmija fil-premessi 215 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, dan l-element huwa importanti għaliex il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li Solvay kienet informat lir-rikorrenti bit-telefown, b’mod partikolari, dwar ir-riżultat tal-laqgħa kkonċernata (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata).

275    Għandu jiġi osservat li fil-verità, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tinvoka n-nuqqas ta’ żvelar ta’ allegat element favur.

276    F’dan ir-rigward, mill-premessa 217 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda din il-laqgħa tal-1998, Solvay ma kkontestatx il-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa inkwistjoni iżda biss l-użu ta’ prova, jiġifieri l-aġenda ta’ wieħed mid-diretturi ġenerali tagħha fis-settur kimiku, peress li din l-aġenda kienet, skont Solvay, ta’ direttur li nħatar fis-sena 2000.

277    Issa, din is-sempliċi preċiżazzjoni ma tistax tikkontradixxi d-dikjarazzjoni ta’ Solvay dwar l-informazzjoni mogħtija lir-rikorrenti fis-serje ta’ laqgħat ikkonċernati u, għaldaqstant, ma tistax tikkostitwixxi element favur.

278    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn Degussa u minn Solvay sabiex tistabbilixxi fatti dwar il-laqgħa tat-28 ta’ Settembru 1998 fi Brussell (premessi 239 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata).

279    Għandu jitfakkar li fil-premessi 239 sa 241 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet, abbażi tal-informazzjoni misluta mit-talba għal klemenza ta’ Degussa, laqgħa ta’ “livell għoli” bejn Degussa u Solvay li kienet tirrigwarda l-PH u l-PBS, filwaqt li indikat ukoll li, fl-istess jum, Degussa kienet iltaqgħet mar-rikorrenti sabiex tinformha bir-riżultati ta’ din il-laqgħa.

280    Barra minn hekk, mill-premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-elementi prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Jannar 2010, jirriżulta li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Solvay, filwaqt li kkonfermat li din il-laqgħa nżammet, qieset li l-kwistjoni tal-PBS ma setgħetx tiġi diskussa, iżda jirriżulta wkoll li Degussa, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kienet espliċitament ikkonfermat li anki l-PBS kien ġie diskuss, fejn id-diskussjoni kienet tirrigwarda pjan komuni għall-għeluq tal-fabbrika tal-PBS ta’ Atochem. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha li tgħid li l-laqgħa kienet tirrigwarda ż-żewġ prodotti inkwistjoni.

281    Għandu jiġi osservat li l-indikazzjonijiet li jirriżultaw minn dawn ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jitrattaw prinċipalment il-kontenut tal-laqgħa bejn Degussa u Solvay, u mhux dik bejn Degussa u r-rikorrenti. Dawn jikkonċernaw unikament il-kwistjoni ta’ jekk din il-laqgħa kinitx tirrigwarda ż-żewġ prodotti jew inkella sempliċement il-PH. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Degussa kienet espliċitament ikkonfermat l-informazzjoni mogħtija preċedentement.

282    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preċiżazzjonijiet inkwistjoni magħmula minn Solvay u minn Degussa fir-risposti rispettivi tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jinvolvu element ġdid kontra r-rikorrenti.

283    Fir-rigward tal-istess laqgħa, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tikkonsulta l-eventwali indikazzjonijiet ta’ Solvay fir-rigward ta’ telefonata li hija allegatament irċeviet mingħand din tal-aħħar.

284    Għandu jiġi osservat li, għalkemm id-dikjarazzjoni ta’ Solvay dwar l-informazzjoni mogħtija lir-rikorrenti (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata) tagħmel riferiment ukoll għal-laqgħa inkwistjoni, l-elementi invokati fil-premessi 239 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata, prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Jannar 2010, ma jagħmlux riferiment għat-telefonata bejn Solvay u r-rikorrenti. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat użu ta’ element ġdid kontriha mislut mir-risposta ta’ Solvay għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-laqgħa inkwistjoni, huwa infondat.

285    It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-risposta ta’ Solvay għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tikkonferma l-indikazzjoni ta’ Degussa li tgħid li hija kienet ipparteċipat għal-laqgħa ta’ Novembru 1999 fi Brussell (premessi 273 sa 275 tad-deċiżjoni kkontestata).

286    Mill-premessa 275 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-elementi prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Jannar 2010, jirriżulta li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Solvay illimitat ruħha li tindika li ma kelliex informazzjoni fuq din il-laqgħa iżda li tikkonferma li kienet ipparteċipat għaliha. Hija indikat, barra minn hekk, mingħajr ma kkontestat il-kontenut illegali tad-diskussjonijiet, li s-sitwazzjoni reali fis-suq kienet, dak iż-żmien, li l-manifatturi kienu bdew japplikaw prezzijiet indipendenti sabiex ikattru l-ishma tagħhom tas-suq.

287    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-istess premessa, “peress li Solvay [kienet] ikkonfermat id-dikjarazzjoni ta’ Degussa u peress li Atofina, Kemira u Solexis [ma kinux] ikkontestaw il-kontenut ta’ din il-laqgħa kif espost fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”, il-Kummissjoni ma biddlitx il-konklużjoni tagħha dwar il-laqgħa inkwistjoni, peress li qieset li l-fatt li din il-laqgħa nżammet “fl-istess kuntest u skont l-istess modalitajiet bħal dawk li [kienu] jikkaratterizzaw il-laqgħat l-oħra tal-kartell tal-istess perijodu” u li r-rikorrenti kienet implikata kien kredibbli.

288    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-indikazzjoni mogħtija minn Solvay fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, element aċċessorju fis-serje ta’ indizji użati mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-laqgħa inkwistjoni. Fid-dawl tal-kontenut tagħha, l-indikazzjoni ta’ Solvay li tgħid li hija tikkonferma l-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa inkwistjoni, ma hijiex ta’ natura tali li tikkostitwixxi element ta’ prova addizzjonali f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur.

289    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq elementi ġodda kontra mislutin mis-siltiet mhux żvelati tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, għaldaqstant, ma tistax tinvoka n-nuqqas ta’ żvelar ta’ dawn l-elementi.

–       Fuq l-allegati elementi favur mislutin mir-risposti ta’ Solvay u ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

290    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħti aċċess, fuq inizjattiva tagħha stess, għal dokumenti li ma humiex fil-fajl tal-investigazzjoni tagħha u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tuża kontra l-partijiet ikkonċernati fid-deċiżjoni finali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 383, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 340).

291    Fil-kawża preżenti, mill-fajl jirriżulta li r-rikorrenti ma talbitx, matul il-proċedura amministrattiva, aċċess għar-risposti ta’ Degussa u ta’ Solvay għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda li hija għamlet talba f’dan ir-rigward fit-18 ta’ Mejju 2006, wara li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lilha. Din it-talba ġiet miċħuda mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Ġunju 2006.

292    Għandu jiġi osservat li, fir-rigward tad-dokumenti li l-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola ġenerali, obbligata li tiżvela fuq inizjattiva tagħha stess, ir-rikorrenti ma tistax, bħala prinċipju, validament tinvoka l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ allegati elementi favur li jinsabu fir-risposti inkwistjoni, ladarba hija ma talbitx aċċess għal dawn ir-risposti matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 383).

293    Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti xi siltiet mir-risposti inkwistjoni (ara l-punt 272 iktar ’il fuq).

294    Fil-fatt, jekk il‑Kummissjoni għandha l‑intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, is‑silta inkwistjoni tikkostitwixxi element kontra fir-rigward tad‑diversi impriżi li pparteċipaw fil‑ksur (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 386, u Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, punt 50).

295    Għalhekk, filwaqt li hija obbligata tiżvela lill-impriżi kkonċernati s-siltiet tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jinkludu kull indikazzjoni rilevanti fir-rigward tal-imsemmi element kontra, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li testendi dan l-iżvelar għas-siltiet l-oħra tar-risposta inkwistjoni, li ma għandhom ebda konnessjoni mal-element invokat.

296    Barra minn hekk, jekk jitqies li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti għandha tinftihem bħala intiża li tistabbilixxi li l-Kummissjoni kellha tikkonstata l-preżenza ta’ elementi favur fir-risposti inkwistjoni u, għaldaqstant, tikkomunikhom lir-rikorrenti fuq inizjattiva tagħha stess, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ tali argumentazzjoni, hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi l-ewwel indizju tal-utilità, għad-difiża tagħha, tar-risposti kkonċernati.

297    Hija għandha, b’mod partikolari, tindika l-eventwali elementi favur inkwistjoni u tipprovdi indizju li juri l-eżistenza tagħhom u, għaldaqstant, l-utilità tagħhom għall-bżonnijiet tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 351 sa 359).

298    Issa, fil-kawża inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-argumenti eżaminati u miċħuda fil-punti 276 u 277 iktar ’il fuq, fir-rikors tagħha r-rikorrenti ma tagħmel ebda argumentazzjoni speċifika f’dak li jirrigwarda l-eventwali preżenza ta’ elementi favur fis-siltiet mhux żvelati tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

299    Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq allegati elementi favur li jinsabu fil-partijiet mhux żvelati tar-risposti ta’ Solvay u ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistax jiġi milqugħ.

–       Fuq id-dokument ta’ Solvay

300    Matul is-seduta, ir-rikorrenti għamlet argumentazzjoni ġdida fir-rigward ta’ dokument ta’ Solvay prodott mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Jannar 2010. Skont ir-rikorrenti, dan id-dokument, li ma ġiex żvelat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, mhux biss talli ġie invokat bħala element kontra iżda talli jinkludi elementi favur f’dak li jikkonċerna l-kontenut tal-laqgħa inkwistjoni.

301    Peress li dan huwa dokument li ġie żvelat mill-Kummissjoni wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, l-argumentazzjoni inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata ammissibbli fir-rigward tar-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

302    Fuq il-mertu, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq allegat element kontra, għandu jiġi osservat li d-dokument inkwistjoni, għalkemm prodott mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-elementi tal-fajl invokati insostenn tal-konstatazzjonijiet dwar il-laqgħa ta’ Brussell tas-26 ta’ Novembru 1997 (premessi 198 u 199 tad-deċiżjoni kkontestata), fil-verità ma jinsabx fost l-elementi tal-fajl invokati fl-imsemmija premessi tad-deċiżjoni kkontestata.

303    Fil-fatt, kif iddikjarat il-Kummissjoni matul is-seduta mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, l-imsemmi dokument jikkostitwixxi traskrizzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ Solvay, li kienet tikkonsisti f’dikjarazzjoni orali, ikkonfermata sussegwentement bil-miktub. Kienet biss il-verżjoni bil-miktub, li kienet iktar konċiża, li ġiet inkluża fil-fajl u invokata fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 198 u nota ta’ qiegħ il-paġna 217 tad-deċiżjoni kkontestata).

304    Il-Kummissjoni tispeċifika li, fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl mogħti lir-rikorrenti, id-dokument inkwistjoni kien espliċitament iċċitat bħala dokument intern tal-Kummissjoni u li ma kienx intuża fl-elaborazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

305    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ indizji tal-fatt li dan id-dokument effettivament intuża mill-Kummissjoni, l-imsemmi dokument ma jistax jiġi kkunsidrat bħala element ġdid kontra mhux żvelat.

306    Fir-rigward tal-allegati elementi favur, għandu jiġi osservat li, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, il-fajl stabbilit mill-Kummissjoni għandu jinkludi l-elementi rilevanti kollha miksuba matul l-investigazzjoni. B’mod partikolari, għalkemm huwa ċertament minnu li hija tista’ teskludi mill-proċedura amministrattiva l-elementi li ma għandhom ebda relazzjoni mal-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li huma, konsegwentement, irrilevanti għall-investigazzjoni, madankollu l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiddetermina, waħedha, id-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar’il fuq, punt 126).

307    F’dan ir-rigward, fil-kawża preżenti l-Kummissjoni, billi eskludiet mill-fajl id-dokument inkwistjoni, li jinvolvi traskrizzjoni tad-dikjarazzjoni orali ta’ Solvay dwar waħda mil-laqgħat invokati fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li d-dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-istess impriża fir-rigward ta’ din il-laqgħa kienet intużat inkwantu element rilevanti għall-investigazzjoni, naqset milli tosserva dawn ir-rekwiżiti.

308    Madankollu, għandu jitfakkar li tali irregolarità tista’ taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk din influwenzat l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata bi ħsara għar-rikorrenti, li hija obbligata li turi li hija setgħet tuża d-dokument favur mhux żvelat sabiex tiddefendi ruħha, u b’mod partikolari li hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li għalhekk setgħu jinfluwenzaw, b’xi mod kwalsiasi, l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 265 iktar ’il fuq).

309    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li l-verżjoni mhux żvelata tad-dikjarazzjoni ta’ Solvay tinkludi indikazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ fiduċja bejn il-manifatturi, li setgħu jaffettwaw il-konstatazzjoni tal-kontenut illegali tal-laqgħa tas-26 ta’ Novembru 1997.

310    Għandu jiġi osservat li l-verżjoni mhux żvelata tad-dikjarazzjoni tinkludi ċerti osservazzjonijiet tar-rappreżentant ta’ Solvay, invokati mir-rikorrenti, li jiddeskrivu l-“klima ta’ Gwerra” bejn il-parteċipanti għad-diskussjonijiet, ikkunsidrati mhux bħala “kompetituri, iżda [bħala] edewwa”, filwaqt li “kien hemm bżonn post iktar akkoljenti sabiex in-nies terġa tibda tkellem lil xulxin […] sabiex il-persuni jemmnu li l-parti kienet ser tgħolli l-prezzijiet u li parti oħra ma kinitx ser tapprofitta ruħha sabiex tikseb il-klijent”.

311    Għandu jiġi osservat li, għalkemm ċerti siltiet tad-dikjarazzjoni orali ta’ Solvay, b’mod partikolari dawk iċċitati iktar ’il fuq, ma humiex riprodotti fil-verżjoni bil-miktub tal-istess dikjarazzjoni, li hija aqsar u li hija l-unika waħda li ġiet inkluża fil-fajl, xorta waħda jibqa l-fatt li l-kontenut ta’ dawn iż-żewġ verżjonijiet ma huwiex diverġenti b’mod rilevanti.

312    Fil-fatt, is-siltiet invokata mir-rikorrenti, li jagħmlu riferiment għall-klima ta’ sfiduċja li kienet teżisti dak iż-żmien bejn il-manifatturi, li barra minn hekk ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ laqgħa oħra li seħħet fl-istess perijodu, (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jistgħux jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tan-natura kollużorju tal-laqgħa inkwistjoni, li tirriżulta minn serje ta’ indizji invokati fil-premessi 198 sa 205 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, fl-istess dikjarazzjoni, Solvay iddikjarat espliċitament in-natura illegali tad-diskussjonijiet, filwaqt li speċifikat li, “matul l-ikla [inkwistjoni,] ġie miftiehem li nippruvaw ngħollu l-prezzijiet sabiex dawn jitilgħu għal […] b’effett mill-1 ta’ Jannar 1998” (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata).

313    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm irregolari, l-ommissjoni li t-traskrizzjoni tad-dikjarazzjoni orali inkwistjoni tiġi inkluża fil-fajl ma hijiex ta’ natura tali li tinfluwenza l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-laqgħa inkwistjoni.

314    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

315    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont tal-multa tagħha jeċċeddi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija għamlet matul is-sena 2005, bi ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

316    Barra minn hekk, dan l-ammont huwa sproporzjonat, fid-dawl tal-parteċipazzjoni minima tar-rikorrenti għall-attivitajiet tal-kartell. Il-Kummissjoni setgħet, l-iktar l-iktar, tikkonstata li r-rikorrenti kienet wettqet “ksur tekniku” tal-Artikolu 81 KE, sa fejn l-impjegati tagħha kienu semgħu diskussjonijiet li minn suġġetti legali kienu “ddevjaw” lejn suġġetti “inapproprjati”, matul il-laqgħat li nżammew għall-bidu tas-sena 1999 f’Milano u f’Diċembru 1999 fi Fribourg.

317    Għalhekk, minn naħa, it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur għandu jitnaqqas għal sena, u konsegwentement dan għandu jġib miegħu tnaqqis korrispondenti tal-ammont tal-multa. Min-naħa l-oħra, l-ammont tal-multa għandu jiġi mnaqqas sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol passiv jew emulattiv li r-rikorrenti kellha fil-ksur, li jirriżulta mis-sempliċi preżenza għal żewġ laqgħat, mingħajr parteċipazzjoni attiva fid-diskussjonijiet.

318    Barra minn hekk, l-impriżi l-oħra kollha, ħlief għal Caffaro, li l-ammont tal-multa tagħha tnaqqas minħabba r-rwol passiv tagħha, kienu tabilħaqq impenjaw ruħhom sabiex jorganizzaw il-laqgħat tal-kartell. Issa, ir-rikorrenti la organizzat u lanqas ma laqgħet laqgħat tal-kartell. Hija kienet tifforma parti mill-grupp ta’ “studenti ħżiena” peress li hija kienet serqet l-ishma tas-suq ta’ Kemira, ta’ Degussa u ta’ Solvay u kienet indikat lil EKA Chemicals li hija kienet ser tkompli tbiegħ fl-iSkandinavja “skont l-istruzzjonijiet irċevuti mill-management”. Hija kienet is-sors tal-falliment tal-laqgħat tal-kartell ta’ Séville billi rrifjutat li “tilgħab il-logħba” u ma ġietx mistiedna għal-laqgħa tal-għada.

319    Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-trattament differenzjat, ir-rikorrenti tqiegħdet fl-istess kategorija bħal impriżi oħra li kellhom sehem tas-suq ta’ bejn 9 u 11 % fis-sena 1999. Fis-sena 1994, meta allegatament beda l-kartell, ir-rikorrenti kellha sehem tas-suq ta’ 5 % u hija waslet sabiex tirdoppja sehemha tas-suq permezz tal-aġir kompetittiv tagħha matul il-perijodu tal-kartell. Ikun illoġiku li hija tiġi kkundannata għal multa li l-ammont tagħha huwa ekwivalenti għal dak tal-multi imposti fuq membri attivi tal-kartell.

320    Fir-replika, ir-rikorrenti terġa tiddikjara li kellha rwol passiv fil-ksur, fatt li huwa kkonfermat kemm mill-ilmenti frekwenti tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kontra l-attivitajiet kompetittivi tagħha, li wasslu sabiex hija tirdoppja l-ishma tas-suq tagħha, kif ukoll min-natura “teknika” tal-allegata parteċipazzjoni tagħha għall-ksur, għalkemm huwa ċertament minnu li r-rikorrenti kienet beqgħet għal żewġ laqgħat li matulhom kien hemm diskussjonijiet “inapproprjati”, madankollu hija ma pparteċipatx b’mod attiv għal dawn id-diskussjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljatament tipprova tassimila l-parteċipazzjoni legali għal-laqgħa tas-CEFIC, li hija organizzazzjoni kummerċjali, għal parteċipazzjoni f’attivitajiet kostituttivi ta’ akkordju.

321    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

322    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ippreżentat insostenn tat-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tressaq tliet ilmenti.

323    L-ewwel nett, billi tinvoka ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata li tapplika l-imsemmija dispożizzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha, ikkunsidrat b’mod iżolat, u mhux id-dħul mill-bejgħ globali magħmul mill-kumpannija parent tagħha u minnha.

324    Għandu jitfakkar li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika responsabbli għall-ksur issanzjonat (sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 528). Min-naħa l-oħra, jekk sadanittant din l-unità ekonomika tkun waqfet, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li jeżiġi li l-limitu inkwistjoni jiġi applikat fil-konfront tiegħu b’mod individwali (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 390).

325    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ilment preżenti ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li FMC u r-rikorrenti kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda responsabbli għall-ksur u, għalhekk, ġew miżmuma responsabbli in solidum għall-ksur inkwistjoni. Hija lanqas ma ssostni li din l-unità kienet waqfet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

326    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għandu jitnaqqas għal sena, u konsegwentement dan għandu jġib miegħu tnaqqis korrispondenti tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet, l-iktar l-iktar, tikkonstata li r-rikorrenti kienet wettqet “ksur tekniku” tal-Artikolu 81 KE, sa fejn l-impjegati tagħha kienu semgħu diskussjonijiet li minn suġġetti legali kienu “ddevjaw” lejn suġġetti “inapproprjati”, matul il-laqgħat li nżammew fis-sena 1999 f’Milano u fi Fribourg.

327    Għandu jiġi kkunsidrat li dan l-ilment huwa interkonness mal-ewwel motiv ibbażat fuq il-kontestazzjoni tal-ksur u, għalhekk, għandu jiġi miċħud għall-motivi esposti fil-punti 245 sa 254 iktar ’il fuq.

328    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkonċedilha l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti abbażi tar-rwol passiv jew emulattiv tagħha fil-ksur.

329    Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li għalkemm il-Kummissjoni tindika li matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti ma invokatx b’mod espliċitu r-rwol passiv tagħha, din il-kunsiderazzjoni ma taffettwax l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubbru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 194).

330    Fil-fatt, minn naħa, l-impriżi destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma humiex obbligati li jitolbu speċifikatament li jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti. Min-naħa l-oħra, meta ksur twettaq minn diversi impriżi, il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom, sabiex tiddetermina jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, b’mod partikolari meta inkwistjoni jkun hemm, bħall fil-każ preżenti, ċirkustanza attenwanti espliċitament imsemmija fil-lista mhux eżawrjenti li tinsab fil-punt 3 tal-linji gwida.

331    Wara dan, fuq il-mertu għandu jitfakkar li r-“rwol esklużivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fit‑twettiq tal-ksur jista’, jekk ikun stabbilit, jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida, fid‑dawl tal-fatt li dan ir-rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ ftehim antikompetittiv (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 167).

332    Fost l-elementi li jistgħu juru r-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni kemm in-natura ħafna iktar sporadika tal‑parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri normali tal-akkordju, kif ukoll il-fatt li daħlet tard fis-suq li kien is‑suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal‑parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew saħansitra l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw fil-ksur (ara s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 329 iktar ’il fuq, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’kull każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża inkwistjoni.

333    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 307 u Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 602).

334    Fil-kawża preżenti, l-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li r-rwol tagħha fil-ksur jirriżulta minn sempliċi preżenza għal żewġ laqgħat fir-rigward tal-PBS, laqgħa lejn il-bidu tas-sena 1999 f’Milano u laqgħa f’Diċembru 1999 fi Fribourg, mingħajr ebda parteċipazzjoni attiva fid-diskussjonijiet. Skont ir-rikorrenti, hija kienet is-sors tal-falliment tal-laqgħat ta’ Séville billi rrifjutat li “tilgħab il-logħba”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljatament ipprovat tassimila l-parteċipazzjoni legali tagħha għal laqgħa tas-CEFIC għal parteċipazzjoni f’attivitajiet li jikkostitwixxu ksur.

335    Għandu jiġi osservat li dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat, sa fejn dan huwa kompletament ibbażat fuq l-argumenti miċħudin fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, b’mod partikolari, fil-punti 154 sa 167, 202 sa 221 u 245 sa 254 iktar ’il fuq.

336    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li r-rwol tagħha kien differenti minn dak tal-partijiet għall-akkordju l-oħra kollha, hlief għal Caffaro, li r-rwol passiv tagħha ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, hija kienet tifforma parti mill-grupp ta’ “studenti ħżiena”, peress li hija kienet serqet l-ishma tas-suq ta’ Kemira, ta’ Degussa u ta’ Solvay u kienet indikat lil EKA Chemicals li hija kienet ser tkompli tbiegħ fl-Iskandinavja. Ir-rwol passiv tagħha fil-ksur huwa allegatament ikkonfermat kemm mill-ilmenti tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kontra l-attivitajiet kompetittivi tar-rikorrenti kif ukoll miż-żieda importanti tas-sehem tagħha tas-suq matul il-perijodu tal-ksur.

337    Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stabbiliet, suffiċjentement skont il-liġi, li r-rikorrenti kienet rappreżentata u informata, f’dak li jirrigwarda l-parti l-kbira tal-laqgħat kollużorji msemmijin mid-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu ta’ bejn id-29 ta’ Mejju 1997 u t-13 ta’ Diċembru 1999. Ir-rikorrenti ma tistax validament tallega, f’dan ir-rigward, li l-parteċipazzjoni tagħha kienet kunsiderevolment iktar sporadika minn dik tal-partijiet l-oħra għall-akkordju. Il-modalitajiet ta’ din il-parteċipazzjoni, jiġifieri l-fatt li r-rikorrenti ma pparteċipatx fiżikament għal ċerti laqgħat, iżda ġiet informata dwarhom bit-telefown, imorru id f’id man-natura klandestina tal-iżvolġiment tagħhom u bl-ebda ma huma prova li r-rikorrenti kellha rwol esklużivament passiv jew emulattiv.

338    Il-fatt li r-rikorrenti kienet tifforma parti minn grupp li Degussa u Solvay kienu jsejħu l-“istudenti l-ħżiena” jew l-“imqarbin”, ma huwiex ta’ natura tali li juri li l-atitudni tagħha kienet distinta b’mod sinjifikattiv minn dik tal-parteċipanti l-oħra għall-ksur. Fil-fatt dan kien grupp li kien jiġbor fih erba’ mit-tmien parteċipanti fl-akkordju, jiġifieri l-manifatturi ż-żagħar tal-PH li riedu jżidu l-kapaċità globali ta’ produzzjoni bi ħsara għall-prezzijiet (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti (ara l-punti 162 u 163 iktar ‘ il fuq), il-fatt li l-interessi ta’ dan il-grupp ta’ manifatturi ma kinux jikkoinċidu mal-istrateġija proposta mill-atturi l-kbar tas-suq, jiġifieri Degussa u Solvay (premessi 139 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jfissirx li r-rikorrenti kienet adottat aġir purament passiv jew emulattiv.

339    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-manifatturi l-oħra ilmentaw dwar l-attivitajiet kompetittivi tagħha fis-suq, hija ma tinvoka ebda dikjarazzjoni espliċita f’dan is-sens li tista’ turi l-aġir passiv tagħha fi ħdan l-akkordju.

340    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tagħha dwar l-istrateġija kompetittiva aggressiva adottata mill-impriża. Min-naħa l-oħra, hija tagħmel riferiment għal ċerti indikazzjonijiet li jikkonċernaw esklużivament il-perijodu ta’ qabel id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, fid-29 ta’ Mejju 1997, jiġifieri nota dwar il-laqgħa tal-31 ta’ Jannar 1994 bejn EKA Chemicals u Kemira, li tindika li din tal-aħħar “kienet tilfet […] fi Franza favur FMC u AL”, id-dikjarazzjoni ta’ Atofina dwar “tfakkira min-naħa ta’ Degussa dwar l-iżvilupp tal-ishma tas-suq bejn l-[1988-1989] u l-[1995] bi tnaqqis kbir [ta’ dawk] ta’ Solvay u [ta’] Degussa favur [diversi impriżi oħra, fosthom ir-rikorrenti]”, kif ukoll indikazzjoni min-naħa ta’ EKA Chemicals li tgħid li, “matul is-sena 1996, FMC u Ausimont żiedu l-ishma tagħhom tas-suq permezz ta’ azzjoni aggressiva fuq il-prezzijiet” u li, “lejn tmiem [is-sena 1996,] il-kompetituri tagħhom […] bdew risposta akkanita sabiex jippruvaw jieħdu lura l-pożizzjonijiet tagħhom”.

341    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqitx argumenti li jistgħu juru li r-rwol tagħha fl-akkordju kien esklużivament passiv jew emulattiv.

342    Fl-aħħar nett, mingħajr ma żviluppat argument preċiż, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kien irnexxiela żżid, b’mod kunsiderevoli, is-sehem tagħha tas-suq tal-PH bejn is-sena 1994 u s-sena 1999, jiġifieri matul il-perijodu tal-akkordju.

343    Għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dan l-argument ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet dwar it-trattament differenzjat, sa fejn hija tammetti li tqegħdet fl-istess kategorija bħall-impriżi li kellhom, fl-1999, ishma tas-suq qrib għal dawk tar-rikorrenti. Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanza inkwistjoni turi r-rwol kompetittiv aggressiv li hija allegatament kellha fis-suq, minkejja l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti.

344    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, filwaqt li r-rikorrenti tirreferi għaż-żieda tas-sehem tagħha fis-suq tal-PH fil-perijodu ta’ bejn is-sena 1994 u s-sena 1999, din l-allegata żieda, skont l-elementi prodotti mir-rikorrenti nnifisha, hija kunsiderevolment iktar limitata matul il-perijodu tal-ksur allegat fil-konfront tagħha, jiġifieri bejn is-sena 1997 u s-sena 1999.

345    Skont it-termini tat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida, in-“nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew [tal-]prattiċi illeċiti” jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, dejjem sakemm l-impriża inkwistjoni tipprova li, matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim li jikkostitwixxu ksur, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementhom billi adottat aġir kompetittiva fis-suq jew, minn tal-anqas, li b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju (ara s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 329 iktar ’il fuq, punt 196, u l-ġurisprudenza ċċitata).

346    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim mal-kompetituri tagħha hija stabbilita, ma ġabitx ruħha fis-suq b’mod konformi mal-aġir miftiehem mal-kompetituri tagħha, billi segwiet politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq, ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Ma jistax jiġi eskluż li din l-impriża ppruvat sempliċement tinqeda bl-akkordju favuriha (ara s-sentenza Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 772 u 773, u l-ġurisprudenza ċċitata).

347    Fil-kawża preżenti, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti rnexxielha żżid is-sehem tagħha fis-suq tal-PH ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit jekk hija effettivament baqetx lura milli tapplika ftehim antikompetittivi, li kienu jinvolvu żidiet fil-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq, billi adottat aġir kompetittiv fis-suq. Għalhekk, din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax l-għoti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti, sa fejn ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti sempliċement irnexxiela tuża l-akkordju favuriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 629, u l-ġurisprudenza ċċitata).

348    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ilmenti invokati fil-kuntest tal-preżenti motiv għandhom jiġu miċħuda.

349    Konsegwentement, hemm lok li r-rikors kollu kemm hu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

350    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      FMC Foret SA hija kkundannata għall-ispejjeż

Vadapalas

Dittrich

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni tal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq it-telefonati rċevuti mir-rikorrenti

– Fuq il-kuntatti li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC

– Fuq il-laqgħa tat-13 ta’ Lulju 1998 f’Königswinter

– Fuq il-laqgħa ma Degussa, tat-28 ta’ Settembru 1998, fi Brussell

– Fuq il-laqgħat dwar il-PBS

– Argumenti żviluppati fil-kuntest tar-replika

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq il-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

– Fuq il-laqgħat multilaterali tat-28 jew tad-29 ta’ Mejju 1997 f’Seville

– Fuq it-telefonati rċevuti mir-rikorrenti

– Fuq il-kuntatti magħmula b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC

– Fuq il-laqgħa tat-13 ta’ Lulju 1998 f’Königswinter

– Fuq il-laqgħa ma Degussa tat-28 ta’ Settembru 1998 fi Brussell

– Fuq il-laqgħat dwar il-PBS

– Konklużjoni

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-allegati elementi kontra meħuda mir-risposti ta’ Solvay u ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

– Fuq l-allegati elementi favur mislutin mir-risposti ta’ Solvay u ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

– Fuq id-dokument ta’ Solvay

Fuq it-tielet motiv, dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.