Language of document : ECLI:EU:T:2011:747

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

14 ta’ Diċembru 2011

Kawża T‑6/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Isabel Vicente Carbajosa et

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Avviż ta’ kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami bil-miktub wara r-riżultat miksub fit-testijiet tal-aċċess — Tqassim tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla — Prinċipju ta’ kontradittorju”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2010, Vicente Carbajosa et vs Il-Kummissjoni (F-9/09), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Ottubru 2010, Vicente Carbajosa et vs Il-Kummissjoni (F-9/09), hija annullata sa fejn tannulla d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li Isabel Vicente Carbajosa fir-rigward tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 u li Niina Lehtinen u Myriam Menchén fir-rigward tal-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08 ma jiġux inklużi fil-lista ta’ kandidati mistiedna jissottomettu applikazzjoni kompleta. Id-deċiżjonijiet tal-EPSO li I. Vicente Carbajosa fir-rigward tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 u li N. Lehtinen u M. Menchén fir-rigward tal-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08 ma jiġux inklużi fil-lista ta’ kandidati mistiedna jissottomettu applikazzjoni kompleta huma annullati. I. Vicente Carbajosa, N. Lehtinen, M. Menchén u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati ma’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ kontradittorju — Osservanza fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja — Portata — Sentenza li tannulla deċiżjoni abbażi ta’ motiv imqajjem ex officio mingħajr stedina lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom — Ksur tal-imsemmi prinċipju

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kunċett — Fażi preliminari li tinkludi testijiet ta’ ammissjoni komposti minn mistoqsijiet b’għażla multipla — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Żvolġiment tal-kompetizzjoni — Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30; Anness III, Artikolu 1(1) u (5); Deċiżjoni tas-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-Segretarji Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, Artikolu 1(1) u (2)(c))

1.      Id-drittijiet tad-difiża jokkupaw post importanti ħafna fl-organizzazzjoni u fl-iżvolġiment ta’ smigħ xieraq u jinkludu l-prinċipju ta’ kontradittorju. Dan il-prinċipju japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni li taffettwa b’mod sensibbli l-interessi ta’ persuna. Tali prinċipju jimplika, bħala regola ġenerali, li l-partijiet fi proċedura jkollhom id-dritt jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja kif ukoll li jiddiskutu l-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u l-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom, din tal-aħħar, ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt ta’ smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura. Il-qorti stess għandha tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, b’mod partikolari meta tiddeċiedi dwar kawża abbażi ta’ motiv imqajjem ex officio.

Sa fejn motiv ta’ ordni pubbliku la tqajjem u lanqas ġie diskuss bejn il-partijiet waqt is-seduta fil-kuntest ta’ kawża, iżda biss f’dak ta’ kawżi oħra, u sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjonijiet inkwistjoni abbażi ta’ dan il-motiv imqajjem ex officio mingħajr ma stieden minn qabel lill-partijiet, matul il-proċedura bil-miktub jew matul il-proċedura orali, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi motiv, it-Tribunal kiser il-prinċipju ta’ kontradittorju. Madankollu, għandu jiġi eżaminat, filwaqt li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, jekk il-proċess adottat mit-Tribunal jistax ikun leġittimu minħabba l-fatt li, anki fin-nuqqas tal-irregolarità inkwistjoni, il-proċedura ma setgħetx twassal għal riżultat differenti b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju ma setax jaffettwa l-kontenut tas-sentenza.

(ara l-punti 25, 30 sa 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 54; 17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX-II, Ġabra p. I‑12033, punti 39 sa 41 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-kuntest tal-ewwel fażi ta’ kompetizzjoni maħsuba sabiex timpjega uffiċjali, it-testijiet ta’ ammissjoni komposti minn mistoqsijiet b’għażla multipla huma ta’ natura komparattiva, li hija inerenti għall-kunċett stess ta’ kompetizzjoni, sa fejn ma huwiex biżżejjed li kandidat jikseb marka medja fit-testijiet inkwistjoni iżda, sabiex ikun jista’ jgħaddi għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li dan il-kandidat jiġi fost numru ddeterminat minn qabel ta’ kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni. Għaldaqstant, din il-fażi tikkostitwixxi mhux biss element formali tal-proċedura tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni, iżda għandha wkoll in-natura ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punt 54)

3.      L-Artikolu 1(1)(b) u (e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tispeċifika, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-modalitajiet tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki, fuq il-bażi ta’ eżamijiet jew fuq il-bażi ta’ kwalifiki u eżamijiet) u, fil-każ ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ eżamijiet, in-natura tal-eżamijiet u l-korrezzjoni tagħhom, ma jsemmi ebda kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra dwar l-għażla u l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, sa fejn il-modalitajiet ta’ kompetizzjoni skont l-Artikolu 1(1)(b) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huma kompetizzjonijiet fuq il-bażi ta’ kwalifiki, fuq il-bażi ta’ eżamijiet jew fuq il-bażi ta’ kwalifiki u eżamijiet, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax id-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet. Fir-rigward tal-Artikolu 1(1)(e) tal-imsemmi anness, filwaqt li d-determinazzjoni tal-livelli tal-marka minima tal-eżamijiet jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “natura ta’ eżamijiet u tal-korrezzjoni rispettiva tagħhom”, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kontenut tal-mistoqsijiet fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdix espressament min għandu jiddetermina l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni u min għandu jissorvelja din il-fażi tal-kompetizzjoni. Tali kompetenza la hija espressament attribwita lill-Awtorità tal-Ħatra u lanqas lill-Bord tal-Għażla.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu, rispettivament, li huwa l-Bord tal-Għażla li għandu jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati xierqa u li jiddetermina l-lista ta’ kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni. Fid-dawl tal-kompetenzi tiegħu, il-Bord tal-Għażla għandu rwol kruċjali fl-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni.

Qabel il-ħolqien tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), l-Awtorità tal-Ħatra kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u l-Bord tal-Għażla kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar il-modalitajiet u l-kontenut ddettaljat tal-eżamijiet previsti fil-kuntest ta’ kompetizzjoni filwaqt li kien kompetenti wkoll sabiex jissorvelja l-ewwel fażi eventwali tal-preselezzjoni tal-kandidati organizzata mill-Awtorità tal-Ħatra. Dan it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla ma ġiex affettwat mill-ħolqien fl-2002 tal-EPSO li l-kompiti tiegħu, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, huma essenzjalment ta’ natura organizzattiva. Fil-fatt, il-missjoni tal-EPSO hija li tiżgura l-applikazzjoni ta’ regoli uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali. Din tikkonċerna d-determinazzjoni, b’mod ġenerali, tal-proċeduri ta’ selezzjoni ta’ uffiċjali u mhux dik tal-kontenut tal-eżamijiet tal-kompetizzjonijiet speċifiċi.

Għalhekk, għalkemm l-EPSO jeżerċità s-setgħat ta’ selezzjoni mogħtija lill-Awtoritajiet tal-Ħatra fil-qasam ta’ kompetizzjoni, kemm l-għażla kif ukoll l-evalwazzjoni tas-suġġetti tal-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħux taħt il-kompetenza tiegħu. Fil-fatt, fil-kuntest tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2002/621, dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-Uffiċċju għas-selezzjoni tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej, li jipprovdi li l-EPSO għandu jorganizza kompetizzjonijiet ġenerali bil-għan li l-istituzzjonijiet jiġu mgħammra b’uffiċjali fl-aħjar kundizzjonijiet professjonali u finanzjarji, il-paragrafu 2(ċ) tal-istess artikolu pjuttost jikkonferixxi fuq l-EPSO r-rwol ta’ assistent tal-Bord tal-Għażla fl-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni sa fejn dan huwa inkarigat li jistabbilixxi l-metodi u t-tekniki ta’ selezzjoni.

(ara l-punti 60 sa 62, 64, 67, 68, 72, 74 u 75)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T‑24/01, ĠabraSP p. I‑A 79 u II‑423, punt 51; 17 ta’ Settembru 2003, Alexandratos u Panagiotou vs Il-Kunsill T‑233/02, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑989, punt 26; 26 ta’ Ottubru 2004, Falcone vs Il-Kummissjoni, T-207/02, ĠabraSP p. I‑A‑305 u II‑1393, punti 31, 38 u 39; 14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T-371/03, ĠabraSP p. I‑A‑209 u II‑957, punt 41