Language of document : ECLI:EU:T:2013:307

Kawża T‑2/11

Ir-Repubblika Portugiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — FEAG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Infiq imwettaq fil-kuntest tal-miżura POSEI (snin finanzjarji 2005, 2006 u 2007)”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2013

1.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance tal-kontijiet — Rifjut definittiv ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal ċertu nfiq — Neċessità ta’ proċedura kontradittorja minn qabel

2.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance tal-kontijiet — Tfassil tad-deċiżjonijiet — Komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tar-riżultati tal-verifiki tagħha — Kontenut — Effetti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1258/1999, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4), u Nru 1290/2005, Artikolu 31; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1663/95, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1), u Nru 885/2006, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1))

3.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance tal-kontijiet — Perijodu li jista’ jkun is-suġġett ta’ korrezzjoni finanzjarja — Perijodu preċedenti għad-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jirrimedja għall-irregolaritajiet ikkonstatati — Dritt tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni perijodi li jikkonċernaw kampanji magħluqa mhux previsti mill-missjoni ta’ kontrolli u mhux suxxettibbli għal rettifika — Assenza

(Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1663/95, Artikolu 8 u Nru 885/2006, Artikolu 11)

4.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance tal-kontijiet — Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal infiq li jirriżulta minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Kontestazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat — Oneru tal-prova — Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Regolament tal-Kunsill Nru 1258/1999)

5.      Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Prinċipji — Konformità tal-ispejjeż mar-regoli Komunitarji — Obbligu tal-Istati Membri li jwaqqfu sistema effikaċi ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ kontrolli fuq il-post — Portata — Kontrolli mhux affidabbli — Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà mill-Fond

(Artikolu 4 TUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1258/1999, Artikolu 8; Regolament tal-Kummissjoni Nru 43/2003, Artikolu 58(1))

6.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance tal-kontijiet — Għoti ta’ għajnuna u ta’ primjums — Obbligu tal-Istati Membri li jwaqqfu sistema effikaċi ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ kontrolli fuq il-post — Rifjut ta’ ħlas, insegwitu għal tali kontroll, ta’ ċerti spejjeż mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba fil-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet — Assenza ta’ rimedju li jiggarantixxi l-finanzjament mill-FAEGG tat-talbiet konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 43/2003, Artikolu 58)

7.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance tal-kontijiet — Tfassil tad-deċiżjonijiet — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Portata — Komparabbiltà tal-każijiet invokati fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom

8.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance tal-kontijiet — Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ spejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Evalwazzjoni tal-effett finanzjarju — Kontestazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat — Oneru tal-prova

9.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance tal-kontijiet — Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ spejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Kontestazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat — Oneru tal-prova — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Portata

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 54)

2.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, l-ewwel komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istati Membri insegwitu għall-kontrolli li hija effettwat għandha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR, tippreċiża r-riżultat tal-verifiki tal-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata fil-futur l-osservanza ta’ dawn ir-regoli.

F’dan ir-rigward, din il-komunikazzjoni għandha tkun ta’ natura li tagħti lill-Istat Membru konoxxenza perfetta tar-riżervi tal-Kummissjoni, b’tali mod li b’hekk hija tkun tista’ tissodisfa l-funzjoni ta’ twissija li hija imposta fuqha mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEEG, sezzjoni “Garanzija”, u mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola. Għalhekk, fl-ewwel komunikazzjoni msemmija mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, il-Kummissjoni għandha tindika, b’mod preċiż biżżejjed, is-suġġett tal-investigazzjoni mmexxija mid-dipartimenti tagħha u n-nuqqasijiet ikkonstatati matul dik l-investigazzjoni, meta dawn ikunu jistgħu jiġu invokati ulterjorment bħala prova ta’ dubju serju u raġonevoli li hija jkollha fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew ċifri trażmessi minn dawn tal-aħħar u, għalhekk, jiġġustifikaw il-korrezzjonijiet finanzjarji adottati fid-deċiżjoni finali li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat abbażi tal-FAEGG.

Hija biss tali komunikazzjoni li tista’ tiżgura konoxxenza perfetta tar-riżervi tal-Kummissjoni u tista’ tikkostitwixxi l-element ta’ riferiment għall-bidu tat-terminu ta’ 24 xahar previst fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 għandhom jinqraw flimkien mal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, il-Kummissjoni ma tistax teskludi l-infiq li jkun sar iktar minn 24 xahar qabel ma tkun innotifikat bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat bir-riżultati tal-verifiki. Issa, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjoni imposta bl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u bl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 ineħħi mis-sustanza tagħha l-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri mill-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, li jillimita ratione temporis l-infiq li jista’ jiġi miċħud il-finanzjament tiegħu mill-FAEGG.

(ara l-punti 57-62, 79)

3.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, ir-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni, li jikkostitwixxu l-bażi ta’ kull korrezzjoni finanzjarja, għandhom jiġu kkomunikati lill-Istat Membru kkonċernat kemm jista’ jkun malajr bil-għan li dan tal-aħħar ikun jista’ jirrimedja d-defiċjenzi kkonstatati fl-inqas żmien possibbli u, konsegwentement, li jiġu evitati korrezzjonijiet ġodda fil-futur. Barra minn hekk, jirriżulta kemm mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEEG, kif ukoll mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 li, fl-assenza ta’ rimedju mill-Istat Membru kkonċernat għall-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’, sad-data effettiva tal-implementazzjoni tal-miżuri korrettivi imposti mill-Kummissjoni, teskludi l-infiq imwettaq b’nuqqas ta’ osservanza tar-regoli Komunitarji.

F’dan ir-rigward, meta r-riżultati ma humiex ikkomunikati fil-ħin u l-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja jippersistu wara d-data tal-komunikazzjoni bil-miktub, il-Kummissjoni jkollha dritt u anki l-obbligu li tikkunsidra dik is-sitwazzjoni meta tiġi biex tiddetermina l-perijodu li matulu għandha ssir il-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni. Madankollu, l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproċedi għal korrezzjoni finanzjarja għal perijodu preċedenti ma jistax jiġi estiż għal perijodu li ma jkunx kopert mill-missjoni ta’ kontroll u li kien preċedenti għad-data tal-ewwel komunikazzjoni tal-verifiki, sa fejn, peress li l-Istat Membru ġie informat bl-irregolaritajiet ikkonstatati biss wara l-għeluq tal-kampanji kkonċernati, ma seta’ jadotta l-ebda miżura korrettiva b’mod tempestiv. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex il-Kummissjoni tkun awtorizzata tipproċedi b’korrezzjoni finanzjarja għal perijodu preċedenti għad-data tal-ewwel komunikazzjoni meta l-Istat Membru ma jkunx ġie informat preliminarjament u ma jkunx tpoġġa f’pożizzjoni li jirrimedja l-imsemmija irregolaritajiet.

(ara l-punti 63, 79, 80, 82-85)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 99-102, 131-133)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 108, 109, 112, 149)

6.      Fil-każ ta’ irregolarità kkonstatata, minn awtorità nazzjonali matul kontroll fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni tat-talbiet għal għajnuna skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 43/2003 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati r-Regolamenti Nru 1452/2001, Nru 1453/2001 u Nru 1454/2001 f’dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-produzzjoni lokali ta’ prodotti minn uċuħ tar-raba fir-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-Unjoni, il-fatt li din l-awtorità tirrifjuta l-ħlas biss ta’ dawk it-talbiet li fir-rigward tagħhom l-irregolaritajiet kienu diġà ġew ikkonstatati ma jistax jitqies li jkun serva bħala rimedju għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas u li huwa ta’ natura li jiżgura l-finanzjament mill-FAEGG unikament tat-talbiet konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ żbalji kkonstatata fir-rigward tal-kampjun ta’ kontroll u japplikaw l-istatistika kollha ddeterminata, li b’hekk tippermetti t-telf subit mill-FAEGG.

(ara l-punti 128, 129)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 138-140)

8.      Fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, meta l-Kummissjoni, minflok ma tkun irrifjutat l-infiq kollu kkonċernat mill-ksur, tkun għamlet sforz biex tistabbilixxi regoli intiżi biex jistabbilixxu trattament iddifferenzjat fir-rigward tal-każijiet ta’ irregolaritajiet, skont il-livell ta’ nuqqas ta’ kontrolli u l-grad ta’ riskju għall-FAEGG, l-Istat Membru għandu juri li l-kriterji huma arbitrarji u ma humiex ekwi.

(ara l-punti 147)

9.      Il-FAEGG tiffinanzja biss l-interventi mwettqa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u għajnuna mħallsa bi ksur ta’ dik il-kundizzjoni dwar formalitajiet ta’ prova jew ta’ kontroll ma tistax għalhekk tkun koperta minnha. Minn dan jirriżulta li ċ-ċirkustanza li s-superfiċji medja ta’ esplojtazzjoni agrikola kienet dgħajfa wisq u li żball ta’ kejl, insinjifikattiv f’termini ta’ superfiċji, iwassal għal rata ta’ żbalji partikolarment għolja, b’tali mod li l-korrezzjonijiet permezz tal-estrapolazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni huma wkoll għoljin, ma teskludix ir-riskju ta’ preġudizzju għall-FAEGG. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha dritt teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq li jikkorrispondi għall-miżuri koperti mill-FAEGG.

(ara l-punti 149, 150)