Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta' Jannar 2011 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fit-28 ta' Ottubru 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-9/09, Vicente Carbajosa et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-6/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall u B. Eggers, aġenti)

Partijiet oħra fil-kawża: Isabel Vicente Carbajosa (Brussell, il-Belġju), Niina Lehtinen (Brussell) u Myriam Menchen (Brussell)

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta' Ottubru 2010 fil-Kawża F-9/09, Vicente Carbajosa et vs Il-Kummissjoni;

tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jeżamina l-aggravji mqajma mill-appellanti;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju taċ-ċertezza legali sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa' motiv li ma tqajjimx fil-kawża inkwistjoni, lanqas ex officio, iżda li tqajjem fil-kuntest ta' kawża oħra.

It-tieni aggravju huwa bbażat sussidjarjament fuq ksur tal-Artikoli 1, 5 u 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda b'mod żbaljat li l-EPSO ma kellux kompetenza li ma jinkludix lill-persuni kkonċernati fil-lista ta' kandidati mistiedna jissottomettu kandidatura kompleta wara l-fażi ta' preselezzjoni.

____________