Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Jannar 2011 - Export Development Bank of Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-4/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Export Development Bank of Iran (rappreżentant: J.-M. Thouvenin, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 961/2010, sa fejn jikkonċerna lilu;

tiddikjara d-Deċiżjoni 2010/413/PESK bħala inapplikabbli għar-rikorrent;

tannulla l-Artikoli 16(2)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 961/2010, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent;

tannulla d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill li tinkludi lir-rikorrent fil-lista li tidher fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 961/2010;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka seba' motivi.

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' bażi legali tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 1 u/jew tal-Artikoli 16(2)(a) u (b) tiegħu

    Fir-rigward tal-ewwel parti ta' dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 215 TFUE ma jistax iservi bħala bażi legali għar-Regolament Nru 961/2010 peress li d-Deċizjoni 2010/413/PESK ma tipprevedix dan;

    Fir-rigward tat-tieni parti, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 215 TFUE ma jistax iservi bħala bażi legali għar-Regolament Nru 961/2010 peress li d-Deċiżjoni 2010/413/PESK ma ġietx adottata b'mod konformi mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE. Din id-deċiżjoni għandha għaldaqstant tiġi eskluża bħala inapplikabbli għal dan il-każ.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali permezz tal-Artikolu 16(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 961/2010, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà u jiksru l-prinċipju stabbilit mid-dritt internazzjonali.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 215 TFUE, fejn il-proċedura tat-tniżżil fil-lista tal-Anness VIII tmur kontra dik preskritta permezz tal-Artikolu 215 TFUE.

4.    Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt ta' amministrazzjoni tajba u tad-dritt tal-protezzjoni ġuridika effettiva, sa fejn il-Kunsill ma rrispettax id-dritt għal smigħ tar-rikorrent, ma tax motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tiegħu u ma taħx aċċess għall-proċess.

5.    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

Ir-rikorrent qabelxejn isostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma inadegwati, sa fejn l-iffriżar tal-fondi u ta' riżorsi oħra amministrati mir-rikorrent iwasslu għall-iffriżar ta' fondi u riżorsi li hu ma għandux aċċess liberu għalihom u li huma proprjetà ta' klijenti tiegħu.

Ir-rikorrent isostni wkoll li l-multa imposta fuqu hija sproporzjonata fir-rigward tal-fatti li ġew attribwiti lilu u li hi bbażata fuq fatti antiki u mhux fondati.

6.    Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà, fejn ir-restrizzjoni tad-dritt tiegħu għall-proprjetà kienet sproporzjonata, sa fejn id-drittijiet tiegħu għad-difiża ma ġewx osservati matul il-proċeduri.

7.    Is-seba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, sa fejn ir-rikorrent ġie mmultat mingħajr ma ġie stabbilit li hu pparteċipa deliberatament u volontarjament f'attivitajiet bl-iskop jew bl-effett li jevitaw xi miżuri restrittivi.

____________

1 - ĠU L 281, p. 1.