Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Jannar 2011 - Bank Melli Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-7/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Bank Melli Iran (Tehran, Iran) (rappreżentanti: L. Defalque u S. Woog, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla l-paragrafu 5 tat-Taqsima B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta' Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK 1, kif ukoll il-paragrafu 5 tat-Taqsima B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 2 u tannulla d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2010;

tiddikjara l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta' Lulju 2010 3, u l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE)Nru 961/2010 bħala inapplikabbli fil-konfront tar-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi tad-dritt segwenti:

1. L-ewwel motiv tad-dritt, li permezz tiegħu r-rikorrent jinvoka l-ksur tal-Artikolu 215(2) u (3) TFUE, u tal-Artikolu 40 TUE, illi jikkostitwixxi ksur proċedurali essenzjali peress illi:

-    il-Kunsill PESK adotta l-miżuri restrittivi mingħajr ma ħalla l-inqas setgħa diskrezzjonali lill-Kunsill;

-    id-Deċiżjoni 2010/413, li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Nru 961/2010, hija bbażata b'mod żbaljat fuq l-Artikolu 29 TUE, peress illi ma tagħtix definizzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni dwar kwistjoni partikolari ta' natura ġeografika jew tematika, kif mitlub mill-Artikolu 29 TUE, iżda tistabbilixxi obbligi preċiżi għall-Istati Membri u għall-persuni li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom;

-    ir-Regolament Nru 961/2010 ma fihx id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-garanziji legali, bi ksur tal-Artikolu 215(3) TFUE.

2. It-tieni motiv tad-dritt, illi permezz tiegħu r-rikorrent jinvoka żball tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fl-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati, peress illi s-sanzjonijiet ġew adottati fil-konfront tar-rikorrent u tal-entitajiet imsieħba miegħu, jiġifieri l-persuni ġuridiċi u entitajiet mhux statali li ma humiex imsemmija mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni illi:

-    minkejja illi l-għażla tal-bażi legali tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215 TFUE hija ġġustifikata meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jimplementaw ir-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, din l-għażla mhux bilfors hija ġġustifikata meta jiġu adottati miżuri amministrattivi bħall-iffriżar tal-fondi ta' persuni ġuridiċi u ta' entitajiet mhux statali;

-    l-atti kkontestati kellhom jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 75 TFUE, u għalhekk bl-intervent tal-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni.

3. It-tielet motiv tad-dritt, illi permezz tiegħu r-rikorrent isostni illi d-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati ġew adottati bi ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni, peress illi deċiżjonijiet simili ġew adottati fuq bażi legali oħra, bħall-Artikolu 75 TFUE, u konsegwentement f'qafas li fih garanziji legali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li ma kienx il-każ fir-rigward tal-atti kkontestati li jirrigwardaw lir-rikorrent.

4. Ir-raba' motiv tad-dritt, illi permezz tiegħu r-rikorrent isostni illi l-atti kkontestati ġew adottati bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u, b'mod partikolari, tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, peress illi:

-    ir-rikorrent ma rċieva l-ebda prova jew dokument insostenn tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill, peress illi l-allegazzjonijiet addizzjonali magħmula fl-2009 dwar id-deċiżjoni tal-2008, u kkonfermati fl-2010, kienu vagi ħafna, mhux ċari u mingħajr dubju jagħmluha impossibbli illi r-rikorrent jirribattihom;

-    ir-rikorrent ma ngħatax aċċess għad-dokumentazzjoni u għad-dritt għal smigħ;

-    l-atti kkontestati ma kellhomx motivazzjoni suffiċjenti, u dan jikser id-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

5. Il-ħames motiv tad-dritt, illi permezz tiegħu r-rikorrent isostni illi l-atti kkontestati, għall-istess raġunijiet indikati fir-raba' motiv, jiksru l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u tal-aspettattivi leġittimi.

6. Is-sitt motiv tad-dritt, illi permezz tiegħu r-rikorrent isostni illi l-Kunsill ma kkomunikalux id-deċiżjoni tiegħu, inkluż ir-raġunijiet tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista, u dan bi ksur tal-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010, li jipprovdi illi l-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu jekk jiġu ppreżentati osservazzjonijiet.

7. Is-seba' motiv tad-dritt, illi permezz tiegħu r-rikorrent isostni illi kien hemm żball manifest ta' intepretazzjoni kif ukoll abbuż ta' poter fl-applikazzjoni fil-konfront tar-rikorrent tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, tas-26 ta' Lulju 2010, peress illi l-Kunsill ta interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 20(1)(b) tagħha, meta ddeċieda illi l-attivitajiet tar-rikorrent, kif deskritti fl-atti kkontestati, jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba sabiex jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet li għandhom jiġu sanzjonati.

8. It-tmien motiv tad-dritt, illi permezz tiegħu r-rikorrent isostni illi kien hemm ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u tad-dritt tal-proprjetà tiegħu, peress illi l-Kunsill ma kkunsidrax id-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandha twassal għall-inapplikabbiltà tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, tas-26 ta' Lulju 2010.

____________

1 - (ĠU L 281, p.81).

2 - (ĠU L 281, p.1).

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).