Language of document : ECLI:EU:T:2009:392

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva chlorothalonil – Emenda tal-inklużjoni fl-Anness 1 tad-Direttiva 91/414/KEE – Direttiva 2006/76/KE – Retroattività – Nuqqas ta’ perijodu tranżitorju – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Fil-Kawża T‑380/06,

Vischim Srl, stabbilita f’Cesano Maderno (l-Italja), irrappreżentata minn C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Parpala u B. Doherty, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/76/KE, tat-22 ta’ Settembru 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir‑rigward tal-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva chlorothalonil (ĠU L 314 M , 1.12.2007, p. 232),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, President, F. Dehousse u V. Vadapalas (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 91/414

1        Skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), “[l-]Istati Membri għandhom jassiguraw illi prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jiġix awtorizzat kemm-il darba [...] is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl‑Anness I u kull kondizzjoni stabbilita hemm ma tkunx ġiet issodisfata”.

2        Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, “[f]id-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl‑Anness I għal perjodu ta’ żmien inizjali li ma jkunx jaqbeż l-10 snin, jekk jista’ jiġi mistenni li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu jwettqu l-kondizzjonijiet [...]” iddefiniti sussegwentement u li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ effetti ta’ ħsara għas‑saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.

3        Skont l-ewwel u t-tieni inċiż tal-Aritkolu 5(4) tal-istess direttiva, l‑inklużjoni tista’ tkun suġġetta għal rekwiżiti rigward il-“grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva” u n-“natura u l-kontenut massimu ta’ ċerti impuritajiet”.

4        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:

“L-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19.

Dan li ġej għandu jiġi deċiż ukoll skond dik il-proċedura:

–        kwalunkwe kondizzjoni għall-inklużjoni,

–        emendi għall-Anness I, fejn ikunu meħtieġa,

[…]”

5        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, “[b’]deroga mill-Artikolu 4 [...] Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva”.

6        Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva, il‑Kummissjoni għandha tagħti bidu għal programm ta’ xogħol sabiex jiġu eżaminati bil-mod dawn is-sustanzi attivi matul l-istess perjodu ta’ 12-il sena.

7        Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, “Matul [dan il-perijodu] jista’, wara eżami ta’ [...] sustanz[a] attiv[a] mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19, jiġi deċiż bil-proċedura stabbilita f’dak l-Artikolu illi s-sustanza tista tiġi inkluża fl-Anness I u taħt liema kondizzjonijiet jew, f’każijiet fejn ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew it-tagħrif u l-informazzjoni ma jkunux ġew mogħtija fil-perjodu preskritt, li tali sustanzi attivi ma jiġux inklużi fl-Anness I. F’din id-dispożizzjoni huwa ppreċiżat ukoll li “[l-]Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom li l-awtorizzazzjonijiet relevanti jiġu mogħtija, irtirati jew varjati skond kif xieraq matul perjodu stabbilit”.

8        L-Artikolu 19 tad-Direttiva 91/414, kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 301), jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, (iktar ’il quddiem il-“kumitat”).

9        F’dak li jirrigwarda s-sustanza attiva chlorothalonil, il-perijodu previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, li kellu jiskadi fis-26 ta’ Lulju 2003, ġie estiż, inizjalment, sal-31 ta’ Diċembru 2005, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2002, tal-20 ta’ Novembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 374), u wara, sal-31 ta’ Diċembru 2006, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2005, tat-12 ta’ Awwissu 2005 (ĠU L 287 M, 18.10.2006, p. 297), sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni tiegħu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 sa dik id-data.

 Ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92

10      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 242), jorganizza l‑proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ diversi sustanzi attivi, fosthom il-chlorothalonil, bil-għan tal-eventwali inklużjoni tagħhom fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

11      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3600/92, “[k]walunkwe produttur li jixtieq jiżgura l-inklusjoni ta’ sustanza attiva […] fl-Anness I tad-Direttiva [91/414], għandu javvża lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”.

12      L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1199/97, tas-27 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 21, p. 166), jirrigwarda r-regoli dettaljati għall-eżami tal-inkartamenti ppreżentati mill-awturi tan-notifika.

13      Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat:

“Wara l-eżami [...], il-Kummissjoni [...] tippreżenta quddiem il‑Kumitat:

a)      abbozz ta’ direttiva sabiex jinkludu s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva [91/414], li jistabbilixxi, fejn xieraq il‑kundizzjonijiet, kif ukoll il-limitu ta’ żmien, għal din l‑inklużjoni;

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 L-inklużjoni tal-chlorothalonil fl-Anness I tad-Direttiva 91/414

14      Fit-8 ta’ Lulju 1993, ir-rikorrenti, Vischim Srl, kumpannija Taljana li tipproduċi l-chlorothalonil, informat lill-Kummissjoni bl-interess tagħha li din is-sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

15      Żewġ awturi tan-notifika biss ippreżentaw l-inkartament tagħhom fit-termini stabbiliti, jiġifieri l-kumpannija ISK Biotech Europe (li ġiet issostitwita mill-kumpannija Zeneca Agrochemicals fil-mori tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, u li saret, min-naħa tagħha, il-kumpannija Syngenta) u r‑rikorrenti.

16      Wara l-eżami ta’ dawn l-inkartamenti, fis-16 ta’ Settembru 2005, il‑Kummissjoni adottat id-Direttiva 2005/53/KE, tas‑16 ta’ Settembru 2005, li temenda d-Direttiva 91/414 sabiex tinkludi l-chlorothalonil, il-chlorotoluron, is-cypermethrin, id‑daminozide u t-thiophanate-methyl bħala sustanzi attivi (ĠU L 287 M, 18.10.2006, p. 338).

17      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/53, u l-anness tagħha, il‑chlorothalonil huwa inkluż taħt in-numru 102 tat-tabella li tinsab fl‑Anness I tad-Direttiva 91/414. Ir-raba’ kolonna ta’ din it-tabella, intitolata “Purità”, tindika “Hexachlorobenzene: mhux iktar minn 0.01 g/kg”.

18      Mir-rapport tar-reviżjoni tal-chlorothalonil jirriżulta (dokument SANCO/4343/2000 finali tal-14 ta’ Frar 2005, iktar ’il quddiem ir‑“rapport tar-reviżjoni”) li l-imsemmija kundizzjoni marbuta mal‑kontenut massimu tal-hexachlorobenzene (HCB) ġiet stabbilita b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-chlorothalonil adottata mill‑FAO (Organizzazzjoni tal‑ikel u l-agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti) fix-xahar ta’ Frar 2005.

19      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/53, l-Istati Membri huma marbuta, fejn xieraq, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il‑chlorothalonil mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2006, billi jivverifikaw, minn naħa, jekk ġewx osservati l-kundizzjonijiet tal-Anness I tad-Direttiva 91/414 u, min-naħa l-oħra, jekk id-detentur tal-awtorizzazzjoni kellux inkartament, jew jekk kellux aċċess għal inkartament, li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ din l-istess direttiva.

20      Id-Direttiva 2005/53 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2006. Skont l‑ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tagħha, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2006, u japplikawhom mill-1 ta’ Settembru 2006.

21      Fil-25 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall‑annullament tad-Direttiva 2005/53 (Kawża T-420/05).

22      Fil-kuntest tal-imsemmi rikors, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ talbiet għal miżuri provviżorji konsekuttivi, miċħuda permezz tad-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ April 2006, Vischim vs Il‑Kummissjoni (T‑420/05 R p. II‑34, Ġabra), u tat-13 ta’ Ottubru 2006, Vischim vs Il-Kummissjoni (T‑420/05 R II, Ġabra p. II‑4085), u dan tal-aħħar ġie kkonfermat permezz tad-digriet tal‑President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il‑Kummissjoni [C‑459/06 P(R), Ġabra p. I-53].

 L-emenda tal-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414

23      Fix-xahar ta’ Diċembru 2005, il-FAO ppubblika, abbażi tal‑informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti, speċifikazzjoni ġdida għall‑chlorothalonil li biddlet il-livell massimu ta’ HCB għal 0.04 g/kg.

24      Ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni b’din l-ispeċifikazzjoni l-ġdida b’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2005.

25      Matul ix-xahar ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni talbet lill-Istat Membru relatur sabiex jevalwa d-diversi verżjonijiet tal-chlorothalonil skont l-ispeċifikazzjoni l-ġdida tal-FAO, fosthom il-prodott tar-rikorrenti.

26      Fl-istess ħin, is-servizzi tal-Kummissjoni indirizzaw posta elettronika lill-Istati Membri, miktuba kif ġej:

“[L-Istat Membru relatur] beda jeżamina l-ekwivalenza tal-prodotti ta’ oriġini differenti (inkluż dak ta’ Vischim). Jekk jiġi konkluż li huma daqstant siguri daqs il-prodott ta’ referenza, il-Kummissjoni tipprevedi li temenda d-Direttiva [91/414] f’dak li jirrigwarda l-livelli awtorizzati ta’ HCB. F’dan il-każ, jista’ jkun diffiċli li jiġi emendat it‑test formalment qabel l-1 ta’ Settembru 2006, għaldaqstant jista’ jkun hemm il-bżonn ta’ ċerta flessibbiltà tal-amministrazzjoni madwar din id-data. Tkun ħasra li prodotti jiġu rtirati mis-suq nazzjonali u mbagħad jerġgħu jiġu awtorizzati ftit wara. Huwa evidenti li l-irtitrar tal-awtorizzazzjonijiet jibqa’ obbligatorju jekk jiġi stabbilit li r-riżultat tal-eżami tal-inkartament mhuwiex favorevoli b’mod ċar jew jekk ir‑rekwiżiti amministrattivi ma jkunux sodisfatti.”

27      Fit-tmiem tal-evalwazzjoni tiegħu, fix-xahar ta’ April 2006, l-Istat Membru relatur ikkonstata li l-chlorothalonil li fih 0.04 g/kg ta’ HCB ma kienx jinvolvi riskji addizzjonali meta pparagunat ma’ dawk diġà meħudin inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tad-Direttiva 2005/53. Għaldaqstant, huwa ppropona emenda tal-ispeċifikazzjoni tal‑chlorothalonil prevista mid-Direttiva 2005/53.

28      Fit-13 u fl-14 ta’ Lulju 2006, l-imsemmija emenda ġiet approvata mill-kumitat. F’dak li jirrigwarda t-terminu marbut mal-introduzzjoni tal-ispeċifikazzjoni emendata, il-minuti tal-laqgħa tal-kumitat jindikaw b’mod partikolari dan li ġej:

“[L-]emenda tal-ispeċifikazzjoni inkwistjoni rċeviet kunsens ġenerali u l-Kummissjoni ntrabtet sabiex jiġi adottat fis abbozz […] Fuq il-kwistjoni tal-opportunità li jiġi estiż it-terminu ta’ sitt xhur stabbilit għall-preżentata tal-istudji xjentifiċi nieqsa, dan ma jidhirx li huwa xieraq. Dan jista’ joħloq preċedent u l-Kummissjoni tkun esposta għal akkużi ta’ trattament mhux ugwali tal-awturi tan-notifiki […] Għal dawn ir-raġunijiet, mhuwiex xieraq li jitwarrab it-terminu normalment stabbilit mid‑direttiva ta’ inklużjoni […] Ir-Renju Unit jitlob l-estensjoni tat-terminu għall-konformità f’dan l-inkartament, sabiex Vischim tkun tista’ tirrikorri għal arbitraġġ previst mid-dritt nazzjonali, bil-għan li tikseb aċċess għall-istudji fuq il-vertebrati, ladarba tiġi approvata l-inkużjoni tas-sustanza.”

29      B’ittra tas-27 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti indikat lill-Kummissjoni li, “sabiex tkun tista’ tiggarantixxi l-effikaċja fir-rigward tal‑awtorizzazzjonijiet [tagħha], l-emenda [kellha], minn naħa, tidħol fis-seħħ qabel il-31 ta’ Awwissu 2006 u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi terminu ġdid għall-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw il‑kundizzjonijiet għall-inklużjoni tal-Anness I”. Il-Kummissjoni ma rrispondietx għal din l-ittra.

30      Bejn ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti rċeviet ittri mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, tal-Belġju u tal-Irlanda, li nnotifikawha bl-intenzjoni tagħhom li jirtiraw il-prodott tagħha mis-suq.

31      B’mod partikolari, l-ittra indirizzata lir-rikorrenti mill-awtoritajiet tar‑Renju Unit, bid-data tat-28 ta’ Lulju 2006, hija miktuba kif ġej:

“[Il-prodott tiegħek huwa] konformi mal-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda [ta’ purità] kif emendati mill-[kumitat] fit-13 u fl-14 ta’ Lulju 2006 [iżda] għadek ma wrejtx li kellek l-aċċess adegwat għad-data tal‑Anness II […] għall-prodotti awtorizzati eżistenti tiegħek li fihom il‑chlorothalonil. Għaldaqstant, notifika tal-intenzjoni li nirtiraw il‑prodotti eżistenti tiegħek li fihom il-chlorothalonil hija mehmuża ma’ din l-ittra.”

32      Fit-22 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva 2006/76/KE, tat-22 ta’ Settembru 2006, li temenda d‑Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tas‑sustanza attiva chlorothalonil (ĠU L 314 M, 1.12.2007, p. 232, iktar ’il quddiem id‑“direttiva kkontestata”).

33      Skont l-Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata, l-ispeċifikazzjoni tal‑chlorothalonil prevista fil-kuntest tal-inklużjoni fl-Anness I tad‑Direttiva 91/414 hija ssostitwita bit-tabella li tidher fl-anness. Ir‑raba’ kolonna ta’ din it-tabella intitolata “Purità”, tindika: “Hexachlorobenzene: mhux iktar minn 0.04 g/kg”.

34      Id-direttiva kkontestata daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Settembru 2006. Skont l-Artikolu 2 tagħha, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2006 u japplikawhom mill-1 ta’ Settembru 2006.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      Permezz ta’ att ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

36      Permezz ta’ att ppreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal‑President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 2007.

37      Fis-27 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni ppreżentat, permezz ta’ att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Wara li r-rikorrenti ppreżentat l‑osservazzjonijiet tagħha, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu permezz tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2007.

38      Wara l-preżentata tar-risposta, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li ma kienx hemm bżonn skambju ta’ sottomissjonijiet oħra.

39      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u konsegwentement, dawn il-kawżi ġew attribwiti lil din l-awla.

40      Peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza nnomina imħallef, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex jikkompleta l-Awla.

41      Wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ngħaqdet mal-Kawża T‑420/05 għall-finijiet tal-proċedura orali.

42      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, għamlet lill-partijiet ċerti domandi bil-miktub, u l‑partijiet taw ir-risposta tagħhom b’ittri tas-16 ta’ Ġunju 2008, u tas-7 u tal‑14 ta’ Lulju 2008.

43      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Settembru 2008.

44      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tannulla parzjalment id-direttiva kkontestata, b’mod partikolari t‑tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha;

–        tordna lill-Kummissjoni tistabbilixxi termini prospettivi, preċiżi, raġjonevoli u leġittimi f’dak li jirrigwarda d-direttiva kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

46      Qabel kollox, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-Kummissjoni tistabbilixxi termini prospettivi, preċiżi, raġjonevoli u leġittimi f’dak li jirrigwarda d-direttiva kkontestata, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami ta’ legalità bbażat fuq l-Artikolu 230 KE, mhijiex il-Qorti Komunitarja li għandha tagħmel ordnijiet lill-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, T‑155/04, Ġabra p. II‑4797, punt 28).

47      Għaldaqstant, l-imsemmija talba, esposta fit-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti hija inammissibbli.

48      Imbagħad, fir-rigward tat-talba għall-annullament tat‑tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-direttiva kkontestata, il-Kummissjoni ssostni l-inammissibbiltà ta’ din it-talba billi tinvoka, fl-ewwel lok, l‑impossibbiltà tal-annullament parzjali mitluba mir-rikorrenti u, fit-tieni lok, in-natura leġiżlattiva tad-direttiva kkontestata.

49      Ir-rikorrenti ssostni li t-talba tagħha hija ammissibbli.

50      Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza kostanti, l‑annullament parzjali ta’ att huwa possibbli biss jekk l-elementi li l-annullament tagħhom qiegħed jiġi mitlub jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Dan ir-rekwiżit ta’ natura separbbli mhuwiex sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel is-sustanza tal-att ikkontestat (ara s‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punti 27 u 28, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

51      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet adottati sabiex jikkonformaw ruħhom magħha mill-1 ta’ Settembru 2006, u għaldaqstant b’mod retroattiv.

52      Ir-rikorrenti tafferma li r-rikors tagħha mhuwiex intiż għall-annullament totali tad-direttiva kkontestata, li huwa essenzjalment favorevoli għaliha, iżda jirreferi biss għall-effetti tagħha fiż-żmien, iddefiniti b’mod partikolari fid-dispożizzjoni kkontestata.

53      Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjoni inkwistjoni, li tiddefinixxi l‑kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-direttiva kkontestata, ma tistax tiġi sseparata minnha, peress li fil-każ tal-annullament ta’ din id‑dispożizzjoni d-direttiva kkontestata ssir inapplikabbli.

54      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, f’dan ir-rigward, xejn ma jipprekludi l-kontestazzjoni tal-legalità ta’ att Komunitarju biss f’dak li jirrigwarda l-effetti fiż-żmien tiegħu, u, b’mod partikolari, l-effett retroattiv tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, Ġabra p. I‑3695, u tal-1 ta’ April 1993, Diversinte u Iberlacta, C‑260/91 u C‑261/91, Ġabra p. I‑1885).

55      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ rikors li mhuwiex intiż għat-tneħħija ta’ dispożizzjoni materjali, favorevoli għar-rikorrenti, iżda biss għall‑annullament tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-effetti fiż-żmien tagħha, il-qorti Komunitarja tista’ tiddeċiedi, skont it-tieni paragrafu tal‑Artikolu 231 KE, li żżomm l-att ikkontestat kif inhu, sakemm l‑istituzzjonijiet kompetenti jadottaw il-miżuri neċessarji għall‑eżekuzzjoni tas-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs Il-Kunsill, T‑7/99, Ġabra p. II‑2671, punti 93 u 94, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, minkejja li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE jirreferi biss għar-regolamenti, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi estiż għall-atti tal-istituzzjonijiet li, għalkemm m’għandhomx il-forma ta’ regolament, jipproduċu madankollu effetti analogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 1992, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-295/90, Ġabra p. I–4193, punt 26).

56      Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, ibbażata fuq l-impossibbiltà tal-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata, limitata għad-dispożizzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, li tiddefinixxi l-effetti fiż-żmien.

57      Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill‑Kummissjoni, ibbażata fuq in-natura leġiżlattiva tad-direttiva kkontestata, għandu jitfakkar li l-fatt li r-raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 230 KE ma jsemmix b’mod espliċitu l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament imressqa minn persuna fiżika jew ġuridika kontra direttiva mhuwiex biżżejjed biex tali rikorsi jiġu ddikjarati inammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill, T‑135/96, Ġabra p. II‑2335, punt 63, u d‑digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑223/01, Ġabra p. II‑3259, punt 28).

58      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, inkwantu awtur tan-notifika u proprjetarja ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorothalonil, hija individwalment u direttament ikkonċernata mill-inklużjoni ta’ din is‑sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 prevista fid-Direttiva 2005/53 u għaldaqstant mid-direttiva kkontestata li temenda l‑kundizzjonijiet tal-imsemmija inklużjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-direttiva kkontestata ġiet adottata wara evalwazzjoni mitluba mir-rikorrenti u fir-rigward b’mod partikolari tal-prodott tagħha.

59      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-direttiva kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-effetti fiż-żmien iddefiniti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

60      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Id-direttiva kkontestata ma tinkludix motivazzjoni li tiġġustifika l-effett retroattiv tagħha. Il-Kummissjoni ma spjegatx kif kellha topera din ir-retroattività, de jure u de facto, sabiex tippermetti l-applikazzjoni utli tal-ispeċifikazzjoni emendata.

61      It-tieni motiv tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u tal-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament Nru 3600/92. Fl-opinjoni tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill‑Kummissjoni sabiex tipprovdi, f’direttiva dwar l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, perijodu tranżitorju għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti. L‑eżistenza ta’ dan l-obbligu hija kkonfermata mill-prassi tal‑Kummissjoni. Sabiex jagħmel sens u sabiex ikun effikaċji, dan il-perijodu tranżitorju għandu neċessarjament jirreferi għall-futur, jiġifieri mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkontestata. Billi ma pprovdietx għal tali perijodu tranżitorju f’dan il-każ, il-Kummissjoni għaldaqstant naqset milli twettaq obbligu ta’ proċedurali essenzjali li hija għandha taħt id-Direttiva 91/414 u r-Regolament Nru 3600/92.

62      Filwaqt li tkompli tibbaża l-argument tagħha fuq in-nuqqas, fid-direttiva kkontestata, ta’ perijodu tranżitorju futur, ir-rikorrenti mbagħad tinvoka ksur tal‑prinċipji ta’ nonretroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali.

63      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar il-ġurisprudenza li tipprovdi li miżura Komunitarja tista’ tapplika b’mod retroattiv biss f’każijiet eċċezzjonali, meta l-għan tagħha jkun jeħtieġ dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni interessati jiġu rrispettati. Issa, f’dan il-każ, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġiet sodisfatta.

64      L-effett retroattiv tad-direttiva kkontestata ma jistax jiġi ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni iktar stretta prevista mid‑Direttiva 2005/53. Fil-fatt, din tal-aħħar kienet diġà pproduċiet effetti ġuridiċi, jiġifieri l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet miżmuma mir‑rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-emenda retroattiva jkollha effett biss jekk tiġi assoċjata ma’ perijodu tranżitorju fil-futur, li matulu tkun tista’ tiġi pprovata l-konformità mal-ispeċifikazzjoni l‑ġdida.

65      Barra minn hekk, il-fatt li pprovdietx perijodu tranżitorju ġdid imur kontra l-aspettativi leġittimi tal-operaturi li huma mnissla mil‑leġiżlazzjoni applikabbli u mill-prassi tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, mingħajr perijodu tranżitorju ġdid, l-effett retroattiv tad‑direttiva kkontestata jippreġudika l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, inkwantu din tal-aħħar ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita d‑drittijiet li jirriżultaw mill-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal‑chlorothalonil.

66      Fin-nuqqas ta’ perijodu tranżitorju, ir-rikorrenti tallega li hija ma setgħetx “tmur lura fiż-żmien” biex tippreżenta l-inkartament tagħha lill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex dawn ikunu jistgħu jivverifikaw il‑konformità tal-prodott tagħha fid-dawl tal-ispeċifikazzjoni emendata introdotta permezz tad-direttiva kkontestata. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri ma setgħux jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ġodda applikabbli, b’mod partikolari l-obbligu li jeżaminaw, jew jirrevedu, l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali tar-rikorrenti fid-dawl tal-ispeċifikazzjoni l-ġdida. B’hekk, id-direttiva kkontestata hija nieqsa minn effett utli u tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

67      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ttrattatx lir-rikorrenti bl-istess mod li ttrattat lill-produtturi kkonċernati mill-miżuri l-oħra adottati fl‑istess settur, li pprovdew għal perijodu tranżitorju wara l‑inklużjoni tas-sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, u, b’mod partikolari, bl-istess mod li bih ittrattat lill-awtur tan-notifika l‑ieħor tal-chlorothalonil, Syngenta, li bbenfikat minn tali perijodu previst mid-Direttiva 2005/53.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

69      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li qabel kollox għandu jiġi eżaminat l-allegat ksur tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u tal‑Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ukoll tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, u mbagħad il-ksur tad-diversi prinċipji ta’ dritt ġenerali invokati mir-rikorrenti u fl-aħħar nett il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u tal-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament Nru 3600/92 kif ukoll tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni

70      L-ewwel nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet allegatament miksura, għandu jiġi osservat li l-ebda waħda fosthom ma jimponu fuq il-Kummissjoni l‑obbligu li tipprovdi perijodu tranżitorju għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti.

71      Minn naħa, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 jistabbilixxi programm ta’ ħidma b’perijodi differenti għall-eżami tas-sustanzi attivi diġà preżenti fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika tad-Direttiva, għall-eventwali inklużjoni tagħhom fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/141 bl-ebda mod ma jirrigwarda l-iffissar ta’ perijodu tranżitorju mill-Kummissjoni wara l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I.

72      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament Nru 3600/92 jipprovdi li, fil-proposta ta’ direttiva intiża għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni, inkluż it-terminu. Għaldaqstant din id‑dispożizzjoni tirreferi għal ċerti regoli ddettaljati fir-rigward tal-fażi ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Minn dan ma jirriżultax l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprovdi għal perijodu tranżitorju intiż għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti wara l-imsemmija inklużjoni.

73      Dan huwa iktar u iktar minnu f’dan il-każ għaliex id-direttiva kkontestata ma tħassarx id-Direttiva 2005/53, iżda sempliċement temenda l‑Anness I tad-Direttiva 91/414 f’dak li jirrigwarda l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni. Hija ma tqiegħedx f’dubju l‑proċedura ta’ inklużjoni kollha tal-imsemmija sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Huwa fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ inklużjoni li r-rikorrenti kellha tippreżenta inkartament sommarju u inkartament komplet, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 933/94, tas-27 ta’ April 1994, li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol, 16, P. 84), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2230/95, tal-21 ta’ Settembru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 196), u bl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru  2266/2000, tat-12 ta’ Ottubru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 388). Fit-tmiem ta’ din il-proċedura, ġiet adottata d-Direttiva 2005/53 li tinkludi s-sustanza inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u tipprovdi għal perijodu tranżitorju qabel ma din l-inklużjoni toħloq l-effetti tagħha. F’dan il-każ l-inklużjoni tal-chlorothalonil fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ġiet għaldaqstant debitament segwita b’perijodu tranżitorju li ppermetta l-eżami mill-awtoritajiet nazzjonali tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti.

74      Għaldaqstant, il-fatt li d-direttiva kkontestata ma tipprovdix għal tali perijodu tranżitorju ma jikkostitwixxix ksur tad-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti.

75      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-prassi tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li sempliċi prassi amministrattiva, li mhijiex kuntrarja għar-regolamenti fis‑seħħ u li ma tinvolvix l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, tista’ tagħti lok għall-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati (ara s‑sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 112, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

76      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi kostanti tagħha tikkonsisti f’li teżiġi li l-Istati Membri jieħdu ċerti miżuri f’terminu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mill-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

77      Il-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ tali terminu, sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jħejju ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda u lill-Istati Membri jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, tirriżulta wkoll mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2005/53.

78      Madankollu, għandu jiġi osservat li tali prassi, minn naħa, qabel kollox tikkonċerna lill-Istati Membri, li tattribwilhom obbligi, b’mod partikolari fir-rigward tat-terminu ta’ reviżjoni li huma għandhom fid-dispożizzjoni tagħhom, u, min-naħa l-oħra, tirrigwarda l-inklużjoni inizjali ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

79      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tinvoka daqstant inġustament il-prassi tal-Kummissjoni sabiex issostni obbligu ta’ din tal-aħħar li tipprovdi perijodu tranżitorju f’dan il-każ għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti. Il‑prassi li r-rikorrenti tirreferi għaliha ma tikkonċernax dan il-każ.

80      Konsegwentement, billi ma pprovdietx perijodu tranżitorju għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti fid‑direttiva kkontestata, il-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 91/414, u lanqas l-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament Nru 3600/92 u ma tbiegħditx mill-prassi preċedenti tagħha.

–       Fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ nonretroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali

81      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni Komunitarja imposta fuq l-individwi tkun ċara u preċiża b’tali mod li dawn ikunu fil-pożizzjoni li jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jieħdu passi b’mod konformi ma’ dan (sentenza tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, punt 17).

82      Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali jipprekludi att Komunitarju milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief, eċċezzjonalment, meta l-għan li għandu jintlaħaq jeżiġih u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni interessati jiġu debitament irrispettati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 20; ara wkoll, fir-rigward tal-effett retroattiv ta’ direttiva, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 45).

83      Għaldaqstant, f’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk, minn naħa, l-għan li għandu jintlaħaq jiġġustifikax in-natura retroattiva tad-direttiva kkontestata u, min-naħa l-oħra, jekk l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti ġewx debitament irrispettati u jekk din tal-aħħar setgħetx tkun taf mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħha u setgħetx tieħu passi b’mod konformi ma’ dan.

84      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mill-premessi 1 u 2 tad-direttiva kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni emendat l-ispeċifikazzjoni tal‑chlorothalonil sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjoni l-ġdida tal-FAO, ippubblikata wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/53. L‑imsemmija speċifikazzjoni tal-FAO ħassret l-ispeċifikazzjoni li kienet fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2005/53, u emendat ir-rekwiżit rigward il-kontenut ta’ HCB, billi biddlet il-limitu tiegħu minn 0.01  għal 0.04 g/kg.

85      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 4 tad-direttiva kkontestata, li, “[l]adarba d-Direttiva 2005/53 […] [kienet] teħtieġ li mill-1 ta’ Settembru 2006 l‑Istati Membri japplikaw l-Artikolu 2 tagħha, l-ispeċifikazzjoni emendata għall‑chlorothalonil [kellha] tapplika ukoll minn din id-data.”

86      Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li, meta stabbilixxiet l-effett retroattiv tal-ispeċifikazzjoni emendata, il-Kummissjoni kellha l‑intenzjoni li tevita li l-Istati Membri jkunu marbuta japplikaw, anki jekk għal żmien qasir ħafna, l-ispeċifikazzjoni iktar stretta prevista mid-Direttiva 2005/53. Għal dan il-għan, kellu jiġi previst li l-ispeċifikazzjoni emendata tal-chlorothalonil tkun applikabbli mid-data prevista għall-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni inizjali.

87      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq hija sodisfatta, jiġifieri li l-għan li għandu jintlaħaq kien jeżiġi li d-direttiva kkontestata tipprovdi għall-applikazzjoni retroattiva tal-ispeċifikazzjoni l-ġdida inqas stretta. Għall-bqija, ir-rikorrenti ma tikkontestax in‑natura retroattiva tad-direttiva kkontestata sa fejn hija tistabbilixxi speċifikazzjoni ġdida inqas stretta.

88      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jiġifieri r-rispett tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni interessati, qabel kollox għandu jiġi osservat li, sa fejn l‑ispeċifikazzjoni emendata prevista mid-direttiva kkontestata kellha biss bħala effett li trendi inqas stretti l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni, l‑effett retroattiv tagħha ma setax, bħala tali, jippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi kkonċernati.

89      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li d-direttiva kkontestata tikser il‑prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn hija ma stabbilixxietx perijodu tranżitorju li ppermettilha tadatta ruħha għar-rekwiżiti l-ġodda u li jimplika l-obbligu għall-Istati Membri li jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti.

90      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar (ara l-punti 70 sa 80 iktar ’il fuq) li la d-dispożizzjonijiet applikabbli u lanqas il-prassi tal‑Kummissjoni ma jimponu fuqha l-obbligu li tipprovdi għal tali perijodu tranżitorju f’dan il-każ.

91      Ir-rikorrenti lanqas ma pprovdiet elementi li jistabbilixxu li l-Kummissjoni kienet nisslet fiha aspettattivi leġittimi li l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tiġi segwita bl-istabbiliment ta’ perijodu tranżitorju ġdid. Peress li r-rikorrenti nfisha hija fl-oriġini ta’ din l‑emenda (ara l-punti 23 u 24 iktar ’il fuq) li tnaqqas ir-rekwiżiti għall‑awtorizzazzjoni tal-prodotti tagħha, ma jistax ikun kuntrarju għall‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi li ma jiġix previst perijodu tranżitorju li jippermetti lir-rikorrenti tadatta ruħha għar-rekwiżiti l-ġodda.

92      F’dan il-każ, il-prodotti kollha li josservaw l-ispeċifikazzjoni tad‑Direttiva 2005/53 jissodisfaw a fortiori dik tad-direttiva kkontestata, b’tali mod li l-adattament, kemm min-naħa tal-Istati Membri kif ukoll minn dik tar-rikorrenti, għar-rekwiżiti l-ġodda ma jidhirx li jeżiġi miżuri jew sforzi partikolari li jiġġustifikaw aspettattivi leġittimi għall‑istabbiliment ta’ perijodu tranżitorju għal dan il-għan.

93      B’mod iktar speċifiku mill-perspettiva tal-ossevanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-Direttiva 2005/53 u d-dispożizzjonijiet ċari u preċiżi applikabbli f’dak iż-żmien, li ma tħassrux mid-direttiva kkontestata, kienu jippermettu lir-rikorrenti tkun taf mingħajr ambigwità l-portata tal-obbligi li huma kienu jimponu fuqha. Hija setgħet tieħu passi b’mod konformi ma’ dan, u b’mod partikolari, jekk riedet iżżomm l‑awtorizzazzjonijiet eżistenti tagħha, tippreżenta inkartament komplet mħejji skont ir-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414. Matul il‑perijodu tranżitorju li segwa l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/53, kien b’mod ċar fl-interessi tar-rikorrenti li tippreżenta tali inkartament jew li tipprova l-aċċess għalih sabiex tkun tista’ żżomm l-awtorizzazzjonijiet eżistenti.

94      Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/53, ir-rikorrenti ġiet imwissija li jekk ma tissodisfax dan l-obbligu, indipendentement minn dak dwar il-konformità ta’ prodott mal‑ispeċifikazzjoni Komunitarju, l-awtorizzazzjonijiet kienu ser jiġu rtirati.

95      B’mod supplimentari u iktar kuntestwali, mill-fatti inkwistjoni jirriżulta li r-rikorrenti ġiet informata bil-fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni temenda l-ispeċifikazzjoni tal-chlorothalonil sabiex tieħu inkunsiderazzjoni dik adottata mill-FAO fix-xahar ta’ Diċembru 2005 u li din l-emenda kienet tidħol fil-kuntest tar-reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/53.

96      Fil-fatt, il-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata kienet nbdiet fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fis‑16 ta’ Diċembru 2005 u din ġiet informata kemm bil‑konklużjonijiet tar-rapport stabbilit mill-Istat Membru relatur fix-xahar ta’ April 2006, li pproponew l-emenda tal-ispeċifikazzjoni ddefinita mid-Direttiva 2005/53, kif ukoll l-adozzjoni tal-proposta f’dan is-sens mill-kumitat, fit-13 u fl-14 ta’ Lulju 2006.

97      Mill-ittra tal-awtoritajiet tar-Renju Unit tat-28 ta’ Lulju 2006 (ara l‑punt 31 iktar ’il fuq), ippreżentata mir-rikorrenti, kif ukoll mill-ittri tal‑awtoritajiet tal-Irlanda tat-30 ta’ Awwissu 2006 u tal-Belġju tas‑7 ta’ Settembru 2006, ippreżentati mill-Kummissjoni, jirriżulta li ġew irtirati ċerti awtorizzazzjonijiet tar-rikorrenti mhux minħabba nuqqas ta’ konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-chlorothalonil prevista mid-Direttiva 2005/53, iżda minħabba li r-rikorrenti ma ppreżentatx inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414 jew ma pprovatx l-aċċess tagħha għal tali inkartament.

98      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka d-dritt li tikkompleta l-lakuni tal-inkartament tagħha f’reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet tagħha waqt perijodu tranżitorju ġdid, meta hija setgħet tevalwa l-interess li tippreżenta inkartament konformi mar-rekwiżiti tal-Anness II tad‑Direttiva 91/414 waqt il-perijodu tranżitorju wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/53. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżiti marbuta mal-preżentata ta’ dan l-inkartament baqgħu l-istess. L-inkartamenti kollha konformi mar-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414 kien hekk taħt id-Direttiva 2005/53 u baqa’ konformi taħt id-direttiva kkontestata. Kemm fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-pussess ta’ inkartament konformi, waqt l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, il‑Kummissjoni għaldaqstant ma kellha l-ebda raġuni tobbliga lill-Istati Membri jwettqu reviżjoni tal‑awtorizzazzjonijiet eżistenti u lanqas li tipprovdi għal perijodu tranżitorju għal dan il-għan.

99      Għaldaqstant l-applikazzjoni retroattiva tal-ispeċifikazzjoni l-ġdida introdotta mid-direttiva kkontestata ma tiksirx il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għandu jingħad ukoll li, bil-kontra ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, id-direttiva kkontestata lanqas ma hija nieqsa minn effett utli. Fil-fatt, hija tippermetti ż-żamma tal‑awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti li jikkonformaw mal‑ispeċifikazzjoni li hija tintroduċi, taħt il-kundizzjoni li l‑proprjetarju tal-awtorizzazzjoni jkun issodisfa r-rekwiżiti l-oħra previsti mid‑Direttiva 2005/53.

100    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, dan il-prinċipju jinkiser biss meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C‑174/89, Ġabra p. I‑2681, punt 25).

101    F’dan il-każ, l-argumenti tar-rikorrenti essenzjalment iqabblu sitwazzjonijiet differenti. Fil-fatt, l‑inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ma tistax titqabbel ma’ biss l-emenda tal-ispeċifikazzjoni ta’ din is-sustanza, li diġà hija inkluża, b’tali mod li ma kienx hemm l-obbligu li d-direttiva kkontestata tistabbilixxi l-istess regoli ddettaljati għat-tranżizzjoni bħal dawk tad-Direttiva 2005/53, li għall-bqija mhijiex imħassra.

102    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti setgħet, bħall-produtturi l-oħra, tibbenifika mill-perijodu tranżitorju wara l-adozzjoni tad‑Direttiva 2005/53 u għaldaqstant wara l-inklużjoni tal-chlorothalonil fl‑Anness I tad-Direttiva 91/414, u b’mod partikolari tippreżenta quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, f’dan il-kuntest, inkartament li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414, hija ma tistax issostni li ma ġietx ittrattata b’mod ugwali bħall-prodotturi l-oħra ta’ din is‑sustanza jew ta’ kwalunkwe sustanza oħra fl-inklużjoni tagħhom fl‑Anness I tal-imsemmija direttiva. Ir-rikorrenti lanqas ma wriet li l-Kummissjoni pprovdiet għal perijodi tranżitorji favur produtturi oħra fl-emenda tal-ispeċifikazzjoni ta’ sustanza diġà inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

103    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ma pprovdietx, fid-direttiva kkontestata, għal perijodu tranżitorju għal reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/53.

104    Għaldaqstant l-ebda wieħed mill-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt imsemmija mir-rikorrenti ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

–       Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

105    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtorità Komunitarja, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l‑ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2002, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, T‑89/00, Ġabra p. II‑3651, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata].

106    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni rigward id-dispożizzjoni tad-direttiva kkontestata li tiddefinixxi l-applikazzjoni tagħha fiż-żmien, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 1, 2 u 4 tad-direttiva kkontestata, iċċitati fil-punti 84 u 85 iktar ’il fuq, juru b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tat effett retroattiv lill-ispeċifikazzjoni emendata.

107    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni mhijiex marbuta tindika r-raġunijiet li minħabba fihom hija ma pprovdietx għal perijodu tranżitorju għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, la d-dispożizzjonijiet applikabbli, la l-prassi preċedenti tagħha, u lanqas il-prinċipji ġenerali tad-dritt invokati mir-rikorrenti ma jimponu fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tipprovdi għal tali perijodu tranżitorju.

108    Għaldaqstant ir-rikorrenti ssostni, inġustament, li d-direttiva kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

109    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, hemm lok li r-rikors preżenti jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Vischim Srl hija kkundannata għall-ispejjeż.

Meij

Dehousse

Vadapalas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ottubru 2009.

Signatures


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.