Language of document : ECLI:EU:T:2009:392

Kawża T-380/06

Vischim Srl

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva chlorothalonil — Emenda tal-inklużjoni fl-Anness 1 tad-Direttiva 91/414/KEE — Direttiva 2006/76/KE — Retroattività — Nuqqas ta’ perijodu tranżitorju — Ċertezza legali — Aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 3600/92, Artikolu 8(3)(a); Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 8(2))

2.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Direttiva tal-Kunsill 91/414)

1.      Billi ma pprovdietx perijodu tranżitorju għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti, wara emenda tal-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 91/414, u lanqas l‑Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament Nru 3600/92, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, u ma warrbitx il-prassi preċedenti tagħha.

(ara l-punt 80)

2.      L-applikazzjoni retroattiva ta’ speċifikazzjoni ġdida inqas stretta, introdotta fil-kuntest ta’ emenda tal-inkużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ma tiksirx il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali jipprekludi att Komunitarju milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief, eċċezzjonalment, meta l-għan li għandu jintlaħaq jeżiġih u meta l‑aspettattivi leġittimi tal-persuni interessati jiġu debitament irrispettati.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, meta stabbilixxiet l-effett retroattiv tal-ispeċifikazzjoni emendata tas-sustanza attiva chlorothalonil, imwettqa mid-Direttiva 2006/76 li temenda d-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni kellha l‑intenzjoni li tevita li l-Istati Membri jkunu marbuta japplikaw, anki jekk għal żmien qasir ħafna, l-ispeċifikazzjoni iktar stretta prevista mid-Direttiva 2005/53. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-għan li għandu jintlaħaq jeħtieġ li l‑Kummissjoni tipprovdi għall-applikazzjoni retroattiva tal-ispeċifikazzjoni l‑ġdida inqas stretta.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, sa fejn l‑ispeċifikazzjoni emendata prevista kellha biss bħala effett li tirrendi inqas stretti l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni, l‑effett retroattiv tagħha ma setax, bħala tali, jippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi kkonċernati. Sa fejn ir-rikorrenti stess hija l-oriġini ta’ emenda li tnaqqas ir-rekwiżiti għall‑awtorizzazzjoni tal-prodotti tagħha, ma jistax imur kontra l‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi li ma jiġix previst perijodu tranżitorju li jippermetti lir-rikorrenti tadatta ruħha għar-rekwiżiti l-ġodda.

(ara l-punti 82, 86-88, 91, 99)