Language of document : ECLI:EU:C:2024:522

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C144/23

KUBERA, trgovanje s hrano in pijačo, d.o.o.

vs

Republika Slovenija

(talba għal-deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE – Obbligu għall-qrati jew għat-tribunali nazzjonali tal-aħħar istanza li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari – Eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu – Ġurisprudenza ta’ CILFIT – Mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni – Qorti Suprema ta’ Stat Membru – Awtorizzazzjoni sabiex jiġi ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi – Deċiżjoni li tiċħad talba għall-awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat appell – Artikolu 47 tal-Karta – Dritt għal smigħ xieraq – Motivazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom korpi ġudizzjarji, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali, fil-ġestjoni tal-listi tal-kawżi tagħhom b’mod effikaċi, minħabba n-numru kbir ta’ kawżi mressqa quddiemhom, żgur li ma humiex fenomenu reċenti. Għal raġunijiet evidenti, il-problema dejjem inħasset b’mod iktar qawwi mill-qrati li jinsabu fil-quċċata tas-sistema ġudizzjarja, li ġeneralment jingħataw inkarigu li jiżguraw il-koerenza u l-eżattezza tal-ġurisprudenza (2).

2.        Ir-riskji li jista’ joħloq ammont eċċessiv ta’ xogħol huma ċari u għalhekk jeħtieġu biss aċċenn fil-qosor: fost l-oħrajn, dewmien kbir fit-trattazzjoni tal-kawżi, inqas kwalità fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji, stat ta’ inċertezza legali mtawwal u spejjeż ta’ litigazzjoni ogħla għall-persuni involuti u, b’mod iktar indirett, għas-soċjetà kollha kemm hi.

3.        Wieħed mill-mekkaniżmi tradizzjonalment użati biex jippermettu lill-ogħla qrati jikkontrollaw il-listi tal-kawżi tagħhom u b’hekk jillimitaw ir-riskji msemmija iktar ’il fuq huwa li jagħtuhom il-kapaċità li jagħżlu, ftit jew wisq, il-kawżi (jew, f’xi sistemi, ukoll il-kwistjonijiet legali) li jixtiequ jisimgħu u jiddeċiedu (3). Nota ta’ riċerka mħejjija mid-Direttorat għar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’April 2013 uriet li, matul dawn l-aħħar deċennji, kien hemm ċerta tendenza fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea lejn l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni għal appelli quddiem l-ogħla qorti. Fil-fatt, ċerti forom ta’ mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni issa jeżistu f’diversi Stati Membri (4). Barra minn hekk, fl-2019, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) (5) ġie emendat sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni għal appelli relatati mad-deċiżjonijiet ta’ ċerti aġenziji u uffiċċji tal-Unjoni (6).

4.        Madankollu, din in-nota turi wkoll li, f’ċerti Stati Membri, l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi simili tqieset problematika (jew miċħuda totalment) peress li, għalkemm jistgħu jgħinu lill-qrati nazzjonali jamministraw il-listi tal-kawżi tagħhom b’mod iktar effettiv, dawn il-mekkaniżmi għandhom ukoll l-effett li jillimitaw l-aċċess għall-ġustizzja ta’ ċerti litiganti. Għaldaqstant, dan jista’ joħloq ċerta tensjoni fir-rigward tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, kif irrikonoxxut fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti, fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u, l-aħħar iżda mhux l-inqas, fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

5.        Din il-kawża tenfasizza aspett pjuttost speċifiku f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda ssirilha d-domanda dwar jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni fil-livell nazzjonali tista’ tiġi rrikonċiljata mal-obbligu li l-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza għandhom, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, iressqu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta titqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fi proċedura pendenti quddiemhom.

II.    Iddritt nazzjonali

6.        L-Artikolu 367(1) taż-Zakon o pravdnem postopku (il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili; iktar ’il quddiem iż-“ZPP”) (7), applikabbli għall-kawżi amministrattivi skont l-Artikolu 22(1) taż-Zakon o upravnem sporu (il-Liġi dwar il-Proċeduri Amministrattivi) (8), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Il-partijiet jistgħu jippreżentaw appell għal reviżjoni ta’ sentenza finali mogħtija fit-tieni istanza fi żmien 15‑il jum min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tilqa’ l-appell.”

7.        Skont l-Artikolu 367a taż-ZPP:

“(1)      Il-Qorti għandha tawtorizza appell għal reviżjoni jekk jista’ jkun mistenni li d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ dritt li hija importanti biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tad-dritt mill-ġurisprudenza. B’mod partikolari, il-qorti għandha tippermetti appell fil-każijiet li ġejjin:

–        jekk din hija kwistjoni ta’ dritt li fuqha d-deċiżjoni tal-qorti tat-tieni istanza tiddevja mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema; jew

–        jekk din hija kwistjoni ta’ dritt li dwarha ma teżisti l-ebda ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, b’mod partikolari jekk il-ġurisprudenza tal-qrati superjuri ma tkunx uniformi; jew

–        jekk din hija kwistjoni ta’ dritt li dwarha l-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema ma hijiex uniformi.

(2)      Il-Qorti Suprema għandha tiddeċiedi tawtorizzax appell abbażi tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell ta’ parti.”

8.        L-Artikolu 367b taż-ZPP jipprovdi:

“(1)      It-talba għal awtorizzazzjoni għal appell għandha titressaq minn parti f’terminu ta’ 30 jum min-notifika tas-sentenza finali tal-qorti tat-tieni istanza.

(2)      Talba għal awtorizzazzjoni għal appell għandha titressaq quddiem il-Qorti Suprema.

[…]

(4)      Fit-talba għal awtorizzazzjoni għal appell, il-parti għandha tesponi b’mod preċiż u konkret il-punt ta’ dritt ikkontestat u r-regola tad-dritt li qiegħed jiġi allegat il-ksur tagħha, iċ-ċirkustanzi li juru l-importanza tal-kwistjoni kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tar-raġunijiet għalfejn il-qorti tat-tieni istanza ddeċidiet illegalment fuq il-kwistjoni; hija għandha tiddeskrivi b’mod preċiż u konkret l-allegati irregolaritajiet proċedurali u, bl-istess mod, turi l-eżistenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Suprema li d-deċiżjoni tagħha allegatament tbiegħdet minnha, jew l-inkonsistenza tal-ġurisprudenza.”

9.        L-Artikolu 367c taż-ZPP jipprovdi:

“(1)      Kulleġġ ta’ tliet imħallfin tal-Qorti Suprema għandu jiddeċiedi b’digriet dwar it-talba għall-awtorizzazzjoni għal appell.

(2)      Ikun biżżejjed, sabiex timmotiva d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal awtorizzazzjoni għal appell, li l-qorti tindika b’mod ġenerali li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 367a ta’ dan l-att ma humiex issodisfatti.

(3)      Fid-digriet li jagħti l-awtorizzazzjoni għal appell, il-qorti jew it-tribunal għandhom jindikaw f’liema parti jew fuq liema punti ta’ dritt speċifiċi għandha tingħata l-awtorizzazzjoni għal appell.

(4)      Deċiżjoni li tawtorizza jew li tirrifjuta li jsir appell ma tistax tiġi appellata.”

10.      L-Artikolu 370 taż-ZPP jipprovdi:

“(1)      Appell jista’ jiġi ppreżentat għal ksur sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li l-parti invokat quddiem il-qorti tat-tieni istanza, fuq il-bażi ta’ ksur sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qorti tat-tieni istanza jew għal żball ta’ liġi.

(2)      Talba għal-sħarriġ ġudizzjarju ma tistax issir fuq il-bażi ta’ konstatazzjoni fattwali żbaljata jew inkompleta.”

11.      L-Artikolu 371 taż-ZPP huwa fformulat kif ġej:

“Il-qorti ta’ reviżjoni għandha tirrevedi s-sentenza kkontestata biss sa fejn u fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ dritt speċifiċi li għalihom ġie awtorizzat appell.”

III. Ilfatti, ilproċedura u ddomandi preliminari

12.      KUBERA, trgovanje s hrano in pijačo d. o. o (iktar ’il quddiem “Kubera”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, xtrat, fit-Turkija, laned tax-xarba Red Bull prodotti fl-Awstrija u ttrasportathom bil-baħar sal-port ta’ Koper (is-Slovenja), fejn bdiet il-proċedura doganali.

13.      Fil‑15 ta’ Settembru 2021, il-Finančna uprava Republike Slovenije (l-Amministrazzjoni Finanzjarja tar-Repubblika tas-Slovenja) tat opinjoni li permezz tagħha, minħabba allegat ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 (9), hija ssospendiet il-proċedura doganali u qabdet il-merkanzija. Sussegwentement, fil‑5 ta’ Ottubru 2021, l-istess awtorità pubblika adottat żewġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom hija ddeċidiet li taqbad il-merkanzija ta’ Kubera fl-istennija tad-deċiżjoni dwar it-tilwima mressqa mid-detentur tad-dritt, Red Bull GmbH (l-Awstrija), sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha.

14.      Kubera fl-ewwel lok ressqet żewġ ilmenti amministrattivi kontra dawn id-deċiżjonijiet, li ġew miċħudin. Sussegwentement, hija ppreżentat żewġ azzjonijiet kontra dawn id-deċiżjonijiet, li ġew miċħudin mill-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja) fuq il-bażi, inter alia, tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 608/2013.

15.      B’risposta għal dawn id-deċiżjonijiet tal-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva), Kubera ressqet żewġ talbiet għal awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), billi qajmet bħala punt ta’ liġi rilevanti l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 608/2013, moqri flimkien mal-premessa 6 tiegħu. F’dawn it-talbiet, Kubera talbet ukoll lill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema), fil-każ li r-Regolament Nru 608/2013 ma jiġix interpretat fis-sens li kienet qiegħda tissuġġerixxi, biex tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, Kubera sostniet li l-kwistjoni mqajma f’dan il-każ ma kinitx ġiet indirizzata fil-ġurisprudenza tal-Unjoni jew fil-ġurisprudenza nazzjonali, minkejja l-importanza tagħha għall-istabbiliment tal-limiti tas-setgħat tal-awtoritajiet doganali.

16.      Fil-kawża prinċipali, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) tqis li d-dispożizzjonijiet taż-ZPP (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”) ma jippermettux li tintlaqa’ t-talba għall-awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan minn dan il-kodiċi ma humiex, bħala prinċipju, issodisfatti. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk, meta tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi, hija għandhiex ukoll tevalwa l-fondatezza tat-talba tal-parti intiża biex titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 267 TFUE, u jekk, fil-każ li l-Qorti Suprema kkonstatat li l-kundizzjonijiet sabiex isir ir-rinviju mitlub ma humiex issodisfatti, hija għandhiex, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, timmotiva din l-evalwazzjoni fid-digriet ta’ ċaħda tat-talba għal awtorizzazzjoni sabiex jiġi ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi.

17.      F’dan l-isfond, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprekludi dispożizzjonijiet taż-Zakon o pravdnem postopku (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) li bis-saħħa tagħhom, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni (revizija), il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) ma tevalwax jekk it-talba minn parti li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari tobbligahiex tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

(2)      Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li d-digriet proċedurali li jiċħad it-talba minn parti għall-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni bis-saħħa taż-Zakon o pravdnem postopku (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) huwa ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ li għandha tindika r-raġunijiet għalfejn ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-parti li titressaq domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’din il-kawża?”

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Kubera, mill-Gvern Sloven u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Ġermaniż, Latvjan, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Sloven u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Marzu 2024.

IV.    Analiżi

A.      Lewwel domanda

19.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprekludix dispożizzjoni jew prattika nazzjonali li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi, qorti nazzjonali tal-aħħar istanza ma hijiex obbligata tqis jekk hijiex meħtieġa li tressaq domanda preliminari waħda jew iżjed lill-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja t-talba ta’ parti f’dan is-sens.

20.      Sabiex inkun ċar, il-kwistjonijiet imqajma minn din id-domanda jikkonċernaw biss kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (10), imqajma quddiem qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, meta jkun applikabbli mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni li jagħti lill-qorti kkonċernata ċerta diskrezzjoni fl-għażla tal-kawżi li ser jinstemgħu u jiġu deċiżi.

21.      Essenzjalment, tressqu żewġ pożizzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża. Bi ftit semplifikazzjoni, huma dawn li ġejjin.

22.      Minn naħa, il-Gvern Latvjan, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Sloven u Finlandiż – għalkemm b’xi differenzi fil-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom – jissuġġerixxu risposta negattiva għall-ewwel domanda magħmula. Huma jqisu li, jekk qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tiddeċiedi, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali, li ma hemmx lok li jiġi awtorizzat appell, ma hemmx kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni li tqajjem kif suppost. Fil-fatt, il-qorti inkwistjoni ma teżaminax l-argumenti fuq il-mertu mressqa mill-appellanti u sempliċement tiċħad l-appell għal raġunijiet proċedurali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu ta’ rinviju ma jistax jiġi attivat. Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni bħal dak inkwistjoni huma – jargumentaw dawn il-gvernijiet – fihom innifishom, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huma jistrieħu l-iktar fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Aquino (11).

23.      Min-naħa l-oħra, Kubera, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jipproponu risposta pożittiva għall-ewwel domanda magħmula. Huma tal-fehma li mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni bħal dak inkwistjoni ma humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sakemm, f’xi mument tul il-proċedura (matul il-fażi preliminari jew il-fażi suċċessiva), il-qorti nazzjonali ma teżaminax il-kwistjoni dwar jekk, wara t-talba ta’ parti sabiex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, jiġix attivat l-obbligu ta’ rinviju tagħha. Għalhekk, meta tkun tqajmet debitament kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti għandha tressaq talba għal deċiżjoni preliminari – hekk isostnu dawn il-partijiet – indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kriterji ta’ filtrazzjoni previsti mid-dritt nazzjonali humiex issodisfatti. Dawn il-partijiet jinvokaw, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja CILFIT u Consorzio (12).

24.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni korretta tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE pjuttost tinsab fin-nofs bejn iż-żewġ pożizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq. Wara xi osservazzjonijiet preliminari (1), ser nibda billi nispjega għalfejn ma nistax naqbel kompletament mal-pożizzjonijiet espressi mill-Gvern Latvjan, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Sloven u Finlandiż, li jipproponu dak li fil-fehma tiegħi huwa qari pjuttost vag ta’ din id-dispożizzjoni (2). Sussegwentement, ser nippreċiża għalfejn l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni proposta minn Kubera, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni hija bħala prinċipju korretta, iżda kemxejn dejqa wisq (3). Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ser nipproponi, finalment, risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għall-ewwel domanda preliminari (4).

1.      Osservazzjoni preliminari: Iddritt talUnjoni huwa newtrali firrigward talmekkaniżmi ta’ filtrazzjoni

25.      Kif imsemmi fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm dibattitu qawwi – fost avukati u dawk li jfasslu l-politika – dwar l-opportunità li jkun hemm mekkaniżmi li jippermettu lill-ogħla qrati jiffiltraw l-appelli ppreżentati quddiemhom. Madankollu, dan huwa element li, f’dan l-ewwel stadju, ma huwiex immedjatament rilevanti għal din il-kawża, peress li d-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biss “newtrali” f’dan ir-rigward.

26.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, inkluż l-istabbiliment, il-kompożizzjoni, is-setgħat u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (13).

27.      Barra minn hekk, kif jidher mill-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni Ewropea tirrispetta l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi tagħhom – politiċi u kostituzzjonali – li jimplika li dawn l-Istati għandhom diskrezzjoni wiesgħa fil-mod kif jorganizzaw is-sistema ġudizzjarja tagħhom (14).

28.      Barra minn dan, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-proċeduri nazzjonali, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u li għandu jistabbilixxi regoli proċedurali ddettaljati tal-azzjonijiet intiżi biex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (15). Dan huwa l-każ, sakemm dawn ir-regoli nazzjonali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm ma jirrendux eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (16).

29.      Fl-aħħar, iżda mhux inqas importanti, inżid ngħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li t-Trattati tal-Unjoni ma humiex intiżi biex joħolqu, quddiem il-qrati nazzjonali, rimedji ġodda sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk diġà stabbiliti mid-dritt nazzjonali. L-oppost japplika biss meta mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni jirriżulta li ma jeżisti ebda rimedju li jippermetti li jiġi żgurat, anki indirettament, ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (17). Għalhekk, huma ġeneralment il-qrati nazzjonali li għandhom jinterpretaw ir-regoli proċedurali applikabbli għall-azzjonijiet ippreżentati quddiemhom b’mod li jippermettu lil dawn ir-regoli, sa fejn ikun possibbli, jiżguraw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni (18).

30.      Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, naqbel mal-gvernijiet li jenfasizzaw il-portata tal-marġni ta’ manuvra wiesgħa li għandhom l-Istati Membri f’dan il-qasam. Fil-fatt, huwa kull Stat Membru li għandu jiddeċiedi jekk għandux jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni u, jekk ikun il-każ, li jagħżel il-mudell xieraq, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u r-regoli proċedurali speċifiċi tiegħu.

31.      Madankollu, kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom f’dan il-qasam, l-Istati Membri jibqgħu obbligati josservaw id-dritt tal-Unjoni. Fit-taqsima li jmiss ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega għalfejn l-argumenti dwar il-kompatibbiltà fihom innifishom tal-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni bħal dak inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni ma jikkonvinċunix.

2.      Mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni: diskrezzjoni “li tgħaddi mit-tieqa”?

32.      Kif spjegat iktar ’il fuq, uħud mill-gvernijiet isostnu, fi ftit kliem, li l-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni kemm-il darba jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Minkejja dan, huma jenfasizzaw b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ ekwivalenza: sakemm il-kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali u dawk tad-dritt tal-Unjoni jiġu ttrattati b’mod ekwivalenti, mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni għandu jitqies li huwa, bħala prinċipju, kompatibbli mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

33.      Il-punt tat-tluq ta’ tali raġunament huwa fil-biċċa l-kbira korrett: bħal fl-oqsma l-oħra tal-proċedura ġudizzjarja nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali huwa, bħala prinċipju, il-punt tat-tluq kardinali. Ma hemm ukoll l-ebda element fil-proċess li jista’ jitfa’ fuq il-fatt, enfasizzat b’mod qawwi mill-Gvern Sloven, li, fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa osservat (19). Nifhem li l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema), meta tapplika l-kriterji dwar l-awtorizzazzjoni għal appell stabbiliti fid-dritt nazzjonali, għandha tittratta l-kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali u dawk tad-dritt tal-Unjoni b’mod ekwivalenti.

34.      Madankollu, huwa kompletament ċar li dak li ntqal iktar ’il fuq huwa neċessarju iżda mhux suffiċjenti għall-finijiet ta’ din l-analiżi. Fil-fehma tiegħi, dawn il-gvernijiet iwettqu żball meta kważi ma jagħtu ebda attenzjoni lir-rekwiżit ta’ effettività li, għall-kuntrarju, għandu importanza kruċjali f’dan il-kuntest minn żewġ aspetti: (1) bħala effet utile tad-dispożizzjoni u (ii) bħala protezzjoni adegwata tad-drittijiet tal-persuni involuti fit-tilwima. Diversi elementi jwassluni biex inqis li: din l-interpretazzjoni tmur kontra l-obbligu stabbilit f’din id-dispożizzjoni (a), hija inkonsistenti mal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-ġurisprudenza fil-kawża CILFIT (b u c) u, b’mod iktar ġenerali, tinjora n-natura u l-għan tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari d). Ser neżamina suċċessivament dawn l-aspetti.

a)      Ilformulazzjoni tattielet paragrafu talArtikolu 267 TFUE

35.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta tqum kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali, dik il-qorti jew tribunal “jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha” (20). Min-naħa tiegħu, it-tielet paragrafu tal-istess dispożizzjoni jgħid li, “[m]eta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi [qorti jew tribunal tal-aħħar istanza] ta’ Stat Membru, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti” (21).

36.      Fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jinvolvu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemhom. Madankollu, fir-rigward tal-qrati tal-aħħar istanza, din id-diskrezzjoni “tittrasforma ruħha, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminar[i] quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” (22).

37.      F’dan il-kuntest, wieħed ma għandux jinsa li l-qrati nazzjonali jidderivaw is-setgħa li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari mit-Trattat innifsu. Huwa l-Artikolu 267 TFUE li jagħti lil kull qorti ta’ kull Stat Membru l-awtorità – u, meta tiddeċiedi fl-aħħar istanza, jimponi fuqha l-obbligu – li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-awtorità (u l-obbligu relatat) ma tistax tiġi kkwalifikata mid-dritt nazzjonali (23).

38.      Minn dan isegwi li regola tad-dritt nazzjonali ma tistax tipprekludi lil qorti nazzjonali milli teżerċita l-fakultà jew milli tikkonforma ruħha mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 267 TFUE, meta dawn il-karatteristiċi jkunu parti inerenti mis-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li regola nazzjonali li għandha l-effett li tiddisswadi lill-qrati nazzjonali milli jagħmlu domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tkun detrimentali għall-prerogattivi mogħtija lill-qrati nazzjonali mill-Artikolu 267 TFUE u, għaldaqstant, x’aktarx tippreġudika din il-kooperazzjoni, tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (24).

39.      Jidhirli li mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni li jippermettu, ftit jew wisq, lill-qrati nazzjonali jagħżlu l-kawżi jistgħu, jekk ikun il-każ, jipprekludu lill-qrati nazzjonali milli jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari jew, tal-inqas, jiddisswaduhom milli jagħmlu dan, kull darba li kawża taqa’ barra mill-kriterji ta’ filtrazzjoni stabbiliti mid-dritt nazzjonali.

40.      Pereżempju, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu bħal dan inkwistjoni, il-qorti nazzjonali teżamina l-mertu tal-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn parti u, konsegwentement, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE humiex issodisfatti, biss jekk tasal għall-konklużjoni li d-domandi magħmula huma “importanti”. Fil-każijiet l-oħrajn, il-qorti tar-rinviju lanqas ma teżamina jekk l-obbligu stabbilit f’din id-dispożizzjoni jistax jiġi attivat – u din id-deċiżjoni hija fil-parti l-kbira r-riżultat ta’ għażla magħmula mill-qorti nazzjonali stess. Fil-fatt, kriterji ġenerali għall-ammissjoni tal-appelli, bħall-importanza tal-kawża, inevitabbilment jinvolvu evalwazzjonijiet li huma kemxejn diskrezzjonali.

41.      Ċertament jista’ jkun minnu li, kif kiteb il-filosofu legali Ronald Dworkin, “id-diskrezzjoni, bħat-toqba fid-downat, teżisti biss bħala żona li titħalla miftuħa permezz ta’ ċirku ta’ restrizzjoni [u] għalhekk dan huwa kunċett relattiv” (25). Madankollu, il-fatt li l-qrati nazzjonali ma għandhomx diskrezzjoni assoluta, limitata sa ċertu punt mill-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jnaqqas xejn mill-fatt li anki din id-diskrezzjoni relattiva – sabiex jiġi deċiż jekk kwistjoni mqajma hijiex importanti biżżejjed – ma hijiex permessa mit-Trattat.

42.      Kif ġie spjegat, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn il-qrati tal-aħħar istanza u l-qrati l-oħra. Filwaqt li dawn tal-aħħar igawdu minn diskrezzjoni (wiesgħa) jagħmlux rinviju għal deċiżjoni preliminari, tal-ewwel ma għandhomx. Essenzjalment, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni, id-dritt nazzjonali qiegħed jagħti lura lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza d-diskrezzjoni li t-Trattat UE ried jeskludi.

43.      F’dan ir-rigward, madankollu, ġie sostnut li l-obbligu ta’ rinviju previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE huwa limitat għad-domandi li għalihom – kif jistabbilixxi t-tieni paragrafu tal-istess dispożizzjoni – “deċiżjoni […] tkun meħtieġa sabiex [il-qrati u t-tribunali] ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza”. Jekk il-qorti tar-rinviju ma tqisx li d-domandi magħmula huma importanti, allura din il-qorti ma jkollhiex bżonn – skont dan l-argument – risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi definittivament il-kawża.

44.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-kunċett ta’ “jagħtu s-sentenza”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, “għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat li diversi domandi proċedurali jitqiesu li huma inammissibbli u ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha.” (26)

45.      Għaldaqstant, il-fatt li l-kwistjoni mqajma minn parti tista’ tikkonċerna kwistjoni proċedurali, anki li tiġi ttrattata in limine litis qabel ma l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża (27) (f’dan il-każ, sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok li tingħata l-awtorizzazzjoni għal appell) u li d-deċiżjoni adottata mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward ma tiħux il-forma ta’ “deċiżjoni” jew ta’ deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża (28), ma jneħħi xejn mill-“ħtieġa” tal-kwistjoni.

46.      Lanqas ma jista’ jiġi sostnut li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjoni ta’ interpretazzjoni mqajma minn parti ma hijiex meħtieġa sa fejn il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza ddeċidiet li tali kwistjoni ma hijiex, skont il-kriterji tad-dritt nazzjonali, importanti biżżejjed sabiex tiġġustifika appell. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, il-kunċett ta’ “ħtieġa” għandu jinftiehem bħala l-abbiltà tal-kwistjoni li tinfluwenza l-eżitu tal-kawża (fi kliem sempliċi: min jirbaħ, min jitlef u għalfejn). Il-kuntrarju jkun ifisser, kif indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq, li l-qorti nazzjonali tingħata l-awtorità li tiddeċiedi liema kwistjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE u liema ma għandhomx, anki meta dawn id-domandi jistgħu jkunu determinanti għall-eżitu ta’ din il-kawża.

47.      Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ “ħtieġa” ġiet żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fis-sentenza CILFIT, li ser nindirizza issa.

b)      Ilġurisprudenza CILFIT

48.      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tliet eċċezzjonijiet għall-obbligu li jsir rinviju preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE. Dawk l-eċċezzjonijiet ġew “ikkodifikati” għall-ewwel darba fis-sentenza magħrufa sew CILFIT: (i) id-domanda magħmula ma hijiex rilevanti (“ħtieġa”); (ii) id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja (“acte éclairé”); jew (iii) l-interpretazzjoni tagħha hija tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (“acte clair”) (29).

49.      Il-portata ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ġiet ippreċiżata u rfinata fil-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50.      Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ ħtieġa, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod kostanti li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li tippermetti l-għoti ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda pjuttost li hija meħtieġa għas-soluzzjoni effettiva tat-tilwima. Id-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju għandha, għaldaqstant, tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta pprovduta mis-sentenza preliminari (30). Għaldaqstant, qorti nazzjonali tal-aħħar istanza ma hijiex obbligata li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari meta hija tqis li d-domanda ma hijiex rilevanti, “jiġifieri fil-każijiet fejn ir-risposta għal din id-domanda, tkun xi tkun, ma jkun jista’ jkollha ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża” (31). Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta t-tilwima tkun tista’ tiġi riżolta biss abbażi tad-dritt nazzjonali jew meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati jikkonċernaw aspett aċċessorju tat-tilwima, li ma huwiex determinanti għall-eżitu (32).

51.      Fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-acte éclairé, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali sitwazzjoni sseħħ kemm meta d-domanda magħmula tkun materjalment identika għal domanda li diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’kawża simili, kif ukoll meta deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu diġà ddeċidew il-kwistjoni tad-dritt inkwistjoni, indipendentement min-natura tal-proċedura li wasslet għal dawn id-deċiżjonijiet, anki jekk id-domandi inkwistjoni ma jkunux strettament identiċi (33).

52.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar l-acte clair, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, qabel ma kkonkludiet li l-interpretazzjoni korretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza għandha tiżgura li “s-sitwazzjoni tkun daqstant ċara għall-qrati ta’ l-Istati Membri l-oħra u għall-Qorti tal-Ġustizzja” (34). Fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni “fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tad-dritt tal‑Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li tagħti lok għalihom l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar” u r-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni (35).

53.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ħeġġet lill-qrati nazzjonali sabiex iżommu f’moħħhom, inter alia, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (i) hija abbozzata f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti huma kollha awtentiċi u għalhekk għandhom jinqraw b’mod armonjuż peress li verżjoni partikolari ma tistax tkun l-unika bażi ta’ interpretazzjoni u (ii) tuża terminoloġija proprja tagħha kif ukoll kunċetti legali li mhux neċessarjament għandhom l-istess tifsira bħall-kunċetti korrispondenti li jistgħu jeżistu fid-dritt tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ermenewtika tal-Unjoni teżiġi li l-interpretu jpoġġi d-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni fil-kuntest tagħha, u jeżaminaha fid-dawl tal-korp rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, skont l-għanijiet tagħha u tal-istat ta’ evoluzzjoni tagħha fid-data li fiha din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata (36).

54.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li qrati nazzjonali oħra taw deċiżjonijiet kontradittorji fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni ma jwassalx, fih innifsu, għall-obbligu li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, l-eżistenza ta’ ġurisprudenza kontradittorja fuq livell nazzjonali u/jew pan-Ewropew tista’ turi diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li ta’ spiss jiltaqgħu magħhom il-qrati nazzjonali fid-diversi Stati Membri, li jistgħu għalhekk jobbligaw lil qorti tal-aħħar istanza tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari (37).

55.      F’dan il-kuntest, ma narax kif mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni bħal dak inkwistjoni jistgħu jkunu “speċifiċi” għal waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet. Jidhirli li, f’dawn il-każijiet kollha, il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza għandha l-ewwel nett teżamina l-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-parti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk tapplikax waħda mill-eċċezzjonijiet. Essenzjalment, is-sentenza CILFIT tobbliga lill-qrati nazzjonali jistaqsu dan li ġej. Huwa meħtieġ li tiġi ttrattata l-kwistjoni mqajma sabiex tingħata deċiżjoni definittiva dwar it-tilwima? Din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata sa fejn it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Unjoni invokata huma ċari biżżejjed jew ġew iċċarati biżżejjed mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?

56.      Madankollu, fil-kuntest ta’ mekkaniżmi bħal dak inkwistjoni, qorti nazzjonali tal-aħħar istanza qatt ma tista’ tasal fl-istadju tal-eżami ta’ dawn id-domandi. Hemm stadju intermedju fir-raġunament tagħha: tivverifika jekk il-problema mqajma hijiex “importanti” (jew tissodisfax il-kriterji l-oħra ta’ filtrazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali). Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-qorti ma hijiex obbligata tivverifika jekk tapplikax waħda mill-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT, u l-proċeduri jintemmu.

57.      Iżda ċerti gvernijiet iqisu li l-ġurisprudenza CILFIT ma tipprekludix tali riżultat, u jinvokaw is-sentenza Aquino għal dan l-għan. Ser nindirizza dak l-argument iktar ’il quddiem.

c)      Aquino

58.      Fis-sentenza Aquino, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti tal-aħħar istanza tista’, bħala prinċipju, tirrifjuta li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta appell fuq punt ta’ liġi jiġi miċħud għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà inerenti għall-proċedura quddiem din il-qorti. Fil-fatt, f’tali każ, il-kwistjoni mqajma relatata mad-dritt tal-Unjoni tkun irrilevanti, peress li r-risposta għal din id-domanda ma jista’ jkollha ebda effett fuq l-eżitu tat-tilwima (38).

59.      Mad-daqqa ta’ għajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tidher li tikkonferma l-pożizzjoni tal-gvernijiet li jitolbu interpretazzjoni relattivament wiesgħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Pereżempju, il-kriterji ta’ filtrazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huma fformulati f’termini ta’ “ammissibbiltà” tal-appelli.

60.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, din hija interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Aquino.

61.      It-tilwima li tat lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Aquino kienet tikkonċerna sitwazzjoni li fiha t-talba ta’ rikorrent intiża biex il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita skont l-Artikolu 267 TFUE kienet tressqet, fl-ewwel istanza, f’att proċedurali li l-qorti nazzjonali ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni peress li kien ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu. Barra minn hekk, it-talba tar-rikorrenti ġiet sussegwentement irrepetuta fl-istadju tal-appell, iżda dan l-appell ma ġiex eżaminat fuq il-mertu (u lanqas fuq l-ammissibbiltà tiegħu) peress li, skont ir-regoli proċedurali applikabbli, tqieset bħala applikabbli preżunzjoni legali ta’ rinunzja għall-atti min-naħa tar-rikorrenti (39).

62.      Il-motivi ta’ inammissibbiltà eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aquino kienu għalhekk ta’ natura formali u, bħala prinċipju, kienu jipprekludu lill-qorti nazzjonali milli twettaq kull eżami tal-argumenti fuq il-mertu mressqa mill-partijiet. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ġurisprudenza stabbilita sew li fiha ġie ppreċiżat li r-regoli nazzjonali li jipprevedu kundizzjonijiet formali għall-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet – bħal dawk dwar it-termini, ir-rappreżentanza mill-avukati, l-atti ta’ proċedura preliminari, l-ispejjeż tal-qrati, eċċ. – huma ġeneralment kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività msemmija iktar’ il fuq (40).

63.      Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża Aquino kienet għalhekk, differenti minn din inkwistjoni f’din il-kawża, li, kif ġie spjegat, tinvolvi deċiżjoni diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kawża għandhiex tiġi deċiża, fid-dawl tal-“importanza” tal-kwistjoni legali mqajma minn parti fil-kuntest tal-appell għal reviżjoni tagħha. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, teżisti differenza kwalitattiva bejn il-kriterji formali ta’ ammissibbiltà li, jekk ma jkunux ġew osservati, jipprekludu lill-qorti nazzjonali inkwistjoni milli teżamina l-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appellanti fl-intier tagħha, u l-kriterji materjali ta’ ammissibbiltà (bħall-importanza tal-kawża) li – b’kuntrast – jinvolvu ċertu eżami ta’ din il-kwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qorti inkwistjoni tixtieqx tiddeċiedi dwarhom.

64.      Fl-ewwel kawża, il-fatt li l-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma ma hijiex ser tiġi eżaminata mill-qorti nazzjonali normalment jirriżulta minn nuqqas ta’ diliġenza tal-appellant, peress li dan ma osservax ir-regoli proċedurali rilevanti. Min-naħa l-oħra, fit-tieni kawża, l-appellant, biex ngħidu hekk, għamel dak kollu li seta’ jsir sabiex jikseb l-eżami tal-kwistjoni mqajma mill-qorti nazzjonali sabiex, meta l-kundizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jkunu ssodisfatti, din il-kwistjoni tkun tista’ tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija għalhekk il-qorti nazzjonali li timpenja ruħha li tiddeċiedi – abbażi tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali (mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni) u mhux ta’ dawk ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (ġurisprudenza CILFIT) – jekk hemmx lok li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari.

65.      Inżid ngħid li jidhirli li huwa diffiċli wkoll li naqbel mal-argument li, meta jkun meħtieġ li jiġi evalwat jekk kawża tissodisfax il-kriterji ta’ awtorizzazzjoni għal appell, qorti nazzjonali tista’ tevita kull eżami tal-mertu tal-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma mir-rikorrent.

66.      Nifhem li, f’tali fażi preliminari tal-proċedura, il-qorti nazzjonali għandha biss tidentifika l-kwistjoni ġuridika li tqajjem il-kawża, u mhux li ssib ir-risposta għaliha. Madankollu, jidhirli li, ta’ spiss, ikun diffiċli li tiġi stabbilita l-importanza tad-domanda mingħajr ma tiġi eżaminata, tal-inqas b’mod preliminari, ir-risposta li ngħatat din id-domanda mill-qorti inferjuri.

67.      Pereżempju, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni inkwistjoni, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar (i) jekk kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn rikorrent hijiex “importanti biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tad-dritt mill-ġurisprudenza”, jew waħda li (ii) “is-sentenza tal-qorti inferjuri tiddevja mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema”; u jekk (iii) “ma teżisti l-ebda ġurisprudenza tal-Qorti Suprema”, jew (iv) “il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema ma hijiex uniformi”, sakemm ma tingħatax kunsiderazzjoni għall-mertu ta’ din il-kwistjoni? Għandi ngħid li għandi d-dubji tiegħi.

68.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru li l-prinċipju li jirriżulta mis-sentenza Aquino ma jistax japplika fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Fil-kawża Aquino, l-effettività tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ma ġietx ikkontestata, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża.

69.      Din id-differenza tirriżulta wkoll mit-test tas-sentenza Aquino. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-“formulazzjoni ta’ domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrilevanti, peress li r-risposta għal din id-domanda ma seta’ jkollha l-ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża” (41). Dan manifestament ma huwiex il-każ ta’ tilwima li tiġi deċiża abbażi ta’ interpretazzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni u li għaliha appell huwa effettivament possibbli, iżda sempliċement meqjus bħala li ma jqajjimx kwistjonijiet importanti biżżejjed sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid. F’każ bħal dan, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mill-appellanti tista’, b’differenza mill-kawża Aquino, tkun potenzjalment determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

70.      Barra minn hekk, fis-sentenza Aquino, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta wkoll li tiċċara u tneħħi l-ambigwità mill-portata limitata tas-sentenza tagħha billi indikat li “r-regoli nazzjonali ta’ proċedura [bħal dawk fuq raġunijiet ta’ inammissibbiltà ta’ appelli] la jistgħu jippreġudikaw il-kompetenza li qorti nazzjonali għandha taħt l-Artikolu 267 TFUE u lanqas jeħilsuha mill-obbligi tagħha skont din l-istess dispożizzjoni” (42).

71.      Wieħed ma għandux jinsa li s-sentenza Aquino, iċċitata iktar ’il fuq, ingħatat mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li jfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut, li “l-kawża ma tqajjimx xi punt ġdid ta’ dritt”. Fil-fehma tiegħi, jekk l-interpretazzjoni tas-sentenza Aquino kienet dik issuġġerita minn ċerti gvernijiet, il-kawża kienet teħtieġ konklużjonijiet, sa fejn din timplika estensjoni sinjifikattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet ta’ CILFIT.

72.      Il-qari tiegħi tal-ġurisprudenza jidher li huwa kkorroborat ukoll minn żewġ elementi oħra. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Wiener SI, l-Avukat Ġenerali Jacobs ippropona li l-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ CILFIT (43), billi tobbliga lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari biss meta jitqajmu “kwistjonijiet ġenerali” ta’ interpretazzjoni jew kwistjonijiet ta’ “importanza ġenerali” (44). Tali kriterju – li sa ċertu punt jixbah lil dak relatat mal-importanza tal-kawża fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni inkwistjoni – madankollu ma ġiex approvat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

73.      Iktar reċentement, fis-sentenza Consorzio, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet u kkonfermat is-sentenza Aquino, fir-rigward ta’ regola ta’ proċedura nazzjonali li abbażi tagħha s-suġġett tal-kawża kien iddeterminat mill-motivi invokati fil-mument li ssir l-azzjoni (45). Għal darba oħra, ir-regola proċedurali nazzjonali kienet tikkonċerna motiv formali ta’ ammissibbiltà tal-azzjoni u ma kinitx regola li kienet tagħti lill-qorti nazzjonali ċertu marġni ta’ manuvra fl-għażla tal-kawżi.

74.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma iniex konvint mill-argumenti tal-gvernijiet ibbażati fuq is-sentenza Aquino. Wara li ttrattajt din il-kwistjoni, issa ser nispjega għalfejn jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni tagħhom tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ma taqbilx ukoll mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura u l-għan tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

d)      Fuq innatura u lgħan talproċedura għal deċiżjoni preliminari

75.      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti, is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, kif maħsuba mill-awturi tat-Trattati, għandha bħala bażi ewlenija tagħha l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE. Billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, din il-proċedura għandha l-għan li tiżgura l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (46). Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għandha l-għan li tiggarantixxi li, fiċ-ċirkustanzi kollha, id-dritt tal-Unjoni jipproduċi l-istess effett fl-Istati Membri kollha u b’hekk li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw (47).

76.      Is-sistema stabbilita hija, għaldaqstant, waħda ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha dawn tal-aħħar jipparteċipaw mill-qrib fl-applikazzjoni tajba u fl-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minnu lill-individwi (48). Dwar dan it-tieni aspett, nenfasizza li l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari taqa’ fil-kuntest tas-sistema ta’ rimedji stabbiliti mill-awturi tat-Trattati sabiex jiġi żgurat li, kif jipprevedu l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet tagħha bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni jkunu ppreġudikati minn azzjoni (jew minn nuqqas ta’ azzjoni) jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew mill-awtoritajiet nazzjonali, tkun tista’ tikseb protezzjoni ġudizzjarja effettiva (49).

77.      Dan premess, jiena ovvjament konxju tal-fatt li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija forma ta’ djalogu bejn il-qrati u ma “[t]ikkostitwixxix mezz ta’ rikors miftuħ għall-partijiet fil-kawżi pendenti quddiem l-qorti nazzjonali” (50). Fil-fatt, il-partijiet fil-proċedura nazzjonali ma għandhom l-ebda dritt suġġettiv li jitolbu lil qorti nazzjonali tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li parti ssostni li l-kawża tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jfissirx li l-qorti jew it-tribunal ikkonċernati għandhom iqisu li tali kwistjoni “titqajjem” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (51).

78.      Madankollu, jiena tal-fehma li mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li, f’kull każ, “xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali” għandu jkun identifikabbli a priori. Dan għaliex kull parti f’kawża għandha tkun tista’, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet xierqa, ikollha l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu tqajmu debitament minnha fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, u li s-soluzzjoni tagħhom tista’ tagħti lok għalihom, jinstemgħu mill-interpretu awtoritattiv tad-dritt tal-Unjoni: il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, għandu dejjem ikun hemm qorti, fi ħdan is-sistema ġudizzjarja nazzjonali, li taġixxi bħala qorti tal-aħħar istanza u għalhekk hija responsabbli għall-verifika, f’kawża partikolari, jekk il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE humiex issodisfatti.

79.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li elementi bħall-valur monetarju tat-tilwima, il-portata dgħajfa tal-ksur tad-dritt allegat, jew l-importanza tal-kwistjonijiet legali mqajma mill-kawża huma irrilevanti fir-rigward tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. L-uniku element importanti huwa jekk, fir-rigward tal-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma, l-eċċezzjonijiet ta’ CILFIT japplikawx jew le.

80.      F’dan il-kuntest, nixtieq nenfasizza mill-ġdid li, meta jressqu talba għal deċiżjoni preliminari, il-qrati nazzjonali jaġixxu mhux biss bħala qrati nazzjonali, iżda wkoll bħala “qrati tad-dritt tal-Unjoni”, abbażi tas-setgħat li jirriżultaw minn (u, jekk ikun il-każ, mill-obbligu previst fl-Artikolu 267 TFUE). Il-proċedura li jibdew dawn il-qrati għandha, kif ġie spjegat, għan doppju: (i) għan makro, ta’ natura pubblika prominenti, li jiżgura l-unità, il-koerenza u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni; u marbut mill-qrib ma’ dan (ii) għan mikro, prinċipalment ta’ natura privata, li jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni (52).

81.      F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa pjuttost ċar li l-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni li jħallu lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza marġni ta’ manuvra f’dak li jirrigwarda l-kawżi u/jew il-kwistjonijiet legali li ser jiġu eżaminati fl-appell jistgħu jmorru kontra t-twettiq taż-żewġ għanijiet “fiċ-ċirkustanzi kollha” (53). Id-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri huma kkonfermati mill-qrati superjuri mingħajr ma jiġi vverifikat jekk l-interpretazzjoni tagħhom tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni kinitx korretta, minkejja l-fatt li appellant seta’ debitament jallega u jipprova li interpretazzjonijiet oħra ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma plawżibbli.

82.      Ir-riżultat huwa li interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi ssolidifikata fil-ġurisprudenza nazzjonali, li tagħti lok għal diverġenzi fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, parti fit-tilwima hija mċaħħda mill-possibbiltà li l-argumenti tagħha jew tiegħu dwar l-interpretazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom huma bbażati l-argumenti tagħha jew tiegħu jinstemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

83.      Il-konstatazzjonijiet tiegħi f’dan ir-rigward ma humiex ikkontestati mill-argument, imressaq minn ċerti partijiet waqt is-seduta, li dawn il-problemi jistgħu jiġu evitati billi jitqies li, meta l-awtorizzazzjoni għal appell ma tingħatax, il-qorti inferjuri jkollha titqies bħala l-qorti tal-aħħar istanza fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Dawn il-partijiet jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li qorti inferjuri tista’ titqies li taġixxi f’din il-kwalità meta, f’tilwima partikolari, id-deċiżjoni tagħha tkun definittiva, peress li ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju kontriha (54).

84.      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli f’sitwazzjonijiet bħal din inkwistjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lyckeskog, wieħed ma jistax iqis li qorti inferjuri taġixxi bħala “qorti tal-aħħar istanza” meta appell kontra din id-deċiżjoni jkun possibbli, iżda l-eżami tal-mertu ta’ tali appell huwa suġġett għal dikjarazzjoni minn qabel ta’ ammissibbiltà mill-qorti superjuri (55). Dan huwa approċċ raġonevoli: fil-fatt, kif tista’ l-qorti inferjuri tkun taf, meta teżamina l-mertu ta’ kawża, jekk il-qorti superjuri tawtorizzax jew le appell futur?

e)      Konklużjoni intermedja

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Latvjan, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Sloven u Finlandiż li l-Istati Membri jgawdu diskrezzjoni wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment u t-tfassil tal-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni li jippermettu lill-qrati tal-aħħar istanza tagħhom jagħżlu l-kawżi li jixtiequ jisimgħu u jiddeċiedu fl-appell. Naqbel ukoll mal-fehma ta’ dawn il-gvernijiet li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, il-kompatibbiltà ta’ tali mekkaniżmi mad-dritt tal-Unjoni tiddependi prinċipalment mill-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fl-aħħar nett, huwa raġonevoli li jiġi sostnut li, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu importanza kardinali: meta jiddeċiedu jekk tingħatax awtorizzazzjoni għal appell, il-qrati nazzjonali għandhom jittrattaw il-kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali u dawk tal-Unjoni bl-istess mod.

86.      Madankollu, għar-raġunijiet li spjegat iktar ’il fuq, niddubita kemm il-prinċipju ta’ effettività huwa dejjem osservat meta l-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni jħallu lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza ċertu grad ta’ diskrezzjoni sabiex joqogħdu jagħżlu l-kawżi. Tali mekkaniżmi jistgħu jippermettu lil dawn il-qrati jevitaw il-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Għaldaqstant, dawn il-mekkaniżmi għandhom, de facto, l-effett li jissostitwixxu l-obbligu ta’ rinviju previst f’din id-dispożizzjoni b’sempliċi diskrezzjoni (56).

87.      Dan premess, dan ifisser li mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni bħal dak inkwistjoni huma neċessarjament inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?

3.      Mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni: interpretazzjoni u applikazzjoni talqafas nazzjonali skont issentenzi CILFIT u Consorzio

88.      Issa ser nispjega għalfejn ma naħsibx li dan huwa l-każ b’mod ġenerali. Fil-fatt, jiena tal-fehma li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ser jiggarantixxu l-kompatibbiltà ta’ dawn il-mekkaniżmi mad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod, dawn il-qrati japplikaw, essenzjalment, il-kriterji ta’ filtrazzjoni previsti mid-dritt nazzjonali filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tad-dritt tal-Unjoni.

89.      Dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, b’mod partikolari mis-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Consorzio. Fid-dawl tal-importanza ta’ din is-sentenza, jidhirli opportun li nfakkar l-għanijiet prinċipali tagħha (a), qabel ma nispjega għalfejn din tidher partikolarment rilevanti f’din il-kawża (b).

a)      Consorzio

90.      Il-proċess ta’ kjarifika tal-eċċezzjonijiet għall-obbligu tar-rinviju previst fl-Artikolu 267 TFUE wassal għas-sentenza reċenti tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Consorzio. Din is-sentenza hija partikolarment notevoli għal diversi raġunijiet.

91.      Fl-ewwel lok, wara riflessjoni fil-fond u minkejja l-proposti ta’ diversi Avukati Ġenerali sabiex tirrevedi l-approċċ tagħha kompletament jew parzjalment (57), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tikkonferma b’mod wiesa’ l-ġurisprudenza CILFIT.

92.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet – billi ispirat ruħha probabbilment mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) (58) – li mis-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li, jekk qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tqis li, minħabba waħda mill-eċċezzjonijiet ta’ CILFIT, hija tkun meħlusa mill-obbligu tagħha li tagħmel rinviju, “ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għandhom juru jew li d-domanda dwar id-dritt tal-Unjoni li tqajmet ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, jew li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal‑Unjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella, fl‑assenza ta’ tali ġurisprudenza, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet tant ovvja […] li ma kienet tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli” (59).

93.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet l-opportunità biex tiżviluppa ċerti aspetti tal-eċċezzjoni tal-acte clair. Għalkemm dawn l-iżviluppi huma ġeneralment konsistenti mal-prinċipji ewlenin li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, bl-ebda mod ma huma inqas sinjifikattiv. Nixtieq niġbed l-attenzjoni għal ħames aspetti tas-sentenza inkwistjoni.

94.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa ċertu punt, illimitat il-portata tal-ħtieġa tal-qrati tal-aħħar istanza li jiżguraw li r-risposta għall-kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni li huma jqisu ovvja tkun daqstant ovvja għall-qrati l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-punt 40 tas-sentenza Consorzio jirreferi għall-“qrati l‑oħra tal-Istati Membri tal-aħħar istanza u għall-Qorti tal-Ġustizzja” (60).

95.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll il-portata tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma abbozzati f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, qorti tal-aħħar istanza ma tistax tkun mistennija teżamina “kull waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni”. Madankollu, hija “għandha tieħu inkunsiderazzjoni diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id‑dispożizzjoni li hija tkun taf bihom, b’mod partikolari meta dawn id-diverġenzi jiġu esposti mill-partijiet u jiġu vverifikati” (61).

96.      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovat ukoll tiċċara l-livell ta’ inċertezza meħtieġ sabiex jiskatta l-obbligu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “s-sempliċi possibbiltà li jsir qari wieħed jew iktar ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn ebda waħda minn dawn ma tidher suffiċjentement plawżibbli għall-qorti nazzjonali kkonċernata […] ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta ta’ din id‑dispożizzjoni” (62).

97.      Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat l-importanza li għandha tingħata lill-eżistenza ta’ ġurisprudenza diverġenti dwar il-kwistjoni interpretattiva inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija indikat: “meta l-eżistenza ta’ linji ta’ ġurisprudenza diverġenti – fi ħdan qrati tal-istess Stat Membru jew bejn qrati ta’ Stati Membri differenti – fir-rigward tal‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali tinġab għall-attenzjoni tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl‑aħħar istanza, din għandha tkun partikolarment attenta fl-evalwazzjoni tagħha dwar eventwali assenza ta’ dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni […]” (63).

98.      Fil-ħames lok, għalkemm, f’ċerti deċiżjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżiġiet li l-qrati nazzjonali jistabbilixxu li “l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli” (64), is-sentenza Consorzio rreferiet għall-ħtieġa li jiġi stabbilit li “l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli” (65). Probabbilment influwenzata f’dan ir-rigward mill-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek (66), it-terminu “applikazzjoni” rarament jinsab fit-test tas-sentenza (67), li wkoll iddistingwiet b’mod espliċitu l-attivitajiet ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tad-dritt (68).

99.      Issa ser nispjega għalfejn ċerti aspetti ta’ din is-sentenza għandhom rilevanza partikolari għall-kwistjoni legali inkwistjoni.

b)      Fuq irrwol talpartijiet, ilħtieġa talkriterju u lkunċett ta’ acte clair

100. Jidhirli li, b’mod partikolari billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kjarifiki magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Consorzio, il-ġurisprudenza dwar l-eċċezzjonijiet għall-obbligu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE tista’ fil-biċċa l-kbira “takkomoda” mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni bħal dan inkwistjoni.

101. L-ewwel, għall-kuntrarju ta’ ċerti kummentaturi (69), ma naħsibx li r-riformulazzjoni ta’ numru ta’ siltiet mill-ġurisprudenza eżistenti, li daħlet fihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Consorzio – fejn l-enfasi ċċaqalqet mill-applikazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – tirriżulta minn eżerċizzju stilistiku. Fil-fehma tiegħi, din pjuttost tindika tfassil mill-ġdid progressiv tal-għan u tal-iskop tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari u, konsegwentement, tal-portata tal-obbligu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

102. Jiena konxju sew li d-distinzjoni bejn l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni mhux dejjem tkun faċli li ssir u li ż-żewġ attivitajiet spiss jiġu interkonnessi (70). Madankollu, ninsab konvint li hemm differenza kunċettwali bejn it-tnejn. Ma iniex ser nazzarda nagħti definizzjoni xjentifikament preċiża ta’ dawn il-kunċetti. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “interpretazzjoni” huwa forma ta’ attività intellettwali (71) li tikkonsisti essenzjalment fid-determinazzjoni, f’ċertu livell ta’ astrazzjoni, tas-sens u tal-portata ta’ dispożizzjoni legali (72). Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “applikazzjoni” huwa l-attività li tikkonsisti f’li tirrendi dispożizzjoni legali, li s-sens u l-portata tagħha ġew iddeterminati, operattiva f’kawża partikolari billi tislet il-konsegwenzi konkreti għal ġabra partikolari ta’ fatti (73).

103. Wieħed ma għandux jinsa li l-Qorti tal-Ġustizzja stess għamlet distinzjoni bejn iż-żewġ kunċetti f’dan il-kuntest stess. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhom rwol distint iżda komplementari fi ħdan is-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE: tal-ewwel japplikaw id-dritt tal-Unjoni għat-tilwima, filwaqt li t-tieni tinterpreta d-dritt tal-Unjoni sabiex tgħin lil tal-ewwel. Dawn iż-żewġ rwoli – enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja – huma indispensabbli għall-preżervazzjoni tan-natura stess tad-dritt stabbilit mit-Trattati (74).

104. Fuq kollox, il-formulazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE hija ċara sew fis-sens li s-suġġett tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari huwa (irrispettivament mill-kwistjonijiet ta’ validità) li tingħata deċiżjoni dwar l-“interpretazzjoni tat-Trattati”. It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura lil hinn minn dan lanqas ma huwa neċessarju sabiex din il-proċedura tkun tista’ tilħaq l-għan doppju tagħha. Minn naħa, il-każijiet ta’ applikazzjoni ħażina potenzjali tar-regoli tal-Unjoni ma jippreġudikawx l-unità, il-koerenza u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ikun eżaġerat li jingħad li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel, skont l-Artikolu 267 TFUE, speċi ta’ mikrosorveljanza tal-applikazzjoni ta’ kuljum tad-dritt tal-Unjoni minn eluf ta’ qrati nazzjonali.

105. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija disposta, f’ċerti każijiet, li teżerċita r-rwol li hija għandha skont l-Artikolu 267 TFUE b’mod estensiv, sabiex tgħin lill-qrati tar-rinviju bl-aħjar mod li tista’, u għalhekk taċċetta li tipprovdi risposta fuq il-bażi tal-fatti tal-każ, ma jistax jitqies bħala indikazzjoni tas-suġġett u tal-finalità reali tal-proċedura (75). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, iżda ma għandhiex għalfejn, tipprovdi risposti dwar l-eżitu ta’ kawżi speċifiċi. Konsegwentement, il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza jistgħu, ukoll, iżda ma humiex meħtieġa, jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari f’dawk il-kawżi (76).

106. It-tieni, huwa ċar li s-sentenza Consorzio saħħet ir-rwol tal-partijiet fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari (77). Qabel kollox, huma għandhom iqajmu kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni u jipprovdu lill-qorti nazzjonali kompetenti b’informazzjoni suffiċjenti (u, jekk ikun il-każ, bi provi) dwar l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni li dwarhom il-qorti nazzjonali hija mitluba tagħmel domanda preliminari (78). F’dan ir-rigward, l-appellant ma huwiex sempliċement obbligat li juri li d-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni tista’ tinqara b’iktar minn mod wieħed – biex ngħidu hekk – minn qorti li hija raġonevolment informata u li teżerċita diliġenza ordinarja. Il-livell għola iktar ’il fuq fis-sentenza Consorzio: għandu jkun hemm iktar minn interpretazzjoni waħda li tidher “suffiċjentement plawżibbli” għal qorti li għandha esperjenza partikolari (billi l-kriterju f’dan ir-rigward huwa dak tal-“qrati u t-tribunali tal-aħħar istanza tal-Istati Membri u tal-Qorti tal-Ġustizzja”).

107. Il-partijiet fil-kawża ma jistgħux jistennew li l-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza jqajmu regolarment ex officio kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni li huma ma jkunux qajmu. Huma lanqas ma jistgħu jistennew li dawn il-qrati jilqgħu talbiet għal rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkunu vagi, konfużi jew mhux issostanzjati. Il-prinċipju vigilantibus non dormientibus iura succurrunt (il-liġijiet jgħinu lil dawk li huma viġilanti u mhux lil dawk li jibqgħu reqdin) huwa ċertament applikabbli f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jintalbu jressqu argumenti u talbiet ta’ rinviju li ma humiex ġenwini, li jikkonsistu f’abbuż proċedurali jew li għandhom għan purament dilatorju (79).

108. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni li fih jista’ jkun hemm kunflitti bejn mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni nazzjonali bħal dawk inkwistjoni u l-Artikolu 267 TFUE huwa limitat għal dawk l-appelli li fihom parti tkun qajmet b’mod korrett kwistjoni ġenwina ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tissostanzja l-argumenti tagħha dwar l-eżistenza ta’ iktar minn interpretazzjoni plawżibbli waħda tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, u stiednet espressament lill-qorti nazzjonali tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari.

4.      Konklużjoni dwar lewwel domanda

109. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi obbligu ċar u inkundizzjonat għall-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza CILFIT.

110. Għalhekk, meta rikorrent ikun qajjem b’mod korrett kwistjoni ġenwina tad-dritt tal-Unjoni, li jissostanzja l-argumenti tiegħu dwar l-eżistenza ta’ iktar minn interpretazzjonijiet plawżibbli waħda tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u jistieden espressament lill-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-verifika jekk il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għall-obbligu ta’ rinviju tagħha humiex issodisfatti. Mekkaniżmu nazzjonali li jintroduċi ċertu grad ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward huwa, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

111. Minkejja dan, nixtieq nenfasizza li dak li ntqal iktar ’il fuq ma jfissirx li kull darba li jingħata lok għal dan l-obbligu, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tawtorizza appell u li tevalwa l-mertu tal-kawża. Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lyckeskog, jekk tqum kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali tal-aħħar istanza li tamministra mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni bħal dak inkwistjoni, din il-qorti “jkollha l-obbligu […] li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni jew fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, jew fi stadju ulterjuri” (80).

112. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, hija bħala prinċipju l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura għandha ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (81). Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, “għalkemm jista’ jirriżulta mill-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li domanda preliminari ssir biss wara trattazzjoni inter partes, għandu madankollu jiġi rrikonoxxut li l-eżistenza ta’ trattazzjoni inter partes ma hijiex fost in-numru ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE” (82).

113. Dan premess, il-ġurisprudenza fil-fatt tirrikonoxxi marġni ta’ manuvra lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza meta jwettqu din il-verifika. L-applikazzjoni tal-kriterji CILFIT għal kawża partikolari bl-ebda mod ma hija eżerċizzju mekkaniku. Din tinvolvi l-evalwazzjoni ta’ numru ta’ elementi li – kemm meta jittieħdu b’mod iżolat, kif ukoll meta finalment jiġu eżaminati flimkien – iħallu neċessarjament ċertu marġni ta’ manuvra lill-qrati nazzjonali.

114. Fil-passat kien hemm opinjonijiet diverġenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan il-marġni ta’ manuvra kienx kbir biżżejjed sabiex il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza jwettqu l-kompiti ġudizzjarji tagħhom b’mod raġonevoli u effikaċi (83). F’dan ir-rigward, sempliċiment ngħid li, wara s-sentenza Consorzio, dan il-marġni ta’ manuvra ċertament ġie estiż u, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża, ġie estiż fuq punti ta’ ċerta livell ta’ importanza.

115. Dan iwassalni għall-konklużjoni li ġejja.

116. Jiena tal-fehma li, minn naħa, il-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni bħal dak inkwistjoni, meta jiġu applikati awtomatikament għall-kawżi li jqajmu kwistjonijiet reali tad-dritt tal-Unjoni, huma inkompatibbli mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Is-sempliċi fatt li kawża ma taqax taħt il-kriterji ta’ filtrazzjoni stabbiliti mid-dritt nazzjonali ma jistax jippermetti lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza li jevitaw li jqisu – kif qalet il-qorti tar-rinviju – “jekk it-talba minn parti li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari tobbligahiex tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.

117. Min-naħa l-oħra, madankollu, naħseb ukoll li l-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jinterpretaw u japplikaw ir-regoli proċedurali nazzjonali inkwistjoni b’mod li jippermettulhom jiżguraw l-osservanza mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi CILFIT u Consorzio.

118. Dan huwa ċertament il-każ għas-sistemi nazzjonali – bħal dik inkwistjoni – li fihom il-kriterji ta’ filtrazzjoni stabbiliti mid-dritt nazzjonali jidhru li jirriflettu fil-parti l-kbira s-sitwazzjonijiet previsti fl-eċċezzjonijiet ta’ CILFIT. Fil-fatt, it-tliet xenarji speċifiċi elenkati fl-Artikolu 367a taż-ZPP – kwistjonijiet ta’ liġi li dwarhom (i) “id-deċiżjoni tal-qorti tat-tieni istanza tiddevja mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema”, (ii) “ma teżisti l-ebda ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, b’mod partikolari jekk il-ġurisprudenza tal-qrati superjuri ma tkunx uniformi”, u (iii) il-“ġurisprudenza tal-Qorti Suprema ma hijiex uniformi” – essenzjalment ikopru l-eċċezzjonijiet tal-acte clair u tal-acte éclairé.

119. Konsegwentement, jekk wieħed japplika dawn il-kriterji ta’ filtrazzjoni, kif għidt, b’kontribut solidu tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti nazzjonali tikkonforma de facto mal-ġurisprudenza CILFIT. Wara kollox, huwa ovvju li l-Artikolu 267 TFUE ma jistax ikollu l-effett li jiddisswadi lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza milli jikkonċentraw, fil-parti l-kbira, fuq kwistjonijiet li, kif jindika l-Artikolu 367a taż-ZPP, huma “importanti biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tad-dritt mill-ġurisprudenza”.

120. Kif imsemmi fil-parti introduttiva ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni jsegwu għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali. Interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li jobbliga lill-qrati nazzjonali jħallu mhux applikati r-regoli nazzjonali li jipprevedu tali mekkaniżmu kull darba li kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni titqajjem b’mod validu quddiemhom jidhirli li tmur lil hinn minn dak li huwa, fil-parti l-kbira tal-każijiet, meħtieġ u suffiċjenti sabiex jinżamm l-effett utli tal-Artikolu 267 TFUE.

121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprekludi dispożizzjoni jew prattika nazzjonali skont liema, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-awtorizzazzjoni sabiex jiġi ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi, qorti nazzjonali tal-aħħar istanza ma hijiex obbligata tikkunsidra jekk hijiex meħtieġa tressaq talba għal deċiżjoni preliminari, meta parti tkun qajmet b’mod korrett kwistjoni ġenwina tad-dritt tal-Unjoni, billi tissostanzja l-argumenti tagħha dwar l-eżistenza ta’ interpretazzjoni waħda jew iktar suffiċjentement plawżibbli tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u tkun stiednet espressament lill-qorti nazzjonali sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jinterpretaw ir-regoli proċedurali rilevanti b’mod li jippermettu li dawk ir-regoli, sa fejn ikun possibbli, jiżguraw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni.

B.      Fuq ittieni domanda preliminari

122. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ parti intiża biex tiġi awtorizzata tippreżenta appell quddiem qorti tal-aħħar istanza tikkostitwixxix deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tindika l-motivi għalfejn ma ntlaqatx it-talba tal-parti intiża biex tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

123. Kif spjegat, meta kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni titqajjem debitament quddiem qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jimponi fuq din il-qorti l-obbligu li tivverifika jekk jiskattax l-obbligu ta’ rinviju tagħha. Dan ifisser li deċiżjoni ta’ tali qorti li, billi tirrifjuta li tawtorizza appell, ittemm il-proċedura ta’ appell mingħajr ma tkun għamlet rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE, hija deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja li teżiġi – kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 51 tas-sentenza Consorzio – motivazzjoni għalfejn din qieset li “d-domanda dwar id-dritt tal-Unjoni li tqajmet ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, jew li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal‑Unjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella, fl‑assenza ta’ tali ġurisprudenza, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet tant ovvja […] li ma kienet tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli”.

124. F’din il-kawża, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet iddiskutew fit-tul it-tip u l-livell ta’ dettall meħtieġ għall-motivazzjonijiet. Għalkemm din il-kwistjoni ma tqajmitx espressament mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li din il-kawża toffri opportunità tajba sabiex jiġu offruti xi riflessjonijiet f’dan ir-rigward.

125. Huwa importanti li nibda billi nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet l-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Artikolu 267 TFUE moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt għal smigħ xieraq, dritt li jirriżulta wkoll mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal‑KEDB (84).

126. Kif iddeċidiet b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq jeżiġi li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi kollha jkunu mmotivati sabiex parti tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għalfejn ittieħdet deċiżjoni fil-konfront tagħha, b’tali mod li din il-parti tkun tista’ tikkunsidra li tagħmel użu mir-rimedji ġudizzjarji li jistgħu jkunu disponibbli (85). Barra minn hekk, b’mod iktar indirett, id-dritt għal deċiżjoni mmotivata “jservi wkoll il-prinċipju ġenerali […] li jipproteġi lill-individwu mill-arbitrarjetà billi juri lill-partijiet li nstemgħu u jobbliga lill-qorti tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq raġunijiet oġġettivi” (86).

127. Skont dawn l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-portata tad-dmir ta’ motivazzjoni tista’ tvarja skont in-natura tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni u għandha tiġi eżaminata, fid-dawl tal-proċedura meqjusa b’mod globali u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji proċedurali involuti f’din id-deċiżjoni” (87).

128. Nifhem li deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ awtorizzazzjoni għal appell hija att li, fl-interess tal-ekonomija u tal-effikaċja tal-proċedura, jista’ jittratta kawża b’mod pjuttost sommarju u standardizzat. Għaldaqstant, ma naħsibx li hija għandha tinkludi motivazzjoni li tinkludi riferimenti għall-fatti, għall-kuntest ġuridiku u għad-diversi aggravji tal-appell. Fil-fehma tiegħi, skont l-Artikolu 267 TFUE, għandu normalment ikun biżżejjed għall-qorti nazzjonali (i) li tindika espressament l-eċċezzjoni ta’ CILFIT invokata u ii) li tipprovdi spjegazzjoni konċiża dwar ir-raġuni għalfejn din l-eċċezzjoni tqieset li hija applikabbli (88). Pereżempju, meta teżisti ġurisprudenza stabbilita sew, riferiment sempliċi għal din il-ġurisprudenza għandu normalment ikun biżżejjed, b’mod partikolari meta parti ma tispjegax fid-dettall għalfejn deroga minnha tkun iġġustifikata.

129. Evidentement, il-qrati nazzjonali ma jistgħux ikunu meħtieġa jittrattaw b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed l-argumenti kollha mressqa mill-parti li qajmet il-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni (89). Fil-fatt, ir-raġunament segwit minn tali qrati jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikun ukoll impliċitu (90). Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-appell tal-parti jkun inammissibbli jew manifestament infondat (91), meta l-motivi invokati sabiex jiġġustifikaw rinviju jkunu vagi jew ġeneriċi (92) jew meta r-raġunijiet għal ċaħda jkunu jistgħu jiġu dedotti b’mod ċar mill-motivi esposti fil-bqija tas-sentenza jew mid-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri (93).

130. B’kuntrast, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, huwa neċessarju livell ta’ dettall ogħla (94). Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-parti tkun enfasizzat l-eżistenza ta’ ġurisprudenza diverġenti fl-Unjoni jew differenzi sinjifikattivi fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

131. Dak li huwa kruċjali f’dan ir-rigward hu jekk l-appellanti humiex f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet għalfejn l-istedina tagħhom sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja ġietx miċħuda u jekk il-qrati li jistgħu jiġu aditi minn dawn l-appellanti jistgħux effettivament jiddeċiedu dwar l-ilmenti tagħhom. Wieħed ma għandux jinsa li, anki jekk id-deċiżjonijiet ta’ qorti tal-aħħar istanza ma jistgħux, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta’ appell, jista’ fil-fatt ikun hemm rimedji oħra li jistgħu potenzjalment jintużaw kontra ksur possibbli tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

132. Minn naħa, l-appellant jista’, meta l-kundizzjonijiet xierqa jkunu ssodisfatti, iressaq azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat quddiem il-qrati nazzjonali (95). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni (jew Stati Membri oħra) tista’ tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikoli 258 sa 260 TFUE, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kontra l-Istat Membru meqjus li naqas milli jwettaq obbligu (96).

133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza li tiċħad l-awtorizzazzjoni li jiġi ppreżentat appell u ttemm il-proċedura, minkejja li l-appellant ikun qajjem b’mod validu kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija deċiżjoni ġudizzjarja li teżiġi motivazzjoni li għaliha din il-qorti qieset li l-obbligu tagħha ta’ rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE ma kienx attivat. Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tvarja skont iċ-ċirkustanzi rilevanti.

V.      Konklużjonijiet

134. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) kif ġej:

(1)      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprekludi dispożizzjoni jew prattika nazzjonali li skont din, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-awtorizzazzjoni sabiex jiġi ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi, qorti nazzjonali tal-aħħar istanza ma hijiex obbligata tikkunsidra jekk hijiex meħtieġa li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari, meta parti tkun qajmet b’mod korrett kwistjoni ġenwina tad-dritt tal-Unjoni, billi tissostanzja l-argumenti tagħha dwar l-eżistenza ta’ interpretazzjoni waħda jew iktar suffiċjentement plawżibbli tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u tkun stiednet espressament lill-qorti nazzjonali sabiex tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jinterpretaw ir-regoli proċedurali rilevanti b’mod li jippermettu lil dawk ir-regoli, sa fejn ikun possibbli, li jiżguraw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(2)      Skont l-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza li tiċħad l-awtorizzazzjoni li jiġi ppreżentat appell u li ttemm il-proċeduri, minkejja li r-rikorrent ikun qajjem b’mod validu kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija deċiżjoni ġudizzjarja li teżiġi motivazzjoni għalfejn din il-qorti qieset li l-obbligu tagħha li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE ma kienx attivat. Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tvarja skont iċ-ċirkustanzi rilevanti.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara, pereżempju, Norkus, R., “Introductory report –The Filtering of appeals to the supreme courts”, Network of the President of the Supreme Judicial Courts of the European Union, Dublin, 2015, p. 2, li jirreferi għal eżempju partikolari tas-seklu sittax.


3      Wieħed mill-iktar mekkaniżmi magħrufa minn dawn huwa dak ibbażat fuq id-digriet ta’ certiorari għal appelli quddiem il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti (introdott mill-Judiciary Act of 1891 (il-Liġi tal-1891 dwar il-Ġudikatura).


4      Nota ta’ Riċerka 13/006.


5      Ara l-Artikolu 58a tal-Istatut, kif emendat mir-Regolament (UE, Euratom) 2019/629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, L 111, p. 1). Sabiex inkun eżawrjenti, inżid ngħid li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġie estiż bl-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fix-xahar ta’ April 2024, ta’ regolament ġdid li jemenda l-Istatut, skont il-proposta ppreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Diċembru 2022.


6      Essenzjalment, bis-saħħa ta’ dan il-mekkaniżmu, l-appelli ppreżentati f’kawżi li diġà kienu s-suġġett ta’ eżami doppju, l-ewwel minn bord indipendenti tal-appell u mbagħad mill-Qorti Ġenerali, huma ammessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk jintwera li dawn iqajmu kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.


7      Uradni list RS, Nru 73/07.


8      Uradni list RS, Nru 105/06.


9      Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU 2013, L 181, p. 15).


10      F’dawn il-konklużjonijiet, ma iniex ser niddiskuti rinviji preliminari dwar il-validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea, peress li din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Huwa biżżejjed li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qrati nazzjonali – inklużi dawk li ma humiex tal-aħħar istanza – ma jgawdu minn ebda diskrezzjoni meta jkollhom dubji dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni. Il-qrati nazzjonali ma għandhomx is-setgħa li jannullaw l-att inkwistjoni u, konsegwentement, huma obbligati jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 20).


11      Sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017 (C‑3/16, EU:C:2017:209) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Aquino”).


12      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335) (iktar ’il quddiem is-“sentenza CILFIT”), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, iktar ’il quddiem is-“sentenza Consorzio”).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ Qorti Kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 38), u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 63).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 73).


15      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Ċirkustanzi sussegwenti għal deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


18      F’dak is-sens, ibid., il-punt 44.


19      Ser nerġa’ lura għal din il-kwistjoni iktar ’il quddiem, fil-punti 117 sa 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Enfasi miżjuda.


21      Enfasi miżjuda.


22      Ara, reċentement, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 155 u 156 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.


23      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:294, punti 15 u 21).


24      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 93 u 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


25      Dworkin, R., Taking Rights Seriously, Harvard University Press, Cambridge, 1978, p. 31 [traduzzjoni libera].


26      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et (C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, EU:C:2015:383, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 49).


28      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2019, Eurobolt (C‑644/17, EU:C:2019:555, punt 32), u tal‑4 ta’ Settembru 2019, Salvoni (C‑347/18, EU:C:2019:661, punt 46).


29      Sentenza CILFIT, punt 21.


30      Ara, reċentement, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, XXX vs Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-Familja) (C‑614/22, EU:C:2023:903, punti 15 u 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 26).


32      B’mod ġenerali, dwar l-eċċezzjoni ta’ “ħtieġa”, b’riferimenti oħra, ara Broberg, M., u Fenger, N., “Broberg and Fenger on Preliminary References to the European Court of Justice”, it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, 2021, paġni 208 u 209.


33      Ara s-sentenza CILFIT, punti 13 u 14.


34      Ara, inter alia, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 48).


35      Ara l-punt 17 tas-sentenza CILFIT.


36      Ara l-punti 18 sa 20 tas-sentenza CILFIT.


37      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 45), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 55).


38      Ara, b’mod partikolari, il-punt 56 tas-sentenza fil-kawża Aquino.


39      Ara, b’mod partikolari, il-punti 20, 23, 24, 27 u 54 tas-sentenza fil-kawża Aquino.


40      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punti 61 sa 66); tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 44); u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ applikazzjoni sussegwenti Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 53).


41      Punt 46 tas-sentenza. Enfasi miżjuda.


42      Punt 47 tas-sentenza. Enfasi miżjuda.


43      Ara, b’mod partikolari, il-punti 58, 59 u 64 ta’ dawk il-konklużjonijiet (C‑338/95, EU:C:1997:352).


44      Għal dawn l-espressjonijiet, ara ibidem, rispettivament il-punti 38, 55 u 64 u l-punti 20, 58 u 62.


45      Ara l-punti 60 sa 65 tas-sentenza Consorzio.


46      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Ara s-sentenza Consorzio, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni (C‑97/91, EU:C:1992:491, punti 13 u 14), u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 93).


50      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara, reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:545, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li ntemmet permezz ta’ deċiżjoni definittiva) (C‑582/21, EU:C:2023:674, punt 83) b’riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:291, punt 55) (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet Consorzio”).


53      Ara iktar ’il fuq, il-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, EU:C:1964:66, p. 592); tal‑15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 30); u s-sentenza fil-kawża Aquino, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34).


55      Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002 (C‑99/00, EU:C:2002:329, punt 16 sa 19).


56      Ara, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:108, punt 63) u tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:294, punt 20).


57      Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Wiener SI (C‑338/95, EU:C:1997:352); tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Gaston Schul Douane‑expediteur (C‑461/03, EU:C:2005:415); tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawżi magħquda X u van Dijk (C‑72/14 u 197/14, EU:C:2015:319); u – fl-aħħar nett, iżda mhux l-inqas – tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Consorzio.


58      Ara iktar ’il quddiem, il-punti 122 sa 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Punt 51 tas-sentenza Consorzio.


60      Enfasi miżjuda.


61      Punt 44 tas-sentenza Consorzio. Enfasi miżjuda.


62      Punt 48 tas-sentenza Consorzio. Enfasi miżjuda. Dwar dan il-punt, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Consorzio, punti 150 sa 157.


63      Punt 49 tas-sentenza Consorzio. Enfasi miżjuda.


64      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punti 38 u 40), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 55). Enfasi miżjuda.


65      Punt 33 tas-sentenza Consorzio. Enfasi miżjuda.


66      Ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Consorzio, punti 139 sa 159.


67      Ara r-riferimenti en passant għall-punti 28 u 29 tagħha.


68      Ara l-punt 30 tagħha. Ser nerġa’ lura għal dan il-punt iktar ’il quddiem.


69      Ara, pereżempju, Cecchetti, L., u Gallo, D., “The unwritten exceptions to the duty to refer after Consorzio Italian Management II: “CILFIT Strategy” 2.0 and its loopholes”, 15, Review of European Administrative Law, 2022, paġni 29 sa 61.


70      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:215, punti 86 sa 88).


71      Kelsen, H., Pure Theory of Law, it-tieni edizzjoni., 1967, p. 348.


72      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża Cilfit et (283/81, EU:C:1982:267, p. 3436), kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Consorzio, punt 145.


73      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali, Kawża dwar il-Fabbrika f’Chorzów (Pretenzjoni għall-kumpens – Ġurisdizzjoni) (Opinjoni Dissidenti tal-Imħallef Ehrlich) PCIJ Rep Series A Nru 9 (1927), 39.


74      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Consorzio, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


75      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ inattività (stand-by) f’post imbiegħed) (C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 23).


76      Naturalment, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi kif ġew ifformulati mill-qorti tar-rinviju, għaliex huma speċifiċi wisq għal każ, hija tista’ jew tifformula mill-ġdid dawn id-domandi sabiex tislet ċerti kwistjonijiet ta’ dritt, jew tiddikjarahom totalment jew parzjalment inammissibbli.


77      Bl-istess mod, Milfit, F-X., “Cilfit still fits”, Vol. 18, Ħarġa 3, European Constitutional Law Review, 2022, p. 533 sa 555.


78      Ara, b’mod partikolari, il-punti 44, 49 u 51 tas-sentenza Consorzio.


79      Ara l-punti 24 u 64 tas-sentenza Consorzio. B’mod iktar ġenerali, dwar il-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt fid-dritt tal-Unjoni, ara, reċentement, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punti 281 sa 283).


80      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2002 (C‑99/00, EU:C:2002:329, punt 18). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:108, punt 46).


81      Ara, reċentement, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Bundesrepublik Deutschland (Kaxxa tal-posta elettronika tal-Qorti tal-Ġustizzja) (C‑60/22, EU:C:2023:373, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


82      Sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley (C-430/15, EU:C:2017:74, punt 32).


83      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Wiener SI (C‑338/95, EU:C:1997:352, punt 58), u tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Gaston Schul Douane-expediteur (C‑461/03, EU:C:2005:415, punt 58), mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:108, punt 63).


84      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 52).


85      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 51).


86      Ara l-Qorti EDB, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Rutar u Rutar Marketing d.o.o. vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2022:1215JUD002116420, punt 62). Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:247, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


87      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 52).


88      Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Consorzio, punt 168.


89      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Rusishvili vs Il‑Ġorġja (CE:ECHR:2022:0630JUD001526913, punt 75).


90      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, FTI Touristik vs EUIPO (C‑99/18 P, EU:C:2019:565, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


91      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, Baydar vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2018:0424JUD005538514, punti 42 u 43), u d-deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2005, Astikos Oikodomikos Synetairismos Nea Konstantinoupolis vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2005:0120DEC003780602).


92      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, id-deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2007, John vs Il‑Ġermanja.


93      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, id-deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2013, Krikorian vs Franza (CE:ECHR:2013:1126DEC000645907), u s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Harisch vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2019:0411JUD005005316, punti 37 sa 42).


94      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 52).


95      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 51 sa 55); tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 32); u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punti 25 u 36).


96      Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza (Ħlas bil-quddiem) (C‑416/17, EU:C:2018:811), u tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tas-Supreme Court) (C‑516/22, EU:C:2024:231).