Language of document : ECLI:EU:T:2011:343

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear iżolat bil-gass – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Tqassim tas-suq – Drittijiet tad-difiża – Prova tal-ksur – Ksur uniku u kontinwat – Multi – Gravità u tul tal-ksur – Motivazzjoni – Ammont inizjali – Sena ta’ referenza ”

Fil-Kawża T-113/07,

Toshiba Corp., stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), inizjalment irrappreżentata minn J. MacLennan, solicitor, A. Schulz u J. Borum, avukati, sussegwentement minn J. MacLennan u A. Schulz,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault u J. Samnadda, sussegwentement minn X. Lewis, sussegwentement minn J. Bourke u F. Ronkes Agerbeek, u fl-aħħar minn F. Ronkes Agerbeek u N. Khan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annulament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81[KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti u, sussidjarjament, talba sabiex l-Artikoli 1 u 2 tal-imsemmija deċiżjoni jiġu emendati sabiex il-multi imposti fuq ir-rikorrenti jiġu annullati jew imnaqqsa,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Ir-rikorrenti

1        Ir-rikorrenti, Toshiba Corp., hija kumpannija Ġappuniża attiva f’diversi setturi, u b’mod partikolari fil-qasam tas-switchgear iżolat bil-gass (iktar ’il quddiem “SIG”). Bejn Ottubru 2002 u April 2005, l-attività tagħha fil-qasam ta’ SIG kienet eżerċitata minn kumpannija bi sħab, jiġifieri TM T & D Corp., li tagħha hija kienet proprjetarja, f’ishma indaqs, ma’ Mitsubishi Electric Corp. u li ġiet xolta fl-2005.

2.     Il-prodotti

2        Is-SIG jintuża sabiex jiġi kkontrollat il-fluss ta’ enerġija fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa tagħmir tqil tal-elettriku, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey). Is-SIG jinbigħu fid-dinja kollha bħala parti integrali minn substations tal-elettriku (turnkey) jew bħala partijiet individwali qabel ma jiġu integrati f’tali substations.

3.     Il-proċedura amministrattiva

3        Fit-3 ta’ Marzu 2004, ABB Ltd indikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi fis-settur tas-SIG, fil-kuntest ta’ talba orali għal immunità minn multi, skont l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).

4        It-talba għal immunità minn multi mressqa minn ABB ġiet ikkompletata permezz ta’ osservazzjonijiet orali u provi dokumentarji. Fl-24 ta’ April 2004, hija waslet għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tat immunità taħt kundizzjonijiet lil ABB.

5        Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni u wettqet, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, spezzjonijiet fil-bini ta’ diversi kumpanniji attivi fis-settur tas-SIG.

6        Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lil 20 kumpannija fosthom, b’mod partikolari, lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni pproċediet għas-smigħ tal-kumpanniji li lilhom intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-18 u fid-19 ta’ Lulju 2006.

4.     Id-deċiżjoni kkontestata

7        Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, dwar proċedura skon[t] l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”)

8        Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li d-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira l-ishma tas-suq storiċi stmati tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta “Ġappuniża” u ta’ kwota konġunta “Ewropea” li kellhom imbagħad jinqasmu bejniethom rispettivament mill-produtturi Ġappuniżi u mill-produtturi Ewropej. Ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim GQ”) kien jistabbilixxi regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u li l-valur tagħhom jiġi imputat fuq il-kwota korrispondenti. Barra minn dan, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub (iktar ’il quddiem l-“arranġament komuni”), li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi tal-membri tal-akkordju Ewropej, min-naħa l-oħra, indikati konġuntement bħala l-“pajjiżi kostrutturi” tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” ma kinux suġġetti għal skambji ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux imputati fuq il-kwoti rispettivi.

9        Il-Ftehim GQ kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għall-funzjonament tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti kkonċernati u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għall-proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-Anness 2 tiegħu, il-Ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa tal-arranġament komuni, il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew, peress li l-produtturi Ġappuniżi kienu impenjaw irwieħhom li ma jressqux offerti għall-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

10      Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien irregolat minn ftehim iffirmat ukoll fi Vjenna, fil-15 ta’ April 1988, u intitolat “E-Group Operation Agreement for GQ Agreement” (Ftehim tal-Grupp E għall-implementazzjoni tal-Ftehim GQ, iktar ’il quddiem il-“Ftehim EQ”). Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri bħal dawk li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, arranġati jew kellhom jingħataw limitu minimu ta’ prezz.

11      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi implikati kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) u imponiet fuqhom multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkolat b’applikazzjoni tal-metodoloġija esposta fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi”), kif ukoll fl-avviż dwar il-kooperazzjoni.

12      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004.

13      Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta fuq ir-rikorrenti, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, multa li tammonta għal EUR 90 900 000, li minnhom EUR 4 650 000 jikkorrispondu għall-ksur imwettaq minn TM T & D u għandhom jitħallsu in solidum ma’ Melco.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) fit-18 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ressqu l-kawża preżenti. Ir-risposta u r-replika ġew ippreżentati rispettivament fis-27 ta’ Awwissu u fit-22 ta’ Ottubru 2007.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti talbet li t-talbiet tagħha jiġu milqugħa fil-kontumaċja, abbażi tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Din it-talba ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Diċembru 2007.

16      Il-proċedura bil-miktub ingħalqet permezz tal-preżentata tal-kontroreplika fis-17 ta’ Diċembru 2007.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, fit-22 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija talbet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti u talbet lill-partijiet biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-istess dokumenti fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll żewġ mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, fejn stednitha tweġibha matul is-seduta.

18      Bi tweġiba għall-istedina tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkomunikat id-dokumenti kkonċernati fis-26 ta’ Ottubru 2009. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn id-dokumenti fit-19 ta’ Novembru 2009. Il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fit-2 ta’ Diċembru 2009.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2009.

20      B’digriet tal-11 ta’ Ġunju 2010, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura, ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti u ffisat il-mod ta’ kif dawn setgħu jiġu kkonsultati mir-rikorrenti.

21      Il-Kummissjoni ssodisfat din il-miżura istruttorja fit-termini mogħtija.

22      Il-proċedura orali ngħalqet fit-28 ta’ Lulju 2010.

23      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        iktar sussidjarjament, temenda l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-garanzija bankarja.

24      Matul is-seduta, ir-rikorrenti rrinunċjat għall-ewwel kap tat-talbiet tagħha, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif titlob il-liġi l-eżistenza tal-arranġament komuni. It-tieni huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat. It-tielet huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura. Ir-raba’ huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta imponitilha multa.

27      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-motivi mqajjma mir-rikorrenti.

28      Qabelxejn għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ppreċiżatx liema mill-motivi tagħha ġew invokati insostenn tad-diversi talbiet imressqa minnhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi ġew invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkonċernata sa fejn din tikkonċernaha. Fil-fatt, jekk jintlaqa’ wieħed minn dawn il-motivi, bħala prinċipju jkun hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata kollha kemm hija sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, ir-raba’ motiv jirrigwarda d-determinazzjoni tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u hija, b’konsegwenza ta’ dan, invokata minn din tal-aħħar insostenn tat-talba tagħha intiża għall-annullament jew għat-tnaqqis sostanzjali tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

1.     Fuq it-talba intiża għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti

29      Sa fejn l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, tagħmel l-eżami tal-mertu tal-imsemmija tad-deċiżjoni superfluwu, hemm lok li l-ewwel nett jiġi trattat it-tielet motiv. Sussegwentement għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni motivi.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

30      Ir-rikorrenti tqis li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija tinvoka żball proċedurali fundamentali f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-ksur fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tallega ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija ssostni li l-Kummissjoni żnaturat uħud mill-elementi ta’ din tal-aħħar.

31      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-ksur ma ġiex identifikat b’mod suffiċjenti fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

–       L-argumenti tal-partijiet

32      Skont ir-rikorrenti, fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tinvoka l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma mingħajr ma identifikat ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u dan jikkostitwixxi żball proċedurali fundamentali.

33      Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

34      Mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat li l-kumpanniji kkonċernati kienu pparteċipaw f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma, li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fis-settur tas-SIG u ppreċiżat il-perijodi kkonċernati. Għalhekk, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jispeċifikax f’hiex kienu jikkonsistu l-ftehim u l-prattiki allegati fil-konfront tar-rikorrenti.

35      Madankollu, għandu jitfakkar li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni għandu jinftiehem fid-dawl tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsemmija “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T 335/94, Ġabra p. II‑931, punt 761). Fil-kawża preżenti, l-elementi tal-ksur issanzjonat huma miġbura fil-qosor b’mod partikolari fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata u l-imsemmija elementi huma esposti fid-dettall fi premessi oħra tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-motivi li fuqhom huwa bbażat, il-Kummissjoni identifikat, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur ikkonċernat b’mod suffiċjentement preċiż. Għaldaqstant il-parti preżenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

–       L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma tathiex aċċess għall-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw.

37      Fir-rigward tal-elementi inkriminanti, ir-rikorrenti ssostni li hija ngħatat biss aċċess parzjali għar-risposta ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li hija ma kellhiex aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji li allegatament jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, imsemmija fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis, konsegwentement, li hija ma setgħetx tesprimi ruħha u tinstema’ dwar dawn l-elementi, li għalhekk ma setgħux, skontha, jiġu invokati fid-deċiżjoni kkontestata.

38      F’dak li jirrigwarda l-elementi li jiskaġunaw, ir-rikorrenti tippreċiża li, sa fejn hija ma ngħatatx aċċess sħiħ għall-fajl, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina jekk elementi rilevanti supplimentari kinux ġew prodotti minn partijiet oħra. Hija tqis, f’kull każ, li hija kellha tingħata aċċess għar-risposta supplimentari ta’ Hitachi Ltd għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tikkontradixxi l-konklużjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi dwar l-attribuzzjoni. Hija ssemmi wkoll id-dikjarazzjonijiet ta’ impjegati ta’ Melco u ta’ Hitachi li jikkontradixxu l-eżistenza tal-arranġament komuni. Fl-aħħar nett, hija tirreferi għad-dikjarazzjonijiet ta’ S. ippreżentati minn Areva, li mid-dehra jikkontradixxu t-teorija dwar it-tul tal-Ftehim ĠQ.

39      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

40      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tat-trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 66).

41      Bħala korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l‑possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal‑investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 68).

42      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li huwa biss fil‑bidu tal‑fażi amministrattiva kontradittorja li l‑impriża kkonċernata hija informata, permezz tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, bl‑elementi essenzjali kollha li l‑Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l‑istadju tal‑proċedura, u li din l‑impriża għandha dritt ta’ aċċess għall‑fajl sabiex jiġi ggarantit l‑eżerċizzju effettiv tad‑drittijiet tad‑difiża tagħha. Konsegwentement, ir‑risposta tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw għall-akkordju għad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma hijiex, bħala prinċipju, inkluża fid‑dokumenti tal‑fajl tal‑investigazzjoni li jistgħu jiġu kkonsultati mill‑partijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II-3555, punt 163).

43      Madankollu, jekk il‑Kummissjoni għandha l‑intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l‑eżistenza ta’ ksur fi proċedura skont l‑Artikolu 81(1) KE, l‑impriżi l‑oħra involuti f’din il‑proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l‑argumenti tagħhom fuq tali prova. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑silta inkwistjoni ta’ risposta għad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet jew għad‑dokument anness ma’ din ir‑risposta fil‑fatt tikkostitwixxi element inkriminanti kontra d‑diversi impriżi li ħadu sehem fil‑ksur (ara s‑sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

44      B’analoġija, jekk silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew dokument anness ma’ tali risposta jista’ jkun rilevanti għad-difiża ta’ impriża sa fejn dan jippermetti li din tal-aħħar tinvoka elementi li ma jaqblux mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni, din is-silta jew dan id-dokument jikkostitwixxu elementi li jiskaġunaw. F’dan il-każ, l-impriża kkonċernata għandha titqiegħed f’pożizzjoni li teżamina s-silta jew id-dokument inkwistjoni u li tagħti l-opinjoni tagħha dwarhom.

45      Madankollu, is-sempliċi fatt li impriżi oħra invokaw l-istess argumenti bħal dawk tal-impriża kkonċernata u li dawn, jekk ikun il-każ, użaw iktar riżorsi għad-difiża tagħhom ma huwiex suffiċjenti sabiex dawn l-argumenti jiġu kkunsidrati bħala elementi li jiskaġunaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 353 u 355).

46      Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ aċċess għall-fajl li ma jirrispettax dawn ir-regoli, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tinkrimina impriża jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi li r-riżultat li għalih waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument mhux ikkomunikat kellu jitwarrab bħala prova inkriminanti (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

47      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħtet tuża l-imsemmi dokument li jiskaġuna għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku matul il-proċedura amministrattiva hija setgħet tinvoka tali dokument, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u d-dewmien tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il‑livell tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 74 u 75).

48      Il-possibbiltà li dokument mhux żvelat seta’ influwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juri li d-dokumenti mhux żvelati seta’ kellhom – fil-konfront ta’ dawn il-provi – importanza li ma kienx missha ġiet injorata (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 76).

49      Fil-kawża preżenti, għandhom qabelxejn jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-fatt li hija ma kellhiex aċċess għall-fajl kollu tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq jirriżulta li l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati minn proċedura amministrattiva ma timplikax li għandu jingħata aċċess totali għall-fajl.

50      F’dak li jirrigwarda l-elementi inkriminanti, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tippreċiżax liema elementi li ntużaw kontriha fid-deċiżjoni kkontestata kienu jinsabu fil-parti tar-risposta ta’ Hitachi għall-komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija ma kellhiex aċċess għaliha. Hija lanqas ma tispeċifika r-raġunijiet li għalihom il-fatt li hija kellha biss aċċess parzjali għall-imsemmi dokument ma ppermettilhiex li tesprimi ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi dwar l-attribuzzjoni, li kienet tikkostitwixxi l-element inkriminanti essenzjali ta’ dan id-dokument. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-aċċess parzjali għar-risposta ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandu jiġi miċħud.

51      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tammetti li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-osservazzjonijiet ta’ Fuji li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti sabiex issostni l-ilmenti invokati fil-konfront ta’ din tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata, iżda tikkontesta li hija effettivament invokathom bħala elementi inkriminanti.

52      Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 125 u 255 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet l-osservazzjonijiet supplimentari ta’ Fuji, b’mod partikolari dawk tal-21 ta’ Novembru 2006, biex tikkorrobora l-eżistenza tal-arranġament komuni.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riżultat tal-argumenti tar-rikorrenti jiddependi fuq ir-riżultat tal-eżami tal-ewwel motiv, dwar il-prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Fil-fatt, jekk jiġi kkonstatat li l-eżistenza tal-imsemmi arranġament ġiet stabbilita kif titlob il-liġi anki wara li jitwarrbu l-osservazzjonijiet ikkonċernati ta’ Fuji bħala elementi inkriminanti, ikun hemm lok li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti jiġu miċħuda. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi kkonstatat li l-imsemmija elementi jikkostitwixxu element neċessarju li jsostni l-konstatazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni, ikun hemm lok li l-argument tar-rikorrenti jiġi milqugħ u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn tikkonċernaha.

54      Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti kollha li ġew identifikati mir-rikorrenti bi preċiżjoni minima. Peress li t-talba indirizzata lill-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti nnifisha, ma hemmx lok li tiġi milqugħa t-talba tagħha, imressqa fl-osservazzjonijiet tad-19 ta’ Novembru 2009, intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tikkomunikalha d-dokumenti kollha prodotti bħala risposta għal stediniet analogi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑112/07, Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, u T‑133/07, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni.

55      F’dak li jirrigwarda d-diversi dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ir-risposta supplimentari ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tikkonfutax il-kontenut fattwali tad-dikjarazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni. Fl-imsemmija risposta supplimentari, Hitachi llimitat ruħha li tikkontesta l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-imsemmija dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tagħhom bħala prova tal-arranġament komuni u tal-eżistenza ta’ ksur uniku li jinvolvi kemm dan l-arranġament kif ukoll il-Ftehim GQ. Issa, dan l-istess argument kien diġà ġie ppreżentat minn Hitachi fis-sunt tal-ewwel tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ntbagħat lir-rikorrenti mill-Kummissjoni. Konsegwentement, ir-risposta supplimentari ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element li jiskaġuna li l-komunikazzjoni tiegħu setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

56      Għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata meta tilmenta, fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Novembru 2009, dwar il-fatt li, wara l-istedina magħmula mill-Qorti Ġenerali lill-Kummissjoni, hija kellha biss aċċess parzjali għar-risposta supplimentari ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, in-natura parzjali tal-aċċess għall-imsemmi dokument tirriżulta mill-fatt li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti identifikatu bħala li jikkostitwixxi element li jiskaġuna potenzjali, unikament f’dak li jikkonċerna l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni.

57      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, fid-dikjarazzjonijiet bil-miktub ippreżentati f’Novembru 2006, l-impjegati ta’ Melco u ta’ Hitachi jikkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni u tad-diskussjonijiet relatati miegħu u jsemmu l-eżistenza ta’ barrieri “għoljin” għad-dħul fis-suq Ewropew. Barra minn hekk, wieħed mix-xhieda ta’ Melco josserva li Fuji ma pparteċipatx għan-negozjati ta’ qabel l-iffirmar tal-Ftehim GQ, filwaqt li l-fatt l-ieħor kien li, fl-opinjoni tiegħu, l-esklużjoni ta’ ċerti pajjiżi Ewropej mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim GQ kien dovut għar-riskju ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Min-naħa tagħhom, ix-xhieda ta’ Hitachi taw dettalji dwar proposta ta’ Alstom, magħmula f’Lulju 2002, dwar arranġament bejn il-produtturi Ewropej u dawk Ġappuniżi, u dwar iċ-ċaħda ta’ din il-proposta min-naħa ta’ Hitachi.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li t-testimonjanzi bil-miktub tal-impjegati ta’ kumpannija, redatti taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar u ppreżentati minnha għad-difiża tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala elementi differenti u indipendenti mid-dikjarazzjonijiet ta’ din l-istess kumpannija. Fil-fatt, ġeneralment, il-pożizzjoni ta’ kumpannija fir-rigward tar-realtà tal-fatti li qed tiġi akkużata bihom mill-Kummissjoni hija bbażata, l-ewwel nett, fuq dak li jkunu jafu u fuq l-opinjonijiet tal-impjegati u tad-diriġenti tagħha.

59      Min-naħa l-oħra, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti nnifisha kkontestat l-eżistenza tal-arranġament komuni u tad-diskussjonijiet relatati miegħu u invokat l-eżistenza ta’ barrieri “għoljin” għad-dħul fis-suq Ewropew. Konsegwentement, il-fatt li impriżi oħra invokaw dawn l-argumenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala element li jiskaġuna.

60      Barra minn dan, id-dettalji tal-proposta ta’ Alstom ippreżentata f’Lulju 2002 kienu ġew żvelati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet filwaqt li l-assenza ta’ Fuji min-negozjati konnessi mal-Ftehim GQ tissemma fit-testimonjanza ta’ M. li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ma tikkontestax li ma ngħatatx aċċess. Għaldaqstant, dawn l-elementi ma jikkostitwixxux elementi li jiskaġunaw.

61      Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li l-argument dwar ir-raġuni li għaliha ċerti pajjiżi Ewropej kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim GQ tqajjem mir-rikorrenti, u lanqas ma jidher li din tal-aħħar kellha aċċess għal dokument li jirriproduċi dan l-argument. Għalhekk, is-silta kkonċernata tat-testimonjanza ta’ wieħed mill-impjegati ta’ Melco tista’ tiġi kkunsidrata bħala element li jiskaġuna. Madankollu, din hija dikjarazzjoni li tirriżulta minn impjegat ta’ waħda mill-impriżi implikati, fejn dan l-impjegat jillimita ruħu li jikkontesta l-eżistenza tal-aġir li jikkostitwixxi ksur u li bl-ebda mod ma huwa sostnut b’fatti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni ta’ dan l-element seta’ jkollha influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

62      It-tielet nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti nnifisha tammetti, fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Novembru 2009, li d-dikjarazzjonijiet ta’ S., ippreżentati minn Areva, kienu jikkonfermaw l-argumentazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-allegata sospensjoni tal-implementazzjoni tal-Ftehim GQ bejn l-1999 u s-sena 2002. Bl-istess mod, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-allegazzjoni li tgħid li fl-2002 kien neċessarju li jsir kuntatt ma TM T & D sabiex jitkomplew l-attivitajiet tal-kartell ġiet esposta fin-nota ta’ spjega ta’ Areva, dwar il-funzjonament tal-akkordju, li għaliha r-rikorrenti kienet ingħatat aċċess.

63      L-uniku element li potenzjalment jista’ jiskaġuna li jinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ S. huwa l-allegazzjoni li tgħid li l-Ftehim GQ ma setax jiffunzjona fl-assenza ta’ produttur prinċipali bħal Siemens. Madankollu, din l-allegazzjoni li toriġina minn impjegat ta’ impriża li hija akkużata li pparteċipat fil-ksur ma hijiex sostnuta u hija kontradetta kemm mid-dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra implikati kif ukoll mill-elementi dokumentarji miġburin mill-Kummissjoni u ppreżentati fil-premessi 191 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni ta’ dan l-element ma kienx ikun jista’ jinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

64      Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-aċċess għall-elementi li jiskaġunaw għandhom jiġu miċħuda. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 53 iktar ’il fuq, ir-riżultat ta’ dan il-motiv jiddependi fuq ir-riżultat tal-eżami tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq allegazzjoni ta’ żnaturament tal-elementi tal-fajl

–       L-argumenti tal-partijiet

65      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żnaturat l-elementi tal-fajl u, għaldaqstant, kisret kemm id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll l-obbligu li titratta l-fajl b’imparzjalità u b’diliġenza.

66      Skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, bil-kontra ta’ dak li ngħad fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriża li tifforma parti mill-grupp li jinkludi lil VA TECH Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG (iktar ’il quddiem “VA TECH”) ma baqgħetx siekta dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, iżda kkontestatha b’mod espliċitu matul is-seduta.

67      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta li, matul is-seduta, hija ma kinitx f’pożizzjoni li twieġeb għall-mistoqsijiet dwar il-proġetti attribwiti fil-kwota prevista mill-Ftehim GQ u dwar il-lista ta’ proġetti allegatament notifikati, ipprovduta minn ABB. Hija tippreċiża, billi tibbaża ruħha fuq silta mill-proċess verbali tas-seduta, li r-risposta tagħha kienet li hija ma kinitx taf dwar l-attribuzzjoni.

68      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni żbaljatament iddikjarat li hija kienet ikkonfermat li l-akkordju GQ kien kompla wara l-24 ta’ April 1999, filwaqt li hija kienet dejjem sostniet li l-akkordju fuq livell dinji kien intemm wara li Siemens u Hitachi kienu temmu l-parteċipazzjoni tagħhom.

69      Ir-raba’ nett, bil-kontra ta’ dak li ddikjarat il-Kummissjoni fil-premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tallega li hija ma kkorroboratx id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi dwar l-eżistenza tan-notifika u li hija kkontestat kemm in-notifika kif ukoll l-attribuzzjoni.

70      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn hija ma kellhiex aċċess għad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet l-oħra li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha, hija ma tistax teskludi li anki l-kontenut tal-imsemmija dikjarazzjonijiet ġie żnaturat fid-deċiżjoni kkontestata, ħaġa li hija barra minn hekk probabbli ħafna fid-dawl tal-ilmenti mqajjma iktar ’il fuq.

71      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

72      Minn naħa, għandu jiġi osservat li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li l-kontenut tiegħu tfakkar fil-punt 40 iktar ’il fuq, jista’ jinkiser biss, minħabba żnaturament tal-fatti, meta dan l-iżnaturament affettwa l-possibbiltà li l-parti kkonċernata tifhem il-portata tal-oġġezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni jew li tevalwa l-elementi invokati insostenn tagħhom.

73      Issa, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma tispeċifikax kif u sa fejn l-allegati żnaturamenti tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni għamlu d-difiża tagħha iktar diffiċli.

74      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

75      Min-naħa l-oħra, l-obbligu li l-fajl jiġi trattat b’imparzjalità u b’diliġenza, li jifforma parti integrali mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jinkiser kull darba li punt ta’ fatt jiġi żnaturat. Madankollu, tali ksur jippermetti li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali biss sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tasal għall-istess konklużjonijiet li kieku hija interpretat b’mod korrett il-punti ta’ fatt inkwistjoni.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tad-diversi punti ta’ fatt li ġew allegatament żnaturati kif ukoll il-konsegwenzi tal-iżnaturamenti eventwalment ikkonstatati ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-motivi tar-rikorrenti li jqiegħdu f’dubju l-punti ta’ fatt ikkonċernati.

77      Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif titlob il-liġi l-eżistenza tal-arranġament komuni

78      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li jistgħu juru, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni kif titlob il-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 60).

80      Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni ssemmi provi preċiżi u li jaqblu sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punti 62 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Barra minn hekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa magħruf li l-ftehim antikompetittivi huma pprojbiti, ma jistax jiġi mistenni li l-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mhux relatati ma’ xulxin li l-Kummissjoni jista’ jkollha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu l-kostruzzjoni mill-ġdid taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li ma hemmx iktar lok li jiġu applikati regoli iktar flessibbli fil-qasam tal-prova, marbutin mad-diffikultajiet li l-Kummissjoni tiltaqa’ magħhom meta tipprova tipprova ksur. Skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) saħħaħ is-setgħat tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. It-tieni nett, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni rċeviet numru importanti ta’ provi bis-saħħa tal-programm ta’ klemenza tagħha. It-tielet nett, minħabba l-użu tat-teknoloġiji moderni, jeżistu diversi kopji tad-dokumenti li jirrigwardaw il-membri tal-akkordju fuq diversi kompjuters. Skont ir-rikorrenti, id-dokumenti inkwistjoni jistgħu għalhekk jiġu mfittxija u identifikati b’iktar faċilità u l-kontenut tagħhom jista’ jinkiseb lura anke wara li dawn ikunu ġew imħassra.

84      Madankollu, dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu milqugħa. Fil-fatt, l-ewwel nett, għalkemm mill-premessa 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-għan tat-tisħiħ tas-setgħat tal-Kummissjoni huwa li jippermetti li jiġu identifikati, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 81 KE, dan it-tisħiħ ma jiggarantixxix, waħdu, li f’każ partikolari l-Kummissjoni tkun tista’ effettivament tiġbor provi b’iktar faċilità. L-istess konstatazzjoni hija applikabbli, it-tieni nett, għall-programm ta’ klemenza. Fil-fatt, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tinvokahom b’mod validu bħala provi ta’ ksur, l-elementi li jiġu rċevuti mingħand l-impriżi kkonċernati għandhom, f’kull każ, jissodisfaw il-kriterji ġurisprudenzjali applikabbli. Għalhekk, fiha nnifisha, ma huwiex neċessarjament minnu li l-eżistenza ta’ talbiet għal klemenza tissimplifika r-rwol tal-Kummissjoni. It-tielet nett, l-impatt tal-proliferazzjoni tal-fajls elettroniċi huwa kkontrobilanċjat mill-miżuri tekniċi adottati f’dan ir-rigward mill-membri tal-akkordju. Fil-kawża preżenti, mill-premessi 173 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-partijiet qalbu d-dokumenti rilevanti f’forma encrypted bl-għajnuna ta’ programmi tal-kompjuter u li użaw kaxxi tal-posta elettronika anonimi sabiex iwettqu l-komunikazzjonijiet relatati mal-attività li tikkostitwixxi ksur. Minn naħa, ma huwiex stabbilit li r-rikorrenti sistematikament irrifjutat li timxi ma’ dawn il-miżuri peress li mill-elementi tal-fajl ma jirriżultax li kien hemm oppożizzjoni fit-tul. Min-naħa l-oħra, minn dawn l-istess elementi jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrenti ma kinitx tuża l-encryption u l-kaxxi tal-posta elettronika anonimi, il-komunikazzjoni magħha kienet issir bit-telefown u bil-faks, u mhux bil-posta elettronika jew permezz ta’ forma oħra ta’ skambju ta’ fajls elettroniċi.

85      Madankollu, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, huwa biżżejjed li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti kif stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni plawsibbli tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II-2501, punt 186, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Kif tosserva r-rikorrenti, din ir-regola tapplika wkoll meta l-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni jkunu insuffiċjenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-imsemmija provi ma jippermettux li l-eżistenza tal-ksur tiġi stabbilita mingħajr ekwivoċi u mingħajr ma tkun meħtieġa interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

87      Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-imsemmija regola ma hijiex applikabbli għall-każijiet kollha fejn il-ksur jiġi stabbilit permezz ta’ deduzzjoni bbażata fuq fatti oħra, permezz ta’ provi indiretti jew mhux dokumentarji. Fil-fatt, fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati biex jiġi stabbilit il-ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju dominanti fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

88      Konsegwentement, anki jekk jirriżulta li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti, jekk jitqiesu stabbiliti, jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, madankollu, fihom innifishom dawn ma għandhomx bħala konsegwenza li l-impriża kkonċernata tkun tista’ tqiegħed f’dubju l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni alternattiva tal-fatti.

89      Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinqeda b’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju sabiex tużahom kontra impriża oħra. Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 192). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

90      Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punti 219 u 220).

91      Fir-rigward tal-valur probatorju tad-diversi provi, l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 72).

92      Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u, b’hekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li ġie redatt fihom, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1053 u 1838).

93      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet, valur probatorju partikolarment għoli jista’ barra minn hekk jiġi rikonoxxut lil dawk li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, li jsiru f’isem impriża, it-tielet nett, ikunu ġejjin minn persuna li hija marbuta bl-obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ din l-impriża, ir-raba’ nett, li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, li ġejjin minn xhud dirett tal-fatti msemmija u, is-sitt nett, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punti 205 sa 210).

94      Barra minn hekk, għalkemm huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà, invokata mir-rikorrenti, li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jipproduċu l-iktar ammont possibbli ta’ elementi inkriminanti fir-rigward tal-attività tal-kompetituri tagħhom, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni bil-għan li tikseb immunità jew tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

95      F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li l-konsegwenzi potenzjali tal-komunikazzjoni ta’ provi distorti huma iktar u iktar gravi peress li d-dikjarazzjoni kkontestata ta’ impriża għandha tiġi kkorroborata, kif jirriżulta mill-punt 90 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-fatt iżid ir-riskju li dikjarazzjonijiet mhux eżatti jiġu identifikati kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-impriżi l-oħra implikati.

96      Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli f’dan il-każ, qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata, l-arranġament komuni kien arranġament mhux miktub li kien jinkludi, l-ewwel nett, l-impenn min-naħa tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, it-tieni nett, l-impenn tal-impriżi Ewropej li ma jippenetrawx is-suq Ġappuniż tal-proġetti ta’ SIG u, it-tielet nett, l-impenn tal-impriżi Ewropej li jinnotifikaw lill-impriżi Ġappuniżi l-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi Ewropej oħra għajr il-pajjiżi kostrutturi u li jattribwixxu dawn l-istess proġetti fuq il-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kien li joffri kumpens lill-impriżi Ġappuniżi, ipperċepiti bħala kompetituri potenzjali fis-suq taż-ŻEE mill-impriżi Ewropej.

97      Fost id-diversi komponenti tal-arranġament komuni elenkati fil-punt 96 iktar ’il fuq, huwa l-allegat impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE li jikkostitwixxi l-bażi tal-ilment li l-Kummissjoni kkontestat lir-rikorrenti. Konsegwentment, hija l-eżistenza ta’ dan l-impenn li għandha tiġi stabbilita kif titlob il-liġi. Madankollu, il-komponenti l-oħra tal-arranġament komuni, jekk jiġu pprovati, jistgħu jirriżultaw rilevanti bħala provi indiretti li jippermettu li tiġi dedotta l-eżistenza tal-impenn korrispondenti tal-impriżi Ġappuniżi

98      Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza tal-arranġament komuni u l-parteċipazzjoni tagħha għalih. Hija tikkritika l-valur probatorju tad-diversi elementi esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u ssemmi elementi oħra li, fl-opinjoni tagħha, jissuġġerixxu li l-imsemmi arranġament ma eżistiex. Konsegwentement ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha taċċetta l-ispjegazzjoni alternattiva tal-assenza tal-produtturi Ġappuniżi mis-suq tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, marbut mal-eżistenza ta’ barrieri legali, tekniċi u kummerċjali għad-dħul f’dan l-istess suq. Għalhekk, billi adottat, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invertiet l-oneru tal-prova, kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

99      Il-Kummissjoni ssostni li l-eżistenza tal-arranġament komuni u, b’mod partikolari, l-impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE, ġiet stabbilita kif titlob il-liġi permezz ta’ diversi provi li jinkludu provi dokumentarji, dikjarazzjonijiet mill-impriżi, testimonjanzi kif ukoll elementi relatati mal-funzjonament effettiv tal-akkordju.

100    Għaldaqstant, għandhom jiġu evalwati l-affidabbiltà u l-kontenut tad-diversi elementi inkwistjoni sabiex jiġi ivverifikat jekk, ikkunsidrati b’mod globali, l-elementi invokati mill-Kummissjoni jsostnux konvinzjoni soda, fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni, li ma huwiex probabbli li titqiegħed f’dubju mill-elementi prodotti mir-rikorrenti.

101    L-ilmenti tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, min-naħa tagħhom, huma bbażati fuq l-argument li jgħid li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni u tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għalih. Konsegwentement, jekk l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-prova tal-eżistenza tal-ksur u tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għalih ma jintlaqgħux, dan ikun neċessarjament jimplika li anki l-ilmenti bbażati fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha għandhom jiġu miċħuda. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi deċiż li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-allegat ksur ma ġietx ipprovata fid-deċiżjoni kkontestata, din il-konstatazzjoni tiġġustifika, waħedha, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

 Fuq l-elementi prodotti minn ABB

–       L-argumenti tal-partijiet

102    Ir-rikorrenti tikkontesta li d-diversi elementi ppreżentati minn ABB jikkostitwixxu prova tal-arranġament komuni.

103    Preliminarjament, ir-rikorrenti ssostni li, b’mod ġenerali, l-elementi ppreżentati minn ABB għandhom valur probatorju dgħajjef minħabba l-fatt li ABB kienet tibbenefika minn immunità taħt kundizzjonijiet. Skontha, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB ma jikkontribwixxux iktar għall-inkriminazzjoni tagħha stess. Min-naħa l-oħra, ABB setgħet kienet vivament imħeġġa tirrispondi għad-domandi tal-Kummissjoni b’tali mod li tikkonferma l-eżistenza tal-akkordju, peress li dejjem kien għad hemm ir-riskju li titlef il-benefiċċju tal-immunità fil-każ fejn il-kooperazzjoni tagħha titqies insuffiċjenti. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi adottat approċċ kritiku fir-rigward tal-provi li joriġinaw minn ABB.

104    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju ta’ kull wieħed mill-elementi prodotti minn ABB ikkunsidrati separatament. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni ta’ ABB tal-11 ta’ Marzu 2004, li tikkonferma l-eżistenza tal-arranġament komuni, hija ambigwa peress li ABB tammetti wkoll li ma kien jeżisti ebda ftehim espliċitu u li l-arranġament komuni kien ibbażat fuq il-kuntest fattwali, jiġifieri fuq il-fatt li l-impriżi Ġappuniżi kienu aċċettati biss b’mod limitat mill-klijenti Ewropej u li dawn kienu jkunu kkonfrontati minn ċerti diffikultajiet tekniċi u legali li kieku huma riedu jippenetraw is-suq Ewropew. Bl-istess mod, skont ABB, il-produtturi Ġappuniżi kienu jipparteċipaw fl-akkordju biss sa fejn dan l-akkordju kien jikkonċerna territorji barra miż-ŻEE.

105    It-tieni nett, ir-rikorrenti tistaqsi dwar it-testimonjanza mogħtija minn M., ex impjegat ta’ ABB, matul il-laqgħa li nżammet fit-23 ta’ Settembru 2005. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li r-rieda ta’ ABB li ssostni t-teorija tal-Kummissjoni ħarġet fil-beraħ permezz tal-isforzi tal-konsulent estern tagħha biex jiddirieġi d-dikjarazzjonijiet ta’ M. b’tali mod li dan tal-aħħar jammetti li l-penetrazzjoni tas-suq Ewropew mill-produtturi Ġappuniżi seta’ jsir profittabbli wara ċertu żmien.

106    Ir-rikorrenti żżid tgħid li M. ma kienx għadu impjegat ma’ ABB meta seħħet il-laqgħa, u dan jimplika li huwa ma kienx għadu obbligat li jaġixxi fl-interess ta’ din tal-aħħar. Bl-istess mod, il-fatt li M. reġa’ lura mid-dikjarazzjonijiet tiegħu huwa xhieda tal-pressjoni eżerċitata fuqu, iktar milli r-rieda tiegħu li jipprovdi informazzjoni preċiża.

107    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-dikjarazzjonijiet ta’ M. dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni huma “provi fuq kliem ħaddieħor” li ma humiex konvinċenti wisq. Skontha, M. iddikjara li huwa ma kienx preżenti meta ġie konkluż l-arranġament komuni u li dan tal-aħħar ma kienx issemma fil-laqgħat li huwa kien ipparteċipa għalihom. Għaldaqstant, dawn id-dikjarazzjonijiet huma bbażati fuq l-opinjoni personali ta’ M. fir-rigward tal-eżistenza ta’ akkordju. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li jekk jiġi kkunsidrat li l-arranġament komuni effettivament eżista, ikun leġittimu li wieħed jistenna li, fid-dawl tal-allegata importanza tiegħu, l-impriżi li ressqu talba għal klemenza jipproduċu provi li kienu jeżistu meta seħħew il-fatti inkwistjoni.

108    Fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ M., ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm dan tal-aħħar iddikjara li l-konklużjoni ta’ ftehim dwar swieq barranin kien jippresupponi l-eżistenza ta’ ftehim li jinvolvi lill-pajjiżi kostrutturi tad-diversi parteċipanti, madankollu huwa spjega li, għalkemm kien eventwalment possibbli li l-produtturi Ġappuniżi jippenetraw is-suq Ewropew, madankollu tali sforz ma kienx ikun profittabbli. Sussegwentement, fl-4 ta’ Ottubru 2005, il-konsulent estern ta’ ABB ippreżenta dikjarazzjoni ġdida, li kienet tikkjarifika d-dikjarazzjonijiet preċedenti ta’ M. u li kienet tikkonstata b’mod formali l-eżistenza tal-arranġament komuni. Skont ir-rikorrenti, dawn iż-żewġ elementi huma kontradittorji u għalhekk ma jistgħux jiġu invokati.

109    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet ta’ W. u ta’ P., impjegati ta’ ABB, huma “spekulazzjonijiet vagi”, ibbażati fuq opinjonijiet personali mhux sostnuti. Għalhekk, meta W. ġie mistoqsi dwar il-motivi tar-rifjut min-naħa tal-produtturi Ġappuniżi li jipparteċipaw f’sejħiet għall-offerti għal SIG fl-Ewropa, huwa ma għamel ebda riferiment għall-arranġament komuni. F’dikjarazzjonijiet preċedenti, huwa kien spjega, min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta’ barrieri “għoljin” kienu jagħmlu l-penetrazzjoni fis-suq Ewropew diffiċli.

110    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

111    L-ewwel nett, mill-punti 94 u 95 iktar ’il fuq jirriżulta li ma hemmx lok li elementi prodotti minn impriża li talbet li tibbenefika minn immunità minn multi jiġu awtomatikament ittrattati b’kawtela. F’dak li jirrigwarda l-każ partikolari tat-testimonjanzi, huwa ċertament possibbli li l-impjegati ta’ tali impriża, li huma obbligati jaġixxu fl-interess tagħha, jikkondividu l-intenzjoni li jipproduċu l-iktar elementi inkriminanti possibbli, anki peress li l-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tista’ tinfluwenza b’mod pożittiv il-ġejjieni professjonali tagħhom. Madankollu, jekk dan huwa l-każ, l-impjegati inkwistjoni jafu wkoll bil-konsegwenzi negattivi potenzjali jekk jipproduċu elementi ineżatti, li jsiru iktar sinjifikattivi minħabba r-rekwiżit tal-korroborazzjoni.

112    Fir-rigward ta’ M., ir-rikorrenti ġustament issostni li ex impjegat, bħala prinċipju, ma huwiex iktar obbligat li jaġixxi fl-interess tal-kumpannija li kienet tħaddmu qabel fir-rigward tal-kooperazzjoni volontarja fi proċedura amministrattiva. Madankollu, dan il-fatt jimplika wkoll li, bħala prinċipju, ma għandux interess li jirreferi għal elementi ineżatti f’dan il-kuntest. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta ta t-testimonjanza tiegħu, M. kien diġà rtirat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ma jidhirx li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħu fil-proċedura amministrattiva seta’ jkollu konsegwenzi sfavorevoli għalih.

113    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li ma kienx probabbli li l-elementi prodotti minn ABB jipproduċu effetti dannużi għaliha. Fil-fatt, sa fejn l-imsemmija elementi ġew prodotti qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, la ABB, la l-impjegati tagħha u lanqas l-ex impjegat tagħha ma setgħu jkunu ċerti mill-portata u mill-kontenut eżatt tal-ilmenti li kienu se jiġu kkontestati lil ABB.

114    Fir-rigward tad-diversi elementi invokati mir-rikorrenti, l-ewwel nett, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004, jiġifieri qabel ma ngħatat l-immunità taħt kundizzjonijiet, ABB semmiet b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ arranġament komuni li abbażi tiegħu l-kumpanniji Ġappuniżi ma kellhomx iressqu offerti għall-proġetti Ewropej u l-kumpanniji Ewropej ma kellhomx iressqu offerti għall-proġetti Ġappuniżi.

115    Ċertament ABB iddikjarat li l-arranġament komuni kien ibbażat fuq il-fatt li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux aċċettati mill-klijenti Ewropej u kellhom jiffaċċjaw ċerti ostakoli fis-suq Ewropew. Madankollu, mill-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004 jirriżulta b’mod ċar li, fil-fehma tagħha, l-impriżi Ġappuniżi implikati ma llimitawx irwieħhom sabiex jikkonstataw l-eżistenza ta’ dawn l-ostakoli, imma impenjaw irwieħhom, fil-konfront tal-imsieħba Ewropej tagħhom, li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE. B’hekk il-barrieri għad-dħul fl-imsemmi suq jikkostitwixxu fattur li wassal għall-konklużjoni tal-imsemmi arranġament. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li tali konstatazzjoni ma hijiex paradossali, peress li huwa naturali li produttur, fil-kuntest ta’ tqassim tas-swieq bħal dak allegat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, jabbanduna f’idejn il-kompetituri tiegħu s-swieq fejn il-pożizzjoni tiegħu tkun dgħajfa.

116    Barra minn hekk, huwa minnu li ABB iddikjarat li ma kien jeżisti ebda ftehim espliċitu mal-produtturi Ġappuniżi fir-rigward tal-manipulazzjoni tas-sejħiet għall-offerti, fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet u fir-rigward tat-tqassim tal-proġetti fiż-ŻEE. Madankollu, moqrija fil-kuntest tagħha, din id-deċiżjoni tirreferi għat-tqassim tas-swieq nazzjonali bejn il-produtturi Ewropej jew għat-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. Għalhekk, din ma tikkontradixxix l-eżistenza tal-impenn ġenerali tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE, li ġie evidenzjat b’mod ċar minn ABB. Barra minn hekk, ma għandu jiġi kkonstatat ebda nuqqas ta’ koerenza fid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB. Fil-fatt, sa fejn, skont ABB, l-impriżi Ġappuniżi kienu impenjaw ruħhom li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE, ma kienx ikun utli għalihom li jikkonkludu ftehim dettaljati mal-produtturi Ewropej f’dak li jikkonċerna t-tqassim tal-proġetti ta’ SIG f’dan l-istess suq.

117    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB tal-11 ta’ Marzu 2004 ma humiex ambigwi u li dawn jikkostitwixxu indikazzjonijiet tal-eżistenza tal-arranġament komuni.

118    It-tieni nett, għandu jiġi ammess li l-konsulent estern ta’ ABB intervjena f’mument preċiż tal-intervista ta’ M. sabiex jissuġġerixxi lil dan tal-aħħar li seta’ jkun profittabbli għall-produtturi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew, għalkemm M. ma deherx wisq konvint b’dan. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li M. kellu xi dubji dwar l-interess kummerċjali ta’ approċċ bħal dan u dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat il-kontenut tat-testimonjanza tiegħu. Madankollu, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn dan l-intervent tal-konsulent estern ta’ ABB jaffettwa l-kredibbiltà tat-testimonjanza ta’ M. f’aspetti oħra.

119    Barra minn dan, ir-rikorrenti ġustament issostni li t-testimonjanza ta’ M. ma jidhirx li kienet ir-riżultat ta’ riflessjoni fil-fond u li din lanqas ma ġiet riveduta wara riflessjoni u verifiki supplimentari. Fil-fatt, it-testimonjanza ngħatat oralment u la fadal traċċa tal-mistoqsijiet bil-miktub li l-Kummissjoni għamlet qabel lil M. u lanqas tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet dwar l-arranġament komuni u dwar il-barrieri għad-dħul fis-suq taż-ŻEE ġew ivverifikati u riveduti sussegwentement minn dan tal-aħħar.

120    Madankollu, ir-rikorrenti ma tipproduċix elementi li jagħtu ’l wieħed x’jifhem li l-eventwali reviżjonijiet tad-dikjarazzjonijiet ta’ M. kienu mmotivati minn xi pressjoni li huwa seta’ ġie suġġett għaliha.

121    L-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li t-testimonjanza ta’ M. hija biss “prova fuq kliem ħaddieħor” għandha, min-naħa tagħha, tiġi miċħuda. Fil-fatt, M. kien wieħed mir-rappreżentanti ta’ ABB fi ħdan l-akkordju bejn l-1988 u l-2002, jiġifieri kważi għall-perijodu kollu kemm dam jiffunzjona l-akkordju, filwaqt li ABB kienet hija stess waħda mill-atturi prinċipali. B’hekk, M. kien xhud dirett u privileġġjat taċ-ċirkustanzi li spjega.

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li, fit-testimonjanza tiegħu, M. ikkonferma li huwa ma kienx preżenti meta ġie konkluż l-arranġament komuni. Bl-istess mod, meta ġie interrogat dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-suġġett tal-arranġament komuni tqajjimx waqt il-laqgħat li attenda għalihom, M. wieġeb li ma kienx hemm għalfejn jissemma peress li l-arranġament komuni kien ovvju. Madankollu, dawn il-fatti ma jqegħdux f’dubju l-valur probatorju tat-testimonjanza ta’ M. Fil-fatt, minn naħa, xhud jista’ jipproduċi perfettament il-prova ta’ fenomenu li dam matul iż-żmien anki jekk huwa ma kienx preżenti għall-bidu tiegħu. Min-naħa l-oħra, għalkemm M. iddikjara li l-kwistjoni tal-arranġament komuni ma ġietx diskussa b’mod espliċitu waqt il-laqgħat li kien ipparteċipa fihom, mit-testimonjanza tiegħu jirriżulta li, fil-fehma tiegħu, dan kien minħabba li l-kontenut tal-imsemmi arranġament kien mifhum, aċċettat u implementat mill-parteċipanti għall-akkordju mingħajr ma kien hemm għalfejn ikun hemm diskussjoni espliċita.

123    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-impenn min-naħa ta’ grupp ta’ produtturi li ma jippenetrawx suq irriżervat għall-grupp l-ieħor, bħall-impenn ikkontestat mill-Kummissjoni lill-produtturi Ġappuniżi, huwa msejjes fuq kunċett sempliċi li jista’ jiġi implementat faċilment. Bl-istess mod, din l-implementazzjoni ma għandhiex bżonn, bħala prinċipju, interazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati. Konsegwentement, tali impenn jista’ faċilment jeżisti bħala arranġament mhux miktub, fatt li jippermetti wkoll li jitnaqqas ir-riskju li l-arranġament jiġi skopert. F’dan ir-rigward, mill-premessi 170 sa 176 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’dan il-każ, il-parteċipanti għall-akkordju adottaw numru ta’ prekawzjonijiet mil-lat organizzattiv u minn dak tekniku sabiex jevitaw li dan jiġi żvelat.

124    Fir-rigward tal-kontenut tat-testimonjanza ta’ M., huwa ddikjara li kien jeżisti arranġament dwar il-protezzjoni reċiproka tas-swieq domestiċi, preċedenti għall-Ftehim GQ, bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, li dan l-arranġament kien kundizzjoni neċessarja għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar reġjuni oħra u li l-osservanza tar-regoli tiegħu kienet timplika li l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jippenetraw is-suq domestiku tal-produtturi Ewropej, anki jekk huma kienu kapaċi jagħmlu dan mil-lat tekniku. F’dan il-kuntest, M. spjega wkoll il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kif ukoll il-fatt li l-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi ma kinux is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi u ma kinux attribwiti fuq il-kwoti previsti mill-Ftehim GQ.

125    Barra minn dan, kif ġie osservat fil-punt 118 iktar ’il fuq, M. ma kienx konvint mill-interess kummerċjali tal-impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG. Madankollu, il-pożizzjoni ta’ M., kondiviża minn P., hija bla ħsara għall-fatt li, kemm skont l-erba’ xhieda ta’ ABB kif ukoll skont ABB nnifisha, l-impriżi Ġappuniżi kienu impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE anki jekk huma kienu kapaċi jagħmlu dan mil-lat tekniku.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li l-eventwali nuqqas ta’ interess kummerċjali għall-produtturi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq taż-ŻEE f’mument partikolari ma jagħmilx l-eżistenza ta’ arranġament, bħall-arranġament komuni, bla skop. Fil-fatt, tali arranġament jista’, minn naħa, jelimina r-riskju residwu ta’ penetrazzjoni futura tas-swieq ikkonċernati fil-każ ta’ bidla fis-sitwazzjoni kompetittiva u b’hekk, jiggarantixxi sigurtà fit-tul liż-żewġ gruppi ta’ produtturi, billi jistabbilizza l-pożizzjonijiet privileġġjati rispettivi tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa jikkostitwixxi wkoll il-bażi ta’ fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ gruppi. Issa, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ M., tali fiduċja kienet neċessarja sabiex l-akkordju jkun implementat fuq livell dinji.

127    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li t-testimonjanza ta’ M. tikkostitwixxi indikazzjonijiet tal-eżistenza tal-arranġament komuni.

128    It-tielet nett, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, Wi. iddikjara li l-assenza tal-impriżi Ġappuniżi mis-suq Ewropew kienet ir-riżultat ta’ sistema ta’ protezzjoni tas-suq Ġappuniż u ta’ dak Ewropew, immotivata mill-fatt li l-ebda wieħed miż‑żewġ gruppi ta’ produtturi ma xtaq li l-grupp l-ieħor jintervjeni fis-suq domestiku tiegħu. Barra minn dan, P. b’mod spontanju rrefera għal ftehim komuni mal-impriżi Ġappuniżi li abbażi tiegħu dawn tal-aħħar ma kellhomx jipparteċipaw fis-suq Ewropew u l-impriżi Ewropej ma kellhomx jipparteċipaw fis-suq Ġappuniż. Għalhekk, it-testimonjanzi ta’ Wi. u ta’ P. ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “spekulazzjonijiet vagi”, iżda, bil-kontra ta’ dan, jikkostitwixxu elementi li jikkonfermaw l-eżistenza tal-arranġament komuni.

129    L-istess konstatazzjoni hija, barra minn hekk, applikabbli għall-aħħar testimonjanza prodotta fuq inizjattiva ta’ ABB u mogħtija minn V.‑A.. Meta mistoqsi dwar l-eżistenza ta’ xi kwalsiasi arranġament bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi, dan tal-aħħar wieġeb billi semma l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej li abbażi tiegħu l-impriżi Ewropej ma kellhomx “jattakkaw” lill-impriżi Ġappuniżi fis-suq Ġappuniż u viċi versa. Barra minn hekk, V. A. iddikjara li pparteċipa għal diskussjoni espliċita bejn l-impriżi Ewropej u r-rappreżentant ta’ impriża Ġappuniża dwar l-osservanza ta’ dan il-ftehim, li kienet ikkawżata mit-tentattivi ta’ impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew.

130    Bħala konklużjoni, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet u t-testimonjanzi prodotti minn ABB jikkostitwixxu elementi li jistgħu jipprovaw l-arranġament komuni, inkwantu fihom tissemma l-eżistenza tal-imsemmi arranġament, hemm deskritt il-kontenut essenzjali ta’ dan l-arranġament u hemm indikazzjonijiet dwar it-tul tiegħu u dwar il-parteċipanti għalih.

131    Bl-istess mod, l-elementi prodotti minn ABB huma koerenti fir-rigward tal-eżistenza u tal-kontenut fundamentali tal-arranġament komuni. Għalkemm teżisti differenza ta’ opinjonijiet fir-rigward tal-interess kummerċjali tal-impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew, dan il-fatt ma huwiex rilevanti f’dan il-każ fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, kif ġie spjegat fil-punt 125 iktar ’il fuq.

132    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB ġew ipprovduti f’isem impriża u mill-kontenut tagħhom jirriżulta li huma bbażati fuq riċerki interni kif ukoll fuq diskussjonijiet mal-impjegati ta’ din l-impriża. Għaldaqstant, għandu jiġi rrikonoxxut li huma għandhom ċertu livell ta’ valur probatorju.

133    Min-naħa tagħhom, id-dikjarazzjonijiet li għamlu l-erba’ xhieda kkonċernati huma kredibbli, peress li ġejjin minn xhieda diretti taċ-ċirkustanzi li huma jiddeskrivu u li miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jirriżultax li l-imsemmija xhieda kienu motivati sabiex jipproduċu provi distorti. Għalhekk, dawn għandhom jingħataw forza probatorja għolja.

134    Madankollu, abbażi tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 90 iktar ’il fuq, il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet u tat-testimonjanzi prodotti minn ABB għandhom, f’kull każ, jiġu kkorroborati permezz ta’ elementi oħra.

 Fuq il-korroborazzjoni tal-elementi prodotti minn ABB

–       L-argumenti tal-partijiet

135    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ssemmix elementi suffiċjenti li jikkorroboraw l-elementi prodotti minn ABB u b’mod partikolari ma tagħmel riferiment għal ebda prova eżistenti fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti kkontestati.

136    L-ewwel nett, l-allegazzjoni ta’ Fuji li tgħid li hija kienet taf dwar l-arranġament komuni, magħmula fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, la hija sostnuta u lanqas ma hija spjegata u għalhekk tikkorrispondi għal teżi unilaterali min-naħa tagħha. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma tispeċifikax jekk hija kinitx l-unika parti għall-allegat arranġament, jekk dan kienx arranġament tal-produtturi Ewropej jew inkella jekk il-produtturi Ġappuniżi kinux implikati wkoll. Iktar minn hekk, fit-talba ta’ klemenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2006, Fuji ma semmietx l-eżistenza tal-arranġament komuni. Dan tal-aħħar lanqas ma ġie msemmi fil-ħames testimonjanzi tal-impjegati ta’ Fuji prodotti minnha.

137    Skont ir-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ Fuji li allegatament jikkorroboraw l-eżistenza tal-arranġament komuni, u b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tagħha tal-21 ta’ Novembru 2006, ma kinux ġew ikkomunikati lilha u għalhekk ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

138    Barra minn hekk, il-valur probatorju dgħajjef tal-elementi prodotti minn Fuji huwa kkonfermat mill-fatt li din tal-aħħar ma bbenefikat minn ebda klemenza min-naħa tal-Kummissjoni inkambju għall-komunikazzjoni tagħhom.

139    It-tieni nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni li tgħid li Alstom u Areva ma kkontestawx l-eżistenza tal-arranġament komuni u VA TECH ma kkontestathiex bil-miftuħ, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li s-silenzju jitqies ekwivalenti għal konferma jikkostitwixxi ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu u tal-prinċipji fundamentali fil-qasam tal-provi. Barra minn hekk, mill-perspettiva prattika, l-eżistenza tal-arranġament komuni kienet, fil-parti l-kbira tagħha, irrilevanti għall-produtturi Ewropej, u għalhekk is-silenzju tagħhom kien prevedibbli. Fuq il-livell proċedurali, ir-rikorrenti tosserva li, peress li ma kellhiex aċċess għad-dokumenti kkonċernati, hija ma setgħetx tivverifika l-fondatezza tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li VA TECH effettivament ikkontestat l-eżistenza tal-arranġament komuni.

140    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li s-sempliċi parteċipazzjoni tagħha għal laqgħat ma’ produtturi Ewropej fil-kuntest tal-Ftehim GQ hija irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-arranġament komuni.

141    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

142    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-elementi prodotti minn Fuji, mill-punti 51 sa 53 iktar ’il fuq jirriżulta li l-osservazzjonijiet li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti, u b’mod partikolari l-osservazzjonijiet ta’ Fuji tal-21 ta’ Novembru 2006, ma setgħux jiġu invokati bħala element inkriminanti. Konsegwentement, l-imsemmija osservazzjonijiet ma jistgħux jikkorroboraw il-kontenut tal-elementi prodotti minn ABB.

143    Min-naħa l-oħra, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li s-silta rilevanti tagħha ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti, Fuji ddikjarat li hija kienet taf bl-arranġament komuni li abbażi tiegħu l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jipprovaw jippenetraw is-suq Ewropew, filwaqt li ppreċiżat li r-raġuni prinċipali għall-assenza ta’ Fuji mis-suq taż-ŻEE kienet li hija ma kinitx fornitriċi sinjifikattiva kredibbli tas-SIG fl-Ewropa.

144    Għandu jiġi ammess li din id-dikjarazzjoni hija relattivament vaga, peress li kulma tagħmel Fuji huwa li ssemmi l-impenn tal-produtturi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq Ewropew. Madankollu, b’dan il-mod, Fuji kkorroborat l-element essenzjali li jirriżulta mill-elementi prodotti minn ABB u li ġie invokat mill-Kummissjoni kontra l-produtturi Ġappuniżi. B’hekk, id-dikjarazzjoni kkonċernata ma hijiex mingħajr rilevanza f’dan il-każ. Dan huwa iktar u iktar minnu meta l-portata limitata tal-għarfien ta’ Fuji tista’ tiġi spjegata bir-rwol sekondarju li kellha fi ħdan il-kartell u, b’mod partikolari, bil-fatt li, kif jirriżulta mill-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, Fuji kienet l-unika impriża Ġappuniża li ma kinitx membru tal-kumitat tal-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi responsabbli b’mod partikolari għall-prattika miftiehma bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi fil-kuntest tal-Ftehim GQ.

145    F’dak li jirrigwarda l-impjegati ta’ Fuji, għandu jiġi osservat li dawn tal-aħħar ma kkontestawx l-eżistenza tal-arranġament komuni iżda sempliċement baqgħu siekta dwar dan il-punt. Għalhekk, il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-impjegati ta’ Fuji ma jikkonfutax il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ Fuji fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

146    Fir-rigward tal-kontenut tat-talba għal klemenza, mill-paragrafu 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni jirriżulta li biex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti tnaqqis fil-multa, il-provi kkonċernati għandhom jirrappreżentaw valur probatorju sinjifikattiv meta pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni diġà jkollha fil-pussess tagħha. Konsegwentement, f’talba għal klemenza mressqa wara t-trażmissjoni tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa leġittimu li l-impriża li tixtieq tikseb tnaqqis fil-multa tiffoka fuq l-elementi li, fil-fehma tagħha, sa dak iż-żmien ikunu għadhom ma ġewx stabbiliti kif titlob il-liġi, sabiex tagħti valur miżjud sinjifikattiv. Issa, dan il-fatt jista’ jispjega kif l-impriża kkonċernata ma tinkludix l-elementi li hija tikkunsidra li ġew stabbiliti mingħajr ebda dubju permezz ta’ elementi li ġew ikkomunikati preċedentement.

147    Bl-istess mod, fid-dawl tad-diċitura tal-paragrafu 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-produzzjoni ta’ elementi li jkollhom ċertu valur probatorju imma li jikkonċernaw fatti li diġà ġew stabbiliti minn elementi oħra, ma tagħti lok għall-ebda tnaqqis.

148    It-tieni nett, mis-silta tat-traskrizzjoni tas-smiegħ ta’ VA TECH jirriżulta li din tal-aħħar ikkontestat espliċitament l-eżistenza tal-arranġament komuni matul dan is-smiegħ. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dan ma huwiex il-każ ma hijiex sostnuta mil-fatti.

149    F’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni allegatament newtrali ta’ Areva, il-Kummissjoni ssostni li hija ma bbażatx ruħha fuq dan il-fatt sabiex tikkonkludi li kien hemm arranġament komuni, imma llimitat ruħha għal li tikkonstata li kien jeżisti. Għalkemm dik l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-diċitura tal-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-ebda forza korroborattiva ma hija rikonoxxuta lill-pożizzjoni ta’ Alstom, ta’ Areva u ta’ VA TECH, bil-kontra tad-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji li jikkonfermaw l-eżistenza tal-arranġament komuni, hija tqiegħdet f’dubju mill-premessa 255 tal-imsemmija deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni ssemmi r-rikonoxximent impliċitu tal-eżistenza tal-arranġament komuni minn ċerti produtturi Ewropej. F’kull każ, il-pożizzjoni newtrali ta’ Alstom u ta’ Areva ma tistax tiġi interpretata bħala prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Fil-fatt, fid-dawl tal-oneru tal-prova li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ fatt minn impriża ma jistabbilixxix il-fatt inkwistjoni.

150    It-tielet nett, kif tosserva r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li hija pparteċipat għal-laqgħat tal-Ftehim GQ ma jikkostitwixxix prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Fil-fatt, il-kwistjoni rilevanti hija dik li jsir magħruf jekk, hekk kif tallega l-Kummissjoni, l-imsemmi arranġament kienx implementat mid-diversi parteċipanti, fl-istess ħin li kien jiġi applikat il-Ftehim GQ u b’konnessjoni ma dan tal-aħħar.

151    Ir-raba’ nett, mill-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002 li matulha ġiet diskussa l-evoluzzjoni tal-metodi ta’ funzjonament tal-akkordju wara li Siemens u Hitachi reġgħu bdew jipparteċipaw f’dan l-akkordju, Alstom ippreżentat proposta li tgħid li l-produtturi Ewropej kellhom jibqgħu fl-Ewropa u l-produtturi Ġappuniżi kellhom jibqgħu fil-Ġappun u ma kellhomx jipprovaw jippenetraw is-suq Ewropew. Barra minn hekk, f’din il-premessa ġie ppreċiżat li, waqt il-laqgħa sussegwenti tal-15 ta’ Lulju 2002, ir-rappreżentant tal-impriża Hitachi kien indika li din tal-aħħar kienet qed tiċħad dik il-proposta, li l-produtturi Ewropej kienu rreaġixxew billi ddikjaraw li l-Ewropa, inkluża l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kienet is-suq tagħhom u li huma kien biħsiebhom iżommu l-prezzijiet applikati fl-Ewropa tal-Punent u kienu ħabbru wkoll li l-kwistjoni kellha terġa’ tiġi diskussa anki jekk dan ma kienx il-każ.

152    Għandu jiġi ammess li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan is-sommarju tal-laqgħat tal-10 u tal-15 ta’ Lulju 2002, ibbażat fuq elementi prodotti minn Hitachi, jagħti lil wieħed x’jifhem li Alstom ipproponiet li jiġi konkluż arranġament ġdid li ġie miċħud minn Hitachi u li ma ġiex diskuss iktar, li jimplika li, mill-inqas minn Lulju 2002, ma kien jeżisti l-ebda arranġament fir-rigward tal-aġir tal-produtturi Ġappuniżi fis-suq taż-ŻEE.

153    Madankollu, is-sommarju tal-laqgħa tal-15 ta’ Lulju 2002 jiżvela, minn naħa, li Hitachi ma ċaħditx l-idea nnifisha ta’ tqassim tas-swieq, imma biss il-proposta konkreta ta’ Alstom. Min-naħa l-oħra, f’dan is-sommarju ġie indikat li Hitachi kienet żvelat li l-pretensjonijiet tal-produtturi Ewropej kienu jinkludu l-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant, li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-oppożizzjoni tagħha kienet marbuta ma’ dan l-aspett speċifiku, imma mhux mas-sitwazzjoni fl-Ewropa tal-Punent.

154    Għandu jiġi osservat ukoll li l-preżentazzjoni tal-proposta kkonċernata min-naħa ta’ Alstom tqiegħed f’dubju l-argumenti tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq taż-ŻEE. Fil-fatt, anki jekk jitqies, kif tallega r-rikorrenti, li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux ipperċepiti bħala kompetituri kredibbli fis-suq taż-ŻEE minħabba li kien hemm barrieri insormontabbli għad-dħul, arranġament li jirrigwarda dan l-istess suq kien ikun tabilħaqq inutli. F’dan il-każ, il-produtturi Ewropej, li kienu jafu b’dan il-fatt minħabba l-pożizzjoni privileġġjata tagħhom fl-Ewropa, ma kien ikollhom l-ebda raġuni sabiex jipproponu arranġament bħal dan. Issa, mis-sommarju prodott minn Hitachi jirriżulta li l-proposta ta’ Alstom kienet tirrigwarda kemm is-suq taż-ŻEE kif ukoll dak tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni li tgħid li, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002, Alstom ipproponiet l-estensjoni tal-arranġament komuni, kif allegat mill-Kummissjoni, għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

156    Il-ħames nett, kif ikkonstatat fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut tal-Ftehim EQ huwa rilevanti, sa ċertu punt, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-arranġament komuni.

157    Fil-fatt, b’konformità mal-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 tal-Ftehim EQ, il-produtturi Ewropej “jiddeċiedu dwar in-notifika tal-proġetti Ewropej lill-[grupp tal-produtturi Ġappuniżi]”. Mill-kuntest tal-Anness 2 jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kellha ssir qabel l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG inkwistjoni.

158    Dan l-element jippermetti li jiġi miċħud, sa ċertu punt, l-argument tar-rikorrenti peress li jissuġġerixxi li l-produtturi Ewropej kienu jikkunsidraw li l-produtturi Ġappuniżi setgħu kienu interessati, għall-inqas, fil-proċess ta’ allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, u li għalhekk kienu kompetituri potenzjali għal dawn il-proġetti.

159    Madankollu, xejn fil-Ftehim EQ u lanqas fl-elementi l-oħra prodotti mill-Kummissjoni ma jipprova li l-mekkaniżmu inkwistjoni ġie implementat mill-produtturi Ewropej jew li l-produtturi Ġappuniżi kienu jafu bih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ftehim EQ jikkostitwixxi biss indikazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi mill-impriżi Ewropej.

160    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-dikjarazzjoni li għamlet Fuji fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha t-tendenza li tikkorrobora l-elementi prodotti minn ABB fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni, madankollu l-valur probatorju tagħha huwa wieħed limitat. Barra minn hekk, il-proposta li Alstom għamlet matul il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002 tikkostitwixxi prova li l-arranġament komuni kien jeżisti f’din id-data. Barra minn dan, il-kontenut tal-Ftehim EQ jikkostitwixxi indikazzjoni li tagħti lil wieħed x’jifhem li l-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetituri kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, kif tallega l-Kummissjoni.

161    Min-naħa l-oħra, la l-pożizzjoni ta’ VA TECH dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, la dik ta’ Alstom, la dik ta’ Areva, u lanqas is-sempliċi parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħat miżmuma fil-kuntest tal-Ftehim GQ ma huma elementi li jistgħu jikkorroboraw l-elementi prodotti minn ABB fir-rigward tal-eżistenza tal-imsemmi arranġament.

 Fuq il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

162    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni hija bbażata fuq l-allegazzjoni li tgħid li l-produtturi Ġappuniżi kienu pperċepiti bħala kompetituri potenzjali fis-suq tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. Din l-allegazzjoni hija mqiegħda f’dubju kemm mid-dikjarazzjoni espliċita ta’ VA TECH li tgħid li kien kważi impossibbli għall-produtturi Ewropej li jipproponu l-prodotti tagħhom fil-Ġappun u viċi versa, kif ukoll mit-testimonjanza ta’ M. li minnha jirriżulta li l-penetrazzjoni tas-suq Ewropew ma kinitx profittabbli għall-impriżi Ġappuniżi. Konsegwentement, l-allegazzjonijiet dwar in-notifika u l-attribuzzjoni huma msejsa fuq premessa fattwali manifestament mhux eżatta. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-eżistenza tal-attribuzzjoni tistabbilixxi n-nuqqas ta’ barrieri għad-dħul fis-suq Ewropew u, konsegwentement, l-eżistenza tal-arranġament komuni, huwa ċirkolari.

163    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni marbutin mal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma humiex stabbiliti kif titlob il-liġi. Skontha, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni hija msejsa fuq il-fatt li l‑produtturi Ġappuniżi kienu sistematikament informati bil-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej li ma kinux il-pajjiżi kostrutturi, sabiex setgħet tiġi kkontrollata l-attribuzzjoni tagħhom fil-kwota konġunta “Ewropea”. Issa, l-elementi l-oħra għajr id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB invokati mill-Kummissjoni ma jistabbilixxu la n-natura sistematika tan-notifika u lanqas l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn il-pajjiżi kostrutturi u l-pajjiżi Ewropej l-oħra.

164    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti qabelxejn tosserva li hija ma kinitx parti għall-Ftehim EQ u li, konsegwentement, dan tal-aħħar jista’ jiġi kkunsidrat biss bħala deċiżjoni unilaterali tal-produtturi Ewropej. Barra minn hekk, skontha, l-Anness 2 tal-imsemmi Ftehim ma jipprovdix notifika sistematika lill-produtturi Ġappuniżi, iżda bil-kontra ta’ dan jeskludiha, filwaqt li jħalli lill-produtturi Ewropej il-libertà li jiddeċiedu dwar in-notifika eventwali tal-proġetti Ewropej. Bl-istess mod, dan it-test ma jipprovdix għall-attribuzzjoni tal-proġetti Ewropej fil-kwota konġunta “Ewropea”.

165    Wara dan, il-lista ta’ proġetti ta’ SIG, prodotta minn ABB, hija dokument redatt minn ABB li ma ġiex ikkomunikat lill-parteċipanti l-oħra tal-akkordju. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti l-imsemmija lista ma hijiex prova tan-notifika sistematika tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa lill-impriżi Ġappuniżi.

166    Fl-aħħar nett, is-silta tat-talba għal klemenza ta’ Hitachi li tgħid li Siemens kienet regolarment tiċċirkola tabella b’informazzjoni li tiġbor fil-qosor il-proġetti ta’ SIG attribwiti lill-impriżi Ewropej u Ġappuniżi ma tippreċiżax jekk l-iskambji inkwistjoni kienux jikkonċernaw proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, u l-kuntest ta’ din id-dikjarazzjoni jissuġġerixxi li dan ma kienx il-każ. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tinsab fit-tweġiba ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tgħid li n-notifika kienet titwettaq sabiex tkun tista’ ssir l-attribuzzjoni, din ma hija sostnuta minn ebda produttur Ġappuniż ieħor u hija saħansitra kkontradetta b’mod speċifiku kemm mir-rikorrenti kif ukoll minn Fuji, fejn din tal-aħħar indikat li informazzjoni dwar it-tqassim tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa ma kienx ikkomunikat b’mod sistematiku lill-produtturi Ġappuniżi.

167    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni deskritt mill-Kummissjoni huwa kkumplikat u ma huwiex applikat awtomatikament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tantx huwa probabbli li dan ma ssemmiex fil-Ftehim GQ jew f’dokument ieħor li kien jeżisti fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti kunfliġġenti.

168    Ir-raba’ nett, anki jekk jitqies li ċerti proġetti Ewropej kienu ġew attribwiti fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ, dan il-fatt ma jurix li r-rikorrenti kienet wettqet ksur. Skont ir-rikorrenti, l-attribuzzjoni seta’ jkollha effett biss barra mit-territorju taż-ŻEE, peress li din kienet tagħti lill-produtturi Ġappuniżi dritt għal iktar proġetti barra minn din iż-żona. Issa, din iċ-ċirkustanza ma hijiex ekwivalenti għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

169    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

170    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma humiex ibbażati esklużivament fuq it-teżi li tgħid li l-produtturi Ġappuniżi kienu pperċepiti bħala kompetituri kredibbli fis-suq taż-ŻEE. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li ġabret provi pożittivi tal-eżistenza tal-imsemmi mekkaniżmu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat il-valur probatorju tal-elementi li l-Kummissjoni tipproduċi sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jistabbilixxux, skont il-liġi, l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, minkejja l-kontestazzjoni ta’ ċerti impriżi kkonċernati.

171    Għalhekk għandu jiġi osservat li fit-testimonjanza tiegħu, M. ikkonferma espliċitament l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni. Huwa ddikjara wkoll li dan il-mekkaniżmu ma kienx jikkonċerna l-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi, jiġifieri fil-Ġappun u f’ċerti pajjiżi Ewropej. Min-naħa l-oħra, huwa ma sostniex li r-realtà jew ir-rilevanza tal-imsemmi mekkaniżmu kienet imqiegħda f’dubju mill-fatt li, fl-opinjoni tiegħu, l-impriżi Ġappuniżi ma kellhomx interess kummerċjali li jippenetraw is-suq taż-ŻEE.

172    L-eżistenza ta’ mekkaniżmu li jikkonsisti fl-attribuzzjoni tal-valur tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE fuq il-kwota dinjija prevista mill-Ftehim GQ ġiet affermata wkoll fid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB.

173    F’dak li jirrigwarda l-Ftehim EQ, fil-punt 157 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li l-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 tiegħu kienet tirrigwarda l-komunikazzjoni eventwali tal-informazzjoni ta’ qabel it-tqassim tal-proġetti ta’ SIG ikkonċernati. Min-naħa l-oħra, din il-klawżola ma kinitx tirrigwarda s-segwitu tal-proġetti diġà allokati. Konsegwentement, jekk il-kontenut tal-imsemmija klawżola jikkostitwixxi indikazzjoni li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetitturi kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, il-miżuri li hija kienet tipprevedi ma jagħmlux parti mill-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kif ġie allegat mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-Anness 2 għall-Ftehim EQ ma huwiex rilevanti biex jiġi pprovat dan l-istess mekkaniżmu.

174    Bl-istess mod, kif issostni r-rikorrenti, mil-lista ta’ proġetti pprovduta minn ABB ma jirriżultax li proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE kienu ġew regolarment innotifikati lill-produtturi Ġappuniżi. Għaldaqstant lanqas din il-lista ma tikkostitwixxi prova tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni.

175    Fir-rigward tal-elementi prodotti minn Hitachi, għandu jiġi osservat li, moqrija fil-kuntest tas-sentenzi li jiġu eżattament qabilha, id-dikjarazzjoni li tgħid li Siemens kienet tiċċirkola b’mod regolari t-tabelli b’informazzjoni li tiġbor fil-qosor parti mill-proġetti ta’ SIG allokati lid-diversi membri tal-akkordju, tirreferi għal proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. Konsegwentement, din id-dikjarazzjoni ma hijiex rilevanti biex jiġi pprovat il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, kif ġie allegat mill-Kummissjoni, li kien jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

176    Min-naħa l-oħra, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Hitachi ddikjarat li, qabel ma hija interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999, il-produtturi Ewropej kienu jikkomunikaw lill-produtturi Ġappuniżi d-dettalji tal-proġetti ta’ SIG li kellhom jipprovdu fl-Ewropa, sabiex jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-proġetti meta tiġi ddeterminata l-kwota tal-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE allokati liż-żewġ gruppi ta’ produtturi skont il-Ftehim GQ.

177    Din id-dikjarazzjoni tikkonferma b’mod espliċitu l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni invokat mill-Kummissjoni sal-1999. Barra minn hekk, il-valur probatorju tagħha huwa wieħed kbir għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-imsemmija dikjarazzjoni tmur kontra l-interessi ta’ Hitachi, peress li hija timplika li teżisti rabta bejn l-attivitajiet kollużivi fi ħdan iż-ŻEE u l-produtturi Ġappuniżi, u minħabba f’hekk tikkostitwixxi element inkriminanti. Min-naħa l-oħra, meta tinqara s-silta kkonċernata tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jidher li Hitachi ma kinitx taf bid-deduzzjonijiet li setgħu jsiru abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni.

178    Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 55 iktar ’il fuq, Hitachi ma reġgħetx lura mill-kontenut fattwali tad-dikjarazzjonijiet tagħha dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni fir-risposta supplimentari tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

179    Min-naħa tagħha, Fuji, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iddikjarat li l-informazzjoni dwar it-tqassim tal-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim GQ ma kinitx ikkomunikata b’mod sistematiku lill-produtturi Ġappuniżi u li, konsegwentement, Fuji ma kinitx taf kif kien jiffunzjona l-Ftehim EQ. L-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġiet ikkontestata wkoll mir-rikorrenti, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-silta tat-traskrizzjoni tas-smigħ tagħha.

180    Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-pożizzjonijiet adottati minn Fuji u mir-rikorrenti ma jmorrux kontra l-interessi tagħhom, peress li l-għan tagħhom huwa li jikkontestaw l-eżistenza ta’ kull ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant il-forza probatorja tagħhom hija iktar dgħajfa minn dik tal-elementi rilevanti prodotti minn ABB u minn Hitachi.

181    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-rwol sekondarju ta’ Fuji fi ħdan il-kartell, imfakkar fil-punt 144 iktar ’il fuq, jista’ jispjega l-fatt li Fuji ma kinitx involuta fl-iskambji kollha tal-informazzjoni li kienet ġejja mill-grupp tal-produtturi Ewropej. Dan il-fatt iqiegħed ukoll f’dubju l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji dwar dan il-punt meta pparagunata ma’ dik tal-elementi prodotti minn ABB u minn Hitachi, li kienu membri tal-kumitati tal-gruppi rispettivi tagħhom u kienu, għaldaqstant, assoċjati iktar mill-qrib mal-funzjonament dettaljat tal-allegat akkordju.

182    Barra minn hekk, għalkemm il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kien jeħtieġ ċerti miżuri ta’ implementazzjoni, dawn madankollu ma kinux partikolarment kumplessi, peress li essenzjalment kienu jikkonsistu fil-komunikazzjoni ta’ ċerta data mill-grupp Ewropew lill-grupp Ġappuniż, li kienet ukoll parallela għal dik implementata abbażi tal-Ftehim GQ fir-rigward tal-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. Konsegwentement, ma jidhirx li dawn il-miżuri kienu jeżiġu regoli bil-miktub, anki fid-dawl tar-rieda tal-partijiet f’akkordju li jitnaqqas ir-riskju li dan l-akkordju jinkixef.

183    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġiet stabbilita kif titlob il-liġi permezz tal-elementi prodotti minn ABB, kif ikkorroborati bid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

184    Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, mill-elementi analizzati fil-punt preċedenti ma jirriżultax li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġie implementat okkażjonalment u b’mod diskrezzjonali. Fil-fatt, għalkemm id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ Hitachi u t-testimonjanza ta’ M. ma jindirizzawx dan is-suġġett espliċitament, mill-formulazzjonijiet użati fid-dokumenti inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li n-notifika kienet proċedura li kienet issir b’mod regolari u kienet applikabbli għall-parteċipanti u għall-proġetti kollha kkonċernati. Kif ġie spjegat fil-punt 181 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji, min-naħa tagħhom, huma inqas affidabbli dwar dan il-punt mill-elementi prodotti minn ABB u minn Hitachi. Barra minn hekk, fil-punt 173 iktar ’il fuq diġà ġie osservat li l-Anness 2 għall-Ftehim EQ ma jikkonċernax in-notifika u l-attribuzzjoni, kif allegat mill-Kummissjoni, u għaldaqstant ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

185    Fir-rigward tal-perijodu ta’ implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB ma jirreferux għal perijodu speċifku u b’hekk jistgħu, a priori, jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-ksur kollu. Id-dikjarazzjonijiet ta’ M., min-naħa tagħhom, jirreferu għall-perijodu li matulu huwa pparteċipa fl-attivitajiet tal-akkordju, jiġifieri bejn l-1988 u Ġunju 2002. Madankollu, sa fejn fil-punt 90 iktar ’il fuq ġie osservat li l-elementi prodotti minn ABB għandhom jiġu kkorroborati minn elementi oħra, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi jirrigwardaw il-perijodu ta’ qabel il-mument meta din tal-aħħar interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġiet stabbilita għal dan il-perijodu tal-aħħar.

186    Fir-rigward tar-rilevanza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni fil-kuntest tal-prova tal-arranġament komuni, għandu jiġi kkunsidrat li dan jikkostitwixxi indikazzjoni serja tal-fatt li l-produtturi Ġappuniżi kienu pperċepiti bħala kompetituri potenzjali kredibbli fis-suq taż-ŻEE mill-produtturi Ewropej. Fil-fatt, jekk tabilħaqq jitqies li s-suq Ewropew ma setax jiġi ppenetrat mill-produtturi Ġappuniżi minħabba l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul, il-produtturi Ewropej ma kienx ikollhom raġuni biex jinnotifikaw ir-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u, a fortiori, li jattribwixxu dawn l-istess proġetti fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ, għaliex din l-attribuzzjoni kienet se twassal biex iċċaħħadhom minn parti mill-proġetti ta’ SIG fir-reġjuni msemmija fil-Ftehim GQ. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ tali mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni timplika li l-impriżi Ġappuniżi setgħu jippenetraw is-suq Ewropew. Jekk huma ma għamlux hekk, kien għaliex kienu impenjaw irwieħhom li ma jagħmlux dan, inkambju għal parti iktar sinjifikattiva mill-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. B’hekk, il-mekkaniżmu inkwistjoni jikkostitwixxi rabta bejn l-attivitajiet kollużivi fi ħdan iż-ŻEE u l-produtturi Ġappuniżi u, minħabba f’hekk, prova indiretta tal-eżistenza tal-arranġament komuni.

187    Il-kwistjoni ta’ jekk il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kellux effetti fis-suq taż-ŻEE ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-bażi tal-ilment li l-Kummissjoni kkontestat lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata huwa l-impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE, li huwa pprovat indirettament bl-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-imsemmi mekkaniżmu jikkostitwixxi ksur awtonomu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

188    Bl-istess mod, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma kienx jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi Ewropej sabiex l-imsemmi mekkaniżmu jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni rilevanti tal-eżistenza tal-arranġament komuni, abbażi tar-raġunament spjegat fil-punt 186 iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-eventwali nuqqas ta’ korroborazzjoni tat-testimonjanza ta’ M. dwar dan il-punt ma hijiex sinjifikattiva.

189    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tan-notifika regolari lill-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE wara l-allokazzjoni tagħhom u l-attribuzzjoni ta’ dawn l-istess proġetti fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ ġiet stabbilita, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju min-naħa ta’ Hitachi fl-1999, bid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, b’dawk ta’ Hitachi u bit-testimonjanza ta’ M.. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu inkwistjoni jikkostitwixxi prova indiretta tal-eżistenza tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni.

 Fuq l-elementi li allegatament jikkontradixxu l-eżistenza tal-arranġament komuni

–       L-argumenti tal-partijiet

190    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li mill-fajl jirriżulta li matul il-laqgħa tal-15 ta’ Lulju 2002, Hitachi rrifjutat il-proposta għal konklużjoni tal-arranġement komuni, ppreżentata minn Alstom.

191    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza tal-arranġament komuni hija kkontestata mhux biss minnha iżda wkoll minn Hitachi, Melco, VA TECH u Siemens. B’mod partikolari, Siemens ipproduċiet dikjarazzjoni ta’ wieħed mill-impjegati tagħha li pparteċipa għall-attivitajiet tal-akkordju, T., li tgħid li ma kien jeżisti l-ebda arranġament li kien jirrigwarda r-riżervazzjoni reċiproka tas-swieq Ġappuniżi u Ewropej. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ttrattatx dan l-element filwaqt li bbażat ruħha fuq l-elementi kontradittorji prodotti minn ABB.

192    Ir-rikorrenti tfakkar ukoll li, skontha, l-eżistenza tal-arranġament komuni kienet, fil-parti l-kbira, irrilevanti għall-produtturi Ewropej li kienu ammettew l-eżistenza ta’ akkordju Ewropew. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-skiet tagħhom kien prevedibbli peress li kien fl-interess tagħhom li l-kontestazzjoni tagħhom tal-fatti tkun minima sabiex ma jipperikolawx l-eżitu tat-talbiet għal klemenza tagħhom.

193    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ftehim intitolat “General Rules for GE Agreement” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim GE”), konkluż mill-produtturi Ewropej fis-17 ta’ Marzu 1987 sabiex iqassmu bejniethom il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

194    Skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ ftehim li jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, preċedenti għall-Ftehim GQ, l-ewwel nett, tikkontradixxi l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-arranġament komuni kien joffri sostenn lill-produtturi Ewropej fl-organizzazzjoni tal-akkordju għall-imsemmija proġetti. It-tieni nett, l-eżistenza tal-Ftehim GE tqiegħed ukoll f’dubju l-konstatazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-attribuzzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji kienet tibda bl-attribuzzjoni tas-suq Ġappuniż lill-produtturi Ġappuniżi u tas-suq Ewropew lill-produtturi Ewropej. Il-kollużjoni pjuttost bdiet meta dawn tal-aħħar qassmu bejniethom is-suq Ewropew. Fl-aħħar nett, sa fejn il-produtturi Ewropej kienu implementaw akkordju li jikkonċerna l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, huma ma kellhom l-ebda interess li jaqsmu l-imsemmija proġetti mal-impriżi Ġappuniżi li ma kinux ikkunsidrati bħala kompetituri kredibbli fis-suq taż-ŻEE, u lanqas li jikkonkludu l-arranġament komuni magħhom.

195    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

196    L-ewwel nett, kif ġie osservat fil-punt 155 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002, Alstom ipproponiet l-estensjoni tal-arranġament komuni, kif allegat mill-Kummissjoni, għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Dan il-fatt jikkorrobora l-eżistenza tal-arranġament komuni.

197    It-tieni nett, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet u t-testimonjanzi ta’ ABB, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni u d-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi dwar in-notifika u l-attribuzzjoni kellhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom forza probatorja iktar sinjifikattiva mill-kontestazzjonijiet tal-eżistenza tal-arranġament komuni mir-rikorrenti, minn Hitachi, minn Melco, minn VA TECH u minn Siemens.

198    Fil-fatt, b’differenza mill-ewwel grupp ta’ elementi, il-kontestazzjonijiet inkwistjoni ma humiex kuntrarji għall-interessi tal-impriżi kkonċernati, peress li huma għandhom l-għan li jqiegħdu f’dubju l-eżistenza ta’ kull ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għat-testimonjanza ta’ T., fejn dan tal-aħħar illimita ruħu li jesponi l-oriġini tal-Ftehim GQ, li jikkontesta l-eżistenza tal-arranġament komuni u li jinvoka l-barrieri għad-dħul kemm fis-suq taż-ŻEE kif ukoll fis-suq Ġappuniż. F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-arranġament komuni, it-testimonjanza ta’ T. ma pprovdietx elementi ġodda meta mqabbla ma’ dawk prodotti mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

199    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-impriżi Ewropej, inkluża Siemens, ma kellhomx interess li jikkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni, peress li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dan tal-aħħar kien interpretat mill-Kummissjoni bħala li kien ftehim kollużiv bejn il-produtturi Ewropej u l-produtturi Ġappuniżi fir-rigward tas-suq taż-ŻEE u, konsegwentement, kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Issa, tali konstazzjoni kienet dannuża għall-interessi tal-produtturi Ewropej, għall-inqas potenzjalment, fil-każ fejn l-ilmenti l-oħra li kkontestatilhom il-Kummissjoni ma setgħux jiġu stabbiliti kif titlob il-liġi.

200    It-tielet nett, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar il-Ftehim GE hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li dan ġie ffirmat u implementat indipendentement mill-Ftehim GQ jew mill-arranġament komuni. F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-Ftehim GE ġie ffirmat qabel il-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ. Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li dan ma kienx marbut mal-elementi l-oħra tal-akkordju dinji kif allegat mill-Kummissjoni.

201    Fil-fatt, skont l-Artikolu 15 tiegħu, il-Ftehim GE għall-ewwel kellu jkun soluzzjoni intermedja valida sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim GQ u, fin-nuqqas ta’ dan, kellu jerġa’ jiġi nnegozjat wara l-31 ta’ Diċembru 1988. B’hekk, jidher li, meta kkonkludew il-Ftehim GE, il-firmatarji diġà kienu qed jantiċipaw l‑istabbiliment tal-akkordju dinji u tal-elementi differenti tiegħu, inkluż, skont l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-arranġament komuni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-testimonjanza ta’ M. li tgħid li l-akkordju dinji kien is-suġġett ta’ negozjati kumplessi li damu għaddejjin diversi snin qabel ma ġie ffirmat il-Ftehim GQ.

202    Barra minn hekk, skont M., l-impenn reċiproku taż-żewġ gruppi ta’ produtturi li ma jippenetrawx is-swieq domestiċi tal-grupp l-ieħor, li huwa l-punt essenzjali tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni, kien preċedenti għall-konklużjoni tal-Ftehim GQ. Konsegwentement, dan l-impenn seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-produtturi Ewropej meta ffirmaw il-Ftehim GE.

203    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Ftehim GE jqiegħed f’dubju l-eżistenza tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni.

 Kunsiderazzjonijiet globali

204    Mill-eżami li sar fil-punti 111 sa 189 iktar ’il fuq jirriżulta, l-ewwel nett, li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u t-testimonjanzi tal-impjegati u tal-ex impjegat tagħha jirreferu għall-eżistenza ta’ arranġament li abbażi tiegħu l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi daħlu għall-impenn reċiproku li ma jippenetrawx is-swieq domestiċi tal-grupp l-ieħor. L-imsemmija elementi jippermettu wkoll li jiġu identifikati l-partijiet għall-arranġament u li jiġi konkluż li, għalkemm dan probabbilment kien preċedenti għall-Ftehim GQ, dan ġie konkluż mhux iktar tard minn meta ġie konkluż dan il-ftehim tal-aħħar.

205    It-tieni nett, l-eżistenza tal-arranġament reċiproku msemmi iktar ’il fuq hija kkorroborata mill-proposta ppreżentata minn Alstom waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002. L-eżistenza tal-impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq Ewropew hija wkoll ikkorroborata mid-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji.

206    It-tielet nett, mid-dikjarazzjonijiet u mit-testimonjanza ta’ ABB, ikkorroborati mid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi, jirriżulta li l-produtturi Ġappuniżi aċċettaw, għall-inqas fir-rigward tal-perijodu mill-1988 sal-1999, in-notifika regolari tar-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u l-attribuzzjoni tagħhom fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Bl-istess mod, skont il-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 għall-Ftehim EQ, il-produtturi Ewropej ipprevedew il-possibbiltà li jikkomunikaw lill-produtturi Ġappuniżi d-dettalji ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE qabel l-allokazzjoni tagħhom. Dawn iż-żewġ fatti jissuġġerixxu li l-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetituri kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, iżda li huma impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq Ewropew inkambju għal parti iktar sinjifikattiva mill-proġetti ta’ SIG f’reġjuni oħra. B’hekk, dawn huma provi indiretti tal-eżistenza tal-arranġament reċiproku bejn il-produtturi Ewropej u l-produtturi Ġappuniżi.

207    B’hekk, l-elementi prodotti mill-Kummissjoni jsostnu l-affermazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, kif miġbura fil-qosor fil-punt 96 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ma huwiex probabbli li l-elementi invokati mir-rikorrenti u evalwati fil-punti 196 sa 203 iktar ’il fuq jistgħu jqiegħdu f’dubju l-imsemmija affermazzjonijiet. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tal-arranġament komuni ġiet stabbilita kif titlob il-liġi.

208    Din il-konklużjoni timplika li l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha għandhom jiġu miċħuda hekk kif spjegat fil-punt 101 iktar ’il fuq.

209    Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq l-aġir fis-suq tal-impriżi inkwistjoni biex tikkonkludi li kien hemm il-ksur allegat, ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti jissostitwixxu spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti għal dik adottata mill-Kummissjoni. Konsegwentement, l-ispjegazzjoni alternattiva proposta mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-eżistenza tal-imsemmi ksur.

210    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

211    Barra minn hekk, minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-arranġament komuni kien jeżisti mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni, bħala prova inkriminanti, l-osservazzjonijiet ta’ Fuji tal-21 ta’ Novembru 2006. Konsegwentement, skont dak li ġie espost fil-punt 53 iktar ’il fuq, it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għal fajl, għandha tiġi miċħuda b’mod definittiv u għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat

212    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ ksur uniku li jkopri l-Ftehim GQ, l-arranġament komuni u l-aġiri antikompetittivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE. Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni la wriet l-eżistenza tal-akkordju bejn Settembru 1999 u l-25 ta’ Marzu 2002, u lanqas il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul dan l-istess perijodu.

213    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, dwar il-prova ta’ ksur uniku

–       L-argumenti tal-partijiet

214    Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni wriet b’mod xieraq l-eżistenza tal-arranġament komuni, hija ma stabbilixxietx li r-rikorrenti kellha l‑intenzjoni li tikkontribwixxi għat-tqassim tal-proġetti, għat-tbagħbis tal-offerta, għall-iffissar tal-prezzijiet u għall-aġiri antikompetittivi l-oħra adottati fi ħdan iż-ŻEE mill-produtturi Ewropej. Hija tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-produtturi Ewropej kienu għamlu l-almu tagħhom biex ma jiżvelawx lill-produtturi Ġappuniżi l-attivitajiet tal-akkordju Ewropew irregolati bil-Ftehim EQ, u dan anki billi ppreparaw ftehim reċiproku ddettaljat dwar in-nuqqas ta’ żvelar.

215    Għalhekk, ir-rikorrenti tqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex impriża tkun tista’ tinżamm responsabbli għall-elementi kollha ta’ ksur u, b’mod partikolari, f’dan il-każ, għall-aġir tal-produtturi Ewropej, ma humiex sodisfatti. Skont ir-rikorrenti, hija qatt ma assistiet għal laqgħat li kienu jikkonċernaw l-attivitajiet tal-kartell fi ħdan iż-ŻEE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprovatx li hija kellha l-intenzjoni li bl-aġir tagħha tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha. F’dan ir-rigward, is-sempliċi possibbiltà li r-rikorrenti setgħet tiddeduċi li kien hemm aġir kollużiv fi ħdan iż-ŻEE ma hijiex suffiċjenti.

216    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex taġixxi kontra u tissanzjona ftehim li ma għandhomx l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE, bħalma huwa l-Ftehim GQ.

217    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

218    Il-ftehim u l-prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 81(1) KE neċessarjament jirriżultaw mill-kollaborazzjoni ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tieħu għamliet differenti, b’mod partikolari, skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet imfittxija u l-metodi ta’ implementazzjoni magħżula jew maħsuba. Madankollu, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur f’modi partikolari għaliha ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha għall-ksur kollu, inkluż l-aġir li jiġi implementat minn impriżi parteċipanti oħra li madankollu jkollu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 79 u 80). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

219    B’hekk, impriża li pparteċipat fi ksur permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur, meta jkun stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra, jew li setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 218 iktar ’il fuq, punt 83). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

220    F’dan il-każ, l-ewwel nett, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-impriżi Ġappuniżi, fosthom ir-rikorrenti, ipparteċipaw, flimkien mal-impriżi Ewropej, fl-arranġament komuni, li kien ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tas-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG. Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex taġixxi kontra u tissanzjona l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju. Barra minn hekk, l-eżistenza tal-arranġament komuni timplika li l-impriżi Ġappuniżi kienu jafu bil-fatt li l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE kienu rriżervati għall-produtturi Ewropej.

221    F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrenti ma pparteċipawx f’miżuri kollużivi speċifiċi fiż-ŻEE ma huwiex rilevanti. Fid-dawl tan-natura tal-impenn tagħha abbażi tal-arranġament komuni, il-parteċipazzjoni tagħha ma kinitx utli. Fil-fatt, il-produtturi Ġappuniżi ma kellhom l-ebda interess li jintervjenu fl-allokazzjoni stess tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, li huma kienu ħadu l-impenn li ma jiħdux. L-uniku interess tagħhom kien li jkunu jafu l-valur tal-proġetti kkonċernati u l-identità ta’ dawk li ħaduhom, sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-attribuzzjoni fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Issa, għall-inqas fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-1999, din l-informazzjoni kienet tiġi kkomunikata lill-produtturi Ġappuniżi bil-mekkaniżmu ta’ notifika.

222    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rwol passiv tal-produtturi Ġappuniżi f’dak li jirrigwarda l-attribuzzjoni tal-proġetti ta’ SIG fis-suq taż-ŻEE ma kienx dovut għal għażla volontarja min-naħa tagħhom, imma għall-forma tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim dwar is-suq taż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, din l-istess parteċipazzjoni kienet prerekwiżit biex il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE jkunu jistgħu jiġu allokati bejn il-produtturi Ewropej jew abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-pajjiżi kostrutturi jew abbażi tal-Ftehim GE.

223    It-tieni nett, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u t-testimonjanza ta’ M. jissuġġerixxu li, għalkemm l-arranġament komuni ma ssemmiex b’mod espliċitu fil-Ftehim GQ, huwa kien jikkostitwixxi l-bażi tal-funzjonament ta’ dan tal-aħħar, peress li kien jippermetti li tiġi stabbilita l-fiduċja neċessarja għall-funzjonament tal-akkordju dinji. L-eżistenza ta’ rabta bejn l-arranġament komuni u l-Ftehim GQ hija kkonfermata mit-testimonjanza ta’ V.‑A. li semma kif, waqt laqgħa tal-Ftehim GQ, l-impriżi Ewropej u rappreżentant tal-impriżi Ġappuniżi ddiskutew in-neċessità li jiġi osservat l-arranġament komuni.

224    It-tielet nett, il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni jikkostitwixxi rabta bejn l-attivitajiet kollużivi tal-impriżi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE u l-akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, ir-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’reġjuni oħra, abbażi tal-Ftehim GQ. L-eżistenza tal-mekkaniżmu kkonċernat hija stabbilita mid-dikjarazzjonijiet u mit-testimonjanzi ta’ ABB u mid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi.

225    F’dan il-kuntest, mill-elementi prodotti mir-rikorrenti la jirriżulta li l-ftehim ta’ nuqqas ta’ żvelar bejn il-produtturi Ewropej ġie tabilħaqq konkluż u lanqas, a fortiori, li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi kien affettwat minn dan il-fatt.

226    Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkunsidrat li, minħabba n-notifika regolari tar-riżultati tas-sejħiet għal offerti li kienu jirrigwardaw ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, li kienet saret, minn tal-inqas, bejn l-1988 u l-1999, l-impriżi Ġappuniżi setgħu raġonevolment jipprevedu li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE bejn il-produtturi Ewropej kienet ir-riżultat ta’ aġir kollużiv. Fil-fatt, il-fatt li matul diversi snin grupp ta’ produtturi kien jirċievi komunikazzjoni regolari bir-riżultati tas-sejħiet għal offerti li għalihom ikunu pparteċipaw il-membri ta’ grupp ieħor ta’ produtturi tal-istess settur industrijali, mingħajr raġuni leġittima apparenti, imur lil hinn mil-limiti ta’ aġir kompetittiv normali. In-notifika b’hekk missha qajjmet dubji dwar il-kundizzjonijiet li fihom ġew allokati l-proġetti ta’ SIG ikkonċernati. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta r-riżultati ta’ sejħa għal offerti mhux bilfors ikunu data pubblika, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti mnehdija minn impriżi privati u f’dak li jikkonċerna d-dettalji tal-offerta magħżula.

227    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fil-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, ġustament indikat li l-fatt li l-impriżi Ġappuniżi saru jafu bin-natura kollużiva tal-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, permezz tal-mekkaniżmu ta’ notifika bejn l-1988 u l-1999, ma huwiex probabbli li jiġi affettwat minn interruzzjoni sussegwenti tan-notifika li seta’ kien hemm. Dan japplika wkoll fir-rigward ta’ TM T & D. Fil-fatt, TM T & D kompliet bl-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-azzjonisti tagħha, li t-tnejn li huma kienu partijiet għall-akkordju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi kkunsidrat li hija kienet taf l-istess affarijiet li kienu jafu l-imsemmija azzjonisti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

228    Il-ħames nett, l-arranġament komuni, l-akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ u l-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE ġew implementati simultanjament, kienu jirrigwardaw l-istess prodotti u kienu jimplikaw lill-istess produtturi Ewropej u, fir-rigward tal-arranġament komuni u tal-Ftehim GQ, lill-istess produtturi Ġappuniżi. Bl-istess mod, id-diversi miżuri kellhom l-istess għan komuni, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema ta’ tqassim tas-suq dinji tal-proġetti ta’ SIG u ta’ allokazzjoni ta’ dawn il-proġetti bejn id-diversi parteċipanti.

229    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-arranġament komuni, l-akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ u l-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE kienu ksur uniku li kellu għan komuni. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar il-prova ta’ ksur kontinwat u tal-parteċipazzjoni kontinwata tar-rikorrenti f’dan il-ksur

–       L-argumenti tal-partijiet

230    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-Ftehim GQ matul il-perijodu li matulu impriżi oħra ma kinux ipparteċipaw fih, jiġifieri bejn Settembru 1999 u l-25 ta’ Marzu 2002.

231    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li matul dan il-perijodu, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ Siemens, l-akkordju kien “sfaxxa”, peress li l-laqgħat GQ kienu żviluppaw f’forma ta’ diskussjonijiet ftit jew wisq informali mingħajr għan jew effett antikompetittiv.

232    Wara dan, ir-rikorrenti tiddikjara li hija ma pparteċipatx fil-Ftehim GQ matul il-perijodu kkonċernat. Dan il-fatt huwa kkonfermat bid-dikjarazzjoni ta’ Areva, li tgħid li fl-2002, kien neċessarju li jsir kuntatt ma’ TM T & D sabiex ikun hemm diskussjonijiet fir-rigward tas-suq tas-SIG, u dan jimplika li TM T & D ma kinitx tipparteċipa għad-diskussjonijiet li kienu jsiru. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ ABB dwar it-tkomplija tal-akkordju bejn Settembru 1999 u Marzu 2002 hija kontradittorja, dan peress li fl-istess ħin ABB tallega li r-rikorrenti kompliet l-operazzjonijiet tal-akkordju u li TM T & D ingħaqdet mal-akkordju iktar tard, fl-istess żmien, b’mod partikolari, ma’ Siemens. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ ABB ma hijiex ikkorroborata u toriġina minn impriża li talbet immunità minn multi.

233    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li r-riferimenti li l-Kummissjoni tagħmel għall-akkordju f’dak li jirrigwarda l-perijodu rilevanti jikkonċernaw il-Ftehim GQ u, eventwalment, l-arranġamenti li kienu jeżistu bejn l-impriżi Ewropej, iżda mhux l-arranġament komuni.

234    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-partijiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

235    Skont il-ġurisprudenza, meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-eżistenza tal-ksur, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li minnu għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi, jimplika li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova tal-ksur li hija tikkonstata, għandha tipproduċi provi li jistgħu jistabbilixxu, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tul allegat ta’ ksur, l-istess prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, minn tal-inqas, provi li jirreferu għall-fatti li huma suffiċjentement qrib ta’ xulxin fiż-żmien, b’tali mod li jista’ raġjonevolment jiġi aċċettat li dan il-ksur seħħ b’mod mhux interrott bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79; tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 188, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 114 u 153).

236    Barra minn hekk, il-fatt li l-prova tal-eżistenza ta’ ksur kontinwat ma ġietx prodotta għal ċerti perijodi speċifiċi ma jipprekludix li l-ksur jitqies li seħħ matul perijodu globali iktar estiż minn dawn il-perijodi speċifiċi ladarba tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u konsistenti. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 169).

237    Fir-rigward tat-tkomplija tal-akkordju bejn Settembru 1999 u Marzu 2002, għandu preliminarjament jiġi osservat li, sa fejn l-impenn tal-impriżi Ġappuniżi skont l-arranġament komuni ma kienx jikkonsisti f’azzjoni pożittiva, iżda f’ommissjoni, huwa intrinsikament diffiċli li jiġi pprovat li dan l-arranġament ġie rrispettat b’mod kontinwat.

238    Madankollu, l-ewwel nett, mit-testimonjanza ta’ M. jirriżulta li, sa meta huwa temm l-involviment tiegħu fil-kartell f’Ġunju 2002, kemm il-Ftehim GQ kif ukoll l-arranġament komuni komplew jiġu implementati bil-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi għajr Hitachi, minkejja l-fatt li n-nuqqas ta’ din tal-aħħar u ta’ Siemens kien jagħmel l-operazzjoni inqas effikaċi. L-istess allegazzjoni tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB.

239    It-tieni nett, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Fuji tikkonferma li l-impriżi Ġappuniżi pparteċipaw fil-ksur, inkluż fl-arranġament komuni, sa Settembru 2000, data li fiha hija tallega li ħarġet mill-akkordju.

240    It-tielet nett, fil-punt 155 iktar ’il fuq ġie konkluż li, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002, Alstom ipproponiet l-estensjoni tal-arranġament komuni għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Dan il-fatt jimplika li l-imsemmi arranġament kien jeżisti kemm fid-data tal-laqgħa kif ukoll matul ċertu perijodu qabel din il-laqgħa.

241    Ir-raba’ nett, anki l-assenza fit-tul tal-produtturi Ġappuniżi mis-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG matul il-perijodu kkonċernat tikkostitwixxi indikazzjoni li tagħti ’l wieħed x’jifhem li l-arranġament komuni kompla jiġi implementat.

242    Il-ħames nett, sa fejn fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv huwa kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji meta kkonkludiet li kien jeżisti ksur uniku li kien jinkludi b’mod partikolari l-arranġament komuni u l-Ftehim GQ, għandu jiġi kkunsidrat, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, li prova tal-funzjonament kontinwat tal-Ftehim GQ, bejn Settembru 1999 u Marzu 2002, tikkostitwixxi indikazzjoni rilevanti li anki l-arranġament komuni kien implementat matul l‑imsemmi perijodu. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura unika tal-ksur, huwa plawżibbli li l-għajbien tal-arranġament komuni kien jikkomprometti l-funzjonament tal-Ftehim GQ.

243    Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessi 191 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li ABB, Alstom u Melco skambjaw, f’Diċembru 2000 u f’Jannar 2001, serje ta’ faksijiet dwar l-attribuzzjoni tal-proġetti abbażi tal-Ftehim GQ.

244    Ir-rikorrenti kkonfermat ukoll li, fost il-laqgħat tal-Ftehim GQ elenkati fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, hija pparteċipat għal dawk tat-18 ta’ Mejju, tat-13 ta’ Lulju u tal-14 ta’ Settembru 2002, filwaqt li fl-istess ħin tikkontesta li l-laqgħat l-oħra hemmhekk elenkati kienu seħħew.

245    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-proġetti ta’ SIG elenkati fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata kienu ġew attribwiti abbażi tal-Ftehim GQ u hija ma tipproduċix elementi li jagħtu ’l wieħed x’jifhem li hija ddisassoċjat ruħha mir-riżultati tal-attribuzzjonijiet jew li hija ma osservathomx. Issa, dawn l-attribuzzjonijiet jimplikaw li l-akkordju kien attiv jew, minn tal-inqas, ipproduċa effetti bejn is-27 ta’ Awwissu 1998, li hija d-data ta’ meta ġie konkluż il-ftehim fuq il-proġett imsemmi fil-premessa 198(h) tad-deċiżjoni kkontestata, u t-12 ta’ Ottubru 2001, li hija d-data ta’ meta l-ftehim fuq il-proġett imsemmi fil-premessa 198(a) tad-deċiżjoni kkontestata ma kompliex jipproduċi l-effetti tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 81 KE huwa applikabbli meta l-effetti ta’ akkordju jkunu damu fit-tul, mingħajr ma l-akkordju jkun ġie formalment mitmum (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑13/89, Ġabra p. II‑1021, punt 254, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, T‑48/98, Ġabra p. II‑3859, punt 63). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

246    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, matul il-perijodu kkonċernat, il-laqgħat tal-Ftehim GQ saru forum ta’ diskussjoni mingħajr għan jew effett antikompetittiv, ma tistax tiġi milqugħa, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din kinitx ġiet ippreżentata matul il-proċedura amministrattiva. Dan jgħodd iktar u iktar peress li din l-argumentazzjoni hija kkorroborata biss mid-dikjarazzjonijiet mhux sostnuti ta’ Melco.

247    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-provi invokati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tal-arranġament komuni u tal-Ftehim GQ bejn Settembru 1999 u Marzu 2004 jirreferu għal fatti li huma suffiċjentement qrib fiż-żmien, u dan jimplika li l-prova ta’ ksur kontinwat ġiet prodotta f’dak li jikkonċerna l-perijodu kkonċernat.

248    Għandu jingħad ukoll li l-elementi msemmija fil-punti 238 sa 245 iktar ’il fuq jikkonċernaw kemm l-implementazzjoni tal-arranġament komuni u tal-Ftehim GQ b’mod ġenerali kif ukoll il-parteċipazzjoni personali tar-rikorrenti għall-ftehim inkwistjoni. Mill-bqija, fil-kuntest ta’ ċerti proġetti msemmija fil-lista riprodotta fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, din tal-aħħar hija indikata bħala segretarja tal-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi. Issa, dan l-element jimplika li, fil-mument tal-attribuzzjoni tal-proġetti kkonċernati, ir-rikorrenti kienet tipparteċipa b’mod attiv fil-ftehim GQ.

249    F’dan il-kuntest, ir-referenzi għall-ħtieġa li TM T & D tiġi kkuntattjata matul in-negozjati li seħħew fl-2002 u għall-fatt li hija reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju fl-2002 jistgħu jiġu spjegati bil-fatt li, matul dan il-perijodu, il-kumpannija bi sħab ta’ Toshiba u ta’ Melco kienet fl-istadju li tiġi stabbilita sabiex tieħu l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG tal-azzjonisti tagħha. Issa, sa fejn TM T & D kienet tirrappreżenta struttura ġdida li tiġbor fi ħdanha l-attivitajiet rilevanti taż-żewġ membri tal-akkordju, huwa loġiku li l-modifiki ppjanati tas-sistema tal-akkordju kellhom jiġu diskussi magħha.

250    F’dak li jirrigwarda l-allegat interess li l-impriża li talbet l-immunità mill-multi, flimkien mal-impjegati u mal-ex impjegati tagħha, għandha li tissopravaluta l-aġir antikompetittiv tal-impriżi l-oħra ikkonċernati mill-investigazzjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-punti 94, 95, 111 u 112 iktar ’il fuq.

251    Minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju bejn Settembru 1999 u Marzu 2002 ġiet stabbilita permezz ta’ elementi suffiċjentement qrib fiż-żmien.

252    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u konsegwentement it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

253    Peress li ebda motiv invokat insostenn tat-talba intiża għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, ma jista’ jiġi milqugħ, l-imsemmija talba għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-talba intiża għall-annullament jew għal tnaqqis sostanzjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

254    Fil-kuntest tar-raba motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-multa li ġiet imposta fuqha hija diskriminatorja u eċċessiva. Dan il-motiv huwa maqsum f’sitt partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball waqt l-evalwazzjoni tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. It-tieni parti hija bbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur. It-tielet parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-multa. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq żball waqt id-determinazzjoni tal-ammont inizjali. Il-ħames parti hija bbażata fuq in-natura eċċessiva tal-multa fir-rigward tal-ksur imwettaq minn TM T & D. Is-sitt parti hija bbażata fuq żball fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

255    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

256    Ir-rikorrenti tosserva li l-proporzjon tal-multi imposti fuq il-produtturi Ewropej u fuq il-produtturi Ġappuniżi jikkorrispondi għall-proporzjon tal-kwoti ddefiniti mill-Ftehim GQ. Minn dan hija tiddeduċi li l-multa ġiet imposta fuqha minħabba l-aġir tagħha fil-kuntest tal-Ftehim GQ. Issa, tali approċċ huwa żbaljat u diskriminatorju. Minn naħa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kienet inqas, sa fejn hija pparteċipat biss fl-arranġament komuni, filwaqt li l-produtturi Ewropej kienu pparteċipaw kemm fl-arranġament komuni kif ukoll għall-attivitajiet kollużivi relatati mal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha meta ssanzjonatha għal aġir lil hinn miż-ŻEE.

257    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

258    Skont il-ġurisprudenza, sakemm ksur twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom tiġi eżaminata (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 218 iktar ’il fuq, punt 150, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li hija pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u meta tiġi ddeterminata l-multa (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 218 iktar ’il fuq, punt 90).

259    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni kkontestata ma tissanzjonax il-parteċipazzjoni tad-destinatarji tagħha fil-Ftehim GQ, li ma kienx jirrigwarda t-territorju taż-ŻEE. Fil-fatt, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara b’mod ċar li l-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jirrigwarda s-settur tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

260    Barra minn hekk, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi u tal-produtturi Ewropej fi ftehim u fi prattiki miftiehma fir-rigward taż-ŻEE ma kinitx tal-istess natura. Fil-fatt, l-impriżi Ġappuniżi impenjaw irwieħhom, fil-kuntest tal-arranġament komuni, li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE u l-parteċipazzjoni tagħhom b’hekk kienet tikkonsisti f’nuqqas ta’ azzjoni. L-impriżi Ewropej, min-naħa tagħhom, qassmu bejniethom id-diversi proġetti ta’ SIG f’dan l-istess suq, permezz ta’ atti kollużivi pożittivi.

261    Madankollu, ma hemmx differenza kbira fir-rigward tal-gravità ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ aġir. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 221 iktar ’il fuq, fid-dawl tan-natura tal-impenn tar-rikorrenti abbażi tal-arranġament komuni, il-fatt li hija ma pparteċipatx fl-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE ma huwiex rilevanti, peress li l-intervent tagħha ma kienx utli. B’hekk, il-fatt invokat mir-rikorrent ma kienx ir-riżultat tal-għażla tagħha imma s-sempliċi konsegwenza tan-natura tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar is-suq taż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, din l-istess parteċipazzjoni kienet prerekwiżit biex il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE setgħu jiġu allokati bejn il-produtturi Ewropej skont ir-regoli miftiehma għal dan il-għan.

262    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-gravità tal-aġir tal-impriżi Ġappuniżi hija paragunabbli għal dik tal-aġir tal-impriżi Ewropej. Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

263    Filwaqt li tirreferi għall-argumenti dwar is-sospensjoni tal-attivitajiet tal-akkordju u tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fih bejn Settembru 1999 u Marzu 2002, esposti fil-punti 230 sa 233 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-multa li ġiet imposta fuqha għandha titnaqqas.

264    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

265    Fil-kuntest ta’ din il-parti r-rikorrenti tillimita ruħha li tirrepeti l-argumenti li diġà ġew eżaminati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv. Issa, mill-punti 235 sa 252 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imsemmija argumenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat li l-akkordju kompla għaddej bejn Settembru 1999 u l-25 ta’ Marzu 2002 u meta ddeterminat it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

266    F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

267    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod xieraq il-metodu ta’ kalkolu applikat għad-determinazzjoni tal-multa li ġiet imposta fuqha. F’dan ir-rigward hija tinvoka d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom sabiex tiddetermina l-ammont li hija kellha tħallas lill-Kummissjoni u tallega li l-pożizzjoni tagħha hija kkonfermata mill-opinjoni ta’ ekonomisti stabbiliti f’dan il-qasam. Hija tqis, konsegwentement, li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

268    Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

269    Il-motivazzjoni imposta mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, C‑338/00 P, Ġabra p. I‑9189, punt 124). Għalkemm, skont l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni hija obbligata li ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija msejsa l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li wassluha tadotta din id-deċiżjoni, madankollu din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Kummissjoni tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew trattati matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 22; tal-11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il‑Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. 2117, punt 55, u tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 127). Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonstataw ksur tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

270    Fil-kawża preżenti, l-elementi esposti fil-premessi 471 sa 552 tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu li wieħed jifhem il-metodu magħżul mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multa u li jsegwi d-diversi stadji tiegħu.

271    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti llimitat ruħha li tallega l-eżistenza tad-diffikultajiet li hija ltaqgħet magħhom biex tiddetermina l-ammont li hija kellha tħallas lill-Kummissjoni, mingħajr ma speċifikat in-natura ta’ dawn id-diffikultajiet u f’liema stadju kienu jirriżultaw, u sa fejn ma pproduċietx l-osservazzjonijiet tal-ekonomisti li hija tallega li kkonsultat, l-argumentazzjoni tagħha dwar il-motivazzjoni tal-kalkolu tal-multa ma tistax tkun is-suġġett ta’ eżami iktar fil-fond.

272    Għaldaqstant, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali

 L-argumenti tal-partijiet

273    Ir-rikorrenti ssostni li l-ammont inizjali tal-multa huwa arbitrarju u diskriminatorju.

274    L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkalkolat il-multi imposti abbażi tad-dħul mill-bejgħ magħmul kemm fir-rigward tas-SIG awtonomi kif ukoll fir-rigward tas-substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażati fuq SIG. Issa, dan il-metodu huwa żvantaġġjuż għall-produtturi Ġappuniżi peress li l-proġetti ta’ SIG fil-Lvant Nofsani u fl-Asja, li normalment jitwettqu mill-produtturi Ġappuniżi, ta’ spiss ikunu jinvolvu substations turnkey u jkunu, konsegwentement, jinkludu prodotti u servizzi oħra apparti dawk relatati mas-SIG. Għalhekk id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-produtturi Ġappuniżi x’aktarx ikun ikbar minn dak magħmul mill-produtturi Ewropej.

275    It-tieni nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena 2003, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, sabiex tiddetermina l-ishma tas-suq tal-impriżi Ewropej, filwaqt li hija użat id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena 2001, li huwa ogħla, f’dak li jirrigwarda l-produtturi Ġappuniżi, mingħajr ma tat raġunijiet konvinċenti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tuża d-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003 għall-parteċipanti kollha fl-akkordju, billi taqsam fi tnejn id-dħul mill-bejgħ magħmul miż-żewġ kumpanniji bi sħab li fihom kienu kkonċentrati l-attivitajiet ta’ dak iż-żmien fil-qasam tas-SIG tal-erba’ produtturi Ġappuniżi. Tali approċċ kien ikun koerenti kemm mat-trattament tal-produtturi Ewropej, kif ukoll mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

276    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljatament ikklassifikatha fl-istess grupp bħal Alstom u Areva. Skontha, li kieku bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti ttieħed id-dħul mill-bejgħ magħmul fl-2003, id-differenza f’ishma tas-suq ma’ Alstom jew Areva kienet tkun ikbar minn dik li teżisti mal-ishma tas-suq tal-impriżi li jiffurmaw parti mill-grupp inferjuri, u dan jimplika li r-rikorrenti kellha tiġi kklassifikata f’dan l-aħħar grupp.

277    Fir-rigward tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni ssostni li s-sempliċi fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti prodotti jirriżulta fi dħul mill-bejgħ ogħla, ma jikkostitwixxix il-prova ta’ diskriminazzjoni.

278    F’dak li jirrigwarda t-tieni lment, il-Kummissjoni tispjega li hija għażlet l-2001 bħala sena ta’ referenza peress li din kienet is-sena finanzjarja ta’ qabel il-ħolqien tal-kumpannija bi sħab tar-rikorrenti u ta’ Melco, jiġifieri TM T & D. Hija tispjega, f’dan ir-rigward, li l-kumpanniji parent ipparteċipaw fl-akkordju individwalment matul il-parti l-kbira li dan dam fis-seħħ, fatt li jimplika li kien iktar xieraq li l-ammonti inizjali jiġu ddeterminati abbażi tad-dħul mill-bejgħ li huma rispettivament għamlu, u dan b’mod partikolari sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn l-ishma tas-suq individwali tagħhom fiż-żmien ta’ meta nħolqot TM T & D.

279    It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ilment dwar il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fi grupp jista’ jiġi milqugħ biss jekk jiġi milqugħ dak dwar l-għażla tas-sena ta’ referenza. Issa, dan ma huwiex il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

280    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderiġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 216, u l-ġurisprudenza ċċitata).

281    L-ammont tal-multa huwa ffissat mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, tat-tul tiegħu. Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont kriterji bħalma huma l-fatti partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi. Elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġiri antikompetittivi, in-numru u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorament subit mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidivi (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 89 sa 91).

282    Madankollu, kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tal-liġi, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif interpretat mill-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 315). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġu li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata).

283     Sa fejn wieħed għandu jibbaża ruħu fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi implikati fl-istess ksur sabiex jiġu ddeterminati r-relazzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, għandu jiġi identifikat il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex iċ-ċifri miksuba jkunu kemm jista’ jkun paragunabbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 122).

284    Fil-kawża preżenti mill-premessi 480 sa 490 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta kienet qed tiddetermina l-ammont iniżjali, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod konformi mal-punt 1A tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li tapplika trattament differenzjat lill-parteċipanti għall-akkordju skont il-kapaċità tagħhom li jikkawżaw dannu għall-kompetizjoni. Għal dan il-għan, hija kklassifikat lid-diversi impriżi f’ħames gruppi skont l-importanza relattiva tad-dħul mill-bejgħ dinji li huma għamlu mill-bejgħ tas-SIG. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset li d-dħul mill-bejgħ li jirrigwarda biss is-suq taż-ŻEE ma jikkostitwixxix kriterju ta’ evalwazzjoni affidabbli sa fejn l-għan tal-arranġament komuni kien li jiżgura l-assenza tal-produtturi Ġappuniżi minn dan l-istess suq.

285    F’dak li jirrigwarda l-prodotti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 281 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-portata tas-suq affettwat. Issa, f’dan il-każ, kif indikat fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju kien jikkonċerna kemm is-SIG awtonomi kif ukoll is-substations li jinkludu SIG. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta kkalkolat l-ammont inizjali tal-multi tal-impriżi kkonċernati abbażi tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn dawn il-prodotti. Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

286    Fir-rigward tal-għażla tas-sena ta’ referenza, mill-premessi 481, 482 u 484 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, waqt id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ dinji, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sena 2001 f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, lil Fuji, lil Hitachi u lil Melco, filwaqt li hija bbażat ruħha fuq is-sena 2003, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, f’dak li jirrigwarda l-produtturi Ewropej. Barra minn hekk, il-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multi tar-rikorrenti, ta’ Fuji, ta’ Hitachi u ta’ Melco għall-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju inkwantu impriżi individwali sar abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-2001, filwaqt li l-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multi tal-produtturi Ewropej sar abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-2003.

287    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma trattatx lill-produtturi Ġappuniżi, fosthom ir-rikorrenti, u l-produtturi Ewropej bl-istess mod f’dak li jirrigwarda l-għażla tas-sena ta’ referenza. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 282 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk dan it-trattament differenzjat huwiex oġġettivament iġġustifikat.

288    F’dan ir-rigward, fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-għażla tas-sena 2001 f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti kienet iġġustifikata mill-fatt li, matul il-parti l-kbira tal-perijodu li matulu twettaq il-ksur, din ipparteċipat fl-akkordju inkwantu impriża individwali, u mhux permezz tal-kumpannija bi sħab TM T & D li fl-2002 kienet ħadet l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG tar-rikorrenti u ta’ Melco.

289    Matul is-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li l-għan tagħha kien li tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni kompetittiva mhux ugwali taż-żewġ azzjonisti ta’ TM T & D, meta din tal-aħħar inħolqot, dovuta għall-fatt li s-sehem ta’ Melco tas-suq dinji tas-SIG kien kunsiderevolment ikbar minn dak tar-rikorrenti. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li ssir referenza għall-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti u ta’ Melco fl-akkordju inkwantu impriżi individwali, jiġifieri s-sena 2001, kien jippermetti li din id-differenza tiġi riflessa waqt id-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, b’kuntrast mal-metodu li jikkonsisti f’li d-dħul mill-bejgħ li TM T & D għamlet fl-2003 jinqasam bejn iż-żewġ azzjonisti skont l-ishma rispettivi tagħhom fil-kumpannija bi sħab.

290    L-għan invokat mill-Kummissjoni huwa leġittimu, peress li dan jippermetti li l-kapaċità tal-azzjonisti ta’ kumpannija bi sħab li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni tiġi pparagunata fir-rigward ta’ perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ din il-kumpannija bi sħab.

291    Madankollu, jidher li fil-kawża preżenti l-Kummissjoni setgħet tuża metodi oħra sabiex tilħaq l-għan mixtieq mingħajr ma titratta lill-produtturi Ġappuniżi, minn naħa, u l-produtturi Ewropej, min-naħa l-oħra, b’mod mhux ugwali f’dak li jikkonċerna l-għażla tas-sena ta’ referenza. Bħala eżempju, waqt id-determinazzjoni tal-multi tar-rikorrenti u ta’ Melco għall-perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ TM T & D, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ din tal-aħħar, ikkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ korrispondenti għas-sena 2003 u maqsum bejn ir-rikorrenti u Melco skont il-proporzjon ta’ bejgħ ta’ SIG li huma għamlu matul l-aħħar sena preċedenti għall-ħolqien tal-kumpannia bi sħab, jiġifieri fl-2001.

292    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirriproduċi b’mod fidil, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi, il-pożizzjoni relattiva tar-rikorrenti u ta’ Melco ma tiġġustifikax it-trattament mhux ugwali li għalih kienet suġġetta r-rikorrenti.

293    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, billi għażlet is-sena 2001 bħala sena ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ dinji tal-produtturi Ġappuniżi u għall-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni individwali tagħha fl-akkordju, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

294    Dan il-ksur jivvizzja direttament il-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju inkwantu impriża individwali. Huwa jaffettwa indirettament, permezz tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ dinji u tal-ishma tas-suq, il-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-perijodu li matulu kienet teżisti TM T & D.

295    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi milqugħ u b’konsegwenza ta’ dan l-Artikolu 2(h) u (i) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat. Min-naħa l-oħra, peress li l-kontenut tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex affettwat mill-għażla tas-sena ta’ referenza, dan l-Artikolu la għandu jiġi annullat u lanqas emendat.

296    Barra minn hekk, ma hemmx lok li l-ħames u s-sitt parti tar-raba’ motiv jiġu eżaminati. Fil-fatt, anki li kieku dawn il-partijiet kellhom jintlaqgħu, dan ma jistax iwassal għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata usa’ minn dak li ġie deċiż fil-punt preċedenti.

297    Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li l-illegalità kkonstatata tikkonċerna l-għażla nnifisha tal-bażi tal-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li twettaq il-kalkolu tal-imsemmija multa. Konsegwentement, f’dan il-każ ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha billi temenda l-Artikolu 2(h) u (i) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

298    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

299    Sa fejn it-talba intiża għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet miċħuda, ir-rikorrenti tilfet f’parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħha, anki jekk hija rebħet fir-rigward ta’ parti oħra ta’ dawn it-talbiet.

300    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-Kummissjoni għandha tbati kwart ta’ dawn l-istess spejjeż.

301    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi stabbilita garanzija bankarja sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni ma jikkostitwixxux spejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 5133, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, it-talba tar-rikorrenti sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati tali spejjeż għandha tiġi miċħuda.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(h) u (i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81[KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass), huwa annullat sa fejn dan jikkonċerna lil Toshiba Corp..

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Toshiba għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart tal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2011












Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Ir-rikorrenti

2.  Il-prodotti

3.  Il-proċedura amministrattiva

4.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba intiża għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-ksur ma ġiex identifikat b’mod suffiċjenti fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq allegazzjoni ta’ żnaturament tal-elementi tal-fajl.

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabilixxietx kif titlob il-liġi l-eżistenza tal-arranġament komuni

Fuq l-elementi prodotti minn ABB

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-korroborazzjoni tal-elementi prodotti minn ABB

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-elementi li allegatament jikkontradixxu l-eżistenza tal-arranġament komuni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Kunsiderazzjonijiet globali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat

Fuq l-ewwel parti, dwar il-prova ta’ ksur uniku

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, dwar il-prova ta’ ksur kontinwat u tal-parteċipazzjoni kontinwata tar-rikorrenti f’dan il-ksur

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-talba intiża għall-annullament jew għal tnaqqis sostanzjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tal-gravitŕ relattiva tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.