Language of document : ECLI:EU:T:2011:69

Kawżi T-117/07 u T-121/07

Areva et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear insulat bil-gass — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Tul tal-ksur — Multi — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Persuna ġuridika responsabbli għat-tmexxija tal-impriża matul il-ksur — Eċċezzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur imwettaq minn sussidjarja — Imputazzjoni lill-kumpannija parent fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqduhom

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti — Motiv ibbażat fuq l-ineżattezza tal-motivazzjoni — Distinzjoni

(Artikolu 253 KE)

5.      Dritt Komunitarju — Prinċipji ġenerali tad-dritt — Nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali — Qasam ta’ applikazzjoni — Kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(4), u Nru 1/2003, Artikolu 23(5))

6.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Oneru tal-prova tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3))

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet — Bidu tad-dekorrenza

(Artikolu 81 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 253 KE)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas — Portata

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas — Possibbiltà għal kull wieħed mid-debituri li jippreżenta rikors għal annullament kontra tali deċiżjoni

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

12.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni — Portata

(Artikolu 81(1) KE)

13.    Dritt Komunitarju — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Rikonoxximent mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u affermazzjoni mill-ġdid mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

14.    Kompetizzjoni — Prinċipji — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni — Qorti indipendenti u imparzjali — Ġurisdizzjoni sħiħa

(Artikoli 81 KE, 229 KE u 230 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 17, u Nru 1/2003, Artikolu 31)

15.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Natura ta’ ordni pubbliku

(Artikolu 81 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

16.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa — Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni

(Artikolu 5 KE u 81 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikoli 7(1) u 23(2))

17.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Natura provviżorja — Rinunzja tal-ilmenti li jirriżultaw infondati fir-rigward ta’ ċerti kumpanniji li jagħtu lok għal deterjorament tal-pożizzjoni tal-kumpannija miżmuma bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata — Ammissibbiltà fid-dawl tal-eżerċizzju mill-kumpannija tad-dritt tagħha li tinstema’

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 19(1), u Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

18.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej jew ta’ provokatur tal-ksur — Kunċett

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punti 2 u 3)

19.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej tal-ksur — Rwol imwettaq suċċessivament minn impriżi differenti u mill-kumpanniji li jmexxuhom

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

20.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa

(Artikolu 229 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 17, u Nru 1/2003, Artikolu 31)

21.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ dinji magħmul matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur u relatat mal-prodotti u servizzi li jaqgħu taħt dan il-perijodu

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

1.      Fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża għandu jinftiehem li jindika unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett tal-ksur inkwistjoni. Billi jipprojbixxi lill-impriżi, b’mod partikolari, milli jikkonkludu akkordji jew milli jipparteċipaw fi prattiki miftehma li jistgħu jkollhom inċidenza fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollhom bħala għan jew bħala effett li jostakolaw, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, l-Artikolu 81(1) KE jinkludi entitajiet ekonomiċi li kull waħda minnhom tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, li jfittxu għan ekonomiku speċifiku fuq medda ta’ żmien u li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ ksur tat-tip imsemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punt 63)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, skont liema persuna għandha titqies responsabbli biss għall-atti li hija tikkommetti, bħala prinċipju, huwa obbligu tal-persuna li kienet tmexxi l-impriża fil-mument meta jkun twettaq il-ksur, li tirrispondi għal dan il-ksur, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra.

F’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, il-ġurisprudenza tammetti li jista’ jiġi dderogat mill-prinċipju tar-responsabbiltà personali b’applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, li skontu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jista’ jiġi attribwit lis-suċċessur ekonomiku ta’ persuna ġuridika li huwa l-awtur tiegħu, anki meta din tal-aħħar tkun għadha teżisti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur, sabiex l-effettività ta’ dawn ir-regoli ma tiġix kompromessa minħabba l-bidla magħmula, b’mod partikolari, fil-forma ġuridika tal-kumpanniji kkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha raġun li ma tapplikax il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” u li żżomm personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur lill-kumpannija parent li mexxiet direttament lil din l-impriża qabel ma ttrasferietha lil sussidjarji esklużivi jew kważi esklużivi, sa meta l-imsemmija sussidjarji u l-imsemmija impriża finalment ġew ittrasferiti lil grupp ieħor.

(ara l-punti 65, 66, 72, 78)

3.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, u dan abbażi ta’ numru ta’ elementi fattwali fosthom, b’mod partikolari, is-setgħa ta’ tmexxija eventwali eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ raġonevolment tassumi li sussidjarja li l-kapital tagħha huwa 100 % proprjetà tal-kumpannija parent tagħha tapplika, essenzjalment, l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minnha u li din il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà timplika li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tivverifika jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitatx din is-setgħa ta’ tmexxija fuq is-sussidjarja tagħha. Meta, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tindika l-intenzjoni tagħha li żżomm lill-kumpannija parent bħala personalment responsabbli għal ksur imputabbli lis-sussidjarja tagħha billi tinvoka l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja mill-kumpannija parent tagħha, hija l-kumpannija parent li għandha l-intenzjoni tikkontesta r-responsabbiltà li hija għandha li tipproduċi matul il-proċedura amministrattiva jew, l-iktar tard, quddiem il-qorti tal-Unjoni, elementi suffiċjentement probanti biex taqleb il-preżunzjoni billi turi li, minkejja ż-żamma tal-kapital kollu tagħha mill-kumpannija parent tagħha, is-sussidjarja kienet tiddetermina b’mod realment awtonomu l-inizjattiva tagħha fis-suq.

Il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni li tikkonstata ksur, ir-risposti tal-impriżi kkonċernati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija għandha tkun f’pożizzjoni mhux biss li taċċetta jew tiċħad l-argumenti tal-impriżi kkonċernati, iżda wkoll li twettaq l-analiżi tagħha tal-fatti ppreżentati minnhom jew sabiex tabbanduna l-oġġezzjonijiet li jkunu rriżultaw infondati, jew sabiex tbiddel jew tissupplimenta, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, l-argumenti tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija tibqa’ ssostni. Dan huwa l-każ meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tkunx tistrieħ biss fuq il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpannija parent tagħhom, iżda wkoll mill-fatti prodotti matul il-proċedura amministrattiva u li juru li:

- fi ħdan grupp, l-organizzazzjoni operattiva kienet tieħu preċedenza fuq l-istruttura ġuridika u l-attivitajiet tal-proġetti implikati kienu diretti, fuq l-ogħla livell, mill-kumpannija parent u mill-predeċessuri tagħha,

- sitt membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji sussidjarji kienu, simultanjament jew konsekuttivament, membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji de facto tal-grupp, qabel it-trasferiment ulterjuri tagħhom lil grupp ġdid,

- il-ħatra mill-kumpannija parent ta’ membru ġdid fi ħdan il-bord tad-diretturi tas-sussidjarji tagħha attivi fis-settur inkwistjoni tissostanzja l-konklużjoni li tgħid li influwenza determinanti kienet ġiet eżerċitata minn tal-ewwel fuq tal-aħħar u

- fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturar fi ħdan il-grupp, il-bidla fl-isem kummerċjali tas-sussidjarji attivi fis-settur inkwistjoni, li saret immedjatament wara t-trasferiment fi ħdan il-grupp, turi l-integrazzjoni tagħhom fil-grupp.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha raġun meta tqis li d-delega ta’ funzjonijiet ta’ natura kummerċjali ma setgħetx teħles lill-kumpannija parent mir-responsabbiltajiet tagħha, ġaladarba kif hija stess ammettiet, fi żmien il-ksur, hija kellha tapprova kull offerta għal proġetti li kienu jaqbżu ċertu limitu jew li kienu jinvolvu ċerti riskji sostanzjali għall-grupp.

(ara l-punti 86, 87, 91, 97, 116, 144)

4.      Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni, b’mod partikolari meta tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew fuq motivazzjoni insuffiċjenti, u dak ibbażat fuq l-ineżatezza tal‑motivazzjoni tad-deċiżjoni, minħabba żball fuq il-fatti jew fl-evalwazzjoni ġuridika. Dan l-aspett tal-aħħar jaqa’ fl-eżami tal-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni u mhux tal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 253 KE.

(ara l-punt 88)

5.      Il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali huwa prinċipju komuni għall-ordinamenti ġuridiċi kollha tal-Istati Membri, stabbilit ukoll mill-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jagħmel parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li għandhom jiġu osservati mill-qorti tal-Unjoni. Anki jekk mill-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex ta’ natura kriminali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha obbligu li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari dak tan-nuqqas ta’ retroattività, fil-proċedura amministrattiva kollha li tista’ twassal għal sanzjonijiet b’applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Din l-osservanza tirrikjedi li r-regoli ta’ imputazzjoni lil persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jikkorrispondu għal dawk li ġew iffissati fiż-żmien meta twettaq il-ksur. Meta diversi persuni jistgħu jinżammu personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni fi ksur minn waħda u l-istess impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala responsabbli in solidum għall-imsemmi ksur. Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu responsabbli personalment u in solidum għall-parteċipazzjoni tal-istess impriża fi ksur, kemm il-persuna li taħt ir-responsabbiltà jew it-tmexxija tagħha tqegħdet direttament l-impriża fil-mument meta seħħ il-ksur kif ukoll il-persuna li, peress li kienet teżerċita effettivament setgħa ta’ kontroll fuq din l-impriża u kienet tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq, kienet tmexxi indirettament lil din l-istess impriża fil-mument meta twettaq il-ksur.

(ara l-punti 131-134)

6.      Fir-rigward tat-tul ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jitlob li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament dan il-ksur, il-Kummissjoni għandha tinvoka, minn tal-inqas, provi li jirreferu għal fatti li huma suffiċjentement qrib ta’ xulxin fiż-żmien, b’mod li jista’ raġjonevolment jiġi aċċettat li l-ksur seħħ b’mod ininterrott bejn żewġ dati preċiżi. Fir-rigward tal-mezzi ta’ prova, huwa komuni li l-attivitajiet li jirriżultaw minn prattiki u minn ftehim antikompetittiv iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar spiss f’terzi pajjiżi, u li d‑dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu miktuba f’biċċiet u mifruxin, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li jiġu kkostitwiti mill-ġdid ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indikazzjonijiet li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jiġu separati b’intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ tali ftehim, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa.

Għalhekk, sa fejn, ikkunsidrati flimkien, ftehim kuntrarji għar-regoli tal-kompetizzjoni setgħu jipproduċu effetti bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ wieħed minnhom u dik ta’ tmiem ta’ validità ta’ ftehim ieħor, il-Kummissjoni ġustament setgħet tikkunsidra li dan il-ftehim jikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li l-ksur tkompla, b’mod ininterrott, matul il-perijodu kollu kkonċernat. B’hekk, il-provi ta’ manifestazzjonijiet ripetuti tal-ksur, kif ukoll l-għadd ta’ indikazzjonijiet, miġbura mill-Kummissjoni, dwar il-fatt li l-attivitajiet li għalihom l-impriża kkonċernata pparteċipat fil-kuntest tal-akkordju tkomplew matul il-perijodu kollu kkonċernat għandhom jitqiesu bħala prova suffiċjenti tal-fatt li l-akkordju tkompla b’mod ininterrott bejn id-dati kkunsidrati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 164-166, 176, 177)

7.      Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, is-setgħa tal-Kummissjoni li tagħti sanzjoni minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ssir preskritta wara ħames snin. It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jkun seħħ il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri biss mill-ġurnata meta l-ksur ikun intemm.

(ara l-punt 188)

8.      Il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma mmotivatx speċifikament id-deċiżjoni li timponi multa li għandha titħallas in solidum minn żewġ kumpanniji, fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, fir-rigward tal-fatt li dawn ma kinux jiffurmaw iktar entità ekonomika waħda fil-ġurnata tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, peress li, fl-opinjoni tagħha, din iċ-ċirkustanza ma kinitx tostakola d-deċiżjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tinkludi, fid-deċiżjoni tagħha, motivazzjoni preċiża fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ aspetti li jidhrulha manifestament barra mill-kuntest, neqsin minn sinjifikat jew kjarament sekondarji għall-evalwazzjoni tagħha.

(ara l-punt 200)

9.      Il-ħlas in solidum tal-multi dovuti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huwa effett ġuridiku li jirriżulta, ipso jure, mid-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dawn l-artikoli.

Il-ħlas in solidum ta’ multa dovuta minħabba l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jirriżulta mill-fatt li kull waħda mill-persuni kkonċernati tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur. L-uniformità tal-aġir tal-impriża fis-suq tiġġustifika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kumpanniji jew, b’mod iktar ġenerali, is-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli, ikunu obbligati in solidum. Il-ħlas in solidum tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn dan jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-ħlas effettiv tal-imsemmija multi, jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali mfittex mid-dritt tal-kompetizzjoni, u dan b’osservanza tal-prinċipju ne bis in idem, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa wkoll stabbilit mill-Artikolu 4 tal-protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jipprojbixxi li l-istess aġir ta’ impriża fis-suq jiġi ssanzjonat iktar minn darba għall-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, permezz tas-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli għalih.

Il-fatt li r-responsabbiltajiet personali inkorsi minn numru ta’ kumpanniji minħabba l-parteċipazzjoni tal-istess impriża fi ksur ma humiex identiċi ma jostakolax il-fatt li dawn jingħataw multa li għandha titħallas in solidum, ladarba l-ħlas in solidum tal-multa jkopri biss il-perijodu tal-ksur li matulu huma kienu jifformaw unità ekonomika waħda u għaldaqstant kienu jikkostitwixxu impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 204-206)

10.    Sa fejn il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jiġi interpretat bħala eċċezzjoni ta’ illegalità indirizzata kontra r-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minħabba l-fatt li dawn ir-regoli huma sors ta’ inċertezza fir-rigward tal-ħlas tal-multa, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-debitur li għandu l-obbligu li jħallas u fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika tal-kodebituri in solidum, l-imsemmi motiv jitlob deċiżjoni dwar il-legalità nnifisha tas-sistema ta’ ħlas in solidum tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni u sabiex jiġi vverifikat jekk id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan jistgħux ikunu magħrufa b’mod suffiċjentement preċiż mill-kumpanniji ssanzjonati.

F’dan ir-rigward, bħall-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tagħha hija sempliċement effett ipso jure, il-kunċett ta’ “ħlas in solidum tal-multi” huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment għall-għanijiet u għas-sistema tad-dritt tal-kompetizzjoni, li fiha hija tipparteċipa, u, jekk ikun il-każ, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi kollha ta’ dritt nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħti multa, li għandha titħallas in solidum, lil diversi kumpanniji minħabba aġir illegali ta’ impriża, din tattribwilhom responsabbiltà indaqs għall-imsemmi aġir. Barra minn hekk, il-kumpanniji kkundannati għall-ħlas in solidum ta’ multa għandhom l-obbligu li jħallsu multa waħda, li l-ammont tagħha hija kkalkolata b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni.

Minn dan jirriżulta li kull kumpannija għandha l-obbligu li tħallas il-multa kollha fir-rigward tal-Kummissjoni filwaqt li l-ħlas magħmul minn waħda mill-kumpanniji jeħles lill-kumpanniji kollha mill-obbligi fil-konfront tal-Kummissjoni. Il-kumpanniji li fuqhom tiġi imposta multa li għandha titħallas in solidum u li jinkorru, sakemm ma ssirx indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li timponi l-multa, responsabbiltà indaqs għat-twettiq tal-ksur għandhom, bħala prinċipju, jikkontribwixxu f’partijiet indaqs għall-ħlas tal-multa imposta minħabba dan il-ksur. Konsegwentement, il-kumpannija li, wara li tkun ġiet eventwalment investigata mill-Kummissjoni, tħallas l-ammont kollu tal-multa tista’, abbażi tal-istess deċiżjoni tal-Kummissjoni, tipproċedi kontra l-kodebituri in solidum tagħha għall-irkupru tal-parti rispettiva tagħhom. Għalhekk, għalkemm id-deċiżjoni li fiha tkun ġiet imposta multa fuq diversi kumpanniji li għandha titħallas in solidum ma tippermettix li tiġi ddeterminata, a priori, liema minn dawn il-kumpanniji għandha effettivament tintalab tħallas l-ammont tal-multa lill-Kummissjoni, hija ma tipprekludix il-possibbiltà li kull waħda mill-kumpanniji tkun taf, mingħajr dubji, is-sehem tal-ammont tal-multa applikabbli għaliha u tipproċedi kontra l-kodebituri in solidum tagħha għall-irkupru tas-somom li hija kellha tħallas minbarra sehemha.

(ara l-punti 213, 215)

11.    Il-ħlas in solidum tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni ma jipprekludix id-dritt, għal kull waħda mill-kumpanniji ssanzjonati, li jippreżentaw rikors għal annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni imponitilhom multa li kellha titħallas in solidum.

(ara l-punt 217)

12.    Il-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet skont id-dritt tal-kompetizzjoni, jimponi li persuna għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li hija tiġi akkużata bihom individwalment. Dan huwa l-każ meta żewġ kumpanniji jkunu ġew issanzjonati, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur, għal fatti li bihom ġew akkużati individwalment mill-Kummissjoni, minħabba r-responsabbiltà tagħhom bħala mexxejja, diretti jew indiretti, ta’ din l-impriża.

(ara l-punti 219, 220)

13.    Ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie wkoll stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, id-dritt għal rimedju effettiv reġa’ ġie mtenni mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punt 224)

14.    Ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv japplika, b’mod partikolari, għal kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata u tissanzjona ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 229 KE fuq l-azzjonijiet imressqa kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tistabbilixxi jew tkun stabbiliet multa u din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta.

Fil-kuntest tar-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 230 KE, l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputa ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi billi, f’dan ir-rigward, timponilhom multa għandha tiġi kkunsidrata bħala stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ din id-deċiżjoni. L-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni u, għaldaqstant, in-natura effettiva tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tiffissa multa għadhom imsaħħa bil-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam. Lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità, li jippermetti biss iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament jew l-annullament tal-att ikkontestat, il-ġurisdizzjoni sħiħa li hija għandha tippermetti lill-qorti tal-Unjoni sabiex tirrevedi l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt, sabiex tbiddel, pereżempju, l-ammont tal-multa imposta.

(ara l-punti 225-227)

15.    L-Artikolu 81 KE u, b’analoġija, l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku, indispensabbli sabiex jintlaħqu l-missjonijiet mogħtija lill-Komunità Ewropea u liż-ŻEE, b’tali mod li r-responsabbiltà u s-sanzjoni inkorsi mill-kumpanniji fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni arbitrarja ta’ dawn il-kumpanniji.

(ara l-punt 229)

16.    Skont l-Artikolu 5 KE, il-Komunità Ewropea għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha u tal-għanijiet assenjati lilha mit-Trattat. B’hekk hija għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni.

Meta l-Kummissjoni tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, hija għandha biss il-kompetenza, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jew tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tikkonstata dan il-ksur u timponi multi fuq l-impriżi li, b’mod intenzjonali jew b’negliġenza, ipparteċipaw fih. Il-Kummissjoni ma tistax tiddelega lil terzi s-setgħat mogħtija lilha bid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq mingħajr ma tmur kontra l-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni.

Ma jistax jiġi kkunsidrat li, f’każ partikolari, il-Kummissjoni ddelegat lil qorti nazzjonali jew lil korp ta’ arbitraġġ parti mis-setgħat mogħtija lilha sabiex tikkonstata u tissanzjona tali ksur, ġaladarba l-Kummissjoni ddeterminat, fid-deċiżjoni adottata f’dan l-istess każ, is-sehem ta’ responsabbiltà rispettiva ta’ żewġ kumpanniji distinti fil-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur ikkonstatat u, għaldaqstant, is-sehem rispettiv tagħhom fil-multa li għaliha huma marbuta in solidum fil-konfront tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 233, 234, 236)

17.    Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jkun fiha huma ta’ natura purament provviżorja. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tista’, u saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva sabiex, b’mod partikolari, tirrinunzja dawk l-ilmenti li jkunu rriżultaw li huma infondati. Peress li kumpannija ssanzjonata għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kienet f’pożizzjoni li ssostni utilment il-fehma tagħha dwar ir-rinunzja mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ lment li din tal-aħħar kienet preċedentement ikkunsidrat kontra kumpanniji oħra, sabiex iżżommhom responsabbli in solidum, flimkien mal-ewwel kumpannija, għall-parteċipazzjoni ta’ impriża waħda u unika fi ksur, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, id-drittijiet tad-difiża ta’ din l-ewwel impriża ma nkisrux minħabba n-nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 248, 249, 262)

18.    Ir-rwol ta’ mexxej prinċipali interpretat minn impriża jew minn numru ta’ impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sa fejn l-impriżi li kellhom it-tali rwol għandhom ikollhom responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra. Sabiex tiġi kkwalifikata bħala mexxej ta’ akkordju, impriża għandha tkun irrappreżentat qawwa li tagħti spinta sinjifikattiva lill-akkordju jew tkun refgħet responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu. Dan huwa l-każ meta impriża tkun interpretat rwol ta’ mexxej billi assumiet il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju, liema funzjonijiet jagħtuha r-rwol ta’ mexxej prinċipali fil-koordinazzjoni tal-akkordju u, fi kwalunkwe każ, fil-funzjonament konkret tiegħu, u, b’mod iktar partikolari meta l-imsemmi “segretarju Ewropew” kien il-punt ta’ kuntatt bejn il-membri tal-akkordju u kellu rwol kruċjali fil-funzjonament konkret ta’ dan tal-aħħar, peress li kien jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-akkordju, kien jiċċentralizza, jikkumpila u jiskambja informazzjoni essenzjali għall-funzjonament tiegħu mal-membri l-oħra tal-akkordju u, b’mod partikolari, l-informazzjoni li tikkonċerna ċerti proġetti partikolarment importanti, peress li kien jorganizza u jiżgura servizzi ta’ segreterija għal-laqgħat ta’ ħidma u peress li kien, okkażjonalment, ibiddel il-kodiċi intiżi sabiex dawn il-laqgħat jew dawn il-kuntatti ma jiġux skoperti.

(ara l-punti 280, 283, 287)

19.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ ksur għal żmien twil li matulu diversi impriżi, taħt it-tmexxija ta’ kumpanniji differenti, kellhom suċċessivament, għal perijodi stabbiliti, ir-rwol ta’ mexxej tal-ksur, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità jirrikjedu li jiġi impost fuq kumpanniji li mexxew impriża jew numru ta’ impriżi li kellhom, taħt it-tmexxija tagħhom, ir-rwol ta’ mexxej tal-ksur żieda differenti mill-ammont bażiku tal-multa tagħhom meta l-perijodu li matulu l-imsemmija impriża jew impriżi kellhom, taħt it-tmexxija tagħhom, dan ir-rwol ikun essenzjalment differenti. Ir-rwol ta’ mexxej jikkonċerna l-funzjonament tal-akkordju u li, bil-kontra tar-rwol ta’ provokatur tal-ksur, jidħol neċessarjament f’ċertu tul ta’ żmien. B’hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kumpannija li mexxiet waħda mill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju tista’ tiġi imputata r-rwol ta’ mexxej prinċipali interpretat minn din tal-aħħar fil-funzjonament tal-akkordju matul mhux iktar minn ftit ’il fuq minn kwart tal-perijodu tal-ksur, filwaqt li kumpannija oħra, li mexxiet impriża oħra li pparteċipat fil-ksur, tista’ tiġi imputata r-rwol ta’ mexxej prinċipali interpretat minn din tal-aħħar fil-funzjonament tal-akkordju matul kważi tliet kwarti tal-imsemmi perijodu.

B’hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità billi imponiet żieda identika għall-ammont bażiku tal-multa lil kumpanniji li, permezz tal-impriżi li huma kienu jmexxu, kellhom ir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju, filwaqt li l-perijodi li matulhom l-impriża jew l-impriżi inkwistjoni eżerċitaw, taħt it-tmexxija tagħhom, il-funzjonijiet ta’ mexxej tal-akkordju kienu sostanzjalment differenti.

Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni illegali tal-kriterji relatati mal-kwalifika ta’ mexxej tal-ksur, billi ma kkunsidratx din il-kwalifika kontra impriża, minkejja r-rwol sinjifikattiv tal-imsemmija impriża fi ħdan l-akkordju, tali illegalità, imwettqa favur ħaddieħor, ma tiġġustifikax li jintlaqgħu dawn l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni.

(ara l-punti 307, 308, 311, 312)

20.    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tippermettilha, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, b’konsegwenza ta’ dan, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont ta’ din il-multa tiġi sottomessa għall-evalwazzjoni tagħha. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi żgurat li ż-żieda marbuta mar-rwol ta’ mexxej tal-ksur li kellha l-impriża kkonċernata tiġi ffissata fuq livell li jiggarantixxi l-karattru dissważiv tagħha.

(ara l-punti 318, 319)

21.    Fil-każ tal-impożizzjoni ta’ multi fuq numru ta’ kumpanniji għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, taħt it-tmexxija tagħhom, minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u d-determinazzjoni tal-ammonti rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni ma tevitax il-metodu ta’ kalkolu msemmi fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, ma teċċedix il-qafas legali tas-sanzjonijiet iddefinit mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi ddeċidiet li tirreferi, bħala prinċipju, għad-dħul mill-bejgħ dinji relatat mal-proġetti inkriminati mwettqa minn kull impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-ksur, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-daqs u tas-setgħa ekonomika ta’ kull impriża fil-mument tal-ksur. B’mod iktar partikolari, dan huwa l-każ meta l-Kummissjoni tqis li, fir-rigward tal-karattru dinji tal-akkordju, għandu jittieħed bħala bażi ta’ paragun tal-importanza relattiva ta’ kull impriża s-sehem tad-dħul mill-bejgħ dinji relatat mal-proġetti li jaqgħu taħt dan l-akkordju, liema sehem huwa dak miżmum minn kull impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur ikkonstatat, fejn din il-bażi ta’ paragun hija tali li tirrifletti fedelment il-kapaċità ta’ kull impriża li tippreġudika serjament lill-operaturi l-oħra fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea u li tipprovdi indikazzjoni tal-kontribut tagħha għall-effikaċja tal-akkordju kollu kemm hu jew, bil-kontra, tal-instabbiltà li kienet tirrenja fi ħdan l-akkordju li kieku hija ma pparteċipatx fl-istess akkordju.

(ara l-punti 360, 362)