Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta'April - Toshiba vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-113/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Toshiba Corp. (Tokyo, il-Ġappun) (rappreżentanti: J. MacLennan, Solicitor, A. Schulz and J. Borum, avukati )

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007 - Każ COMP/F/38.899 - Apparat ta' distribuzzjoni ta' elettriku Iżolat bil-Gass; jew

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni safejn hija tikkonċerna lill-Toshiba ; jew

temenda l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni billi tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq Toshiba ; u

tordna l-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti, inklużi l-ispejjeż sostnuti f'konnessjoni mal-garanzija bankarja..

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ressqet rikors għal annullament, taħt l-Artikolu 230 KE kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007 (Każ COMP/F/38.899 - Apparat ta' distribuzzjoni ta' elettriku Iżolat bil-Gass - C(2006) 6762 finali), li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni sabet li r-rikorrenti, fost impriżi oħra, kisret l-Artikolu 81(1) KE u mill-1 ta' Jannar 1994 anki l-Artikolu 53 ŻEE fis-settur ta' apparat ta' distribuzzjoni ta elettriku iżolat bil-gass (iktar 'il quddiem "GIS"), permezz ta' sett ta' akkordji u prattiċi miftiehma li jikkonsistu fi (a) tqassim tas-suq, (b) l-allokazzjoni ta' kwoti u ż-żamma ta' l-ishma rispettivi tas-suq, (c) l-allokazzjoni ta' proġetti GIS individwali (manipulazzjoni fl-offerti "bid-rigging") lil produtturi speċifiċi u l-manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti għal dawk il-proġetti, (d) l-iffissar tal-prezzijiet, (e) ftehimiet sabiex jingħata tmiem għal kuntratti ta' liċenzja ma' dawk li mhumiex membri fil-kartell u (f) skambju ta' informazzjoni sensittiva dwar is-suq. Sussidjarjament, ir-rikorrent titlob għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multi imposti.

Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tidher li bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuq tliet akkordji li huma bbażati fuq l-eżistenza ta' kartell mondjali. Anki kieku dan kien il-każ, ir-rikorrenti tissottometti li l-Kummissjoni m'għandha ebda ġurisdizzjoni fuq imġieba li tista' tirrestrinġi l-kompetizzjoni barra miż-ŻEE.

Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni ma tatx prova skond il-liġi li r-rikorrenti ħadet sehem f'xi akkordju jew prattika miftehma sabiex ma tbiegħx fl-Ewropa, jew li distributuri Ewropej tal-GIS ikkumpensaw il-kumpanniji Ġappuniżi talli ma daħlux fl-Ewropa permezz ta' "illowdjar" ta' proġetti Ewropej fil-kwota Ewropea tal-"GQ1". Ir-rikorrenti tissottometti wkoll li l-Kummissjoni bbażat ruħha għal skopijiet ta' korroborazzjoni fuq provi indiretti, vagi, mhux sostanzjati li jikkonsistu prinċipalment fuq dikjarazzjonijiet orali magħmula mill-applikant għall-klemenza u, barra minn hekk, injorat allegatament provi li ġew ipprovduti biex jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet inkriminanti.

Barra minn dan, filwaqt li r-rikorrenti ma tiċħadx li hija ħadet sehem fl-"akkordju GQ" hija tikkontendi li l-ftehim in kwistjoni kien ftehim mondjali li ma jkoprix l-Ewropa u li l-Kummissjoni ma kellhiex ġurisdizzjoni fuqhu. Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni, billi ppruvat iġġib ir-rikorrenti taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, ittrasferiet l-attenzjoni tagħha fuq l-evalwazzjoni legali tagħha interament fuq jekk kienx hemm "qbil komuni" (li l-Ġappuniżi ma jippruvawx jidħlu s-suq Ewropej u li bl-istess mod l-impriżi Ewropej ma jippruvawx jikkompetu fil-Ġappun) u jekk ċerti proġetti Ewropej kienux sistematikament irrappurtati lill-kumpanniji Ġappuniżi jew "illowdjati" fil-"GQ" Ewropew bħala parti minn dan il-"qbil komuni". Għaldaqstant, huwa allegat li l-Kummissjoni ma tatx prova li r-rikorrenti għandha tiġi meqjusa responsabbli għas-serje ta' ksur fuq livell Ewropew u allegatament wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni.

Huwa sottomess ukoll li d-deċiżjoni kkontestata hi vvizzjata b'irregolaritajiet proċedurali. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew kompromessi meta l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi ir-raġunijiet adegwati, naqset milli tagħti aċċess għall-provi u d-distorsjoni tal-provi.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tissottometti li l-fatt li l-Kummissjoni ma pproċedietx għal tqassim b'mod adegwat tar-responsabbiltà bejn il-kumpanniji Ewropej u Ġappuniżi vvizzja l-metodu użat għall-evalwazzjoni tal-multi għall-individwi kkonċernati bid-deċiżjoni. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għamlitx evalwazzjoni tajba tal-gravità jew tat-tul tal-ksur u għaldaqstant, iddiskriminat inġustament kontra ir-rikorrenti.

____________

1 - "G" tirreferi għal "gear" u "Q" għal "quota".