Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' April 2007 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-116/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franciż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franciża (rappreżentanti: G. de Bergues u S. Ramet, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 1997, adottata fuq il-proposta tal-Kummissjoni u skond il-proċedura prevista mid-Direttiva 92/81/KEE1, il-Kunsill awtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikompli japplikaw fuq ċerti żjut minerali użati għal finijiet speċifiċi, tnaqqis fis-sisa jew l-eżenzjoni tas-sisa eżistenti. Permezz ta' erba' deċiżjonijiet suċċessivi, il-Kunsill estenda din l-awtorizzazzjoni, fejn l-aħħar perijodu ta' awtorizzazzjoni skada fil-31 ta' Diċembru 2006. Franza ġiet awtorizzata sabiex tapplika dan it-tnaqqis jew eżenzjoni fuq iż-żejt tal-karburanti tqil użat bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta' l-aluminju fir-reġjun ta' Gardanne.

B'ittra tat-30 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni nnotifikat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE fir-rigward ta' l-eżenzjoni tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta' l-aluminju fir-reġjun ta' Gardanne2. Wara din il-proċedura, il-Kummissjoni adottata fis-7 ta' Diċembru 2005 id-Deċiżjoni 2006/323/KE fejn ikkunsidrat li l-eżenzjoni tas-sisa fuq iż-żejt tal-karburanti tqil użat bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta' l-aluminju fir-reġjun ta' Gardanne, fir-reġjun ta' Shannon u fis-Sardenja, implimentati rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja, jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE li huma parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u għaldaqstant ordnat lill-Istati Membri interessati sabiex jipproċedu għall-irkupru ta' l-imsemmija għajnuna3. B'rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2006, Franza talbet l-annullament parzjali ta' din id-deċiżjoni safejn tirrigwarda l-eżenzjoni mogħtija lil Franza għar-reġjun ta' Gardanne4.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-proċedura formali ta' stħarriġ fir-rigward ta' l-eżenzjoni tas-sisa fuq iż-żejt tal-karburanti tqil użat bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta' l-aluminju għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2004. Wara li intimat lill-Istati terzi u lill-interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet relattivi tagħhom, hija adottat id-deċiżjoni C(2007) 286 finali, tas-7 ta' Frar 2007, fir-rigward ta' l-eżenzjoni tas-sisa fuq iż-żejt tal-karburanti tqil użat bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta' l-aluminju fir-reġjun ta' Gardanne, fir-reġjun ta' Shannon u fis-Sardenja, implimentati rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja (Għajnuniet mogħtija mill-Istat Nru C 78-79-80/2001). Din hija d-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikors preżenti.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi fejn l-ewwel huwa bbażat fuq il-ksur tal-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. Hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet zball ta' dritt billi kkonkludiet l-eżistenza ta' għajnuna mogħtija mill-Istat peress li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi kkwalifikata bħala l-għajnuna kif stabbiliti mill-ġurisprudenza Altmark5 mhumiex sodisfatti. Barra minn hekk hija ssotni li d-deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' l-eżenzjonijiet sal-31 ta' Diċembru 2006, ġew adottati mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, li kellha, skond ir-rikorrenti, tassigura ruħha, qabel ma tagħmel tali proposta, li l-awtorizzazzjoni ma kinitx timplika distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni me setgħetx, minn naħa, tipproponi lill-Kunsill sabiex jadotta deċiżjoni li tawtorizza eżenzjoni tas-sisa u li ma topponix għall-estensjoni tagħha sal-31 ra' Diċembru 2006 u, min-naħa l-oħra, tikkonstata li din l-istess eżenzjoni tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat li mhijiex kompatibbli mas-suq komuni mill-1 ta' Jannar 2004.

It-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti huwa bbażati fuq nuqqas ta' motivazzjoni safejn id-deċiżjoni kkontestata ma tqajjem ebda argument fir-rigward tas-suq ikkunsidrat jew fuq il-pożizzjoni ta' l-impriżi differenti fuq dan is-suq għal dak li jirrigwarda n-natura tad-dannu għall-kompetizzjoni jew l-effetti ta' l-iskambji in kwistjoni.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 fuq l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali

2 - Ippubblikata ĠU C 30 tat-2 ta' Frar 2002.

3 - Deċiżjoni C[2005] 4436 finali, għajnuniet mogħtija mill-Istat Nru C 78-79-80/2001, ĠU 2006 L 119, p. 12

4 - Kawża T-56/06, Franza vs Il-Kummissjoni, Kommunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ppubblikat fit-22 ta' April 2006, C 96, p. 21

5 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Lilju 2004, Altmark Trans, C-280/00, Ġabra p. I-7747