Language of document : ECLI:EU:T:2009:196

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja figurattiva LAST MINUTE TOUR – Trade mark nazzjonali preċedenti mhux reġistrata LASTMINUTE.COM – Raġuni relattiva għal rifjut – Riferiment għad-dritt nazzjonali li jirregola t-trade mark preċedenti – Sistema tal-azzjoni taħt il-common law kontra l-abbuż tad-denominazzjoni (action for passing off) – Artikolu 8(4) u Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru, rispettivament, l-Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawżi magħquda T‑114/07 u T‑115/07,

Last Minute Network Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn P. Brownlow, solicitor, u S. Malynicz, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis u A. Folliard‑Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Last Minute Tour SpA, stabbilita f’Milan (l-Italja), irrappreżentata minn D. Caneva u G. Locurto, avukati,

li għandha bħala suġġett żewġ rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tat-8 ta’ Frar 2007 (Każ R 256/2006‑2 u Każ R 291/2006‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Last Minute Network Ltd u Last Minute Tour SpA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President tal-Awla, D. Šváby u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ April 2007,

wara li rat ir-risposti tal-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 u fit-23 ta’ Lulju 2007,

wara li rat ir-risposti tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Lulju 2007,

wara li rat id-digriet li l-Kawżi T‑114/07 u T‑115/07 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, tal-14 ta’ Ottubru 2008,

wara s-seduta tal-5 ta’ Novembru 2008, li għaliha ma attendietx l-intervenjenti,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Proċedura ta’ reġistrazzjoni tas-sinjal LASTMINUTE.COM bħala trade mark Komunitarja

1        Fil-25 ta’ Frar 2000, il-kumpannija Last Minute Network Ltd (iktar ’il quddiem “LMN” jew ir-“rikorrenti”) ippreżenat fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)] applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għas-sinjal verbali LASTMINUTE.COM.

2        Is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal jaqgħu fil-klassijiet 39 u 42, skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-registrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Gunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 39 : “Aġenziji tal-ivvjaġġar; ibbukkjar ta’ vjaġġi; informazzjoni, pariri u konsultazzjoni relatata”;

–        klassi 42 : “Aġenziji tal-ivvjaġġar; ibbukkjar ta’ restorant; provvista ta’ faċilitajiet u ta’ tagħmir għall-kummerċ elettroniku u mhux elettroniku; disinn ta’ tagħmir ta’ riċerka ta’ dokumenti fuq l-internet u ta’ bażijiet ta’ data online, inklużi sistemi ta’ netwerks relatati; organizzazzjoni ta’ ħarġiet u ta’ laqgħat; akkumpanjar ta’ persuni; informazzjoni bl-Internet, bażijiet ta’ data jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni elettronika relatati; manteniment ta’ domains; informazzjoni, pariri u konsultazzjoni relatata.”

3        Din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet irrifjutata b’deċiżjoni tal-eżaminatur tad-29 ta’ Ottubru 2001, peress li s-sinjal verbali LASTMINUTE.COM ma kienx ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009).

4        LMN ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem l-UASI, permezz ta’ rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2001.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2003, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan ir-rikors għas-servizzi msemmija li jaqgħu fil-klassi 39 u s-servizzi ta’ “aġenziji tal-ivvjaġġar u ta’ bbukkjar ta’ restorant” li jaqgħu fil-klassi 42, minħabba nuqqas ta’ karattru distintiv ta’ LASTMINUTE.COM fir-rigward ta’ dawn is-servizzi.

6        Skont il-Bord tal-Appell, kull kumpannija li tispeċjalizza fl-ibbukkjar tal-vjaġġi, ta’ divertiment jew ikliet “tal-aħħar minuta” għandha interess li tuża l-espressjoni “last minute” sabiex tiddeskrivi s-servizzi tagħha. Espressjoni li b’mod ċar taqa’ fid-dominju pubbliku u li għandha tkun disponibbli għall-operaturi kollha, bħala prinċipju, mhijiex adattata sabiex tiddistingwi s-servizzi ta’ impriża partikolari.

7        Iż-żieda tal-estensjoni “.com” ma’ “lastminute” u t-themiż taż-żewġ termini mingħajr spazju jew sing, li huwa frekwenti fil-lingwa Ingliża, ma jagħtu ebda karattru distintiv. L-estensjoni “.com” li hija sempliċi referenza għal indirizz internet, ma tittrasformax terminu mhux distintiv fi trade mark.

 Proċedura ta’ reġistrazzjoni tas-sinjal LAST MINUTE TOUR bħala trade mark Komunitarja

8        Fil-11 ta’ Marzu 2000, il-kumpannija Last Minute Tour SpA (iktar ’il quddiem “LMT”) ippreżentat fl-UASI, skont ir-Regolament Nru 40/94, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li tirrigwarda s-sinjal figurattiv segwenti, kompost minn tliet elementi verbali “last”, “minute” u “tour” suwed, u minn riproduzzjoni bl-aħmar ta’ simbolu li huwa preżunt li jfisser vjaġġi bil-lingwa rapanui antika:

Image not found

9        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal jaqgħu rispettivament, minn naħa, fil-klassi 16, u min-naħa l-oħra fil-klassijiet 39 u 42, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 16: “Karti; kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; katalgi; skedi stampati; opuskoli; kotba; gazzetti; magazins (perjodiċi); materjal għall-legatura tal-kotba; ritratti; tikketti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali tal-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); karti tal-logħob; tipa tal-printer; inċiżjonijiet tal-istampar”;

–        klassi 39: “Aġenziji tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu; ibbukkjar ta’ vjaġġi; organizzazzjoni tal-ivvjaġġar; organizzazzjoni tal-kroċjeri u tal-ġiti; trasport u akkumpanjar tal-vjaġġaturi; trasporti ajronawtiċi; kiri ta’ mezzi tat-trasport; informazzjoni fil-qasam tat-trasport”;

–        klassi 42 : “Servizzi ta’ lukanda, ta’ restorant, ta’ guest house, ta’ villaġġi turistiċi, ta’ barijiet, ta’ klabbs privati; servizzi konnessi mal-ibbukkjar ta’ lukandi u tal-villaġġi turistiċi; disinn (ikkrear) ta’ softwer; kiri ta’ softwer”.

10      L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippublikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 25/2001, tad-19 ta’ Marzu 2001.

11      Fid-19 ta’Ġunju 2001, LMN ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal ippreżentat minn LMT billi invokat l-eżistenza fir-Renju Unit tat-trade mark verbali mhux reġistrata LASTMINUTE.COM, li hija kienet użat fin-negozju, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009), mill-1998 ’il quddiem.

12      L-oppożizzjoni ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, peress li LMN ma kinitx forniet fit-terminu impost il-provi tal-użu tad-dritt preċedenti li hija kienet invokat insostenn tal-oppożizzjoni tagħha.

13      It-trade mark Komunitarja LAST MINUTE TOUR ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Mejju 2003 taħt in-Nru 1 552 231.

 Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark LAST MINUTE TOUR imrerssqa minn LMN

14      Fit-30 ta’ Mejju 2003, LMN ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja LAST MINUTE TOUR fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 52(1)(ċ) flimkien tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009).

15      Insostenn tat-talba tagħha, LMN sostniet li t-trade mark nazzjonali preċedenti mhux reġistrata tagħha LASTMINUTE.COM kienet tagħtiha, taħt id-dritt tar-Renju Unit, applikabbli minħabba r-referenza għal din il-leġiżlazzjoni mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-dritt li tipprekludi l-użu ta’ trade mark aktar reċenti u, b’hekk, li tikseb l-annullament tagħha, taħt l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, għas-servizzi tal-klassijiet 39 u 42 konnessi mal-vakanzi, it-titjiriet, l-akkomodazzjoni, week-end breaks fl-ibliet, divertiment, il-ħarġiet, il-kiri, ix-xiri, is-servizzi l-oħra ta’ vjaġġi u tal-ħin liberu online kif ukoll il-pubbliċità u l-promozzjonijiet ta’ materjali oħra assoċjati.

16      It-talba kellha bħala għan l-annullament tat-trade mark Komunitarja għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minnha, bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta’ disinn u ta’ kiri ta’ softwer.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2005, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba ta’ LMN għall-annullament tat-trade mark Komunitarja LAST MINUTE TOUR għas-servizzi kollha inkwistjoni tal-klassijiet 39 u 42, iżda ċaħdet din it-talba għall-prodotti inkwistjoni tal-klassi 16.

18      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddeċidiet li, b’mod konformi mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, LMN kienet proprjetarja, qabel ma saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, ta’ dritt fuq is-sinjal LASTMINUTE.COM, għal servizzi tal-klassijiet 39 u 42, li l-portata tiegħu ma kienx biss lokali.

19      Skont id-dritt tar-Renju Unit, li japplika fil-każ tiegħu, dan is-sinjal allegatament ta lil LMN id-dritt li tipprekludi l-użu ta’ trade mark aktar reċenti, peress li kienu sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet meħtieġa għall-azzjoni taħt il-common law kontra l-abbuż tad-denominazzjoni (action for passing off), jiġifieri r-reputazzjoni tal-oġġetti tar-rikorrenti (goodwill), preżentazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li tista’ tqarraq fis-sens li l-fatt li huma ppreżentati taħt it-trade mark Komunitarja LAST MINUTE TOUR setgħet twassal lill-pubbliku rilevanti li jattribwixxi l-oriġini kummerċjali lil LMN (rappreżentazzjoni ħażina) kif ukoll dannu kummerċjali li tista’ ssofri LMN.

20      F’dan ir-rigward, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni l-ewwel nett sostniet li LASTMINUTE.COM kienet kisbet fir-Renju Unit, sa mill-1998, reputazzjoni kkonfermata mill-baġit promozzjonali tal-kumpannija, mill-investimenti pubbliċitarji kbar tagħha, mill-artikli varji fl-istampa dwar is-sit Internet “lastminute.com” u mis-suċċess tal-introduzzjoni tal-kumpannija fil-Borża. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddeduċiet minn dawn l-elementi li LMN kienet kisbet mal-pubbliku kkonċernat tar-Renju Unit reputazzjoni kunsiderevoli assoċjat mas-sinjal tagħha.

21      Sabiex tistabbilixxi li l-preżentazzjoni ta’ oġġetti u ta’ servizzi taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR tista’ tqarraq, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li huwa suffiċjenti li jintwera li l-pubbliku kkonċernat seta’ jikkunsidra li huma kienu joriġinaw minn LMN, minħabba x-xebh bejn iż-żewġ trade marks, u għalhekk kellha tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni eżistenti bejniethom.

22      Wara li kkonstatat l-identiċità tas-servizzi tal-klassijiet 39 u 42 koperti miż-żewġ trade marks, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li, għalkem irrappreżentata b’mod differenti għal kull waħda minnhom, l-espressjoni “lastminute” hija l-element dominanti komuni tagħhom. Hija ddeduċiet minn dan l-eżistenza ta’ xebh viżiv kunsiderevoli u ta’ xi differenzi.

23      Fuq il-livell fonetiku, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li ż-żewġ sinjali, identiċi fil-parti inizjali tagħhom, huma differenti biss fil-parti tal-aħħar tagħhom.

24      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat l-identiċità kunċettwali taż-żewġ trade marks, peress li dawn kienu jirreferu għall-kunċett ta’ tranżazzjoni “tal-aħħar minuta”, użat ħafna fuq l-Internet sabiex jidentifika l-offerti bi prezz imraħħas ta’ titjiriet, ta’ alloġġ f’lukanda, ta’ servizzi ta’ restoranti u ta’ postijiet li jipprovdu spettakli.

25      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat l-eżistenza tax-xebh kunsiderevoli bejn iż-żewġ trade marks, minkejja xi elementi ta’ distinzjoni. Minn dan hija ddeduċiet il-preżenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

26      Fl-aħħar nett, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li, minħabba dan il-fatt, LMN setgħet tbati dannu kummerċjali.

27      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni b’hekk annullat it-trade mark Komunitarja LAST MINUTE TOUR għas-servizzi kollha tal-klassijiet 39 u 42, iżda ċaħdet it-talba ta’ LMN għall-annullament ta’ din it-trade mark għall-prodotti tal-klassi 16, fin-nuqqas ta’ provi ta’ użu preċedenti tas-sinjal LASTMINUTE.COM fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

28      Permezz ta’ appell ippreżentat quddiem l-UASI fil-15 ta’ Frar 2006 u rreġistrat taħt ir-referenza R 256/2006‑2, LMT talbet l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni peress li hija kienet iddikjarat nulla t-trade mark Komunitarja tagħha LAST MINUTE TOUR għas-servizzi inkwistjoni tal-klassijiet 39 u 42.

29      Permezz ta’ appell ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2006 u rreġistrat taħt ir-referenza R 291/2006‑2, minn naħa tagħha, LMN talbet l-annullament tad-deċiżjsoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni peress li hija kienet ċaħdet it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja għall-prodotti tal-klassi 16.

30      Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, minn naħa, laqa’ t-talba ta’ LMT, annulla d-deċiżjoni ta’ annullament tar-reġistrazzjoni ta’ LAST MINUTE TOUR għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 39 u 42 u, min-naħa l-oħra, billi ċaħad ir-rikors ta’ LMN, ikkonferma ċ-ċaħda mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 16.

31      Fiż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fid-dawl tan-natura tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati u tal-kwalità ta’ trade mark tar-Renju Unit mhux reġistrata tas-sinjal preċedenti, il-pubbliku li fir-rigward tiegħu kellha ssir 1-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni kien kompost minn konsumaturi medji ta’ dawn il-prodotti u servizzi residenti fir-Renju Unit, normalment infurmati u raġonevolment attenti u avżati.

32      Il-Bord tal-Appell imbagħad sostna li l-espressjoni “last minute” kienet magħmula minn żewġ kelmiet Ingliżi komuni u immedjatament mifhuma mill-pubbliku ta’ referenza. Applikata għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni, din l-espressjoni tindika b’mod ċar u immedjatament li huma offerti b’kundizzjonijiet vantaġġużi minħabba li jinxtraw fl-aħħar minuta.

33      Skont il-Bord tal-Appell, l-espressjoni “last minute” b’hekk hija deskrittiva u nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni u skont l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c), tar-Regolament Nru 207/2009), tista’ tiġi rreġistrata biss jekk magħha jkun hemm elementi figurattivi jew verbali oħra kapaċi li għall-inqas jagħtuha karattru ftit distintiv.

34      Hija qalet ukoll li l-assoċjazzjoni tat-tliet elementi verbali “last” “minute” u “tour” u tal-element grafiku tagħha kienet mingħajr dubju ppermettiet lit-trade mark Komunitarja li ma tiġix affaċċjata bir-raġunijiet assoluti għal rifjut definiti miż-żewġ dispożizzjonijiet iċċitati, iżda li l-proprjetarju ta’ trade mark bħal din ma setax jopponi l-użu tat-termini “last minute” jew “tour” minn impriżi oħra ta’ turiżmu u ta’ vjaġġi.

35      Skont il-Bord tal-Appell, huwa importanti li jkun magħruf jekk, ikkonfrontat bl-espressjoni “last minute”, il-pubbliku tar-Renju Unit jikkunsidrax li qed issirlu offerta mill-proprjetarju tat-trade mark LASTMINUTE.COM jew li qed isirulu offerti “last minute” (tal-aħħar minuta) minn kwalunkwe impriża tat-turiżmu u tal-vjaġġi. Fi kwalunkwe każ, LMN ma wrietx li, fil-preżenza tal-espressjoni “last minute”, dan il-pubbliku jaħseb immedjatament li huwa kkonfrontat b’servizzi offruti mill-proprjetarju tat-trade mark LASTMINUTE.COM.

36      Il-Bord tal-Appell b’hekk ikkunsidra li r-reputazzjoni ta’ LMN kienet assoċjata mas-sinjal LASTMINUTE.COM, fih innifsu, bl-elementi kollha tiegħu, u mhux mal-espressjoni ġenerika “last minute”. Din ir-reputazzjoni hija rikonoxxuta esklużivament fil-kuntest u biss għall-finijiet tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni prevista mid-dritt tar-Renju Unit u ma tistax isservi sabiex tagħti monopolju lill-espressjoni “last minute”, li mhijiex distintiva fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

37      Peress li l-karattru distintiv taż-żewġ trade marks huwa limitat ħafna, il-pubbliku jikkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, jiġifieri l-abbinament tal-kliem differenti li jikkomponu ż-żewġ sinjali, it-tagħqid tagħhom f’kelma waħda, “lastminute”, u l-preżenza tal-estensjoni “.com” fis-sinjal mhux irreġistrat, kif ukoll l-element grafiku fit-trade mark Komunitarja.

38      Il-Bord tal-Appell żied li l-influwenza tal-elementi komuni taż-żewġ trade marks u tal-komponent “tour” fil-paragun tas-sinjali hija mnaqqsa ħafna, viżwalment, minħabba n-nuqqas ta’ karattru distintiv tagħhom. Min-naħa l-oħra, peress li l-estensjoni “.com” u s-simbolu grafiku aħmar huma differenti ħafna, id-differenzi grafiċi ta’ dawn iż-żewġ trade marks huma aktar notevoli mix-xebh.

39      Fuq il-livell fonetiku, il-Bord tal-Appell ikkonstata li ż-żewġ trade marks jinkludu espressjoni identika, “lastminute”, u żewġ komponenti differenti, “.com” (ippronunzjata bl-Ingliż “dot com”) u “tour”. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet relatati mal-karattru distintiv tal-elementi differenti, l-estensjoni “dot com” tippermetti li ssir distinzjoni fonetika bejn iż-żewġ trade marks.

40      Barra minn hekk, l-impatt tal-espressjoni “last minute”, li tirreferi għall-kunċett, komuni għaż-żewġ trade marks, ta’ offerti tal-aħħar minuta, jitnaqqas minħabba l-karattru deskrittiv tiegħu, b’mod li r-referenza diretta għal indirizz elettroniku kontenuta fl-estensjoni “.com” tippermetti li tiġi stabbilita differenza kunċettwali bejn iż-żewġ trade marks.

41      Fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, ikkonfrontat b’LAST MINUTE TOUR u bis-simbolu grafiku tiegħu, il-pubbliku tar-Renju Unit jaħseb li din hija impriża li toffri vjaġġi “last minute”, mingħajr ma taħseb li l-offerti tagħha qed isiru mill-proprjetarju tat-trade mark LASTMINUTE.COM. Fil-fatt, dan il-pubbliku jagħti attenzjoni lill-elementi distintivi ta’ kull sinjal sabiex jiddistingwi bejn il-fornituri l-oħra kollha ta’ servizzi simili li jużaw ukoll l-espressjoni “last minute” fl-offerti tagħhom ta’ servizzi.

42      Minn dawn l-elementi, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, minkejja x-xebh bejn l-elementi anqas distintivi, iż-żewġ trade marks, b’mod ġenerali, ma jixxibhux b’mod suffiċjenti sabiex tiġi kkawżata probabbiltà ta’ konfużjoni, kemm fir-rigward ta’ prodotti komplementari tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll fir-rigward ta’ servizzi identiċi.

 It-talbiet tal-partijiet

43      LMN titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannula d-deċiżjonijiet ikkontestati mogħtija fil-Każ R 256/2006‑2 (Kawża T‑114/07) u fil-Każ R 291/2006‑2 (Kawża T‑115/07);

–        tiddikjara invalida t-trade mark Komunitarja LAST MINUTE TOUR għall-prodotti u s-servizzi koperti u li jaqgħu, rispettivament, fil-klassi 16 (Kawża T‑115/07), minn naħa, u fil-klassijiet 39 u 42 (Kawża T‑114/07), min-naħa l-oħra;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

44      L-UASI u LMT jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi fl-intier tagħhom;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

45      Skont l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata invalida, wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni lill-UASI, meta jeżisti dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu jkunu sodisfatti.

46      Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fin-negozju li l-effett tiegħu mhuwiex biss lokali jista’ jikseb l-annullament ta’ trade mark Komunitarja aktar riċenti, meta u sa fejn, skont id-dritt tal-Istat Membru applikabbli, minn naħa, id-drittijiet fuq dan is-sinjal inkisbu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprekludi l-użu ta’ trade mark aktar reċenti.

47      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell għandu l-obbligu jikkunsidra kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli abbażi tar-riferiment li tagħmel din id-dispożizzjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, il-persuna li tagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha turi li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li jippermetti li jiġi prekluż l-użu ta’ trade mark aktar reċenti [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDWEISER), T‑53/04 sa T‑56/04, T‑58/04 u T‑59/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74].

48      Fil-każ preżenti, ma ġiex ikkontestat li l-liġi tal-Istat Membru applikabbli għat-trade mark nazzjonali mhux reġistrata hija t-Trade Marks Act, 1994 (liġi tar-Renju Unit fuq it-trade marks), li l-Artikolu 5(4) tagħha jipprovdi:

“Trade mark ma tistax tiġi rreġistrata jekk, jew sa fejn, l-użu tagħha fir-Renju Unit jista’ jiġi pprojbit:

a)      minħabba kwalunkwe regola tad-dritt [b’mod partikolari taħt id-dritt li jirrigwarda l-abbuż tad-denominazzjoni (law of passing off)] li tipproteġi trade mark mhux reġistrata jew kull sinjal ieħor użat fin-negozju […]”

49      Minn dan it-test jirriżulta li, hekk kif interpretat mill-qrati nazzjonali [Reckitt & Coleman Products Ltd v Borden Inc. & Ors (1990) R.P.C. 341 HL], sabiex fil-każ preżenti jinkiseb l-annullament tat-trade mark Komunitarja LAST MINUTE TOUR għall-finijiet tal-protezzjoni tat-trade mark nazzjonali mhux reġistrata tagħha LASTMINUTE.COM, ir-rikorrenti għandha tistabilixxi, b’mod konformi mas-sistema legali tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni prevista mid-dritt tar-Renju Unit, li t-tliet kundizzjonijiet segwenti huma sodisfatti.

50      Fl-ewwel lok, is-servizzi offruti minn LMN għandhom igawdu, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, minn reputazzjoni assoċjata mal-preżentazzjoni tagħhom. Fis-sistema tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, din ir-reputazzjoni għandha tintwera fid-data meta l-konvenut fl-azzjoni beda joffri l-prodotti jew servizzi tiegħu [Cadbury Schweppes vs Pub Squash (1981) R.P.C. 429].

51      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jimponi madankollu li wieħed jeżamina s-sitwazzjoni mhux f’din id-data, iżda f’dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, peress li jeżiġi minn min jagħmel it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark li huwa jkun kiseb drittijiet fuq it-trade mark nazzjonali mhux reġistrata tiegħu qabel id-data ta’ din il-preżentata, jiġifieri, fil-każ preżenti, il-11 ta’ Marzu 2000.

52      Fit-tieni lok, l-offerta fir-Renju Unit, taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR, ta’ servizzi identiċi għal dawk ta’ LMN u ta’ prodotti kumplementari kienet tikkostitwixxi, fil-11 ta’ Marzu 2000, preżentazzjoni li tista’ tqarraq, jiġifieri li tista’ twassal lill-pubbliku rilevanti biex jattribwixxi lil LMN l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti u servizzi u l-karattru intenzjonali ta’ tali preżentazzjoni huwa irrilevanti.

53      Fit-tielet lok, minħabba dan il-fatt, LMN qiegħda fil-periklu li tbati dannu kummerċjali.

54      Fil-każ preżenti, mhijiex ikkontestata l-identiċità tas-servizzi koperti rispettivament mit-trade marks inkwistjoni. Barra minn hekk, hekk kif sostna l-Bord tal-Appell, il-prodotti inkwistjoni li jaqgħu fil-klassi 16 huma kumplementari għas-servizzi msemmija. Dan l-element b’hekk għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa tal-preżentazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni li LMT wettqet fir-Renju Unit taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

55      Mill-punt 31 tad-Deċiżjoni R 256/2006‑2 u mill-punt 32 tad-Deċiżjoni R 291/2006‑2 jirriżulta li t-trade mark nazzjonali mhux reġistrata LASTMINUTE.COM, fiha nnfisha kienet tgawdi minn reputazzjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Din iċ-ċirkustanza ma ġietx ikkontestata mill-UASI li fis-seduta ammetta li LASTMINUTE.COM kienet kisbet reputazzjoni kbira fir-Renju Unit.

56      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Dan il-motiv jista’ jinqasam fi tliet ilmenti li jirrigwardaw rispettivament, id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, ir-reputazzjoni awtonoma li kienet tgawdi minnha l-espressjoni “last minute” fil-ġurnata tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u, fl-aħħar nett, in-natura qarrieqa li seta’ jkollha f’din id-data, offerta ta’ servizzi identiċi għal dawk ta’ LMN u ta’ prodotti kumplementari li saret fir-Renju Unit taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR.

 Fuq l-ewwel ilment, li jirrigwarda d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti

 L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ikklassifika bħala pubbliku rilevanti lill-konsumatur medju tar-Renju Unit normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, minflok stabbilixxa, jekk, fid-dawl tar-reputazzjoni tagħha, il-klijenti tagħha, ikkonfrontati bis-sinjal LAST MINUTE TOUR fir-Renju Unit fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi koperti minn dan is-sinjal, kinux jiġu svijati, fil-perijodu ta’ referenza, sabiex jaħsbu b’mod żbaljat li kien hemm rabta bejn ir-rikorrenti u dawn l-oġġetti u servizzi.

58      L-UASI, sostnut mil-LMT, jirrispondi li l-oġġetti u servizzi inkwistjoni mhumiex intiżi għal tip partikolari ta’ konsumatur, iżda lill-pubbliku ġenerali. Fil-prattika, b’hekk ma jagħmilx differenza li wieħed jikklassifika grupp wieħed jew ieħor bħala l-pubbliku rilevanti u barra minn hekk ikun impossibbli li ssir distinzjoni bejniethom.

59      Fi kwalunkwe każ, meta kien qed jikkunsidra r-reputazzjoni tas-sinjal nazzjonali preċedenti, il-Bord tal-Appell kien, fir-realtà, ibbaża l-paragun taż-żewġ trade marks inkwistjoni fuq l-ipoteżi li l-pubbliku kkonċernat kien jaf diġà, fil-parti l-kbira tiegħu, bit-trade mark nazzjonali preċedenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Mill-ġurisprudenza tal-qrati tar-Renju Unit jirriżulta li n-natura qarrieqa tal-preżentazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tal-konvenut f’azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni għandha tiġi evalwata b’referenza għall-klijenti tar-rikorrenti fl-azzjoni u mhux tal-kunċett astratt tal-konsumatur medju kkunsidrat mill-Bord tal-Appell (Reckitt & Coleman Products Ltd v Borden Inc. & Ors, iċċitata iktar ’il fuq).

61      Fil-fatt, il-proprjetà protetta mill-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni ma tirrigwardax kelma jew isem li l-użu tiegħu minn terzi huwa limitat, iżda l-klijentela stess li tiġi ppreġudikata mill-użu kontenzjuż [per Lord Parker in Burberry vs Cording (1909) 26 R.P.C.693], peress li r-reputazzjoni ta’ trade mark hija l-forza li tiġbed il-klijentela u l-kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn impriża stabbilita u impriża ġdida [IRC v Muller & Co’s Margarine (1901) A.C. 217].

62      Fil-każ preżenti, il-Bord tal-Appell b’hekk injora d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti mogħtija mill-qrati tar-Renju Unit, billi kkunsidra li dan il-pubbliku kien kompost mill-utent medju tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni residenti fir-Renju Unit, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, filwaqt li kien opportun li ssir referenza għall-klijenti tal-proprjetarju tat-trade mark nazzjonali mhux reġistrata.

63      L-UASI ma jistax isostni li, peress li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni ma jkoprux tip partikolari ta’ konsumatur, iżda pjuttost il-pubbliku ġenerali, fil-prattika mhemm l-ebda raġuni sabiex issir distinzjoni bejn gruppi varji sabiex jiġi identifikat il-pubbliku rilevanti.

64      Fil-fatt mhuwiex irrilevanti li l-pubbliku rilevanti jiġi definit billi jiġi kkunsidrat il-konsumatur medju tar-Renju Unit, hekk kif iddeċieda l-Bord tal-Appell u kif ipprovdut taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009), jew għall-kuntrarju li dan il-pubbliku jiġi limitat, għall-finijiet tal-eżami tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, biss għall-klijenti ta’ impriża li, bħal LMN, hija effettivament preżenti fis-suq.

65      Ir-riskju li jiffaċċja konsumatur li jiġi mqarraq minn trade mark li fil-konfront tagħha jingħad li tista’ twasslu biex jaħseb li l-prodotti u s-servizzi koperti joriġinaw minn impriża proprjetarja ta’ trade mark preċedenti mhux reġistrata mhuwiex neċessarjament l-istess meta dan il-konsumatur huwa diġà klijent ta’ din l-impriża.

66      Minbarra dan, ma jistax jiġi allegat li, peress li kkunsidra r-reputazzjoni ta’ LASTMINUTE.COM, il-Bord tal-Appell ibbaża l-paragun taż-żewġ sinjali fuq l-ipoteżi li parti kbira mill-pubbliku kkonċernat kin jaf diġà bis-sinjal tar-rikorrenti. Fil-fatt jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati li, għalkemm ikkonstata li kienet ġiet assoċjata reputazzjoni ma’ LASTMINUTE.COM, huwa wasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali inkwistjoni mingħajr ma bl-ebda mod ikkunsidra din ir-reputazzjoni, u llimita ruħu għal sempliċi paragun ta’ dawn iż-żewġ sinjali.

67      Minn dan isegwi li, billi ġie meqjus li l-pubbliku rilevanti huwa magħmul mill-konsumaturi medji tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni residenti fir-Renju Unit, normalment informati u raġonevolment attenti u avżati, filwaqt li, fis-sistema tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, dan il-pubbliku huwa kompost biss mill-klijenti tal-persuna li għamlet l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell injora r-riferiment li jagħmel l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għad-dritt tar-Renju Unit, applikabbli għat-trade mark nazzjonali preċedenti mhux reġistrata LASTMINUTE.COM, użata mir-rikorrenti fin-negozju fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

 Fuq it-tieni ilment, li jirrigwarda r-rifjut li tiġi rikonoxxuta reputazzjoni awtonoma favur l-espressjoni “last minute”

 L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti takkuża lill-Bord tal-Appell li għamel paragun taż-żewġ trade marks inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, minflok ma stabbilixxa jekk it-trade mark nazzjonali mhux reġistrata LASTMINUTE.COM kinitx tagħtiha, taħt l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(4)(b), tar-Regolament Nru 207/2009), id-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark Komunitarja aktar reċenti u, konsegwentement, li jinkiseb l-annullament tagħha skont l-Artikolu 52(1)(ċ) ta’ dan ir-Regolament, b’applikazzjoni tas-sistema tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni prevista mid-dritt tar-Renju Unit.

69      Għal dan il-għan, il-Bord tal-Appell kellu jeżamina r-reputazzjoni tat-trade mark LASTMINUTE.COM, ta’ “Last Minute” jew ta’ “Lastminute”, fil-perijodu kkonċernat, u jivverifika jekk klijent medju tar-rikorrenti fir-Renju Unit kienx jikkonkludi, b’mod żbaljat, li hemm rabta bejn ir-rikorrenti u LMT kieku ġie kkonfrontat bis-sinjal LAST MINUTE TOUR fir-Renju Unit fir-rigward ta’ servizzi koperti minn din tal-aħħar.

70      Ir-reputazzjoni tat-trade mark tar-rikorrent fl-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, li hija l-forza li tiġbed il-klijentela, tista’ tkun konnessa ma’ elementi ta’ dan it-trade mark li kellhom mill-bidu sens deskrittiv, jekk jista’ jintwera li huma kisbu bl-użu reputazzjoni awtonoma (secondary meaning), distinta minn dik tat-trade mark.

71      Minħabba l-pubbliċità u l-promozzjoni fuq skala kbira li rriżultaw mill-fatt li r-rikorrenti ssemmiet spiss fil-gazzetti tar-Renju Unit, l-utent medju tas-sit tagħha tal-Internet “lastminute.com” kien kapaċi, fil-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jidentifika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi tagħha, kemm jekk ġew offerti taħt it-trade mark tagħha mhux reġistrata LASTMINUTE.COM jew taħt l-ismijiet “lastminute” jew “last minute” użati mill-istampa tar-Renju Unit sabiex jindikaw lir-rikorrenti, hekk kif sostna l-Bord tal-Appell.

72      Ir-rikorrenti kienet stabbiliet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li l-espressjoni “last minute” ma kellhiex bħala għan esklużiv li tindika tip ta’ servizzi, iżda kienet isservi wkoll sabiex tidentifika s-servizzi li hija toffri.

73      Madankollu, il-Bord tal-Appell kien eskluda l-karattru distintiv tal-espressjoni “last minute” billi iżolaha mill-kuntest fattwali tagħha, minflok ma evalwa b’mod konkret l-importanza tar-reputazzjoni tar-rikorrenti.

74      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell injora d-digriet tas-17 ta’ Diċembru 1999 li permezz tiegħu l-High Court of Justice (England and Wales) [Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (L-Ingilterra u Wales)] kienet ipprojbiet provviżorjament lill-kumpanniji konvenuti fil-kawża Last Minute Network Ltd (isem tal-kumpannija “lastminute.com”) vs Lastminute.com Plc et, milli jeżerċitaw kwalunkwe attività kummerċjali billi jużaw jew jirreferu għall-ismijiet kummerċjali “lastminute.com”, “lastminute.co.uk”, “lastminute” u “last minute”, jew għal kwalunkwe terminu jew kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ termini li jixbhu, b’mod li jista’ jqarraq, lil dawn l-ismijiet.

75      Il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra b’mod żbaljat li dan id-digriet ma kienx jista’ juri li t-trade mark tar-rikorrenti tagħti lil din tal-aħħar id-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark aktar reċenti, skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, peress li l-High Court of Justice kienet ordnat biss miżura provviżorja, mingħajr ma tat deċiżjoni fuq il-mertu, u peress li l-imsemmi digriet ingħata mingħajr diskussjoni profonda.

76      Ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju, il-qorti nazzjonali kellha tipproċedi b’eżami approfondit tal-argumenti tagħha fuq il-mertu qabel ma adottat l-ordni favur tagħha.

77      L-UASI, sostnut minn LMT, jirrispondi li l-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, bħall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, u fin-nuqqas ta’ din ma tista’ teżisti la preżentazzjoni li tista’ tqarraq ta’ oġġetti u ta’ servizzi taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR u, konsegwentement, lanqas abbuż tad-denominazzjoni.

78      Il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li r-reputazzjoni tar-rikorrenti kienet konnessa biss mas-sinjal LASTMINUTE.COM, l-uniku li seta’ jkun protett mill-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, u mhux mal-espressjoni ġenerika “last minute”. Din l-espressjoni fil-fatt hija komposta minn żewġ termini Ingliżi li jinftiehmu immedjatament mill-pubbliku ta’ referenza u jindikaw b’mod ċar u dirett li s-servizzi tar-rikorrenti huma offerti b’kundizzjonijiet vantaġġużi ħafna, għaliex huma s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet tal-“aħħar minuta”.

79      Huwa stabbilit li r-rikorrenti użat is-sinjal LASTMINUTE.COM, fl-intier tiegħu, biss bħala indikatur tal-oriġini tas-servizzi tagħha u li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, hija tissejjaħ taħt l-isem “lastminute.com”.

80      It-termini “last” u “minute”, peress li mhumiex ipperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala li jindikaw l-oriġini, għall-kuntrarju jibqgħu jżommu tifsira ġenerika, indipendentement mir-reputazzjoni miksuba mill-espressjoni “lastminute.com” minħabba l-użu tagħha fin-negozju.

81      Il-pubbliku kkonċernat ma jħawwadx is-sinjali inkwistjoni. L-inklużjoni tal-kliem “last” u “minute” fiż-żewġ sinjali ma tissorprendix lill-pubbliku rilevanti u lanqas ma tqanqal, f’moħħ il-pubbliku, assoċjazzjoni li tista’ twasslu biex jattribwixxi ż-żewġ sinjali għall-istess kumpannija jew għal kumpanniji marbuta ma’ xulxin ekonomikament. Għall-kuntrarju, dan il-pubbliku jipperċepixxi hawnhekk l-użu simultanju u leġittimu miż-żewġ atturi kummerċjali, mingħajr ebda rabta bejniethom, ta’ terminu li jinforma dwar ċerta kwalità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-termini “last” u “minute” u fid-dawl tad-differenzjazzjonijiet prodotti mill-preżentazzjoni distinta tat-trade mark Komunitarja u mill-elementi addizzjonali tagħha, ma setgħetx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks u, konsegwentement lanqas offerta li tista’ tqarraq tal-oġġetti u servizzi inkwistjoni taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR.

83      Fl-aħħar nett, la l-UASI u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza mhuma marbuta bid-digriet iċċitat tal-High Court of Justice, minħabba l-awtonomija tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tistax tammonta għal preċedent validu, lanqas taħt id-dritt tar-Renju Unit, minħabba l-karattru purament provviżorju tagħha, tal-adozzjoni tagħha fl-assenza tal-konvenuti, tan-nuqqas ta’ motivazzjoni tagħha u tad-differenza fil-kuntest fattwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

84      Mill-ġurisprudenza tar-Renju Unit jirriżulta li sinjal użat sabiex jindika oġġetti jew servizzi jista’ jkun jikseb reputazzjoni fis-suq, fis-sens tad-dritt applikabli għall-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, anki jekk fil-bidu dan kellu karattru deskrittiv jew ma għandux karattru distintiv.

85      B’hekk ġie deċiż li l-espressjoni “Camel Hair” kienet fil-fatt kisbet reputazzjoni awtonoma, minħabba l-użu li l-applikant kien għamel minnha sabiex jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti tiegħu, li llum jistgħu jiġu distinti mill-oġġetti ta’ impriżi oħra, anki jekk din l-espressjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata bħala trade mark [Reddaway vs Banham (1896) 13 R.P.C. 218; ara wkoll, f’dan is-sens, Cellular Clothing Co. Ltdv. Maxton & Murray (1899) A.C. 326, 16, R.P.C. 397 HL].

86      Barra minn hekk, fis-sistema tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni prevista mid-dritt tar-Renju Unit, ir-reputazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi offruti minn impriża tista’ toriġina, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, mhux biss mir-reputazzjoni ta’ trade mark nazzjonali iżda wkoll minn dik tal-elementi kostituttivi tagħha, sakemm ikunu kisbu reputazzjoni awtonoma, distinta minn dik tat-trade mark kkunsidrata kollha kemm hi.

87      Fil-każ preżenti, il-Bord tal-Appell ikkonstata li “r-reputazzjoni [kienet] assoċjata mas-sinjal LASTMINUTE.COM fih innifsu, bl-elementi kollha tiegħu, iżda mhux mal-espressjoni ġenerika ‘last minute’”. Huwa żied jgħid li “[d]in ir-reputazzjoni [kienet] rikonoxxuta esklużivament fil-kuntest u biss għall-finijiet tal-applikazzjonu tal-liġi [tar-Renju Unit] fuq l-abbuż [tad-denominazzjoni] (passing off) u ma [setgħetx] isservi sabiex tagħti monopolju fuq l-espressjoni [‘last minute’], li [kienet] nieqsa minn distintività fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni u l-prodotti kumplementari”.

88      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata, il-Bord tal-Appell ma setax jirrifjuta li jirrikonoxxi fir-rigward tal-espressjoni “last minute” reputazzjoni awtonoma biss minħabba l-karattru ġeneriku tagħha u n-nuqqas ta’ karattru distintiv tagħha fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni u l-prodotti kumplementari.

89      B’hekk jirriżulta li l-Bord tal-Appell injora r-referenza li jagħmel l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għad-dritt tar-Renju Unit, applikabbli għat-trade mark nazzjonali preċedenti mhux reġistrata LASTMINUTE.COM użata mir-rikorrenti fin-negozju fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

 Fuq it-tielet ilment, li jirrigwarda n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tar-reputazzjoni awtonoma tal-espressjoni “last minute” għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa ta’ preżentazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR

 L-argumenti tal-partijiet

90      Ir-rikorrenti ssostni li, peress li ma vverifikax il-ħila tal-klijenti tagħha sabiex jirrikonoxxu l-espressjoni “last minute” bħala indikatur tas-servizzi tagħha, il-Bord tal-Appell naqas ukoll milli jivverifika jekk, ikkonfrontati b’offerta tal-oġġetti u tas-servizzi inkwistjoni ppreżentati fir-Renju Unit taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, dawn l-istess klijenti kinux jaslu biex jattribwixxu lir-rikorrenti l-oriġini kummerċjali ta’ dawn l-oġġetti u servizzi jew jikkunsidraw li r-rikorrenti u LMT kienu marbuta ekonomikament.

91      Għall-UASI, peress li l-pubbliku ma jipperċepixxix l-espressjoni “last minute” bħala indikatur tal-oriġini, ma tistax teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali u lanqas, b’estensjoni, preżentazzjoni qarrieqa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

92      Mill-ġurisprudenza tal-qrati tar-Renju Unit jirriżulta li l-preżentazzjoni li tista’ tqarraq, intenzjonali jew le, mill-konvenut fl-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, hija dik li tista’ twassal lill-klijenti tal-applikant sabiex jattribwixxu lil din tal-aħħar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi proposti mill-konvenut (Reckitt & Coleman Products Ltd v Borden Inc. & Ors, iċċitata iktar ’il fuq).

93      L-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni hija b’hekk kundizzjoni komuni għall-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u għas-sistema tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, espressament prevista mill-ewwel wieħed u inerenti għall-kundizzjoni tal-preżentazzjoni qarrieqa tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni imposta mit-tieni waħda.

94      Madankollu, il-Bord tal-Appell ma setax, mingħajr ma jinjora l-ħtiġijiet proprji tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni li għalihom jirreferi l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, applikabbli, fil-każ preżenti, minħabba r-referenza għalih li jagħmel l-Artikolu 52(1)(ċ), jillimita ruħu, l-ewwel sabiex jikkunsidra, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li għalih irrefera fil-punti 22 u 23 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li, minħabba karattru distintiv dgħajjef taż-żewġ sinjali inkwistjoni, il-pubbliku jikkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, jiġifieri l-abbinament tal-kliem differenti f’kull sinjal, ir-raggruppament f’kelma waħda “lastminute” u l-element “.com” fis-sinjal mhux irreġistrat u l-element grafiku tat-trade mark Komunitarja, biex imbagħad jipproċedi bil-paragun ta’ dawn is-sinjali fuq il-livelli viżiv, fonetiku u kunċettwali.

95      Fil-fatt, il-verifika tal-eżistenza ta’ preżentazzjoni qarrieqa fis-sens tad-dritt nazzjonali mhijiex limitata għall-eżami komparattiv taż-żewġ trade marks inkwistjoni, iżda testendi għall-kunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra, bħal, fil-każ preżenti, iċ-ċirkustanzi li fihom il-prodotti jew is-servizzi jkunu offerti fir-Renju Unit taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

96      Huwa veru li hemm diffikultà fl-implementazzjoni tas-sistema tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni tad-dritt tar-Renju Unit fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità stabbilita mill-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, minħabba l-obbligu previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 li s-sitwazzjoni tiġi eżaminata, hekk kif intqal fil-punt 51 iktar ’il fuq, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u mhux f’dik tal-bidu tal-offerta tal-prodotti u servizzi inkwistjoni mill-konvenut fl-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni.

97      B’hekk, l-eżami taċ-ċirkustanzi li fihom il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu offerti fir-Renju Unit taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja huwa, ipotetikament, impossibbli, peress li, f’dik id-data, LMT mhijiex ikkunsidrata li kienet diġà bdiet toffri l-prodotti u s-servizzi tagħha fir-Renju Unit taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR.

98      Madankollu, dan l-adattament tas-sistema legali applikabbli għall-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, inerenti għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja, ma jeżentax lill-Bord tal-Appell milli japplika d-dispożizzjonijiet ta’ din is-sistema li l-Artikolu 52(1)(ċ) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux jippermettu li jiġu injorati.

99      Minkejja li kkonstata l-eżistenza ta’ reputazzjoni kbira assoċjata mat-trade mark nazzjonali mhux reġistrata LASTMINUTE.COM, għalkemm innega li l-espressjoni “last minute” tgawdi minn tali reputazzjoni, għall-motiv żbaljat, fid-dawl tas-sistema legali tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, tal-karattru ġeneriku tagħha u tan-nuqqas ta’ karattru distintiv tagħha, mill-eżami komparattiv biss tagħhom, il-Bord tal-Appell iddeduċa n-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali.

100    Billi għamel dan, huwa naqas milli jistabbilixxi jekk din il-konstatazzjoni setgħetx tkun affettwata mill-eżistenza tar-reputazzjoni tat-trade mark LASTMINUTE.COM jew minn dik li setgħet tiġi attribwita lill-espressjoni “last minute”, peress li dawn ir-reputazzjonijiet setgħu jkunu tali li jżidu r-riskju għall-klijenti ta’ LMN li jaraw fl-oġġetti jew servizzi offerti fir-Renju Unit taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, oġġetti jew servizzi offerti minn LMN.

101    Minn dan isegwi li, billi llimita ruħu għal paragun formali bħal dan taż-żewġ sinjali inkwistjoni, mingħajr ma kkunsidra l-eżistenza eventwali ta’ reputazzjoni awtonoma tal-espressjoni “last minute” f’moħħ il-klijenti ta’ LMN, sabiex jeskludi, fil-punt 40 tad-deċiżjoni R 256/2006-2 u fil-punt 41 tad-deċiżjoni R 291/2006-2, li l-pubbliku tar-Renju Unit jista’ jaħseb li l-oġġetti u s-servizzi offruti mill-impriża proprjetarja tat-trade mark LAST MINUTE TOUR joriġinaw mill-impriża proprjetarja tat-trade mark nazzjonali preċedenti mhux reġistrata LASTMINUTE.COM, il-Bord tal-Appell injora r-riferiment li jagħmel l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għad-dritt tar-Renju Unit, applikabbli għal din it-trade mark, użata mir-rikorrenti fin-negozju fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

102    B’hekk il-motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, għandhom jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati.

103    Huwa f’idejn l-UASI, taħt l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009), li jerġa’ jeżamina t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja LAST MINUTE TOUR fid-dawl tal-kundizzjonijiet kollha tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, dik dwar id-dannu li jirriżulta mill-karattru eventwalment qarrieqi, f’moħħ il-klijenti ta’ LMN, ta’ offerta tal-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni li preżumibbilment isseħħ fir-Renju Unit, taħt is-sinjal LAST MINUTE TOUR, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

104    Għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

105    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

106    Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens, u tordna li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) tat-8 ta’ Frar 2007 (Każ R 256/2006‑2 u Każ R 291/2006‑2) huma annullati.

2)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap tat-talbiet ta’ Last Minute Network Ltd.

3)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk ta’ Last Minute Network.

4)      Last Minute Tour SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Šváby

Truchot

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż