Language of document : ECLI:EU:T:2009:196

Kawżi magħquda T‑114/07 u T‑115/07

Last Minute Network Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva LAST MINUTE TOUR — Trade mark nazzjonali preċedenti mhux reġistrata LASTMINUTE.COM — Raġuni relattiva għal rifjut — Riferiment għad-dritt nazzjonali li jirregola t-trade mark preċedenti — Sistema tal-azzjoni taħt il-common law kontra l-abbuż tad-denominazzjoni (action for passing off) — Artikolu 8(4) u Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru, rispettivament, l-Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(ċ) tar‑Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet ta’ nullità relattiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(4), u 52(1)(ċ))

Skont l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, it-trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata invalida, wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), meta jeżisti dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu jkunu sodisfatti.

Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fin-negozju li l-effett tiegħu mhuwiex biss lokali jista’ jikseb l-annullament ta’ trade mark Komunitarja iktar riċenti, meta u sa fejn, skont id-dritt tal-Istat Membru applikabbli, minn naħa, id-drittijiet fuq dan is-sinjal inkisbu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprekludi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli abbażi tar-riferiment magħmul minn din id-dispożizzjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, il-persuna li tagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha turi li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li jippermetti li jiġi prekluż l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

(ara l-punti 45-47)