Language of document : ECLI:EU:T:2011:69

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

3 ta’ Marzu 2011(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear insulat bil-gass – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Tul tal-ksur – Multi – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Ċirkustanzi aggravanti – Rwol ta’ mexxej – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni”

Fil-Kawżi T‑117/07 u T‑121/07,

Areva, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Areva T & D Holding SA, stabbilita f’Pariġi,

Areva T & D SA, stabbilita f’Pariġi,

Areva T & D AG, stabbilita f’Oberentfelden (l-Isvizzera),

irrappreżentati minn A. Schild u J.‑M. Cot, avukati,

Alstom, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, stabbilita f’Levallois‑Perret (Franza), inizjalment irrappreżentata minn J. Derenne, avukat, W. Broere, solicitor, A. Müller‑Rappard u C. Guirado, avukati, sussegwentement minn Derenne u Müller‑Rappard, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn X. Lewis u F. Arbault, sussegwentement minn M. Lewis, u finalment minn V. Bottka u N. Von Lingen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikorsi, b’mod prinċipali, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali tal 24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass), kif ukoll, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-fatti li wasslu għall-kawża jirriżultaw essenzjalment mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali tal 24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass), (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Sa fejn dawn il-fatti ma ġewx ikkontestati, jew, minn tal-inqas, ma ġewx validament ikkontestati mill-partijiet, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

 Il-prodott ikkonċernat

2        Is-switchgear insulat bil-gass (iktar ’il quddiem “SIG”) jintuża sabiex jiġi kkontrollat il-fluss ta’ enerġija fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa tagħmir tqil tal-elettriku, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey).

3        Is-substations huma ċentri awżiljarji tal-elettriku li jaqilbu l-kurrent elettriku. Minbarra t-transformer, l-elementi kostituttivi ta’ substations huma s-sistemi ta’ kontroll, ir-relays, il-batteriji, l-istrumenti għall-iċċarġjar u s-switchgear. Il-funzjoni tas-switchgear hija li tipproteġi t-transformer minn surcharge u/jew li jiżola ċ-ċirkwit u t-transformer difettuż.

4        Is-switchgears jistgħu jkunu insulati bil-gass, insulati bl-arja jew insulati ibridament, meta jgħaqqdu ż-żewġ tekniki preċedenti. Is-SIG jinbiegħu fid-dinja kollha bħala parti integrali minn substations tal-elettriku (turnkey) jew bħala partijiet individwali qabel ma jiġu integrati f’tali substations. Huma jirrappreżentaw madwar 30 sa 60 % tal-prezz totali ta’ dawn is-substations.

5        Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-proġetti ta’ SIG b’tensjoni elettrika li tammonta għal 72.5 kV (iktar ’il quddiem il-“proġetti ta’ SIG”), li jinkludu s-SIG bħala prodotti individwali, inklużi s-servizzi kollha relatati (trasport, installazzjoni, testijiet, iżolament, etc.), u s-substations tal-elettriku (turnkey) li jinvolvu s-SIG, li jinkludu s-SIG u l-komponenti l-oħra tas-substation, bħat-transformers u s-servizzi kollha relatati (trasport, mogħdija tal-kejbils, installazzjoni, iżolament, etc.).

 Impriżi inkwistjoni

6        Alstom (li qabel kien jisimha Alsthom), kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-bord ta’ diretturi tagħha huwa rregolat mil-liġi Franċiża, hija l-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (iktar ’il quddiem il-“grupp Alstom”). Matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, il-grupp Alstom kien attiv fil-qasam tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku (iktar ’il quddiem is-“settur tat-T & D”) u, b’mod partikolari, fil-qasam ta’ SIG.

7        L-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG fi ħdan il-grupp Alstom tmexxew, fi Franza, minn Alsthom SA (France) sal-1989, data li fiha din ingħatat l-isem ġdid ta’ GEC Alsthom SA, li kienet 100 % proprjetà ta’ GEC Alsthom NV. Fis-16 ta’ Novembru 1992, ġiet ikkostitwita Kléber Eylau SA u l-attivitajiet Franċiżi fil-qasam ta’ SIG ġew attribwiti lilha permezz ta’ ftehim li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Diċembru 1992. Kléber Eylau kienet 99.76 % proprjetà ta’ GEC Alsthom SA u 0.04 % proprjetà ta’ Étoile Kléber. F’Ġunju 1993, Kléber Eylau saret GEC Alsthom T&D SA, li, f’Ġunju 1998, saret min-naħa tagħha Alstom T & D SA. Din tal-aħħar kienet 100 % proprjetà ta’ Alstom Holdings (France), li kienet, hija stess, 100 % proprjetà ta’ Alstom.

8        Minn Jannar 1986, l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Alstom żvolġew b’mod parallel fl-Isvizzera u fi Franza, meta Sprecher Energie AG saret sussidjarja 100 % proprjetà ta’ Alsthom. F’Novembru 1993, Sprecher Energie saret GEC Alsthom T & D AG, li, f’Lulju 1997, saret GEC Alsthom AG u, f’Ġunju 1998, Alstom AG [iktar ’il quddiem “Alstom (Suisse)”]. Fit-22 ta’ Diċembru 2000, din tal-aħħar ġiet akkwistata minn Alstom Power (Schweiz) AG. L-entità l-ġdida ġiet imsemmija Alstom (Schweiz) AG. F’Novembru 2002, entità legali ġdida inħolqot fi ħdan il-grupp Alstom, li lilha ġew ittrasferiti l-attivitajiet fis-settur tat-T & D fl-Isvizzera. Inizjalment imsemmija Alstom (Schweiz) Services AG, din l-entità l-ġdida sussegwentement ingħatat l-isem ġdid ta’ Alstom T & D AG.

9        L-attivitajiet kollha tal-grupp Alstom fis-settur tat-T & D ġew ittrasferiti, fit-8 ta’ Jannar 2004, lill-grupp li tiegħu Areva, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-bord ta’ tmexxija u l-bord ta’ dixxiplina tagħha huma rregolati mil-liġi Franċiża, hija l-kumpannija parent (iktar ’il quddiem il-“grupp Areva”). Għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Areva tmexxew minn Areva T & D SA u minn Areva T & D AG, sussidjarji 100 % proprjetà ta’ Areva T & D Holding SA, li min-naħa tagħha hija 100 % proprjetà ta’ Areva (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp Areva”).

 Proċedura amministrattiva

10      Fit 3 ta’ Marzu 2004, ABB Ltd indikat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi fil-qasam tas-SIG u ressqet talba orali għal immunità minn multi, skont l-avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).

11      Il-prattiki allegati minn ABB kienu jikkonsistu f’koordinazzjoni fuq livell dinji tal-bejgħ ta’ proġetti ta’ SIG, li timplika tqassim tas-swieq, l-allokazzjoni ta’ kwoti u ż-żamma ta’ ishma rispettivi, l-allokazjoni ta’ proġetti ta’ SIG lill-produtturi indikati għal dan l-iskop u l-manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (bid rigging) bil-għan li l-kuntratti jiġu allokati lil dawn il-produtturi, l-iffissar tal-prezzijiet permezz ta’ arranġamenti kumplessi dwar il-proġetti ta’ SIG li ma ġewx allokati, it-terminazzjoni ta’ ftehim ta’ liċenzji ma’ kumpanniji li ma kinux membri tal-kartell u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

12      It-talba orali għal immunità minn multi mressqa minn ABB ġiet ikkompletata, b’mod speċifiku fis-7 ta’ Mejju 2004, permezz ta’ osservazzjonijiet orali u dokumenti probatorji. Fil 25 ta’ April 2004, il-Kummissjoni tat immunità taħt kundizzjonijiet lil ABB.

13      Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni u wettqet, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, spezzjonjiet fil-postijiet ta’ numru ta’ kumpanniji attivi fis-settur tas-SIG.

14      Bejn l-14 u l-25 ta’ Mejju 2004, il-grupp Areva kkoopera mal-Kummissjoni u pprovdielha, bis-saħħa tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, diversi dokumenti probatorji kif ukoll informazzjonijiet.

15      Fl-4 ta’ Ottubru 2004, ABB wieġbet għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

16      Fis-6 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil Alstom, li għaliha din tal-aħħar wieġbet permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Frar 2006.

17      Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li, minbarra Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva, ġiet innotifikata lil ABB, lil Fuji Electric Holdings Co., Ltd u lil Fuji Electric Systems Co., Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp Fuji”), lil Hitachi u lil Hitachi Europe Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp Hitachi”), lil Japan AE Power Systems Corp. (iktar ’il quddiem “JAEPS”), lil Mitsubishi Electric System Corp. (iktar ’il quddiem “Melco”), lil Nuova Magrini Galileo SpA, lil Schneider Electric SA (iktar ’il quddiem “Schneider”), lil Siemens AG, lil Toshiba Corp. kif ukoll lil ħames kumpanniji tal-grupp li tiegħu VA Technologie AG kienet il-kumpannija parent (iktar ’il quddiem il-“grupp VA Tech”), li jinkludi lil VA Technologie nnifisha.

18      Fil-5 ta’ Mejju 2006, Alstom setgħet tikkonsulta d-dikjarazzjonijiet orali magħmula mill-kumpanniji l-oħra involuti, skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

19      Fit-30 ta’ Ġunju 2006, Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva bagħtu lill-Kummissjoni, fit-terminu mogħti, l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’anness għat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Alstom ippreżentat numru ta’ dokumenti interni għall-grupp Alstom, li għalihom kien meħtieġ trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ kull terz minbarra l-Kummissjoni. Bl-istess mod, ABB, il-kumpanniji tal-grupp Fuji, Hitachi u JAEPS, Melco, Schneider, Siemens AG Österreich, Siemens u Toshiba wieġbu, bil-miktub, għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-termini mogħtija.

20      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Lulju 2006, il-kumpanniji tal-grupp Fuji kkooperaw mal-Kummissjoni u pprovdewlha, skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, diversi dokumenti probatorji kif ukoll informazzjonijiet.

21      Fl-14 ta’ Lulju 2006, ABB bagħtet lill-Kummissjoni “tweġiba supplementari għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”.

22      Il-Kummissjoni pproċediet għas-smigħ tal-kumpanniji li lilhom intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-18 u d-19 ta’ Lulju 2006.

23      Fil-25 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni tal-partijiet fil-kawża, għall-kummenti tagħhom, siltiet tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba tal-kumpanniji tal-grupp Fuji għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-talba skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Fuji tat-12 ta’ Lulju 2006 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), it-tweġiba supplementari ta’ ABB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dokumenti supplementari. Alstom ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn id-dokumenti fil-15 ta’ Settembru 2006, filwaqt li pprovdiet dikjarazzjoni ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, is-Sur S li kellu għarfien dirett tal-fatti kontenzjużi.

24      Fl-20 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-kumpanniji tal-grupp Areva, li għaliha dawn tal-aħħar wieġbu, fis-6 ta’ Ottubru 2006, billi pproduċew bosta dokumenti relatati mal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-attivitajiet fis-settur tat-T & D fi ħdan il-grupp Alstom bil-għan li jsir it-trasferiment minn grupp għal ieħor msemmi fil-punt 9 iktar ’il fuq.

25      Fl-14 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni kkomunikat, bl-Ingliż, lil Alstom, il-pożizzjoni tagħha fuq id-dokumenti supplementari msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq u, wara talba f’dan is-sens ta’ Alstom, tas-17 ta’ Novembru 2006, ikkomunikatilha, bil-Franċiż, din il-pożizzjoni fit-22 ta’ Novembru 2006. Fis-27 ta’ Novembru 2006, Alstom ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ din il-pożizzjoni.

26      Fl-4 ta’ Diċembru 2006, Alstom bagħtet lill-Kummissjoni ittra dwar id-determinazzjoni tal-persuni ġuridiċi kkonċernati bil-fatti kontenzjużi. Din l-ittra kienet tinkludi, b’mod partikolari, bosta dijagrammi li juru l-operazzjonijiet differenti ta’ ristrutturar tal-attivitajiet fis-settur tat-T & D fi ħdan il-grupp Alstom.

 Id-deċiżjoni kkontestata

27      Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tinsab ippubblikata fil-qosor fil-Ġurnal Uffiċjali tal-10 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 5, p. 7). Din ġiet innotifikata lil Alstom u lill-kumpanniji tal-grupp Areva fit-8 ta’ Frar 2007.

28      Minbarra lil Alstom u lill-kumpanniji tal-grupp Areva, id-deċiżjoni kkontestata kienet tindirizza lil ABB, lill-kumpanniji tal-grupp Fuji, lill-kumpanniji tal-grupp Hitachi, lil JAEPS, lil Melco, lil Nuova Magrini Galileo, lil Schneider, lil Siemens, Siemens AG Österreich, lil Siemens Transmission & Distribution Ltd (iktar ’il quddiem “Reyrolle”), lil Siemens Transmission & Distribution SA, lil Toshiba u lil VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG.

29      Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira s-sehem storiku stmat tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta “Ġappuniża” u ta’ kwota konġunta “Ewropea” li kellha mbagħad tinqasam bejn il-produtturi Ġappuniżi u l-produtturi Ewropej rispettivament. Ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“ftehim GQ”) kien jistabbilixxi regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u l-attribuzzjoni tal-valur tagħhom fuq il-kwota korrispondenti. Barra minn dan, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub (iktar ’il quddiem l-“arranġament komuni”), li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi Ewropej membri tal-akkodrju, min-naħa l-oħra, indikati konġuntment bħala l-“pajjiżi kostrutturi” tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” ma kinux suġġetti għal skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux attribwiti fuq il-kwoti rispettivi.

30      Il-ftehim GQ kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għat-tħaddim tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħa għal offerti kkonċernati u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għal proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-anness 2 tiegħu, il-ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa tal-arranġament komuni, il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew, il-produtturi Ġappuniżi kienu obbligati li ma jressqux offerti għall-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

31      Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien immexxi minn ftehim ukoll iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988, u intitolat “E Group Operation Agreement for GQ Agreement” (Ftehim tal-grupp E għall-implementazzjoni tal-ftehim GQ) (iktar ’il quddiem il-“ftehim EQ”). Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, arranġati jew kellhom jingħataw limitu ta’ prezz minimu.

32      Fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fil-ftehim GQ u fil-ftehim EQ, kif ukoll għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tal-akkordju, il-membri differenti tal-akkordju kienu identifikati permezz ta’ kodiċi, kompost minn ċifri għall-membri Ewropej u minn ittri għall-membri Ġappuniżi. Sa minn Lulju tal-2002, il-kodiċi inizjali ġew sostitwiti b’numri.

33      Fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Alstom kienet kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) billi pparteċipat f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftihema fis-settur ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004. Fl-Artikolu 1(c), (d), (e) u (f), tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat ukoll dan il-ksur doppju fir-rigward ta’ Areva u Areva T & D Holding għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, Areva T & D AG għall-perijodu mit-22 ta’ Diċembru 2003 sal-11 ta’ Mejju 2004, u Areva T & D SA għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sal-11 ta’ Mejju 2004.

34      Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta fuq Alstom, fl-Artikolu 2(b) u (c), tad-deċiżjoni kkontestata, multa individwali li tammonta għal EUR 11 475 000, kif ukoll multa ta’ EUR 53 550 000, pagabbli in solidum ma’ Areva T & D SA.

35      Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta fuq Areva T & D SA, fl-Artikolu 2(c), tad-deċiżjoni kkontestata, multa li tammonta għal EUR 53 550 000, pagabbli in solidum ma’ Alstom, u, minbarra dan l-ammont, EUR 25 500 000 pagabbli in solidum ma’ Areva, Areva T & D Holding u Areva T & D AG.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2007, il-kumpanniji tal-grupp Areva u Alstom ippreżentaw dawn ir-rikorsi, li ġew irreġistrati rispettivament taħt ir-referenzi T‑117/07 u T‑121/07.

37      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali fil-Kawżi T‑117/07 u T‑121/07.

38      Wara li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt, permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Marzu 2009, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali għaqqad il-Kawżi T‑117/07 u T‑121/07 għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, huwa ta trattament kunfidenzjali fir-rigward tad-dokumenti annessi mat-tweġiba ta’ Alstom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), iddepożitati fl-atti tal-proċess fil-Kawża T‑121/07.

39      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-24 ta’ Marzu 2009. Ir-rikorrenti kkonfermaw li l-motivi u l-ilmenti tagħhom ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE kellhom ukoll jiġu interpretati bħala li jikkonċernaw l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Il-Kummissjoni adottat pożizzjoni fis-sens li r-responsabbiltà in solidum għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni titqies li hija responsabbiltà f’partijiet indaqs meta d-dispożittiv tad-deċiżjoni li tikkonstata din ir-responsabbiltà ma tispeċifikax dan. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kkontestaw li jista’ jkun hemm tali preżunzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rwol ta’ mexxej ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha, inkluż it-tul tal-eżerċizzju ta’ dan ir-rwol ta’ mexxej u l-intensità ta’ dan l-eżerċizzju. Dawn l-osservazzjonijiet ingħataw fil-minuti tas-seduta. Fl-osservazzjonijiet finali tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva lmentaw l-iżball materjali li kien jikkonsisti f’li jiġi kkunsidrat li Areva T & D AG hija l-istess kumpannija bħal Alstom T & D, fejn l-isem tal-kumpannija biss kien tbiddel.

40      Permezz ta’ ittri ddepożitati fir-Reġistru fid-29 u t-30 ta’ April 2009, Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva rispettivament għamlu ċerti osservazzjonijiet fuq il-kontenut tal-minuti tas-seduta fir-rigward tat-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq is-sistema tar-responsabbiltà in solidum għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

41      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2009, infetħet mill-ġdid il-proċedura orali. Skont l-Artikolu 7(2) tal-istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jiddepożita fil-proċess l-ittri sottomessi fid-29 u t-30 ta’ April 2009.

42      Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ dawn l-ittri. F’dan il-kuntest, hija sostniet li, meta hija timponi multa, li għandha titħallas in solidum, fuq numru ta’ kumpanniji, mingħajr speċifikazzjoni jew indikazzjoni oħra fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, hija ma għandhiex l-intenzjoni li tirregola l-kwistjoni tal-kontribuzzjoni fir-rigward tal-ħlas ta’ din il-multa fir-relazzjonijiet bejn il-kodebituri differenti.

43      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2009, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talbiet għal emenda tal-minuti tas-seduta, wara li wettaq il-verifiki ta’ użu fir-rigward tal-portata eżatta tat-tweġibiet orali mogħtija mill-Kummissjoni matul l-imsemmija seduta.

44      Alstom titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(b) u l-Artikolu 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-kumpanniji tal-grupp Areva jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, minn naħa, hija tattribwixxi lil Areva T & D SA u lil Alstom ir-responsabbiltà in solidum għall-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u, min-naħa l-oħra, tattribwilhom ir-responsabbiltà in solidum għall-ksur għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

46      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

47      Peress li dawn il-kawżi huma konnessi minħabba s-suġġett tagħhom u peress li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li dawn jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

48      Ir-rikorsi huma intiżi, b’mod prinċipali, għall-annullament tal-Artikolu 1(b), (c), (d), (e) u (f), tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod prinċipali jew sussidjarju, għall-annullament tal-Artikolu 2(b) u (c), tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għar-reviżjoni tal-Artikolu 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata.

49      Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati t-talbiet għal annullament tal-Artikolu 1(b), (c), (d), (e) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati, sa fejn ikun meħtieġ, it-talbiet għal annullament tal-Artikolu 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu eżaminati, jekk ikun il-każ, it-talbiet għal reviżjoni tal-Artikolu 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata.

50      Insostenn tat-talbiet tagħhom fil-Kawża T‑117/07, il-kumpanniji tal-grupp Areva jqajmu seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE. It-tieni motiv jikkonċerna, essenzjalment, ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE kif ukoll minn ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroatttività. It-tielet motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Ir-raba’ motiv jikkonċerna, essenzjalment, ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur u ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, għal ksur tal-Artikolu 7 KE kif ukoll għal ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ ħlas in solidum tal-multi u li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Is-sitt motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u tal-punt 2 tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), fuq żball ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar nett, is-seba’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

51      Insostenn tat-talbiet tagħha fil-Kawża T‑121/07, Alstom tqajjem tmien motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rikors effettiv. It-tieni motiv jikkonċerna, essenzjalment, ksur tar-regoli tal-ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 253 KE. Ir-raba’ motiv jikkonċerna, b’mod prinċipali, ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll żball ta’ liġi u, sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-ħames motiv jikkonċerna, essenzjalment, żball ta’ evalwazzjoni, ksur tal-Linji gwida, ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tar-regoli ta’ prova tal-kontinwità ta’ ksur li jirriżulta mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE], kif emendat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tmien motiv jikkonċerna, essenzjalment, ksur tal-Linji gwida u, sussidjarjament, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52      Sa fejn uħud mill-motivi mqajjma mir-rikorrenti huma simili, dawn ser jiġu ttrattati flimkien fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

 Fuq il-kundizzjonijiet għal annullament tal-Artikolu 1(b), (c), (d), (e) u (f), tad-deċiżjoni kkontestata

53      Huma diretti kontra l-Artikolu 1(b), (c), (d), (e) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata l-motivi jew ilmenti tar-rikors intiżi sabiex jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kumpanniji tal-grupp Areva u Alstom kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fiż-ŻEE matul il-perijodi msemmija f’dan l-artikolu (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

54      Fil-Kawża T‑117/07, it-talbiet għal annullament tal-Artikolu 1(c), (d), (e) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata huma ssostanzjati bil-motivi jew ilmenti, imqajma fir-rikors, li jqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li Areva T & D SA – għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sal-11 ta’ Mejju 2004, Areva T & D AG – għall-perijodu mit-22 ta’ Diċembru 2003 sal-11 ta’ Mejju 2004, u Areva kif ukoll Areva T & D Holding SA – għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, huma meqjusa personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-fergħa ta’ attività tagħhom fil-qasam ta’ SIG jew għall-parteċipazzjoni tas-sussidjarji tagħhom f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fiż-ŻEE (it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi) jew li jeċċepixxu ksur ta’ forom sostanzjali li seta’ kellu riperkussjonijiet fuq l-imsemmija evalwazzjonijiet (l-ewwel motiv).

55      Fil-Kawża T‑121/07, it-talbiet għal annullament tal-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata huma ssostanzjati bil-motivi jew ilmenti, imqajma fir-rikors, li jqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li Alstom għandha tkun meqjusa personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-fergħat ta’ attività tagħha fil-qasam ta’ SIG jew għall-parteċipazzjoni tas-sussidjarji tagħha f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fiż-ŻEE għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004 (ir-raba’ u s-sitt motivi) jew li jqajmu ksur ta’ forom sostanzjali li seta’ kellu riperkussjonijiet fuq dawn l-evalwazzjonijiet (it-tielet u s-seba’ motivi).

 Osservazzjonijiet preliminari

56      Mill-motivi jew mill-ilmenti mqajma fir-rikorsi jirriżulta li l-kumpanniji tal-grupp Areva, minn naħa, u Alstom, min-naħa l-oħra, isostnu argumentazzjonijiet dijametralment opposti fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur, għall-perijodu kollu jew parti minnu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004.

57      Alstom issostni, essenzjalment, li r-responsabbiltà personali li hija kienet qed tinkorri minħabba l-parteċipazzjoni tal-fergħa ta’ attività tagħha fil-qasam ta’ SIG fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004 ġiet ittrasferita lil Alstom T & D SA u lil Alstom T & D AG, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar tal-attivitajiet fis-settur tat-T & D fi ħdan il-grupp tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni li ebda responsabbiltà personali ma tista’ tiġi imputata lilha minħabba l-parteċipazzjoni tal-imsemmija sussidjarji fil-ksur għall-perijodi rispettivament mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004, sa fejn Alstom T & D SA u Alstom T & D AG, li lilhom ġew ittrasferiti l-imsemmija attivitajiet, jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq. Fl-aħħar nett, Alstom issostni li r-responsabbiltà personali imputata lilha minħabba l-parteċipazzjoni tal-fergħa ta’ attività tagħha fil-qasam ta’ SIG, ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April sat-8 ta’ Jannar 2004 ġiet ittrasferita, flimkien mal-imsemmija fergħa ta’ attività u l-imsemmija sussidjarji (li sussegwentement saru Areva T & D SA u Areva T & D AG), lill-kumpanniji tal-grupp Areva, fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ trasferiment minn grupp għal ieħor tal-attivitajiet fis-settur tat-T & D.

58      Min-naħa l-oħra, il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li ma tista’ tiġi imputata ebda responsabbiltà personali lilhom minħabba l-parteċipazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Alstom fil-ksur rispettivament għall-perijodi mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004, sa fejn l-aġir fis-suq min-naħa ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG, li lilhom ġew ittrasferiti l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG, kienet iddeterminata minn Alstom. Min-naħa l-oħra, Areva u Areva T & D Holding SA isostnu li ma tista’ tiġi attribwita ebda responsabbiltà personali lilhom għall-parteċipazzjoni tas-sussidjarji tagħhom fil-ksur għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, sa fejn Areva T & D  SA u Areva T & D AG, li lilhom ġew ittrasferiti l-imsemmija attivitajiet, kienu jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq.

59      Għandu jiġi osservat li, fl-argumenti bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li Areva T & D SA u Areva T & D AG huma biss ismijiet ġodda ta’ kumpanniji li ngħataw lil Alstom T & D SA u lil Alstom T & D AG wara t-trasferiment tagħhom lill-grupp Areva li sar fit-8 ta’ Jannar 2004. F’dan ir-rigward, l-allegazzjonijiet ifformulati mill-kumpanniji tal-grupp Areva fl-osservazzjonijiet finali tagħhom fis-seduta, li jgħidu li l-Kummissjoni wettqet żball materjali billi kkunsidrat li Areva T & D AG kienet l-istess kumpannija bħal Alstom T & D AG, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, sa fejn dawn l-allegazzjonijiet jikkonċernaw motiv ibbażat fuq l-argument li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ fatt fuq dan il-punt, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa pprojbit li jiġu ppreżentati motivi ġodda fil-mori ta’ kawża, ħlief jekk dawn il-motivi jkunu bbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li żvelaw ruħhom matul il-proċedura. Sa fejn, f’dan il-każ, il-kumpanniji tal-grupp Areva ma wrewx l-elementi essenzjali ta’ fatt li fuqhom jibbaża ruħu l-motiv-il ġdid tagħhom, u sa fejn ma allegatx a fortiori li dawn l-elementi żvelaw ruħhom matul il-proċedura, hemm lok li jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tagħhom, imsemmija iktar ’il fuq, bħala inamissibbli. B’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fil-Kawżi T‑117/07 u T‑121/07, li Alstom T & D AG u Areva T & D AG jindikaw, b’ismijiet tal-kumpanniji differenti tagħhom, persuna ġuridika waħda u unika.

 Fuq it-trasferiment lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG tar-responsabbiltà personali inkorsa minn Alstom minħabba l-parteċipazzjoni tal-fergħa ta’ attività tagħha fil-qasam ta’ SIG fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992

–       L-argumenti tal-partijiet

60      Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv tagħha, li tikkonċerna żball ta’ liġi, Alstom tilmenta lill-Kummissjoni talli, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ttrasferietx lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG, ir-responsabbiltà personali li hija inkorriet minħabba l-parteċipazzjoni ta’ parti mis-“settur T & D” tagħha fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992.

61      Skont Alstom, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ imputazzjoni ta’ ksur fl-Artikolu 81 KE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi ma applikatx, fir-relazzjonijiet tagħha mas-sussidjarji antiki tagħha attivi fis-settur tat-T & D, il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika”, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 356 sa 359, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 132), u billi żammitha personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ parti mis-“settur T & D” fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-impriża kienet ġiet ittrasferita lis-sussidjarji antiki tagħha attivi fis-settur tat-T & D, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar fi ħdan il-grupp Alstom. Hija tqis, essenzjalment, li, għalkemm is-“settur T&D” tal-grupp Alstom ma kellux personalità ġuridika qabel is-7 ta’ Diċembru 1992, il-kostituzzjoni, f’din id-data, ta’ sussidjarja speċifikament inkarigata minn dan is-settur, barra mill-Isvizzera, jiġifieri Kléber Eylau (ulterjorment imsemmija Alstom T & D SA, sussegwentement Areva T & D SA), kienet tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, persuna ġuridika li lilha l-impriża li pparteċipat fil-ksur kienet ġiet ittrasferita u li lilha l-imsemmi ksur seta’ b’hekk jiġi imputat. Raġunament analogu jista’ jiġi applikat fir-rigward tat-trasferiment, fit-22 ta’ Diċembru 2003, tal-attivitajiet fis-settur tat-T & D fl-Isvizzera tal-grupp Alstom lil Alstom (Schweiz) Services AG (ulterjorment imsemmija Alstom T & D AG, sussegwentement Areva T & D AG).

62      Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti żviluppati minn Alstom u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

63      Fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża għandu jinftiehem li jindika unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il‑Kummissjoni, T‑234/95, Ġabra p. II‑2603, punt 124, u tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85). Billi jipprojbixxi lill-impriżi, b’mod partikolari, milli jikkonkludu akkordji jew milli jipparteċipaw fi prattiki mifhiema li jistgħu jkollhom inċidenza fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollhom bħala għan jew bħala effett li jostakolaw, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, l-Artikolu 81(1) KE jinkludi entitajiet ekonomiċi li kull waħda minnhom tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, li jfittxu għan ekonomiku speċifiku fuq medda ta’ żmien u li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ ksur tat-tip imsemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il‑Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 235, u tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il‑Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 311).

64      Għall-finijiet tal-applikazzjoni u l-eżekuzzjonijiet tagħhom, id-deċiżjonijiet adottati taħt l-Artikolu 81 KE għandhom madankollu jkunu indirizzati lil entitajiet li għandhom personalità ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra. p. II‑931, punt 978, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 59). B’hekk, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 81(1) KE, hija għandha tidentifika l-persuna jew il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li jistgħu jitqiesu responsabbli għall-aġir tal-impriża inkwistjoni u li jistgħu jiġu ssanzjonati f’dan ir-rigward, u li lilhom tiġi indirizzata d-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hydrotherm Gerätebau, punt 63 iktar ’il fuq, punt 11).

65      Skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 131 sa 141; tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 78, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 39; ara, ukoll, il-konklużjonijet tal-Avukat Ġenerali Kokott għas-sentenza ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑10892, punti 71 et seq.), skont liema persuna għandha titqies responsabbli biss għall-atti li hija tikkommetti (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑4130, punt 74), bħala prinċipju, huwa obbligu tal-persuna li kienet tmexxi l-impriża fil-mument meta jkun twettaq il-ksur, li tirrispondi għal dan il-ksur, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 27, u Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 79).

66      F’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, il-ġurisprudenza tammetti li jista’ jiġi dderogat mill-prinċipju tar-responsabbiltà personali b’applikazzjoni tal-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika”, li skontu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jista’ jiġi attribwit lis-suċċessur ekonomiku ta’ persuna ġuridika li huwa l-awtur tiegħu, anki meta din tal-aħħar tkun għadha teżisti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur, sabiex l-effettività ta’ dawn ir-regoli ma tiġix kompromessa minħabba l-bidla magħmula, b’mod partikolari, fil-forma ġuridika tal-kumpanniji kkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 105 u 106).

67      Fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq (punti 356 sa 359), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha raġun, fil-kuntest ta’ trasferiment minn grupp għal ieħor ta’ impriżi, li żżomm lill-kumpannija konċessjonarja bħala responsabbli għall-ksur imwettaq mill-impriża, qabel it-trasferiment tagħha, u dan meta l-kumpannija li kienet qed tittrasferixxi kompliet teżisti legalment. Sabiex b’hekk teskludi ruħha mis-soluzzjoni ddefinita fil-punt 145 tas-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, li tgħid li l-kriterju msejjaħ “tal-kontitnwità ekonomika” jista’ japplika biss fil-każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża tkun waqfet teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanza li l-kumpannija li kienet qed tittrasferixxi kienet ittrasferiet l-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha lill-kumpannija konċessjonarja filwaqt li żammet rabta strutturali ma’ din tal-aħħar, li fiha kienet tipposjedi 50 % tal-ishma.

68      Fis-sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq (punti 132 u 133), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’riferiment għas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, li l-fatt li kumpannija tkompli teżisti bħala entità legali ma jeskludix, skont id-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jkun hemm trasferiment ta’ parti mill-attivitajiet tagħha, li jikkostitwixxu impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, lil kumpannija oħra, li ssir responsabbli għall-ksur imwettaq mill-imsemmija impriża. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball billi kkunsidrat, fil-kuntest ta’ trasferiment minn grupp għall-ieħor ta’ impriża, li l-ksur imwettaq, qabel it-trasferiment, minn din l-impriża kellu jiġi imputat lill-kumpannija konċessjonarja, minkejja li l-kumpannija li kienet qed tittrasferixxi kompliet teżisti legalment. F’dan il-każ, għalkemm il-kumpannija li kienet qed tittrasferixxi kienet żammet l-attività ta’ produzzjoni marbuta mal-impriża inkwistjoni, hija kienet b’mod partikolari ttrasferiet it-tmexxija jew l-amministrazzjoni ta’ din l-impriża lill-kumpannija konċessjonarja, li setgħet, f’dan il-kuntest, titqies bħala s-suċċessur ekonomiku tal-kumpannija li kienet qed tittrasferixxi.

69      Fil-punti 38 sa 42 tas-sentenza ETI et, punt 65 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” bil-ħtieġa li tiżgura effett dissważiv fuq is-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. B’riferiment għas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, fil-punti 48 sa 51 tas-sentenza, li tali implementazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli u ma tikkuntrastax mal-prinċipju tar-responsabbiltà personali, anki jekk l-entità li tkun wettqet il-ksur tkun għadha teżisti fil-mument fejn l-entità li lilha hija ttrasferiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha hija ssanzjonata, meta dawn iż-żewġ entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna meta dawn ikollhom, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom mill-aspett ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali. Hija ddeċidiet ukoll li l-Artikoli 81 KE et seq għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ entitajiet suġġetti għall-istess awtorità pubblika, meta aġir li jikkostitwixxi l-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ġie implementat minn entità u sussegwent tkompla sat-tmiem tiegħu minn entità oħra li tkun issuċċediet lill-ewwel waħda, li ma tkunx waqfet teżisti, din it-tieni entità tista’ tiġi ssanzjonata għall-ksur fl-intier tiegħu jekk jiġi stabbilit li dawn iż-żewġ entitajiet kienu suġġetti għall-awtorità pubblika kkonċernata.

70      Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

71      F’dan il-każ, qabel kollox, għandha tiġi identifikata l-“impriża”, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, li pparteċipat fil-ksur imputat lil Alstom, fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata. Mid-deskrizzjoni magħmula fil-premessi 5 sa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar is-“settur ikkonċernat mill-proċeduri” u fil-premessi 16 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-“impriżi kkonċernati mill-proċeduri”, jirriżulta li l-impriża inkwistjoni tikkorrispondi għall-organizzazzjoni unitarja tal-elementi personali, materjali u immaterjali li, inizjalment fi ħdan il-grupp Alstom u, wara t-trasferiment minn grupp għal ieħor li sar fit-8 ta’ Jannar 2004 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), fi ħdan il-grupp Areva, kienet topera l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG (iktar ’il quddiem l-“impriża kkonċernata”). B’hekk, Alstom b’mod żbaljat tallega li l-impriża kkonċernata hija kkostitwita mis-“settur T & D” tal-grupp Alstom jew, b’mod iktar wiesa’, mill-attivitajiet kollha li, fi żmien il-fatti, ikkontribwew għall-attivitajiet ta’ dan is-settur.

72      Mill-premessi 357 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, sabiex il-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992 tiġi imputata lil Alstom, il-Kummissjoni osservat li, qabel is-7 ta’ Diċembru 1992, l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG fi ħdan il-grupp Alstom kienu direttament eżerċitati minn Alsthom SA, u sussegwentement minn GEC Alsthom SA, u mhux mill-predeċessuri ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG. Hija osservat ukoll li, qabel Diċembru 2002, l-attivitajiet fis-settur tat-T & D fl-Isvizzera tal-grupp Alstom kienu ġew eżerċitati minn Sprecher Energie (akkwistata minn Alsthom SA f’Jannar 1986), li saret Alstom AG (Suisse). Wara li kkonstatat li l-entitajiet ġuridiċi kkonċernati kienu għadhom jeżistu fi ħdan il-grupp Alstom taħt ismijiet differenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li Alstom, bħala kumpannija parent 100 % proprjetarja ta’ dawn l-entitajiet differenti, kienet responsabbli fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom qabel ma ġew ikkostitwiti l-predeċessuri ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG. Il-Kummissjoni assumiet minn dan li Areva T & D SA u Areva T & D AG ma kellhomx jitqiesu responsabbli mill-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu inkwistjoni, bħala suċċessuri legali u ekonomiċi, anki jekk l-attivitajiet tas-settur tat-T & D tal-grupp Alstom sussegwentement ġew ittrasferiti lill-predeċessuri rispettivi tagħhom.

73      Alstom ma tinvoka ebda motiv jew ilment speċifiku fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata li jimputalha l-parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża kkonċernata għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992, abbażi tal-motivazzjoni li, fi żmien il-fatti, hija mexxiet l-imsemmija impriża permezz ta’ sussidjarji esklużivi jew kważi esklużivi. Fil-fatt, hija ssostni sempliċement li r-responsabbiltà li hija kellha, f’dan ir-rigward, ġiet ittrasferitia lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG, skont kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” li jirriżulta mis-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni u Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq.

74      Qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li l-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, li għaliha tirreferi l-premessa 357, ma tistax tiġi kkunsidrata li tagħti sostenn lid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tittrasferix lil Areva T & D SA u lil T & D AG r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992. Fil-fatt, il-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-possibbiltà, fir-rigward tal-prinċipji li jirriżultaw fil-punti 356 sa 359 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni u fil-punt 132 tas-sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, ta’ trasferiment ta’ responsabbiltà bejn il-kumpanniji tal-istess grupp skont il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika”. Fiha l-Kummissjoni tindika li l-fatt li kumpannija żżomm il-personalità ġuridika tagħha, wara li tkun ittrasferiet parti mill-attivitajiet tagħha lil kumpannija oħra tal-istess grupp, ma tipprekludihiex milli żżomm lit-tieni kumpannija bħala responsabbli mill-ksur imwettaq mill-ewwel kumpannija. B’hekk ir-riferiment għall-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, li ssir fil-premessa 357 tagħha, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tan-nuqqas ta’ trasferiment lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG tar-responsabbiltà tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata mill-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992.

75      Fir-risposta fil-Kawża T‑121/07, il-Kummissjoni ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija żammet ruħha mal-applikazzjoni tar-regoli li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali (ara l-punt 65 iktar ’il fuq). Fil-fatt, mill-premessi 357 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħhom huwa spjegat fil-punt 72 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992 huwa imputat lil Alstom minħabba li, fi żmien il-fatti, kienet hi li mexxiet l-impriża permezz ta’ sussidjarji esklużivi jew kważi-esklużivi, u li għadhom jeżistu fi ħdan il-grupp Alstom.

76      Għalhekk, jeħtieġ li tiġi mwieġba d-domanda dwar jekk, bħal ma tallega Alstom, ir-responsabbiltà tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992 għandhiex tiġi ttrasferita lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG minħabba li l-impriża kkonċernata ġiet ittrasferita lill-predeċessuri rispettivi tagħhom, jiġifieri Kléber Eylau u Alstom (Schweiz) Services, minn GEC Alsthom SA, fis-7 ta’ Diċembru 1992, u minn Alstom AG (Suisse), fit-22 ta’ Diċembru 2003.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argument li qed tiddefendi Alstom iwassal sabiex Areva T & D SA u Areva T & D AG jwieġbu għal ksur personalment imputabbli lil GEC Alsthom SA u lil Alstom AG (Suisse), li, fi ħdan il-grupp Alstom, kienu, fi żmien il-fatti, sussidjarji esklużivi jew kważi-esklużivi ta’ Alstom jew tal-predeċessuri tagħha.

78      F’sitwazzjoni tali, il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” jiġi madankollu applikat biss sa fejn l-impriża kkonċernata ma tinsabx iktar taħt ir-responsabbiltà jew it-tmexxija ta’ Alstom wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar fi ħdan il-grupp Alstom li saru fis-7 ta’ Diċembru 1992 u fit-22 ta’ Diċembru 2003. Fl-ipoteżi fejn, min-naħa l-oħra, Alstom qatt ma waqfet, permezz tas-sussidjarji esklużivi jew kważi-esklużivi tagħha, milli tmexxi l-impriża kkonċernata sa ma sar it-trasferiment minn grupp għal ieħor fit-8 ta’ Jannar 2004, hija tibqa’ personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992 u l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi billi ma applikatx, fir-relazzjonijiet bejn Alstom u s-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tat-T & D, il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika”, fid-dawl tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturar minn grupp għal ieħor imsemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑10104, punt 26).

79      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jidher opportun, qabel ma tingħata deċiżjoni fuq dan l-ilment, li jiġu mwieġba l-motivi jew l-ilmenti diretti kontra l-imputazzjoni lil Alstom, fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent 100 % proprjetarja ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG.

 Fuq ir-responsabbiltà personali ta’ Alstom minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent 100 % proprjetarja ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG

–       L-argumenti tal-partijiet

80      Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha, ibbażata fuq ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur fl-Artikolu 81 KE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, Alstom tilmenta lill-Kummissjoni talli, fid-deċiżjoni kkontestata, imputatilha r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent 100 % proprjetarja ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG.

81      Permezz tat-tielet motiv tagħha, Alstom tilmenta lill-Kummissjoni talli kisret tal-Artikolu 253 KE billi ma mmotivatx, suffiċjentement skont il-liġi, il-fatt li l-ksur ġie imputat lilha fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent 100 % proprjetarja ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG, fid-dawl tal-elementi li hija kienet ipprovdiet matul il-proċedura amministrattiva. Matul is-seduta, hija invokat ukoll, f’dan ir-rigward, ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs għall-partijiet f’kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni.

82      Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, Alstom tallega ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba l-fatt li sabiex timputalha r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent 100 % proprjetarja ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG, il-Kummissjoni kkunsidrat kontriha, fid-deċiżjoni kkontestata, ċerti elementi fattwali trażmessi mill-kumpanniji tal-grupp Areva, mingħajr ma indikatilha minn qabel li dawn l-elementi setgħu jiġu kkunsidrati kontriha u mingħajr ma ppermettitilha ssostni l-pożizzjoni tagħha. L-istess jgħodd għall-elementi, imsemmija fil-premessi 351 u 354 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kundanna ta’ Alsthom SA, waħda mill-predeċessuri tagħha, permezz ta’ deċiżjoni tal-Conseil de la concurrence français tal-1 ta’ Marzu 1988 u l-okkupazzjoni, simultanja jew konsekuttiva, minn sitt membri tal-bord ta’ diretturi ta’ Alstom T & D SA, ta’ postijiet ta’ tmexxija fi ħdanha.

83      Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ Alstom u titlob għaċ-ċaħda tal-motivi jew tal-ilmenti msemmija iktar ’il fuq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

84      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li huwa deċiżiv huwa l-unità jew le, tal-aġir tagħhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 140). Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jifformawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda meqjusa li għandha mġiba unika fis-suq (sentenza DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 85).

85      B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilta, il-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed biex tiġi eżskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi attribwit lill-kumpannija parent, b’mod partikolari ladarba s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (sentenza ICI vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 132 u 133, u sentenza PVC II, punt 64 iktar ’il fuq, punt 960). Meta s-sussidjarja ma tgawdix minn awtonomija reali fid-determinazzjoni tal-inizjattiva tagħha fis-suq, il-projbizzjonijiet mogħtija mill-Artikolu 81(1) KE jistgħu jiġu kkunsidrati bħala mhux applikabbli fir-relazzjonijiet bejnha u l-kumpannija parent tagħha, li magħha hija tifforma unità ekonomika (sentenza ICI vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 134; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 51).

86      F’dan il-kuntest, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, u dan abbażi ta’ numru ta’ elementi fattwali fosthom, b’mod partikolari, is-setgħa ta’ tmexxija eventwali eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ raġonevolment tassumi li sussidjarja li l-kapital tagħha huwa 100 % proprjetà tal-kumpannija parent tagħha tapplika, essenzjalment, l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minnha u li din il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà timplika li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tivverifika jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitatx din is-setgħa ta’ tmexxija fuq is-sussidjarja tagħha. Meta, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tindika l-intenzjoni tagħha li żżomm lill-kumpannija parent bħala personalment responsabbli għal ksur imputabbli lis-sussidjarja tagħha billi tinvoka l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja mill-kumpannija parent tagħha, hija l-kumpannija parent li għandha l-intenzjoni tikkontesta r-responsabbiltà li hija għandha li tipproduċi matul il-proċedura amministrattiva jew, l-iktar tard, quddiem il-qorti tal-Unjoni, elementi suffiċjentement probanti biex taqleb il-preżunzjoni billi turi li, minkejja ż-żamma tal-kapital kollu tagħha mill-kumpannija parent tagħha, is-sussidjarja kienet tiddetermina b’mod realment awtonomu l-inizjattiva tagħha fis-suq (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punti 82 u 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni li tikkonstata ksur, ir-risposti tal-impriżi kkonċernati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija għandha tkun f’pożizzjoni mhux biss li taċċetta jew tiċħad l-argumenti tal-impriżi kkonċernati, iżda wkoll li twettaq l-analiżi tagħha tal-fatti ppreżentati minnhom jew sabiex tabbanduna l-oġġezzjonijiet li jkunu rriżultaw infondati, jew sabiex tbiddel jew tissupplementa, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, l-argumenti tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija tibqa’ ssostni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 93; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 91 u 92; tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 437 u 438, u tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68).

88      Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni, b’mod partikolari meta tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, għandha ssir distinzjoni bejn l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew fuq motivazzjoni insuffiċjenti, u dak ibbażat fuq l-ineżatezza tal‑motivazzjoni tad-deċiżjoni (minħabba żball fuq il-fatti jew fl‑evalwazzjoni ġuridika). Dan l-aspett tal-aħħar jaqa’ fl-eżami tal-legalità fuq il‑mertu tad-deċiżjoni u mhux tal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 253 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punti 67 u 72; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061, punt 114, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, International Power et vs NALOO, C‑172/01 P, C‑175/01 P, C‑176/01 P u C‑180/01 P, Ġabra p. I‑11421, punt 145; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il‑Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 47). Bħala forma sostanzjali, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, C‑338/00 P, Ġabra p. I‑9189, punt 124). Għalkemm, skont l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li wassluha sabiex tadottaha, din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li hija tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li ġew ittrattati matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 22; tal-11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il‑Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. 2117, punt 55, u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 127). Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Il-ġurisprudenza msemmija preċedentement hija applikabbli, b’analoġija, għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonstataw ksur tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

90      F’dan il-każ, fil-paragrafu 331 u 337 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li żżomm lil Alstom bħala responsabbli, in solidum ma’ Areva T & D SA u Areva T & D AG, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, billi tistrieħ fuq il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpannija parent tagħhom (ara l-punt 86 iktar ’il fuq).

91      Mill-premessi 335, 348 sa 356 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex Alstom tinżamm responsabbli, in solidum ma’ Areva T & D SA, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni finalment straħet mhux biss fuq il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpannija parent tagħhom, iżda wkoll fuq elementi fattwali prodotti matul il-proċedura amministrattiva. B’hekk il-Kummissjoni għamlet referenza, fil-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, għal deċiżjoni tal-Conseil de la concurrence français tal-1 ta’ Marzu 1988, li timponi multa fuq Alsthom taħt il-liġi Franċiża tal-kompetizzjoni għal prattiki ta’ tbagħbis tal-offerti li jikkonċernaw ukoll materjal elettriku (transformers ta’ vultaġġ medju). Hija għamlet ukoll referenza, fil-premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-elementi nnifishom ipprovduti minn Altsom, intiżi sabiex jipprovaw li, fi ħdan il-grupp Alstom, l-organizzazzjoni operattiva kellha preċedenza fuq l-istruttura ġuridika u li, l-istess bħas-settur tat-T & D, l-attivitajiet ta’ proġetti ta’ SIG kienu mmexxija, fuq l-ogħla livell, minn Alstom u l-predeċessuri tagħha. Fl-aħħar nett, hija għamlet referenza għall-premessi 354 u 355 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-elementi pprovduti mill-kumpanniji tal-grupp Areva, li kienu jippermettu li jiġu identifikati sitt membri tal-bord tad-diretturi ta’ Alstom T & D SA li kienu, simultanjament jew konsekutivament, membri tal-bord tad-diretturi tal-“kumpanniji prinċipali” tal-grupp Alstom, qabel Jannar 2004, jew li kienu saħansitra okkupaw il-pożizzjoni ta’ direttur ġenerali.

92      Alstom ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet ta’ fatt, li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li Alstom T & D SA u Alstom T & D AG kienu sussidjarji 100 % proprjetà tagħha matul il-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004. Issa, bil-kontra ta’ dak li ssostni Alstom, dawn is-sempliċi konstatazzjonijiet jippermettu lill-Kummissjoni tassumi li Alstom T & D SA u Alstom T & D AG ma kinux jiddeterminaw l-inizjattiva tagħhom fis-suq b’mod awtonomu meta mqabbla ma’ Alstom u li dawn il-kumpanniji kienu għaldaqstant jifformaw, flimkien ma’ din tal-aħħar, l-istess impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, għalhekk, hija Alstom, li kienet qed issostni li s-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tat-T&D kienu jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq matul il-perijodu inkwistjoni, li għandha taqleb il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà, li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpannija parent tagħhom, billi jipproduċi biżżejjed provi f’dan ir-rigward.

93      Fil-punti 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Alstom sostniet li l-impriża kkonċernata kienet tikkorrispondi għas-“settur T & D” tal-grupp Alstom u li, sa fejn dan is-settur kien jiddetermina l-aġir tiegħu stess fis-suq b’mod indipendenti, kienu biss is-sussidjarji operattivi inkarigati minn dan is-settur li setgħu jinżammu responsabbli għal dan. Skont Alstom, iż-żewġ aspetti li jeżistu, fi ħdan il-grupp Alstom, bejn l-organizzazzjoni operattiva u l-istruttura ġuridika tikkonferma n-nuqqas ta’ relazzjoni bejn ir-rabtiet kapitalistiċi u l-aġir fis-suq tas-setturi u tal-attivitajiet differenti tagħhom, li ffunzjonaw u ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod għal kollox deċentralizzat u awtonomu. Alstom, fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent tal-grupp Alstom, ma kellhiex il-mezzi, la minn aspett ta’ persunal, la ta’ organizzazzjoni u lanqas ta’ esperti, li tinfluwenza b’mod determinanti l-politika kummerċjali tas-setturi tagħha. Għaldaqstant hija llimitat ruħha sabiex tiddeċiedi u tikkontrolla, permezz tal-kumitat eżekuttiv tagħha, l-istrateġija globali u l-għanijiet finanzjarji li kellhom jiġu implementati minn dawn tal-aħħar, ir-riskji ta’ negozju inerenti mal-attivitajiet tagħhom kif ukoll id-deċiżjonijiet tas-sussidjarji operattivi inkarigati minn dawn ir-riskji, meta dawn setgħu jagħtu lok għal riskju finanzjarju għall-grupp Alstom kollu. Is-“settur T & D” tal-grupp Alstom elabora wkoll ir-regoli tiegħu stess, li kienu jiddeterminaw il-mod li bih l-attivitajiet kummerċjali differenti tiegħu kellhom ikunu mfassla u mmexxija. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tmexxija tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG, ir-rwol ta’ Alstrom kien limitat għall-approvazzjoni, fi ħdan il-kumitat eżekuttiv u abbażi ta’ informazzjoni fil-qosor, tal-proġetti ta’ offerta fir-rigward ta’ proġett ta’ SIG li jkun jaqbeż ċertu limitu jew li jikkomporta ċerti riskji sostanzjali għall-grupp Alstom. F’dan il-kuntest, kien ikun strettament impossibbli għal Alstom, fid-dawl tal-informazzjoni kummerċjali limitata li tqegħdet għad-dispożizzjoni tagħha, li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ parti mis-“settur T & D” tal-grupp Alstom fil-ksur. Il-ftit persuni, li pparteċipaw fl-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG u li jaqgħu taħt is-sussidjarji operattivi inkarigati minn dawn l-attivitajiet, jiġifieri Alstom T & D SA u Alstom T & D AG, li kienu preżenti fil-laqgħat tal-akkordju, aġixxew mingħajr ma Alstom u l-mexxejja tagħha kienu jafu.

94      Insostenn tal-argumenti tagħha bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Alstom ipproduċiet numru ta’ dokumenti, li ġew ukoll sottomessi fl-atti, fil-Kawża T‑121/07, u li fir-rigward tagħhom ingħata trattament kunfidenzjali (ara l-punti 19 u 38 iktar ’il fuq). Dawn jirrigwardaw l-“Information Memorandum” (Memorandum ta’ informazzjoni) redatt, f’Marzu 2003, għall-bejgħ tas-“settur T & D” mill-grupp Alstom lill-grupp Areva, kopja ta’ istruzzjonijiet interni ta’ dan is-settur disponibbli, mill-1999, fis-sit internet tal-grupp Alstom, tal-“e-Book” (ktieb elettroniku) ta’ Alstom, ta’ żewġ formoli vojta ta’ approvazzjoni ta’ offerti għal proġetti ta’ SIG u, fl-aħħar nett, ta’ kopja tal-minuti tal-laqgħat kollha tal-kumitat eżekuttiv tal-grupp Alstom li saru bejn il-bidu tal-1999 u tmiem l-2003.

95      Fil-premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fil-punti 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hekk kif spjegati fil-qosor fil-premessi 345 sa 347 tad-deċiżjoni kkontestata, Alstom ma kinitx ipprovdiet spjegazzjonijiet validi, u lanqas argumenti konvinċenti, li jippermettu li jiġi konkluż li hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tat-T & D.

96      Fl-ewwel lok, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi ċ-ċaħda tal-elementi pprovduti minn Alstom matul il-proċedura amministrattiva bħala elementi li ma kinux biżżejjed probatorji.

97      Fil-premessi 350 sa 356 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet, b’mod dettaljat, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tikkunsidra li l-provi pprovduti minn Alstom matul il-proċedura amministrattiva ma kinux biżżejjed probatorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi kontrarji pprovduti mill-kumpanniji tal-grupp Areva. Fil-premessi 350 sa 353 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-delega ta’ funzjonijiet ta’ natura kummerċjali, fil-livell tas-“settur T & D” jew tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Alstom, ma setgħetx teħles lil Alstom mir-responsabbiltajiet tagħha, ġaladarba kif hija stess ammettiet, fi żmien il-ksur, hija kellha tapprova kull offerta għal proġetti ta’ SIG li kienu jaqbżu ċertu limitu jew li kienu jinvolvu ċerti “riskji sostanzjali” għall-grupp Alstom. Fid-dawl tal-multa sostanzjali imposta fuq Alsthom mill-Conseil de la concurrence français, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 1988, ma kienx ikun probabbli li Alstom ma tkunx identifikat il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bħala riskju sostanzjali li jiġġustifika attenzjoni ikbar. Barra minn hekk, l-elementi pprovduti minn Alstom, għall-finijiet ta’ stabbiliment tas-supremazija, fi ħdan il-grupp Alstom, tal-organizzazzjoni operattiva fuq l-istruttura ġuridika jippermettu wkoll li jiġi stabbilit li, bl-għajnuna tal-mexxejja operattivi tas-“settur T & D” tal-grupp Alstom, li jaqgħu taħtha u li jagħtu kont lilha, Alstom kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tas-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tat-T & D. Fil-premessi 354 sa 356 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, barra minn hekk, ikkunsidrat bħala mhux wisq kredibbli l-affermazzjoni ta’ Alstom li tgħid li l-mexxejja tagħha ma kinux informati dwar il-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-kumpanniji tal-grupp Areva, li kienu jistabbilixxu li numru ta’ persuni kienu okkupaw, simultanjament jew konsekuttivament, postijiet ta’ tmexxija fi ħdan Alstom jew kumpanniji prinċipali u fis-sussidjarji tal-grupp Alstom, u fid-dawl tal-fatt li s-sussidjarji differenti li kienu suċċessivament eżerċitaw l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG fi ħdan il-grupp Alstom dejjem kienu, direttament jew indirettament, 100 % proprjetà ta’ Alstom jew tal-predeċessuri tagħha.

98      Għalkemm Alstom tosserva, ġustament, li, fil-premessi 350 sa 356 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tiddiskutix, fid-dettal, l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt li hija pprovdiet matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni suffiċjenti li tippermettilha tifhem li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra li dawn l-elementi ma kellhomx valur probatorju u, konsegwentement, li din kienet qed iżżommha personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004. Fil-fatt, l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, f’dan il-każ, ma pprekludiex lil Alstom milli tissottometti lill-Qorti Ġenerali l-argumenti tagħha skont liema l-punti ta’ liġi u ta’ fatt li hija pprovdiet waqt il-proċedura amministrattiva juru li s-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tat-T & D kienu jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq matul il-perijodu kkonċernat u li, għaldaqstant, il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpannija parent tagħhom kienet inqalbet quddiem il-Kummissjoni. Bl-istess mod, dan l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni lanqas ma pprekluda lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija tibbaża ruħha fuq l-imsemmija preżunzjoni biex timputa l-ksur lil Alstom.

99      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ifformulat fil-kuntest tat-tielet motiv imqajjem minn Alstom, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

100    Sa fejn, matul is-seduta, Alstom ipprovat testendi l-ilmenti li hija kienet inizjalment ifformultat fuq dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata, billi invokat ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs tal-partijiet fi proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, hija pproduċiet motivi ġodda, mingħajr ma tibbażahom fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li kienu jirriżultaw fil-mori tal-kawża. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tali motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

101    Fit-tieni lok, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk l-elementi pprovduti minn Alstom, fil-punti 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hekk kif ġew spjegati fil-qosor fil-premessi 345 sa 347 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll id-dokumenti prodotti insostenn ta’ din it-tweġiba kienu tali li jbiddlu l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja mill-kumpannija parent u li juru li, minkejja din iż-żamma, Alstom T & D SA u Alstom T & D AG iddeterminaw, fi żmien il-ksur, l-aġir tagħhom fis-suq b’mod awtonomu meta mqabbel mal-kumpannija parent tagħhom.

102    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li d-dokumenti prodotti minn Alstom insostenn tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jistabbilixxu l-eżistenza ta’ supremazija tal-organizzazzjoni operattiva fuq l-istruttura ġuridika fi ħdan il-grupp Alstom. Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, il-partijiet infushom jaqblu li jikkunsidraw li, fi ħdan il-grupp Alstom, l-orgnanizzazzjoni tad-diviżjonijiet jew tas-setturi operattivi kellha preċedenza fuq l-istruttura ġuridika. L-“e‑Book” prodott minn Alstom, li jinkludi l-istruzzjonijiet u politiki ġenerali tal-grupp Alstom, iddefiniti mid-direttur ġenerali ta’ Alstom, jikkonferma, fit-tielet subparagrafu tal-punt 3.1(1) tiegħu li “[kunfidenzjali] (1)”. B’mod partikolari mill-punt 1.4 tal-“Information Memorandum” jirriżulta li, qabel ma ġie ttrasferit lill-grupp Areva, is-settur tat-T & D “[kunfidenzjali]”, fi ħdan il-grupp Alstom, b’tali mod li “[kunfidenzjali]”. B’hekk, ma ġiex validament ikkontestat mill-partijiet li, matul il-perijodi inkwistjoni, jiġifieri rispettivament il-perijodi mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar2004, Alstom T & D SA u Alstom T & D AG kellhom drittijiet relatati mal-elementi materjali u umani involuti fl-attivitajiet fil-qasam tas-SIG, li jikkorrispondu, f’dan il-każ, għall-impriża kkonċernata (ara l-punt 71 iktar ’il fuq; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għas-sentenza ETI et, punt 65 iktar ’il fuq, punt 31). B’hekk, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-politika segwita mill-impriża kkonċernata, matul il-perijodi ċċitati iktar ’il fuq, ma tistax tiġi distinta minn dik tad-determinazzjoni tal-politika segwita minn Alstom T & D SA u Alstom T & D AG, matul dawn l-istess perijodi.

103    Barra minn hekk, id-dokumenti prodotti minn Alstom ma jippermettux li jiġi stabbilit li s-“settur T & D” tal-grupp Alstom u, fi ħdanha, l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG ġew eżerċitati b’mod totalment deċentralizzat u awtonomu, fi ħdan il-grupp Alstom. Dawn id-dokumenti jikkonfermaw, min-naħa l-oħra, li t-tmexxija tal-grupp Alstom, imqiegħda taħt ir-responsabbiltà ta’ Alstom, kienet tipparteċipa għad-definizzjoni tal-inizjattiva fis-suq fir-rigward tas-“settur T & D” tal-grupp Alstom u tal-oqsma ta’ attività differenti tagħha, u li hija kienet tikkontrolla b’mod permanenti l-applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva minn dan is-settur u l-oqsma ta’ attivitajiet differenti tiegħu.

104    L-“e‑Book” jiddeskrivi, fil-punti 3.1(2.1) u 3.1(2.2) l-organizzazzjoni tat-tmexxija tal-grupp Alstom. [kunfidenzjali]

105    [kunfidenzjali]

106    [kunfidenzjali]

107    [kunfidenzjali]

108    [kunfidenzjali]

109    [kunfidenzjali]

110    Fid-dawl tar-rabtiet ta’ natura organizzattiva, ekonomika u ġuridika li l-elementi prodotti minn Alstom matul il-proċedura amministrattiva juru bejn, minn naħa, it-tmexxija tal-grupp Alstom, taħt ir-responsabbiltà ta’ Alstom, u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG ta’ dan il-grupp, eżerċitati, f’dak iż-żmien, minn Alstom T & D SA u Alstom T & D AG, permezz tas-“settur T & D”, il-Kummissjoni setgħet tqis ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-elementi ma kinux jippermettu li tinqaleb il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpannija parent tagħhom. Għaldaqstant huwa wkoll b’mod ġust li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, imputat personalment lil Alstom ir-responsabbiltà tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004.

111    Sa fejn il-konklużjoni msemmija preċedentement tiżvela, minn naħa, li Alstom qatt ma waqfet, permezz ta’ sussidjarji esklużivi jew kważi esklużivi, milli tmexxi l-impriża kkonċernata sa meta sar it-trasferiment minn grupp għal ieħor fit-8 ta’ Jannar 2004 u, min-naħa l-oħra, li Alstom baqgħet, f’dan ir-rigward, personalment responsabbli sa din id-data għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur ikkonstatat, hija tippermetti, barra minn hekk, li tingħata tweġiba għall-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta minn nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” fid-dawl tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturar minn grupp għal ieħor li saru fis-7 ta’ Diċembru 1992 u fit-22 ta’ Diċembru 2003 (ara l-punt 79 iktar ’il fuq) u li jiġi miċħud l-ilment bħala ineffettiv, fid-dawl tar-relazzjonijiet eżistenti bejn Alstom u s-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tat-T & D.

112    Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni tippermetti li jiġi miċħud bħala infondat l-ilment, imqajjem fil-kuntest tas-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża dwar ċerti elementi addizzjonali invokati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, insostenn tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja mill-kumpannija parent (ara l-punt 91 iktar ’il fuq). Minn naħa, jista jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża biss meta teżisti possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva magħmula minnha setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, Alstom ma stabbilietx li hija setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar li kieku setgħet issir taf, waqt il-proċedura amministrattiva, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tinvoka l-elementi addizzjonali insostenn tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpannija parent tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq it-trasferiment lill-kumpanniji tal-grupp Areva tar-responsabbiltà personali ta’ Alstom minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, fid-dawl tat-trasferiment ta’ din l-impriża lill-grupp Areva

–       L-argumenti tal-partijiet

113    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv tagħha, li jikkonċerna żball ta’ liġi, Alstom tilmenta lill-Kummissjoni talli, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma ttrasferietx lill-kumpanniji tal-grupp Areva r-responsabbiltà li hija kellha minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, fid-dawl tat-trasferiment minn grupp għal ieħor li sar fit-8 ta’ Jannar 2004.

114    Skont Alstom, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ imputazzjoni ta’ ksur fl-Artikolu 81 KE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn hija timputalha r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża kkonċernata mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, meta, skont il-kuntratt ta’ trasferiment, konkluż fil-25 ta’ Settembru 2003, il-parti l-kbira tal-assi, passivi, impjegati u responsabbiltajiet tas-“settur T & D” tal-grupp Alstom ingħaqdu fi ħdan T & D Holding Etranger, li min-naħa tagħha ġiet ittrasferita, b’effett mit-8 ta’ Jannar 2004, lill-grupp Areva u saret Areva T & D Holding, li kienet iżżomm il-kapital kollu ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T&D AG (li qabel kien jisimhom, rispettivament, Alstom T & D SA u Alstom T & D AG). L-elementi li jinsabu fl-ittra tal-4 ta’ Diċembru 2006 dwar id-determinazzjoni tal-persuni ġuridiċi kkonċernati mill-fatti kontenzjużi (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), li tinsab fl-atti fil-Kawża T‑121/07, juru li l-assi kollha, l-impjegati u l-passivi tas-“settur T & D” tal-grupp Alstom ġew ittrasferiti lill-grupp Areva. Dan jispjega l-ħtieġa ta’ garanzija ta’ passiv fil-kuntratt ta’ trasferiment, għar-responsabbiltajiet inkorsi mis-“settur T & D” fil-passat. B’konsegwenza ta’ dan, ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu kollha mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, imissha ġiet imputata lill-kumpanniji tal-grupp Areva biss.

115    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ Alstom u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

116    Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq, bħala prinċipju, hija l-persuna li kienet tmexxi l-impriża meta din ipparteċipat fil-ksur li hija responsabbli għal għemilha, anki jekk, meta ġiet adottata d-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, din l-impriża tqegħdet taħt ir-responsabbiltà jew it-tmexxija ta’ persuna oħra.

117    F’dan il-każ, il-Kummissjoni imputat personalment lil Alstom ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, in solidum ma’ Areva T & D SA, għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, u ma’ Areva T & D AG, għall-perijodu mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004. Matul il-perijodi msemmija iktar ’il fuq, seta’ validament jiġi kkunsidrat, bħal ma ġie osservat fil-punti 110 u 111 iktar ’il fuq, li Alstom kienet tmexxi din l-impriża, permezz ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG, li huma s-sussidjarji tagħha, 100 % proprjetà tagħha, operattivi fl-attivitajiet fil-qasam tas-SIG.

118    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, mit-8 ta’ Jannar 2004, u skont kif ġie pprovdut fil-kuntratt ta’ trasferiment, Alstom tilfet il-kontroll ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG. Minn din id-data, l-impriża kkonċernata għaldaqstant ma kinitx iżjed taħt ir-responsabbiltà jew it-tmexxija tagħha.

119    B’hekk, il-Kummissjoni kellha d-dritt timputa r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur, għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, lill-persuna li, permezz ta’ sussidjarji, 100 % proprjetà tagħha, kienet tmexxi din l-impriża. Għaldaqstant hija ma wettqitx żball ta’ liġi billi imputat personalment lil Alstom ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004 u billi naqset milli tittrasferixxi l-imsemmija responsabbiltà lill-kumpanniji tal-grupp Areva, għas-sempliċi raġuni li l-impriża kkonċernata tqegħdet taħt ir-responsabbiltà jew it-tmexxija tagħhom, mid-9 ta’ Jannar 2004.

120    B’hekk, hemm lok sabiex dan l-ilment jiġi miċħud.

 Fuq ir-responsabbiltà personali ta’ Areva T & D SA u Areva T & D AG minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur rispettivament għall-perijodi mis-7 ta’ Diċembru1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004

–       L-argumenti tal-partijiet

121    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, inkwantu hija mmotivat b’mod kontradittorju u, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti l-imputazzjoni lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur rispettivament għall-perijodi mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004. Il-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha, fil-premessi 368 u 369 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-ġurisprudenza ċċitata fil-premessa 337 tagħha, billi kkunsidrat, minn naħa, li Alstom kienet teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarji 100 % proprjetà tagħha attivi fis-settur tat-T & D matul il-perijodi mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004 rispettivament u, min-naħa l-oħra, li dawn l-istess sussidjarji aġixxew b’mod awtonomu fis-suq matul l-imsemmija perijodi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi l-konstatazzjoni ta’ inizjattiva awtonoma fis-suq tal-imsemmija sussidjarji matul il-perijodi kkonċernati.

122    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħhom u tat-tieni parti tar-raba’ motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva, fost oħrajn, jilmentaw lill-Kummissjoni talli, essenzjalment, fid-deċiżjoni kkontestata, kisret ir-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li jirriżulta mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, inkwantu hija ma imputatx ir-responsabbiltà esklużiva għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur lil Alstom, li kienet tmexxi l-imsemmija impriża fil-mument meta seħħ il-ksur.

123    Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, inkwantu hija imputat personalment ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur, għall-perijodi inkwistjoni, lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG, li kienu jmexxu l-imsemmija impriża fil-mument li fih il-ksur ġie kkonstatat. Fil-fatt, il-Kummissjoni b’hekk applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, politika repressiva ġdida fil-konfront ta’ ksur imwettaq qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

124    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti tal-kumpanniji tal-grupp Areva u titlob sabiex il-motivi jew l-ilmenti msemmija iktar ’il fuq jiġu miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

125    Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżeminata l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajma mill-kumpanniji tal-grupp Areva, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li tikkonċerna ksur ta’ forma sostanzjali (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

126    Hekk kif ġie diġà espost fil-punt 88 iktar ’il fuq, sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-Artikolu 253 KE, id-deċiżjonijiet individwali tal-Kummissjoni għandhom jippermettu li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex il-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha. Konsegwentement, huma għandhom jiġu mmotivati b’mod mhux kontradittorju u suffiċjenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 45 u 46).

127    Fil-premessi 333 sa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat ir-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur fl-Artikolu 81 KE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li hija applikat fid-deċiżjoni kkontestata. Mill-premessi 368 u 369 jirriżulta li, sabiex iżżomm lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG bħala personalment responsabbli, in solidum ma’ Alstom, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodi, rispettivament, mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni, qabel kollox, ikkunsidrat li Areva T & D SA u Areva T & D AG, bl-ismijiet li kellhom f’dak iż-żmien, kienu direttament ipparteċipaw fil-ksur. B’hekk il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, bħal ma ġie kkonstatat fil-premessi 20, 21, 357, 358, 366 u 367 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriża kkonċernata kienet taħt ir-responsabbiltà diretta tagħhom fil-mument li hija pparteċipat fil-ksur. Sussegwentement, il-Kummissjoni osservat li Areva T & D SA u Areva T & D AG, bl-ismijiet li kellhom f’dak iż-żmien, kienu jiffurmaw entità ekonomika waħda ma’ Alstom, li kienet 100 % proprjetarja tagħhom u li, bħala prinċipju, kienet tiddetermina l-inizjattiva tagħhom fis-suq. Konsegwentement, hija qieset li, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali (ara l-punt 65 iktar ’il fuq), Areva T & D SA u Areva T & D AG kellhom jinżammu personalment responsabbli, in solidum ma’ Alstom, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodi, rispettivament, mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004.

128    Għalkemm, fil-premessi 357 u 366 sa 367 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata r-responsabbiltà personali tas-sussidjarji antiki attivi fis-settur tat-T & D tal-grupp Alstom, hija ma tirreferix, min-naħa l-oħra, għal aġir awtonomu ta’ dawn is-sussidjarji fir-rigward tal-kumpannija parent l-antika tagħhom, jiġifieri Alstom. Fil-każ inkwistjoni, tali ċirkustanza ma tistax tiġi riċerkata, anki jekk b’mod impliċitu, b’riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata fil-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, ġaladarba, fil-premessa 369 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni espressament indikat li, matul il-perijodi inkwistjoni, Areva T & D SA u Areva T & D AG, bl-ismijiet li kellhom f’dak iż-żmien, “ma setgħux jieħdu deċiżjonijiet b’mod awtonomu”.

129    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-responsabbiltà esklużiva ta’ Alstom minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, bħala mexxejja tal-imsemmija impriża, kienet motivata suffiċjentement skont il-liġi u b’mod mhux kontradittorju fid-deċiżjoni kkontestata. B’konsegwenza ta’ dan, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-kumpanniji tal-grupp Areva, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

130    Fit-tieni lok, hemm lok li jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet tat-tieni motiv u t-tieni parti tar-raba’ motiv imqajma mill-kumpanniji tal-grupp Areva, li permezz tagħhom dawn tal-aħħar jikkritikaw, fuq il-mertu, l-imputazzjoni lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodi, rispettivament, mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004.

131    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali huwa prinċipju komuni għall-ordinamenti ġuridiċi kollha tal-Istati Membri, stabbilit ukoll mill-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u jagħmel parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li għandhom jiġu osservati mill-qorti tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1984, Kirk, 63/83, Ġabra p. 2689, punt 22, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 202; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 219, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 43).

132    Anki jekk mill-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex ta’ natura kriminali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha obbligu li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari dak tan-nuqqas ta’ retroattività, fil-proċedura amministrattiva kollha li tista’ twassal għal sanzjonijiet b’applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 44).

133    Din l-osservanza tirrikjedi li r-regoli ta’ imputazzjoni lil persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jikkorrispondu għal dawk li ġew stabbiliti fiż-żmien meta twettaq il-ksur (ara, b’analoġija, fir-rigward tar-regoli applikabbli għas-sanzjoni tal-ksur, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 202; sentenzi LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 221, u Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 45). Għalkemm il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ma jipprekludix kjarifika gradwali tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur, dan xorta waħda jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida tagħhom, li r-riżultat tagħha ma kienx raġonevolment prevedibbli, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punti 217 u 218).

134    Skont il-ġurisprudenza, meta diversi persuni jistgħu jinżammu personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni fi ksur minn waħda u l-istess impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala responsabbli in solidum għall-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 41, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä‑Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punti 33 u 34; sentenzi tal-Qorti Ġenerali HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 54, 524 u 525; tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 62, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punti 57 sa 62). Barra minn hekk, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li jistgħu jitqiesu responsabbli personalment u in solidum għall-parteċipazzjoni tal-istess impriża fi ksur, kemm il-persuna li taħt ir-responsabbiltà jew it-tmexxija tagħha tqegħdet direttament l-impriża fil-mument meta seħħ il-ksur kif ukoll il-persuna li, peress li kienet teżerċita effettivament setgħa ta’ kontroll fuq din l-impriża u kienet tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq, kienet tmexxi indirettament lil din l-istess impriża fil-mument meta twettaq il-ksur. B’hekk il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 65 u 116 iktar ’il fuq għandha tinqara fis-sens li tikkomporta r-responsabbiltà personali kemm tal-persuna li kienet tmexxi direttament l-impriża fil-mument tal-ksur kif ukoll tal-persuna li, fl-istess żmien, kienet tmexxi lil din l-impriża indirettament.

135    Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

136    F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 71 iktar ’il fuq, l-impriża kkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata ma tikkorrispondix, bħal ma jsostnu l-kumpanniji tal-grupp Areva, għas-“settur T & D” tal-grupp Alstom, ulterjorment ittrasferit lill-grupp Areva, iżda għall-elementi kollha li, fi ħdan dan is-settur, jew permezz ta’ dan is-settur, kienu jipparteċipaw fl-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG. Barra minn hekk, ma ġiex validament ikkontestat li Areva T & D SA u Areva T & D AG kellhom drittijiet relatati ma’ dawn l-elementi matul il-perijodi ta’ ksur inkwistjoni u li dawn l-elementi kienu, għaldaqstant, taħt ir-responsabbiltà diretta tagħhom (ara l-punt 102 iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, ġie stabbili li Alstom kienet tiddetermina l-aġir fis-suq tas-sussidjarji tagħha, 100 % proprjetà tagħha, attivi fis-settur tat-T&D u li b’hekk kienet tmexxi, indirettament, l-impriża kkonċernata fil-mument meta twettaq il-ksur (ara l-punt 110 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mill-premessi 358 u 371 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Areva T & D SA u Alstom inżammu bħala responsabbli in solidum għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sal-21 ta’ Diċembru 2003 u li Areva T & D SA, Areva T & D AG u Alstom inżammu bħala responsabbli in solidum għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004.

137    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata mill-kumpanniji tal-grupp Areva u, b’mod partikolari, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cascades vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq (punti 79 u 80), u tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il‑Kummissjoni (C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 71), ma jirriżultax li fil-każ ta’ trasferiment ta’ kontroll ta’ sussidjarja li kienet tmexxi direttament lill-impriża li wettqet ksur, hija biss il-kumpannija parent l-antika, li kienet tmexxi indirettament lill-impriża permezz tas-sussidjarja tagħha, li għandha tinżamm personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur għall-perijodu li jippreċedi t-trasferiment. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tikkonċerna, essenzjalment, il-possibbiltà li, taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, l-entità li tittrasferixxi impriża tiġi imputata bil-parteċipazzjoni fil-ksur għall-perijodu li jippreċedi t-trasferiment tal-impriża.

138    Peress li l-Kummissjoni aġixxiet skont ir-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi ddeċidiet li Areva T & D SA u Areva T & D AG setgħu jinżammu personalment responsabbli, in solidum ma’ Alstom, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata għall-perijodi, rispettivament, mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004, ma tistax tiġi akkużata talli, f’dan ir-rigward, kisret wieħed minn dawn l-artikoli.

139    Lanqas ma jista’ jiġi sostnut li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, billi hija applikat politika repressiva ġdida b’mod retroattiv. Ir-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur applikati, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għall-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 65, 116 u 134 iktar ’il fuq jirriżulta li tali regoli kienu diġà applikabbli fi żmien li twettaq il-ksur u li għalkemm, f’dan l-istess żmien jew sussegwentement, huma setgħu kienu suġġetti għal ċerti kjarifiki jew spjegazzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat li ngħata lok għal interpretazzjoni ġdida ta’ dawn ir-regoli, li r-riżultat tagħhom ma kienx prevedibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata nnifisha ma tistax titqies bħala l-implementazzjoni ta’ politika repressiva ġdida, wara l-adozzjoni ta’ regoli ġodda ta’ imputazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

140    Barra minn hekk, il-fatt, mhux ikkontestat mill-kumpanniji tal-grupp Areva, li huma stipulaw klawżola ta’ garanzija ta’ passiv fil-kuntratt ta’ trasferiment, li jkopri, b’mod partikolari, ir-riskju li tiġi imputata lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG il-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għall-perijodu li ppreċeda t-trasferiment tagħha u li jiġu ssanzjonati personalment f’dan ir-rigward, juri li l-imputazzjoni tal-ksur li għaliha waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet raġonevolment previdibbli, saħansitra qabel l-adozzjoni tagħha, għall-kumpanniji tal-grupp Areva, u dan fir-rigward tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li kienu applikabbli f’dak iż-żmien.

141    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li ż-żewġ partijiet tat-tieni motiv kif ukoll it-tieni parti tar-raba’ motiv imqajma mill-kumpanniji tal-grupp Areva għandhom jiġu kollha kemm huma miċħuda bħala infondati.

 Fuq ir-responsabbiltà personali ta’ Areva u Areva T & D Holding għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, fil-kapaċità tagħhom bħala kumpanniji parent 100 % proprjetarji ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG

–       L-argumenti tal-partijiet

142    Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li, fl-Artikolu 1(e) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret ir-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn din timputalhom il-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, fil-kapaċità tagħhom bħala kumpanniji parent 100 % proprjetarji ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG, meta l-elementi li huma kienu ppreżentaw matul il-proċedura amministrattiva kienu suffiċjentement probatorji biex ibiddlu, f’dan il-każ, il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpanniji parent tagħhom.

143    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti tal-kumpanniji tal-grupp Areva u titlob sabiex il-motiv imsemmi iktar ’il fuq jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

144    Mill-premessa 370 u mill-premessa 371(c) tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-premessi 333 sa 337, 354 u 364, li għalihom tirreferi l-premessa 370, jirriżulta li, sabiex Areva u Areva T & D Holding jinżammu personalment responsabbli, in solidum ma’ Areva T & D SA u Areva T & D AG, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni ma rreferietx ruħha biss għall-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu ta’ sussidjarja mill-kumpannija parent tagħha, iżda wkoll għall-elementi fattwali ppreżentati minn Areva u Areva T & D Holding, waqt il-proċedura amministrattiva, sabiex jipprovaw jikkonfutaw din il-preżunzjoni (ara l-punt 148 iktar ’il fuq). B’hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-ħatra min-naħa ta’ Alstom ta’ membru ġdid fi ħdan il-bord tad-dirtetturi tas-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tat-T & D kienet tissostanzja l-konklużjoni li tgħid li influwenza determinanti kienet ġiet eżerċitata minn tal-ewwel fuq tal-aħħar, peress li, hekk kif irriżulta minn informazzjoni ppubblika miġbura fis-sit internet tal-grupp Areva, dan id-direttur il-ġdid kien inħatar ukoll bħala direttur tas-“settur T & D” tal-grupp Areva, fid-19 ta’ Jannar 2004, jiġifieri għaxart ijiem biss wara t-trasferiment minn grupp għal ieħor, u li kien, fl-istess waqt, tqiegħed fil-kumitat eżekuttiv tal-grupp Areva. Barra minn hekk, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturar fi ħdan il-gruppi, il-Kummissjoni qieset li l-bidla tal-isem kummerċjali tas-sussidjarji attivi fis-settur tat-T & D tal-grupp Alstom, li saret immedjatament wara t-trasferiment minn grupp għal ieħor, fejn permezz ta’ din il-bidla huma ngħataw l-isem ta’ Areva T & D SA u Areva T & D AG, kienet turi l-integrazzjoni tagħhom fil-grupp Areva. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni sostniet li l-punti fattwali mressqa minn Areva u minn Areva T & D Holding ma jipprovawx li huma naqsu, matul il-perijodu ta’ ksur inkwistjoni, milli jeżerċitaw influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħhom, 100 % proprjetà tagħhom, attivi fis-settur tat-T & D.

145    Hekk kif ġie diġà indikat fil-punt 86 iktar ’il fuq, meta kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha, ikun hemm preżunzjoni li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja fis-suq u, għalhekk, hija tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-imsemmija aġir. Hija l-kumpannija parent, li għandha l-intenzjoni tikkontesta d-deċiżjon tal-Kummissjoni li żżommha personalment responsabbli għall-ksur imputabbli lis-sussidjarja tagħha, li għandha taqleb il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta mill-fatt li hija żżomm il-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha billi tipprovdi biżżejjed provi sabiex turi li din is-sussidjarja kienet tiddetermina b’mod realment awtonomu l-inizjattiva tagħha fis-suq (sentenzi Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 136, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 60; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 29).

146    F’dan il-każ, Areva u Areva T & D Holding ma jikkontestawx l-evalwazzjonijiet ta’ fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li Areva T & D SA u Areva T & D AG kienu, direttament jew indirettament, sussidjarji li kienu 100 % proprjetà tagħhom matul il-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004. Issa, dawn is-sempliċi konstatazzjonijiet jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex tassumi li Areva T & D SA u Areva T & D AG ma kinux jiddeterminaw l-inizjattiva tagħhom fis-suq b’mod awtonomu minn Areva u minn Areva T & D Holding u li għaldaqstant kienu jifformaw, flimkien ma’ dawn tal-aħħar, l-istess impriża, skont id-dritt tal-kompetizzjoni. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, b’hekk, huma Areva u Areva T & D Holding, li sostnew li s-sussidjarji tagħhom attivi fis-settur tat-T & D, 100 % proprjetà tagħhom, kienu jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq matul il-perijodu inkwistjoni, li għandhom ibiddlu l-oneru tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li jirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji mill-kumpanniji parent tagħhom, billi jipproduċu biżżejjed provi f’dan ir-rigward.

147    B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-punti fattwali mressqa minn Areva u minn Areva T & D Holding matul il-proċedura amministrattiva, li huma jinvokaw, mill-ġdid, fil-Kawża T‑117/07, iservux bħala provi sabiex jinbidel l-oneru tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà, hekk kif inhu ssostanzjat mill-punti fattwali supplementari ċċitati iktar ’il fuq, billi turi li Areva T & D SA u Areva T & D AG kienu ddeterminaw b’mod realment awtonomu l-inizjattiva tagħhom fis-suq.

148    Hekk kif jirriżulta mill-punti 246 sa 269 tat-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Areva u Areva T & D Holding allegaw, essenzjalment, matul il-proċedura amministrattiva, li, bejn id-9 ta’ Jannar u l-11 ta’ Mejju 2004, huma naqsu milli jeżerċitaw influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħhom, 100 % proprjetà tagħhom, attivi fis-settur tat-T & D sa fejn f’dak iż-żmien, huma ma kellhom ebda esperjenza f’dan is-settur u fid-diversi oqsma ta’ attività tagħhom. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li huma żammew, fil-funzjonijiet tagħhom, il-mexxejja operattivi li kienu ġew irreklutati u mħarrġa mill-grupp Alstom. Huwa biss direttur fil-bord tad-diretturi tas-sussidjarji tagħhom li kien jeżerċita funzjonijiet fi ħdanhom b’mod simultanju. Barra minn hekk, sa fejn it-trasferiment lill-grupp Areva tas-“settur T & D” tal-grupp Alstom kien jimplika operazzjonijiet ta’ ristrutturar numerużi u kumplessi, fejn uħud minnhom kellhom jintemmu biss wara t-8 ta’ Jannar 2004, Areva u Areva T & D Holding ma kinux f’pożizzjoni li effettivament jieħdu, f’din id-data, il-kontroll operattiv ta’ dan is-settur u tal-oqsma differenti ta’ attività tiegħu. Barra minn hekk, il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li ma huwiex raġonevoli li jitqies li grupp jista’, mingħajr dewmien u fid-data stess fejn settur ġdid ta’ attivitajiet jiġi ttrasferit lilu, jeżerċita kontroll effettiv fuq u jieħu konjizzjoni tal-fatt li dan il-grupp qed jipparteċipa fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. L-ebda negliġenza ma tista, f’dan ir-rigward, tiġi imputata lilhom, fid-dawl, minn naħa, tan-nuqqas ta’ esperjenza tagħhom fis-settur tat-T & D u l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG u, min-naħa l-oħra, assigurazzjonijiet bil-miktub mogħtija mill-grupp Alstom, fil-kuntest tat-trasferiment minn grupp għal ieħor, fir-rigward tan-nuqqas ta’ ksur preċedenti tad-dritt tal-kompetizzjoni.

149    Dawn l-elementi, ikkunsidrati b’mod individwali, jew anki flimkien, madankollu ma humiex tali li juru li Areva T & D SA u Areva T & D AG kienu jiddeterminaw l-inizjattiva tagħhom fis-suq b’mod realment awtonomu meta mqabbla ma’ Areva u ma’ Areva T & D Holding. B’hekk, il-Kummissjoni ma vvizjatx id-deċiżjoni kkontestata bi żball ta’ evalwazzjoni billi ċaħdet dawn l-elementi bħala mhux probatorji.

150    Minn naħa, ma humiex sostanzjati l-allegazzjonijiet tal-kumpanniji tal-grupp Areva li jgħidu li, għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, Areva u Areva T & D Holding ma kellhomx biżżejjed esperjenza fis-settur tat-T & D u tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG biex ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG. Ċertament, il-grupp Areva ma kienx attiv, qabel it-trasferiment, fis-settur tat-T & D u ma kienx jeżerċita attivitajiet fil-qasam ta’ SIG u, b’mod ġenerali, l-integrazzjoni minn grupp ta’ settur ġdid ta’ attivitajiet hija operazzjoni delikata. Madankollu, wieħed ma jistax jassumi minn dan li Areva u Areva T & D Holding neċessarjament naqsu milli jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq Areva T & D SA u Areva T & D AG bejn id-9 ta’ Jannar u l-11 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, bħalma jirriżulta mid-dokumenti bil-miktub tal-kumpanniji tal-grupp Areva nnifishom, fir-rikors fil-Kawża T-117/07 jew fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, annessi ma’ dan ir-rikors, kif ukoll mid-dokumenti prodotti minnhom bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2006 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), li ġiet ukoll annessa ma’ dan ir-rikors, ir-ristrutturar li sar fi tmiem is-sena 2003 kien ġie stipulat u pprogrammat fil-kuntratt ta’ trasferiment, konkluż fil-25 ta’ Settembru 2003. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li n-negozjar ta’ dan il-kuntratt u l-proċeduri għall-eżekuzzjoni tiegħu, matul is-sena 2003, kienu l-okkażjoni għal Areva u għal Areva T & D Holding li jiksbu jew, minn tal-inqas, li jiżviluppaw l-għarfien tagħhom tas-settur tat-T & D u tal-attivitajiet fil-qasam tas-SIG, u dan anki qabel it-trasferiment effettiv tagħhom lill-grupp Areva, fit-8 ta’ Jannar 2004. Barra minn hekk, kemm mid-dokumenti bil-miktub mill-Kummissjoni kif ukoll mid-dokumenti bil-miktub tal-kumpanniji tal-grupp Areva jirriżulta, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u mid-dokumenti prodotti minnhom bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2006, li G, id-direttur il-ġdid li huma kienu nnominaw fi ħdan il-bordijiet tad-diretturi ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG u li, sa mid-19 ta’ Jannar 2004, kien ukoll il-President Direttur Ġenerali ta’ Areva T & D Holding u, f’dan is-sens, president tat-“tawsima T & D” u membru tal-kumitat eżekuttiv tal-grupp Areva, kien ġie “rreklutat minn barra l-grupp”. Ma huwiex eskluż li dan ir-reklutaġġ estern ippermetta lil Areva u lil Areva T & D Holding jiksbu l-esperjenza li kienet nieqsa lilhom fis-settur ikkonċernat. Filwaqt li ma jurix l-awtonomija ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG fi ħdan il-grupp Areva, ir-reklutaġġ estern ta’ dan il-mexxej ġdid jikkonferma, bil-kontra, li, fil-bidu tal-perijodu kkonċernat, Areva u Areva T & D Holding kellhom organizzazzjoni li kienet tippermettilhom jeżerċitaw kontroll effettiv fuq is-sussidjarji tagħhom, 100 % proprjetà tagħhom, attivi fis-settur tat-T & D u li jinfluwenzaw, b’mod determinanti, l-aġir tagħhom fis-suq.

151    Min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet tal-kumpanniji tal-grupp Areva li jgħidu li Areva u Areva T & D Holding saru jafu bil-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur biss fil-11 ta’ Mejju 2004, anki li kieku wieħed jikkunsidrahom bħala li seħħew, ma humiex tali li juru l-awtonomija tal-aġir fis-suq ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG matul il-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv imqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Areva għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq interruzzjoni eventwali tal-ksur imputat lil Alstom bejn Settembru 1999 u Marzu 2002

–       L-argumenti tal-partijiet

153    Permezz tas-sitt motiv tagħha, Alstom, essenzjalment, tilmenta lill-Kummissjoni talli kisret ir-regoli ta’ prova tal-kontinwità ta’ ksur li jirriżultaw mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, kif ukoll talli kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn hija kkonstatat, fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur inkwistjoni sar b’mod mhux interrott mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004 u, għaldaqstant fuq perijodu ta’ ħmistax-il sena u tmien xhur li jiġġustifika żieda ta’ 155 % tal-ammont bażiku tal-multa li hija tagħtha, fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

154    Alstom issostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, suffiċjentement skont il-liġi, li l-akkordju ma kienx ġie interrott matul perijodu inizjali ta’ tlettax-il xahar, mit-28 ta’ Ottubru 1999 sal-15 ta’ Diċembru 2000, sussegwentement matul perijodu ta’ erbatax-il xahar, mit-22 ta’ Jannar 2001 sas-26 ta’ Marzu 2002, li jikkorrispondi għal tul totali ta’ 27.5 xahar. Kull wieħed minn dawn il-perijodi huwa twil biżżejjed sabiex il-kontinwazzjoni mhux interrotta tal-ksur ma tistax tiġi preżunta mill-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 62). L-unika indikazzjoni mressqa mill-Kummissjoni insostenn ta’ kontinwazzjoni mhux interrotta tal-ksur hija l-lista tat-12 ta’ Mejju 2000 dwar “laqgħat ta’ kumitat” li suppost seħħew bejn it-18 ta’ Mejju 2000 u s-17 ta’ Mejju 2001. Din il-lista, ipprovduta minn ABB u riprodotta fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu ma hijiex prova suffiċjenti tat-tkomplija tal-ksur matul iż-żewġ perijodi kontenzjużi sa fejn, minn naħa, iż-żamma effettiva ta’ wħud mil-laqgħat li hija ssemmi ma hijiex ikkonfermata u, min-naħa l-oħra, l-ebda element ieħor mill-atti ma juri l-eżistenza ta’ prattika li tikkostitwixxi ksur matul dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, il-prova tal-għan antikompetittiv tal-laqgħat imsemmija fil-lista ma ngħatatx mill-Kummissjoni, kif madankollu huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 116 et seq.). Barra minn hekk, Alstom issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra fir-rigward tagħha t-terminu ta’ validità ta’ ċerti proġetti ta’ SIG bħala prova tal-parteċipazzjoni fl-akkordju matul il-perijodi kontenzjużi, meta hija ma kkunsidratx dan l-istess element kontra Siemens, hekk kif jirriżulta mill-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, din il-prova ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-ksur tkompla matul perijodu ta’ għaxar xhur, mis-17 ta’ Mejju 2001 sas-26 ta’ Marzu 2002.

155    Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, Alstom issostni, barra minn hekk, li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 billi ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, dokumenti dwar ftehim miksub fuq proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], konkluż fl-24 ta’ Settembru 1999, biex jiġi applikat sat-28 ta’ Settembru 2001, li fir-rigward tagħhom hija ma kellhiex l-opportunità li tesponi l-fehma tagħha.

156    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, Alstom issostni li t-tul ta’ parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur li huwa imputat lilha għandu jitnaqqas għal tlettax-il sena u tliet xhur u li ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa li ngħatat lilha għandu, b’konsegwenza ta’ dan, jitnaqqas għal 130 %.

157    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ Alstom u titlob sabiex il-motivi u l-ilmenti msemmija iktar ’il fuq jiġu miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

158    Mill-premessi 2, 3, 248, 270 u 299 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni lmentat mal-kumpanniji destinatarji tagħha talli pparteċipaw fi ksur kumpless, iżda uniku u kontinwu, tal-Artikolu 81 KE, għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-11 ta’ Mejju 2004, fejn fil-kuntest ta’ dan il-ksur dawn il-kumpanniji ftehmu, fuq skala dinjija, fir-rigward tal-bejgħ ta’ proġetti SIG, fuq it-tqassim tas-swieq, l-attribuzzjoni ta’ kwoti u ż-żamma tal-ishma ta’ suq rispettivi, l-għoti ta’ proġetti SIG lil produtturi magħżula f’dan is-sens u l-manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (bid rigging) sabiex il-kuntratti inkwistjoni jingħataw lil dawn il-produtturi, l-iffissar permezz ta’ ftehim kumplessi fuq prezzijiet għall-proġetti ta’ SIG li ma kinux ingħataw, ix-xoljiment ta’ kuntratti ta’ liċenzji ma’ kumpanniji li ma kinux membri fl-akkordju u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva fis-suq.

159    Fil-premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn il-ftehim u/jew prattiki mifthiema bejn il-produtturi ta’ proġetti ta’ SIG damu mill-15 ta’ April 1988, minn tal-inqas, sal-11 ta’ Mejju 2004. Mill-premessi 324 u 326 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessa 358 tagħha u mal-Artikolu 1(b) tad-dispożittiv tagħha, jirriżulta li Alstom ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988, data ta’ adozzjoni u ta’ dħul fis-seħħ tal-ftehim GQ u tal-ftehim EQ (ara l-punti 29 u 31 iktar ’il fuq), sat-8 ta’ Jannar 2004, data li fiha l-grupp Alstom ittrasferixxa s-“settur T & D” lill-grupp Areva.

160    Fil-premessi 177 sa 216 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat “espożizzjoni kronoloġika sħiħa tal-iżvilupp tal-akkordju”. Fir-rigward tal-iżvilupp tal-akkordju matul iż-żewġ perijodi kontenzjużi, jiġifieri l-perijodi mit-28 ta’ Ottubru 1999 sal-15 ta’ Diċembru 2000 u mit-22 ta’ Jannar 2001 sas-26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej, fil-premessi 178 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(178) Siemens temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-akkordju f’Settembru 1999, segwita minn Hitachi u Schneider/VA Tech fl-2000. In-nuqqas ta’ Siemens kien partikolarment destabilizzanti mill-perspettiva Ewropea, peress li din il-kumpannija serviet bħala segretarju tal-grupp Europe sa mill-1988 u kien attur prinċipali tas-suq kemm barra kif ukoll ġewwa l-Ewropa. Madankollu, l-attivitajiet tal-akkordju komplew u [Alstom] serviet fil-post ta’ segretarju tal-grupp Europe. B’numru mnaqqas meta mqabbel mal-1988, il-loġistika ġiet issemplifikata, b’tali mod li struttura kumplessa ma kinitx iktar ġustifikata.

(179) Fl-2002, Siemens, Hitachi u VA Tech reġgħu daħlu fl-akkordju […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

161    Fil-premessi 191 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-provi, prodotti minn ABB jew il-kumpanniji tal-grupp Fuji, li juru, fil-fehma tagħha, li l-akkordju tkompla wara t-tluq ta’ Siemens f’Settembru 1999, segwita minn Hitachi u “Schneider/VA Tech”, fl-2000, u qabel ir-ritorn progressiv tagħhom, minn Marzu 2002. Qabel kollox, il-Kummissjoni rreferiet, fil-premessi 191 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, għal dokumenti kkomunikati minn ABB fit-talba tagħha għal immunità (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), li jikkorrispondu għal serje ta’ kopji bil-faks skambjati, bejn it-18 ta’ Diċembru 2000 u t-22 ta’ Jannar 2001, bejn ABB, Melco u Alstom fir-rigward ta’ laqgħat u ta’ għoti ta’ proġetti ta’ SIG. Sussegwentement, fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat dokument ikkomunikat minn ABB fit-talba tagħha għal immunità, li jinkludi lista ta’ “laqgħat ta’ kumitat”, li jkopru parti mill-perijodu 2000-2001 datati t-12 ta’ Mejju 2000. Hija osservat li minn din il-lista kien jirriżulta li l-parteċipanti għal dawn il-laqgħat kienu Reyrolle, Alstom, Schneider, ABB, Melco u Toshiba, iżda mhux Siemens u “JAEPS (Hitachi)”, liema osservazzjoni kienet taqbel mad-dikjarazzjoni ta’ ABB fit-tweġiba tagħha, tal-4 ta’ Ottubru 2004, għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), “li tgħid li dawn l-aħħar żewġ kumpanniji ma kinux jagħmlu parti mill-akkordju f’dak il-mument partikolari”. Fl-aħħar nett, fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, hija invokat numru ta’ dokumenti, ipprovduti mill-kumpanniji tal-grupp Fuji, fit-talba tagħhom skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), u minn ABB, f’supplement, tas-7 ta’ Mejju 2004, għat-talba tagħha għal immunità (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), li jistabbilixxu ftehim konklużi bejn il-membri tal-akkordju fir-rigward ta’ tmien proġetti ta’ SIG li kellhom, fi ħdan l-akkordju, in-numri ta’ referenza [kunfidenzjali], li juru li l-akkordju kien attiv matul dan il-perijodu.

162    Fil-premessa 286 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li dawn l-elementi tal-proċess juru li “l-akkordju nnifsu [kien] tkompla [fin-]nuqqas [ta’ Siemens u ta’ Hotachi] (ara pereżempju l-premessi 191 sa 198 iktar ’il fuq), wara li [dawn l-aħħar impriżi] kienu temporanjament interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan l-akkordju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

163    Mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jirriżulta li sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li hemm lok li jingħata minħabba l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur minbarra l-gravità tiegħu.

164    Meta jkun hemm kwistjoni dwar l-eżistenza tal-ksur, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li minnha għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi jimplika li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova tal-ksur li hija tikkonstata, għandha tressaq il-provi idonei sabiex tistabbilixxi, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tat-tul allegat tal-ksur, l-istess prinċipju ta’ ċertezza legali jitlob li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tinvoka, minn tal-inqas, provi li jirreferu għal fatti li huma suffiċjentement qrib ta’ xulxin fiż-żmien, b’mod li jista’ raġonevolment jiġi aċċettat li l-ksur seħħ b’mod ininterrott bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79; tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 188, u Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punti 114 u 153).

165    Fir-rigward tal-mezzi ta’ prova li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, il-projbizzjoni mill‑parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi kif ukoll is‑sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dan il-ftehim iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar spiss f’terzi pajjiżi, u li d‑dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu miktuba f’biċċiet u mifruxin, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li jiġu kkostitwiti mill-ġdid ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indikazzjonijiet li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57). Tali indikazzjonijiet u koinċindenzi jippermettu li tiġi żvelata mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 166).

166    Barra minn hekk, il-fatt li l-prova tal-eżistenza ta’ ksur kontinwu ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma jipprekludix li l-ksur jitqies li seħħ matul perijodu globali iktar estiż minn dawn il-perijodi speċifiċi ladarba tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indikazzjonijiet oġġettivi u kkorroborati. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jiġu separati b’intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ tali ftehim, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (sentenza Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 165 iktar ’il fuq, punt 169).

167    F’dan il-każ, Alstom ma tikkontestax il-fatt li l-attivitajiet, li għalihom l-impriża kkonċernata pparteċipat fil-kuntest tal-akkordju, żviluppaw tul il-perijodu kollu mill-15 ta’ April 1988 sat-28 ta’ Ottubru 1999, u sussegwentement mill-15 ta’ Diċembru 2000 sat-22 ta’ Jannar 2001 u, finalment, mis-26 ta’ Marzu 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004. Hija lanqas ma tikkontesta l-fatt li dawn l-azzjonijiet differenti li jagħmlu parti mill-ksur kienu jsegwu għan wieħed u li kienu jidħlu fil-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwu. Hija tikkontesta biss it-tul ta’ dan il-ksur, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx, suffiċjentement skont il-liġi u skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prova tal-attivitajiet tal-akkordju għall-perijodi mit-28 ta’ Ottubru 1999 sal-15 ta’ Diċembru 2000 u mit-22 ta’ Jannar 2001 sas-26 ta’ Marzu 2002. Fi kliem ieħor, permezz ta’ dan il-motiv, Alstom ma tikkontestax, fuq il-mertu, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura unika u kontinwa tal-ksur iżda tinvoka sempliċement, fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul ta’ dan il-ksur, ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-oneru tal-prova.

168    Is-sitt motiv tar-rikors iressaq ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni pprovatx, suffiċjentement skont il-liġi u b’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-akkordju tkompla matul il-perijodi mit-28 ta’ Ottubru 1999 sal-15 ta’ Diċembru 2000 u mit-22 ta’ Jannar 2001 sas-26 ta’ Marzu 2002.

169    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li Alstom ma kkontestatx l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-organizzazzjoni u l-ħidma tal-akkordju, li jinsabu fil-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li “[l]-membru tal-akkordju adottaw miżuri ta’ prekawzjoni kumplessi, kemm fuq livell dinji kif ukoll fuq livell Ewropew, sabiex jew jgħattu jew jaħbu l-kuntatti u l-laqgħat tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[d]awn il-miżuri ta’ ħabi kienu jeżistu sa mill-bidu tal-akkordju u ssaħħew sa mill-2002”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 165 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għaldaqstant ġustament ibbażat, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tagħha dwar it-tul tal-ksur fuq evalwazzjoni sħiħa tal-provi u tal-indikazzjonijiet li hija qieset li kienu rilevanti f’dan ir-rigward.

170    Alstom tallega, essenzjalment, li l-provi u l-indikazzjonijiet ikkunsidrati mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi stabbilit li, wara li żviluppaw ruħhom matul ħdax-il sena u sitt xhur, l-attivitajiet li għalihom l-impriża kkonċernata pparteċipat fil-kuntest tal-akkordju tkomplew bejn it-28 ta’ Ottubru 1999 u l-15 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri perijodu ta’ tlettax-il xahar. Barra minn hekk, dawn il-provi u dawn l-indikazzjonijiet ma jurux li, wara li tkomplew mill-ġdid matul ftit iktar minn xahar, l-imsemmija attivitajiet tkomplew bejn it-22 ta’ Jannar 2001 u s-26 ta’ Marzu 2002, jiġifieri perijodu ġdid ta’ erbatax-il xahar, qabel ma tkomplew għal darb’oħra għal perijodu ta’ sena u tmien xhur. B’hekk għandu jiġi diskuss il-valur probatorju ta’ kull waħda mill-provi u indikazzjonijiet ikkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

171    Alstom issostni, b’mod żbaljat, li kull waħda mill-provi jew indikazzjonijiet inkwistjoni turi attivitajiet tal-akkordju biss fid-data li fiha din kun ġiet stabbilita. Fil-fatt, hija tonqos milli tikkunsidra li dawn id-dokumenti jistgħu wkoll juru n-natura kontinwa tal-ksur.

172    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-serje ta’ kopji bil-faks prodotti minn ABB kienu juru l-attivitajiet tal-akkordju għall-perijodu ta’ “madwar is-sena 2000”. Minbarra l-fatt li hija tipprova l-eżistenza ta’ ftehim speċifiku bejn ABB, Melco u Alstom dwar lista ta’ proġetti ta’ SIG, hija tipprovdi wkoll indikazzjoni fir-rigward tat-tkomplija tal-attivitajiet tal-akkordju bejn dawn l-istess impriżi fil-bidu tas-sena 2001, b’relazzjoni ma’ lista oħra ta’ proġetti ta’ SIG, annessi mal-ewwel kopja bil-faks tas-serje bid-data tat-18 ta’ Diċembru 2000.

173    Sussegwentement, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-lista tat-12 ta’ Mejju 2000, dwar tlettax-il “laqgħa tal-kumitat” li kellhom isiru bejn it-18 ta’ Mejju 2000 u s-17 ta’ Mejju 2001, kienet indikazzjoni tal-fatt li l-attivitajiet tal-akkordju tkomplew bejn Reyrolle, Alstom, Schneider, ABB, Melco u Toshiba sas-17 ta’ Mejju 2001. Is-suġġett antikompetittiv ta’ dawn il-“laqgħat tal-kumitat” jista’ jiġi dedott mill-fatt li l-lista tindika lil kull waħda mill-impriżi kkonċernati b’riferiment għall-kodiċi tagħhom fil-kuntest tal-akkordju, hekk kif inhuma riprodotti fil-premessi 142 u 197 tad-deċiżjoni kkontestata, u li, bħal ma ġie kkonfermat minn numru ta’ membri fl-akkordju, ċerti laqgħat tal-istanzi – il-kumitat konġunt Ewropea/Ġappun u l-kumitat Ewropa – li kienu jipparteċipaw għall-ħidma operattiva tal-akkordju kienu ppjanifikati, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessi 150 u 151 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, peress li ż-żamma effettiva ta’ sitta minn dawn il-laqgħat tal-kumitat ġiet jew minn naħa kkonfermata minn ċerti parteċipanti fl-akkordju, jew inkella kkorroborata minn elementi oħra tal-proċess, bħal noti ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar jew annotazzjonijiet fid-djarji personali, l-attivitajiet tal-akkordju matul il-perijodu mit-18 ta’ Mejju 2000 sat-18 ta’ Jannar 2001 jistgħu jitqiesu li seħħew.

174    Fl-aħħar nett, mingħajr lanqas ma jiġi kkunsidrat il-ftehim miksub fuq il-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], li fir-rigward tiegħu Alstom tinvoka, fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, u mingħajr ma tikkunsidra l-ftehim miksub fuq il-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], li għaliha hija ma pparteċipatx, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-ftehim li fihom ipparteċipat Alstom u li kienu jikkonċernaw sitt proġetti ta’ SIG oħra bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali] juru li l-akkordju kien attiv jew, minn tal-inqas, kien ipproduċa effetti bejn is-27 ta’ Awwissu 1998, data li fiha ġie konkluż il-ftehim fuq il-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], u t-28 ta’ Ottubru 2001, data li fiha l-ftehim fuq il-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali] waqaf milli jipproduċi l-effetti tiegħu.

175    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex ikun hemm ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u, b’analoġija, fis-sens tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Petrofina vs Il‑Kummissjoni, T‑2/89, Ġabra p. II‑1087, punt 211, u tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑13/89, Ġabra p. II‑1021, punt 253; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 112, u van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 86). Barra minn hekk, l-Artikolu 81 KE huwa applikabbli meta l-effetti ta’ akkordju jkunu baqgħu fis-seħħ, mingħajr ma jkunu formalment intemm dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 254, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, T‑48/98, Ġabra p. II‑3859, punt 63). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

176    B’hekk, sa fejn Alstom ma kkontestatx il-fatt li kkonkludiet, b’applikazzjoni tar-regoli tal-akkordju, ftehim bil-għan tal-għoti, fi ħdan l-akkordju, ta’ sitt proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali] u sa fejn, ikkunsidrati flimkien, dawn l-akkordji kienu, fid-dawl tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom u tal-perijodu ta’ validità, tali li jipproduċu effetti bejn is-27 ta’ Awwissu 1998, data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim fuq il-proġett bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], u t-28 ta’ Ottubru 2001, data ta’ tmiem il-validità tal-ftehim fuq il-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], il-Kummissjoni ġustament setgħet tikkunsidra li l-ftehim jikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li l-ksur tkompla, b’mod ininterrott, matul il-perijodu kollu kkonċernat.

177    Alstom tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, jekk kull wieħed mill-elementi ċċitati iktar ’il fuq, ikkunsidrat waħdu, juri biss manifestazzjonijiet tal-akkordju bejn Settembru 1999 u Marzu 2002, dawn l-elementi jistgħu, ikkunsidrati flimkien u fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, jipprovdu prova suffiċjenti tan-natura kontinwa tal-ksur. Issa, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, Alstom ma pprovdiet ebda spjegazzjoni koerenti ta’ natura li tispjega l-allegazzjonijiet tagħha ta’ interruzzjonijiet tal-attivitajiet li għalihom l-impriża kkonċernata pparteċipat fil-kuntest tal-akkordju bejn it-28 ta’ Ottubru 1999 u l-15 ta’ Diċembru 2000 u bejn it-22 ta’ Jannar 2001 u s-26 ta’ Marzu 2002 li hija tallega (ara l-punt 170 iktar ’il fuq) u, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li għalihom dawn l-attivitajiet reġgħu tkomplew biss għal tul limitat, ta’ ftit iktar minn xahar, matul il-perijodu mill-15 ta’ Diċembru 2000 sat-22 ta’ Jannar 2001, bejn żewġ perijodi ta’ interruzzjoni, mit-28 ta’ Ottubru 1999 sal-15 ta’ Diċembru 2000 u mit-22 ta’ Jannar 2001 sas-26 ta’ Marzu 2002. F’dan il-kuntest, il-provi ta’ manifestazzjonijiet ripetuti tal-ksur bejn Settembru 1999 u Marzu 2002, minkejja l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens, segwita minn dik ta’ Hitachi u ta’ “Schneider/VA Tech”, kif ukoll l-għadd ta’ indikazzjonijiet, miġbura mill-Kummissjoni, dwar il-fatt li l-attivitajiet li għalihom l-impriża kkonċernata pparteċipat fil-kuntest tal-akkordju tkomplew matul il-perijodu kollu kkonċernat għandhom jitqiesu bħala prova suffiċjenti tal-fatt li l-akkordju tkompla b’mod ininterrott bejn it-28 ta’ Ottubru 1999 u l-15 ta’ Diċembru 2000 kif ukoll bejn it-22 ta’ Jannar 2001 u s-26 ta’ Marzu 2002.

178    Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta’ Alstom ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik ta’ Siemens, peress li, fil-każ ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet li jaqblu bejniethom ta’ membri oħra tal-akkordju li jinsabu fil-proċess sabiex tikkonkludi li Siemens kienet waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur f’Settembru 1999 u, għaldaqstant, tikkunsidra li din kienet waqfet, f’din id-data, milli tikkonforma ruħha mal-ftehim konklużi fuq il-proġetti ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], li kellhom ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom bejn is-27 ta’ Awwissu 1998 u t-28 ta’ Ottubru 2001. B’hekk, il-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux ikkontestata minn Alstom, tindika li l-proċess jinkludi provi li jgħidu li, meta Siemens interrompiet b’mod temporanju l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, il-membri l-oħra tal-akkordju pprovaw, għal ċertu żmien, jikkastigawha talli rtirat billi jikkompetu magħha għal prodetti ta’ SIG fid-dinja kollha, li juri li Siemens innifisha ma kinitx qed tikkonforma ruħha iżjed mar-regoli tal-akkordju.

179    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisret la r-regoli ta’ prova li jirriżultaw mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u lanqas il-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi kkonstatat, fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur imputat lil Alstom tkompla b’mod mhux interrott mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, jiġifieri perijodu b’tul ta’ ħmistax-il sena u tmien xhur li jiġġustifika żieda ta’ 155 % mill-ammont bażiku tal-multa li ngħatat lilha fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

180    B’hekk is-sitt motiv imqajjem minn Alstom għandu jiġi miċħud bħala infondat.

181    Barra minn hekk, mill-iżviluppi li ssemmew preċedentement jirriżulta li l-ftehim miksub fuq il-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali] ma huwiex element indispensabbli biex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-ksur inkwistjoni tkompla b’mod mhux interrott fil-perijodu kollu mit-28 ta’ Ottubru 1999 sas-26 ta’ Marzu 2002 u li dan seta’ jiġi ġġustifikat, suffiċjentement skont il-liġi, abbażi ta’ elementi oħra li jsostnu din l-istess evalwazzjoni.

182    Għalhekk l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, imqajjem fil-kuntest tas-seba’ motiv, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li jikkomporta prova li, fid-deċiżjoni kkontestata, tista’ titqies bħala superfluwa.

 Fuq it-talbiet għal annullament jew għal reviżjoni tal-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata

183    Fil-kuntest tar-raba’ u tas-seba’ motivi tagħha, Alstom tipprova tikseb l-annullament jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa individwali li ngħatat lilha fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tal-ewwel u tat-tieni motivi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, hija titlob l-annullament jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa, li għandha titħallas in solidum ma’ Areva T & D SA, li ngħatat lilha fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

184    Fil-kuntest tal-ewwel u tar-raba’ motivi tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva jipprovaw jiksbu l-annullament tal-multa li ngħatat lilhom fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa.

 Fuq il-ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-multa individwali imposta fuq Alstom fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata

–       L-argumenti tal-partijiet

185    Permezz tat-tielet parti tar-raba’ motiv tagħha, Alstom tallega, sussidjarjament, fil-każ li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tintlaqa’, filwaqt li ma tintlaqgħax it-tieni parti ta’ dan il-motiv, ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 li jirriżulta, essenzjalment, mill-fatt li, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, is-setgħa tal-Kummissjoni li tagħtiha multa individwali minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992 kienet preskritta.

186    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ Alstom u titlob li l-motiv imsemmi iktar ’il fuq jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

187    Dan l-ilment tqajjem minn Alstom fil-każ li jiġi deċiż li hija ma tistax titqies responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru  992 sat-8 ta’ Jannar 2004, sakemm ma tkunx eżerċitat influwenza determinati fuq is-sussidjarji tagħha, 100 % proprjetà tagħha, attivi fis-settur tat-T & D, iżda fejn ir-responsabbiltà personali li hija tinkorri minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu preċedenti mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Novembru 1992 ma ġietx ittrasferita lill-imsemmija sussidjarji.

188    Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, is-setgħa tal-Kummissjoni li tagħti sanzjoni minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE issir preskritta wara ħames snin. It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jkun seħħ il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri biss mill-ġurnata meta l-ksur ikun intemm. Fl-ipoteżi fejn il-ksur imputabbli lil Alstom intemm fis-6 ta’ Diċembru 1992, is-setgħa tal-Kummissjoni li tagħtiha multa minħabba dan il-ksur tkun saret preskritta fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-24 ta’ Jannar 2007.

189    Madankollu, peress li l-ewwel parti tar-raba’ motiv ġiet miċħuda, minħabba l-fatt li Alstom eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tat-T & D matul il-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 (ara l-punti 80 sa 110 iktar ’il fuq), l-ipoteżi li fuqha jistrieħ dan l-ilment ma tistax tiġi vverifikata. Għalhekk, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ

 Fuq il-ksur tar-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, il-ksur tal-Artikolu 7 KE, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità, ta’ dritt għal rimedju effettiv u ta’ individwalità tal-pieni, kif ukoll il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-multi imposti fuq Alstom u fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata

–       L-argumenti tal-partijiet

190    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Alstom tilmenta lill-Kummissjoni talli, billi tagħtha multa, li għandha titħallas in solidum ma’ Areva T & D SA, li tammonta għal EUR 53 550 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, hija kisret il-prinċipju tad-dritt għal rimedju effettiv. B’hekk, is-sitwazzjoni proċedurali tagħha kienet marbuta ma’ dik ta’ Areva T & D SA.

191    Permezz tat-tieni motiv tagħha, Alstom issostni, qabel kollox, li billi tagħtha multa, li għandha tħallas in solidum ma’ Areva T & D SA, li tammonta għal EUR 53 550 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret ir-regoli ta’ ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Dawn ir-regoli jippermettu li tiġi imposta multa li titħallas in solidum biss lil kumpanniji li, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, jagħmlu parti mill-istess grupp u fejn kull waħda minnhom tista’ tinżamm direttament u formalment responsabbli għall-ksur, peress li jkollhom interess dirett f’dan il-ksur. Barra minn hekk, Alstom issostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjonijiet individwali li hija tadotta, billi ma indikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li Alstom kienet tifforma parti minn entità ekonomika unika ma’ Areva T & D SA fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u l-interess dirett li hija personalment kisbet mill-ksur. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija, f’dan ir-rigward, ibbażata fuq raġunijiet kontradittorji, peress li l-premessa 358(b) u (ċ), tagħha, u l-premessa 371(a) tagħha ma jindikawx li l-multa li għandha titħallas in solidum tikkorrispondi għal perijodu li matulu Alstom kienet tifforma unità ekonomika waħda ma’ Areva T & D SA, filwaqt li l-premessa 371(ċ) tagħha tiżvela li din il-multa tkopri wkoll, fil-prattika, perijodu li matulu dan ma kienx il-każ. Barra minn hekk, Alsto issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali ta’ individwalità tal-pieni, peress li tagħtha multa li għandha tħallas in solidum minħabba ksur li għalih hija ma kinitx personalment responsabbli. Fl-aħħar nett, Alstom issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li hija ħolqot sitwazzjoni ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fejn id-determinazzjoni tad-debitur li kellu l-obbligu jħallas il-multa saret biss meta l-Kummissjoni tqiegħed inkwistjoni wieħed mill-kodebituri in solidum, u sa fejn din torbot is-sitwazzjoni legali ta’ kull wieħed mill-kodebituri in solidum ma’ xulxin.

192    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħhom u tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva jilmetaw lill-Kummissjoni talli, billi tat multa lil Areva T & D SA, li għandha tħallas in solidum ma’ Alstom, li tammonta għal EUR 53 550 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, hija kisret ir-regoli ta’ ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Dawn l-aħħar regoli ma jippermettux li tiġi imposta multa li titħallas in solidum lil kumpanniji li, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, ma jagħmlux parti jew ma għadhomx jagħmlu parti mill-istess grupp. Barra minn hekk, il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjonijiet individwali li hija tadotta billi ma pprovdietx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li Areva T & D SA kienet tifforma entità ekonomika waħda ma’ Alstom fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

193    Permezz tal-ħames parti tar-raba’ motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva jilmentaw ukoll lill-Kummissjoni talli, essenzjalment, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn, sabiex timponi multa li għandha titħallas in solidum fuq Areva T & D SA u lil Alstom, hija applikat politika repressiva ġdida jew regoli ġodda fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi għal fatti li jippreċedu l-adozzjoni tagħhom.

194    Permezz tat-tielet u r-raba’ partijiet tar-raba’ motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7 KE, kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, sa fejn hija ddelegat lill-qorti nazzjonali jew lill-korp ta’ arbitraġġ is-setgħa għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-kumpanniji ssanzjonati u, għaldaqstant, il-kontributi rispettivi tagħhom fil-kuntest tal-ħlas tal-multa li ngħatat lilhom u billi Areva T & D SA ġiet esposta tħallas lill-Kummissjoni s-somom li, finalment, kellhom jitħallsu minn Alstom. Barra minn hekk, permezz tas-sitt parti ta’ dan l-istess motiv, il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ dritt għal rimedju effettiv, sa fejn, billi tat lil Areva T & D SA u lil Alstom multa li għandha titħallas in solidum, hija rabtet is-sitwazzjoni legali tagħhom.

195    Barra minn hekk, permezz tal-ħames motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva jilmentaw lill-Kummissjoni talli kisret ir-regoli tal-ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn hija tathom multa, li għandha titħallas in solidum, li tammonta għal EUR 25 500 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma stabbiliet minn qabel, bħal ma jirriżulta mit-tielet motiv tagħhom (ara l-punt 142 iktar ’il fuq), li huma kienu jiffurmaw unità ekonomika waħda fil-mument li twettaq il-ksur u li kull waħda minnhom setgħet tinżamm personalment responsabbli għal dan il-ksur.

196    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti żviluppati minn Alstom u mill-kumpanniji tal-grupp Areva u titlob sabiex il-motivi u l-ilmenti kollha tagħhom jiġu miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

197    Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-legalità tal-multa li għandha titħallas in solidum, li tammonta għal EUR 53 550 000, imposta fuq Alstom u fuq Areva T & D SA, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

198    F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati, qabel kollox, il-motivi jew ilmenti bbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tar-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi kif ukoll tal-ksur ta’ obbligu ta’ motivazzjoni, billi jibda jiġi eżaminat il-ksur allegat tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

199    Kif ġie diġà espost fil-punt 96 sa 99 u 125 sa 129 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement skont il-liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà personali inkorsa minn Alstom u minn Areva T & D SA minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, billi kkonstatat li dawn il-kumpanniji kienu jmexxu, direttament jew indirettament, l-imsemmija impriża matul dan il-perijodu. Barra minn hekk, mill-premessi 348 sa 356, mill-premessa 358(b) u (ċ), mill-premessa 369 u mill-premessa 371(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta espressament li huwa minħabba l-fatt li Alstom u Alstom T & D SA kienu jifformaw entità ekonomika fi ħdan il-grupp Alstom li l-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm lil Alstom u lil Areva T&D SA (li qabel kienet Alstom T & D SA) bħala personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u li, f’dan is-sens, tagħtihom multa li għandha titħallas in solidum u li tammonta għal EUR 53 550 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

200    Il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma mmotivatx speċifikament il-multa li għandha titħallas in solidum imposta fuq Alstom u fuq Areva T & D SA fir-rigward tal-fatt li dawn il-kumpanniji ma kinux jiffurmaw iktar entità ekonomika waħda fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, din iċ-ċirkustanza ma kinitx tostakola, skont il-Kummissjoni, l-impożizzjoni ta’ multa li għandha titħallas in solidum. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tinkludi, fid-deċiżjoni tagħha, motivazzjoni preċiża fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ aspetti li jidhrulha manifestament barra mill-kuntest, neqsin minn sinjifikat jew kjarament sekondarji għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/00, Ġabra p. II‑2275, punt 186, u tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑282/06, Ġabra p. II‑2149, punt 58). Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx, ġustament, teskludi l-elementi inkwistjoni mill-evalwazzjoni tagħha, dan l-aspett jaqa’ taħt l-eżami tal-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u mhux taħt il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali. B’hekk, dan il-punt ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 253 KE (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

201    Lanqas ma huwa fondat l-ilment, ifformulat minn Alstom, li jgħid li l-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha, fil-premessa 371(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, billi żammet lil Alstom bħala personalment responsabbli, in solidum ma’ Areva T & D SA u ma’ Areva T & D AG, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu wara t-trasferiment tas-settur T & D tal-grupp Alstom, fit-8 ta’ Jannar 2004. Fil-fatt, minn din il-premessa jirriżulta li huma biss Areva, Areva T & D Holding, Areva T & D SA kif ukoll Areva T & D AG, u mhux Alstom, li jinkorru responsabbiltà minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004.

202    Għaldaqstant il-motivi jew ilmenti bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandhom jiġu kollha kemm huma miċħuda bħala infondati.

203    Għalhekk, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi jew l-ilmenti fuq il-mertu mqajma minn Alstom u mill-kumpanniji tal-grupp Areva u, fl-ewwel lok, dawk li permezz tagħhom huma jinvokaw, essenzjalment, il-fatt li l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll ir-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi ma jippermettux li tiġi imposta multa li għandha titħallas in solidum lil kumpanniji li ma jistgħux jinżammu personalment responsabbli għall-ksur u li ma jifformawx iktar entità ekonomika waħda fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ħlas in solidum tal-multi dovuti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE huwa effett ġuridiku li jirriżulta, ipso jure, mid-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dawn l-artikoli.

205    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 134 iktar ’il fuq, il-ħlas in solidum ta’ multa dovuta minn numru ta’ persuni minħabba l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jirriżulta mill-fatt li kull waħda minn dawn il-persuni tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur. L-uniformità tal-aġir tal-impriża fis-suq tiġġustifika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kumpanniji jew, b’mod iktar ġenerali, is-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli, ikunu obbligati in solidum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, punt 134 iktar ’il fuq, punt 41; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 54, 524 u 525, u Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 134 iktar ’il fuq, punt 62). Il-ħlas in solidum tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn dan jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-ħlas effettiv tal-imsemmija multi, jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali mfittex mid-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 172 u 173, u tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 61), u dan b’osservanza tal-prinċipju ne bis in idem, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa wkoll stabbilit mill-Artikolu 4 tal-protokoll Nru 7 tal-KEDB, li jipprojbixxi li l-istess aġir ta’ impriża fis-suq jiġi ssanzjonat iktar minn darba għall-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, permezz tas-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 338; sentenza PVC II, punt 64 iktar ’il fuq, punti 95 sa 99, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 340).

206    Il-fatt li r-responsabbiltajiet personali inkorsi minn numru ta’ kumpanniji minħabba l-parteċipazzjoni tal-istess impriża fi ksur ma humiex identiċi ma jostakolax il-fatt li dawn jingħataw multa li għandha titħallas in solidum, ladarba l-ħlas in solidum tal-multa jkopri biss il-perijodu tal-ksur li matulu huma kienu jifformaw unità ekonomika waħda u għaldaqstant kienu jikkostitwixxu impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma jirriżultax li huma biss kumpanniji li jiffurmaw unità ekonomika waħda fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa li jistgħu jingħataw multa li għandha titħallas in solidum. Għalhekk, billi tat multa lil Alstom u lil Areva T & D SA li għandha titħallas in solidum u li tammonta għal EUR 53 550 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament setgħet teskludi milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji ma kinux jiffurmaw iktar unità ekonomika waħda fl-24 ta’ Jannar 2007.

207    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, il-Kummissjoni setgħet tagħti lil Alstom u lil Areva T & D SA multa li għandha titħallas in solidum li tammonta għal EUR 53 550 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, ġaladarba, hekk kif jirriżulta mill-punti 80 sa 141 iktar ’il fuq, hija kienet, ġustament, ikkonstatat li kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji setgħet titqies personalment responsabbli għal din il-parteċipazzjoni.

208    B’hekk, il-motivi jew ilmenti bbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tar-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

209    Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali.

210    Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari meta timponi jew tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, anki meta ma tkunx ta’ natura penali, għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jgħarrfu, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u jkunu jistgħu jaġixxu skont il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11; sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju japplika kemm fir-rigward tar-regoli ta’ natura penali kif ukoll fir-rigward tal-istrumenti amministrattivi speċifiċi li jimponu jew jippermettu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. Dan japplika mhux biss għar-regoli li jistabbilixxu l-elementi li jikkostitwixxu ksur, iżda wkoll għal dawk li jiddefinixxu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn tal-ewwel (ara s-sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, kif jissemma fil-punti 131 sa 133 iktar ’il fuq, jagħmel parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li tiegħu l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura l-osservanza u jirrikjedi li r-regoli ta’ imputazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li huma applikati f’deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jikkorrispondu għal dawk li kienu applikabbli fil-mument meta twettaq il-ksur ikkonstatat u ssanzjonat. Dan il-prinċipju jmur kontra l-applikazzjoni retroattiva ta’ ksur ta’ regoli ġodda ta’ imputazzjoni u ta’ sanzjoni, li r-riżultat tagħhom ma kienx raġonevolment prevedibbli fil-ġurnata meta seħħ dan il-ksur.

212    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 134 u 205 iktar ’il fuq jirriżulta li r-regoli ta’ imputazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni applikati, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni kien diġà stabbiliti fil-mument meta seħħ il-ksur, jiġifieri, f’dan il-każ, matul il-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, u li, fi kwalunkwe każ, huma ma setgħux jitqiesu li ġew iffissati għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn ir-regoli kienu jew, minn tal-inqas, kellhom ikunu magħrufa minn Alstom u mill-kumpanniji tal-grupp Areva fil-mument tal-fatti. Barra minn hekk, dawn ir-regoli kienu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex huma setgħu raġonevolament jipprevedu r-riżultat tal-applikazzjoni tagħhom fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Hekk kif issemma fil-punt 140 iktar ’il fuq, dan jista’ wkoll jispjega t-tfassil ta’ klawżola ta’ garanzija ta’ passiv fil-kuntratt ta’ trasferiment fil-każ fejn Areva T & D SA u Areva T & D AG jinsabu ħatja ta’ ksur imwettaq preċedentement. B’hekk, Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva ma jistgħux jinvokaw, f’dan il-każ, ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività jew ta’ ċertezza legali minħabba l-multa li għandha titħallas in solidum, li tammonta għal EUR 53 550 000, imposta fuq Alstom u fuq Areva T & D SA, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

213    Sa fejn il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jiġi interpretat bħala eċċezzjoni ta’ illegalità indirizzata kontra r-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi, minħabba l-fatt li dawn ir-regoli huma sors ta’ inċertezza fir-rigward tal-ħlas tal-multa, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-debitur li għandu l-obbligu li jħallas u fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika tal-kodebituri in solidum, l-imsemmi motiv jitlob deċiżjoni dwar il-legalità nnifisha tas-sistema ta’ “ħlas in solidum tal-multi” fid-dritt tal-kompetizzjoni u sabiex jiġi vverifikat jekk id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan jistgħux ikunu magħrufa b’mod suffiċjentement preċiż mill-kumpanniji ssanzjonati. Bħall-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tagħha hija sempliċement effett ipso jure (ara l-punt 205 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ “ħlas in solidum tal-multi” huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment għall-għanijiet u għas-sistema tad-dritt tal-kompetizzjoni, li fiha hija tipparteċipa, u, jekk ikun il-każ, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi kollha ta’ dritt nazzjonali.

214    Fl-ittra rreġistrata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ġunju 2009 (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), u bil-kontra għal dak li kienet iddikjarat waqt is-seduta (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ssostni li, meta hija timponi multa li għandha titħallas in solidum lil numru ta’ kumpanniji, mingħajr preċiżjoni jew indikazzjoni ulterjuri fid-dispożittiv tad-deċiżjoni, hija ma għandhiex intenzjoni li tirregola l-kwistjoni li tirriżulta fir-relazzjoni bejn il-kodebituri differenti u li tikkonċerna l-kontribuzzjoni rispettiva għall-ħlas ta’ din il-multa. Madankollu, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni timponi fuq diversi kumpanniji l-obbligu li jħallsu in solidum multa neċessarjament tipproduċi l-effetti kollha marbuta, ex lege, mas-sistema legali tal-ħlas tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni, u dan kemm fir-relazzjonijiet bejn il-kreditur u l-kodebituri in solidum kif ukoll fir-relazzjonijiet tal-kodebituri in solidum bejniethom. B’hekk, la l-Kummissjoni u lanqas ir-rikorrenti ma jistgħu validament jallegaw li l-ħlas in solidum tal-multa jirregola r-relazzjonijiet bejn il-kreditur u l-kodebituri in solidum, iżda mhux ir-relazzjonijiet bejn il-kodebituri in solidum bejniethom. Bl-istess mod, ma jistax jiġi allegat mill-Kummissjoni u mir-rikorrenti li l-kumpanniji jistgħu liberament jifthiemu dwar kif ser jaqsmu, bejniethom, l-ammont ta’ multa, li għandha titħallas in solidum, li ngħatat lilhom, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jew tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għal ksur tal-Artikolu 81 KE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, peress li hija biss il-Kummissjoni li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

215    Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi multa li għandha titħallas in solidum, lil diversi kumpanniji minħabba aġir illegali ta’ impriża, din tattribwilhom responsabbiltà indaqs għall-imsemmi aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punti 100 u 101). Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li l-kumpanniji kkundannati għall-ħlas in solidum ta’ multa għandhom l-obbligu li jħallsu multa waħda, li l-ammont tagħha hija kkalkolata b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aristrain vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101). Minn dan jirriżulta li kull kumpannija għandha l-obbligu li tħallas il-multa kollha fir-rigward tal-Kummissjoni filwaqt li l-ħlas magħmul minn waħda mill-kumpanniji jeħles lill-kumpanniji kollha mill-obbligi fil-konfront tal-Kummissjoni. Il-kumpanniji li fuqhom tiġi imposta multa li għandha titħallas in solidum u li jinkorru, sakemm ma ssirx indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li timponi l-multa, responsabbiltà indaqs għat-twettiq tal-ksur għandhom, bħala prinċipju, jikkontribwixxu f’partijiet indaqs għall-ħlas tal-multa imposta minħabba dan il-ksur. Konsegwentement, il-kumpannija li, wara li tkun ġiet eventwalment investigata mill-Kummissjoni, tħallas l-ammont kollu tal-multa tista’, abbażi tal-istess deċiżjoni tal-Kummissjoni, tipproċedi kontra l-kodebituri in solidum tagħha għall-irkupru tal-parti rispettiva tagħhom. Għalkemm, b’dan il-mod, id-deċiżjoni li fiha tkun ġiet imposta multa fuq diversi kumpanniji li għandha titħallas in solidum ma tippermettix li tiġi ddeterminata, a priori, liema minn dawn il-kumpanniji għandha effettivament tintalab tħallas l-ammont tal-multa lill-Kummissjoni, hija ma tipprekludix il-possibbiltà li kull waħda mill-kumpanniji tkun taf, mingħajr dubji, is-sehem tal-ammont tal-multa applikabbli għaliha u tipproċedi kontra l-kodebituri in solidum tagħha għall-irkupru tas-somom li hija kellha tħallas minbarra sehemha.

216    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-ħlas in solidum tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni ma jipprekludix il-possibbiltà li kull waħda mill-kumpanniji ssanzjonati jsiru jafu, mingħajr dubji, il-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għaliha minħabba s-sanzjoni. Il-fatt li, f’dan il-kuntest, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jkun magħruf liema waħda minn dawn il-kumpanniji tissejjaħ biex tħallas l-ammont tal-multa lill-Kummissjoni, fih innifsu, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

217    Barra minn hekk, il-ħlas in solidum tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni ma jipprekludix id-dritt, għal kull waħda mill-kumpanniji ssanzjonati, li jippreżentaw rikors għal annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni imponitilhom multa li kellha titħallas in solidum. F’dan il-każ, kemm Alstom kif ukoll Areva T & D SA eżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju, billi kull waħda minnhom ippreżentaw rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 230 KE.

218    Għaldaqstant, il-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali għandhom jiġu kollha kemm huma miċħuda.

219    Fir-rigward tal-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet skont id-dritt tal-kompetizzjoni, jimponi li persuna għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li hija tiġi akkużata bihom individwalment (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 278, u tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 66).

220    F’dan il-każ, Alstom u Areva T & D SA ġew issanzjonati, minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, għal fatti li bihom ġew akkużati individwalment mill-Kummissjoni. Hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 127 iktar ’il fuq, huwa minħabba r-responsabbiltà tagħhom bħala mexxejja, diretti jew indiretti, tal-impriża kkonċernata li dawn il-kumpanniji nżammu personalment responsabbli mill-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004. Għaldaqstant huwa minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li huma meqjusa li wettqu personalment, minħabba t-tmexxija li kienu jeżerċitaw f’dak iż-żmien fuq l-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä‑Serla et vs Il‑Kummissjoni, punt 134 iktar ’il fuq, punt 28), li ġiet imposta multa fuq Alstom u Areva T&D SA li għandhom iħallsu in solidum u li tammonta għal EUR 53 550 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

221    B’hekk, il-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet għandhom ukoll jiġu miċħuda.

222    Sa fejn, fil-kuntest tal-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, Alstom sostniet, fl-istadju tar-replika fil-Kawża T‑127/07, li n-nuqqas ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni li tirriżulta mill-ħlas in solidum tal-multi jippreġudika l-għan li jiġi żgurat effett dissważiv tal-multi, b’mod partikolari segwit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkonstatat li tali lment, li ma jibbaża ruħu fuq ebda punt, ta’ liġi jew ta’ fatt, li rriżulta matul il-proċedura kontenzjuża, jikkostitwixxi lment ġdid inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fi kwalunkwe każ, dan l-ilment ma huwiex fondat, peress li, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 215 iktar ’il fuq, kull wieħed mill-kodebituri in solidum għandu l-obbligu, fir-rigward tal-oħrajn, li jħallas is-sehem tiegħu dovut tal-multa u jsostni bħala prinċipju, b’dan il-mod, l-oneru tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

223    Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv sa fejn, minħabba l-kundanna in solidum tagħhom, is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Alstom tinsab marbuta, mill-aspett proċedurali, ma’ dik ta’ Areva T & D SA u fis-sens reċiproku.

224    Ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie wkoll stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 39; sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, Ġabra p. II‑2957, punt 209). Barra minn hekk, id-dritt għal rimedju effettiv reġa ġie mtenni mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1).

225    Ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv japplika, b’mod partikolari, għal kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata u tissanzjona ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il‑Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punt 60, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

226    Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi “b’ġurisdizzjoni illimitata fuq l-azzjonijiet imressqa kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tistabbilixxi jew tkun stabbbiliet multa u din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta”.

227    Fil-kuntest tar-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 230 KE, l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputa ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi billi, f’dan ir-rigward, timponilhom multa għandu jiġi kkunsidrat bħala stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-motivi li jistgħu jiġu invokati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati, insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tal-att, huma tali li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-mertu fuq id-dritt bħal ma jsir għal kull ksur ikkonstatat u għal kull multa stabbilita mill-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punt 45). L-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni u, għaldaqstant, in-natura effettiva tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tistabbilixxi multa għadhom imsaħħa bil-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam. Lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità, li jippermetti biss iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament jew l-annullament tal-att ikkontestat, il-ġurisdizzjoni sħiħa li hija għandha jippermetti lill-qorti tal-Unjoni sabiex tirrevedi l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt, sabiex tbiddel, pereżempju, l-ammont tal-multa imposta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692).

228    F’dan il-każ, il-fatt li l-Kummissjoni imputat lil Alstom u lil Areva T & D SA r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u, għal din ir-raġuni, imponietilhom multa li għandha titħallas in solidum u li tammonta għal EUR 53 550 000, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, ma ppreġudikax id-dritt ta’ kull waħda minn dawn il-kumpanniji, bħala destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li jissuġġettaw lill-Kummissjoni għal stħarriġ ġudizzjarju permezz tal-eżerċizzju effettiv tar-rimedji ggarantiti bid-dritt tal-Unjoni kif ukoll bil-Ftehim ŻEE. Fil-fatt, sew Alstom kif ukoll Areva T & D SA setgħu jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 230 KE u li jikkomporta mhux biss talba għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet li jiżguraw ruħhom mil-legalità tagħha, b’mod partikolari sa fejn din imponietilhom multa li għandha titħallas in solidum, iżda wkoll talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta fuqhom li għandha titħallas in solidum. B’hekk kull waħda minn dawn il-kumpanniji setgħet tissuġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni l-kwistjoni tal-legalità, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tal-ħlas in solidum tal-multa, li tammonta għal EUR 53 550 000, li ġiet imposta fuqhom fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata. Bis-saħħa tal-effett retroattiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 30) u tal-awtorità assoluta tar-res judicata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 54; tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, Ġabra p. I‑1197, punt 26, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 36) marbuta mas-sentenzi ta’ annullament, li kieku kellhom jintlaqgħu r-rikorsi tagħhom Alstom jew Areva T & D SA jkunu jistgħu jinsabu eżenti minn kull responsabbiltà li tirriżulta mill-ksur ikkonstatat u meħlusa minn kull obbligu li jħallsu l-ammont tal-multa imposta fuqhom minħabba dan il-ksur lill-Kummissjoni jew minn kull obbligu li jikkontribwixxu, bis-sehem tagħhom tal-multa, għall-ħlas ta’ din il-multa fil-każ ta’ ħlas ta’ din il-multa mill-kodebitur in solidum tagħhom.

229    Bħal ma ssostni Alstom, il-fatt li l-garanzija ta’ passiv stipulata fil-kuntratt ta’ trasferiment tista’ tippreġudika l-benefiċċju li din il-kumpanniji tista’ tislet mir-rikors tagħha, fil-Kawża T‑121/07, għandu jitqies bħala effett legali tal-ftehim konkluż bejn il-partijiet u mhux bħala effett tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha. Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta fil-premessa 368, in fine, tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li tali garanzija ta’ passiv ġiet stipulata fil-kuntratt ta’ trasferiment huwa mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 81 KE u, b’analoġija, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku, indispensabbli sabiex jintlaħqu l-missjonijiet mogħtija lill-Komunità Ewropea u liż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I-4529, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li r-responsabbiltà u s-sanzjoni inkorsi mill-kumpanniji fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni arbitrarja ta’ dawn il-kumpanniji.

230    Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li sa fejn, fl-Artikolu 2(ċ) tagħha, id-deċiżjoni kkontestata timponi multa li għandha titħallas in solidum, li tammonta għal EUR 53 550 000, lil Alstom u lil Areva T & D SA, hija tikser il-prinċipju tad-dritt għal rimedju effettiv.

231    B’hekk, il-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

232    Fl-aħħar nett, għandhom jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 7 KE kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, sa fejn, billi kkundannat lil Alstom u lil Areva T & D SA għall-ħlas in solidum ta’ multa, il-Kummissjoni ddelegat lill-qorti nazzjonali jew lil korp ta’ arbitraġġ is-setgħa li għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kull waħda minn fosthom għat-twettiq tal-ksur ikkonstatat u, għaldaqstant, il-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom għall-ħlas tal-multa, u ssuġġettat lil Areva T & D SA għall-obbligu li tħallas lill-Kummissjoni ċerti somom li, finalment, għandhom jitħallsu minn Alstom.

233    Skont l-Artikolu 5 KE, il-Komunità Ewropea għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha u tal-għanijiet assenjati lilha mit-Trattat. B’hekk hija għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I‑1759, punt 23). Skont l-Artikolu 7(1) KE, l-istituzzjonijiet li, bħall-Kummissjoni, jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Komunità jaġixxu, fihom infushom, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mit-Trattat. Istituzzjoni ma tistax tirrinunzja l-kompetenzi mogħtija lilha, inkella tkun qed tmur kontra r-rwol tagħha, skont l-Artikolu 7(1) KE, fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Komunità.

234    Meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, hija għandha biss il-kompetenza, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jew tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tikkonstata dan il-ksur u timponi multi fuq l-impriżi li, b’mod intenzjonali jew b’negliġenza, ipparteċipaw fih. Il-Kummissjoni ma tistax tiddelega lil terzi s-setgħat mogħtija lilha bid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq mingħajr ma tmur kontra l-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tas-setgħat ta’ investigazzjoni li l-Kummissjoni tislet mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 1264).

235    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kull darba li hija tiddeċiedi li timponi multi skont id-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 315). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C‑174/89, Ġabra p. I‑2681, punt 25; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96).

236    F’dan il-każ, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-kumpanniji tal-grupp Areva, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sehem ta’ responsabbiltà rispettiva ta’ Areva T & D SA u ta’ Alstom fil-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u, għaldaqstant is-sehem rispettiv tagħhom fil-multa li għaliha huma marbuta in solidum fil-konfront tal-Kummissjoni. Fil-fatt, bħal ma ġie kkonstatat fil-punt 215 iktar ’il fuq, hemm lok biex jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni kkontestata, Areva T & D SA u Alstom jinkorru responsabbiltà ndaqs minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru sat-8 ta’ Jannar 2004, fejn jirriżulta li s-sehem rispettiv tagħhom fl-ammont tal-multa li għandha titħallas in solidum huwa, bħala prinċipju, ta’ 50 %. Peress li dawn l-elementi jistgħu jiġu dedotti mid-deċiżjoni kkontestata nnifisha, ma jistax jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddelegat lil qorti nazzjonali jew lil korp ta’ arbitraġġ parti mis-setgħat mogħtija lilha sabiex tikkonstata u tissanzjona l-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

237    Peress li l-motivi u l-ilmenti inkwistjoni huma bbażati fuq ipoteżi żbaljata, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

238    B’hekk, għandhom jiġu miċħuda l-motivi u l-ilmenti kollha mqajma minn Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva fir-rigward tal-multa, li għandha titħallas in solidum, li tammonta għal EUR 53 550 000, imposta fuq Alstom u fuq Areva T & D SA, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq ksur tar-regoli tal-ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fuq ksur tal-Artikolu 7 KE, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ individwalità tal-pieni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

239    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 25 500 000, li għandu jitħallas in solidum mill-kumpanniji tal-grupp Areva skont l-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

240    Fil-premessa 370 u fil-premessa 371(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kumpanniji tal-grupp Areva setgħu jinżammu personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, sa fejn huma kienu jmexxu, direttament jew indirettament, lill-imsemmija impriża matul il-perijodu tal-ksur inkwistjoni u għaldaqstant huma kienu jifformaw l-istess impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.

241    Mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 134 u 205 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi qieset li jistgħu jinżammu personalment responsabbli għal aġir ta’ impriża li tikkostitwixxi ksur il-kumpanniji li, direttament jew indirettament, kienu jmexxu lil din l-impriża fil-mument meta din l-impriża pparteċipat fil-ksur. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-kumpanniji tal-grupp Areva ma kkontestawx il-fatt li Areva T & D SA u Areva T & D AG mexxew direttament lill-impriża kkonċernata bejn id-9 ta’ Jannar u l-11 ta’ Mejju 2004, iżda kkontestaw biss il-fatt li Areva u Areva T & D Holding mexxew indirettament lil din l-istess impriża permezz tas-sussidjarji tagħhom, 100 % proprjetà tagħhom, attivi fis-settur tat-T & D. Madankollu, mill-iżviluppi li jinsabu fil-punti 144 sa 152 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi qieset li, għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, Areva u Areva T & D Holding kienu jeżerċitaw kontroll effettiv fuq Areva T & D SA u Areva T & D AG u kienu jiddeterminaw l-aġir ta’ dawn tal-aħħar fis-suq.

242    B’hekk, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni kisret ir-regoli ta’ ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 25 500 000, li għalih il-Kummissjoni żżomm lill-kumpanniji tal-grupp Areva responsabbli in solidum fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

243    Għahekk, għandhom jiġu miċħuda, bħala infondati, il-motivi u l-ilmenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li jqegħdu inkwistjoni l-multa li għandha titħallas in solidum u li ġiet imposta fuqhom fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003

–       L-argumenti tal-partijiet

244    Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha Alstom tilmenta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba l-fatt li l-ilmenti kkunsidrati fir-rigward tagħha fid-deċiżjoni kkontestata ma jaqblux ma’ dawn ifformulati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija tqis li ma setgħetx issostni l-opinjoni tagħha fir-rigward tar-“responsabbiltà esklużiva” imputata lilha, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992, sa fejn fil-punt 337 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet indikat li f’dan is-sens, hija kienet qed tinkorri “responsabbiltà in solidum” ma’ Areva T & D SA u Areva T & D AG.

245    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ Alstom u titlob sabiex l-ilment jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

246    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal penali perjodiċi, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat anki jekk dawn ikunu proċeduri ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑Laroche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il‑Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687, punt 19; sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 44).

247    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata, matul il-proċeduri amministrattivi, tkun tpoġġiet f’pożizzjoni li tispjega b’mod utli l-fehma tagħha fuq ir-realtà u r-relevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 66).

248    F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 1/2003, l-istess bħal, qablu, ir-Regolament Nru 17, jipprovdi li lill-partijiet għandha tintbagħtilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha tiddikjara, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom tkun qed tibbaża ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura. Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 247 iktar ’il fuq, punt 14, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 67), peress li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jkun fiha huma ta’ natura purament provviżorja (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tista’, u saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva sabiex, b’mod partikolari, tirrinunzja dawk l-ilmenti li jkunu rriżultaw li huma infondati (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 247 iktar ’il fuq, punt 14, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 67).

249    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, Alstom issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn hija rrinunzjat, fid-deċiżjoni kkontestata, ilment li qabel hija kienet ikkunsidrat kontra Areva T & D SA u Areva T & D AG, fil-punt 337 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li jikkonsisti f’li żżomm lil dawn il-kumpanniji personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992.

250    Il-Kummissjoni, li tikkontesta l-allegazzjoni ta’ Alstom li tgħid li hija ma indikatilhiex li kienet qed iżżommha bħala unika responsabbli għall-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992, issostni li mill-punt 337 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, moqri flimkien mal-punt 331 tagħha, jirriżulta li hija kellha l-intenzjoni li żżomm lil Alstom bħala unika responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992. Fid-dawl ta’ din l-oġġezzjoni, hemm lok, qabel kollox, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni.

251    Fil-punt 331 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tal-kumpanniji parent minħabba l-aġir antikompetittiv imputabbli lis-sussidjarja tagħhom, dovuta għaż-żamma minn dawn il-kumpanniji parent tal-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarji.

252    Fil-punt 336 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni osservat li Alstom u l-predeċessuri ġuridiċi u ekonomiċi tagħha kienu l-proprjetarji tal-kapital kollu jew kważi kollu tal-entitajiet ġuridiċi li pparteċipaw fl-aġir kollużiv deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, Alsthom SA (France), GEC Alsthom SA, Kléber Eylau, GEC Alsthom T & D SA u Alstom T & D SA, li tagħhom Areva T&D SA hija s-suċċessur ġuridiku u ekonomiku u, min-naħa l-oħra, Sprecher Energie, GEC Alsthom T&D, Alstom T & D AG, Alstom Power (Schweiz) u Alstom AG (Suisse), li tagħhom Areva T & D AG hija s-suċċessur ġuridiku u ekonomiku.

253    Fil-punt 337 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni esponiet li, għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 331 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kellha l-intenzjoni li żżomm lil Alstom, Areva T & D SA u Areva T & D AG responsabbli, konġuntament u in solidum, għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu inkluż bejn il-15 ta’ April 1988, data li fiha l-impriża aderiet fil-ftehim GQ u fil-ftehim EQ, u t-8 ta’ Jannar 2004, data li fiha l-grupp Alstom ittrasferiet is-“settur T & D” tagħha lill-grupp Areva.

254    Fid-dawl tat-test ċar tal-punt 337 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li Alstom ġustament issostni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet turi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżomm lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur, b’mod partikolari, għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992. Sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżomm biss lil Alstom bħala responsabbli għall-ksur matul dan l-istess perijodu, hija tirrinunzja, essenzjalment, għal ilment inizjalment ifformulat kontra Areva T & D SA u Areva T & D AG fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, f’dan is-sens, id-deċiżjoni kkontestata ma taqbilx mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

255    Mill-proċess jirriżulta li, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-kumpanniji tal-grupp Areva pprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali li tistabbilixxi n-natura infondata tal-ilment ikkunsidrat kontra Areva T & D SA u Areva T & D AG. Fil-fatt, mill-premessa 344 tad-deċiżjon kkontestata, invokata mill-Kummissjoni, jirriżulta li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-kumpanniji tal-grupp Areva ddikjaraw li Alstom biss kellha tinżamm responsabbli għall-ksur mill-inqas sal-1993, billi dak li llum jikkostitwixxi l-grupp Alstom kien jikkontrolla direttament l-attivitajiet fil-qasam tat-T & D matul il-perijodu mill-1988 sal-1993, sa meta ġie kkostitwit il-predeċessur ta’ Alstom T & D SA, jiġifieri GEC Alsthom T & D SA. Fil-premessi 20, 357 u 366 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Areva T & D SA u Areva T & D AG, taħt l-isem li kellhom f’dak iż-żmien, ma kinux eżistew qabel, rispettivament, is-7 ta’ Diċembru 1992, data li fiha l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG fi Franza tal-grupp Alstom ġew ittrasferiti lil Kléber Eylau, u t-22 ta’ Diċembru 2003, data li fiha l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG fl-Isvizzera tal-grupp Alstom ġew ittrasferiti lil Alstom (Schweiz) Services, biex b’dan tistabbilixxi, fil-premessi 358 u 371 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-kumpanniji ma setgħux jinżammu personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992.

256    Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-responsabbiltà inkorsa minn Alstom kinitx ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma żammitx lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992.

257    Fid-dawl tal-effetti prodotti mill-ħlas in solidum tal-multi, hekk kif jissemmew fil-punti 205 u 215 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, Alstom biss ġiet ikkunsidrata bħala responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992 biddel is-sitwazzjoni ġuridika tagħha u li, b’dan il-mod, id-diskrepanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt 254 iktar ’il fuq kienet tikkawżalha preġudizzju. Fil-fatt, billi naqset milli tikkonstata r-responsabbiltà personali ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992 u, għaldaqstant, billi naqset milli timponilhom multa li għandha titħallas in solidum ma’ Alstom għal dan il-perijodu, il-Kummissjoni, finalment, qiegħdet l-oneru kollu tar-responsabbiltà u għaldaqstant l-oneru tal-multa fuq Alstom meta, għall-ħlas in solidum tal-multi, kull wieħed mill-kodebituri in solidum, finalment, huwa marbut, fir-rigward tal-oħrajn, biss sal-limitu tas-sehem tiegħu fl-ammont tal-multa li għandha titħallas in solidum.

258    In-natura provviżorja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ċertament tippermetti, f’dan il-każ, lill-Kummissjoni tirrinunzja lment ifformulat fiha kontra Areva T & D SA u Areva T & D AG, fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali, ipprovduta minn Areva matul il-proċedura amministrattiva, li kienet tiġġustifikaha. Madankollu, sa fejn din ir-rinunzja kienet tikkawża preġudizzju lil Alstom, din tista’ sseħħ biss meta din tal-aħħar titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod utli.

259    Fil-premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati mill-kumpanniji tal-grupp Areva fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jgħidu li Alstom biss għandha tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992 (ara l-punt 255 iktar ’il fuq), li Alstom kienet tirrikonoxxi espliċitament, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kellha aċċess għat-tweġiba tal-kumpanniji tal-grupp Areva għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont il-kundizzjonijiet mifthiema mill-grupp Alstom u l-grupp Areva fil-kuntratt ta’ trasferiment, u li pproċessat fid-dettall l-affermazzjonijiet tal-grupp Areva dwar ir-responsabbiltà. Hija żiedet li s-seduta tat-18 u tad-19 ta’ Lulju 2006 kienet l-okkażjoni, kemm għal Alstom kif ukoll għall-kumpanniji tal-grupp Areva, li jerġgħu jtennu l-argumenti rispettivi tagħhom u li jwieġbu dawk tal-parti l-oħra. Fil-premessi 345 sa 347 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-argumenti magħmula minn Alstom fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-premessa 347, hija osservat, b’mod partikolari, li Alstom ma ħaditx sehem attivi fl-attività fil-qasam tas-SIG jew fl-akkordju kkonċernat qabell l-1993, peress li s-“taqsima T & D”, li sussegwentement ingħatat l-isem “settur T & D” (li lilu jappartjenu Alstom T & D SA u Alstom T & D AG), dejjem aġixxiet bħala impriża awtonoma fis-suq, sew qabel kif ukoll wara li ngħata personalità ġuridika, u hija kienet issostni li huwa biss is-“settur T&D” u, konsegwentement, Areva T & D SA u Areva T & D AG kellhom jitqiesu responsabbli għall-ksur.

260    Il-kontenut tal-premessi 344, 345 u 347 tad-deċiżjoni kkontestata ma ġiex ikkontestat minn Alstom. Issa, dan il-kontenut juri, suffiċjentement skont il-liġi, li Alstom setgħet tieħu pożizzjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà esklużiva tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992, kif ukoll dwar l-għarfien tagħha tal-argumenti ppreżentati mill-kumpanniji tal-grupp Areva fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minn dan jirriżulta wkoll li Alstom kienet f’pożizzjoni li tesponi r-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li ma kienx hemm lok li jiġi rrinunzjat l-ilment inizjalment ifformulat kontra Areva T & D SA u Areva T & D AG fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

261    Dan huwa kkonfermat mir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta, stabbilit fil-15 ta’ Jannar 2007, li jindika li, fid-dawl tar-risposti bil-miktub għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet u tal-iskambji ta’ korrispondenza li segwew, kif ukoll tar-riżultati tas-seduta, it-tul tal-ksur, hekk kif ġie deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari tnaqqas għal Areva T & D SA u għal Areva T & D AG u d-dritt għal smigħ tal-partijiet fil-proċedura ġie rrispettat f’dan il-każ.

262    Peress li ġie stabbilit li Alstom kienet f’pożizzjoni li ssostni utilment l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi konkluż li d-drittijiet tad-difiża ta’ Alstom ma ġewx miksura minħabba l-fatt tad-diskrepanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta fin-nuqqas tal-istess deċiżjoni li żżomm lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992.

263    B’hekk, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment, imqajjem minn Alstom fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

 Fuq iż-żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi imposti fuq Alstom u fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata

–       L-argumenti tal-partijiet

264    Permezz tal-ħames motiv tagħha, maqsum fi tliet partijiet, Alstom tilmenta lill-Kummissjoni talli żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multi imposti fuqha fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba ċirkustanza aggravanti relatata mar-rwol ta’ mexxej li l-impriża kkonċernata kellha bħala “segretarju Ewropew” tal-akkordju.

265    L-ewwel parti tal-ħames motiv imqajjem minn Alstom hija bbażata fuq żball li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-impriża kkonċernata kellha rwol ta’ mexxej bħala “segretarju Ewropew” tal-akkordju.

266    Alstom tirrikonoxxi l-fatt li l-impriża kkonċernata assumiet ir-rwol ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju “għall-perijodu li jibda ‘madwar is-sena 2000’ sal-2004”. Hija tammetti wkoll li “r-rwol ta’ [‘segretarju Ewropew’ tal-akkordju li kellha l-impriża kkonċernata] seta’ jagħtiha rwol ċentrali jew rwol ta’ ‘punt ta’ kuntatt’” fi ħdan l-akkordju u li “huwa evidenti li l-fatt li tiċċentralizza l-informazzjoni u/jew li xxerridha kellu bħala effett li l-akkordju ffunzjona b’mod iktar effiċjenti”. Hija ma tikkontestax il-fatt li r-rwol ta’ “segretarju Ewropew” kien jimplika “li tieħu ħsieb li tmexxi ċ-ċentralizzazzjoni, il-kumpilazzjoni u l-iskambju ta’ komunikazzjonijiet bejn il-parteċipanti Ewropej u bejn dawn il-parteċipanti u l-[parteċipanti] Ġappuniżi għat-tqassim tal-proġetti [ta’ SIG] skont il-formoli ta’ notifika rċevuti mill-parteċipanti skont il-prinċipji mekkaniċi (kwoti), jew ulterjorment it-tmexxija materjali ta’ wħud mil-laqgħat, iżda mhux tal-laqgħat kollha”. Fl-aħħar nett, hija tammetti li, fil-kapaċità tagħha bħala “segretarju Ewropew” tal-akkordju, hija “żammet nota tal-iżvilupp tal-kwoti ta’ kull parteċipant, wara t-tqassim tal-proġetti [tas-SIG], minn naħa, u sussegwentement il-kisba tal-ordnijiet mill-klijenti, min-naħa l-oħra”.

267    Madankollu, Alstom tqis li ebda rwol ta’ mexxej ma jista’ jiġi imputat lilha għall-funzjonijiet tagħha ta’ “segretarju Ewropew” ġaladarba, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mill-atti tal-proċess tal-Kummissjoni, dawn il-funzjonijiet kienu ġew imposti fuqha minn membri oħra tal-akkordju, inizjalment b’mod temporanju bejn is-sena 2000 u x-xahar ta’ Marzu 2002, u sussegwentement b’mod permanenti wara din l-aħħar data. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-proċess tal-Kummissjoni jirriżulta li l-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” kienu ta’ natura purament amministrattiva u ma tawx lill-impriża kkonċernata rwol iktar importanti minn dak tal-membri l-oħra fl-akkordju, bħala mexxej jew provokatur tal-ksur.

268    It-tieni parti tal-ħames motiv imqajjem minn Alstom tikkonċerna, essenzjalment, ksur tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. L-elementi li normalment jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi kkaratterizzat ir-rwol ta’ mexxej, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida, f’dan il-każ, kienu jew assenti jew inkella komuni għall-membri kollha fl-akkordju. Minn naħa, uħud mill-elementi determinanti għall-finijiet tal-kwalifika ta’ mexxej ta’ ksur kienu neqsin f’dan il-każ. Alstom la għamlet theddid fil-konfront tal-kompetituri li ma kinux qed jipparteċipaw fl-akkordju, u lanqas ma adottat deċiżjoni fir-rigward tal-estensjoni tal-akkordju jew tar-relazzjonijiet tagħha mat-terzi. Hija lanqas ma kienet inkarigata mis-sorveljanza tal-osservanza tal-akkordju mill-membri involuti fiha. Il-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti ma kinitx dominanti meta mqabbla ma’ dik ta’ kumpanniji oħra, bħal Siemens u ABB, li kellhom ishma mis-suq ogħla minn tagħha, u din il-pożizzjoni ma kinitx tippermettilha teżerċita pressjoni fuq il-kompetituri tagħha. Fir-rigward tal-ġurisprudenza, Alstom lanqas ma tista’ titqies bħala l-ispiratriċi jew l-ideatriċi tal-akkordju jew tar-regoli ta’ funzjonament tiegħu ġaladarba l-ewwel ftehim, konkluż fl-1988, kien ġie ffirmat kollettivament minn disa’ kumpanniji Ewropej u l-akkordju ġie organizzat b’mod komuni minn dawn il-kumpanniji. Min-naħa l-oħra, uħud mill-elementi karatteristiċi ta’ rwol ta’ mexxej ma kinux speċifiċi għal Alstom, iżda kienu komuni għall-membri kollha l-oħra tal-akkordju jew għal uħud minnhom. B’hekk it-tħejjija u l-parteċipazzjoni f’laqgħat strateġiċi tal-akkordju, kif ukoll il-frekwenza ta’ din il-parteċipazzjoni, kienu elementi komuni għal Alstom, għal Siemens u għal ABB fuq il-livell ta’ laqgħat hekk imsejħa “maniġerjali”, relatati mat-tmexxija tal-akkordju, u ta’ laqgħat tal-kumitat konġunt Ewropa/Ġappun. Fir-rigward tal-gruppi ta’ ħidma u l-laqgħat ta’ tħejjija ta’ kull grupp għal-laqgħat tal-kumitat konġunt Ewropa/Ġappun, jidher li dawn kienu jiġbru l-parteċipanti kollha tal-akkordju. Ma huwiex stabbilit li Alstom ħadet iktar inizjattivi mill-membri l-oħra fil-kuntest tal-akkordju jew li hija aġixxiet b’mod indipendenti, pereżempju, fir-rigward tat-tibdil regolari ta’ kodiċi fi ħdan l-akkordju. Fl-aħħar nett, l-osservanza tal-istruzzjonijiet, il-kontroll jew id-dixxiplina fi ħdan l-akkordju ġew żgurati minn kull membru fl-akkordju, li jħares għad-difiża tal-interessi tiegħu fi ħdanu l-akkordju, jew fir-rigward tal-osservanza tal-obbligi tagħhom mill-membri Ġappuniżi tal-akkordju, mill-kumitat tal-Ewropa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddeduċi mis-sempliċi titolu ta’ “segretarju Ewropew” ċirkustanza aggravanti marbuta mal-fatt li hija kellha rwol iktar importanti mill-oħrajn fil-funzjonament tal-akkordju, u saħansitra rwol deċiżiv għas-sopravvivenza tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod adegwat u suffiċjenti l-konklużjonijiet tagħha li jgħidu li “segretarju Ewropew” tal-akkordju kellu rwol importanti ħafna u, fil-verità, essenzjali għall-funzjonament tal-akkordju, billi ddedika riżorsi kunsiderevoli billi ħa l-inizjattiva fi ħdanu.

269    It-tielet parti tal-ħames motiv imqajjem minn Alstom hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn, mill-aspett taċ-ċirkustanza aggravanti minħabba r-rwol ta’ mexxej, hija ttrattat lill-impriża kkonċernata bl-istess mod bħal Siemens, filwaqt li dawn ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli, u ttrattatha b’mod differenti minn ABB u impriżi Ġappuniżi li pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat, meta dawn kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Alstom tallega wkoll ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta mit-trattament identiku riżervat lill-impriża kkonċernata u lil Siemens.

270    Permezz tas-sitt motiv tagħhom, maqsum f’erba’ partijiet, il-kumpanniji tal-grupp Areva jikkontestaw iż-żieda tal-ammont tal-multa imposta fuqhom, fl-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba r-rwol ta’ mexxej li kellha l-impriża kkonċernata fil-kapaċità tagħha bħala “segretarju Ewropew” tal-akkordju.

271    L-ewwel parti tas-sitt motiv imqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Areva tikkonċerna ksur tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 2 tal-Linji gwida li jirriżultaw mill-fatt li l-Kummissjoni kkwalifikathom bħala mexxejja mingħajr ma pprovat li huma kienu eżerċitaw funzjonijiet ta’ tmexxija jew rwol ta’ koerċizzjoni fl-implementazzjoni tal-akkordju. Għalkemm l-impriża kkonċernata assumiet funzjonijiet eżekuttivi, ta’ natura amministrattiva, bħala “segretarju Ewropew”, bejn tmiem is-sens 1999 u x-xahar ta’ Mejju 2004, min-naħa l-oħra hija qatt ma eżerċitat funzjonijiet ta’ tmexxija jew kellha rwol ta’ koerċizzjoni fil-kuntest tal-akkordju. Hekk kif jirriżulta mill-proċess tal-Kummissjoni, is-segretarjat tal-laqgħat ta’ ħidma ma ta ebda influwenza determinanti lill-impriża kkonċernata fuq il-kwistjonijiet strateġiċi tal-akkordju. Dawn il-kwistjonijiet ġew ittrattati fil-kuntest tal-laqgħat dwar it-tmexxija tal-akkordju, li kienu ppresjeduti minn ABB. Barra minn hekk, ir-rwol tas-segretarju Ewropew tal-akkordju tilef l-importanza tiegħu biż-żmien, fejn eventwalment lanqas ma baqa’ jiġi rremunerat. Fi kwalunkwe każ, b’differenza għal Siemens u għal ABB, l-impriża kkonċernata ma kellhiex is-setgħa fis-suq neċessarja sabiex ikollha rwol ta’ mexxej tal-ksur.

272    It-tieni parti tas-sitt motiv imqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Areva huwa bbażat fuq żball li jivvizzja l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura tal-funzjonijiet żgurati mill-impriża kkonċernata bħala “segretarju Ewropew” tal-akkordju.

273    Il-kumpanniji tal-grupp Areva jirrikonoxxu l-fatt li l-impriża kkonċernata “kienet is-segretarju Ewropew tal-akkordju minn tmiem is-sena 1999 sa Mejju 2004” u li hija kellha, f’dan ir-rigward, “rwol […] amministrattiv” jew “fuzjoni strumentali”, li “mingħajr dubju ffaċilitat il-funzjonament tal-akkordju”. Fir-rigward tal-kontenut ta’ dan ir-rwol, huma jammettu l-fatt li s-“segretarju Ewropew” tal-akkordju “iffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni” fi ħdan l-akkordju, peress li kien jiċċentralizza, jikkumpila u jiskambja ċerta informazzjoni dwar il-funzjonament tal-akkordju. Barra minn hekk, huma jirrikonoxxu l-fatt li s-“segretarju Ewropew” tal-akkordju “[kien] jorganizza” u “jiżgura segretarjat għal-laqgħat ta’ ħidma” tal-akkordju u li, f’dan il-kuntest, kien responsabbli mir-redazzjoni tal-aġenda, skont “dak li kien jirriżulta mid-diskussjonijiet u proposti tal-membri kollha tal-kartell”, u “jirrediġi fil-qosor […] it-talbiet u l-proposti tal-membri tal-akkordju u […] ir-riżultat tad-diskussjonijiet”, b’mod partikolari fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-proġetti ta’ SIG. Fl-aħħar nett, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jirriżulta li, sa “l-2002”, is-“segretarju Ewropew” tal-akkorju kellu rwol fit-“tqassim ta’ proġetti [ta’ SIG]”.

274    Madankollu, il-kumpanniji tal-grupp Areva jqisu li l-ebda rwol ta’ mexxej ma jista’ jiġi imputat lilhom minħabba r-rwol tagħhom ta’ “segretarju Ewropew”. Il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-“segretarju Ewropew” serva bħala għodda ta’ komunikazzjoni bejn il-membri tal-akkordju u li kien isejjaħ u jippresjedi l-laqgħat għall-implementazzjoni tal-akkordju. Fir-rigward taċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni fi ħdan l-akkordju, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-“segretarju Ewropew” kien jaġixxi bħala mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-membri Ewropej tal-akkordju ġaladarba kważi nofs l-informazzjoni ġiet skambjata bejn dawn tal-aħħar fuq bażi bilaterali u t-trażmissjoni tal-informazzjoni mis-segretarju Ewropew naqset kunsiderevolment wara x-xahar ta’ Settembru 1999. Sussegwentement, is-“segretarju Ewropew” ma assumiex iżjed il-kompitu li jsejjaħ laqgħat wara li ntemmet is-sistema li tirriżulta mill-ftehim GQ. Barra minn hekk, l-imsemmi segretarju ma sostniex waħdu l-oneru meterjali (monitoraġġ, redazzjoni tal-minuti, etc.) u finanzjarju tal-laqgħat, li kien maqsum skont il-metodu ta’ rotazzjoni. Fl-aħħar nett, hija ineżatta l-kunsiderazzjoni li s-“segretarju Ewropew” ippresjeda l-laqgħat, fis-sens li assuma funzjonijiet ta’ tmexxija jew kellu rwol ta’ koerċizzjoni fi ħdan l-akkordju, meta huwa kien responsabbli, f’dan il-kuntest, mill-ġbir tat-talbiet u proposti ta’ kull membru u sabiex jirrediġihom fil-qosor, kif ukoll ir-riżultat tad-diskussjonijiet. Il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni wettqet żball billi kkonstatat, fil-premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rwol ta’s-segretarju kien importanti ħafna u, fil-verità, essenzjali għall-funzjonament tal-akkordju. Fl-2002, wara li Siemens ħarġet mill-akkordju, il-ftehim GQ u EQ ma baqax jiġi applikat u r-rwol tas-segretarju Ewropew tal-akkordju ssemplifika ruħu b’mod kunsiderevoli. B’mod partikolari, dan tilef l-esklużività għall-organizzazzjoni tal-laqgħat u ma baqgħax inkarigat mill-għoti tal-kuntratti. B’hekk, is-“segretarju Ewropew” irrestrinġa ruħu fi rwol purament relatat mal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-membri tal-akkordju, billi ffaċilita l-funzjonament ta’ dan tal-aħħar iżda, mingħajr ma jkun indispensabbli għalih.

275    It-tielet parti tas-sitt motiv imqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Areva jikkonċerna ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn il-Kummissjoni ttrattat lill-impriża kkonċernata bl-istess mod bħal Siemens, meta dawn ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli u b’mod differenti minn ABB u minn impriżi Ġappuniżi li kienu qed jipparteċipaw fl-akkordju, meta dawn kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Ir-raba’ parti tikkonċerna ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn id-differenza bejn il-gravità tal-ksur imwettaq mill-impriża kkonċernata u dik tal-ksur imwettaq mill-membri l-oħra tal-akkordju ma hijiex suffiċjenti biex tiġi ġġustifikata żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi imposti fuqhom.

276    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ Alstom u tal-kumpanniji tal-grupp Areva u titlob għaċ-ċaħda tal-motivi u tal-ilmenti tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

277    Fil-premessa 514 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari, kontra l-impriża kkonċernata, rwol ta’ mexxej tal-ksur, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida, mill-fatt li kellha funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju. Hija qieset, fil-premessi 514 u 522 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq Alstom kellu jiżdied b’50 %, fejn l-ammont jiżdied għal EUR 65 020 000, u li l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jingħataw lil Areva T & D SA u lill-kumpanniji l-oħra tal-grupp Areva kellu jiżdied b’50 %, fejn l-ammont jiżdied rispettivament għal EUR 53 550 000 u għal EUR 25 500 000.

278    Meta ċerti kumpanniji jinżammu responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ impriżi fi ksur tal-Artikolu 81 KE u/jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, hemm lok sabiex il-Kummissjoni, meta hija tiddetermina l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq kull waħda minn dawn il-kumpanniji, bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jew tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, teżamina s-serjetà relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża li kienu jmexxu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 623, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 92; sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, punt 277). Dan jimplika, b’mod partikolari, li jiġi stabbilit ir-rwol relattiv ta’ kull impriża fil-ksur għall-perijodu li matulu hija pparteċipat fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 150; sentenzi Enichem Anic vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 264, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, punt 277), taħt it-tmexxija ta’ waħda jew oħra mill-kumpanniji inkwistjoni. Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, kif inhu mfakkar fil-punt 219 iktar ’il fuq (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, punt 278, u l-ġurisprudenza ċċitata).

279    Skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, il-punti 2 u 3 tal-Linji gwida jipprovdu għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jkunu partikolari għal kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur u l-kumpanniji li lilhom din il-parteċipazzjoni tista’ sussegwentement tiġi imputata. Il-punt 2 jistabbilixxi, b’mod partikolari, lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkustanzi aggravanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

280    Ir-rwol ta’ mexxej prinċipali imwettaq minn impriża jew minn numru ta’ impriżi fil-kuntest tal-akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sa fejn l-impriżi li kellhom it-tali rwol għandhom ikollhom responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (sentenzi Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 134 iktar ’il fuq, punt 316, u BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 281; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr‑Melnhof vs Il‑Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 291). Il-lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw żieda fl-ammont bażiku tal-multa, stabbilita fil-punt 2 tal-Linji gwida, tinkludi, b’mod partikolari, fit-tielet inċiż tagħha, ir-“rwol ta’ mexxej fil-, jew provokatur tal-ksur” imwettaq mill-impriża.

281    Kif jirriżulta mill-kliem innifsu tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “mexxej” u dak ta’ “provokatur” ta’ ksur. Filwaqt li r-rwol ta’ provokatur jikkonċerna l-mument tal-istabbiliment jew tat-tkabbir ta’ akkordju, ir-rwol ta’ mexxej jikkonċerna l-funzjonament tiegħu (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 316). Peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkonstata biss rwol ta’ mexxej tal-ksur kontra l-impriża kkonċernata, jeħtieġ għaldaqstant li jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti ta’ Alstom ibbażati fuq il-kunċett ta’ “provokatur”.

282    L-ilmenti bbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida jirrikjedu, sussegwentement, li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra ġustament, fir-rigward tal-kuntest tal-każ, li l-fatt li l-impriża kkonċernata żammet ir-rwol ta’ segretarju Ewropew tal-ksur seta’ jiġi kkunsidrat bħala l-eżerċizzju ta’ rwol ta’ mexxej tal-ksur, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida. Il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-evalwazzjoni tar-rwol ta’ mexxej tal-ksur imwettaq mill-impriża kkonċernata u tar-responsabbiltà partikolari inkorsa, għal din ir-raġuni, minn Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva, għandha tillimita l-analiżi tagħha għaċ-ċirkustanzi fattwali indikati fid-deċiżjoni kkontestata bħala provi ta’ tali rwol.

283    Sabiex tiġi kkwalifikata bħala mexxej ta’ akkordju, impriża għandha tkun irrappreżentat qawwa li tagħti spinta sinjifikattiva lill-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 374, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 423) jew tkun refgħet responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 300). Din iċ-ċirkustanza għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali fir-rigward tal-kuntest tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 299 u 373). Hija tista’, b’mod partikolari, tinftiehem mill-fatt li l-impriża, permezz ta’ inizjattivi speċifiċi, tkun tat minn rajha spinta fundamentali għall-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 348, 370 sa 375 u 427, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 426). Hija tista’ wkoll tinftiehem minn numru ta’ indikazzjonijiet li jiżvelaw id-determinazzjoni tal-impriża li tiżgura l-istabbilità tas-suċċess tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 351). L-istess jgħodd meta jkun stabbilit li l-impriża tkun eżerċitat funzjonijiet ta’ koordinatur fi ħdan l-akkordju u, b’mod partikolari, tkun organizzat u pprovdiet il-persunal lis-segretarjat inkarigat mill-implementazzjoni konkreta tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punti 246 u 247). L-istess jgħodd meta jirriżulta li l-imsemmija impriża kellha rwol ċentrali fil-funzjonament konkret tal-multa, pereżempju billi torganizza bosta laqgħat, billi tiġbor u xxerred l-informazzjoni fi ħdan l-akkordju, billi tieħu l-ħsieb li tirrappreżenta ċerti membri fil-kuntest tal-akkordju jew billi ta’ spiss tifformula proposti relatati mal-funzjonament tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 57 u 58, u s-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 404, 439 u 461).

284    Il-fatt li impriża teżerċita pressjoni, jew saħansitra tiddetta l-aġir tal-membri l-oħra fl-akkordju, min-naħa l-oħra, ma huwiex kundizzjoni neċessarja sabiex din l-impriża tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 374). Il-pożizzjoni fis-suq ta’ impriża jew ir-riżorsi tagħha lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet ta’ rwol ta’ mexxej tal-ksur, anki jekk jagħmlu parti mill-kuntest li fir-rigward tiegħu għandhom jiġu evalwati tali indikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 283 iktar ’il fuq, punt 241, u BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 299).

285    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 511 sa 513 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li s-“segretarjat Ewropew” tal-multa ssussista matul l-akkordju kollu u baqa’ stabbli fiż-żmien, minkejja l-bidla ta’ bosta karatteristiċi organizzattivi tal-akkordju. Il-kompiti ta’ dan is-segretarjat kienu bosta. B’riferiment għall-premessi 121 sa 123, 131, 132, 142, 147 sa 149, 157 sa 161, 173, 185 u 191 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li s-“segretarjat Ewropew” tal-akkordju serva bħala għodda ta’ komunikazzjoni bejn l-impriżi Ewropej membri tal-akkordju kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u s-segretarjat Ġappuniż, sejjaħ u ppresjeda l-laqgħat u kien responsabbli mill-kontabbiltà tal-kwoti. Skont il-Kummissjoni, mill-messaġġi ta’ dan is-segretarjat, mill-kontenut tal-ftehim GQ u minn dak tal-ftehim EQ kif ukoll mill-funzjonament konkret tal-akkordju, jirriżulta li r-rwol tas-“segretarju Ewropew” tal-akkordju kien essenzjali. Billi ħa l-inizjattiva u ddedika riżorsi kunsiderevoli għall-akkordju, l-imsemmi “segretarju Ewropew” ta servizz kunsiderevoli lill-akkordju u kkontribwixxa, b’mod għal kollox partikolari, għall-funzjonament tajjeb tiegħu.

286    Qabel kollox, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tas-sempliċi elementi fattwali kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata u li ma humiex ikkontestati minn Alstom jew mill-kumpanniji tal-grupp Areva (ara, b’mod partikolari, il-punti 266 u 273 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma tikser l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tielet inċiż tla-punt 2 tal-Linji gwida, u mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li l-impriża kkonċernata kellha rwol ta’ mexxej tal-ksur billi assumiet, minn tmiem is-sena 1999 sal-11 ta’ Mejju 2004, il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju, kif jirriżulta mill-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata.

287    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kompiti eżerċitati mis-“segretarju Ewropew” tal-akkordju jagħtuh rwol ta’ kap fil-koordinazzjoni tal-akkordju u, fi kwalunkwe każ, fil-funzjonament konkret tiegħu. Fil-fatt, bħal ma kkonstatat ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi “segretarju Ewropew” kien il-punt ta’ kuntatt bejn il-membri tal-akkordju u kellu rwol kruċjali fil-funzjonament konkret ta’ dan tal-aħħar, peress li kien jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-akkordju, kien jiċċentralizza, jikkumpila u jiskambja informazzjoni essenzjali għall-funzjonament tiegħu mal-membri l-oħra tal-akkordju u, b’mod partikolari, l-informazzjoni li tikkonċerna l-proġetti ta’ SIG, peress li kien jorganizza u jiżgura servizzi ta’ segreterija għal-laqgħat ta’ ħidma u peress li kien, okkażjonalment, ibiddel il-kodiċi intiżi sabiex dawn il-laqgħat jew dawn il-kuntatti ma jiġux skoperti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punti 147 u 513 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-“segretarjat Ewropew” tal-akkordju kien responsabbiltà importanti li timplika riżorsi sostanzjali, kemm f’termini ta’ żmien kif ukoll ta’ persunal imqiegħed għad-dispożizzjoni. Mingħajr il-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni żgurati minn dan is-segretarjat, mingħajr dubju ma kienx ikun possibbli għall-akkordju, fid-dawl tal-kumplessità tiegħu, li jiffunzjona daqstant effiċjentement. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li huwa paċifiku li l-impriża kkonċernata eżegwiet l-imsemmija kompiti għal żmien twil, minn tmiem is-sena 1999 sat-8 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li l-imsemmija impriża kienet, f’dan il-każ, irrappreżentat qawwa li tagħti spinta sinjifikattiva lill-akkordju u, b’hekk, kellha rwol ta’ mexxej tal-ksur, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida.

288    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra ta’ Alstom u tal-kumpanniji tal-grupp Areva.

289    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li Alstom ma hijiex fondata fil-kritika tagħha tad-deċiżjoni kkontestata billi tagħmel użu minn ċerti evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punt 264 iktar ’il fuq). Jeħtieġ sempliċement, f’dan ir-rigward, li jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi dokument ta’ tħejjija li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tagħha huma ta’ natura purament provviżorja (ara l-punt 248 iktar ’il fuq).

290    Sussegwentement, fir-rigward tal-kriterji li jikkonċernaw il-kwalifika ta’ mexxej ta’ ksur li allegatament ma jissussistux f’dan il-każ, jiġifieri t-theddid kontra impriżi li ma jipparteċipawx fl-akkordju, it-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-estensjoni tal-akkordju jew ir-relazzjonijiet tiegħu mat-terzi jew ukoll ir-rwol ta’ ispirazzjoni jew ta’ konċepiment tal-akkordju, għandu jiġi osservat li dawn jikkonċernaw il-mument tal-istabbiliment jew ta’ tkabbir ta’ akkordju u, għaldaqstant, ir-rwol ta’ “provokatur tal-ksur”, kif ġie mfakkar fil-punt 281 iktar ’il fuq. B’hekk, għalkemm tali elementi jistgħu jkunu determinanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-fatt li l-impriża tat spinta jew inkoraġġiet lil impriżi oħra sabiex jistabbilixxu l-akkordju jew isiru membri fih u, għaldaqstant, għall-finijiet tal-kwalifika tagħha bħala “provokatur tal-ksur” fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 316 u 321), dawn ma humiex determinanti għall-kwalifika tal-impriża bħala mexxej tal-ksur, f’liema każ ikun biżżejjed, bħal f’dan il-każ, li jiġi stabbilit li l-impriża inkwistjoni, b’mod jew ieħor, kienet tirrappreżenta qawwa li tagħti spinta sinjifikattiva lill-akkordju (ara l-punt 283 iktar ’il fuq.

291    Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li l-impriża kkonċernata ma kellhiex biżżejjed setgħa ekonomika jew pożizzjoni ta’ awtorità sabiex tissorvelja u tiżgura l-osservanza tal-akkordju, dan ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi eskluż li hija setgħet kellha rwol ta’ mexxej tal-ksur, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 283 u 284 iktar ’il fuq, il-fatt li l-impriża kkonċernata ma kinitx neċessarjament f’pożizzjoni li timponi l-kondotta applikabbli fuq il-membri l-oħra tal-akkordju ma jfissirx li, b’mod jew ieħor, f’dan il-każ, billi eżerċitat għal żmien twil il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju, anki jekk dawn il-funzjonijiet kienu ta’ natura amministrattiva, hija rrappreżentat qawwa li tagħti spinta sinjifikattiva fuq l-akkordju billi ppermettiet lill-akkordju jiffunzjona b’mod stabbli u effiċjenti.

292    Fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ Alstom li jgħidu li r-rwol ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju kien impost fuq l-impriża kkonċernata “madwar is-sena 2000”, dawn ma huma ssostanzjati minn ebda att f’dawn il-proċeduri, u lanqas ma huma kkorroborati bid-dikjarazzjoni ta’ S. tal-15 ta’ Settembru 2006 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) jew bil-premessi 147 u 191 tad-deċiżjoni kkontestata, li Alstom tinvoka f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-argumenti ta’ Alstom li jgħidu li l-impriża kkonċernata ma assumietx minn rajha l-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju jew kellha ssegwi, fl-eżerċizzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet, ċerti regoli ddefiniti minn qabel fi ħdan l-akkordju ma jeskludux il-fatt li hija kellha rwol ta’ mexxej tal-ksur. Huwa meħtieġ sempliċement, f’dan ir-rigward, li l-impriża kkonċernata tkun effettivament eżerċitat il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju għal żmien twil, minn tmiem is-sena 1999 sat-8 ta’ Jannar 2004, jiġifieri perijodu ta’ madwar erba’ snin u xahrejn, u li, b’hekk, hija kellha rwol ta’ kap prinċipali fil-koordinazzjoni u fil-funzjonament konkret tal-akkordju.

293    Bl-istess mod, l-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju ma ġewx kollha kemm huma eżerċitati b’mod esklużiv mill-impriża kkonċernata, iżda li, skont ir-regoli tal-akkordju, impriżi oħra setgħu jiskambjaw direttament ċerta informazzjoni bejniethom, jorganizzaw laqgħat tal-akkordju, b’mod partikolari laqgħat relatati mat-tmexxija tal-akkordju, jew jimplementaw l-akkordju, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti tal-proġetti ta’ SIG, mingħajr ma jirreferu lis-“segretarju Ewropew” tal-akkordju ma humiex tali li jqiegħdu inkwistjoni l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-impriża kkonċernata kellha rwol ta’ mexxej tal-ksur fi ħdan l-akkordju billi assumiet għal żmien twil il-funzjonijiet kollha mogħtija lis-“segretarju Ewropew” tal-akkordju. La l-premessi 120, 122, 149, 152, 157, 162, 180, 182, 185, 194, 197, 205 u 207 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitati minn Alstom, u lanqas l-atti tal-proċess f’din il-kawża ma jippermettu li jiġi konkluż li ABB jew l-impriżi l-oħra li pparteċipaw fil-ksur, li formalment ma kellhomx rwol ta’ “segretarju Ewropew”, effettivament, intervjenew b’mod essenzjalment identiku għaliha fil-funzjonament tal-akkordju, kemm mill-aspett tal-frekwenza jew tat-tul kif ukoll mill-aspett tal-importanza jew tal-intensità. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur, b’mod partikolari ABB, kellhom ukoll rwol sinjifikattiv billi ddeterminaw l-istrateġija ġenerali tal-akkordju jew billi eżerċitaw pożizzjoni ta’ awtorità fi ħdanu, dan il-fatt ikun jista’, l-iktar, jiġġustifika li r-responsabbiltà tagħhom fil-funzjonament tal-akkordju huwa wkoll mistħarreġ minħabba li huma kellhom rwol ta’ mexxej tal-ksur, iżda ma jista’, f’ebda każ, iqiegħed inkwistjoni l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-impriża kkonċernata kellha rwol ta’ “mexxej tal-ksur” fi ħdan l-akkordju billi assumiet għal żmien twil il-funzjonijiet kollha mogħtija lis-“segretarju Ewropew” tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 376).

294    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u t-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida u mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, tosserva li, billi eżerċitat il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju għal żmien twil, minn tmiem is-sena 1999 sat-8 ta’ Jannar 2004, l-impriża kkonċernata kellha rwol ta’ mexxej tal-ksur.

295    Barra minn hekk, sa fejn il-premessi 512 u 513 tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw b’mod ċar ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni sabiex tikkwalifika lill-impriża kkonċernata bħala mexxej tal-ksur, li jibbaża ruħu fuq il-funzjonijiet ta’ koordinatur eżerċitati mill-imsemmija impriża kif ukoll fuq ir-rwol ċentrali tagħha fil-funzjonament konkret tal-akkordju, id-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata suffiċjentement skont il-liġi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 283 iktar ’il fuq. B’hekk, l-ilment ta’ Alstom ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud bħala infondat. Barra minn hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Alstom innifisha jirriżulta li hija kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkwalifika lill-impriża kkonċernata bħala mexxej tal-ksur.

296    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, essenzjalment dan jikkontesta n-natura ekwitabbli taż-żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi imposti fuq Alstom u fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva.

297    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni, kif imfakkar fil-punt 235 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka għall-benefiċċju tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il‑Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 259, u LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 367).

298    Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif imfakkar fil-punt 235 iktar ’il fuq, jirrikjedi li l-multi ma jkunux eċċessivi meta mqabbla mal-għan imfittex, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni, u li l-ammont tal-multa imposta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tkun proporzjonata għall-ksur, ikkunsidrat b’mod sħiħ, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tal-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punt 240; tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 532, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 224).

299    Għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n‑natura u l-importanza tagħhom tvarja skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat (sentenza Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 247 iktar ’il fuq, punt 120, u s-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 298 iktar ’il fuq, punt 532).

300    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-impriżi li jipparteċipaw fi ksur ta’ żmien twil jistgħu jeżerċitaw b’alternanza, f’waqtiet differenti, rwol ta’ mexxej tal-ksur, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li tista’ tiġi applikata ċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-rwol ta’ mexxej tal-ksur lil kull waħda minn fosthom kif ukoll lill-kumpanniji li lilhom huwa imputabbli l-aġir tagħhom (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 460).

301    Sabiex jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ trattament ugwali ġiex miksur, għandu jiġi pparagunat it-trattament riżervat lil Alstom u lill-kumpanniji tal-grupp Areva, minn naħa, ma’ dak irriżervat, rispettivament, lil Siemens, lil ABB jew lill-kumpanniji li kienu jmexxu lill-impriżi Ġappuniżi li pparteċipaw fil-ksur, min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-rwol ta’ “mexxej tal-ksur”.

302    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza aggravanti, ġiet applikata, fil-konfront ta’ Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva, żieda ta’ 50 % fuq l-ammont tal-multa bażika tagħhom identika għal dik applikata lil Siemens, minħabba l-fatt li l-impriża kkonċernata, l-istess bħall-impriża mmexxija minn Siemens, kienet assumiet għal żmien twil, il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju. Alstom tikkritika speċifikament dan it-trattament ugwali billi ssostni li s-sitwazzjoni tal-impriża kkonċernata hija differenti minn dik tal-impriża mmexxija minn Siemens, peress li hija assumiet il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewopew” tal-akkordju tul perijodu darbtejn iqsar minn dak tal-impriża mmexxija minn Siemens.

303    Kif ġie diġà osservat, mill-premessi 147 u 178 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-impriża mmexxija minn Siemens assumiet il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju mill-bidu tiegħu, fil-15 ta’ April 1988, sa x-xahar ta’ Settembru 1999, jiġifieri perijodu ta’ madwar ħdax-il sena u ħames xhur, u li, wara li telqet mill-akkordju, l-impriża kkonċernata assumiet l-istess funzjonijiet minn tmiem is-sena 1999 sa tmiem l-attivitajiet tal-akkordju, fil-11 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, billi t-teorija tas-suċċessjoni ekonomika ma ġietx applikata fil-konfront tagħhom (punt 111 iktar ’il fuq), f’dan il-każ, Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva ma jistgħu jinzammu personalment responsabbli għar-rwol ta’ tmexxija prinċipali tal-impriża kkonċernata fil-funzjonament tal-akkordju biss għall-perijodu li matulu huma kienu jmexxu, direttament jew indirettament, l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar. Mill-Artikolu 1(b) sa (f) tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija fid-dawl tal-premessi 358 u 371 tagħha, jirriżulta li r-rwol ta’ mexxej tal-ksur min-naħa tal-impriża kkonċernata jista jiġi imputat:

–        lil Alstom minn tmiem is-sena 1999 sat-8 ta’ Jannar 2004 biss, jiġifieri perijodu ta’ madwar erba’ snin u xahrejn;

–        lil Areva T & D SA minn tmiem is-sena 1999 sal-11 ta’ Mejju 2004 biss, jiġifieri perijodu ta’ madwar erba’ snin u seba’ xhur;

–        lil Areva T & D AG mit-22 ta’ Diċembru 2003 sal-11 ta’ Mejju 2004 biss, jiġifieri perijodu ta’ madwar ħames xhur;

–        lil Areva u lil Areva T & D Holding mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004 biss, jiġifieri perijodu ta’ madwar erba’ xhur.

304    Għaldaqstant, fil-każijiet kollha inkwistjoni, hemm differenza sostanzjali bejn it-tul tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju minn impriża taħt it-tmexxija ta’ Siemens u t-tul tal-eżerċizzju ta’ dawn l-istess funzjonijiet mill-impriża kkonċernata, taħt it-tmexxija ta’ Alstom u tal-kumpanniji tal-grupp Areva.

305    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffukat ruħha fuq il-fatt li, kemm l-impriża mmexxija minn Siemens kif ukoll l-impriża kkonċernata assumew waħedhom l-inkarigu ta’ “segretarjat Ewropew” tal-akkordju, u dan b’mod stabbli u fit-tul. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk Alstom indikat ġustament li, fil-premessi 147 u 191 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriża kkonċernata hija identifikata biss bħala s-“segretarju Ewropew temporanju” tal-akkordju fi tmiem is-sena 1999 jew fil-bidu tas-sena 2000, hija ma tikkontestax il-fatt li, fix-xahar ta’ Marzu 2002, ġie miftiehem li hija kienet ser tieħu ħsieb waħedha tal-imsemmi segretarjat għal perijodu ta’ żmien indeterminat u, għaldaqstant, b’mod stabbli u fit-tul. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni li tgħid li l-impriża kkonċernata assumiet waħedha u b’mod stabbli u fit-tul is-“segretarjat Ewropew” tal-akkordju ma hijiex ikkontestata mill-fatt, invokat minn Alstom, li l-impriża kkonċernata assumiet il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju biss matul perijodu limitat ta’ madwar erba’ snin u xahrejn, ġaladarba din iċ-ċirkustanza fattwali hija indipendenti mir-rieda ta’ Alstom u tirriżulta biss mil-fatt li, wara li ABB irraportat il-ksur (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni intervjeniet sabiex twaqqaf il-ksur.

306    Tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk id-differenza sostanzjali li teżisti bejn it-tul tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju imputabbli lill-impriżi differenti inkwistjoni hijiex rilevanti jew le fir-rigward taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-rwol ta’ mexxej tal-ksur jew jekk tali differenza setgħetx, f’dan il-każ, tiġi eskluża fir-rigward taċ-ċirkustanza li kienu l-imsemmija impriżi waħdehom li kienu assumew is-segretarjat Ewropew, b’mod stabbli u fit-tul.

307    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri l-każ ta’ ksur għal żmien twil li matulu diversi impriżi, taħt it-tmexxija ta’ kumpanniji differenti, kellhom suċċessivament, għal perijodi stabbiliti, ir-rwol ta’ mexxej tal-ksur, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità jirrikjedu li jiġi impost fuq kumpanniji li mexxew impriża jew numru ta’ impriżi li kellhom, taħt it-tmexxija tagħhom, ir-rwol ta’ “mexxej tal-ksur” żieda differenti mill-ammont bażiku tal-multa tagħhom meta l-perijodu li matulu l-imsemmija impriża jew impriżi kellhom, taħt it-tmexxija tagħhom, dan ir-rwol ikun essenzjalment differenti. Għandu jitfakkar li r-rwol ta’ mexxej jikkonċerna l-funzjonament tal-akkordju (ara l-punt 281 iktar ’il fuq) u li, bil-kontra tar-rwol ta’ provokatur tal-ksur, jidħol neċessarjament f’ċertu tul ta’ żmien. B’hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kumpannija li mexxiet waħda mill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju tista’ tiġi imputata r-rwol ta’ mexxej prinċipali imwettaw minn din tal-aħħar fil-funzjonament tal-akkordju matul mhux iktar minn ftit ’il fuq minn kwart tal-perijodu tal-ksur, bħalma huwa l-każ ta’ Alstom u tal-kumpanniji tal-grupp Areva, filwaqt li kumpannija oħra, li mexxiet impriża oħra li pparteċipat fil-ksur, tista’ tiġi imputata r-rwol ta’ mexxej prinċipali imwettaq minn din tal-aħħar fil-funzjonament tal-akkordju matul kważi tliet kwarti tal-imsemmi perijodu, bħal ma huwa l-każ ta’ Siemens. Wara kollox, il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet, waqt is-seduta, li t-tul li matulu impriża kellha rwol ta’ “mexxej tal-ksur” kien kriterju li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-aggravazzjoni tar-responsabbiltà li għandha tirriżulta minn tali rwol (ara l-punt 39 iktar ’il fuq).

308    B’hekk, billi imponiet, fid-deċiżjoni kkontestata, żieda identika għall-ammont bażiku tal-multa ta’ Alstom u tal-kumpanniji tal-grupp Areva, minn naħa, u għall-ammont bażiku tal-multa ta’ Siemens, min-naħa l-oħra, meta l-perijodi li matulhom l-impriża jew l-impriżi inkwistjoni eżerċitaw, taħt it-tmexxija tagħhom, il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju kienu essenzjalment differenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità.

309    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, fir-rigward taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-rwol ta’ mexxej tal-ksur, ABB ġiet ittrattata b’mod differenti minn Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva, peress li, bil-kontra ta’ dawn tal-aħħar, hija ma ġietx ikkwalifikata bħala “mexxej tal-ksur” u, għaldaqstant, ma ġietx imposta fuqha żieda fl-ammont bażiku tal-multa tagħha minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti. Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva jikkritikaw dan it-trattament differenti billi jsostnu li s-sitwazzjoni ta’ ABB kienet paragunabbli għal tagħhom fir-rigward taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-rwol ta’ mexxej tal-ksur.

310    Madankollu, ma ġiex stabbilit, u lanqas allegat, li ABB assumiet il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju jew saħansitra li hija eżerċitat waħedha, b’mod stabbli u fit-tul, il-funzjonijiet kollha normalment inkarigati f’idejn l-imsemmi segretarju. Barra minn hekk, għalkemm huwa ġeneralment ammess, anki mill-Kummissjoni, li ABB kellha “rwol sinjifikattiv” fi ħdan l-akkordju, ma ġiex ipprovat li dan ir-rwol kien paragunabbli, fir-rigward tal-funzjonament tal-akkordju, għal dak tal-impriża kkonċernata u tal-impriża mmexxija minn Siemens fil-kapaċità tagħha bħala “segretarju Ewropew” tal-akkordju. B’hekk, ma ġiex stabbilit li ABB kienet f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ Alstom u għal dik tal-kumpanniji tal-grupp Areva, jew saħansitra għal dik ta’ Siemens.

311    Li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni illegali tal-kriterji relatati mal-kwalifika ta’ mexxej tal-ksur, kif imfakkra fil-punt 283 iktar ’il fuq, billi ma kkunsidratx din il-kwalifika kontra ABB, minkejja r-rwol sinjifikattiv tal-imsemmija impriża fi ħdan l-akkordju, tali illegalità, imwettqa favur ħaddieħor, ma tiġġustifikax li jintlaqgħu dawn l-ilmenti ta’ annullament imqajma minn Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 297 iktar ’il fuq.

312    Għalhekk l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva ma ġewx ittrattati bl-istess mod bħal ABB meta kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għandhom jiġu miċħuda.

313    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva ġew ukoll ittrattati b’mod differenti mill-kumpanniji li kienu jmexxu l-impriżi Ġappuniżi, fil-mument tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mal-eżerċizzju ta’ rwol ta’ mexxej tal-ksur. Fil-premessa 511 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat, f’dan ir-rigward, li “ir-rwol ta’ segretarju Ġappuniż […] kien jikkonċerna essenzjalment l-iskambji bejn l-omologi Ġappuniżi u l-iskambji mas-segretarju Ewropew għall-proġetti [ta’ SIG] barra ż-ŻEE” u li dan ir-rwol “kien imtela permezz ta’ rotazzjoni għal perijodi qosra minn Hitachi, Toshiba u Melco” sabiex tiddeduċi minn dan, essenzjalment, li ma kienx ugwali għal rwol ta’ “mexxej tal-ksur”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida. Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva jikkritikaw dan it-trattament differenti billi jsostnu li, sa fejn l-impriża li huma kienu suċċessivament mexxew kienet eżerċitat il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju matul perijodu ta’ madwar erba’ snin, huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni essenzjalment paragunabbli għal dik tal-kumpanniji li, individwalment, kienu mexxew impriża Ġappuniża li eżerċitat il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ġappuniż” matul perijodu ekwivalenti.

314    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-rwol ta’ mexxej tal-ksur, li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju u dak tal-funzjonijiet ta’ “segretarju Ġappuniż” tal-akkordju ma kinux paragunabbli. Hija żammet inkunsiderazzjoni l-fatt li “ir-rwol ta’ segretarju Ġappuniż […] kien jikkonċerna essenzjalment l-iskambji bejn l-omologi Ġappuniżi u l-iskambji mas-segretarju Ewropew għall-proġetti barra miż-ŻEE”. F’dan ir-rigward, hija indikat, fil-premessi 127, 128 u 246 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kienet prinċipalment marbuta mal-eżistenza tal-“ftehim komuni” (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), skont liema l-impriżi Ġappuniżi kellhom jibqgħu lura milli jagħmlu offerti għall-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. Fil-fatt, jirriżulta minn dan il-“ftehim komuni” li, bil-kontra tas-“segretarjat Ewropew”, is-“segretarjat Ġappuniż” ma kellux rwol ta’ mexxej prinċipali fil-funzjonament tal-multa fi ħdan iż-ŻEE u li l-kumpanniji li kienu jmexxu l-impriżi Ġappuniżi inkarigati mill-imsemmi segretarjat ma jinkorrux responsabbiltà partikolari f’dan ir-rigward. L-ilmenti fformulati minn Alstom u mill-kumpanniji tal-grupp Areva, li jgħidu li ġew ittrattati b’mod differenti mill-kumpanniji Ġappuniżi sa fejn il-Kummissjoni ma applikatx lill-imsemmija kumpanniji Ġappuniżi ż-żieda tal-ammont tal-multa bħala ċirkustanza aggravanti marbuta mar-rwol ta’ mexxej tal-ksur li kellhom l-impriżi li dawn il-kumpanniji Ġappuniżi kienu jmexxu, għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda, peress li s-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex paragunabbli għal dik tal-kumpanniji Ġappuniżi inkwistjoni.

315    Li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni applikat illegalment kriterji li jikkonċernaw il-kwalifika ta’ mexxej tal-ksur, hekk kif imfakkra fil-punt 283 iktar ’il fuq, billi ma kkunsidratx din il-kwalifika kontra l-kumpanniji Ġappuniżi, li kienu jmexxu lill-impriżi li suċċessivament eżerċitaw il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ġappuniż” tal-akkordju, għal perijodi ta’ sentejn, tali illegalità, imwettqa favur ħaddieħor, ma tiġġustifikax li jintlaqgħu l-ilmenti msemmija fil-punt 314 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 297 iktar ’il fuq.

316    B’hekk l-ilmenti ta’ Alstom u tal-kumpanniji tal-grupp Areva bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva ġew ittrattati b’mod differenti mill-kumpanniji Ġappuniżi meta kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għandhom jiġu miċħuda.

317    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni, peress li jimponi lil Alstom u lill-kumpanniji tal-grupp Areva, fir-rigward taċ-ċirkustanza aggravanti bbażata fuq ksur ta’ mexxej tal-ksur, żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi tagħhom identika għal dik imposta fuq Siemens. B’hekk, l-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata hija annullata.

318    Għaldaqstant, hemm lok sabiex il-Qorti Ġenerali, skont it-talbiet għal reviżjoni minn Alstom u mill-kumpanniji tal-grupp Areva, teżerċita s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li għandha skont l-Artikolu 229 KE, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 u, f’dan il-kuntest, tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni sabiex tiddetermina ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti lill-kumpanniji kkonċernati bħala ċirkustanza aggravanti bbażata fuq ir-rwol ta’ mexxej tal-ksur min-naħa tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 111, u tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 149 u 151; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 303, 394 u 455). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tippermettilha, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, b’konsegwenza ta’ dan, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont ta’ din il-multa tiġi sottomessa għall-evalwazzjoni tagħha (punti 226 u 227 iktar ’il fuq; sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punti 61 u 62, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 213).

319    Għandu jiġi żgurat li ż-żieda marbuta mar-rwol ta’ mexxej tal-ksur li kellha l-impriża kkonċernata tiġi ffissata fuq livell li jiggarantixxi l-karattru dissważiv tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 173, u s-sentenza Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 235 iktar ’il fuq, punt 141), jiġifieri fuq livell li jiddiswadi lill-impriżi milli jassumu funzjonijiet essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-akkordju.

320    F’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, taħt it-tmexxija ta’ Alstom u tal-kumpanniji tal-grupp Areva, l-impriża kkonċernata assumiet waħedha s-“segretarjat Ewropew” tal-akkordju, u dan b’mod stabbli u fit-tul. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, filwaqt li kienet immexxija, direttament jew indirettament, minn Alstom u minn Areva T & D SA (li qabel kien jisimha Alstom T & D SA), hija ħadet taħt idejha l-imsemmi “segretarjat Ewropew” f’mument fejn l-akkordju kien partikolarment destabilizzat, minn perspettiva Ewropea, minħabba t-tluq tal-impriża mmexxija minn Siemens, li kienet is-“segretarju Ewropew” tal-akkordju sa mill-1988 u kienet attur prinċipali tas-suq, kemm barra kif ukoll ġewwa l-Ewropa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li Alstom innifisha rrikonoxxiet, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li “[hija] kienet, bejn l-2000 u l-2004, l-unika impriża li setgħet tassumi [ir-]rwol [ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju], minħabba interessi preżenti fuq livell Ewropew”.

321    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-impriża kkonċernata kellha rwol determinanti fit-tkomplija u fil-funzjonament tal-akkordju bejn tmiem is-sena 1999 u t-8 ta’ Jannar 2004.

322    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, bħal ma jirriżulta mill-punt 303 iktar ’il fuq, il-perijodu li matulu l-impriża mmexxija minn Siemens eżerċitat, taħt it-tmexxija ta’ din tal-aħħar, il-funzjonijiet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju kien essenzjalment itwal mill-perijodi li matulhom l-impriża kkonċernata kellha, taħt it-tmexxija ta’ Alstom u ta’ Areva T & D SA, il-funzjonijet ta’ “segretarju Ewropew” tal-akkordju.

323    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, tkun saret evalwazzjoni korretta tar-rwol ta’ mexxej tal-ksur li kellha l-impriża kkonċernata u imputabbli lil Alstom u lill-kumpanniji tal-grupp Areva billi tiġi imposta:

–        lil Alstom żieda ta’ 35 % fuq l-ammont bażiku tal-multa imposta, fejn il-multa dovuta minn din il-kumpannijia pubblika b’responsabbiltà limitata għandha għaldaqstant tiġi ffissata għal ammont ta’ EUR 58 522 500, li minnhom EUR 48 195 000 in solidum ma’ Areva T & D SA ;

–        lil Areva T & D SA żieda ta’ 35 % fuq l-ammont bażiku tal-multa imposta, fejn il-multa dovuta minn din il-kumpanniji, in solidum ma’ Alstom, għandha għaldaqstant tiġi ffissata għal ammont ta’ EUR 48 195 000, li minnhom EUR 20 400 000 in solidum ma’ Areva T & D AG, Areva u Areva T & D Holding;

–        u lil Areva T & D AG, lil Areva u lil Areva T & D Holding żieda ta’ 20 % fuq l-ammont bażiku tal-multa imposta, fejn il-multa dovuta minn dawn il-kumpanniji, in solidum ma’ Areva T & D SA, għandha għaldaqstant tiġi ffissata għal ammont ta’ EUR 20 400 000.

 Fuq is-seba’ motiv imqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Areva, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni tirrifjuta milli tagħtihom tnaqqis mill-ammont tal-multa tagħhom għall-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva

–       L-argumenti tal-partijiet

324    Il-kumpanniji tal-grupp Areva, permezz tas-seba’ motiv tagħhom, espost f’żewġ partijiet, jikkontestaw ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtihom tnaqqis mill-ammont tal-multa tagħhom, skont l-avviż dwar il-komunikazzjoni, minħabba l-fatt li l-informazzjoni li huma pprovdew ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-kooperazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni b’mod żbaljat qieset li d-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji tal-grupp Areva, bħal dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni tagħhom skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kienu kontradittorji u ambigwi u li, għalhekk, ma kinux affidabbli. It-tieni parti tikkonċerna ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat milli tagħtihom tnaqqis mill-ammont tal-multa tagħhom. Il-kumpanniji tal-grupp Areva jsostnu li, billi kkonfermaw il-parteċipazzjoni tal-impriża mmexxija minn Siemens fil-laqgħa ta’ Settembru 1999 matul il-proċedura amministrattiva, huma pprovdew prova lill-Kummissjoni li jkollha valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li diġà kienu fil-pussess tagħha. Fil-fatt, ix-xhieda tagħhom kellha rwol deċiżiv, peress li ppermettiet lill-Kummissjoni teskludi l-preskrizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-impriża mmexxija minn Siemens fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-24 ta’ April 1999 u, saħansitra, li ttawwal it-tul ta’ din il-parteċipazzjoni fil-ksur tal-1 ta’ Settembru 1999.

325    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti tal-kumpanniji tal-grupp Areva u titlob sabiex dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

326    Skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis mill-ammont tal-multi li kellhom jiġu imposti minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi li pparteċipaw fil-ksur, isib il-bażi tiegħu fil-kunsiderazzjoni li tgħid li tali kooperazzjoni tħaffef il-kompitu tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ dan il-ksur u, jekk ikun il-każ, li ttemmu (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 399; sentenzi tal-Qorti Ġenerali BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, punt 235 iktar ’il fuq, punt 325, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363).

327    Il-punti 20 sa 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jipprovdu s-segwenti:

“20.      Impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni A [‘Immunità minn Multi’] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

21.      Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

22.       Il-kunċett ta’ “valur miżjud” jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw [isaħħu], bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.

23.      Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

a)      jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

b)      il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu […].

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis […], il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

328    Kif jissemma fis-sezzjoni E(3) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, din ħolqot aspettattivi leġittimi li fuqhom jistgħu jibbażaw ruħhom impriżi li jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju u li jixtiequ jikkollaboraw magħha. Fid-dawl tal-aspettattiva leġittima li l-impriżi setgħu jisiltu minn din il-komunikazzjoni il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkonforma ruħha meta, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha timponi, tevalwa l-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata).

329    Fil-limiti indikati mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni għandha madankollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk il-provi kkomunikati minn impriża jipprovdux valur miżjud jew le, fis-sens tal-punt 22 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u jekk hemmx lok li jingħata tnaqqis lil impriża skont din il-komunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punti 393 u 394). Din l-evalwazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju limitat.

330    Fil-premessi 530 sa 532 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat is-segwenti, fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ Areva:

“(530) [Areva] kienet it-tieni impriża li kkuntattjat lill-Kummissjoni bis-saħħa tal-komunikazzjoni fuq il-[kooperazzjoni]. Hija ħabbret ir-rieda tagħha li tikkoopera fl-14 ta’ Mejju 2004. Fit-18 u l-25 ta’ Mejju 2004, hija ssottomettiet dikjarazzjoni li fiha hija rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ akkordju u pprovdiet deskrizzjoni globali tal-attivitajiet antikompetittivi.

(531) Għalkemm id-deskrizzjoni globali li tinsab fid-dikjarazzjoni [ta’ Areva] kienet komplessivament konformi tal-elementi pprovduti minn ABB, hija ma kinitx tinkludi wisq informazzjoni li setgħet tiġi kkunsidrata li tipprovdi ‘valur miżjud’. L-unika informazzjoni li tipprovdi valur miżjud kienet id-dikjarazzjoni li tgħid li s-26 ta’ Marzu 2002 kienet id-data li fiha Siemens kienet reġgħet bdiet tipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju. Madankollu, din l-informazzjoni kienet tikkonċerna estensjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens bi tliet xhur, ma kinitx issaħħaħ b’mod sinjifikattiv l-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova dawn il-fatti u għaldaqstant, ma hijiex ikkunsidrata li tipprovdi valur miżjud sinjifikattiv. Barra minn hekk, ċerti dikjarazzjonijiet [ta’ Areva] ġew miċħuda f’din id-deċiżjoni minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà tagħhom (ara pereżempju l-premessi 290 u 291 tad-deċiżjoni kkontestata), li ma għenx il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’din il-kawża.

(532) Fl-aħħar nett, l-informazzjoni pprovduta minn [Areva] ma tipprovdix valur miżjud li jippermetti lill-Kummissjoni tagħtiha tnaqqis tal-multa skont il-komunikazzjoni fuq il-[kooperazzjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

331    Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, billi qieset li d-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji tal-grupp Areva, imsemmija fil-premessa 531 tad-deċiżjoni kkontestata, kinux kontradittorji u ambigwi u għaldaqstant, jekk ma kinux neqsin minn natura affidabbli.

332    Fil-premessi 290 u 291 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat is-segwenti:

“(290) Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ [Areva], Melco, Hitachi/JAEPS u Toshiba fir-rigward tal-affermazzjonijiet rispettivi tagħhom li jgħidu li l-akkordju ntemm għall-ewwel darba jew matul l-1997 ([Areva]), jew f’Settembru 1999 (Melco […] u Toshiba […]) jew matul l-1999 wara t-tluq ta’ Siemens (Hitachi/JAEPS […]), jew saħansitra madwar Settembru 2000 (Fuji […]). Fuq dan il-punt, id-dikjarazzjonijiet tagħhom ma humiex affidabbli, peress li huma reċiprokament kontradittorji u […] jinsabu f’kontradizzjoni mal-provi li jinsabu fl-atti. Melco, Toshiba, Fuji, ABB, Alstom, Reyrolle/VA Tech, u Magrini/Schneider (li sussegwentement saru VAS u għaldaqatant VA Tech), komplew jipparteċipaw f’laqgħat multilaterali fl-2000 u/jew fl-2001 [ara l-premessi 191 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata]. Barra minn hekk, huma ambigwi u ma jwasslux għal wisq konklużjonijiet.

(291) [Areva] għamlet dikjarazzjonijiet kontraddiċenti u ambigwi. [Fid-dikjarazzjoni tagħha skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni] hija sostniet li dak li għaliha kien l-ewwel akkordju ntemm fl-1997, meta, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet […], hija bil-kontra ddikjarat li l-perijodu minn Settembru 1999 sa Marzu 2002 kien ikkostitwixxa perijodu ta’ tranżizzjoni li matulu l-laqgħat kienu inqas frekwenti u, filwaqt li żammew il-karattru antikompetittiv tagħhom, ma kellhomx effetti antikompetittivi kunsiderevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

333    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Areva skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tat-18 u l-25 ta’ Mejju 2004, imniżżla fl-atti f’din il-kawża, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Kummissjoni, fil-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet riferiment għad-dikjarazzjoni li ġejja:

“L-ewwel akkordju kien jeżisti bejn tmiem is-snin 1980 u 1997 meta din ġiet interrotta. [M]ill-1997 il-parteċipanti komplew jiltaqgħu, iżda ma qablux la fuq it-tqassim tas-suq u lanqas fuq il-prezzijiet u l-laqgħat li jikkonċernaw dan l-akkordju ntemmu f’Settembru 1999, fejn Siemes kienet tel[qet] definittivament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

334    Fir-rigward tat-tweġiba tal-kumpanniji tal-grupp Areva għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-30 ta’ Ġunju 2006, min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 353, dwar il-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet riferiment għad-dikjarazzjoni li ġejja:

“Għalkemm huwa minnu li l-membri tal-akkordju minbarra Siemens u Hitachi komplew jiltaqgħu, dawn il-laqgħat kienu darbtejn inqas frekwenti meta mqabbla mal-perijodu preċedenti u ma kellhomx iżjed effetti antikompetittivi sensittivi [...] Fir-rigward tal-metodi applikati, il-perijodu bejn Settembru 1999 u Marzu 2002 kien perijodu ta’ tranżizzjoni u ta’ ‘eżitazzjoni’ fl-akkordju bejn il-kollass tas-sistema ta’ ftehim GQ u l-invenzjoni ta’ sistema ġdida applikata wara Marzu 2002 [...] Filwaqt li minn ċerti aspetti żammew il-karattru antikompetittiv tagħhom, madankollu dawn il-laqgħat, kemm minħabba n-numru żgħir ta’ proġetti [ta’ SIG] imqassma (fejn għalhekk l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi [tal-ftehim GQ] saret inutli) kif ukoll minħabba n-natura teoretika tad-diskussjonijiet fuq organizzazzjoni tal-akkordju differenti [minn dak tal-ftehim GQ], kellhom effett antikompetittiv kunsiderevolment imnaqqas matul il-perijodu minn Settembru 1999 sa Marzu 2002 [...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

335    Fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi osservat il-karattru kontradiċenti u ambigwu tagħhom. Fil-fatt, filwaqt li, fid-dikjarazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-kumpanniji tal-grupp Areva dehru li kienu qed jirreferu għal sensiela ta’ ksur distint, peress li l-ewwel akkordju waqaf jeżisti fl-1997 jew, fi kwalunkwe każ, f’Settembru 1999, huma dehru li kienu qed jammettu, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, fejn il-perijodu minn Settembru 1999 sa Marzu 2000 kien sempliċement ippreżentat bħala perijodu ta’ tranżizzjoni u ta’ “eżitazzjoni” fil-funzjonament tal-akkordju. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, bħal ma osservat il-Kummissjoni fil-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji tal-grupp Areva li jgħidu li l-akkordju jew l-ewwel akkordju ntemm, għall-ewwel darba, matul l-1997 ġew kontradetti bid-dikjarazzjonijiet ta’ membri oħra fl-akkordju, kif ukoll minn ċerti provi li jinsabu fl-atti. B’hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-elementi pprovduti mill-kumpanniji tal-grupp Areva għenu l-kompitu tal-Kummissjoni intiż sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u li, għaldaqstant, kienu jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

336    B’hekk u mingħajr ma hemm lok li jiġu kkunsidrati r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-elementi inkwistjoni, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn hija tirrifjuta li tagħti tnaqqis mill-ammont tal-multi imposti fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

337    Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll il-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, peress li kkonfermat li l-impriża mmexxija minn Siemens ma kinitx irtirat ruħha mill-akkordju qabel Settembru 1999, id-dikjarazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Areva skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kienet tinkludi elementi b’valur miżjud sinjifikattiv.

338    Fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat is-segwenti:

“Siemens issostni li waqfet milli tipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju wara s-summit ta’ Sydney tal-24 ta’ April 1999. ABB indikat li Siemens kienet waqfet milli tipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju minn tmiem l-1999 […] Il-Kummissjoni stabbiliet li t-tluq ta’ Siemes ma seħħx qabel Settembru 1999. Dokument li nstab fl-uffiċċji ta’ VA Tech, iċċitat kollu kemm hu fin-nota [ta’] qiegħ il-paġna [nru 94] iktar ’il quddiem, jikkonferma li l-irtirar ta’ Siemes mil-laqgħat seħħ f’Settembru 1999. Dan id-dokument jindika s-segwenti: ‘Stop 3 = = > 09/99’ (‘3’ jindika Siemens), u sussegwentement jelenka l-ishma tas-suq mill-1988 sa l-1998. [Dan] huwa kkonfermat minn [Areva], Melco […], Fuji […] u Hitachi/JAEPS […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

339    Barra minn hekk, min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex ikkontestata mill-kumpanniji tal-grupp Areva, jirriżulta li “[i]n-numru [3] kien il-kodċi ta’ Siemens meta nħoloq id-dokument fl-10 ta’ Ġunju 2003”.

340    Fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat, f’dan ir-rigward is-segwenti:

“Mill-inqas minn Lulju 2002 (ara t-tabella II), intuża numru differenti ta’ kodiċi mill-membri tal-akkordju, bħal ma spjegat ABB […], fejn id-dikjarazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward huma kkonfermati minn provi kontemporanji tal-fatti […] u minn dikjarazzjonijiet minn partijiet oħra wara li saru spezzjonijiet ([Areva], VA Tech […], Hitachi/JAEPS […] u Siemens) […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

341    It-tabella II, inkluża fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet telenka l-“Kodiċijiet użati mill-inqas minn Lulju 2002”. Minnha rriżulta li l-kodiċi tal-partijiet kollha Ewropej kien in-numru “0”, il-kodiċi ta’ ABB in-numru “1”, il-kodiċi ta’ Alstom in-numru “2”, il-kodiċi ta’ Siemens in-numru “3”, il-kodiċi ta’ VA Tech in-numru “4”, il-kodiċi tal-partijiet kollha Ġappuniżi n-numru “5”, il-kodiċi ta’ JAEPS in-numru “6” u l-kodiċi ta’ TM T & D in-numru “7”.

342    Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 128 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġi indikat is-segwenti:

“[I]l-fatt [li kodiċi differenti ntużaw mill-inqas minn Lulju 2002] huwa kkonfermat b’dokument ta’ Z. (VA Tech), ta’ madwar Awwissu 2002 u li jikkonferma li l-membri tal-akkordju kellhom l-intenzjoni li jikkomunikaw permezz ta’ ‘kuntatt ċentrali’. Huma kellhom jevitaw kull laqgħa u kull komunikazzjoni bil-miktub, u kellhom jużaw il-kodiċi 1, 2, 3, 4, 6, 7 biex jindikaw rispettivament lil ABB, [Alstom], Siemens, VA Tech, Hitachi/JAEPS u TM T & D u jindikaw il-livell ta’ prezzijiet approssimattiv li kellhom l-intenzjoni li japplikaw.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

343    Mill-elementi preċedenti jirriżulta li, anki qabel id-dikjarazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Areva, il-Kummissjoni kellha d-dikjarazzjoni ta’ ABB bis-saħħa tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li tgħid li Siemens kienet waqfet milli tipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju minn tmiem l-1999 u kienet indikata, minn Lulju 2002, bin-numru “3”. Hija kellha wkoll provi bil-miktub, li jmorru lura għal żmien il-ksur, li minnhom jirriżulta jew seta’ jinftihem li l-kodiċi ta’ Siemes kien in-numru “3” għas-sajf tal-2002 u li hija kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’Settembru 1999. Il-valur probanti ta’ dawn id-dokumenti, li fuqhom tistrieh il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma ġiex ikkontestat mill-kumpanniji tal-grupp Areva u, għaldaqstant, hija ma tistax titqiegħed inkwistjoni fil-kuntest tal-Kawża T‑117/07. B’hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-Kawża T‑117/07, li d-dikjarazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Areva bis-saħħa tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kienet determinanti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonstata li Siemens kienet ipparteċipat fil-ksur sa Settembru 1999. Lanqas ma jista jiġi kkunsidrat, fil-Kawża T‑117/07, li d-dikjarazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Areva għenet il-kompitu tal-Kummissjoni u li, b’hekk, kienet tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li kellha tippermetti lil Areva T & D SA, lil Areva T & D AG, lil Areva u lil Areva T & D Holding tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multi tagħhom.

344    Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 81 KE, la l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u lanqas il-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, sa fejn hija rrifjutat milli tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva għad-dikjarazzjoni tagħhom skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

 Fuq it-tmien motiv imqajjem minn Alstom, ibbażat, prinċipalment, fuq ksur tal-Linji gwida u, sussidjarjament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

345    Permezz tat-tmien motiv tagħha, Alstom issostni, b’mod prinċipali, li l-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata huwa vvizjat bi żball ta’ liġi, sa fejn, sabiex jiddetermina l-ammont tal-multa imposta minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-1 ta’ Jannar 2004, hija tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul minnha fit-territorju kollu taż-ŻEE, u dan meta l-Ftehim ŻEE ma daħalx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1994. Sussidjarjament, Alstom issostni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi li l-ammont tal-multa imposta jiżdied b’mod artifiċjali permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ magħmul f’żona li ma kinitx teżisti fi żmien il-fatti, jiġifieri bejn il-15 ta’ April 1988 u l-1 ta’ Jannar 1994.

346    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ Alstom u titlob sabiex dan il-motiv jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

347    Essenzjalment, dan il-motiv jittratta l-kwistjoni dwar jekk fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminatx l-ammont tal-multa imposta fuq Alstom minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004 abbażi tad-dħul mill-bejgħ magħmul minnha fi ħdan iż-ŻEE u, fl-affermattiv, jekk b’hekk hija wettqitx żball ta’ liġi.

348    Kif diġà ġie osservat fil-punt 298 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimponi li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkun proporzjonat għall-ksur ikkonstatat, evalwat b’mod komplessiv.

349    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxu l-bażi legali rilevanti li permezz tagħha l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq impriżi u assoċazzjonijiet ta’ impriżi għal ksur tal-Artikolu 81 KE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 24) kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Huma jipprovdu li l-multa imposta fuq kull impriża li pparteċipat fil-ksur ma tistax tkun ogħla minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti. Dan il-limitu huwa preċiżament intiż sabiex jiġi evitat li l-multi imposti mill-Kummissjoni jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-impriża inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 24). Barra minn hekk, mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fi ħdan dan il-limitu, it-tul u l-gravità tal-ksur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

350    Filwaqt li l-ammont bażiku tal-multa huwa ffissat skont il-ksur, il-gravità tiegħu huwa ddeterminat b’riferiment għal numru ta’ fatturi oħra, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 25). Fost l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, skont il-każ, jistgħu jiġu kkunsidrati l-volum u l-valur tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li tista’ teżerċita fis-suq. B’hekk, huwa possibbli li l-Kummissjoni, bil-għan li tiddetermina l-ammont tal-multa, tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ tal-merkanzija, li jista’ jagħti indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tal-ksur u tas-setgħa ekonomika tiegħu, kif ukoll il-parti tad-dħul mill-bejgħ li jiġi mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant ikun tali li jagħti indikazzjoni tal-wisa’ tiegħu (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 247 iktar ’il fuq, punti 120 u 121; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, T‑28/99, Ġabra p. II‑1845, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

351    Barra minn hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-daqs u tas-setgħa ekonomika ta’ impriża fil-mument tal-ksur, għandu neċessarjament isir riferiment għad-dħul mill-bejgħ magħmul minn din l-impriża fi żmien l-imsemmi ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 86). Is-sempliċi fatt għall-Kummissjoni li tirreferi, bħala prinċipju, għall-aħħar sena kompleta tal-perijodu li jikkostitwixxi ksur sabiex tevalwa r-realtà ekonomika, hekk kif kienet tidher matul dan il-perijodu, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aristrain vs Il‑Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punti 128 u 129).

352    Għalkemm il-Linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat, huma madankollu jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi minħabba billi jiddeterminaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi (ara s-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

353    Skont il-Linji gwida, il-gravità tal-ksur hija stabbilita skont numru ta’ elementi, li wħud minnhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

354    F’dan ir-rigward, il-Linji gwida jipprovdu li, apparti n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq u l-portata ġeografika tiegħu, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu ħsara importanti lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari l-konsumaturi, u li jiddeterminaw l-ammont tal-multa għal livell li jiżgura karattru suffiċjentement dissważiv fil-konfront tiegħu (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A).

355    Barra minn hekk, jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir huma f’pożizzjoni aqwa li jevalwaw il-karattru li jikkostitwixxi ksur tal-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu (il-ħames paragrafu tal-punt 1 A).

356    Fil-każijiet li jinvolvu numru ta’ impriżi, bħall-akkordji, l-ammont inizjali ġenerali jista’ jiġi kkunsidrat biex jiġi stabbilit ammont inizjali speċifiku fid-dawl tal-piż, u għaldaqstant tal-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jeżisti nuqqas ta’ ugwaljanza kunsiderevoli fid-dimensjoni tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura (is-sitt paragrafu tal-punt 1 A).

357    Għandu jiġi osservat li l-Linji gwida ma jipprovdux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ magħmul mill‑impriżi fis-suq ikkonċernat. Madankollu, huma lanqas ma jipprekludu li dan id-dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fl‑iffissar tal‑ammont tal-multa sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ jista’ għalhekk jiġi kkunsidrat fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi differenti elenkati fil-punti 354 sa 356 iktar ’il fuq (sentenzi LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punti 283 u 284, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, punt 283 iktar ’il fuq, punt 187).

358    F’dan il-każ, wara li, fil-premessi 474 sa 479 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeterminat il-gravità tal-ksur bħala tali, fejn dan ġie kkwalifikat bħala “gravi ħafna”, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni elementi ta’ natura li jagħmlu differenza fit-trattament tal-impriżi individwali, skont il-metodoloġija ffissata fil-punt 1 A tal-Linji gwida.

359    F’dan ir-rigward, mill-premessi 480 sa 491 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ kull awtur tal-ksur li joħloq ħsara importanti lill-operaturi l-oħra kif ukoll tal-piż speċifiku, u għaldaqstant tal-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, sabiex jiġi żgurat karattru suffiċjentement dissważiv lill-multi imposti.

360    Fil-premessi 481 u 482 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tal-karattru dinji tal-akkordju, għandu jittieħed bħala bażi ta’ paragun tal-importanza relattiva ta’ kull impriża s-sehem tad-dħul mill-bejgħ dinji relatat mal-proġetti ta’ SIG miżmum minn kull impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur ikkonstatat. Skont il-Kummissjoni, din il-bażi ta’ paragun kienet tali li tirrifletti fedelment il-kapaċità ta’ kull impriża li tippreġudika serjament lill-operaturi l-oħra fit-territorju taż-ŻEE u li tipprovdi indikazzjoni tal-kontribut tagħha għall-effikaċja tal-akkordju kollu kemm hu jew, bil-kontra, tal-instabbiltà li kienet tirrenja fi ħdan l-akkordju li kieku hija ma pparteċipatx fl-istess akkordju.

361    Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Alstom, il-Kummissjoni għaldaqstant irreferiet għad-dħul mill-bejgħ dinji relatat mal-proġetti ta’ SIG magħmul mill-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur u mhux, bħal ma tallega Alstom, mad-dħul mill-bejgħ relatat mal-proġetti ta’ SIG magħmul matul il-tul kollu tal-ksur fit-territorju taż-ŻEE. Għaldaqstant il-motiv invokat minn Alstom għandu nuqqasijiet ta’ natura fattwali.

362    Fi kwalunkwe każ, mill-argumenti msemmija preċedentement jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma evitatx il-metodu ta’ kalkolu msemmi fil-Linji gwida, ma eċċedietx il-qafas legali tas-sanzjonijiet iddefinit mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi ddeċidiet li tirreferi, bħala prinċipju, għad-dħul mill-bejgħ dinji relatat mal-proġetti ta’ SIG imwettqa minn kull impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-ksur, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-daqs u s-setgħa ekonomika ta’ kull impriża fil-mument tal-ksur.

363    B’hekk il-motiv ibbażat, b’mod prinċipali, fuq ksur tal-Linji gwida u, sussidjarjament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

364    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew aktar tat-talbiet tagħhom.

365    Peress li fil-Kawża T‑117/07 ir-rikors intlaqa’ parzjalment, tkun qed issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta’ Areva, ta’ Areva T & D Holding, ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Areva, Areva T & D Holding, Areva T & D SA u Areva T & D AG għandhom ibatu 90 % mill-ispejjeż tagħhom u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

366    Peress li fil-Kawża T‑121/07 ir-rikors intlaqa’ parzjalment, tkun qed issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta’ Alstom, u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Alstom għandha tbati 90 % mill-ispejjeż tagħha u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑274/08 u T‑275/08 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      L-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ZEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass), huwa annullat.

3)      Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(b) sa (f) tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, għandhom jingħataw il-multi li ġejjin:

–        Alstom, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata: EUR 10 327 500;

–        Alstom : EUR 48 195 000, in solidum ma’ Areva T & D SA, EUR 20 400 000 mill-ammont dovut minn Areva T & D SA li għandu jitħallas, in solidum, minn din tal-aħħar u minn Areva T & D AG, Areva, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, u Areva T & D Holding SA.

4)      Il-bqija tar-rikorsi huma miċħuda.

5)      Fil-Kawża T‑117/07, il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta’ Areva, ta’ Areva T & D Holding, ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Areva, Areva T & D Holding, Areva T & D SA u Areva T & D AG għandhom ibatu 90 % mill-ispejjeż tagħhom u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

6)      Fil-Kawża T‑121/07, il-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta’ Alstom u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Alstom għandha tbati 90 % mill-ispejjeż tagħha u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2011.

Reġistratur

 

      President


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-prodott ikkonċernat

Impriżi inkwistjoni

Proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-kundizzjonijiet għal annullament tal-Artikolu 1(b), (c), (d), (e) u (f), tad-deċiżjoni kkontestata

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq it-trasferiment lil Areva T & D SA u lil Areva T & D AG tar-responsabbiltà personali inkorsa minn Alstom minħabba l-parteċipazzjoni tal-fergħa ta’ attività tagħha fil-qasam ta’ SIG fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sas-6 ta’ Diċembru 1992

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-responsabbiltà personali ta’ Alstom minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004, fil-kapaċitŕ tagħha bħala kumpannija parent 100 % proprjetarja ta’ Alstom T & D SA u ta’ Alstom T & D AG

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-trasferiment lill-kumpanniji tal-grupp Areva tar-responsabbiltà personali ta’ Alstom minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, fid-dawl tat-trasferiment ta’ din l-impriża lill-grupp Areva

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-responsabbiltà personali ta’ Areva T & D SA u Areva T & D AG minħabba l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur rispettivament għall-perijodi mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004 u mit-22 ta’ Diċembru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-responsabbiltà personali ta’ Areva u Areva T & D Holding għall-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, fil-kapaċitŕ tagħhom bħala kumpanniji parent 100 % proprjetarji ta’ Areva T & D SA u ta’ Areva T & D AG

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq interruzzjoni eventwali tal-ksur imputat lil Alstom bejn Settembru 1999 u Marzu 2002

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-talbiet għal annullament jew għal reviżjoni tal-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-multa individwali imposta fuq Alstom fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ksur tar-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, il-ksur tal-Artikolu 7 KE, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ, ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalitŕ, ta’ dritt għal rimedju effettiv u ta’ individwalitŕ tal-pieni, kif ukoll il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-multi imposti fuq Alstom u fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva, fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq iż-żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi imposti fuq Alstom u fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv imqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Areva, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni tirrifjuta milli tagħtihom tnaqqis mill-ammont tal-multa tagħhom għall-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien motiv imqajjem minn Alstom, ibbażat, prinċipalment, fuq ksur tal-Linji gwida u, sussidjarjament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 – Informazzjoni kunfidenzjali moħbija