Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta' Marzu 2011 - Areva et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-117/07 u 121/07) 1

("Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear insulat bil-gass - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE - Drittijiet tad-difiża - Obbligu ta' motivazzjoni - Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur - Tul tal-ksur - Multi - Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa - Ċirkustanzi aggravanti - Rwol ta' mexxej - Ċirkustanzi attenwanti - Kooperazzjoni")

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Areva, kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata (Pariġi, Franza); Areva T & D Holding SA (Pariġi); Areva T & D SA (Pariġi); Areva T & D AG (Oberentfelden, l-Isvizzera) (rappreżentant: A. Schild u J.-M. Cot, avukati); u Alstom, kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata (Levallois-Perret, Franza) (rappreżentanti: inizjalment minn J. Derenne, avukat, W. Broere, solicitor, A. Müller-Rappard u C. Guirado, avukati, sussegwentement minn J. Derenne u A. Müller-Rappard)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Europea (rappreżentanti: inizjalment minn X. Lewis u F. Arbault, sussegwentement minn X. Lewis, u finalment minn V. Bottka u N. Von Lingen, aġenti)

Suġġett

Prinċipalment, rikors għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali, tal-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ZEE (Każ COMP/F/38.899 - Switchgear insulat bil-gass), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Dispożittiv

Il-Kawżi T-274/08 u T-275/08 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

L-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ZEE (Każ COMP/F/38.899 - Switchgear insulat bil-gass), huwa annullat.

Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(b) sa (f) tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, għandhom jingħataw il-multi li ġejjin:

-    Alstom, kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata: EUR 10 327 500;

-    Alstom : EUR 48 195 000, in solidum ma' Areva T & D SA, EUR 20 400 000 mill-ammont dovut minn Areva T & D SA li għandu jitħallas, in solidum, minn din tal-aħħar u minn Areva T & D AG, Areva, kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata, u Areva T & D Holding SA.

Il-bqija tar-rikorsi huma miċħuda.

Fil-Kawża T-117/07, il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta' Areva, ta' Areva T & D Holding, ta' Areva T & D SA u ta' Areva T & D AG u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Areva, Areva T & D Holding, Areva T & D SA u Areva T & D AG għandhom ibatu 9 % mill-ispejjeż tagħhom u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Fil-Kawża T-121/07, il-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta' Alstom u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Alstom għandha tbati 90 % mill-ispejjeż tagħha u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

____________

1 - ĠU C 140, 23.06.2007.