Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Lulju 2009 - Tecnoprocess vs Il-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Marokk

(Kawża T-264/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Tecnoprocess Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: A. Majoli, avvocato)

Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Marokk

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara, skont l-Artikolu 232 KE, in-nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tad-Delegazzjoni tal-UE f'Rabat u tal-Komunità Ewropea.

tikkonstata, abbażi tal-Artikolu 288 tat-Trattat, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tad-Delegazzjoni u tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti u tikkundannahom, in solidum, iħallsu lir-rikorrenti d-dannu li hija sofriet fl-ammont ta' EUR 1 000 000 (EUR miljun).

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali topera f'diversi setturi tas-suq industrijali. B'effett mill-2002, Tecnoprocess topera fis-suq tal-għoti ta' kuntratti mmexxija minn EuropAid, ta' proġetti intiżi għal għajnuna esterna mogħtija mill-Kummissjoni lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, iffinanzjati mill-baġit tal-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Gustizzja tistħarreġ l-aġir tal-konvenuti fir-rigward tal-implementazzjoni tal-kuntratti segwenti:

-    Kuntratt EuropeAid 1144205/D/S/MA (marché 14/2003/meda/b7 - 4100/ib/96/0587) - RISTORAZIONE;

-    Kuntratt EuropeAid 114194/D/S/MA (marché 15/2003/meda/b7 - 4100/ib/96/0587) - FREDDO;

-    Kuntratt EuropeAid 114194/D/S/MA (marché 16/2003/meda/b7 - 4100/ib/96/0587) - FREDDO; u

Kuntratt EuropeAid/12088/D/S/MA - Centre Assistance Technique des Industriels des Equipements pour véchicules (Cetiev) Lottijiet 3 u 6.

L-għan tal-ewwel tliet kuntratti, li ġew konklużi bħala parti mill-programm MEDA 1, kien il-provvista ta' tagħmir u aċċessorji għas-servizzi ta' ristorant u ta' kantin tal-Office de la Formation professionnelle et de la Promotion du Travail (OFPPT) f'Rabat.

Fl-implementazzjoni ta' dawn il-kuntratti, l-OFPPT irrifjuta li jiffirma l-irċevuti għall-prodotti, minkejja li dan uża l-prodotti inkwistjoni, li ġew legalment ipprovduti mir-rikorrenti.

Kien hemm diffikultajiet simili fir-rigward tar-raba' kuntratt, li ġie konkluż bħala parti mill-programm MEDA 2 u li kien relatat ma' provvista ta' tagħmir speċjalizzat li kien intiż sabiex isiru testijiet fuq filters ta' vetturi bil-mutur.

Skont ir-rikorrenti, in-nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tal-konvenuti, li jikkonsisti fin-nuqqas tagħhom li jsibu soluzzjoni li tissodisfa l-interessi tar-rikorrenti fid-dawl tan-nuqqasijiet gravi fl-implementazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, jista' jirriżulta fir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka wkoll il-ksur tal-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Finanzi, tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta' proporzjonalità u tad-dritt għal kunfidenzjalità.

____________