Language of document : ECLI:EU:T:2006:10

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Jannar 2006(*)

"Trade mark Komunitarja − Trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali ‘quantum’ − Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark figurattiva nazzjonali Quantième – Raġuni relattiv għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b), Artikolu 15(2) u Artikolu 43(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-147/03,

Devinlec Développement innovation Leclerc SA, stabbilita f’Toulouse (Franza), irrappreżentata minn J.-P. Simon, Avukat,

Rikorrenti,

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Novais Gonçalves u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

TIME ART Uluslararasi Saat Ticareti ve diş Ticaret AŞ, stabbilita f’Istanbul (it-Turkija), irrappreżentata minn F. Jacobacci, Avukat,

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Awla tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-30 ta’ Jannar 2003 (Każ R 109/2002‑3), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Devinlec Développement innovation Leclerc SA u TIME Art Uluslararasi Saat Ticareti ve diş Ticaret AŞ,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ April 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Ottubru 2003,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Ottubru 2003,

wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-8 ta’ Settembru 1997, il-kumpannija TIME ART Uluslararasi Saat Ticareti ve diş Ticaret AŞ (iktar ’il quddiem l-"intervenjenti") ippreżentat, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI).

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hi s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 14 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "arloġġi ta’ l-idejn, arloġġi, il-mekkaniżmi u l-partijiet tagħhom, ħġieġ ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn/arloġġi, kejsings ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn/arloġġi, ċineg ta’ l-arloġġ ta’ l-idejn, ktajjen ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn, kaxex għall-arloġġi ta’ l-idejn u għall-arloġġi".

4       Din l-applikazzjoni ġiet ippublikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 62/98 tas-17 ta’ Awwissu 1998.

5       Fid-9 ta’ Novembru 1998, il-kumpannija Devinlec Développement innovation Leclerc SA (iktar ’il quddiem ir-"rikorrenti") ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, abbażi tat-trade mark figurattiva preċedenti, irreġistrata fi Franza fil-11 ta’ Diċembru 1987, bin-Nru 1 555 274 li hija riprodotta hawn taħt :

Image not foundImage not found

6       Il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti, skond il-Ftehim ta’ Nizza:

–       klassi 14 : "Arloġġi u prodotti għall-manifattura ta’ l-arloġġi; ġojjelli";

–       klassi 18 : "Oġġetti tal-ġild".

7       L-oppożizzjoni, ibbażata fuq ir-raġuni relattiv għar-rifjut li jinsab fl-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94, saret kontra l-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

8       Fl-10 ta’ Marzu 1999, l-intervenjenti, skond l-Artikolu 43(2) u (3), tar-Regolament Nru 40/94, talab li r-rikorrenti tressaq il-prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti.

9       Sabiex turi l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti ppreżentat bosta oġġetti u dokumenti, b’mod partikulari arloġġi ta’ l-idejn, fatturi, materjal promozzjonali, artikli ta’ l-istampa u dikjarazzjoni maħlufa magħmula mid-direttur tagħha.

10     Dawn l-elementi kollha wrew li t-trade mark preċedenti kienet ġiet użata fi Franza għal "arloġġi ta’ l-idejn u ċineg ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn" taħt is-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

11     Permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ddeċidiet fuq l-oppożizzjoni. Minn naħa waħda, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ressqet il-prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti, mingħajr ma dan l-użu taħt is-sinjal figurattiv riprodott fil-punt 10 hawn fuq kien biddel il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Min-naħa l-oħra, hija laqgħet l-oppożizzjoni peress li l-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti kienu parzjalment identiċi u parzjalment jixxiebhu u li s-sinjali ppreżentaw livell suffiċjenti ta’ xebh viżiv, fonetiku u konċettwali, b’mod li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti.

12     Fid-29 ta’ Jannar 2002, l-intervenjenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

13     Permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2003 (iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-tielet Bord ta’ l-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u, b’konsegwenza ta’ dan, ċaħad l-oppożizzjoni. Essenzjalment, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li, minkejja l-identiċità u x-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti, kien meħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu ikkummerċjalizzati u l-fatt li l-arloġġi ta’ l-idejn u ċ-ċineg ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn li fuqhom tidher dik it-trade mark kienu mibjugħa biss lill-konsumatur finali fiċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord ta’ l-Appell qies li x-xebh viżiv u fonetiku bejn it-trade marks konfliġġenti u l-allużjoni possibbli komuni għall-kunċett ta’ kwantità ma jwasslux lill-konsumatur medju, li kieku kellu jiltaqa’ mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq l-"arloġġi ta’ l-idejn, arloġġi, ċineg/ktajjen ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn u kaxex għal arloġġi ta’ l-idejn u għal arloġġi" fi ħwienet differenti miċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc, sabiex jikkunsidra li l-prodotti li fuqhom jidhru t-trade marks konfliġġenti joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriża konnessa magħha (punti 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

14     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tirrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż;

–       tordna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI.

15     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

16     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn taffetwaha avversament.

 Id-dritt

17     In sostenn ta’ l-ewwel talba tagħha, ir-rikorrenti tqajjem zewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq il-ksur tar-Regola 50 tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1). It-tieni raġuni hija bbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 u tal-"prinċipji ġenerali tal-liġi tat-trade marks".

18     L-intervenjenti tinvoka, raġuni awtonoma għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 15(2) u ta’ l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 40/94.

19     Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel sejra teżamina r-raġuni awtonoma invokata mill-intervenjenti, imbagħad it-tieni u l-ewwel raġunijiet mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq ir-raġuni awtonoma ta’ l-intervenjenti, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 15(2) u ta’ l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

20     L-intervenjenti tistieden lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkonstata li l-Bord ta’ l-Appell kien żbaljat meta qies li t-trade mark preċedenti, kif kienet ġiet użata mir-rikorrenti, ma kinitx biddlet il-karattru distintiv tas-sinjal irreġistrat preċedentement fi Franza. B’konsegwenza ta’ dan, l-intervenjenti titlob ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddikjara li l-provi ta’ l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, ippreżentati mir-rikorrenti lill-UASI waqt il-proċedimenti amministrattivi, ma kinux suffiċjenti u li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 43(3), tar-Regolament Nru 40/94.

21     Fis-seduta, ir-rikorrenti u l-UASI sostnew li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkonfermata fuq dan il-punt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

22     L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "Użu ta’ trade marks Komunitarji", jgħid:

" 1. Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

2. Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fil-Paragrafu 1 :

a)       L-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija ġiet reġistrata;

[…] "

23     L-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "Eżaminazzjoni ta’ l-oppożizzjoni", jipprovdi:

" 2. Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika [ta’ l-oppożizzjoni] għandu jġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3. Il-Paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8 (2) (a), u dana billi l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.

[…] "

24     F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata kkonfermat l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li r-rikorrenti kienet ressqet il-prova ta’ l-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 43(2) u (3), tar-Regolament Nru 40/94, mingħajr mas-sinjal użat mir-rikorrenti, riprodott fil-punt 10 hawn fuq, kien biddel il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma li fiha kienet ġiet irreġistrata fi Franza, riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq. B’mod partikulari, il-Bord ta’ l-Appell irrileva, fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-differenzi fil-font u fl-istilizzazzjoni ta’ l-ittra "q" tat-trade mark preċedenti ma jbiddlux il-karattru distintiv, peress li jirriżulta b’mod ċar mill-provi mressqa fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li din l-ittra ma tiġix perċepita b’mod iżolat mill-kelma li tifforma parti minnha u li tikkostitwixxi l-element essenzjali tat-trade mark preċedenti. Il-Bord ta’ l-Appell innota wkoll, fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li bosta estratti minn gazzetti u minn materjal promozzjonali tat-trade mark preċedenti juru li t-trade mark kienet użata wkoll fil-forma kif hija kienet irreġistrata u li l-istilizzazzjoni ta’ l-ittra "q" ma kinitx enfasizzata.

25     Din l-evalwazzjoni għandha tiġi approvata.

26     L-ewwelnett, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, skond l-Artikolu 15(2)(a), flimkien ma’ l-Artikolu 43(2) u (3), tar-Regolament Nru 40/94, il-prova ta’ l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, nazzjonali jew Komunitarja, li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tinkludi wkoll il-prova ta’ l-uzu tat-trade mark preċedenti f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma kif hija ġiet reġistrata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO AIRE), T‑156/01, Ġabra p. II‑2789, punt 44].

27     Imbagħad, fir-rigward tal-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, l-użu tas-sinjal riprodott fil-punt 10 iktar ’il fuq jikkostitwixxix, kif tallega l-intervenjenti, użu li jbiddel il-karattru distintiv tat-trade mark nazzjonali preċedenti, jeħtieġ li jingħad li dan mhux il-każ.

28     F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-uniċi elementi li jiddistingwu t-trade mark nazzjonali preċedenti, kif ġiet irreġistrata, mis-sinjal użat mir-rikorrenti huma, min naħa waħda, l-istilizzazzjoni ta’ l-ittra "q", li tissuġġerixxi l-wiċċ ta’ arloġġ u, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ ittri kbar fil-kitba ta’ l-element verbali tat-trade mark nazzjonali preċedenti.

29     Issa, l-ewwel nett, għalkemm l-istilizzazzjoni ta’ l-ittra "q" tolqot l-għajn aktar fir-rappreżentazzjoni tas-sinjal użat milli f’dik tat-trade mark nazzjonali preċedenti, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti xorta waħda huwa bbażat fuq l-element verbali sħiħ ta’ din it-trade mark. Għandu jiġi ppreċiżat, wara kollox, li l-istilizzazzjoni ta’ l-ittra "q", li tissuġerixxi, kif intqal, il-wiċċ ta’ arloġġ, ma tippreżentax karattru partikularment distintiv tal-prodotti fil-klassi 14, l-uniċi prodotti li għalihom ir-rikorrenti forniet provi ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti. It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ l-ittri kbar, huwa suffiċjenti li jingħad li dan m’għandu l-ebda oriġinalità u lanqas ma jbiddel il-karattru distintiv tat-trade mark nazzjonali preċedenti.

30     Isegwi li l-elementi ta’ prova fornuti mir-rikorrenti li jirreferu għas-sinjal riprodott fil-punt 10 iktar ’il fuq għall-prodotti fil-klassi 14 "arloġġi ta’ l-idejn u ċineg ta’ l-arloġġ ta’ l-idejn" setgħu leġittimament jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Bord ta’ l-Appell għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx uriet l-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti.

31     Peress illi l-intervenjenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi ta’ prova mill-Bord ta’ l-Appell, u lanqas ma tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ dawk imressqa mir-rikorrenti sabiex turi li hija kienet użat it-trade mark nazzjonali preċedenti anki fil-forma kif hija ġiet reġistrata, ir-raġuni awtonoma ta’ l-intervenjenti għandha tiġi respinta.

 Fuq it-tieni raġuni tar-rikorrenti, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-"prinċipji ġenerali tal-liġi tat-trade marks"

 L-argumenti tal-partijiet

32     Ir-rikorrenti tikkontesta diversi kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell rigward il-paragun tal-prodotti li fuqhom jidhru t-trade marks konfliġġenti, il-paragun tas-sinjali konfliġġenti u n-nuqqas ta’ probabbiltàta’ konfużjoni.

33     Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragun tal-prodotti li fuqhom jidhru t-trade marks konfliġġenti, ir-rikorrenti, mingħajr ma tikkontesta l-identiċità u x-xebh tagħhom, issostni li, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ibbaża ruħu fuq premessa fattwali żbaljata. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma taqbilx ma’ l-affermazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li l-prodotti li fuqhom tidher it-trade mark preċedenti ma jinbigħux flimkien ma’ prodotti li fuqhom tidher it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u ma jinbigħux fi ħwienet differenti miċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc.

34     F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tgħid li din l-affermazzjoni tidher li hija bbażata, b’mod partikulari, fuq id-dikjarazzjoni tad-direttur tagħha, datata 7 ta’ Mejju 1999, li hija kienet ippreżentat bħala parti mid-dokumenti sabiex turi l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. Issa, minn naħa waħda, skond ir-rikorrenti, la din id-dikjarazzjoni u lanqas id-dokumenti l-oħra mibgħuta lill-UASI ma jwasslu għall-konklużjoni li l-punti ta’ bejgħ "Le Manège à Bijoux" taċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc − li jbigħu l-prodotti li fuqhom tidher it-trade mark preċedenti − ma jbigħux prodotti oħra identiċi jew simili jew li l-bejgħ tal-prodotti li fuqhom tidher it-trade mark preċedenti dejjem se tibqa’ riżervata għal dawn il-punti ta’ bejgħ. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tfakkar li d-dikjarazzjoni ċċitata iktar ’il fuq u d-dokumenti l-oħra marbutin magħha ġew ikkomunikati speċifikatament sabiex juru l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti bejn l-1993 u l-1998, biex tiġi evitata iċ-ċaħda ta’ l-oppożizzjoni. Ir-rikorrenti tenfasizza li hi ma ġietx mistiedna mill-Bord ta’ l-Appell sabiex turi, per eżempju, li l-punti ta’ bejgħ taċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc setgħu jbigħu prodotti identiċi jew simili li fuqhom jidhru trade marks oħra. Sa fejn ir-rikorrenti tafferma li possibbiltà bħal din teżisti, hija lesta tforni kull element ta’ prova sabiex issostni d-dikjarazzjoni tagħha.

35     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun tat-trade marks konfliġġenti, ir-rikorrenti l-ewwelnett tirrimarka li l-Bord ta’ l-Appell ikkontradixxa lilu nnifsu fl-eżami tiegħu tat-trade mark preċedenti, peress li hu ma wettaqx l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dik it-trade mark kif ġiet użata, iżda kif ġiet irreġistrata.

36     Ir-rikorrenti mbagħad issostni li l-Bord ta’ l-Appell għamel diversi żbalji fir-rigward tal-paragun viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti.

37     Fuq il-livell viżiv, għalkemm ir-rikorrenti taqbel mal-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li jeżisti xebh bejn il-prefissi "quant", hija madankollu ssostni li l-Bord ta’ l-Appell naqas milli jikkonstata li s-sinjali konfliġġenti għandhom ukoll l-ittra "m" komuni bejniethom u li jeżisti xebh viżiv bejn l-ittri "i" tat-trade mark preċedenti u "u" tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni ukoll li l-element figurattiv fil-forma ta’ sveljarin li jinsab iktar ’il fuq mill-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni – grafiku, u barra minn hekk, nieqes minn karattru distintiv għall-prodotti li fuqhom tidher din it-trade mark −, ma jikkostitwixxix element li jiddistingwi t-trade marks konfliġġenti mil-lat viżiv, kuntrarjament għal dak li qies il-Bord ta’ l-Appell. Minbarra dan, jekk il-pubbliku rilevanti kellu jagħti xi importanza partikulari għal dan l-element figurattiv, ir-rikorrenti ssostni li dan ikun ukoll il-każ fir-rigward ta’ l-istilizzazzjoni ta’ l-ittra "q" tat-trade mark preċedenti, kif ġiet użata, li wkoll tirrappreżenta l-wiċċ ta’ arloġġ jew sveljarin. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-elementi jsaħħu x-xebh viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti.

38     Mill-perspettiva fonetika, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell ġustament qies li jeżisti xebh fonetiku kbir bejn l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u dak tat-trade mark preċedenti, hija ssostni li d-differenza fil-pronunzja tas-sillabi finali tat-trade marks konfliġġenti ("tum" fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, "tième" fit-trade mark preċedenti), enfasizzata mill-Bord ta’ l-Appell, hija ta’ ftit importanza, minħabba l-preżenza ta’ l-ittra "m", li hija komuni għat-trade marks konfliġġenti.

39     Fuq il-livell kunċettwali, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell kien żbaljat meta qies, fil-punti 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali konfliġġenti kienu differenti. B’referenza għal sondaġġ imwettaq fil-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2002 fost kampjun rappreżentattiv tal-pubbliku mmirat, mehmuż mar-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti, ir-rikorrenti tesponi, minn naħa waħda, li l-pubbliku mmirat ma jafx it-tifsira preċiża ta’ l-elementi verbali tat-trade marks konfliġġenti u, min-naħa l-oħra, li, anki fost il-parti tal-pubbliku mmirat li taħseb li taf it-tifsira ta’ l-elementi verbali tat-trade marks konfliġġenti, il-maġġoranza hi tal-fehma li t-tnejn jirreferu għal kwantità. Ir-rikorrenti tiddeduċi li din iċ-ċirkostanza ssaħħaħ ix-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti kkonstatat fuq il-livell viżiv u fonetiku.

40     Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta’ l-Appell kiser il-prinċipju ta’ l-interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks u dik tal-prodotti li jidhru fuqhom. B’mod partikulari, hija ssostni li l-Bord għamel żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu kkumerċjalizzati f’mument partikulari kien jikkostitwixxi fattur rilevanti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Sussidjarjament, hija tistieden lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi li l-Bord ta’ l-Appell ta wisq importanza lil dan il-fattur, meta jitqies ix-xebh bejn il-prodotti u t-trade marks konfliġġenti kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra f’dak ir-rigward mhux biss il-ġurisprudenza Komunitarja, iżda wkoll il-"prinċipji fundamentali tal-liġi tat-trade marks", b’mod partikulari dawk taċ-ċessjoni ta’ trade mark indipendentement mill-impriża li tkun il-proprjetarja tagħha u ta’ trattament ugwali tal-proprjetarji tat-trade marks. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar "prinċipju", ir-rikorrenti tippreċiża li, li kieku t-trade mark preċedenti kienet eżistiet għal inqas minn ħames snin fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ir-rikorrenti ma kienx ikollha turi l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark u, b’konsegwenza ta’ dan, il-Bord ta’ l-Appell ma kienx ikun jista’ juża l-elementi ta’ prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti li hija kienet forniet waqt il-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI. F’dawn iċ-ċirkosatnza, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta’ l-Appell naqqas il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti.

41     L-UASI fl-ewwel lok jirrispondi li mhux ikkontestat li l-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti huma in parti identiċi u in parti jixxiebhu.

42     Fit-tieni lok huwa jenfasizza li l-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandha titwettaq l-evalwazzjoni tal-paragun tas-sinjali u tal-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa kkostitwit, għal dak li jirrigwarda l-arloġġi ta’ l-idejn, l-arloġġi u ċ-ċineg/ktajjen ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn mill-konsumatur medju Franċiż, filwaqt li, fir-rigward tal-mekkaniżmi u l-partijiet ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn u ta’ l-arloġġi, tal-ħġieġ ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn u ta’ l-arloġġi kif ukoll tal-kejsings ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn u ta’ l-arloġġi, dan jinkludi pubbliku speċjalizzat li jipproduċi jew isewwi l-arloġġi ta’ l-idejn jew l-arloġġi, peress li b’mod partikulari l-kejsings, ġeneralment ma jinbigħux separatament minn arloġġ ta’ l-idejn jew minn arloġġ.

43     Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun tas-sinjali, l-UASI jqis li huma viżwalment, fonetikament u kunċettwalment differenti.

44     Mill-perspettiva viżiva, għalkemm l-UASI jaċċetta li l-elementi verbali tas-sinjali konfliġġenti għandhom komuni bejniethom il-ħames ittri ("quant"), dan madankollu jenfasizza li l-ittri finali tagħhom huma differenti, li l-elementi verbali huma ta’ tul differenti, f’fonts differenti u li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tinkludi wkoll element figurattiv li ma jistax jiġi injorat, minkejja l-fatt li dan għandu karattru distintiv intrinsiku kontestabbli fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Minn dan l-UASI jikkonkludi li s-sinjali konfliġġenti huma viżwalment differenti u jistgħu jiġu distinti faċilment.

45     Fuq il-livell fonetiku, l-UASI jsostni li l-livell ta’ xebh bejn is-sinjali konfliġġenti, li jirriżulta mill-preżenza tas-sillaba komuni "quant", huwa kkumpensat mid-differenzi li jeżistu bejn il-ħoss finali tas-sinjali konfliġġenti ("um" fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, "ième" fit-trade mark preċedenti). F’dan ir-rigward, l-UASI jirrileva li s-sillabi finali tas-sinjali konfliġġenti huma ppronunzjati b’mod differenti ħafna.

46     Fuq il-livell kunċettwali, l-UASI jfakkar li l-elementi verbali tas-sinjali konfliġġenti t-tnejn għandhom sinjifikati differenti, ħaġa li timplika, b’konsegwenza ta’ dan, li dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jiġu meqjusa bħala li jixxiebhu f’dan ir-rigward. B’mod partikulari, l-UASI huwa ta’ l-opinjoni li hemm probabbiltà kbira li l-konsumatur medju jifhem il-kelma "quantième" tat-trade mark preċedenti bħala l-indikazzjoni numerika tal-jum ta’ xahar li jmur minn wieħed sa wieħed u tletin. L-UASI jsostni li dik it-tifsira hija mifruxa fil-kummerċ ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn, kif muri mill-evidenza meħuda minn bosta siti ta’ l-internet bil-lingwa Franċiża mehmuża mar-risposta tiegħu. Għalhekk, skond l-UASI, jew il-konsumatur medju jkun jaf diġà s-sinjifikat imsemmi jew ikun jista’ jsir jaf bih permezz ta’ l-avviż li jingħata ma’ l-akkwist tiegħu jew billi jitlob il-parir tal-bejjiegħ. Minbarra dan, l-UASI jżid li jeħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu li l-pubbliku rilevanti jinkludi professjonisti ta’ l-industrija ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn, li bla dubju jifhmu t-tifsira tal-kelma "quantième".

47     Skond l-UASI, dik l-evalwazzjoni mhix invalidata mill-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq is-sondaġġ ta’ l-opinjoni annessa mar-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti, li l-pubbliku rilevanti jagħmel konnessjoni kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti permezz ta’ referenza komuni għall-kunċett tal-kwantità. Minkejja diversi inċertezzi dwar il-kundizzjonijiet li fihom twettaq is-sondaġġ, l-UASI jirrileva, fi kwalunkwe każ, li bejn wieħed u ieħor 11 % tal-persuni mistoqsija indikaw li l-kelma "quantum" tirreferi għall-kunċett ta’ kwalità, filwaqt li ftit aktar minn 28 % assoċjaw il-kelma "quantième" ma’ dan il-kunċett. Issa, fl-opinjoni ta’ l-UASI, mhux biss dawk il-persentaġġi huma inkonklużivi, iżda, barra minn hekk, is-sondaġġ ma jippermettix li wieħed ikun jaf liema proporzjon tal-pubbliku mistoqsi rrisponda li ż-żewġ kelmiet jirreferu għall-kunċett ta’ kwantità.

48     Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-UASI l-ewwelnett jirrileva li, meta jitqies il-fatt li l-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti ma jinxtarawx regolarment, il-konsumatur medju jagħti attenzjoni partikulari lill-aspetti kollha ta’ dawn il-prodotti, inklużi t-trade marks li jidhru fuqhom. Dawn l-akkwisti jiġu effettwati wara li jsir tqabbil viżiv tal-prodotti u tat-trade marks, u għalhekk id-differenzi viżivi bejn it-trade marks konfliġġenti għandhom importanza partikulari. L-UASI imbagħad isostni li t-trade mark preċedenti tgawdi minn livell ta’ protezzjoni intrinsikament dgħajfa fi Franza, fejn l-element verbali tagħha hija komunement użata sabiex tiddeskrivi waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa jikkunsidra li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, indipendentement mill-kwistjoni jekk ċerti prodotti li huma jkopru humiex identiċi jew simili ħafna. Fl-aħħarnett, l-UASI jgħid li din il-konklużjoni mhix affettwata mill-iżball imwettaq mill-Bord ta’ l-Appell fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni minnha tal-mod partikolari kif jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

49     L-intervenjenti tqis, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti hija żbaljata meta tikkritika lill-Bord ta’ l-Appell għax eżamina, għall-finijiet tal-paragun tal-prodotti u tas-sinjali konfliġġenti, it-trade mark preċedenti kif inhi protetta permezz tar-reġistrazzjoni tagħha fi Franza u mhux kif inhi użata.

50     Fit-tieni lok, l-intervenjenti ma taqbilx ma’ l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huwa nieqes minn karattru distintiv. Fil-fatt, skond l-intervenjenti, element bħal dan, kuntrarjament għal element verbali, qatt ma jista’ jkun esklużivament deskrittiv. Għalhekk, fl-opinjoni ta’ l-intervenjenti, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ħa in kunsiderazzjoni, fil-paragun tas-sinjali konfliġġenti, l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

51     F’dan ir-rigward, l-intervenjenti tqis li l-Bord ta’ l-Appell kien ġustifikat li jeskludi kull xebh viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti.

52     Fir-rigward tal-paragun fonetiku tas-sinjali konfliġġenti, l-intervenjenti ssostni li s-sillaba "quan", li hija komuni bejniethom, tkun probabbilment ippronunzjta b’mod differenti mill-konsumatur medju ta’ referenza. Minnbarra dan, il-pronunzja tas-sillabi finali, li huma differenti ħafna, tas-sinjali konfliġġenti jkunu aċċentwati skond ir-regoli tal-fonetika Franċiza. Barra minn hekk, l-intervenjenti tikkontesta r-riżultati tas-sondaġġ ta’ l-opinjoni prodott mir-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-karattru verament rappreżentattiv tiegħu u fir-rigward tan-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-livell ta’ edukazzjoni tal-persuni mistoqsija. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar imsemmi punt, l-intervenjenti tgħid li informazzjoni bħal din kienet tkun rilevanti sabiex jiġi stabbilit liema proporzjon tal-konsumaturi jipprononzja l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fid-dawl ta’ l-oriġini Latina tal-kelma u għalhekk jippronunzjaha b’mod differenti mill-kelma "quantième".

53     Skond l-intervenjenti, minn dan jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell kien żbaljat meta sab li jeżisti xebh fonetiku bejn is-sinjali konfliġġenti. Essenzjalment hija titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex fuq dan il-punt tikkoreġi l-iżball li jaffettwaha avversament.

54     Mill-perspettiva kunċettwali, l-intervenjenti tirrifjuta kwalunkwe xebh bejn is-sinjali konfliġġenti, u essenzjalment taqbel ma’ l-argumenti ta’ l-UASI.

55     Fit-tielet lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, l-intervenjenti tikkunsidra li l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord ta’ l-Appell mhijiex preċiża. Għalkemm l-intervenjenti taċċetta, bħal fil-każ tar-rikorrenti, li t-teħid in kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott partikolari għandu jsir fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet oġġettivi, hija madankollu ssostni li f’dan il-każ partikulari huwa preċiżament dan l-approċċ li ġie adottat. Fil-fatt, fl-opinjoni ta’ l-intervenjenti, it-trade mark preċedenti tappartjeni għall-kategorija tat-"trade marks privati" (private labels) jew "trade marks tad-ditta" (store brands) li huma esklużivament maħsuba u użati mill-ktajjen ta’ ħwienet kbar. Il-prodotti li huma koperti minnha għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu għal kategorija speċifika, b’mod partikulari minħabba l-mod kif inhuma kkummerċjalizzati, u għalhekk huwa ġġustifikat l-approċċ tal-Bord ta’ l-Appell.

56     Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li l-fattur relattiv għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti ma tteħidx in kunsiderazzjoni mill-Bord ta’ l-Appell bħala kontrapiż għall-elementi l-oħra stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, iżda bħala sempliċi ċirkustanza li tippermetti lill-konsumaturi jifhmu li huma jistgħu jsibu l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti biss fiċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc, bħal kull prodott kopert minn trade mark privata. Min-naħa l-oħra, dawk il-modalitajiet ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti probabbilment jinfluwenzaw l-attitudni tal-konsumatur medju jekk ikun konfrontat b’prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni f’punti oħra ta’ bejgħ. Minbarra dan, l-intervenjenti tirrifjuta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-"prinċipji ġenerali tal-liġi tat-trade marks".

57     Madankollu, filwaqt li dan ma kellu ebda effett fuq il-konklużjoni li għaliha wasal il-Bord ta’ l-Appell, l-intervenjenti tikkritikah li ma ħax in kunsiderazzjoni biżżejjed, fl-evalwazzjoni ġenerali tiegħu, il-karattru distintiv dgħajjef ħafna tat-trade mark preċedenti. Skond l-intervenjenti, li kieku l-Bord ta’ l-Appell irrikonoxxa din iċ-ċirkostanza dan kien ikun suffiċjenti fih inniffsu sabiex tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti. Hija għalhekk titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkostata l-iżball ta’ liġi li l-Bord ta’ l-Appell wettaq fuq dan il-punt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

58     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew tax-xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit- trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

59     Skond ġurisprudenza kostanti, probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ikunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi konnessi ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod ġlobali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikulari ta’ l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

60     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, billi b’mod partikulari jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u il-ġurisprudenza ċċitata].

–       Fuq il-pubbliku rilevanti

61     It-trade mark nazzjonali preċedenti kienet irreġistrata fi Franza, għalhekk il-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku Franċiż. Iżda, l-UASI u l-intervenjenti jqisu li, meta jitqiesu l-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti, il-pubbliku rilevanti huwa kompost, minn naħa waħda, mill-konsumatur medju u, min-naħa l-oħra, minn professjonisti ta’ l-industrija ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn.

62     M’hemmx lok li din il-kwistjoni tiġi deċiża, inkwantu l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħakonsumatur medju Franċiż f’dan il-każ huwa suffiċjenti. Fil-fatt, jekk il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija eskluża fl-imsemmi konsumatur medju, kif ikkonkluda l-Bord ta’ l-Appell, din iċ-ċirkostanza hija suffiċjenti sabiex ir-rikors jiġi miċħud, peress li din l-evalwazzjoni hija valida a fortiori għall-parti msejħa "professjonali" tal-pubbliku rilevanti, fejn il-livell ta’ attenzjoni hija, naturalment, ogħla minn dik tal-konsumatur medju. Huwa biss fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell kien żbaljat li eskluda l-probabbiltà ta’ konfużjoni li jkollu jiġi vverifikat, jekk ikun il-każ, jekk teżistix tali probabbiltà ta’ konfużjoni ukoll għall-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u użati minn dawk il-professjonisti.

63     Jeħtieġ li jintqal li, fir-rigward ta’ prodotti bħal dawk koperti mit-trade marks konfliġġenti, li ma jinxtarawx regolarment u li ġeneralment jinxtraw permezz ta’ bejjiegħ, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju għandu jiġi kkunsidrat, kif ġie ġustament ikkonstatat mill-Bord ta’ l-Appell, bħala superjuri għal-livell normali ta’ attenzjoni u, għalhekk, bħala pjuttost għoli.

–       Fuq il-paragun tal-prodotti

64     Huwa kostanti li l-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti kienu in parti identiċi u in parti jixxiebhu, kif ġie ritenut mid-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq il-paragun tas-sinjali konfliġġenti

65     Qabel ma jiġi eżaminat il-paragun viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti mwettaq mill-Bord ta’ l-Appell, jeħtieġ li jiġi respint l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta’ l-Appell kellu jeżamina t-trade mark nazzjonali preċedenti, mhux kif ġiet irreġistrata, iżda kif ġiet użata bis-sinjal riprodott iktar ’il fuq fil-punt 10.

66     Fil-fatt, huwa importanti li jiġi mfakkar li, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 li jirregolaw l-eżami ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, l-iskop tal-prova ta’ l-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali preċedenti huwa li jippermetti lill-proprjetarju tagħha, fuq talba speċifika ta’ l-applikant għal trade mark Komunitarja, iressaq il-prova ta’ l-użu effettiv u reali tat-trade mark tagħha fis-suq fl-aħħar ħames snin qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 15(2)(a), u ma’ l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, dik il-prova tapplika ukoll fil-każ meta s-sinjal użat ikun differenti mit-trade mark preċedenti, kif ġiet irreġistrata, minħabba elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv. Fin-nuqqas ta’ prova bħal din, b’mod partikulari fl-ipoteżi fejn l-elementi użati jbiddlu l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, jew fin-nuqqas tal-prova ta’ motivi ġustifikati għan-nuqqas ta’ użu, l-oppożizzjoni trid tiġi rifjutata. B’hekk, il-prova ta’ l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, m’għandhiex bħala għan u lanqas bħala effett l-għoti lill-proprjetarju tagħha ta’ protezzjoni għal sinjal jew elementi ta’ sinjal li ma ġewx irreġistrati. Jekk jiġi aċċettat argument oppost dan iwassal għal estensjoni illegali tal-protezzjoni li jibbenefika minnha l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

67     F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti rreġistrat biss it-trade mark preċedenti li hija riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, li fuqha ġiet ibbażata l-oppożizzjoni li dwarha ġie mitlub li jagħti deċiżjoni l-Bord ta’ l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, hija biss dik it-trade mark li għandha l-protezzjoni mogħtija lill-trade marks irreġistrati qabel. Għalhekk hija wkoll dik it-trade mark li, għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ l-oppożizzjoni, kellha tiġi pparagunata mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, kif id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u l-Bord ta’ l-Appell ġustament għamlu, għall-prodotti li għalihom il-prova ta’ l-użu ġenwin kienet ġiet imressqa mir-rikorrenti, f’dan il-każ il-prodotti fil-klassi 14 "arloġġi ta’ l-idejn u ċineg ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn".

68     Għalhekk, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-paragun viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti.

69     Għal dak li jirrigwarda l-paragun viżiv, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-punti 31 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell iddeċieda hekk:

"31. Viżwalment, it-trade mark preċedenti tikkonsisti fil-kelma ‘quantième’ f’fonts bl-ebda oriġinalità partikulari. L-ittra ‘q’, li tidher daqsxejn aktar tonda min-normal, mhix madankollu daqshekk differenti mill-ittra normali ‘q’. Fil-fatt, fis-silta mid-dizzjunarju Larousse Anglais/Français 1995, li l-opponent ippreżenta, it-taqsima li tikkontjeni l-kliem li jibdew b’dik l-ittra tibda bl-ittra q li mhix differenti ħafna mill-ittra ‘q’ li tidher fit-trade mark preċedenti. Il-linja sewda fuq it-trade mark mhix parti minnha. Xejn fit-trade mark preċedenti ma jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti fuq l-ittra ‘q’ per se.

32.       Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, għalkemm [id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, f]id-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li din tinkludi element li jixbaħ wiċċ astratt ta’ arloġġ jew ta’ arloġġ ta’ l-idejn fil-forma ta’ ittra ‘q’, hija kkonkludiet li l-kelma ‘quantum’, li ma ġietx riprodotta b’fonts ta’ oriġinalità partikulari, tikkostitwixxi l-element dominanti tagħha. Jirriżulta b’mod ċar mill-fuljett (brochure) u mill-artikli ta’ l-istampa (press cuttings) li jidhru fil-proċess li mhix xi ħaġa straordinarja li sinjali li jidhru fuq arloġġi ta’ l-idejn ikollhom fuqhom simbolu li jkun iċċentrat fuq l-element verbali jew l-isem, bħal fil-każ tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Mhix ukoll ħaġa straordinarja li dan is-simbolu jinkludi riproduzzjoni ta’ ittri li jwasslu għal assoċjazzjoni immedjata ma’ l-element verbali jew ma’ l-isem, bħal fil-każ tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Huwa probabbli li l-konsumatur medju, li huwa mdorri jara lowgos murija bl-istess mod, jinterpretaha bħala lowgo immaġinattiva u distintiva u mhux bħala sempliċi arloġġ nieqes minn kwalunkwe messaġġ fir-rigward ta’ l-indikazzjoni ta’ l-oriġini.

33. Viżwalment, it-trade marks huma simili inkwantu kull waħda minnhom għandha l-prefiss ‘quant’. Huma differenti inkwantu t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tinkludi lowgo li l-konsumatur medju ser jipperċepixxi bħala rappreżentazzjoni mqassra tal-kelma ‘quantum’. Mhux probabbli li l-konsumatur medju ser jikkonċentra, fid-dawl tat-trade mark preċedenti, fuq l-ittra ‘q’, peress li mhemmx raġuni partikulari għaliex l-attenzjoni tal-konsumaturi għandha tkun miġbuda lejn din l-ittra".

70     Huwa kostanti li l-Bord ta’ l-Appell qies li mhemmx xebh viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti.

71     Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li jeżisti tali xebh.

72     Jeħtieġ li jiġi rrilevat li kif il-Bord ta’ l-Appell ġustament indika, is-sinjali konfliġġenti għandhom komuni bejniethom il-prefiss " quant ". Minbarra dan, kif enfasizzat ir-rikorrenti, huma għandhom komuni bejniethom ukoll l-ittra "m". Mill-perspettiva viżiva, l-elementi verbali tat-trade marks konfliġġenti għandhom komuni bejniethom sitt ittri, inklużi l-ewwel ħamsa ta’ kull sinjal. Għalkemm l-attenzjoni tal-konsumatur hija ta’ spiss miġbuda mill-ewwel parti tal-kliem [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs l-UASI – González Cabello et Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T‑183/02 u T‑184/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 81], l-attenzjoni viżiva tiegħu tista’ tiffoka wkoll fuq l-ittri finali tas-sinjali, meta jitqies it-tul limitat tas-sinjali in kwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs l-UASI − Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T‑117/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 48]. F’dan il-każ, għalkemm l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huwa pjuttost qasir, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-aħħar ittra tagħha, jiġifieri l-ittra "m", hija identika għal waħda mill-aħħar erba’ ittri tat-trade mark preċedenti. Minbarra dan, kif intqal mill-Bord ta’ l-Appell, il-fonts tas-sinjali konfliġġenti huma komuni. Viżwalment, l-elementi verbali tas-sinjali konfliġġenti huma għalhekk simili.

73     Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, kif il-Bord ta’ l-Appell jagħti x’jifhem, mingħajr madankollu ma jikkonkludi b’mod ċar ir-raġunament tiegħu fuq dan il-punt, u kif issostni l-intervenjenti fid-dokumenti tagħha, il-preżenza ta’ l-element figurattiv ’il fuq mill-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tippermetti li jiġi eskluż kull xebh viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti.

74     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, bħala prinċipju, il-pubbliku rilevanti mhuwiex ser jikkunsidra element deskrittiv li jifforma parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti ta’ l-impressjoni totali li titħalla mit-trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI - Anheuser-Busch (BUDMEN), Kawża T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 53, u CHUFAFIT), punt 72 supra, punt 51].

75     F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, kif aċċetta l-UASI, li, r-riproduzzjoni ta’ wiċċ ta’ arloġġ ta’ l-idejn jew ta’ arloġġ m’għandhiex karattru distintiv partikulari għall-prodotti li għalihom l-intervenjenti tapplika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

76     Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta’ element wieħed jew diversi elementi partikulari ta’ trade mark kumplessa, barra mill-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull element, tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva ta’ l-elementi differenti fl-għamla tat-trade mark kumplessa [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs l-UASI − Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 35].

77     Issa, f’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jingħad li l-element figurattiv huwa pożizzjonat ’il fuq mill-element verbali ċentrali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, mingħajr ma din il-pożizzjoni madankollu tagħti x’wieħed jaħseb li dan l-element jista’, mill-perspettiva viżiva, jiddomina x-xbiha li l-pubbliku jibqa’ jiftakar tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li l-pubbliku rilevanti jkun, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikkonfrontat bit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni waqt ix-xiri ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn u li, bħala regola ġenerali, it-trade marks huma rappreżentati fuq l-uċuħ tagħhom. Iżda, peress li d-daqs ta’ l-uċuħ huwa relattivament żgħir, ir-rappreżentazzjoni ta’ l-elementi figurattivi tkun, fuq livell viżiv, diffiċilment perċettibbli, peress li, bħal f’dan il-każ, dawk l-elementi mhumiex pożizzjonati b’mod ċentrali fil-konfigurazzjoni tat-trade mark kumplessa, iżda jidhru ’l fuq mill-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

78     F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li s-sinjali konfliġġenti huma simili fuq il-livell viżiv.

79     Fir-rigward tal-paragun fonetiku tas-sinjali konfliġġenti, il-Bord ta’ l-Appell għamel, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni segwenti :

"Fonetikament, peress li s-simbolu [li jidher] fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jkun probabbilment meħud bħala taqsira imaġinattiva tal-kelma ‘quantum’, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tkun sempliċement ippronunzjata bħala ‘Quantum’. Barra minn hekk, huwa improbabbli li l-pubbliku rilevanti ser jippronunzja l-kelma korrettament bħala ‘kwäntóm’ (ara LeRobert électronique), b’mod partikulari għaliex il-kelma hija użata f’kuntesti speċifiċi ħafna u l-pubbliku rilevanti mhux ser jipperċepiha bħala kelma Latina. Fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, is-sillaba ‘quan’ se tkun ippronunzjata ‘kan-’, bħal fit-trade mark preċedenti. Għalhekk hemm ċertu xebh fonetiku, minkejja l-fatt li t-tmiem tas-sinjali (‘-tóm’ jew ‘-toum’ fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u ‘-tjem’ fit-trade mark preċedenti) probabbilment se jvarjaw u li t-trade mark preċedenti tista’ tiġi ppronunzjata fi tliet sillabi".

80     Din l-evalwazzjoni ma tistax, essenzjalment, tiġi invalidata.

81     Fir-rigward tal-pronunzja, huwa fil-fatt ftit realistiku li wieħed jaħseb li l-konsumatur medju Franċiż ser jippronunzja t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni b’referenza għall-pronunzja Latina tal-kelma "quantum", jiġifieri "kwäntóm". F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li s-sondaġġ ippreżentat mir-rikorrenti waqt il-proċedimenti amministrattivi u mehmuż mar-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti jsostni dik l-evalwazzjoni. Fil-fatt, jirriżulta mis-sondaġġ, imwettaq fuq kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni Franċiża ta’ 984 persuna fit-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2002, li 79.5 % tal-persuni mistoqsija ppronunzjaw it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jew bħala "kantom", jew bħala "kantoum".

82     Fuq dan il-punt, ma tistax tiġi aċċettata l-kritika ta’ l-intervenjenti li dan is-sondaġġ mhuwiex rappreżentattiv, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar il-livell ta’ edukazzjoni tal-persuni mistoqsija, informazzjoni li kienet tkun rilevanti sabiex jiġi stabbilit liema proporzjon tal-konsumaturi jippronunzjaw l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fid-dawl ta’ l-oriġini Latina tal-kelma u għalhekk b’mod differenti mill-kelma "quantième". Fil-fatt, minn naħa waħda, l-intervenjenti ma ssostnix l-allegazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ rilevaza tar-riżultati tas-sondaġġ, filwaqt li jidher li s-sondaġġ twettaq b’mod metodiku u taħt kundizzjonijiet oġġettivi. L-intervenjenti lanqas ma tagħti r-raġunijiet għaliex il-Bord ta’ l-Appell kien żbalja meta, fid-deċiżjoni kkontestata, rrefera għar-riżultati tas-sondaġġ. Min-naħa l-oħra, peress li l-kampjun tal-popolazzjoni Franċiża kien, minnu nnifsu, "rappreżentattiv" ta’ din il-popolazzjoni, is-sondaġġ neċessarjament ħa in kunsiderazzjoni l-livell ta’ edukazzjoni ta’ din il-popolazzjoni, kif huwa rifless indirettament fit-tabelli dwar l-istruttura tal-kampjun. Minbarra dan, l-intervenjenti injorat il-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn konsumaturi medji Franċiżi, u għalhekk wieħed ma jistax jippresupponi li huma jippossjedu konoxxenza tajba tal-Latin u tal-pronunzja, li wara kollox mhijiex uniformi, tal-kliem Latin.

83     Minn dan irriżulta li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku rilevanti ser jippronunzja t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni bħala "kantóm", jew anki "kantoum", filwaqt li ġeneralment ser jippronunzja t-trade mark preċedenti bħala "kantjεm", mingħajr ma jaqsam din il-pronunzja fi tliet sillabi, kif jenfasizzaw ir-riżultati tas-sondaġġ imsemmi.

84     Issa, minkejja l-preżenza tal-ħoss "o", jew "ou", fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u l-preżenza tal-ħoss "jε" fit-trade mark preċedenti, it-trade marks konfliġġenti għandhom komuni bejniethom, minbarra l-ħoss "kant", il-ħoss finali ta’ l-ittra "m".

85     Għalhekk għandu jiġi konkluż li jeżisti xebh fonetiku bejn is-sinjali konfliġġenti.

86     Fir-rigward tal-paragun kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Bord ta’ l-Appell ippreċiża, fil-punti 35 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestat, dan li ġej :

" 35. Kunċettwalment, it-trade marks għandhom tifsiriet differenti. It-tifsira tal-kelma ‘quantum’ tvarja skond il-qasam. Fil-filosofija, tfisser kwantità finita u speċifika u, fix-xjenzi fiżiċi, tirreferi għal kwantità diskreta li għaliha jew għall-multipli tagħha tikkorrispondi manifestazzjoni ta’ enerġija. [Quantum d’action (…) Le quantum d’énergie électromagnétique est proportionnel à la fréquence de la radiation (il correspond à cette fréquence multipliée par la constante de Planck – elle-même parfois désignée sous le nom de quantum – ara LeRobert électronique]. Skond dan id-dizzjunarju, niltaqgħu mal-kelma [‘quantum’] ukoll fil-vokabularju ta’ l-informatika bħala Quantum de temps : durée élémentaire maximale d’un programme, dans les systèmes en “temps partagé” d’un ordinateur. Minbarra dan, jirriżulta b’mod ċar mid-dizzjunarju Le Robert & Collins du management commercial financier économique juridique (1992) li l-kelma hija użata fil-qasam ġuridiku jew amministrattiv fis-sens ta’ l-ammont ta’ danni (quantum des dommages et intérêts). Peress li l-oqsma ta’ użu ta’ din il-kelma huma speċifiċi, il-konsumatur medju ma jkollu idea preċiża ta’ l-ebda waħda minn dawn it-tifsiriet, għalkemm jista’, jekk ikun studja x-xjenżi tal-fiżiċi anki f’livell elementari, jifhem li din hija kelma xjentifika.

36.       Fir-rigward tal-kelma ‘quantième’, Le Robert électronique l-ewwelnett jidefiniha jew bħala aġġettiv jew bħala aġġettiv interrogattiv li jfisser ‘liema grad jew liema ordni numerika’ [per eżempju, Je ne sais à la quantième visite ce fut (Furetière, "Roman bourgeois", II). Le quantième êtes-vous ? Le sixième] u, it-tieni nett, bħala nom, li jfisser il-jum tax-xahar rappreżentat b’numru minn wieħed sa wieħed u tletin [de premier, deux (…), à trente ou trente et un. Le quantième, quel quantième sommes-nous ? – Date, jour (du mois); et aussi combien […] Cette montre marque les quantièmes]. Jirriżulta b’mod ċar mill-indikazzjonijiet mogħtija fir-rigward ta’ din il-kelma u mill-opinjoni tal-professeur Jean-Pierre Lassalle, ippreżentata mill-opponent, li l-aġġettiv biss m’għadux jintuża. In-nom, fit-tieni sens, għadu jintuża u jiddeskrivi wkoll l-indikazzjoni tal-jum tax-xahar fuq l-arloġġi. Minkejja din iċ-ċirkostanza, peress illi din il-kelma ma tintuzax ta’ spiss, il-konsumatur medju ma jifhemx it-tifsira preċiża tagħha immedjatament. Iżda, jekk il-konsumatur medju jirrikorri għall-pariri ta’ bejjiegħ ta’ l-arloġġi, li għall-kuntrarju, jista’ jifhem it-tifsira preċiża ta’ din il-kelma bħala indikazzjoni tax-xahar li jidher fuq l-arloġġi, mhux eskuż li l-konsumatur jiġi infurmat dwar it-tifsira preċiża ta’ din il-kelma.

37.       Filwaqt li jirriżulta mis-sondaġġ ipprovdut mill-opponent li parti mill-konsumaturi medji jistgħu jifhmu li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tirreferi għall-kunċett ta’ kwantità, dawn il-konsumaturi huma inqas numerużi minn dawk li jipperċepixxu t-trade mark preċedenti bħala li tagħmel referenza għal dan il-kunċett. Għalkemm bosta konsumaturi jistgħu isostnu li huma jafu xi tfisser il-kelma ‘quantième’, numru akbar ser jattribwixxi tifsira lill-kelma ‘quantum’. Il-proporzjon huwa akbar fl-ewwel każ peress li l-għerq ‘quanti-’ iwassal għal assoċjazzjoni mal-kunċett ta’ kwantità. [Min-naħa l-oħra], dan mhuwiex evidenti fil-każ tal-prefiss ‘quant-’ [li jidher] fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li jwassal għal assoċjazzjoni mal-prepożizzjoni ‘quant’.

38.       Mill-perspettiva tal-konsumaturi li jifhmu t-tifsira preċiża ta’ kelma waħda jew taż-żewġ kelmiet, kemm jekk b’mod preċiż jew allużiv, it-trade marks huma kunċettwalment differenti. Mill-perspettiva tal-konsumaturi li ma jifhmux it-tifsira, il-fattur kunċettwali huwa ta’ importanza minima fil-paragun [tas-sinjali konfliġġenti]".

87     Jeħtieġ li mill-bidu jingħad li l-Bord ta’ l-Appell ma kkonkludiex b’mod ċar dwar l-eżistenza ta’ differenza kunċettwali bejn is-sinjali fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti.

88     Sussegwentement, huwa importanti li jingħad li, minn naħa waħda, kif ġie kkonstatat mill-Bord ta’ l-Appell, il-konsumatur medju Franċiż ma jifhimx it-tifsira ta’ l-elementi verbali tas-sinjali konfliġġenti immedjatament, b’mod partikulari minħabba l-oqsma tekniċi u speċjalizzati li fihom jintużaw dawn il-kliem. Ċertament, mhux eskluż, kif jindika l-Bord ta’ l-Appell, li l-konsumatur medju jipperċepixxi l-kelma "quantum" bħala kelma xjentifika. Iżda, dan ma jimplikax li huwa ser jattribwixxi għal dan tifsira partikulari.

89     Minkejja dan, kif ġie ġustament indikat mill-intervenjenti fis-seduta, huwa wkoll xieraq, f’dan il-kuntest, li tingħata ċerta importanza lill-kundizzjonijiet oġġettivi li jinsabu fihom it-trade marks fis-suq [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza BUDMEN, punt 74 supra, punt 57, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 49], b’mod partikulari lill-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ arloġġi ta’ l-idejn u ta’ arloġġi. Fil-fatt, dawn il-prodotti huma, bħala regola ġenerali, ikkummerċjalizzati permezz ta’ bejjiegħ, li, b’mod partikolari, jagħti lix-xerrej ċerti pariri u probabbilment jispjegalu d-detallji tekniċi u l-kunċett tal-prodott in kwistjoni. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli li l-konsumatur medju jkun infurmat dwar it-tifsira ta’ l-element verbali "quantième" li jidher fit-trade mark preċedenti, li huwa użat b’mod partikulari fl-industrija u l-kummerċ ta’ l-arloġġi.

90     Din hija r-raġuni ukoll għaliex, fuq il-livell kunċettwali, ma tistax tiġi attribwita lir-riżultati tas-sondaġġ iċċitat aktar ’il fuq, prodott mir-rikorrenti, l-importanza li r-rikorrenti teżiġi. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li, min-numru ta’ nies mistoqsija li jattribwixxu tifisra liż-żewġ kelmiet, aktar minn 69 % tal-kwotazzjonijiet tal-kelma "quantième" u aktar minn 45 % tal-kwotazzjonijiet tal-kelma "quantum" irreferew għall-kunċett ta’ kwantità, min-naħa l-oħra, dan is-sondaġġ imwettaq fir-residenza ta’ kull persuna mistoqsija, ma ħax in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom it-trade marks konfliġġenti huma ppreżentati, jew jistgħu jkunu ppreżentati, fis-suq.

91     Minn dan jirriżulta li, għalkemm, bħala regola ġenerali, il-pubbliku kkonċernat ma jattribwixxix immedjatament tifsira preċiża lill-elementi verbali tat-trade marks konfliġġenti, madankollu huwa jkun jista’ jagħti sens lill-element verbali tat-trade mark preċedenti, meta jitqiesu l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom huma kummerċjalizzati l-prodotti protetti mit-trade marks konfliġġenti. Għalhekk, teżisti ċerta differenza kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti.

92     Jirriżulta minn dawn l-iżviluppi kollha li s-sinjali konfliġġenti jixxiebhu fuq il-livell viżiv u fonetiku u fihom differenzi fuq il-livell kunċettwali.

–       Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

93     Għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ partikulari, il-Bord ta’ l-Appell qies li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti fuq il-bażi tar-raġunament żviluppat fil-punti 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata.

94     Għalhekk, għamel l-analiżi segwenti :

" 39. […] [Għalkemm] il-prodotti tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huma identiċi jew simili, fin-natura u l-użu tagħhom, għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u l-aċċessorji koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huma kumplimentari fin-natura u l-użu tagħhom għall-prodotti tat-trade mark preċedenti, jirriżulta miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ li, peress li l-arloġġi ta’ l-idejn li fuqhom tidher it-trade mark preċedenti huma mibjugħa biss fiċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc u li l-arloġġi ta’ l-idejn li fuqhom jidhru trade marks oħra mhumiex mibjugħa f’dawn iċ-ċentri, il-prodotti li fuqhom jidhru t-trade marks [konfliġġenti] ma jinbigħux ħdejn xulxin jew fl-istess ħwienet.

40.       Billi ħa in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti ġew kummerċjalizzati u l-fatt li l-arloġġi ta’ l-idejn u ċ-ċineg ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn li fuqhom tidher din it-trade mark jinbiegħu biss lill-konsumatur finali fl-istabbilimenti E. Leclerc, il-Bord ta’ l-Appell ma kkunsidrax li x-xebh viżiv u fonetiku bejn it-trade marks konfliġġenti u l-allużjoni kunċettwali possibbli komuni tagħhom għall-kunċett ta’ kwantità jwasslu lill-konsumatur medju, li kieku kellu jiltaqa’ mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq ‘arloġġi ta’ l-idejn, arloġġi, ċineg/ktajjen ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn u kaxex għal arloġġi ta’ l-idejn u għall-arloġġi’ fi stabbilimenti differenti miċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc, sabiex jikkunsidra li l-prodotti li fuqhom jidhru t-trade marks konfliġġenti joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriża konnessa magħha."

95     Din l-argumentazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

96     Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jkun ikkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn is-sinjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, punt 59 supra, punt 32).

97     F’dan il-każ, huwa kostanti li l-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti huma in parti identiċi u in parti jixxiebhu. Jirriżulta li, sabiex tiġi esklużaa l-probabbiltà ta’ konfużjoni, din l-identiċità u dan ix-xebh iridu jkunu kkumpensati minn livell għoli ta’ differenza bejn is-sinjali. Kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, is-sinjali konfliġġenti huma viżwalment u fonetikament simili, filwaqt li għandhom ċerta differenza kunċettwali.

98     Ċertament, skond il-ġurisprudenza, differenza kunċettwali bejn sinjali tista’ tkun tali li tinnewtralizza kważi għal kollox ix-xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali (sentenza BASS, punt 60 supra, punt 54). Iżda, skond din l-istess ġurisprudenza, newtralizzazzjoni bħal din teħtieġ li għall-inqas waħda mit-trade marks in kwistjoni jkollha, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, tifisira ċara u speċifika, li tkun tali li dan il-pubbliku jkun jista’ jifhimha immedjatament.

99     F’dan il-każ, kif ġie rilevat iktar ’il fuq, huwa eskluż li l-pubbliku rilevanti immedjatament jifhem it-tifsira speċifika kemm ta’ l-element verbali "quantième" tat-trade mark preċedenti kif ukoll ta’ l-element verbali "quantum" tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

100   F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenza kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti mhijiex tali li tinnewtralizza kważi għal kollox ix-xebh viżiv u fonetiku rilevata bejn dawk l-istess sinjali.

101   Iżda l-Bord ta’ l-Appell qies li l-modalitajiet partikulari tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti għamluha possibbli li tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

102   F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, kif intqal mir-rikorrenti u l-UASI, dan il-kriterju m’għandux jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

103   Skond il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-piż li għandu jingħata rispettivament lill-aspetti viżivi, fonetiċi jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti jista’ jvarja skond il-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom it-trade marks jistgħu jkunu preżenti fis-suq (ara s-sentenzi BUDMEN, punt 74 iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, punt 89 supra, punt 49). Huwa importanti li jingħad f’dan ir-rigward li jridu jittieħdu bħala referenza l-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni "normali" tal-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti, jiġifieri dawk li normalment wieħed jistenna fir-rigward tal-kategorija tal-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni. F’dan il-każ, fir-rigward ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn u ċ-ċineg ta’ l-arloġġi ta’ l-idejn, dawn huma kundizzjonijiet li jippresupponu, bħala regola ġenerali, ix-xiri permezz ta’ bejjiegħ, mingħajr ma l-konsumatur jista’ jkollu aċċess dirett, self-service, għal dawn il-prodotti.

104   It-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti hija totalment iġġustifikata. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li l-awtoritajiet ta’ l-UASI huma msejħa li jwettqu huwa eżami prospettiv. Issa, peress illi l-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni partikulari tal-prodotti koperti mit-trade marks jistgħu jvarjaw fiż-żmien u skond il-volontà tal-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks, l-analiżi prospettiva tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks, li għandha għan ta’ interess pubbliku, jiġifieri dak li l-pubbliku rilevanti ma jistax ikun espost għar-riskju li jiġi żgwidat fir-rigward ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodotti in kwistjoni, ma tistax tiddependi mill-intenzjonijiet kummerċjali, imwettqa jew le, u li min-natura tagħhom huma suġġettivi, tal-proprjetarji tat-trade marks.

105   Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet ta’ l-UASI huma awtorizzati jieħdu in kunsiderazzjoni l-modalitajiet oġġettivi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, b’mod partikulari sabiex jiddeterminaw il-piż rispettiv li għandu jingħata lill-aspett viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks konfliġġenti. Bl-istess mod, jekk prodott kopert minn trade mark speċifiku huwa mibjugħ biss fuq ordni orali, l-aspetti fonetiċi tas-sinjal in kwistjoni neċessarjament ikunu ta’ importanza akbar għall-pubbliku rilevanti mill-aspetti viżivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, punt 89 supra, punt 49).

106   F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax taċċetta t-teżi ta’ l-intervenjenti li l-Bord ta’ l-Appell, f’dan il-każ, ħa debitament in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet oġġettivi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti inkwantu dawn il-prodotti jaqgħu taħt kategorija ta’ trade markssui generis, jiġifieri t-trade marks privati jew it-trade marks tad-ditta. Fil-fatt, din il-pretensjoni tinjora, minn naħa waħda, il-fatt li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti ma jinsabux fuq l-ixkafef taċ-ċentri kummerċjali E. Leclerc, iżda fil-punti ta’ bejgħ speċjalizzati li jkun hemm fil-gallarija kummerċjali li jinsabu fiha dawn iċ-ċentri kummerċjali u, min-naħa l-oħra, il-fatt li anki fiċ-ċentri kummerċjali, it-trade marks tad-ditta jikkoeżistu fis-suq ma’ trade marks oħra, li jkopru prodotti identiċi jew simili, ta’ proprjetarji oħra.

107   Minn dan jirriżulta li, billi ħa in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, il-modalitajiet speċifiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, neċessarjament limitati fiż-żmien u dipendenti biss mill-istrateġija kummerċjali tal-proprjetarji ta’ dik it-trade mark, il-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ liġi.

108   Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, il-Bord ta’ l-Appell kien żbaljat li eskluda l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti min-naħa tal-konsumatur medju Franċiż.

109   Din l-evalwazzjoni mhix invalidata mill-argument ta’ l-UASI u ta’ l-intervenjenti li t-trade mark preċedenti tista’ tgawdi biss minn protezzjoni limitata minħabba l-karattru distintiv dgħajjef tagħha.

110   Fil-fatt, għalkemm hu minnu li aktar ma jkun sinifikattiv il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, aktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 24), f’dan il-każ, l-identiċità u x-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti, flimkien max-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali li jikkomponuhom, mingħajr ma dan ix-xebh jista’ jiġi nnewtralizzat kważi għal kollox permezz tad-differenza kunċettwali bejn l-imsemmija sinjali, huma suffiċjenti sabiex joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, min-naħa tal-konsumatur medju Franċiż. Peress illi l-probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi r-rekwiżit speċifiku għall-protezzjoni tat-trade mark preċedenti, din il-protezzjoni tapplika indipendentement minn jekk it-trade mark preċedenti tgawdix biss minn karattru distintiv dgħajjef.

111   Fl-aħħarnett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ l-allegata probabbiltà ta’ konfużjoni fil-parti mill-pubbliku rilevanti magħmula minn professjonisti, jeħtieġ li jingħad li l-aċċessorji, imsemmija fil-klassi 14 fost il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, mhumiex stettament limitati għall-użu tagħhom minn dawn is-speċjalisti u ma jistgħux ikunu dissoċjati mill-prodotti l-oħra li għalihom saret l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja. Konsegwentement, il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-konsumatur medju Franċiż hija suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti min-naħa tal-pubbliku rilevanti.

112   Għalhekk jeħtieġ li t-tieni raġuni bbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8 (1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 tiġi milqugħa u dan mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-ewwel raġuni invokata mir-rikorrenti, li jiġu milqugħa t-talbiet għal annullament magħmula minn din ta’ l-aħħar.

113   Minn dan isegwi li mhemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti li fih jintalab li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni, peress li l-UASI, fi kwalunkwe każ, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti Komunitarja.

 Fuq l-ispejjeż

114   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’dan il-każ, ir-rikorrenti talbet li l-UASI jiġi ordnat ibati l-ispejjeż ta’ din l-istanza. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti u li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

115   Minbarra dan, ir-rikorrenti talbet li l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti amministrativi quddiem l-UASI. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu dan ma japplikax għall-ispejjeż sostnuti għall-fini tal-proċedura quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Għalhekk, it-talba tar-rikorrenti sabiex l-intervenjenti, li tilfet, tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI tista’ tintlaqa’ biss fir-rigward ta’ l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      Id-deċiżjoni tat-tielet Bord ta’ Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) tat-30 ta’ Jannar 2003 (Każ R 109/2002‑3) hija annullata.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

3)      L-intervenjenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Jannar 2006.

E. Coulon

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.