KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018(1)
Kawża C‑377/16
Ir-Renju ta’ Spanja
vs
Il-Parlament Ewropew
“Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess — Membri tal-persunal bil‑kuntratt — Xufiera — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 21 u 22 — Regolament Nru 1 — Artikoli 1, 2 u 6 — Użu tal-lingwi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Ir-Regolamenti tal‑Persunal tal-Unjoni — Artikolu 1d — Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra — Artikolu 82 — Diskriminazzjoni bbażata fuq il‑lingwa”
1. Permezz ta’ din il-kawża taħt l-Artikolu 263 TFUE, Spanja titlob l-annullament ta’ sejħa għal espressjonijiet ta’ interess mill-Parlament Ewropew għal kandidati biex jiġu rreklutati bħala xufiera (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal kandidati”). Spanja tallega b’mod partikolari li s‑sejħa għal kandidati kisret ir-regoli li jirregolaw l‑użu tal-lingwi mill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni previsti fir-Regolament Nru 1 (2) fir-rigward tal-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-Uffiċċju Ewropew għas‑Selezzjoni tal-Persunal (l-“EPSO”) u li d‑dispożizzjonijiet tagħha li jirregolaw ir-rekwiżit għal kandidati li jkollhom l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż bħala t-tieni lingwa kienu jammontaw għal diskriminazzjoni pprojbita kemm bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3) kif ukoll bir‑Regolamenti tal‑Persunal tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (4).
2. Il-Parlament jiċħad dawn l-allegazzjonijiet u jitlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja ma tilqax it-talbiet (5).
3. F’Unjoni Ewropea bil-motto “in varietate concordia” u li fiha l-libertà ta’ moviment hija dritt fundamentali, ir-rwol tal-lingwi jista’ jassumi importanza partikolari (6). Madankollu, biex il-proġett Ewropew javvanza, għandu jirrikonoxxi r-realtajiet prattiċi tad-dinji eżistenti u dan b’mod partikolari fejn illum hemm 552 kumbinazzjonijiet possibbli bejn kwalunkwe tnejn mill-24 lingwa uffiċjali (7). Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw proprju din il-kwistjoni.
Il-qafas legali
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
4. L-Artikolu 3(3) TUE jipprevedi, inkwantu rilevanti għal dawn il‑konklużjonijiet:
“[…]
[L-Unjoni Ewropea] għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il‑wirt kulturali Ewropew.”
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
5. L-Artikolu 24 TFUE jipprevedi:
“[…]
Kull ċittadin ta’ l-Unjoni jista’ jikteb lil kull waħda mill-istituzzjonijiet, korpi u organi imsemmija f’dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [(8)] b’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 55 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [(9)] u jkollu tweġiba bl-istess lingwa.”
6. Skont l-Artikolu 342 TFUE:
“In-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, jiġu stabbiliti mill‑Kunsill, b’mod unanimu permezz ta’ regolament.”
Il-Karta
7. L-Artikolu 21(1) tal-Karta jipprevedi:
“Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it‑twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l‑orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”
8. Skont l-Artikolu 22 tal-Karta:
“L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.”
Regolament Nru 1
9. Bir-Regolament Nru 1, il-Kunsill eżerċita s-setgħa mogħtija lilu b’dak li llum huwa l-Artikolu 342 TFUE biex jistabbilixxi regoli li jirregolaw, inter alia, l-użu tal-lingwi minn u fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Fil-verżjoni li hija fis-seħħ bħalissa, dan ir-regolament jipprevedi:
“1. Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il‑Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.
2. Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall‑ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.
3. Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-[Unjoni Ewropea] tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta’ dak l-Istat.
4. Ir-Regolamenti u dokumenti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fil-lingwi uffiċjali.
5. Il-Ġurnal Uffiċjali [tal-Unjoni Ewropea] għandu jkun ippubblikat fil-lingwi uffiċjali.
6. L-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.
7. Il-lingwi li għandhom jintużaw fil-proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tagħha.
8. Jekk xi Stat Membru jkollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, il-lingwa li għandha tintuża għandha tkun, fuq talba minn dak l-Istat, irregolata mir-regoli ġenerali tal-liġi tiegħu.”
Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra
10. L-Artikolu 1 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:
“Dawn ir-Regolamenti għandhom jgħoddu għall-uffiċjali tal-Unjoni.”
11. Permezz tal-Artikolu 1a(1):
“Għall-iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, ‘l-uffiċjal tal‑Unjoni’ tfisser kull persuna li kien maħtur, kif ipprovdut f’dawn ir‑Regolamenti tal-Persunal, għal posizzjoni stabbilita fil-persunal ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’istrument maħruġ mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ dik l-istituzzjoni.”
12. L-Artikolu 1d jipprevedi:
“1. Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.
[…]
6. Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal […]”
13. L-Artikolu 5(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l‑pożizzjonijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti għandhom ikunu kklassifikati skont in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw. L-Artikolu 5(4) jipprevedi li tabella li turi t-tipi ta’ pożizzjonijiet hija mogħtija fl-Anness I.
14. Il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Reklutaġġ” u fih l-Artikoli 27 sa 34. L-Artikolu 27 jipprevedi:
“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s‑servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ‑ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riżervata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.
[…]”
15. Skont l-Artikolu 28:
“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:
[…]
(f) huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.”
16. L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Kompetizzjonijiet”. Fih numru ta’ dispożizzjonijiet iddettaljati li jirrigwardaw il-mod li bih kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ tal-uffiċjali għandhom jiġu organizzati.
17. Anness mar-Regolamenti tal-Persunal hemm dokument intitolat “Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea” (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”). L‑Artikolu 1 ta’ dawn il-Kondizzjonijiet jipprevedi li impjegati mqabbda taħt kuntratt mill-Unjoni Ewropea għandhom jinkludu “persunal bil‑kuntratt”.
18. L-Artikolu 3a(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi:
“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg, ‘persunal bil‑kuntratt’; ifisser persunal mhux assenjat għal posizzjoni inkluż fil‑lista tal-posizzjonijiet mehmuża mat-taqsima ta’ l-estimi relatati ma’ l‑istituzzjoni kkonċernata u mqabbdin biex jaqdu d-dmirijiet full time jew part time: (a) f’istituzzjoni li twettaq kompiti ta’ servizz manwali jew amministrattiv ta’ appoġġ […]”
19. Skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg:
“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ‘persunal bil‑kuntratt għal kompiti awżiljari’ tfisser persunal imqabbad biex jaħdem [f’istituzzjoni]
[…]
(b) wara li l-possibiltajiet ta’ ingaġġ temporanju ta’ uffiċjali minn ġewwa l-istituzzjoni jkunu eżaminati, biex jibdel ċerti persuni li għalissa ma jistgħux jaqdu d-dmirijiet tagħhom […]”
20. L-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fih numru ta’ dispożizzjonijiet ġenerali relatati ma’ membri tal-persunal bil-kuntratt. B’mod partikolari, il-paragrafu 1 jipprevedi li dan il-persunal għandu jkun subdiviż f’erba’ gruppi ta’ funzjoni li jikkorrispondu mad-dmirijiet li jridu jitwettqu. Permezz tal-paragrafu 2, id-dmirijiet li japplikaw għall‑grupp ta’ funzjoni I huma deskritti bħala “kompiti ta’ servizz ta’ appoġġ manwali u amministrattiv, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l‑uffiċjali jew tal-persunal temporanju”. Il-paragrafu 4 jipprevedi li, inter alia, l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b’analoġija.
21. Il-Kapitolu 3 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa intitolat “Kondizzjonijiet ta’ l-ingaġġ” u jinkludi l-Artikoli 82 sa 84. Inkwantu rilevanti għal din il-kawża, l-Artikolu 82 jipprevedi:
“1. Il-persunal bil-kuntratt għandu jintgħażel mill-aktar bażi ġeografika wiesa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u mingħajr distinzjoni dwar razza jew oriġini etnika, twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, żmien jew disabbiltà, sess jew xejriet sesswali u mingħajr riferenza għall-istat maritali jew is-sitwazzjoni tal-familja tagħhom.
[…]
3. Membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jitqabbad jaħdem biss bil‑kondizzjoni li huwa:
[…]
(e) jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal‑Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.
[…]
5. [EPSO] fuq it-talba tagħhom, għandu jipprovdi għajnuna lill‑istituzzjonijiet differenti għall-iskop ta’ l-għażla tal-persunal bil‑kuntratt, partikolarment billi jkun definit il-kontenut tat-testi u l‑organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ l-għażla. L-Uffiċċju għandu jiżgura t‑trasparenza tal-proċeduri ta’ l-għażla għall-persunal bil-kuntratt.
[…]”
22. L-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi:
“Il-kuntratti tal-persunal bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3a jistgħu jkunu konklużi għal perjodu stabbilit ta’ mill-anqas tliet xhur u mhux aktar minn ħames snin. Jistgħu jiġġeddu mhux aktar minn darba għal perjodu stabbilit ta’ mhux aktar minn ħames snin. Il-kuntratt inizjali u l-ewwel tiġdid ta’ tul totali ta’ mhux anqas minn sitt xhur għall-grupp tal-funzjoni I u mhux anqas minn disa’ xhur għall-gruppi l-oħra tal-funzjoni. Kull tiġdid ieħor ikun għal perjodu indefinit.
[…]”
23. L-Artikolu 88 jipprevedi:
“Fil-każ ta’ persunal bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3b:
(a) il-kuntratti jkunu konklużi għal perjodu stabbilit; ikunu jiġġeddu;
(b) il-perjodu attwali ta’ l-impjieg f’istituzzjoni, inkluż kull perjodu għat-tiġdid, ma jaqbiżx sitt snin.”
Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet magħmula
24. Fil-11 ta’ April 2016, fid-dawl tal-attakki terroristiċi li kienu għadhom kif seħħew fi Brussell (10), il-Bureau tal-Parlament iddeċieda li s-servizz tat-trasport tal-Membri Parlamentari għandu jingħata kompletament minn riżorsi interni. Kienet din id-deċiżjoni li rriżultat fil‑pubblikazzjoni mill-Parlament, fl-14 ta’ April 2016, ta’ sejħa għal espressjonijiet ta’ interess intitolata “Aġenti Kuntrattwali – Grupp ta’ Funzjoni I – Xufiera (Irġiel/Nisa) – EP/CAST/S/16/2016” f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (11). L-għan tas-sejħa għal kandidati kien sabiex tiġi stabbilita database ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjoni I. It‑taqsima I tas-sejħa għal kandidati (intitolata “Daħla”) indikat li n‑numru ta’ impjiegi disponibbli kien madwar 110. Kien indikat ukoll li d-deskrizzjoni tal‑impjieg kienet dik ta’ “xufier” u li l-impjiegi kienu bbażati prinċiparjament fi Brussell.
25. It-taqsima II tas-sejħa għal kandidati intitolata “Deskrizzjoni tal‑Kompiti”, tipprevedi:
“L-aġent kuntrattwali se jkun inkarigat, taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal permanenti jew aġent temporanju, li jassumi l-kompiti ta’ xufier. Bħala indikazzjoni, il-kompiti jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
– iwassal personaġġi pubbliċi kif ukoll uffiċjali permanenti jew aġenti oħra tal-Parlament Ewropew l-aktar fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu, kif ukoll fi Stati Membri oħra u pajjiżi terzi,
– iwassal viżitaturi (korp diplomatiku u personaġġi pubbliċi oħra),
– jittrasporta oġġetti u dokumenti,
– jittrasporta posta,
– jiżgura l-użu tajjeb tal-vettura, speċjalment tal-għodod teknoloġiċi tagħha,
– jiżgura s-sigurtà tal-persuni u tal-oġġetti waqt it-trasport b’konformità mar-regoli tat-traffiku tal-pajjiż,
– iwettaq, meta jkun applikabbli, it-tagħbija u l-ħatt tal-vetturi,
– iwettaq, meta jkun applikabbli, xogħol amministrattiv jew ta’ appoġġ loġistiku.
[…]”
26. It-taqsima IV tas-sejħa għal kandidati kienet intitolata “Kundizzjonijiet ta’ Ammissjoni”. Il-parti C ta’ dik it-taqsima kienet tirrigwarda l-għarfien tal-lingwi tal-kandidati. Hija talbet li l-kandidati jkollhom għarfien ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Inkwantu dak li hija sejħet il-“lingwa prinċipali”, iddikjarat li kandidati għandu jkollhom għarfien profond (minimu ta’ livell Ċ1) ta’ waħda mill‑24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tat-tieni lingwa, hija talbet “għarfien sodisfaċenti (livell B2)” tal-Ingliż, il-Franċiż, jew il‑Ġermaniż (12).
27. Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni tal-għażla tat‑tieni lingwa, il-parti C tat-taqsima IV tipprevedi dan li ġej:
“Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja) fil-Kawża C‑566/10 P, Ir-Repubblika Taljana vs Il‑Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu l-obbligu, f’din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, li jimmotiva l-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
Il-kandidati huma għalhekk informati li t-tliet lingwi 2 magħżula għall‑finijiet ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess ġew definiti b’mod konformi mal-interess tas-servizz, li jeżiġi li r-reklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih u kapaċi jikkomunikaw b’mod effikaċi fix‑xogħol tagħhom ta’ kuljum.
Abbażi tal-prattika li ilha għaddejja tal-Parlament Ewropew rigward il‑lingwi ta’ komunikazzjoni interna, u b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas‑servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal‑fajls, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż jibqgħu l-lingwi l-aktar użati. Barra minn hekk, fir-rapporti tal-persunal tal-2013, 92 % tat-totalità tal‑persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Ingliż, 84 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Franċiż u 56 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Ġermaniż. Il-lingwi uffiċjali l-oħra ma jaqbżux il-livell ta’ 50 % tal-persunal għal dak li jikkonċerna għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa.
Konsegwentement, fl-ibbilanċjar tal-interessi tas-servizzi u l-ħtiġijiet u l‑kapaċitajiet tal-kandidati, b’kunsiderazzjoni tal-qasam speċifiku ta’ din is-selezzjoni, huwa ġustifikat li jiġi mitlub l-għarfien ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi garantit, tkun liema tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, li l-kandidati kollha jkollhom għarfien tajjeb ta’ mill‑anqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali bħala lingwa tax-xogħol.
Barra minn hekk, fl-interess ta’ trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn it-tliet lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu għarfien sodisfaċenti ta’ tieni lingwa, li trid tkun waħda minn dawn it-tliet lingwi.
Għalhekk il-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi tippermetti lill‑Parlament Ewropew li jivvaluta l-kapaċità tal-kandidati li jkunu operattivi minnufih f’ambjent li jkun qrib dak li se jkunu mitluba jaħdmu fih.”
28. Is-sejħa għal kandidati kien fiha numru ta’ referenzi għall‑EPSO (13). B’mod partikolari, it-taqsima III tas-sejħa ddikjarat li l‑proċedura tas-selezzjoni se “titwettaq mill-Parlament Ewropew b’kollaborazzjoni mal-EPSO” u t-taqsima VI talbet lill-kandidati japplikaw onlajn permezz tal-websajt tal-EPSO.
29. It-taqsima VIII tas-sejħa għal kandidati kienet tipprevedi li l‑ismijiet tat-300 kandidat li jkunu kisbu l-iktar punti fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif stipulati fis-sejħa għal kandidati se jiddaħħlu fid-database ta’ kandidati li jistgħu jiġu ngaġġati.
30. It-taqsima IX tas-sejħa għal kandidati kienet tipprevedi li l‑kuntratt li kellu jiġi ffirmat mal-kandidati li jgħaddu kellu jiġi redatt skont, inter alia, l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. It-tul tal‑kuntratt kien ta’ sena u jista’ jiġġedded għal perijodu ieħor ta’ sena, qabel ma eventwalment jiġġedded għat-tieni darba għal tul indeterminat.
31. Spanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess intitolata “Aġenti Kuntrattwali – Grupp ta’ Funzjoni I – Xufiera (Irġiel/Nisa) – EP/CAST/S/16/2016”, flimkien mad-database maħluqa skont it‑taqsima VIII tagħha, u
– tordna lill-Parlament iħallas l-ispejjeż.
32. Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara l-kawża bħala infondata,
– tiċħad it-talba għall-annullament tad-database relatata mas-sejħa għal kandidati bħala infondata, u
– tordna lir-rikorrent iħallas l-ispejjeż kollha, inklużi dawk tal‑Parlament.
33. Saru sottomissjonijiet bil-miktub minn Spanja u mill-Parlament. Waqt is-seduta tal-25 ta’ April 2018, iż-żewġ partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali u rrispondew għad-domandi magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja.
Evalwazzjoni
Punti preliminari
Ammissibbiltà
34. Permezz ta’ din l-azzjoni, Spanja tikkontesta sejħa għal espressjonijiet ta’ interess maħruġa mill-Parlament. Hija tagħmel dan abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea s-setgħa li tistħarreġ, inter alia, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi dawk tal‑Parlament, li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi persuni. L‑espressjoni “il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” hija ddefinita fl-Artikolu 19 TUE bħala li “tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja [u] l-Qorti Ġenerali”.
35. Normalment, l-Artikolu 256(1) TFUE jipprevedi għal kawżi kontra atti ta’ dawk l-istituzzjonijiet li għandhom jitressqu quddiem il‑Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel istanza, bl-eċċezzjoni ta’ dawk riżervati fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal din il-qorti.
36. Fir-rigward ta’ din il-kawża, l-Artikolu 51 tal-Istatut jipprevedi: “B’deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 256(1) tat-Trattat dwar il‑Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, ġurisdizzjoni għandha tkun riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja fl-azzjonijiet imsemmija fl‑Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea meta jitressqu minn Stat Membru kontra: (a) xi azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni mill-Parlament Ewropew jew il‑Kunsill, jew minn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet f’azzjoni konġunta, ħlief għal […]” Din id-dispożizzjoni mbagħad tkompli telenka l-eċċezzjonijiet, li l-ebda waħda minnhom ma tapplika għal dawn il-proċeduri.
37. Fl-opinjoni tiegħi jirriżulta li Spanja kienet korretta li ppreżentat din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
38. Fir-rigward tat-terminu għall-preżentata tal-kawża, l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, inkwantu rilevanti għal din il-kawża, jipprevedi li proċeduri taħt dan l-artikolu għandhom jinfetħu fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura. Permezz tal-Artikolu 50 tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-perijodu għandu jiġi kkalkolat mit-tmiem tal-erbatax-il jum wara l-pubblikazzjoni tal‑miżura f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, skont l‑Artikolu 51 ta’ dawn ir-Regoli, hemm perijodu addizzjonali ta’ 10 jiem minħabba d‑distanza. F’din il-kawża, is-sejħa għal kandidati kienet ippubblikata fl‑14 ta’ April 2016 u bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għadhom kemm issemmew it-terminu għall-preżentata ta’ din il-kawża skada fit‑8 ta’ Lulju 2016. Peress li l-kawża ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal‑Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2016, nikkunsidra li l-kawża ġiet ippreżentata fit-terminu.
Regolament Nru 1 u l-politika tal-lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni
39. Ir-Regolament Nru 1 kien l-ewwel regolament li kien adottat minn (dik li dakinhar kienet) il-Komunità Ekonomika Ewropea. Meta ġie adottat, kien hemm erba’ lingwi uffiċjali tal-Komunità u l-istess numru ta’ lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet. Minn dakinhar, ir-regolament kien emendat diversi drabi sabiex jirrifletti ż-żieda ta’ Stati Membri ġodda u, miegħu l‑lingwi ġodda li konsegwentement kellhom bżonn jiżdiedu mal-lista. Ma kienx hemm xi tibdil ieħor sostanzjali. L-Unjoni Ewropea bħalissa fiha 28 Stat Membru u għandha 24 lingwa uffiċjali u lingwa ta’ ħidma (14).
40. Filwaqt li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jipprevedi li l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jadottaw regoli tal-proċedura li jistipulaw liema lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi, il-Qorti tal‑Ġustizzja osservat li l-ebda istituzzjoni għadha ma użat l-opportunità li tagħmel dan (15). Minn dan isegwi li l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet huma, tal-inqas għal raġunijiet uffiċjali, l-istess bħal-lingwi uffiċjali.
41. Madankollu, dan ma jfissirx li xi istituzzjonijiet ma setgħux adottaw arranġamenti li bihom joperaw inqas fformalizzati fir-rigward tal‑ġestjoni ta’ kuljum tal-ħidma tagħhom. B’hekk, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja tirċievi talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea. Dik it-talba tiġi tradotta fil-lingwi l-oħra kollha (16) sabiex imbagħad tkun innotifikata lill-Gvernijiet tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li l-lingwa ta’ kawża tista’ tkun kwalunkwe lingwa uffiċjali. Madankollu, peress li l-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddeliberaw bil‑Franċiż u jirrediġu s-sentenzi tagħhom b’dik il-lingwa, id-dokumenti l-oħra kollha fil-forma ta’ noti u osservazzjonijiet bil‑miktub (apparti dawk redatti bil-Franċiż) jiġu tradotti għal dik il‑lingwa malli jiġu ppreżentati. Bħala regola, ma jiġux tradotti fil-lingwi uffiċjali l-oħra. Dan ikun impossibbli kemm f’termini ta’ xogħol ta’ traduzzjoni li jinħoloq u l-ispiża relatata. Minn naħa waħda, għalhekk, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi deskritta bħala verament istituzzjoni multilingwali fir-rigward tal-mod li bih tittratta t-talbiet għal deċiżjoni preliminari u tistabbilixxi l-lingwa tal-kawżi quddiemha. Min-naħa l‑oħra, l-arranġamenti interni tagħha jfissru li l-Franċiż għandu rwol partikolarment sinjifikattiv u għalhekk jista’ jkun iktar utli bħala t-tieni lingwa għal kandidati milli jkunu lingwi oħra uffiċjali (inkluż kemm l‑Ingliż u l-Ġermaniż).
42. Istituzzjonijiet oħra ma humiex suġġetti għall-istess limitazzjonijiet u għalhekk jistgħu jkunu iktar flessibbli f’termini ta’ arranġamenti interni ta’ ħidma, u jkollhom iktar minn lingwa waħda li biha joperaw fil-ħidma ta’ kuljum. F’dan il-każ, il-Parlament jitlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li dawk il-lingwi huma l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż (17).
43. Għandu jiġi nnotat li, huma x’inhuma l-arranġamenti predominanti fir-rigward tal-użu tal-lingwa f’istituzzjoni partikolari, il‑lingwa li l-iktar tintuża kuljum f’xi parti partikolari tagħha tista’ tkun differenti minn dawk l-arranġamenti. Biex nieħu l-iktar eżempji ovvji, jista’ jiġi preżunt li l-lingwa ta’ ħidma fl-unità tat-traduzzjoni Daniża ta’ istituzzjoni tkun id-Daniż. Iżda jista’ jkun ukoll li jkun hemm riżultat simili għal raġunijiet storiċi. Għalhekk, jekk ikun hemm maġġoranza ta’ ċittadini Estonjani f’unità jew sub-unità partikolari ta’ istituzzjoni, probabbilment il-lingwa li tintuża minn ħafna, minkejja li forsi mhux minn kollha, mill‑membri ta’ dik l-unità jew sub-unità tkun l-Estonjan. Dawn ma jistgħux jiġu pprojbiti milli jużaw il-lingwa materna tagħhom permezz ta’ xi prinċipju predominanti, u għalihom, irrilevanti, fir-rigward tal-lingwi ta’ ħidma fl‑istituzzjoni tagħhom (18).
EPSO
44. Il-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2002/620 tipprevedi li “[f]l-interess li jagħmlu użu effiċjenti u ekonomiku tar-rizorsi, korp interistituzzjonali komuni għandu jkun inkarigat li jagħzel uffiċjali u aġenti oħra biex iservu ’l Komunitajiet Ewropej”. L-Artikolu 2(1) ta’ dik id-deċiżjoni jipprevedi li l-EPSO għandu jeżerċita s-setgħa tal-għażla mogħtija lilu taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal (19) meta l‑awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonijiet jiffirmaw din id-deċiżjoni. Permezz tal-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni, is-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet sabiex jiġu appuntati kandidati li jgħaddu għandha tibqa’ fi ħdan l-awtoritajiet tal-ħatra kkonċernati. L-Artikolu 3(2) jipprevedi li l‑EPSO “jista’” jgħin lill-istituzzjonijiet fl-għażla ta’ membri tal-persunal oħra (inkluż membri tal-persunal bil-kuntratt).
Il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi
45. Il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi ġie żviluppat mill-Kunsill tal-Ewropa sabiex jipprovdi bażi trasparenti, koerenti u komprensiva għal, inter alia, l-evalwazzjoni tal-profiċjenza f’lingwa barranija (20). Huwa jaqsam l-utenti fi tliet kategoriji wiesa’, u kull waħda hija subdiviża f’żewġ livelli. Il-Kategorija “B” hija deskritta bħala “użu indipendenti” u l-livell B2 jirrappreżenta dak li huwa deskritt bħala “tajjeb jew intermedju għoli” (21).
46. Għalkemm in-numru ta’ sigħat meħuda biex jintlaħaq dak il-livell ivarja minn persuna għal oħra, in-numru kumulattiv ta’ sigħat li normalment huwa propost bħala preparazzjoni għall-eżami fil-livell ta’ B2 jidher li huwa bejn 500 u 650 siegħa (22). Ma jistax wieħed jassumi li l-kandidati potenzjali kollha għall-proċedura tas-selezzjoni f’dan il-każ kellhom it-tieni lingwa, jekk tkunx l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż jew xi oħra (23), aħseb u ara tieni lingwa fil-livell B2.
47. Għall-kuntrarju, jidher li n-numru ta’ sigħat meħtieġa biex jintlaħaq livell avvanzat ta’ sengħa bħala xufier professjonali, inkluż taħriġ għal inċidenti relatati mas-sigurtà, huwa ta’ madwar 200 (24).
Membri tal-persunal bil-kuntratt
48. Qabel ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal fl-2004 (25), il‑persunal kien jiġi ingaġġat mill-istituzzjonijiet jew bħala uffiċjali (li jinkludu amministraturi u assistenti) jew bħala aġenti oħra (li jinkludu membri tal‑persunal temporanju u awżiljarju). Dik ir-riforma abolixxiet il-kategorija ta’ membri tal-persunal awżiljarju (26) u introduċiet kategorija ġdida ta’ “membri tal-persunal bil-kuntratt”. Emendat ukoll id‑dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw in-natura tad-dmirijiet li għandhom jitwettqu mill-uffiċjali.
49. Qabel, il-lista relattivament twila ta’ dmirijiet imsemmija fl‑Anness I kienet tfisser li xufiera setgħu, u ġeneralment kienu, ingaġġati bħala uffiċjali (27). Huma kienu għalhekk intitolati għall-benefiċċji mogħtija lill-uffiċjali skont ir-Regolamenti tal-Persunal, inkluż permanenza effettiva tal-impjieg skont jekk ikunux lestew il-perijodu adattat ta’ prova u ma jkunux ikkommettew reat dixxiplinari li jiġġustifika tkeċċija mis-servizz.
50. Ir-riforma qasmet il-membri tal-persunal bil-kuntratt f’żewġ kategoriji. L-ewwel waħda, irregolata mill-Artikolu 3a tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg, tinkludi persunal ingaġġat, inter alia, sabiex jagħti “servizz manwali jew amministrattiv ta’ appoġġ” (28). It-tieni, koperta bl-Artikolu 3b, tirrappreżenta fil-parti l-kbira tagħha persunal ingaġġat għal perijodu qasir. Din id-differenza hija fundamentali f’dan il‑kuntest. L-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jistipula li l‑kuntratti tal-persunal bil-kuntratt ingaġġati skont l-Artikolu 3a, wara l‑ewwel tiġdid tagħhom, għandhom jiġġeddu għal perijodu mhux definit. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-persunal ingaġġat skont l-Artikolu 3b, l‑Artikolu 88(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi li l-perijodu massimu ta’ impjieg tagħhom fi ħdan istituzzjoni ma jistax jeċċedi sitt snin. Mit-taqsima IX tas-sejħa għal kandidati kien ċar li l-kandidati li jgħaddu kellhom jiġu ngaġġati skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mhux l-Artikolu 3b.
51. Ir-riforma naqqset ukoll il-lista ta’ dmirijiet stipulati fl-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal li għalihom uffiċjali jistgħu jiġu ngaġġati. Ir-rwol ta’ sewwieq fil-fatt ġie eskluż. Minn dakinhar dak ir-rwol ġie kopert bid-dmirijiet li huma allokati lill-persunal bil-kuntratt taħt il-grupp ta’ funzjoni I, kif indikat fl-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (29).
52. Mir-riforma rriżulta li istituzzjoni li tixtieq tingaġġa sewwieqa wara l-1 ta’ Mejju 2004 fuq bażi permanenti, jew kważi-permanenti, kellhom jingaġġawhom bħala membri tal-persunal bil-kuntratt li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjoni I skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg u mhux, bħal qabel, bħala uffiċjali.
Multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja
53. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Unjoni Ewropea “għandha għal qalbha ż-żamma tal-multilingwiżmu”, li l-importanza tiegħu hija ddikjarata fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE (30). Dan l-impenn fl-opinjoni tiegħi huwa l-bidu għal kwalunkwe analiżi tal-użu tal-lingwi fi ħdan l-Unjoni u, bħal f’dan il-każ, fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha u dawk li jikkomunikaw magħhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju fundamentali.
54. Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkunsidra dawk l-eċċezzjonijiet fis‑sentenza reċenti tal-Awla Manja tagħha tas-6 ta’ Settembru 2017 Is‑Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (31), li kienet tikkonċerna rikorsi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal‑Italja u l-Greċja (32). Dik id-deċiżjoni kienet adottata fl-isfond ta’ flussi migratorji ta’ refuġjati eċċezzjonali fiż-żona tal-Mediterran, li għamlu pressjoni partikolari fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar fil-periferija tan‑nofsinhar tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-Italja u l-Greċja. Fis‑17 ta’ Settembru 2015, il-Parlament kien adotta riżoluzzjoni li approvat il‑proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni li tistabbilixxi miżuri provviżorji f’dan ir‑rigward, wara li ġiet ikkunsidrata s-“sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ urġenza u l-ħtieġa li s-sitwazzjoni tiġi indirizzata mingħajr dewmien ulterjuri”. Id-deċiżjoni stess tirreferi għal “sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-[Italja u l-Greċja]” u tipprevedi għar-rilokazzjoni ta’ 120,000 applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istati Membri l-oħra (33).
55. F’dan l-isfond ta’ urġenza partikolari, filwaqt li l-proposta oriġinali għal deċiżjoni ppreparata mill-Kummissjoni kienet redatta bil‑lingwi uffiċjali kollha, it-testi li permezz tagħhom saru l-emendi suċċessivi għall-proposta, inkluż it-test tad-deċiżjoni kif adottata mill‑Kunsill, ingħataw lill-Istati Membri bl-Ingliż biss, minkejja li jidher li l-emendi kollha nqraw b’vuċi għolja mill-President tal-Kunsill u kien hemm interpretazzjoni simultanja fil-lingwi uffiċjali kollha. L-Ungerija u s‑Slovakkja lmentaw li dan l-aħħar element kien jikkostitwixxi ksur tal‑Artikolu 14(1) u (2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (34). Min-naħa tiegħu, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 14(2) tar-regoli tiegħu, u nnota li l-ebda Stat Membru ma kien oġġezzjona għan-nuqqas li jingħataw dettalji bil-miktub tal-emendi fil-lingwi uffiċjali kollha (35).
56. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat is-sitwazzjoni u dik li hija sejħet “sitwazzjoni umanitarja katastrofika li għaliha tat lok […] il-kriżi [tar-refuġjati] fl-Istati Membri” (36). Hija ddikjarat li l‑interpretazzjoni tal-Kunsill tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu għandha tiġi aċċettata peress li dik l-interpretazzjoni kienet tirrifletti “approċċ ekwilibrat u flessibbli li jiffavorixxi l-effiċjenza u r-rapidità tax-xogħlijiet tal-Kunsill li għandhom importanza singolari fil-kuntest partikolari ta’ urġenza li tikkaratterizza l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri provviżorji meħuda abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE” (37).
57. Dak l-approċċ fl-opinjoni tiegħi jiġbor il-bażi essenzjali li fuqha d-derogi għar-regoli tal-lingwa li jappoġġjaw il-multilingwiżmu fl‑Unjoni Ewropea jistgħu jiġu aċċettati. Fejn tiġi stabbilita eċċezzjoni, għandu jsir eżerċizzju ta’ bbilanċjar. Għandu jkun hemm kemm ġustifikazzjoni (f’dak il-każ, sitwazzjoni ta’ urġenza estrema) u sa fejn possibbli għandu jkun hemm salvagwardji (hemmhekk, id-dritt ta’ Stat Membru li jitlob traduzzjoni f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar u l‑provvista ta’ faċilitajiet ta’ interpretazzjoni). Fl-opinjoni tiegħi, dawk l‑aspetti għandhom jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe analiżi tad-derogi li fuqhom il-Parlament jibbaża ruħu f’din il-kawża.
L-ewwel motiv: ksur tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1, l‑Artikolu 22 tal-Karta u l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal li jirriżulta mill-allegat rekwiżit għal kandidati biex jużaw l-Ingliż, il‑Franċiż jew il-Ġermaniż meta jikkomunikaw mal-EPSO
58. B’dan il-motiv, Spanja essenzjalment targumenta li s-sejħa għal kandidati kienet ivvizjata b’diversi żbalji ta’ liġi peress li kienet titlob lill-kandidati jikkomunikaw mal-EPSO bl-Ingliż, Franċiż jew Ġermaniż, bl-esklużjoni tal-lingwi l-oħra uffiċjali u biex jissottomettu l‑applikazzjonijiet tagħhom f’waħda minn dawk il-lingwi.
59. Qabel ma jiġu indirizzati l-argumenti tal-partijiet fid-dettall, għandha tingħata ħarsa lejn is-sejħa għal kandidati nnifisha. Mill-ewwel ninnota li l-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa kif mogħtija fil-parti C tat-taqsima IV (38) kienet issegwi l-istess mudell adottat f’avviżi ta’ kompetizzjonijiet u sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess mill-għoti tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 f’L-Italja vs Il-Kummissjoni (39).
60. Id-dispożizzjonijiet segwenti huma partikolarment rilevanti:
– filwaqt li s-sejħa għal kandidati nħarġet mill-Parlament, hija kienet tirrigwarda l-proċedura tal-għażla li kellha tiġi organizzata “bl‑assistenza teknika” tal-EPSO (taqsima I);
– il-kandidati kellhom japplikaw onlajn fuq il-websajt tal-EPSO u jsegwu l-istruzzjonijiet mogħtija hemm, b’mod partikolari fil-manwal għall-applikazzjoni onlajn tal-EPSO (il-“manwal għall-applikazzjoni onlajn”) (taqsima VI) (40);
– il-proċedura tal-għażla kellha tiġi organizzata biss (41) abbażi tal‑kwalifiki, fil-forma ta’ evalwazzjoni tat-tweġibiet iddettaljati mogħtija mill-kandidati għall-mistoqsijiet fil-formola ta’ applikazzjoni (taqsima VII);
– kwalunkwe dikjarazzjoni falza magħmula mill-kandidati waqt il‑proċedura tal-għażla twassal għall-iskwalifika (taqsima XI).
61. Is-sejħa għal kandidati ma kellha l-ebda istruzzjonijiet espressi dwar il-lingwa li fiha l-applikazzjoni kellha timtela u lanqas kienet tipprovdi xi informazzjoni dwar x’kellhom jagħmlu kandidati li ma kinux ċerti dwar kif jipproċedu bl-applikazzjoni tagħhom.
62. L-argument ewlieni ta’ Spanja taħt dan il-motiv kien li s-sejħa għal kandidati kienet tikser l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1. Il‑komunikazzjonijiet rilevanti għal dan il-każ ikopru kemm it-talbiet għal informazzjoni qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni u s‑sottomissjoni tal-applikazzjoni stess. Din tal-aħħar hija ta’ importanza partikolari peress li l-proċedura tal-għażla kienet fi stadju wieħed, peress li ma kienx hemm ċentru ta’ evalwazzjoni sussegwenti. Il-kandidati li japplikaw għas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għal pożizzjonijiet f’istituzzjoni tal-Unjoni ma jistgħux, permezz ta’ dik ir-risposta, jitqiesu li qegħdin f’sitwazzjoni li hija purament interna għal dik l-istituzzjoni, bir‑riżultat li d-dispożizzjonijiet potenzjalment iktar restrittivi tar‑Regolamenti tal-Persunal se japplikaw għalihom (42).
63. Spanja targumenta li, minħabba l-mod li bih kienet ifformulata s‑sejħa għal kandidati, dawk li kienu qed jikkunsidraw jissottomettu applikazzjoni kienu jħossu li ma setgħu jagħmlu xejn ħlief li jagħmlu xi mistoqsijiet dwar il-proċedura tal-għażla (43) u jimlew il-formola ta’ applikazzjoni bl‑Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż anki jekk ma kinitx il-lingwa materna tagħhom. Anki jekk ma kienx hemm ksur de iure tar-Regolament Nru 1, kien hemm ksur de facto.
64. Sussidjarjament, u f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal‑argumenti tagħha dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1, Spanja tissottometti li ma hemmx ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni u, anki li kieku dan ma kienx il-każ, hija sproporzjonata. Għalhekk kien hemm ksur tal-Artikoli 22 tal-Karta u 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal.
65. Il-Parlament jaqsam ir-risposta tiegħu f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda l-komunikazzjoni mal-kandidati. Jenfasizza li s-sejħa għal kandidati ma kien fiha l-ebda restrizzjoni dwar l-għażla tal-lingwa li kellha tintuża mill-kandidati meta jikkomunikaw mal-Parlament jew mal-EPSO. Tal-inqas fir-rigward tal-mistoqsijiet sottomessi lill‑Parlament, xi kandidati użaw il-lingwa materna tagħhom biex jistaqsu u l-Parlament irrisponda f’dik il-lingwa.
66. Il-Parlament ikompli billi jirreferi għall-prinċipju li l-atti tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità u għall-ġurisprudenza li tipprevedi li meta test tad-dritt idderivat tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik li tagħmel id-dispożizzjoni konformi mat-Trattat, u mhux dik li twassal għal konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà miegħu (44).
67. It-tieni parti tar-risposta tal-Parlament tikkonċerna l-formola ta’ applikazzjoni nnifisha. Filwaqt li jaċċetta li l-formola ta’ applikazzjoni kienet, “għal raġunijiet tekniċi”, disponibbli biss bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, huwa jsostni li dan ma kienx ifisser li kien hemm xi obbligu fuq il-kandidati biex jużaw dawk il-lingwi. Fil-fatt, numru minnhom imlew il-formola bil-lingwa tagħhom u l-applikazzjoni tagħhom ġiet ipproċessata kif suppost billi intużaw, fejn meħtieġ, is‑servizzi ta’ evalwaturi tal-lingwa.
68. Peress li analiżi tal-applikazzjoni tagħhom tista’ titfa’ iktar dawl fuq l-approċċ li għandu jiġi applikat għall-argumenti ta’ Spanja, ser nindirizza l-kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni mqajma mill-Parlament u msemmija fil-punt 66 hawn fuq qabel ma nittratta l-mertu tal‑allegazzjonijiet ta’ Spanja. L-ewwel nett, huwa veru li l-Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li miżuri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux, inter alia, annullati fil-kuntest ta’ deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja jew iddikjarati invalidi wara eċċezzjoni ta’ illegalità. Iddeskriviet l-għan ta’ din ir-regola bħala li jirrifletti l-ħtieġa li tinżamm l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi (45). Iżda, mingħajr ma nidħlu fil‑kwistjoni dwar b’liema qawwa din ir-regola għandha tiġi applikata għal deċiżjonijiet purament amministrattivi adottati minn dawk l‑istituzzjonijiet, għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni hija waħda proċedurali. Fi kliem ieħor, ma tapplikax biex tagħti xi tip ta’ prijorità sostantiva jew imprimatur għal dawk il‑miżuri. Tipprovdi biss li dawk il-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ ħlief u sakemm ma jiġux ikkontestati b’suċċess quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għalhekk bl-ebda mod ma nara xi gwida utli mill-prinċipju msemmi mill-Parlament. Peress li, f’din il-kawża, kien hemm kontestazzjoni minn Spanja, huwa meħtieġ li din il-kontestazzjoni tiġi kkunsidrata fuq il‑mertu.
69. It-tieni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni, il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq (46) tirrifletti l‑perċezzjoni perfettament raġonevoli tal-preżunzjoni li istituzzjonijiet jaġixxu skont it-Trattati. F’każ ta’ ambigwità jew dubju, għalhekk, l-interpretazzjoni li tirrifletti dik ir-regola għandha tingħata preferenza. Iżda d-dicta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jgħidu xejn iżjed. Ma jirrappreżentawx, kif il-Parlament jidher qed jissuġġerixxi, regola għall-interpretazzjoni li tipprevedi li l-interpretazzjoni mogħtija minn waħda mill-istituzzjonijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’xi mod tingħata trattament preferenzjali meta mqabbla ma’ dik issuġġerita minn parti li qed tikkontesta l-miżura.
70. Fid-dawl ta’ dan, huwa neċessarju li jiġu indirizzati s‑sottomissjonijiet ta’ Spanja u issa ser ngħaddi biex nagħmel dan. Nibda l-ewwel bl-argument ewlieni tagħha (47).
71. F’dan ir-rigward, Spanja tiddependi ħafna fuq is-sentenza tal‑Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, L-Italja vs Il-Kummissjoni (48). Ta’ min jikkunsidra din is-sentenza fi ftit dettall. Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkunsidra, inter alia, jekk il-pubblikazzjoni sħiħa ta’ avviż ta’ kompetizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi tliet lingwi biss (l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż), flimkien ma’ pubblikazzjoni fil-qosor fil-kumplament tal-lingwi uffiċjali, kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tar‑Regolament Nru 1, moqri flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal. Il‑Kummissjoni kienet argumentat li dawn tal-aħħar kienu japplikaw mhux biss għall-uffiċjali tal-Unjoni iżda wkoll għal persuni li jixtiequ jieħdu dak l-istatus (49).
72. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx l-argument li r-Regolament Nru 1 ma kienx japplika għal uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjoni u lanqas, a fortiori, ma seta’ jingħad li ma kienx japplika għal kandidati ta’ kompetizzjoni esterna.
73. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li ma kienx meħtieġ għaliha li tistabbilixxi jekk l-avviżi ta’ kompetizzjoni inkwistjoni jaqgħux taħt l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1 (bħala “dokumenti ta’ applikazzjoni ġenerali”). Dan għaliex kien ċar mill-Artikolu 1(2) tal‑Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal li l-avviż għal kompetizzjoni miftuħa għandu jiġi ppubblikat kollu kemm hu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea — u dan ifisser bil-lingwi uffiċjali kollha. Minn dan isegwi li l-pubblikazzjoni tal-avviż fil-qosor bil-lingwi l-oħra minbarra l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż ma kinitx biżżejjed. Barra minn hekk, peress li l-kandidati li l-lingwa materna tagħhom kienet waħda minn dawk il-lingwi l-oħra kienu tpoġġew fi żvantaġġ dwar jekk jifhmux b’mod korrett l-avviżi u l-perijodu meħtieġ biex jippreparaw u jibagħtu applikazzjoni biex jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet ikkonċernati, kien hemm differenza fit-trattament abbażi tal-lingwa bi ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal (50).
74. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma adottatx deċiżjoni definittiva f’L-Italja vs Il-Kummissjoni dwar il-kwistjoni jekk ir-Regolament Nru 1 jew ir-Regolamenti tal-Persunal kinux japplikaw għal kandidati għal kompetizzjoni esterna. Irrispettivament mill-istrument leġiżlattiv applikabbli, ir-riżultat kien l-istess: l-avviżi tal-kompetizzjoni inkwistjoni kellhom jitwarrbu. Għalkemm l-isfond ta’ dik il-kawża u tal-kawża preżenti ma huwiex identiku, fl‑opinjoni tiegħi hemm biżżejjed somiljanzi bejniethom biex ir‑raġunament u l-approċċ tal-Qorti tal‑Ġustizzja f’dak il-każ jiġu applikati għal din il-kawża (51). Għalhekk ser nibda billi nikkunsidra l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1 għall-ewwel motiv ta’ Spanja qabel ma nikkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal.
75. F’dan ir-rigward, Spanja tibbaża l-ewwel motiv tagħha fuq l-allegat ksur tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1. It-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tirrikjedi, inter alia, li dokumenti li persuna suġġetta għall‑ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tibgħat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu redatti f’xi waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula mill-persuna li tibgħat id-dokument u li r-risposta għandha tiġi redatta fl-istess lingwa.
76. Il-kandidati kienu fil-fatt preklużi milli jikkomunikaw mal‑Parlament u mal-EPSO u milli jimlew il-formola ta’ applikazzjoni f’xi lingwa oħra minbarra l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż?
77. F’dak il-kuntest, il-Parlament jibbaża ruħu b’mod kunsiderevoli fuq il-fatt li s-sejħa għal kandidati ma kienet tistipula ebda regoli espressi dwar il-lingwa ta’ komunikazzjoni. Dan huwa fil-fatt il-każ. Madankollu, in-nuqqas ta’ struzzjonijiet espressi ma jfissirx li ma kien hemm xejn impliċitu. Nissuġġerixxi li l-mistoqsija hija dwar persuna raġonevoli, fil-pożizzjoni ta’ applikant potenzjali għall-proċedura tal‑għażla inkwistjoni, x’kienet tifhem mis-sejħa, moqrija bħala dokument wieħed, u mid-dokumenti u sorsi ta’ informazzjoni oħra li għalihom tirreferi.
78. Ejja nibdew mill-punt tat-tluq naturali fil-forma tas-sejħa għal kandidati nnifisha. Kandidat potenzjali li jaqra d-dokument fil-fatt jinnota li ma fiha l-ebda struzzjonijiet dwar l-użu tal-lingwi għal skopijiet ta’ komunikazzjoni matul il-proċedura tal-għażla. Jekk ikun qed jikkunsidra jqajjem mistoqsija jew mistoqsijiet dwar il-proċedura, jinnota wkoll it‑taqsima X, li tipprovdi indirizz tal-posta elettronika tal-Parlament li għandu jintuża “[g]ħal kull komunikazzjoni oħra dwar il-proċedura”.
79. Madankollu, l-istess kandidat jinnota wkoll id-dikjarazzjoni magħmula fit-tieni paragrafu tat-taqsima I li l-proċedura tal-għażla kellha tiġi organizzata “bl-assistenza teknika” tal-EPSO u r-rekwiżit stabbilit fit‑taqsima VI sabiex l-applikazzjoni ssir onlajn fuq il-websajt tal-EPSO u sabiex jiġu segwiti l-istruzzjonijiet mogħtija hemm. Jekk jidħol f’dik il‑websajt, isib li l-formola meħtieġa biex jinħoloq kont tal-EPSO (li mingħajru ma jistax jipproċedi) hija disponibbli biss bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż (52).
80. Is-sejħa għal kandidati tirreferi wkoll għall-istruzzjonijiet mogħtija “b’mod partikolari” fil-manwal għall-applikazzjoni onlajn. Ejja nassumu li l-kandidat sussegwentement imur f’dak id-dokument. It-taqsima 3 hija intitolata “formola ta’ applikazzjoni onlajn”. Wara li jinnota l-istruzzjoni li l-applikazzjoni tiegħu għandha timtela fil-lingwa speċifikata fis-sejħa, huwa inevitabbilment jibqa’ għaddej, peress li f’dan il-każ ma kinitx speċifikata xi lingwa. It-tieni punt fid-dokument jindika li peress li “l-applikazzjoni” hija disponibbli biss bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż (53), il-kandidati għandhom jikkonsultaw dak li d-dokument isejjaħ “ħarsa ġenerali” għal struzzjonijiet bil-lingwi uffiċjali kollha. Dak id-dokument fih sensiela ta’ traduzzjonijiet mill‑Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż ta’ termini u espressjonijiet użati fil‑formola ta’ applikazzjoni onlajn tal-EPSO. Hemmhekk ma hemm l-ebda indikazzjoni jew suġġeriment li l-formola tista’ timtela bi kwalunkwe lingwa; anzi, ma jkunx irraġonevoli li jiġi konkluż li l-lingwa li biha l-formola hija miktuba għandha tkun dik użata biex timtela, a fortiori għaliex is-sejħa għal kandidati kienet indikat iktar qabel (fil-Parti C tat-taqsima IV) li għarfien “sodisfaċenti” ta’ dawk il-lingwi għandu jiġi pprovat. Jekk jiġi preżunt madankollu li l-kandidat inkwistjoni huwa alert u attent b’mod raġonevoli, fl-entrata Nru 159 għandu jsib is-segwenti “[g]ħandek timla din il-formola tal-applikazzjoni bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.”. Din id‑dikjarazzjoni ċertament ma tħallilu l-ebda dubju dwar kif għandu jipproċedi fir‑rigward tal-formola ta’ applikazzjoni (54). Fil-fatt, il-Parlament stess ikkonferma li dik kienet il-pożizzjoni f’risposta li huwa bagħat bil-posta elettronika fis-26 ta’ April 2016 (bil-Grieg) lil kandidat potenzjali, annessa mal-kontroreplika tiegħu.
81. Inkompli b’analiżi tal-manwal għall-applikazzjoni onlajn, iżda mmur lura għall-kwistjoni tal-komunikazzjonijiet b’mod ġenerali, fejn wieħed jara li t‑taqsima 5 tal-manwal tinkludi dikjarazzjoni li fir-rigward ta’ mistoqsijiet li għadhom ma ġewx indirizzati fuq il-websajt tal-EPSO, dawn jistgħu jsiru mill-kandidati lill-EPSO billi jużaw it-taqsima “Ikkuntattjana” fuq il-websajt tagħhom. Jekk jikklikjaw fuq il-link “Ikkuntattjana” fil-manwal, il-kandidati jittieħdu f’websajt li telenka numru ta’ mistoqsijiet frekwenti (frequently asked questions) (iktar ’il quddiem il-“FAQs”). Imbagħad jittieħdu f’dak li jidhru li huma żewġ settijiet ta’ FAQs, qabel ma jintalbu jindikaw fl‑aħħar tat-tieni sett jekk sabux tweġiba. Jekk jikklikjaw fuq “le” jitla’ skrin ieħor, li jiddikjara li l-kandidati jistgħu jagħmlu mistoqsijiet speċifiċi lill‑EPSO b’mod dirett. Dan joħloq formola li titlob lill‑kandidati, inter alia, jagħżlu l-lingwi kollha minn fost l-lingwi uffiċjali li biha jixtiequ jirċievu t-tweġiba. Il-kandidati għandhom jagħżlu tal-inqas żewġ lingwi.
82. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li, l-ewwel nett, kandidat jista’ b’mod raġonevoli jifforma l-opinjoni li huwa seta’ jikkomunika mal-EPSO bil-lingwa uffiċjali li huwa jagħżel iżda ma kienx żgurat li ser jirċievi tweġiba b’dik il-lingwa. It-tieni nett, wara li jdur is-sejħa għal kandidati u d-dokumenti li għalihom tirreferi, jistabbilixxi li huwa kien mitlub jimla l-formola ta’ applikazzjoni bl‑Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż u mhux b’xi lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. L-argument tal-Parlament f’dan ir-rigward li uħud kandidati fil-fatt issottomettew il-formola b’lingwa oħra minbarra dawk it-tliet lingwi fl-opinjoni tiegħi huwa irrilevanti. Kif Spanja tosserva b’mod korrett, kandidati oħra potenzjali setgħu kienu kompletament skoraġġuti milli jissottomettu applikazzjoni jew setgħu għamlu dan b’mod żvantaġġjat, peress li l-lingwa inkwistjoni ma kinitx waħda li biha setgħu jesprimu lilhom infushom bl-istess kumdità bħal li kieku kienu jagħmlu bil-lingwa materna tagħhom.
83. Għalhekk nikkonkludi li s-sejħa għal kandidati kienet tikser l‑Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1 fir-rigward tal-lingwi li bihom il‑kandidati setgħu jikkomunikaw mal-EPSO u l-lingwa li biha l-formola ta’ applikazzjoni kellha timtela.
84. Jista’ jiġi ddikjarat li fl-istess ħin kien hemm ksur tar-Regolamenti tal-Persunal?
85. Spanja essenzjalment targumenta li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni u li dawk li l-lingwa materna tagħhom hija l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż tpoġġew f’vantaġġ. B’mod partikolari, kienu jistgħu jiddeskrivu aħjar l-aspetti pożittivi tagħhom u kellhom inqas probabbiltà li jinkludu informazzjoni mhux eżatta. Barra minn hekk, ir-restrizzjoni hija sproporzjonata peress li (i) il-fażi unika tal‑proċedura tal-għażla kienet ibbażata fuq l-informazzjoni bil-miktub mogħtija fil-formola ta’ applikazzjoni u (ii) jekk tingħata informazzjoni skorretta din tista’ twassal għal esklużjoni.
86. Peress li jikkunsidra li r-restrizzjoni deskritta minn Spanja fil-fatt ma kinitx teżisti, il-Parlament ma jirrispondix fid-dettall għall-argumenti ta’ dak l-Istati Membru.
87. Għal darb’oħra, tista’ tinsilet gwida utli mis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (55). Minbarra l-kwistjonijiet imsemmija fil-punti 71 u 72 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat jekk in-nuqqas li jiġi ppubblikat l-avviż tal-kompetizzjoni miftuħa bil-lingwi uffiċjali kollha jammontax għal diskriminazzjoni. Hija stabbilixxiet li kandidati li l‑lingwa materna tagħhom ma kinitx waħda mil-lingwi li bihom ġie ppubblikat l-avviż sħiħ (56) kienu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ kandidati li l-lingwa materna tagħhom kienet waħda minn dawk il-lingwi u li dak l-iżvantaġġ kien konsegwenza tad-differenza fit-trattament abbażi tal‑lingwa pprojbita bl-Artikolu 21 tal-Karta u bl-Artikolu 1d(1) tar‑Regolamenti tal-Persunal (57). Minn dan isegwi li kwalunkwe restrizzjoni kellha tkun iġġustifikata b’raġunijiet oġġettivi u raġonevoli u kellha tkun intiża għal għanijiet leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal‑politika tal-persunal. Peress li l-ġustifikazzjoni mressqa mill‑Kummissjoni f’dak il-każ ma tidhirx sostnuta fil-fatt, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata u għalhekk kien hemm diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa pprojbita bl‑Artikolu 1d tar-Regolamenti tal‑Persunal (58).
88. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ għan jew ġustifikazzjoni leġittima mressqa mill-Parlament ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex materjal quddiemha biex taħdem. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li, għar-raġunijiet imressqa minn Spanja, kandidat li l-lingwa materna tiegħu ma kinitx l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż ikun fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ kandidati li jistgħu jesprimu ruħhom mingħajr diffikultà b’waħda minn dawk il-lingwi. Dan huwa rilevanti b’mod partikolari f’kuntest fejn il-proċedura tal-għażla taħt is-sejħa għal kandidati kellha tiġi organizzata biss abbażi tar-risposti ddettaljati mogħtija mill-kandidati għall-mistoqsijiet fil-formola ta’ applikazzjoni u fejn kwalunkwe dikjarazzjoni falza fuq il-formola setgħet twassal għal skwalifika (59). Għalhekk kien hemm diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa — u b’hekk ksur tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal‑Persunal — fir-rigward ta’ dawk il-kandidati jew kandidati potenzjali li l-lingwa materna tagħhom ma kinitx waħda mit-tliet kategoriji “ippreferuti”.
89. Peress li kkunsidrajt li l-ewwel motiv ta’ Spanja għandu jintlaqa’ għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, ma huwiex strettament neċessarju li nipproċedi billi nikkunsidra l-kwistjoni iktar wiesgħa dwar ir‑relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1 u r-Regolamenti tal-Persunal. Kif indikat hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-Awla Manja fil-kawża L‑Italja vs Il-Kummissjoni (60) espressament irrifjutat li tagħti deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni (61). Madankollu ser nindirizza din il-kwistjoni fil‑qasir għal finijiet ta’ kompletezza.
90. Nibda billi ninnota li f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[f]l-assenza ta’ dispożizzjonijiet regolamentari speċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-regoli ta’ proċedura tal‑istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, l-ebda test ma jwassal għall-konklużjoni li r-relazzjonijiet bejn dawn l‑istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1”. Immedjatament kompliet li “[a] fortiori dan huwa l-istess għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet u kandidati għall‑kompetizzjoni esterna li, fil-prinċipju, la huma uffiċjali u lanqas membri tal-persunal” (62).
91. Sussegwentement nosserva li analiżi testwali tar-Regolamenti tal‑Persunal, li fl-Artikolu 1 jipprevedu li japplikaw għall-“uffiċjali tal-Unjoni” u fl-Artikolu 1a jipprevedu li t-terminu għandu jinftiehem bħala li jfisser “kull persuna li kien maħtur […] għal posizzjoni stabbilita” tissuġġerixxi mal-ewwel qari li ma japplikawx għal kandidati għal pożizzjoni ta’ uffiċjal. Bl-istess mod, l-Artikolu 1 tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg jipprevedi li dawk il-kondizzjonijiet japplikaw, inter alia, għal “persunal bil-kuntratt”, b’dik l-espressjoni deskritta fl-Artikolu 3a bħala li tfisser “persunal […] mqabbdin [mill-istituzzjoni kkonċernata] biex jaqdu d-dmirijiet full-time jew part-time”.
92. Fl-aħħar nett, ninnota li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 jagħti iktar kjarezza lill-Artikolu 24 TFUE. Din l-aħħar dispożizzjoni hija espressa f’termini wiesgħa u mingħajr restrizzjoni. Minn dan isegwi li, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 2 ma għandux jiġi interpretat b’mod limitat jew ristrett.
93. Kull wieħed minn dawn il-punti jidhirli li jmur kontra interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1 li twassal li jiġi mwarrab malajr biex minflok jiġu applikati ir-Regolamenti tal-Persunal fi kwalunkwe kawża partikolari. Iktar jistgħu jissuġġerixxu li l-għan primarju tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex sabiex jirregolaw ir-relazzjoni bejn l‑istituzzjonijiet u kandidati għal pożizzjoni ta’ uffiċjal.
94. Madankollu, huwa ċar ukoll li r-Regolamenti tal-Persunal, f’xi aspetti, japplikaw għal tali kandidati. B’hekk, pereżempju, il-Kapitolu 1 tat-Titolu III, li jinkludi l-Artikoli 27 u 28, huwa intitolat “Reklutaġġ” u l-Anness III huwa intitolat “Kompetizzjonijiet”. Kull wieħed minnhom jistipula regoli ddettaljati fir-rigward tal-kwistjonijiet li jkopru. Xi dispożizzjonijiet ekwivalenti b’mod wiesa’, iżda espressi b’mod iktar ġenerali, li jirrigwardaw il-mod li bih membri tal-persunal bil-kuntratt huma ngaġġati huma stabbiliti fil-Kapitolu 3 tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ l-ingaġġ”. Filwaqt li l-ebda wieħed minn dawn is-settijiet ta’ dispożizzjonijiet ma jkopri r‑rekwiżiti tal-lingwa, xorta jibqa’ l-każ li xi drabi jista’ jkun hemm sovrapożizzjoni tar-Regolament Nru 1 u r-Regolamenti tal-Persunal.
95. Din is-sovrapożizzjoni għandha tiġi analizzata fi ftit iktar dettall. L-ewwel nett, ir-Regolament Nru 1, fl-opinjoni tiegħi, jibqa’ japplika għal persuna li ssir uffiċjal jew aġent tal-Unjoni Ewropea f’kull aspett meta jiġi appuntat f’dik il-pożizzjoni. B’hekk, nikkunsidra li l-Artikoli 2 u 3 jkomplu japplikaw sussegwentement għal komunikazzjonijiet mibgħuta jew riċevuti minn dik il-persuna fil-kapaċità personali tagħha. Bl-istess mod, ir-regoli ta’ proċedura adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni skont l‑Artikolu 6 tar-Regolament jista’ jkollhom impatt fuq dik il‑persuna wara l-ingaġġ tagħha.
96. Madankollu, huwa ċar li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 ma japplikax għal komunikazzjonijiet magħmula bejn individwu, li jaġixxi fil-kapaċità professjonali tiegħu, u istituzzjoni meta dak l-individwu jkun daħal fil-funzjonijiet tiegħu bħala uffiċjal jew aġent tal-istituzzjoni. Sa fejn rilevanti jew applikabbli, dawk il-komunikazzjonijiet ikunu suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal.
97. Jista’ jingħad, kif kien issuġġerit waqt is-seduta, li r-Regolamenti tal-Persunal jistgħu fil-fatt japplikaw bl-esklużjoni tar-Regolament Nru 1 fi stadju qabel, skont id-data li fiha l-persuna kkonċernata tissottometti l‑applikazzjoni tagħha biex issir uffiċjal jew aġent?
98. Ma nemminx li dan huwa l-każ.
99. Huwa neċessarju li jiġi analizzat l-għan tal-Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 1. Dik id-dispożizzjoni tapplika għal dokumenti, jiġifieri, komunikazzjonijiet bil-miktub u mhux, pereżempju, għal sejħiet bit-telefon jew forom oħra ta’ komunikazzjoni orali. Min-natura tagħhom stess, għandu jiġi preżunt li komunikazzjonijiet bil-miktub għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma ta’ importanza partikolari għall-persuna li tibdihom. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm ċarezza f’dak li qed jinkiteb. Minn din il-perspettiva, l-abbiltà li tikkomunika bil-lingwa tiegħek hija ta’ importanza predominanti. Peress li kandidat jista’ jkollu kwistjonijiet li jixtieq jiddiskuti jew mistoqsijiet li jixtieq jagħmel bil‑miktub anki wara li jkun issottometta l-applikazzjoni tiegħu, ma nara l-ebda raġuni għaliex il-benefiċċju tal-Artikolu 2 ma għandux jiġi estiż għalih wara dak il-punt u sad-dħul tiegħu fis-servizz.
100. Dan il-punt huwa a fortiori validu, fl-opinjoni tiegħi, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-konklużjoni tiegħi li l-livell adegwat li fih għandu jiġi stabbilit livell “sodisfaċenti” ta’ għarfien ta’ tieni lingwa għal xufiera huwa A2 u mhux B2, kif stabbilit fis-sejħa għal kandidati (63). Madankollu, nagħmilha ċara li ma nikkunsidrax li din il-kwistjoni hija determinanti fir-rigward tal-mertu.
101. B’mod iktar ġenerali, nosserva li xi drabi l-kwistjoni ta’ sovrappożizzjoni bejn ir-Regolament Nru 1 u r-Regolamenti tal-Persunal tista’ ftit li xejn tkun rilevanti. Jew fil-fatt ma jkun hemm l-ebda sovrappożizzjoni jew il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti fiż-żewġ strumenti regolatorji jkun l-istess. F’każijiet oħra, l-applikazzjoni taż‑żewġ settijiet ta’ regoli tista’ twassal għall-istess riżultat, minkejja li permezz ta’ metodu differenti. Din kienet is-sitwazzjoni f’L-Italja vs Il‑Kummissjoni (64) u għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq nissuġġerixxi li huwa l-istess hawnhekk (65).
102. X’jiġri jekk jidher li hemm kunflitt bejn it-tnejn? F’dak il-każ, nissuġġerixxi li fid-dawl tal-indikazzjoni ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża li r-Regolament Nru 1 bħala regola ġenerali japplika għall-kandidati għal kompetizzjonijiet u, b’estensjoni, għal proċeduri ta’ għażla (66), ikun meħtieġ, l-ewwel, li d-dispożizzjoni(jiet) rilevanti tar‑Regolamenti tal-Persunal tingħata/jingħataw interpretazzjoni, sa fejn possibbli, fid-dawl tal-kliem u tal-għan tar-Regolament Nru 1 sabiex jinkiseb ir-riżultat imfittex minn dik il-miżura. Madankollu, jekk dan ikun impossibbli, nikkunsidra li għandha tingħata preferenza lid‑dispożizzjoni li għandha l-iktar konnessjoni mill-qrib u reali mas‑sitwazzjoni inkwistjoni. Fejn ir-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu sistema speċifika intenzjonata li tirregola aspett partikolari tar-relazzjoni bejn l-istituzzjoni inkwistjoni u persuna li hija kandidata għal pożizzjoni ta’ uffiċjal, it-termini ta’ dik is-sistema jipprevalu (67).
103. Għar-raġunijiet kollha elenkati hawn fuq, jiena tal-opinjoni li l‑ewwel motiv ta’ Spanja għandu jintlaqa’.
It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg bħala riżultat tar-rekwiżit għal kandidati li jkollhom għarfien “sodisfaċenti” ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan huwa meħtieġ għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom jew, sussidjarjament, mingħajr ma huwa meħtieġ li dan ir-rekwiżit jiġi stabbilit f’livell B2
104. Dan il-motiv jirrigwarda primarjament l-interpretazzjoni li għandha tingħata għall-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jipprevedi li membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jiġi ngaġġat biss bil‑kundizzjoni li jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali u “għarfien sodisfaċenti” ta’ tali lingwa oħra, “sal‑punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”.
105. Il-motiv jista’ bl-iktar mod konvenjenti jinqasam f’żewġ partijiet. Bl-ewwel parti, Spanja targumenta li l-Artikolu 82(3)(e) ma għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li tieni lingwa hija mitluba f’kull każ. Bit-tieni parti, Spanja tidher qed targumenta li, anki jekk dik id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tirrikjedi tieni lingwa f’kull każ jew jekk għandha tinqara bħala li tfisser li tieni lingwa hija meħtieġa fil-każ tal‑proċedura tal-għażla inkwistjoni, ma huwiex meħtieġ li l-livell jiġi stabbilit bħala B2. Livell inqas ikun adattat.
106. Fir-rigward tal-ewwel parti tat-motiv, il-pożizzjoni ta’ Spanja tirrikjedi li l-Artikolu 82(3)(e) jinqara sabiex il-kliem “sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu” ifissru li l-ħtieġa ta’ tieni lingwa tiġi biss jekk il-pożizzjoni inkwistjoni tirrikjedi l-għarfien ta’ tali lingwa. Hija tgħid li dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li d-doveri primarji tal‑kandidati li jgħaddu jinvolvu s-sewqan. Hija tiġbed l-attenzjoni wkoll għar-riferiment fis-sejħa għal kandidati (68) għal kompetenza f’livell ta’ A2 f’lingwa oħra minbarra dik tal-ewwel u t-tieni lingwi speċifikati mill‑kandidati fl-applikazzjoni tagħhom, li fl-opinjoni tagħha tagħmel il‑kompetenza B2 fl-Ingliż, fil-Franċiż u fil-Ġermaniż mhux neċessarja.
107. Bħala risposta, il-Parlament jargumenta li Spanja qed tinterpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 82(3) u li għarfien ta’ tieni lingwa huwa fil-fatt meħtieġ.
108. F’dak il-kuntest, għandu jiġi nnotat li l-kliem tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal (li japplika għall-ingaġġar tal-uffiċjali), l‑Artikolu 12(2)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (li japplika għal membri tal-persunal temporanju) u l-Artikolu 82(3)(e) tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg (li japplika għal membri tal-persunal bil‑kuntratt) huma identiċi. Filwaqt li l-Parlament u l-Kunsill setgħu jadottaw standard inqas jew differenti fir-rigward ta’ xi waħda minn dawn l-aħħar żewġ kategoriji, huwa ċar li huma għażlu li ma jagħmlux dan.
109. Huwa veru li hemm differenzi bejn ir-rekwiżiti tal-lingwa relatati mal-ewwel kategorija u l-aħħar żewġ kategoriji, inkwantu l‑Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika għal uffiċjali biss, jipprevedi li “uffiċjali għandhom ikunu meħtieġa juru, qabel l‑ewwel promozzjoni tagħhom wara r-reklutaġġ, l-abiltà li jaħdmu b’terza lingwa minn fost dawk riferuti fl-Artikolu 55(1) [TFUE]”.
110. Madankollu, ma narax li din id-dispożizzjoni addizzjonali tfisser li d-dispożizzjonijiet dwar l-għarfien tal-lingwa mar-reklutaġġ għandhom jinqraw b’mod differenti fir-rigward tal-uffiċjali jew aġenti oħra. Jiena iktar nifhimha bħala li ssaħħaħ ir-regola li dawk kollha rreklutati mill‑istituzzjonijiet għandhom, bħala kwistjoni ta’ politika ġenerali, ikollhom għarfien ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali. Minnu nnifsu, l‑Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax japplika għal aġenti oħra, peress li r-regoli dwar il-promozzjoni ma japplikawx għalihom.
111. Minn dan isegwi li l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat bħala li jfisser li l‑kandidati kollha għal reklutaġġ mill-istituzzjonijiet bħala aġenti oħra għandhom jipprovdu prova ta’ għarfien ta’ tal-inqas żewġ lingwi uffiċjali. Dik id-dispożizzjoni ma tistax tinqara b’tali mod li r-rekwiżit għal tieni lingwa japplika biss fejn ikun muri li dak l-għarfien huwa meħtieġ għat‑twettiq tad-dmirijiet tal-kandidat. L-argument ta’ Spanja f’dak ir‑rigward għalhekk għandu jiġi miċħud.
112. Fir-rigward tas-sottomissjonijiet ta’ Spanja dwar ir-riferiment fis‑sejħa għal kandidati ta’ għarfien f’livell ta’ A2 ta’ lingwa uffiċjali oħra, huwa diffiċli li jinftiehem x’inhu l-punt li dan l-Istat Membru qed jagħmel. Madankollu, jiena inklinata li naqbel mal-Parlament li huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sejħa, li sempliċement turi li kandidati li għandhom għarfien f’livell ta’ A2 ta’ lingwa uffiċjali oħra jew iktar jistgħu jiġu ttestjati dwar dak l-għarfien. Ma huwiex tentattiv sabiex jiġi introdott element ieħor f’termini ta’ rekwiżiti ta’ lingwa li għandhom jiġu ssodisfatti minn kull kandidat.
113. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-opinjoni li l-ewwel parti tal-motiv ma tistax tintlaqa’.
114. Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv, Spanja targumenta li, anki jekk l-għarfien ta’ tieni lingwa uffiċjali huwa rikjest, l-iffissar tal-livell bħala B2 huwa arbitrarju u ma jistax ikun iġġustifikat. Fid-dawl tad‑dmirijiet li xufiera jintalbu jaqdu meta jiġu ngaġġati, kif murija mil‑lista pprovduta fit-taqsima II tas-sejħa għal kandidati, kwalunkwe ġustifikazzjoni f’termini tal-interessi tas-servizz għandhom ikunu sostnuti b’mod oġġettiv. Hawnhekk ninnota li d-dmirijiet elenkati fl‑Artikolu 80(2) tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg fir-rigward tal-persunal ingaġġat fil-grupp ta’ funzjoni I huma differenti ferm minn dawk li japplikaw għall-kumplament tal-gruppi ta’ funzjoni.
115. Il-Parlament jargumenta li l-livell B2 huwa l-livell li tradizzjonalment kien ikkunsidrat li jirrappreżenta “għarfien sodisfaċenti” u jintuża fil-kompetizzjonijiet u f’forom oħra ta’ proċedura ta’ għażla. Dan il-livell huwa, barra minn hekk, proporzjonat mal-bżonnijiet tas‑servizz, peress li d-dmirijiet tal-kandidati li jgħaddu ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li huma limitati għal dawk stabbiliti fis-sejħa għal kandidati (69), peress li l-lista mogħtija hemm hija indikattiva u mhux eżawrjenti.
116. Il-punt tat-tluq għal kwalunkwe analiżi ta’ din il-parti tal-motiv għandu jkun l-interpretazzjoni korretta li għandha tingħata lill-kliem “għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”, kif użati fl-Artikolu 82(3)(e) tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg.
117. Inkwantu l-Parlament jargumenta li l-livell B2 għandu jiġi aċċettat (fil-fatt) waħdu peress li l-livell B2 jirrappreżenta dak li huwa jsejjaħ l‑interpretazzjoni “tradizzjonali” li għandha tingħata lill-kelma “sodisfaċenti”, fl-opinjoni tiegħi jidhirli li l-argument ma għandux jintlaqa’.
118. L-ewwel nett, billi jpoġġi enfasi fuq kelma waħda (“sodisfaċenti”), il-Parlament ma jiħux inkunsiderazzjoni l-kumplament tad‑dispożizzjoni, li tipprevedi li l-kandidat għandu jipprova għarfien “sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”. Min-natura tagħhom, id-dmirijiet li l-kandidati li jgħaddu minn proċedura ta’ għażla waħda jkollhom iwettqu jistgħu jkunu differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk stipulati fi proċedura oħra. Għalhekk, ir-rekwiżit loġikament ma jistax ikun l-istess f’kull każ.
119. It-tieni nett, l-argument tal-Parlament ikun iktar persważiv jekk il‑kelma “sodisfaċenti” kellha xi rabta mal-kategoriji użati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (70). Iżda dan ma huwiex il‑każ. Dik is-sistema tikklassifika l-livelli ta’ għarfien fi tliet gruppi ewlenin, li huma “użu bażiku” (livell A), “użu indipendenti” (livell B) and “użu profiċjenti” (livell Ċ). Dawn jirrappreżentaw evalwazzjonijiet oġġettivi. Għall-kuntrarju, “sodisfaċenti” hija evalwazzjoni suġġettiva. Sabiex tingħata tifsira, għalhekk, għandha tkun ibbażata fuq miżura li tista’ titkejjel. Fl-opinjoni tiegħi, dak il-kejl huwa rrappreżentat mill‑ħtiġijiet tal-pożizzjoni inkwistjoni. Test “daqs wieħed għal kulħadd” huwa kompletament mhux adattat f’dak il-kuntest.
120. Fir-rigward tal-argument tal-Parlament li l-iffissar tar-rekwiżit fil‑livell B2 jista’ fi kwalunkwe każ jiġi ġġustifikat fl-interessi tas‑servizz, huwa ovvjament korrett li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dawk l-interessi jistgħu jiġġustifikaw dak li kieku jammonta għal diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Madankollu, fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-interessi inkwistjoni għandhom ikunu oġġettivament iġġustifikati u li l-livell ta’ għarfien tal-lingwi meħtieġ għandu jkun proporzjonat mal-bżonnijiet reali tas-servizz (71). Dwar dan l‑aħħar punt, hija ddikjarat li kwalunkwe differenza fit-trattament ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li għandu jiġi segwit u li l-istituzzjonijiet għandhom jibbilanċjaw l-għan leġittimu li jiġġustifika l-limitazzjoni inkwistjoni u l-għan li jiġu identifikati l-kandidati li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza (72).
121. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx għan leġittimu, jiena diġà kkonkludejt li kandidati għandhom jintalbu prova tal-għarfien tagħhom ta’ tieni lingwa uffiċjali (73). Ma jidhirlix li huwa sproporzjonat li dan l-għarfien jitkejjel billi jintuża kejl aċċettat. Madankollu, dan ma jfissirx li l-livell ta’ għarfien meħtieġ huwa, fih innifsu, proporzjonat u nikkunsidra li l‑oneru huwa fuq il‑Parlament biex jipproduċi prova insostenn tal‑argument tiegħu li livell B2 jista’ jkun iġġustifikat. F’dak il-kuntest, kif Spanja tispjega b’mod korrett, id-dmirijiet ewlenin tal-kandidati li jgħaddu jinvolvu sewqan, jiġifieri, jirrikjedu li jkunu xufiera professjonali u ta’ ħila. Jista’ jiġi osservat b’mod raġonevoli f’dak il‑kuntest li l-fatt li dawk il-kandidati jintalbu li jkunu investew ukoll numru ta’ sigħat biex jiksbu kwalifika ta’ lingwa f’livell B2 li jista’ jeċċedi t-taħriġ professjonali tas-sewqan tagħhom b’fattur ta’ iktar minn tlieta (74) jista’ jidher, biex ngħiduha b’mod diskret, estravaganti. Barra minn hekk, biex titlob persuna li, wara li tkun ingaġġata mill-istituzzjoni se tkun remunerata fil-livell tal-grupp ta’ funzjoni I (75), tkun sostniet spiża għall‑korsijiet tal-lingwi meħtieġa biex takkwista kompetenza ta’ lingwa B2 tista’ titqies li teħtieġ ġustifikazzjoni partikolari.
122. Mela, xi dmirijiet huma mistennija jwettqu x-xufiera li jiġu rreklutati? Il-lista elenkata fit-taqsima II tas-sejħa għal kandidati tenfasizza, mhux b’mod mhux naturali, l-aspetti tax-xogħol li jinvolvu sewqan jew doveri relatati mil-qrib mas-sewqan. Uħud, bħat-trasport ta’ oġġetti, dokumenti u posta u t-tgħabbija u l-ħatt ta’ vetturi, jinvolvu ftit li xejn kuntatt uman (76). Oħrajn, bħall-provvista ta’ servizzi tat-trasport għal persuni importanti u uffiċjali u aġenti oħra u l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport għal viżitaturi huma mistennija li jirrikjedu ċerta abbiltà li tikkomunika. Għandu jiġi nnotat li d-dmirijiet elenkati l-ewwel għandhom jitwettqu “l-aktar fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu, kif ukoll fi Stati Membri oħra u pajjiżi terzi”.
123. Madankollu, il-Parlament jargumenta li ma huwiex biżżejjed li tistrieħ fuq il-lista ta’ dmirijiet elenkati fis-sejħa għal kandidati biss sabiex tifhem b’mod sħiħ id-dmirijiet involuti. Dik il-lista hija biss indikattiva. B’mod partikolari, xufiera jistgħu jintalbu jilqgħu lill‑passiġġieri tagħhom u jwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom. Għandhom ukoll ikunu kapaċi jifhmu struzzjonijiet mogħtija mis-superjuri diretti tagħhom u jikkomunikaw ma’ numru ta’ awtoritajiet esterni bħall‑pulizija u uffiċjali tad-dwana.
124. Nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet f’dak ir-rigward. L‑ewwel nett, jekk il-Parlament jikkunsidra li dmir partikolari huwa materjali f’termini ta’ dmirijiet li għandhom jitwettqu, huwa raġonevolment mistenni li dan jiġi ddikjarat meta tiġi kkumpilata lista bħal dik mogħtija fit-taqsima II tas-sejħa għal kandidati. Ma huwiex possibbli li l-Parlament sempliċement jindika li, peress li l-lista ma hijiex eżawrjenti, kandidati huma naturalment mistennija jwettqu dmirijiet oħra. Kandidati huma leġittimament intitolati jistennew li jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni mogħtija f’sejħa għal espressjonijiet ta’ interess sabiex jiddeċiedu jekk jissottomettux applikazzjoni biex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għażla inkwistjoni (77).
125. Bl-istess mod, madankollu, il-lista — li kienet ippreċeduta bil-kliem “bħala indikazzjoni” — ma tistax tkun meħtieġa tispeċifika kull aspett tad-dmirijiet li telenka. Il-kandidati huma mistennija jifhmu li jista’ jkun hemm dmirijiet oħra li huma anċillari għal dawk elenkati. F’dan ir-rigward, ikun normali li jkun antiċipat, pereżempju, li meta qed iġorr passiġġieri xufier għandu jkun f’pożizzjoni li jikkomunika magħhom u dak ix-xufier għandu jkun kapaċi jitkellem ma’ uffiċjal tal-pulizija li jwaqqaf il-karozza waqt vjaġġ. Il-kwistjoni mbagħad tqum dwar x’livell ta’ għarfien lingwistiku jista’ raġonevolment jintalab għal dawn l-għanijiet.
126. Fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet interni, id-dmirijiet li jikkorrispondu mal-grupp ta’ funzjoni I, kif elenkati fl-Artikolu 80 tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg, jagħtu gwida dwar kif il-membri ta’ dak il-grupp ta’ funzjoni huma mistennija jwettqu r-rwoli tagħhom fi ħdan l‑amministrazzjoni. Dawk id-dmirijiet jinkludu “kompiti ta’ servizz ta’ appoġġ manwali u amministrattiv, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l‑uffiċjali jew tal-persunal temporanju”. F’dak il-każ, huwa verament diffiċli li jiġi stabbilit kif livell B2 — “Għandu ħila jifhem l-ideat ewlenin ta’ kumplessi kemm fuq suġġetti konkreti kif ukoll astratti […]” — huwa oġġettivament neċessarju għal dawk l-attivitajiet. Livell A2 — “għandu ħila jifhem sentenzi u espressjonijiet użati b’mod frekwenti marbuta ma’ ħwejjeġ ta’ relevanza li ma tmurx ’il bogħod minnu […]” — probabbilment jirrappreżenta kejl adattat.
127. Fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet ma’ atturi esterni, bħall-passiġġieri deskritti fil-punt 122 hawn fuq, u uffiċjali tal-pulizija u tad‑dwana, ta’ min iżomm f’moħħu li l-kwistjoni li għandha tiġi deċiża fir-rigward tal-proporzjonalità hija jekk ir-rekwiżit inkwistjoni huwiex adattat u neċessarju. Filwaqt li jista’ jkun hemm mumenti matul ix‑xogħol tax-xufiera li fih livell B2 — jew, saħansitra, livell ogħla jekk il-punt li għandu jiġi kkomunikat huwa verament kumpless — jista’ jkun utli fil-prattika, dan ma jfissirx li dak il-livell huwa “neċessarju”. F’dak il-każ, A2 jidhirli li huwa l-iktar li jirrappreżenta livell adattat u neċessarju f’dak il-kuntest ukoll.
128. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal‑opinjoni li t-tieni parti tat-tieni motiv ta’ Spanja għandha tintlaqa’.
It-tielet u r-raba’ motivi: ksur tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 22 tal-Karta, tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal‑Persunal u tal-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg minħabba l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa fil-proċedura tal-għażla għal tliet lingwi (it-tielet motiv) u minħabba l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż biss (ir-raba’ motiv)
129. B’dawn iż-żewġ motivi, li l-aħjar li jiġu ttrattati flimkien, Spanja essenzjalment targumenta li ma hemmx bażi legali sabiex tillimita l‑għażla tat-tieni lingwa taħt is-sejħa għal kandidati għal tliet lingwi u li, fi kwalunkwe każ, l-impożizzjoni tal-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż hija arbitrarja. Hija tallega, b’mod partikolari, li ma hemm l-ebda għan leġittimu li jiġġustifika limitazzjoni: anki jekk ikun preżunt li tali għan jeżisti, ir-rekwiżit ma kienx proporzjonat u kien hemm nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jintgħażlu kandidati li juru l-ogħla livell ta’ abbiltà.
130. Il-Parlament, filwaqt li jaċċetta li kwalunkwe argument ibbażat fuq l-interess tas-servizz għandu jkun oġġettivament iġġustifikat u proporzjonat, jargumenta li l-ħtieġa li l-kandidati jkunu operazzjonali b’mod immedjat isservi bħala ġustifikazzjoni tali. Peress li, kif is-sejħa għal kandidati tistipula espressament, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-iktar lingwi użati fil-Parlament kemm għal komunikazzjoni esterna u interna u fit-trattament tal-kawżi, ir-rekwiżit huwa ġġustifikat abbażi tal‑istatistiċi msemmija fil-parti C tat-taqsima IV. Sar eżerċizzju ta’ bbilanċjar bejn l-interess tas-servizz u l-ħtiġijiet u l-abbiltajiet tal‑kandidati, peress li kien neċessarju li jiġi żgurat li l-kandidati jkunu profiċjenti f’tal-inqas waħda minn dawk il-lingwi. Il-ħtieġa li l-kandidati jkunu operazzjonali immedjatament hija rilevanti b’mod partikolari fil‑każ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, peress li jiġu ngaġġati għal perijodu limitat biss.
131. Spanja bbażat it-tielet u r-raba’ motivi tagħha fuq (i) ir-Regolament Nru 1, (ii) il-Karta u (iii) ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Il-punt ewlieni tal-allegazzjonijiet ta’ Spanja jikkonċerna l‑allegat trattament diskriminatorju bbażat fuq il-lingwa. Tali diskriminazzjoni, jekk ikun stabbilit li teżisti, ikollha s-sors tagħha f’serje ta’ rekwiżiti bbażati fuq is-sitwazzjoni tal-kandidati bħala membri tal‑persunal bil-kuntratt wara r-reklutaġġ tagħhom. B’hekk, jidhirli li l‑punt ewlieni inkwistjoni taħt dawn il-motivi huwa r-regoli li jirregolaw id-diskriminazzjoni stipulati bil-Karta u, b’mod iktar fundamentali, l‑espressjoni speċifika tagħhom kif stipulata fl-Artikolu 80(4) tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk fl-analiżi tiegħi hawn taħt ser nikkonċentra fuq dak l-aspett.
– In-nuqqas ta’ għan leġittimu
132. Hawn fuq irreferejt għar-rekwiżit taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg li uffiċjali u aġenti oħra għandu jkollhom għarfien ta’ żewġ lingwi uffiċjali bħala deċiżjoni ta’ politika (78). Ma hemm l-ebda xogħlijiet preparatorji li jitfgħu dawl fuq il-bażi li fuqha saret din il-politika. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi hija mifhuma l-aħjar b’riferiment għas-sitwazzjoni meta r-Regolamenti tal-Persunal kienu adottati fl-1962. Huwa neċessarju li jitfakkar li l-lingwi uffiċjali dak iż‑żmien kienu erbgħa, bil-Franċiż jintuża jew esklużivament jew b’mod frekwenti fi tlieta mis-sitt Stati Membri oriġinali. F’dak il-kuntest, huwa faċli li tifhem li min kien qed jirrediġi r-regolamenti xtaq jevita sitwazzjoni li fiha l-istituzzjonijiet setgħu jibdew jitkellmu bil-Franċiż b’mod predominanti b’tali mod li ħafna mill-uffiċjali jew mill-aġenti tagħhom ikunu jitkellmu Franċiż biss. Għalhekk kienet meħtieġa lingwa oħra (79). Tali approċċ jista’ għalhekk jitqies inklużiv iktar minn esklużiv.
133. Infakkar ukoll, kif diġà ġie nnotat (80), l-osservazzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja li l-ebda waħda mill-istituzzjonijiet ma eżerċitat il‑fakultà stipulata fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 li tadotta regoli ta’ proċedura li jispeċifikaw liema mil-lingwi uffiċjali għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal‑impjieg ma jgħidu xejn: fi kliem ieħor ma jirreferux għal xi kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jillimitaw l-għażla tal‑lingwi. Għalhekk ma hemm l-ebda kriterji espliċiti li jippermettu l‑għażla tat-tieni lingwa li tkun limitata, jew għat-tliet lingwi speċifikati fis-sejħa jew għal xi lingwi uffiċjali oħra (81).
134. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod ċar ħafna li restrizzjonijiet bħal dawk stipulati fis-sejħa għal kandidati jistgħu jkunu ġġustifikati f’ċerti każijiet. B’mod partikolari, hija ddikjarat li l-interess tas-servizz jista’ jkun għan leġittimu għall-finijiet tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti limitazzjonijiet fuq il‑projbizzjoni predominanti abbażi, inter alia, tal-lingwa stipulata fil‑paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu. Madankollu, huwa meħtieġ li tingħata ġustifikazzjoni oġġettiva u dik ir-restrizzjoni għandha tkun proporzjonata (82). Il-kwistjoni għalhekk hija jekk dawn il-limitazzjonijiet jistgħux jintużaw f’din il-kawża.
135. Ser nindirizza kwistjonijiet dwar il-proporzjonalità f’iktar dettall hawn taħt (83). Għal skopijiet immedjati, sempliċement ninnota li kemm fir-rigward ta’ dak il-punt u l-kwistjoni dwar jekk tressqitx ġustifikazzjoni oġġettiva, huwa l-Parlament li għandu jistabbilixxi li dak huwa l-każ, peress li huwa l-parti li tfittex li tiġġustifika d-deroga mill‑prinċipju ġenerali li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk ir-raġunijiet imressqa mill‑Parlament fil-parti C tat-taqsima IV tas-sejħa għal kandidati jistgħux ikunu ssostanzjati.
136. F’dak il-kuntest, il-Parlament jenfasizza l-ħtieġa li l-kandidati jkunu immedjatament operazzjonali malli jiġu ngaġġati. Fir-risposta tiegħu jiddikjara li din il-ħtieġa hija iktar u iktar importanti fid-dawl tal-perijodu limitat li għalih membri tal-persunal bil-kuntratt bħal xufiera jiġu ngaġġati.
137. Dan l-argument jidhirli li huwa bbażat fuq konċezzjoni żbaljata fundamentali. Iktar kmieni indikajt li membri tal-persunal bħal xufiera ma għadhomx jistgħu jiġu ngaġġati iktar bħala uffiċjali, peress li r-Regolamenti tal‑Persunal jipprekludu dan. Minflok għandhom jiġu ngaġġati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt — normalment skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (84). Mill-Artikolu 85(1) tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa ċar li, wara l-ewwel tiġdid tal‑kuntratt tiegħu, dak il-persunal għandu jiġi ngaġġat għal perijodu indefinit. F’dan ir-rigward, jiġu jixbhu lil uffiċjali, li s-servizz tagħhom jista’ jiġi tterminat biss għar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 47 tar‑Regolamenti tal-Persunal, bl-ewlenin fosthom ikunu r-riżenja jew l‑irtirar. Ma humiex fil-pożizzjoni ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt ingaġġati skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li l-impjieg tagħhom huwa limitat, skont l-Artikolu 88, għal perijodu massimu ta’ sitt snin u jista’, jew f’ħafna każijiet ikun, għal perijodu iqsar. Għalhekk huwa totalment skorrett li l-membri tal-persunal inkwistjoni jiġu kkunsidrati bħala ngaġġati għall-bżonn għal perijodu qasir biss (85). L-argument tal‑Parlament għalhekk ma jissodisfax it-test tar-realtà.
138. Anki jekk jiġi preżunt li r-rekwiżit sabiex ikunu operazzjonali immedjatament jestendi għall-membri tal-persunal kollha, ta’ kwalunkwe tip, ingaġġati mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat fil-verità x’tista’ tfisser dik l-espressjoni. Fl-opinjoni tiegħi, jidhirli li huwa iktar naturali għal istituzzjoni tal-Unjoni, l-istess bħal kwalunkwe persuna oħra li timpjega, li tixtieq tingaġġa membri tal-persunal li jistgħu jibdew jaħdmu immedjatament. Iżda dan mhux bilfors ifisser, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni li jistgħu jiġu ngaġġati għal perijodu indefinit, li għandhom ikunu jistgħu jibdew iwettqu kull aspett tad-dmirijiet tagħhom kompletament mill-ewwel ġurnata. Jista’, u normalment hekk isir, jingħata taħriġ sabiex persuni li għadhom kemm ġew ingaġġati jkunu jistgħu jaħdmu sal-livell mitlub fl-aspetti kollha tal-pożizzjoni tagħhom.
139. Fir-rigward tat-tliet lingwi speċifikati fil-Parti C tat-taqsima IV tas-sejħa għal kandidati, il-Parlament jipprovdi statistiċi bbażati fuq l-għarfien ta’ lingwa ddikjarat mill-membri tal-persunal fir-rapporti tal-persunal annwali, li juru għarfien “sodisfaċenti” tal-Ingliż ta’ 92 %, tal-Franċiż ta’ 84 % u tal-Ġermaniż ta’ 56 %. Għalkemm it-test li jakkumpanjahom ma jispeċifikax dan b’mod espress, dawk iċ-ċifri jistgħu jiġu preżunti li huma rilevanti essenzjalment għal finijiet ta’ komunikazzjoni interna. Fir‑rigward tad-dmirijiet speċifiċi għall-pożizzjoni, il-Parlament jissottometti li d-“dmir ewlieni” ta’ xufiera wara li jiġu ngaġġati huwa li jittrasportaw lil MEPs. Skont dikjarazzjonijiet magħmula minnhom fl‑2014, 97 % jifhmu l-Ingliż, 61 % il-Franċiż u 37 % il-Ġermaniż. Minn dan, il-Parlament jargumenta li l-għażla tat-tliet lingwi tista’ tiġi spjegata “mill-ħtieġa għax-xufiera li jikkomunikaw kemm jista’ jkun mal-MEPs b’lingwa li dawn tal-aħħar jifhmu”. Fir-rigward tal-membri tal-korpi diplomatiċi u persuni oħra importanti, il-Parlament jiddikjara li l-Ingliż huwa l-iktar lingwa użata b’mod wiesa’. Huwa jżid li l-Franċiż huwa l‑iktar lingwa mitkellma fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu, u l‑Ġermaniż għandu rwol importanti ħafna fit-tieni waħda minn dawn il‑bliet.
140. Id-diffikultà li għandi bis-sottomissjonijiet tal-Parlament f’dan ir‑rigward hija li jidher li ma humiex koerenti b’mod ġenerali. Fir‑rigward tal-użu tal-Ingliż fil-każ tal-komunikazzjonijiet interni, jista’ jiġi osservat li ċ-ċifra ta’ 92 % hija fil-prattika qrib l-100 % li fil-verità ma tagħmilx differenza sinjifikattiva. L-istess jista’ jingħad fir‑rigward tal-Franċiż, b’84 %, iżda b’inqas saħħa. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Ġermaniż, b’56 %. Jekk kandidat bil-Ġermaniż bħala t‑tieni lingwa tiegħu jiġi ngaġġat, kważi nofs il-kollegi tiegħu jirriskjaw li ma jkunux jistgħu jikkomunikaw miegħu (86). Għalhekk ma jistax jingħad li, billi jkollu waħda mit-tliet lingwi inkwistjoni, kandidat li jgħaddi jista’ jkun ċert li jista’ jikkomunika mal-kollegi tiegħu.
141. Fir-rigward tad-dmirijiet proprji li għandhom iwettqu x-xufiera kkonċernati, il-Parlament kien ċar fis-seduta li, minkejja l-lista ta’ dmirijiet elenkati fit-taqsima II tas-sejħa għal kandidati, fil-fatt ma jkunux mitluba jittrasportaw il-posta, peress li din hija responsabbiltà ta’ partijiet oħra tas-servizzi tal-Parlament (87). Mistoqsi jekk il-kliem dwar “xogħol amministrattiv jew ta’ appoġġ loġistiku” kienx ifisser li kellhom iwettqu dmirijiet klerikali, il-Parlament indika li ma jintalbux jagħmlu dan, jew jekk jintalbu, dan ikun verament rari (88). Bħala risposta għad‑domanda għaliex l-Olandiż ma għandux ikun rikjest ukoll bħala waħda mil-lingwi inkwistjoni, peress li jista’ b’mod ċar ikun rilevanti għad-dmirijiet li jitwettqu l-iktar fi Brussell (89), il-Parlament ma seta’ jagħti l-ebda tweġiba utli.
142. Fir-rigward imbagħad tal-komunikazzjonijiet esterni, jidher li fir‑rigward ta’ dak li l-Parlament sejjaħ id-“dmir ewlieni” ta’ xufiera, jiġifieri, it-trasportar tal-MEPs, iċ-ċifra ta’ MEPs li jifhmu l-Ingliż, li hija wkoll meqjusa l-iktar lingwa adattata għall-komunikazzjoni ma’ viżitaturi, hija għolja ħafna, b’97 %. Il-Franċiż, b’61 % jista’ jiġi kkunsidrat bħala “utli” iżda bl-ebda mod ma jiżgura komunikazzjoni, filwaqt li l-Ġermaniż, b’37 %, iħalli 63 % tal-passiġġieri li ma jistgħux jikkomunikaw. Ir-rekwiżit lingwistiku impost imbagħad isir bla sens.
143. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li, għalkemm l-għan seta’ kien wieħed leġittimu, f’termini tal-interess tas-servizz, fl-opinjoni tiegħi ma kellu l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Dan jirrikjedi li r‑restrizzjoni jkollha xi bażi fir-realtà u jidhirli li dak l-element huwa nieqes b’mod ċar.
– Proporzjonalità
144. Jiena diġà indikajt fil-kuntest tat-tieni motiv li sabiex jiġi stabbilit jekk rekwiżit huwiex adattat huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-pożizzjoni inkwistjoni (90). Fl-opinjoni tiegħi, l-istess prinċipju japplika fir-rigward tat-tielet motiv. Peress li kkonkludejt li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għar-restrizzjonijiet tal-lingwa imposti bis‑sejħa għal kandidati, ma huwiex strettament meħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ proporzjonalità. Madankollu ser nikkunsidraha fil-qosor hawn taħt għal finijiet ta’ kompletezza.
145. Ser nagħmel dan billi nirreferi għal żewġ punti tas-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja L-Italja vs Il-Kummissjoni (91).
146. L-ewwel nett, fil-punt 94 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nnotat ir-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal‑Persunal li l-istituzzjonijiet għandhom jingaġġaw is-servizzi ta’ uffiċjali “ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita”, kompliet billi stipulat li għandhom ikunu dawk l-istituzzjonijiet li jibbilanċjaw l‑għan leġittimu li jiġġustifika r-restrizzjoni tan-numru ta’ lingwi tal‑kompetizzjoni mal-għan li jiġu identifikati l-iktar kandidati kompetenti.
147. F’dan ir-rigward, il-Parlament jargumenta li, peress li l-obbligu li jintgħażlu persuni l-iktar kompetenti japplika biss għal uffiċjali u membri tal-persunal temporanju (92), l-għażla ta’ kandidati ta’ kwalità għolja bħala membri tal-persunal bil-kuntratt ma hijiex kwistjoni rilevanti.
148. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma jistax ikun korrett. Jekk il‑Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jgħidu xejn dwar il-membri tal‑persunal bil-kuntratt dan huwa għaliex jirrikonoxxu li jista’ jkun hemm każijiet li fihom dawk il-membri tal-persunal huma mitluba li immedjatament iwettqu kuntratti ta’ perijodu qasir u fejn id-domanda tkun “din il-persuna tista’ tagħmel dan ix-xogħol?” u mhux “din il‑persuna hija fost dawk li huma l-aħjar li jagħmlu dan ix-xogħol?” Għalhekk għandu jkun hemm grad ta’ flessibbiltà. Dan ma jistax ifisser li r-rekwiżit li tfittex kwalità ta’ livell għoli għandu b’xi mod jitwarrab fil-każ tal-membri tal-persunal kollha ta’ dan it-tip. Ħlief fejn iċ‑ċirkustanzi jiddettaw mod ieħor, l-istituzzjonijiet għandhom (preċiżament bl-istess mod bħal kull persuna oħra li timpjega) ifittxu li jingaġġaw membri tal-persunal tal-ogħla kapaċità biex jagħmlu ix‑xogħol eżattament bl-istess mod kif suppost qed ifittxu persunal tal‑ogħla effiċjenza u integrità. Dan fl-opinjoni tiegħi huwa ovvju.
149. It-tieni nett, fil-punti 96 u 97 tal-istess sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja l-ewwel innotat il-fatt li l-lingwi huma, għall-uffiċjali tal‑istituzzjonijiet, dak li sejħet “element essenzjali fil-karriera tagħhom” u li l-għarfien ta’ tielet lingwa huwa rilevanti għall‑promozzjoni tagħhom. Hija kkunsidrat li huma l-istituzzjonijiet li għandhom jibbilanċjaw l-għan leġittimu msemmi fil-punt 146 hawn fuq mal-opportunitajiet għal uffiċjali, la darba jiġu ngaġġati, li jitgħallmu, fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-lingwi meħtieġa fl-interess tas-servizz.
150. Dak ir-raġunament ma jistax jiġi traspost kollu kemm hu għal din il-kawża, peress li membri tal-persunal bil-kuntratt ma humiex eliġibbli għal promozzjoni. Madankollu, dan xejn ma jnaqqas mill-punt sottostanti, jiġifieri li waqt li jikkunsidraw jekk huwiex neċessarju li jiġi impost rekwiżit ta’ lingwa bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, l‑istituzzjonijiet għandhom dejjem iżommu f’moħħhom li huwa possibbli li lill-persunal li jingaġġaw jingħatalhom taħriġ tal-lingwa sabiex jitgħallmu lingwa ġdida jew iżidu l-għarfien tagħhom ta’ lingwa li diġà jafu. Ma hemm xejn li jissuġġerixxi f’din il-kawża li l-Parlament indirizza l-kwistjoni minn din il-perspettiva.
– Konklużjonijiet interim fir-rigward tat-tielet u tar-raba’ motivi
151. L-essenza tat-tielet motiv huwa l-argument ta’ Spanja li, billi llimita l-għażla ta’ tieni lingwa fis-sejħa għal kandidati, il-Parlament kien qed jikser id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, kiser ir-regola li tipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Li kieku l‑limitazzjoni kienet inqas restrittiva, kien ikun possibbli — pereżempju — li l-Ispanjol jiġi inkluż mal-lista ta’ tieni lingwi permissibbli.
152. Madankollu, kif indikajt hawn fuq, huwa ċar li istituzzjoni bħall‑Parlament tista’ timponi limitazzjonijiet f’dak ir-rigward, sakemm ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jkun osservat (93). Ir-rekwiżiti li dawk il-limitazzjonijiet kienu jirrappreżentaw f’dan il-każ — jew, biex inkun iktar preċiż, l‑allegazzjonijiet ta’ Spanja li ma ġewx issodisfatti fil-każ tas-sejħa għal kandidati — huma s-suġġett tar-raba’ motiv.
153. Madankollu, inkwantu, permezz tat-tielet motiv tagħha Spanja tfittex li tintroduċi elementi addizzjonali fl-kwistjoni, fl-opinjoni tiegħi tmur lil hinn minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tagħmel. Il-kawża saret taħt l-Artikolu 263 TFUE. Dik id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni biex “teżamina l-legalità ta’ atti”, inter alia, tal-Parlament fejn tali atti huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi. Filwaqt li jista’ jkun il-każ li s-sejħa għal kandidati kienet tkun valida li kieku l-għażla tat-tieni lingwa kienet usa’ (jew, anki, idjaq), din ma hijiex kwistjoni li fuqha l-Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tispekula u, bl-istess mod, mhux kwistjoni li fuqha tista’ tagħti deċiżjoni (94).
154. Għal din ir-raġuni, jiena tal-opinjoni li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.
155. Għall-kuntrarju, u għar-raġunijiet stipulati fil-punti 132 sa 150 hawn fuq, nikkunsidra li r-raba’ motiv għandu jintlaqa’.
Il-portata tat-talbiet magħmula
156. Spanja ma titlobx biss l-annullament tas-sejħa għal kandidati fiha nnifisha iżda wkoll tad-database tal-kandidati li għaddew li nħolqot skont it-taqsima VIII. Hija tosserva li inklużjoni fid-database ma tfissirx garanzija ta’ reklutaġġ u li għalhekk ma jkun hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi li kieku kellha tiġi annullata. Jekk id-database tinżamm, l-illegalità tas-sejħa għal kandidati tibqa’ fis‑seħħ, potenzjalment b’mod indefinit.
157. Il-Parlament jargumenta li d-drittijiet tal-kandidati li isimhom iddaħħal fid-database huma tabilħaqq protetti b’dan il-prinċipju, pożizzjoni li huwa jallega hija riflessa fil-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti u tal-Qorti Ġenerali.
158. Huwa veru li fis-sentenza tagħha f’L-Italja vs Il-Kummissjoni, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati għall‑kompetizzjonijiet inkwistjoni f’dak il-każ kienu jfissru li r-riżultati tal-kompetizzjoni ma kellhomx jiġu kkontestati (95). Għalhekk, hija annullat biss l-avviżi tal-kompetizzjoni, filwaqt li ħalliet ir‑riżultati.
159. Il-Qorti Ġenerali għamlet l-istess f’sensiela ta’ sentenzi sussegwenti (96).
160. F’waħda mis-sentenzi preċedenti tagħha (97), il-Qorti Ġenerali analizzat il-pożizzjoni tal-kandidati għall-kompetizzjoni inkwistjoni. Hija nnotat b’mod partikolari l-fatt li kienu investew ċertu sforz biex jippreparaw għal kompetizzjoni organizzata skont avviż li huma kienu kkunsidraw bħala validu. Il-fatt li, ħafna wara li ntemmet il‑kompetizzjoni, deher li wara sentenza mogħtija f’kawża differenti, għalkemm simili, l-avviż kien ivvizjat b’illegalità, ma setax jippreġudika l-aspettattivi leġittimi tagħhom (98).
161. Jiena naqbel mal-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fiha. Madankollu, jidhirli li huwa fundamentali li l-perspettiva spjegata fiha ġiet adottata inqas minn sena wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’L‑Italja vs Il-Kummissjoni (99). Fil-mument tar-redazzjoni ta’ din il‑kawża, għaddew iktar minn ħames snin minn dik id-data. Ma hemmx kwistjoni li dawk l-aspettattivi leġittimi jibqgħu jippersistu b’mod indefinit. Għalhekk naqbel mal-pożizzjoni mressqa minn Spanja. Id-database għandha għalhekk tiġi annullata flimkien mas-sejħa għal kandidati nnifisha.
Rimarki konklużivi
162. Qabel nikkonkludi ser nagħmel is-segwenti osservazzjonijiet.
163. L-ewwel nett, minkejja s-sensiela twila ta’ sentenzi msemmija fin‑noti ta’ qiegħ il-paġna 95 u 96 hawn fuq, jidhirli li ċerti istituzzjonijiet (100), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-EPSO, komplew jorganizzaw kompetizzjonijiet miftuħa u proċeduri ta’ għażla li essenzjalment jimponu rekwiżiti simili fir-rigward tat-tieni lingwa tal‑kandidati u essenzjalment jużaw formulazzjonijiet simili fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti fl-avviżi korrispondenti jew fis-sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess (101). Huma għamlu dan abbażi tal-fatt li, anki jekk l-avviż jew is-sejħa għal kandidati hija annullata f’kawża sussegwenti quddiem il-qrati tal-Unjoni, ir-riżultati, fil-forma ta’ lista ta’ kandidati li għaddew, ma jkunux.
164. F’Unjoni Ewropea rregolata mis-saltna tad-dritt, tali aġir min-naħa ta’ ċerti istituzzjonijiet tagħha jidhirli li huwa abbużiv. Għandu jieqaf immedjatament.
165. It-tieni, u fir-rigward tal-lingwi magħżula mill-Parlament biex joperaw bħala t-tieni lingwa fis-sejħa għal kandidati, l-għażla tal-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż ma kinitx waħda ġdida. Fil-fatt, l-istess kumbinazzjoni kienet is-suġġett ta’ diversi kawżi li ġew milqugħa quddiem din il-Qorti u l-Qorti Ġenerali (102). Madankollu, jidher li tal-inqas f’uħud mill-kompetizzjonijiet iktar reċenti, l-EPSO ma baqax juża dak l‑approċċ u ssostitwih b’arranġament li bih il-kandidati huma liberi jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom minn kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali (u fil-fatt jistgħu jagħżlu iktar minn waħda). Meta jiskadi t‑terminu, il-ħames lingwi magħżula l-iktar spiss mill-kandidati jkunu, wara stħarriġ skont il-ħtieġa tas-servizz, jiġu ddikjarati bħala t-tieni lingwi għall-kompetizzjoni. Kandidat li ma jkunx iddikjara xi waħda minn dawk il-lingwi jiġi skwalifikat (103). Jidhirli li tali sistema skont il‑ħtieġa għandha żewġ vantaġġi. L-ewwel nett, hija tirrifletti aħjar l‑għarfien li l-kandidati jista’ jkollhom fir-realtà. It-tieni nett, tevita l‑problema (fl-opinjoni tiegħi kemmxejn serja) li għandu l-arranġament inkwistjoni f’din il-kawża li hija dik li, billi jiġi stabbilit ir-rekwiżit tal‑Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż bħala t-tieni lingwi, l-użu ta’ dawk il‑lingwi jiġi stabbilit fi ħdan l-istituzzjonijiet, jekk mhux għal dejjem, tal-inqas għal perijodu kunsiderevoli. Nieħu din l-opportunità wkoll biex ninnota li għal waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet (104), ir-rati tar‑risposti kienu: għall-Ingliż 97.86 %, għall-Franċiż 51.30 %, għall‑Ispanjol 27.98 %, għat-Taljan 26.73 % u għall‑Ġermaniż 19.33 % (105). Dak ir-riżultat jissuġġerixxi, fl-opinjoni tiegħi, li ma jkunx għaqli li l-Ġermaniż jingħata awtomatikament l‑importanza li kien jingħata fil-passat. Madankollu, nagħraf tal-inqas żvantaġġ partikolari wieħed fl-arranġament inkwantu ma jipprovdix ċertezza lill-kandidati li jkunu qed jippreparaw għall-kompetizzjoni u li t-tieni lingwa(i) tagħhom jistgħu finalment ma jkunux fost dawk magħżula biex ikomplu. Madankollu, dak il-punt ma jqumx fil-kawża preżenti u jiena deliberatament mhux ser nikkunsidrah iktar.
166. B’mod iktar ġenerali, fil-punt 119 hawn fuq issuġġerejt li approċċ globali ta’ “daqs wieħed għal kulħadd” ma huwiex adattat sabiex jiġi stabbilit il‑livell tal-għarfien ta’ lingwa rikjesta għal xufiera f’din il-kawża. Fl‑opinjoni tiegħi l-istess jgħodd għall-mod li bih ir-rekwiżiti b’mod ġenerali huma stabbiliti f’kompetizzjonijiet miftuħa u sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess.
167. Dan japplika partikolarment fejn hemm il-ħtieġa għal kandidati, ladarba jiġu rreklutati, biex iwettqu dmir speċifiku jew serje ta’ dmirijiet. B’hekk, jekk applikazzjonijiet huma meħtieġa għal membri tal-persunal temporanju biex jaħdmu f’sub-unità ġdida biex tkun responsabbli għall-iżvilupp reġjonali f’żoni ta’ muntanji tal-Greċja, li jiġġustifikaw dikjarazzjoni li dawk li japplikaw għandu jkollhom il-Grieg bħala waħda mil-lingwi tagħhom normalment ma toħloqx problemi. L-istess jgħodd fir-rigward, pereżempju, tal-kompetizzjonijiet għal tradutturi u ġuristi lingwisti mitluba jittraduċu f’lingwa partikolari.
168. Napprezza li l-ħidma tkun itqal fil-każ ta’ kompetizzjonijiet ġenerali. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li kwalunkwe restrizzjoni għandu jkollha għan leġittimu u għandha tkun proporzjonata. Nagħmel żewġ osservazzjonijiet f’dan il-kuntest. L-ewwel nett, l-għan ewlieni ta’ kwalunkwe kompetizzjoni jew proċedura ta’ għażla huwa — suġġett għar-rekwiżiti speċifiċi relatati ma’ lingwa indikati f’xi każ partikolari — li jintgħażlu l-aħjar kandidati għall-pożizzjoni, jiġifieri, dawk li għandhom l-ogħla standard ta’ kapaċità (106). Minn din il‑perspettiva, ir-rekwiżiti tal-lingwa tal-istituzzjoni li qed tfittex li tirrekluta, jew l-EPSO li jaġixxi bħala aġent għall-istituzzjonijiet li jirrappreżenta jkunu sekondarji. Għalhekk għandhom jiġu fformulati biex jissodisfaw l-għan ewlieni.
169. It-tieni nett, kwalunkwe proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni jinvolvi li jinqatgħu ċerti linji u ma narax is-sejħa għal kandidati bħala li hija mitfuħa għall-kritika sempliċement għaliex hija fittxet li tagħmel distinzjoni billi titlob lil applikanti li jkollhom waħda minn tliet lingwi bħala t-tieni lingwa. Il-kwistjoni l-iktar diffiċli hija fejn għandha tinqata’ l-linja. Jekk ikun mixtieq li jiġu stabbiliti żewġ lingwi biss, il-ġustifikazzjoni ta’ tali għażla ma jidhirlix li hija biċċa xogħol neċessarjament impossibbli f’kull sitwazzjoni, iżda biex isir hekk ikun hemm bżonn ta’ analiżi speċifika u motivazzjoni espliċita f’kull każ. Għall-kuntrarju, ma jkunx realistiku li jiġi stabbilit livell b’numru għoli wisq — pereżempju billi tobbliga għażla li għandha ssir minn tal-inqas 10 lingwi. Għandu jkun hemm kunsiderazzjoni bil-għaqal f’kull każ u jekk in-numru jkun proporzjonat, għandu jkun raġonevoli. B’hekk, biex nieħdu biss eżempju wieħed, jekk l-istatistiċi li fuqhom huwa bbażat rekwiżit juru li għarfien ta’ lingwa “A” huwa ta’ 26.3 % u dak ta’ lingwa “B” huwa ta’ 25.7 %, ikun diffiċli, u probabbilment impossibbli, li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tal-lingwa “A” bl-esklużjoni tal-lingwa “B”.
L-ispejjeż
170. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-parti li titlef tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż jekk ikunu ntalbu. Peress li nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-talba ta’ Spanja abbażi tal-motivi kollha minbarra t-tielet motiv, il-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż.
Konklużjoni
171. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tannulla s-Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess ta’ Aġenti Kuntrattwali – Grupp ta’ Funzjoni I – Xufiera (Irġiel/Nisa) –EP/CAST/S/16/2016EP flimkien mad-database maħluqa skont it-taqsima VIII tagħha, u
– tordna lill-Parlament Ewropew iħallas l-ispejjeż.
ANNESS
Il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi
Livelli ta’ Referenza Komuni
Użu profiċjenti | Ċ2 | Għandu ħila jifhem mingħajr problemi kulma jisma’ jew jaqra. Għandu ħila jqassar tagħrif miksub minn għejun mitkellma u miktuba differenti, kif ukoll jerġa’ jibni argumenti u rapporti b’mod koerenti. Għandu ħila jesprimi lilu nnifsu b’mod spontanju, mexxej u preċiż, filwaqt li jagħraf id-differenzi li ma humiex daqshekk fid-deher tat-tifsir f’sitwazzjonijiet kumplessi. |
| Ċ1 | Għandu l-ħila jifhem medda wiesgħa ta’ testi itwal u pjuttost iebsa, u jagħraf it-tifsira moħbija. Għandu ħila jesprimi lilu nnifsu b’mod mexxej u spontanju mingħajr ma jagħmel wisq tfittix ovvju biex isib l-espressjoni. Għandu ħila juża l-lingwa b’mod flessibli u effettiv għal għanijiet soċjali, akkademiċi u professjonali. Għandu ħila jipproduċi testi ċari, mibnija tajjeb u dettaljati fuq suġġetti kumplessi, u juri li għandu l-ħila li jagħmel użu minn mekkaniżmu ta’ modi kif ngħaqqdu, norbtu u nsenslu ħaġa ma’ oħra. |
Użu indipendenti | B2 | Għandu ħila jifhem l-ideat ewlenin ta’ kumplessi kemm fuq suġġetti konkreti kif ukoll astratti, u li jkunu jinkludu diskussjonijiet tekniċi fl-għalqa ta’ l‑ispeċjalizzazzjoni tiegħu. Għandu l-ħila jitkellem b’ċertu fluwenza u spontanjetà li twassal biex ikun hemm interazzjoni regulari ma’ kelliema nattivi possibbli mingħajr l‑ħtieġa ta’ xi sforz partikolari min-naħa ta’ ħadd. Għandu l-ħila jipproduċi testi ċari u dettaljati fuq medda wiesgħa ta’ suġġetti u jispjega opinjoni fuq suġġett topiku billi jagħti l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ deċiżjonijiet varji. |
| B1 | Għandu l-ħila jifhem l-punti ewlenin ta’ livell ċar u standard fuq materji familjari li wieħed jiltaqa’ magħhom regolarment fix-xogħol, waqt l-iskola, fil-ħin liberu, eċċ. Għandu l-ħila jidħol għas-sitwazzjonijiet tista’ tgħid kollha li jinqalgħu waqt li jkun qiegħed jivvjaġġa f’xi post fejn il-lingwa hija mitkellma. Jista’ jipproduċi test sempliċi u li jsegwi fuq suġġetti li huma familjari jew li huma ta’ interess personali. Jista’ jiddeskrivi esperjenzi jew avvenimenti, ħolm, xewqat jew ambizzjonijiet u fil-qosor jagħti r-raġunijiet u l-ispjegazzjoni għall-opinjonijiet u l-pjanijiet. |
Użu bażiku | A2 | Għandu ħila jifhem sentenzi u espressjonijiet użati b’mod frekwenti marbuta ma’ ħwejjeġ ta’ relevanza li ma tmurx ‘il bogħod minnu (eż. tagħrif bażiku ħafna personali u dwar il-familja, xiri minn ħwienet, ġeografija lokali, impjiegi). Għandu ħila jikkomunika f’xogħolijiet sempliċi u ta’ rutina li jinhtieġu bdil sempliċi u dirett ta’ tagħrif fuq materjal familjari u ta’ rutina. Għandu ħila jiddeskrivi f’termini sempliċi aspetti tal-post fejn joqgħod, l-ambjent immedjat tiegħu u materji f’ambjent ta’ htiġijiet immedjati. |
| A1 | Għandu ħila jifhem u juża espressjonijiet familjari tal-ħajja ta’ kuljum u frażijiet bażiċi ħafna li l-għan tagħhom huwa s-sodisfazzjon ta’ ħtiġijiet tat-tip konkret. Għandu l-ħila jintroduċi lilu nnifsu u oħrajn u jista’ u jwieġeb mistoqsijiet dwar dettalji personali bħal fejn hu jgħix, nies li hu jaf u ħwejjeġ li hu għandu. Għandu l-ħila jkollu x’jaqsam b’mod sempliċi darba waħda l-persuna l-oħra titkellem bil-mod u b’mod ċar u hija mħejjija biex tgħin. |