Language of document : ECLI:EU:C:2019:249

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Sistema lingwistika – Proċedura tal-għażla ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt – Sejħa għal espressjoni ta’ interess – Xufiera – Grupp ta’ Funzjoni I – Konoxxenzi lingwistiċi – Limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża – Lingwa ta’ komunikazzjoni – Regolament Nru 1 – Regolamenti tal-Persunal – Sistema applikabbli għall-aġenti l-oħra – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz”

Fil-Kawża C‑377/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑7 ta’ Lulju 2016,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego u M. A. Sampol Pucurull, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Nessaf, C. Burgos u M. Rantala, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský, E. Levits u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tas-Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess ta’ Aġenti Kuntrattwali – Grupp ta’ Funzjoni I – Xufiera (Irġiel/Nisa), EP/CAST/S/16/2016 (ĠU 2016, C 131 A, p. 1, iktar ’il quddiem is-“sejħa għal espressjoni ta’ interess”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1/58

2        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1), jipprevedi:

“Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.”

3        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.”

4        Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament:

“L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

 Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra

5        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxu miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

 Ir-Regolamenti tal-Persunal

6        It-Titolu I tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 10c tiegħu.

7        L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“1.      Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħa[ll-]ilsien […] hija pprojbita.

[…]

6.      Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. […]”

8        It-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Karriera ta’ l-uffiċjali”.

9        Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, intitolat “Reklutaġġ”, jinkludi l-Artikoli 27 sa 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn l-Artikolu 28 ta’ dawn tal-aħħar jipprevedi:

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

[…]

f)      huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.”

10      Fil-Kapitolu 3 tal-imsemmi Titolu III, intitolat “Rapporti, avvanzament għal skala ogħla u promozzjoni”, l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“L-uffiċjali għandhom ikunu meħtieġa juru, qabel l-ewwel promozzjoni tagħhom wara r-reklutaġġ, l-abiltà li jaħdmu b’terza lingwa minn fost dawk riferuti fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. […]”

11      L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-kompetizzjonijiet, jipprevedi, b’mod partikolari, l-għamla u t-tip ta’ kompetizzjoni, it-tip ta’ dmirijiet u l-kompiti involuti fl-impjiegi li għandhom jimtlew, kif ukoll ir-rekwiżiti lingwistiċi meħtieġa min-natura ta’ dawn l-impjiegi.

 Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg

12      It-Titolu I tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 7a ta’ dawn il-kondizzjonijiet.

13      Skont l-Artikolu 1 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, dawn il-kondizzjonijiet japplikaw għal kwalunkwe aġent, impjegat taħt kuntratt mill-Unjoni, u dan jagħtih, b’mod partikolari, il-kwalità ta’ “persunal bil-kuntratt”.

14      L-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jistabbilixxi, b’mod partikolari:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg, ‘persunal bil-kuntratt’; ifisser persunal mhux assenjat għal posizzjoni inkluż fil-lista tal-posizzjonijiet mehmuża mat-taqsima ta’ l-estimi relatati ma’ l-istituzzjoni kkonċernata u mqabbdin biex jaqdu d-dmirijiet full time jew part time:

a)      f’istituzzjoni li twettaq kompiti ta’ servizz manwali jew amministrattiv ta’ appoġġ,

[…]”

15      It-Titolu IV tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa intitolat “Persunal bil-kuntratt” u jinkludi l-Artikoli 79 sa 119 ta’ dawn il-kondizzjonijiet.

16      Fil-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jinsab l-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-persunal bil-kuntratt għandu jkun subdiviż f’erba’ gruppi tal-funzjoni li jikkorrospondu għad-dmirijiet li jridu jitwettqu. Kull grupp tal-funzjoni għandu jkun subdiviż fi gradi u skali.

2.      It-tipi ta’ dmirijiet u l-grupp li jikkorrospondu tal-funzjoni jkunu kif jidhru fit-tabella li ġejja:

Il-grupp tal-funzjoni

Gradi

Dmirijiet

IV

13 sa 18

Kompiti amministrattivi, ta’ konsulenza, lingwisti u tekniċi ekwivalenti, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-persunal temporanju.

III

8 sa 12

Kompiti eżekuttivi, kompiti ta’ abbozzar, tal-kontijiet u tekniċi ekwivalenti oħra, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-persunal temporanju.

II

4 sa 7

Kompiti klerikali u segretarjali, kompiti ta’ amministrazzjoni ta’ uffiċċju u kompiti ekwivalenti oħra, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-persunal temporanju.

I

1 sa 3

Kompiti ta’ servizz ta’ appoġġ manwali u amministrattiv, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-persunal temporanju.


3.      Abbażi ta’ din it-tabella, l-awtorità [li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt] ta’ kull istituzzjoni, aġenzija jew entita’, msemmija fl-Artikolu 3a tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, jiddefinixxu f’aktar dettall is-setgħat li jaqgħu taħt kull tip ta’ dmir.

4.      L-Artikol[u] 1d […] tar-Regolamenti tal-Persunal għand[u japplika] b’analoġija.

[…]”

17      Skont l-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jinsab fil-Kapitolu 3 tal-imsemmi Titolu IV, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ l-ingaġġ”:

“[…]

2.      Ir-reklutaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jeħtieġ mill-anqas:

a)      fil-grupp tal-funzjoni I, tlestija b’suċċess ta’ edukazzjoni mandatarja;

[…]

3.      Membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jitqabbad jaħdem biss bil-kondizzjoni li huwa

[…]

e)      jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.

[…]

5.      L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal [EPSO], fuq it-talba tagħhom, għandu jipprovdi għajnuna lill-istituzzjonijiet differenti bl-iskop ta’ l-għażla tal-persunal bil-kuntratt, partikolarment billi jkun definit il-kontenut tat-testi u l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ l-għażla. L-[EPSO] għandu jiżgura t-trasparenza tal-proċeduri ta’ l-għażla għall-persunal bil-kuntratt.

[…]”

 Il-proċedura tal-għażla inkwistjoni

18      Fl‑14 ta’ April 2016, il-Parlament Ewropew ippubblika s-sejħa għal espressjoni ta’ interess sabiex tiġi kkostitwita database ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt sabiex iwettqu l-funzjoni ta’ xufiera. Skont il-parti introduttorja ta’ din is-sejħa n-numru totali ta’ impjiegi disponibbli huwa ta’ madwar 110 u dawn ser ikunu bbażati “l-aktar fi Brussell” (il-Belġju).

19      It-taqsima II tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess, intitolata “Deskrizzjoni tal-Kompiti”, tipprevedi li l-membru tal-persunal bil-kuntratt irreklutat “se jkun inkarigat, taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal permanenti jew aġent temporanju, li jassumi l-kompiti ta’ xufier” u tippreċiża li:

“[…] [b]ħala indikazzjoni, [dawn] il-kompiti jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

–        iwassal personaġġi pubbliċi kif ukoll uffiċjali permanenti jew aġenti oħra tal-Parlament Ewropew l-aktar fi Brussell, il-Lussemburgu [(il-Lussemburgu)] u Strasburgu [(Franza)], kif ukoll fi Stati Membri oħra u pajjiżi terzi

–        iwassal viżitaturi (korp diplomatiku u personaġġi pubbliċi oħra)

–        jittrasporta oġġetti u dokumenti

–        jittrasporta posta

–        jiżgura l-użu tajjeb tal-vettura, speċjalment tal-għodod teknoloġiċi tagħha

–        jiżgura s-sigurtà tal-persuni u tal-oġġetti waqt it-trasport b’konformità mar-regoli tat-traffiku tal-pajjiż

–        iwettaq, meta jkun applikabbli, it-tagħbija u l-ħatt tal-vetturi

–        iwettaq, meta jkun applikabbli, xogħol amministrattiv jew ta’ appoġġ loġistiku.”

20      It-taqsima IV tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess, intitolata “Kundizzjonijiet ta’ Ammissjoni”, tipprevedi li r-reklutaġġ bħala membri tal-persunal bil-kuntratt huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, inkluż l-għarfien ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-kandidati għandhom ikollhom, minn naħa, “għarfien profond (minimu ta’ livell C1 […]) ta’ waħda mill‑24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea” bħala “lingwa 1” tal-proċedura tal-għażla u, min-naħa l-oħra, “[g]ħarfien sodisfaċenti (livell B2) tal-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż” bħala “lingwa 2” tal-proċedura tal-għażla (iktar ’il quddiem il-“lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla”), filwaqt li huwa mifhum li l-“lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1”.

21      Il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa (ir-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (98) 6 tas‑17 ta’ Marzu 1998, iktar ’il quddiem il-“QKER”), jiddefinixxi l-kompetenzi lingwistiċi f’sitt livelli, mil-livell A1 sal-livell C2. Dan jinkludi tabelli differenti, fejn waħda minn dawn tiddeskrivi b’mod ġenerali l-livelli komuni ta’ għarfien. Il-livell B2, li jikkorrispondi għall-għarfien lingwistiku ta’ “użu indipendenti”, huwa ppreżentat fil-QKER kif ġej:

“Għandu ħila jifhem l-ideat ewlenin ta’ kumplessi kemm fuq suġġetti konkreti kif ukoll astratti, u li jkunu jinkludu diskussjonijiet tekniċi fl-għalqa ta’ l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu. Għandu l-ħila jitkellem b’ċertu fluwenza u spontanjetà li twassal biex ikun hemm interazzjoni regulari ma’ kelliema nattivi possibbli mingħajr l-ħtieġa ta’ xi sforz partikolari min-naħa ta’ ħadd. Għandu l-ħila jipproduċi testi ċari u dettaljati fuq medda wiesgħa ta’ suġġetti u jispjega opinjoni fuq suġġett topiku billi jagħti l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ deċiżjonijiet varji.”

22      Il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss hija ġġustifikata fit-Titolu IV tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess b’dan il-mod:

“Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja)[, tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752], il-Parlament Ewropew għandu l-obbligu, f’din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, li jimmotiva l-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Il-kandidati huma għalhekk informati li t-tliet lingwi 2 magħżula għall-finijiet ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess ġew definiti b’mod konformi mal-interess tas-servizz, li jeżiġi li r-reklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih u kapaċi jikkomunikaw b’mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Abbażi tal-prattika li ilha għaddejja tal-Parlament Ewropew rigward il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna, u b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż jibqgħu l-lingwi l-aktar użati. Barra minn hekk, fir-rapporti tal-persunal tal‑2013, 92 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Ingliż, 84 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Franċiż u 56 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Ġermaniż. Il-lingwi uffiċjali l-oħra ma jaqbżux il-livell ta’ 50 % tal-persunal għal dak li jikkonċerna għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa.

Konsegwentement, fl-ibbilanċjar tal-interessi tas-servizzi u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, b’kunsiderazzjoni tal-qasam speċifiku ta’ din is-selezzjoni, huwa ġustifikat li jiġi mitlub l-għarfien ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi garantit, tkun liema tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, li l-kandidati kollha jkollhom għarfien tajjeb ta’ mill-anqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali bħala lingwa tax-xogħol.

Barra minn hekk, fl-interess ta’ trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn it-tliet lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu għarfien sodisfaċenti ta’ tieni lingwa, li trid tkun waħda minn dawn it-tliet lingwi.

Għalhekk il-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi tippermetti lill-Parlament Ewropew li jivvaluta l-kapaċità tal-kandidati li jkunu operattivi minnufih f’ambjent li jkun qrib dak li se jkunu mitluba jaħdmu fih.”

23      Skont it-taqsima VI tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess, intitolata “Proċedura u Skadenza tal-Applikazzjonijiet”, il-kandidati jridu japplikaw b’mod elettroniku fis-sit internet tal-EPSO. Skont l-indikazzjonijiet stipulati fit-Taqsima VII ta’ din is-sejħa bit-titolu “Stadji tas-Selezzjoni”, din hija għażla bbażata fuq il-kwalifiki u huwa speċifikat, f’dan ir-rigward, li “s-selezzjoni ssir biss abbażi tal-informazzjoni ppovduta mill-kandidat fit-taqsima ‘Talent screener’ li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni”.

24      Mit-taqsima VIII tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess, intitolata “Ir-Riżultati tas-Selezzjoni”, jirriżulta li, fi tmiem il-proċedura tal-għażla, it‑300 kandidat li jkunu kisbu, skont il-kriterji rilevanti, l-ogħla numru ta’ punti ser jiddaħħlu fid-database kkostitwita għal dan l-għan. Fit-taqsima IX ta’ din is-sejħa, intitolata “Reklutaġġ”, jitfakkar li l-iskrizzjoni fid-database ma hijiex garanzija ta’ reklutaġġ. Fil-każ fejn ikun maħsub reklutaġġ ta’ kandidati mdaħħla f’din id-database, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess tipprevedi, b’mod partikolari:

“Jekk ikun hemm possibilità ta’ kuntratt, is-servizzi ta’ reklutaġġ se jikkonsultaw il-bażi ta’ data u jistiednu l-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-eżiġenzi tal-impjieg ikkonċernat.

Dawn il-kandidati se jagħmlu intervista sabiex jiġi vvalutat jekk il-profil tagħhom jikkorrispondix għall-impjieg disponibbli. Waqt din l-intervista, l-għarfien tal-lingwi 1 u 2 se jiġi wkoll ivvalutat. L-għarfien tal-lingwi oħra indikati milll-kandidati jista’ wkoll jiġi ttestjat.

[…]

Skont ir-riżultat ta’ din l-intervista, u tat-testijiet teoretiċi u/jew prattiċi eventwali, il-kandidati jistgħu jiġu proposti offerta ta’ xogħol.”

25      Il-kandidati magħżula ser jiġu impjegati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt (“Grupp ta’ Funzjoni I”) u l-kuntratt ser jiġi stabbilit skont l-Artikoli 3a, 84 u 85 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. It-tul tiegħu ser ikun ta’ sena u jista’ jiġġedded għal tul ta’ sena qabel ma eventwalment jiġġedded għat-tieni darba għal tul mhux determinat.

26      It-taqsima X tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess, intitolata “Komunikazzjoni”, tipprevedi:

“Il-Parlament Ewropew se jikkuntattja l-kandidati permezz tal-kont tal-EPSO jew permezz tal-email tagħhom. Hija r-responsabilità tagħhom li jsegwu l-iżvilupp tal-proċedura u li jivverifikaw l-informazzjoni li tikkonċernahom billi jikkonsultaw il-kont tal-EPSO tagħhom u l-email personali tagħhom b’mod regolari, tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa. Jekk, minħabba problema teknika, il-kandidati ma jkunux jistgħu jivverifikaw din l-informazzjoni, hija r-responsabilità tagħhom li jinfurmaw dan il-fatt minnufih permezz tal-indirizz elettroniku tal-proċedura:

ACdrivers2016@ep.europa.eu

Għal kull komunikazzjoni oħra dwar il-proċedura, ikun xieraq li tintbagħat email f’dan l-indirizz elettroniku.”

 It-talbiet tal-partijiet

27      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sejħa għal espressjoni ta’ interess u tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż. Tali annullament għandu jinvolvi wkoll dak tad-database stabbilita bis-saħħa ta’ din is-sejħa.

28      Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala infondat u tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Fuq ir-rikors

29      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka erba’ motivi.

30      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq limitazzjoni illegali tal-għażla tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss.

31      It-tieni motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti lingwistiċi meħtieġa għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

32      It-tielet u r-raba’ motivi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jikkonċernaw il-legalità tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss.

 Fuq l-ewwel motiv, dwar il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa tal-komunikazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss

 L-argumenti tal-partijiet

33      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, prinċipalment, li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess tikser l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1/58, l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u l-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, billi tillimita, għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss, il-lingwi li jistgħu jintużaw mill-kandidati sabiex jikkomunikaw mal-organizzaturi tal-proċedura tal-għażla inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-applikazzjonijiet li ser jiġu ppreżentati fil-kuntest tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess jikkostitwixxu d-“dokumenti li […] persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru [tibgħat] lill-istituzzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58, u, konsegwentement, għandhom, skont dan l-artikolu, jiġu mfassla u sottomessi lill-istituzzjoni kkonċernata, f’dan il-każ il-Parlament, f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula tal-Unjoni minn min jibgħat.

34      Sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 22 tal-Karta, dwar l-osservanza mill-Unjoni tad-diversità lingwistika, u tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li hija pprojbita kull diskriminazzjoni, bħal diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, sakemm din ma tkunx iġġustifikata konformement ma’ din id-dispożizzjoni. Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-kandidati li ma jistgħux jimlew il-formola tal-applikazzjoni disponibbli fuq is-sit internet tal-EPSO jew jikkomunikaw mal-Parlament billi jużaw il-lingwa materna tagħhom ikunu fi żvantaġġ meta mqabbla mal-kandidati li l-lingwa materna tagħhom hija l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż. Huwa jsostni li l-ebda raġuni valida ma tiġġustifika tali diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa.

35      Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti billi jispeċifika li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess ma timponi l-użu tal-ebda lingwa partikolari sabiex timtela l-formola ta’ applikazzjoni elettronika li tinsab fuq is-sit internet tal-EPSO. Din is-sejħa ma tillimitax iktar l-użu tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn, minn naħa, il-kandidati, u, min-naħa l-oħra, l-EPSO jew il-Parlament. Skont dan tal-aħħar, il-fatt li din il-formola ta’ applikazzjoni kienet, għal raġunijiet tekniċi, disponibbli biss bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża ma jimplikax obbligu għall-kandidati li jimlewha f’waħda minn dawn it-tliet lingwi. Huwa jsostni, barra minn hekk, li xi applikazzjonijiet ġew imfassla b’lingwa li ma hijiex l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż, u li dawn ġew evalwati mill-kumitat tal-għażla bl-għajnuna, fejn meħtieġ, ta’ evalwaturi tal-lingwa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament iqis li osserva kompletament l-obbligu ta’ komunikazzjoni tiegħu mal-kandidati f’lingwa magħżula liberament minnhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58, li jikkorrispondi, essenzjalment, mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, u mal-Artikolu 41(4) tal-Karta, id-dokumenti li persuna suġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tibgħat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu mfassla, skont l-għażla ta’ min jibgħat, f’waħda mil-lingwi uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, u t-tweġiba tal-istituzzjoni għandha tinkiteb bl-istess lingwa. Bħala element essenzjali tal-osservanza tad-diversità lingwistika tal-Unjoni, li l-importanza tagħha hija mfakkra fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikolu 22 tal-Karta, id-dritt mogħti lil dawn il-persuni li jagħżlu, minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, il-lingwa li tintuża għall-komunikazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet, bħall-Parlament Ewropew, għandu natura fundamentali.

37      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-obbligu tal-Unjoni li tosserva d-diversità lingwistika ma jistax jiġi dedott li jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt li jiżgura lil kull persuna d-dritt li kwalunkwe ħaġa li tista’ taffettwa l-interessi tagħha ser tiġi mfassla fil-lingwa tagħha f’kull ċirkustanza u li l-istituzzjonijiet huma obbligati, mingħajr ebda deroga, li jużaw il-lingwi uffiċjali kollha f’kull sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C‑361/01 P, EU:C:2003:434, punt 82; tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punt 88, kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 203).

38      Fil-kuntest speċifiku ta’ proċeduri tal-għażla tal-persunal tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 88 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li jista’ jkun hemm xi limitazzjonijiet, skont l-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Għalhekk, bla ħsara għall-obbligu, imfakkar b’mod partikolari fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li jippubblikaw l-avviżi ta’ kompetizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/58, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet jistgħu jipprevedu, fejn meħtieġ, limitazzjonijiet dwar l-użu tal-lingwi uffiċjali f’dan il-kuntest, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu, skont l-imsemmi Artikolu 1d(6), oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati b’għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal u proporzjonati mal-għan imfittex.

39      Għalhekk, minn dan il-punt 88 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752) jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċeduri tal-għażla tal-persunal tal-Unjoni, ma jistgħux jiġu imposti fuq l-istituzzjonijiet obbligi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

40      Konsegwentement, il-kwistjoni tal-legalità tal-limitazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss mil-lingwi li jistgħu jintużaw mill-kandidati sabiex jikkomunikaw mal-EPSO u mal-Parlament, prevista minn dan ir-rikors, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika għall-proċeduri tal-għażla ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 80(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

41      Peress li l-Parlament qiegħed jikkontesta l-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss, fl-ewwel lok, qabel ma jiġi analizzat l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li din il-limitazzjoni tikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa li tmur kontra l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-argumenti mressqa miż-żewġ partijiet, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għandhiex effettivament tali limitazzjoni.

42      Konformement mal-indikazzjonijiet stipulati fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, il-proċedura tal-għażla msemmija fiha hija “abbażi tal-kwalifiki” biss, fuq il-bażi biss tat-tweġibiet mogħtija mill-kandidati għall-mistoqsijiet fit-taqsima “Talent screener” fil-formola ta’ applikazzjoni elettronika disponibbli fuq is-sit internet tal-EPSO. Għalhekk, minn din is-sejħa jirriżulta li l-applikazzjonijiet kellhom isiru online, permezz tal-imsemmija formola ta’ applikazzjoni elettronika.

43      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit bejn il-partijiet fit-tilwima li l-formola ta’ applikazzjoni elettronika tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess ma kinitx disponibbli fuq is-sit internet tal-EPSO ħlief bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża. Madankollu, filwaqt li r-Renju ta’ Spanja jiddeduċi minn tali limitazzjoni tal-lingwi għall-preżentazzjoni tal-formola limitazzjoni de facto tal-lingwi li setgħu jintużaw sabiex timtela din il-formola, il-Parlament isostni li, sa fejn din is-sejħa ma kien fiha l-ebda dispożizzjoni vinkolanti dwar il-lingwa li għandha tintuża sabiex timtela l-imsemmija formola, il-kandidati kienu liberi li jimlewha billi jużaw, barra minn dawn it-tliet lingwi, lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni.

44      Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess li l-formola ta’ applikazzjoni elettronika, disponibbli fuq is-sit internet tal-EPSO biss bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża, setgħet timtela fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni, il-kandidati setgħu raġonevolment jassumu li din il-formola kellha bilfors timtela f’waħda minn dawn it-tliet lingwi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li xi kandidati kienu, fil-fatt, imċaħħda mill-possibbiltà li jużaw il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni tal-għażla tagħhom sabiex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom.

45      Minħabba din il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa għall-komunikazzjoni, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk l-imsemmija limitazzjoni ħolqotx differenza fit-trattament bejn il-kandidati, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

46      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li l-kandidati li, minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-formola ta’ applikazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, ikkonkludew li kellhom jimlew il-formola ta’ applikazzjoni bil-lingwa Ingliża, Franċiża jew Ġermaniża u li, għaldaqstant, fasslu l-applikazzjoni tagħhom f’waħda minn dawn il-lingwi, minkejja li l-ebda waħda minn dawn ma kienet tikkorrispondi għal-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tagħha huma kellhom l-aħjar konoxxenza, setgħu kienu żvantaġġati, kemm f’termini ta’ fehim sħiħ ta’ din il-formola kif ukoll fir-rigward tal-abbozzar tal-applikazzjoni tagħhom, meta mqabbla mal-kandidati li l-lingwa uffiċjali ppreferuta tagħhom kienet waħda minn dawn it-tliet lingwi.

47      B’hekk, in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-formola ta’ applikazzjoni fuq is-sit internet tal-EPSO fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni kellha l-konsegwenza li l-kandidati, li xtaqu jużaw lingwa uffiċjali oħra minbarra l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż sabiex jimlew l-imsemmija formola u, b’hekk, jissottomettu applikazzjoni, ġew suġġetti, sa fejn dawn ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jużaw il-lingwa uffiċjali li tagħha huma kellhom l-aħjar konoxxenza, għal trattament inqas favorevoli minn dak irriżervat għall-kandidati li l-lingwa uffiċjali ppreferuta tagħhom kienet waħda minn dawn it-tliet lingwi. Dan b’hekk irriżulta f’differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

48      B’mod kuntrarju, fir-rigward tal-provi mressqa mir-Renju ta’ Spanja, ma jidhirx li l-kandidati ma setgħux jikkomunikaw, fejn meħtieġ, bl-email mal-Parlament jew mal-EPSO bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom. Il-motiv tar-Renju ta’ Spanja fuq il-limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni għalhekk ma jistax jintlaqa’ fir-rigward ta’ dawn il-komunikazzjonijiet. Madankollu, id-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-punt preċedenti, dwar il-lingwi li jistgħu jintużaw sabiex timtela l-formola ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni, ma tistax tiġi kkumpensata mill-possibbiltà li l-kandidati jikkomunikaw bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom, fejn meħtieġ permezz tal-email, mal-Parlament jew mal-EPSO fir-rigward ta’ aspetti oħra relatati mal-proċedura tal-għażla inkwistjoni.

49      Kif ġie mfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li differenza fit-trattament abbażi tal-lingwa ma tistax tiġi aċċettata, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, ħlief jekk din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata u tissodisfa l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

50      Peress li r-Renju ta’ Spanja wera li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess tistabbilixxi differenza fit-trattament li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, fis-sens tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kien l-obbligu tal-Parlament li juri n-natura ġġustifikata ta’ din il-limitazzjoni.

51      Madankollu, f’dan il-każ, il-Parlament ma pprovda, la fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, la fl-atti tiegħu, u lanqas matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ebda raġuni li tista’ turi l-eżistenza ta’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal li teħtieġ differenza fit-trattament, bħal dik ikkonstatata fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, dwar il-lingwi li għandhom jintużaw sabiex timtela l-formola ta’ applikazzjoni elettronika. Minn dan isegwi li l-Parlament ma weriex in-natura ġġustifikata tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa ta’ komunikazzjoni li tirriżulta mis-sejħa għal espressjoni ta’ interess.

52      Konsegwentement, l-ewwel motiv huwa fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

 L-argumenti tal-partijiet

53      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-rekwiżit, stipulat fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, peress li l-għarfien ta’ tieni lingwa ma huwiex meħtieġ għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet li l-kandidati magħżula jkunu jridu jwettqu. Mill-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li amministrazzjoni ma tistax teħtieġ li kandidat għal funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ikollu, minbarra għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa speċifika oħra ħlief jekk dan ikun meħtieġ min-natura partikolari tal-funzjonijiet vakanti. Issa, f’dan il-każ, għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra ma huwiex iġġustifikat permezz tal-eżerċizzju tal-kompiti kkonferiti lill-membri tal-persunal bil-kuntratt li ser jiġu rreklutati. Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jistabbilixxi l-kompiti mogħtija lil membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ grupp I bħala kompiti manwali u ta’ appoġġ amministrattiv, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal temporanju. Permezz tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, jekk wieħed jassumi li jista’ jiġi mitlub li kandidat għal tali kompiti jkollu għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra, il-livell ta’ għarfien B2 fis-sens tal-QKER, li huwa meħtieġ skont din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għal din it-tieni lingwa, ma huwiex iġġustifikat.

54      Il-Parlament isostni, bħala risposta, li l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jeżiġi għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni bħala obbligu statutorju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55      Skont l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, “[m]embru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jitqabbad jaħdem biss bil-kondizzjoni li huwa […] jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tiegħu, li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-kandidati għal funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ikollhom konoxxenza ta’ lingwa oħra tal-Unjoni biss meta din il-konoxxenza hija meħtieġa għall-funzjonijiet li huma maħsuba li jeżerċitaw, u madankollu dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ.

56      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti lingwistiċi li jinsabu f’dan l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirrikjedux b’mod sistematiku li l-kandidati għal postijiet ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt ikollhom għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi, b’mod analogu, li “[u]ffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li […] huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”. Skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa wkoll meħtieġ li l-uffiċjali juru, qabel l-ewwel promozzjoni tagħhom wara r-reklutaġġ, il-kapaċità tagħhom li jaħdmu “b’terza lingwa minn fost dawk riferuti fl-Artikolu 55(1) TUE”, jiġifieri minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Minn dan neċessarjament jirriżulta li l-kundizzjoni dwar l-għarfien ta’ tieni lingwa, prevista fl-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax titqies bħala fakultattiva għalihom.

58      Sa fejn il-membri tal-persunal bil-kuntratt għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, bħall-uffiċjali, f’ambjent multilingwi, xejn ma jippermetti interpretazzjoni tal-għarfien lingwistiku meħtieġ mill-membri tal-persunal bil-kuntratt fl-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg b’mod differenti minn dak meħtieġ, f’termini identiċi, mill-uffiċjali skont l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-fatt li l-uffiċjali, għall-kuntrarju tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, eventwalment għandhom juru l-għarfien tagħhom ta’ tielet lingwa huwa spjegat mill-fatt li dawn tal-aħħar ma humiex suġġetti għas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal. Din id-differenza madankollu ma għandhiex effett fuq l-interpretazzjoni tar-rekwiżit dwar l-għarfien ta’ tieni lingwa stabbilit, minn naħa, fl-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

59      Għalhekk, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kandidati għal reklutaġġ bħala membri tal-persunal bil-kuntratt għandhom jiġġustifikaw l-għarfien ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali. Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda.

60      Permezz tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet li l-membri tal-persunal bil-kuntratt ser jiġu mitluba jwettqu, il-livell ta’ għarfien meħtieġ fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess dwar il-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla, jiġifieri livell B2 fis-sens tal-QKER, ma huwiex iġġustifikat. Sa fejn l-argumenti żviluppati insostenn ta’ din it-tieni parti jikkoinċidu ma’ dawk imressqa insostenn tat-tielet u r-raba’ motiv, l-imsemmija parti ser tiġi eżaminata konġuntament ma’ dawn tal-aħħar.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv kif ukoll fuq it-tielet u r-raba’ motiv, dwar il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss

 L-argumenti tal-partijiet

61      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-limitazzjoni, fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, għall-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss hija arbitrarja, tikser is-sistema lingwistika stabbilita fl-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58 u tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa pprojbita mill-Artikolu 22 tal-Karta, mill-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. L-ebda waħda mir-raġunijiet stabbiliti fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess ma tista’ titqies li tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika tali restrizzjoni. Għalhekk, ir-raġuni tal-“interess tas-servizz” li tirriżulta mill-fatt li l-persunal impjegat ikun operattiv mill-ewwel ġurnata fil-lingwi meħtieġa u jkun jista’ jikkomunika b’mod effiċjenti fil-kuntest tax-xogħol tiegħu hija stereotipika u mingħajr rabta man-natura tal-funzjonijiet li jridu jitwettqu. Fi kwalunkwe każ, din il-limitazzjoni ma hijiex proporzjonali fid-dawl tal-ħtiġijiet reali tas-servizz. Bl-istess mod, ir-rekwiżit ta’ livell ta’ għarfien B2, fis-sens tal-QKER, f’dak li jirrigwarda l-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla, huwa sproporzjonata.

62      Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti billi jesponi li l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għandha tkun debitament motivata fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, b’mod partikolari, mill-għan li membri tal-persunal ikunu immedjatament operattivi u kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63      Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 36 sa 40 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi evalwata l-legalità tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss fir-rigward tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, bl-istess mod bħal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi li jistgħu jintużaw sabiex timtela l-formola ta’ applikazzjoni elettronika fuq is-sit internet tal-EPSO u, għaldaqstant, sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni, li hija s-suġġett tal-ewwel motiv tar-Renju ta’ Spanja, il-limitazzjoni msemmija fit-tieni parti tat-tieni motiv, kif ukoll fit-tielet u fir-raba’ motiv, taqa’ fil-kuntest speċifiku tal-organizzazzjoni ta’ proċeduri tal-għażla tal-persunal tal-Unjoni koperti, b’mod partikolari, mir-Regolamenti tal-Persunal.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn, kif ġie rrilevat fil-punti 38 u 49 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-proċeduri tal-għażla tal-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 80(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jipprojbixxi, fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni, bħal diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, peress li, skont il-paragrafu 6 ta’ din id-dispożizzjoni, id-differenzi fit-trattament abbażi tal-lingwa jistgħu jiġu awtorizzati jekk dawn ikunu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati b’għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

65      Peress li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess ipprevediet, skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss, il-kandidati li l-għarfien lingwistiku tagħhom ma kienx jippermettilhom jissodisfaw dan ir-rekwiżit kienu mċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw f’din il-proċedura tal-għażla, u dan anki kieku kellhom għarfien suffiċjenti, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

66      B’hekk, il-fatt li l-kandidati jiġu meħtieġa li jagħżlu l-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla minn bejn l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż biss jikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, bħala prinċipju pprojbita bis-saħħa tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

67      Fir-rigward, sussegwentement, tal-eżistenza ta’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal, fis-sens tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jista’ jiġġustifika din id-differenza fit-trattament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interess tas-servizz jista’ jeħtieġ li l-persuni li jiġu rreklutati jkollhom għarfien lingwistiku speċifiku. Għaldaqstant, in-natura partikolari tal-kompiti li għandhom jitwettqu tista’ tiġġustifika reklutaġġ ibbażat, inter alia, fuq għarfien profond ta’ lingwa speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il‑Parlament, 79/74, EU:C:1975:85, punti 16 u 17; tad‑29 ta’ Ottubru 1975, Küster vs Il‑Parlament, 22/75, EU:C:1975:140, punti 13 u 14, kif ukoll tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punt 88).

68      F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ proċedura tal-għażla, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw l-interess tas-servizz kif ukoll il-kwalifiki u l-merti tal-kandidati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 1987, Bouteiller vs Il‑Kummissjoni, 324/85, EU:C:1987:59, punt 6; tat‑3 ta’ April 2003, Il‑Parlament vs Samper, C‑277/01 P, EU:C:2003:196, punt 35, u s-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punt 77). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-għarfien lingwistiku speċifiku li għandu jkun meħtieġ, fl-interess tas-servizz, min-naħa tal-kandidati ta’ kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Il‑Parlament vs Samper, C‑277/01 P, EU:C:2003:196, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Madankollu, hija l-istituzzjoni li tillimita s-sistema lingwistika ta’ proċedura tal-għażla għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni hija tabilħaqq xierqa sabiex tindirizza l-ħtiġijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni reklutati se jkunu mitluba jwettqu. Barra minn hekk, kwalunkwe kundizzjoni relatata ma’ għarfien lingwistiku speċifiku għandha tkun proporzjonata għal dan l-interess u tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għal din il-kundizzjoni u sabiex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punti 90 u 92).

70      Il-Parlament iqis, f’dan ir-rigward, li l-interess tas-servizz, kif jirriżulta mis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, li l-membri tal-persunal ikunu immedjatament operattivi u kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum, jista’ jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, għall-kuntrarju, li r-raġunijiet stabbiliti f’din is-sejħa ma jistgħux jiġġustifikaw din il-limitazzjoni.

71      Kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess tistabbilixxi, fit-taqsima IV tagħha, li t-tliet lingwi magħżula bħala l-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla, jiġifieri l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, ġew iddefiniti sabiex jindirizzaw l-“interess tas-servizz”, li jeżiġi li l-persuni li jiġu rreklutati jkunu “operattivi minnufih u kapaċi jikkomunikaw b’mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum”. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat li, minħabba “prattika li ilha għaddejja” tal-Parlament Ewropew “rigward il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna”, u bit-teħid inkunsiderazzjoni “tal-ħtiġijiet tas-servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls”, “il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż jibqgħu l-lingwi l-aktar użati”.

72      Madankollu, dawn ir-raġunijiet, minkejja li jindikaw l-eżistenza ta’ interess tas-servizz li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effikaċi malli jibdew il-funzjonijiet tagħhom, ma humiex biżżejjed, fihom infushom, sabiex jistabbilixxu li l-funzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri dawk ta’ xufiera mal-Parlament Ewropew, jeħtieġu b’mod konkret l-għarfien ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni.

73      F’dan ir-rigward, sa fejn dawn ir-raġunijiet jesponu li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi l-iktar użati fil-Parlament Ewropew kemm għall-komunikazzjonijiet interni u għal dawk esterni, kif ukoll għall-ipproċessar tal-fajls, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess tagħti x’tifhem li dawn it-tliet lingwi huma, b’mod ġenerali, il-lingwi l-iktar utli sabiex wieħed jaħdem fi ħdan din l-istituzzjoni. Madankollu, sakemm il-Parlament Ewropew ma jkunx adotta, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58, regoli interni dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika tiegħu, ma jistax jiġi affermat, mingħajr rabta mal-funzjonijiet li l-persuni li jiġu rreklutati effettivament ser ikunu jiġu mitluba jwettqu, li dawn it-tliet lingwi huma, neċessarjament, il-lingwi l-iktar utli għall-funzjonijiet kollha f’din l-istituzzjoni.

74      Issa, ir-raġunijiet li jinsabu fit-taqsima IV tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess sabiex jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla bl-ebda mod ma jindirizzaw il-ġustifikazzjoni ta’ tali limitazzjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet lingwistiċi konkreti relatati mal-funzjonijiet li x-xufiera li jiġu rreklutati ser jiġu mitluba jwettqu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn ir-raġunijiet ma humiex ibbażati fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli li jippermettu li jiġi konkluż li l-interess tas-servizz jeħtieġ, f’dan il-każ, tali differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa.

75      Ċertament, il-funzjonijiet li x-xufiera li jiġu rreklutati ser jiġu mitluba jwettqu huma deskritti fit-taqsima II tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess. F’dan ir-rigward, din it-taqsima tistabbilixxi li l-membru tal-persunal bil-kuntratt ser ikun inkarigat “li jassumi l-kompiti ta’ xufier”, li jikkonsistu li, b’mod partikolari, “iwassal personaġġi pubbliċi kif ukoll uffiċjali permanenti jew aġenti oħra tal-Parlament Ewropew l-aktar fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu, kif ukoll fi Stati Membri oħra u pajjiżi terzi”, “iwassal viżitaturi (korp diplomatiku u personaġġi pubbliċi oħra)”, u “jiżgura l-użu tajjeb tal-vettura, speċjalment tal-għodod teknoloġiċi tagħha”.

76      Madankollu, la l-fatt imressaq mill-Parlament li x-xufiera li jiġu rreklutati għandhom jassumu l-kompiti tagħhom b’mod partikolari fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strasburgu, jiġifieri fi tliet bliet li jinsabu fi Stati Membri li fost il-lingwi uffiċjali tagħhom hemm il-Franċiż jew il-Ġermaniż, u lanqas dak sostnut minn dan matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li skontu l-persuni li x-xufiera ser jiġu mitluba jwasslu spiss jużaw il-lingwa Ingliża, ma huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla biss għat-tliet lingwi inkwistjoni.

77      Fil-fatt, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-interess tas-servizz jista’ jitlob li jiġu rreklutati għadd ta’ xufiera b’għarfien lingwistiku differenti, fid-dawl tad-diversità tal-lokalitajiet li fihom dawn ser jiġu mitluba jwettqu l-funzjonijiet tagħhom jew tal-għarfien lingwistiku tal-persuni li dawn ser jiġu mitluba jwasslu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Parlament ma stabbilixxiex kif kull lingwa fost dawk magħżula bħala lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla toffri utilità partikolari għall-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet.

78      Minn dan isegwi li, anki fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet stabbiliti fit-taqsima II tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Parlament f’dan ir-rigward, ir-raġunijiet li jinsabu fit-taqsima IV ta’ din is-sejħa ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss. Għalhekk, il-Parlament ma weriex li l-limitazzjoni għal kull waħda mil-lingwi magħżula bħala lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla kienet oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi funzjonali tal-impjiegi vakanti u għaliex, mil-lat l-ieħor, din l-għażla ma setgħetx tkopri kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra li tista’ tkun rilevanti għal dawn l-impjiegi.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tielet u r-raba’ motiv jintlaqgħu. Peress li l-Parlament Ewropew ma stabbilixxiex li l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss kienet oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata fid-dawl ta’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tieni motiv, peress li din tirrigwarda l-livell ta’ għarfien meħtieġ ta’ dawn l-istess lingwi.

80      Peress li l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi tar-Renju ta’ Spanja ġew milqugħa, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għandha tiġi annullata.

 Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess

 L-argumenti tal-partijiet

81      Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-annullament tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess iwassal, bħala konsegwenza, għall-annullament tad-database li ġiet stabbilita bis-saħħa ta’ din. Filwaqt li ma talabx l-annullament tal-ingaġġi li setgħu saru fuq il-bażi tal-inklużjoni ta’ kandidat f’din id-database, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-inklużjoni f’din id-database ma tikkostitwixxi l-ebda garanzija ta’ reklutaġġ u, fir-rigward tal-kandidati mdaħħla fiha, l-annullament tagħha għaldaqstant ma jimplika l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

82      Il-Parlament jesponi, għall-kuntrarju, li peress li din id-database diġà ġiet adottata, il-kandidati ġew informati bir-riżultat tal-proċedura tal-għażla u r-reklutaġġ inbeda. Sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, hemm lok li din tinżamm, konformement mal-approċċ irrakkomandat b’mod partikolari fis-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-annullament ta’ miżura dwar il-proċeduri tal-għażla tal-persunal tal-Unjoni, din għandha tfittex li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-kandidati żvantaġġati b’irregolarità li seħħet matul din il-proċedura u l-interessi tal-kandidati l-oħra, b’tali mod li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-neċessità li tintegra mill-ġdid lill-kandidati ppreġudikati fid-drittijiet tagħhom, imma wkoll l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati magħżula diġà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, EU:C:1993:284, punt 14).

84      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-irregolaritajiet li seħħew fir-rigward tas-sistema lingwistika applikabbli għal proċedura tal-għażla, l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati magħżula diġà għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’bilanċ bejn l-effetti li jirriżultaw mill-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tal-listi ta’ kandidati stabbiliti abbażi ta’ din il-proċedura tal-għażla u l-interess tal-kandidati ppreġudikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punt 103).

85      F’dan il-każ, peress li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess hija annullata minħabba kundizzjonijiet diskriminatorji imposti fir-rigward tal-għarfien lingwistiku tal-kandidati, id-database inkwistjoni għandha titqies bħala affettwata minn dawn l-istess kundizzjonijiet diskriminatorji. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ kandidati f’din id-database kienet ibbażata fuq ir-riżultati miksuba fil-kuntest ta’ proċedura tal-għażla organizzata f’kundizzjonijiet mhux ugwali.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamel ir-Renju ta’ Spanja, li l-kandidati li ddaħħlu fid-database inkwistjoni ma rċevew, bħala tali, l-ebda garanzija ta’ reklutaġġ. Għalhekk, dawn il-kandidati, kuntrarjament b’mod partikolari għal dawk li diġà ġew offruti impjieg bħala membru tal-persunal bil-kuntratt abbażi tal-inklużjoni tagħhom f’din id-database u li jibbenefikaw għalhekk minn aspettattivi leġittimi li r-reklutaġġ tagħhom ma huwiex ser jiġi kkontestat, ma rċevew l-ebda garanzija addizzjonali mill-amministrazzjoni li setgħet toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-reklutaġġ tagħhom.

87      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li s-sempliċi inklużjoni ta’ kandidati fid-database inkwistjoni ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi li jirrikjedu ż-żamma fis-seħħ tal-effetti tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess annullata. Għall-kuntrarju, l-annullament tad-database ma jistax ikollu effett fuq kwalunkwe reklutaġġ diġà mwettaq.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-database għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

90      Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mir-Renju ta’ Spanja.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess ta’ Aġenti Kuntrattwali – Grupp ta’ Funzjoni I – Xufiera (Irġiel/Nisa), EP/CAST/S/16/2016, hija annullata.

2)      Id-database stabbilita skont is-Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess ta’ Aġenti Kuntrattwali – Grupp ta’ Funzjoni I – Xufiera (Irġiel/Nisa), EP/CAST/S/16/2016, hija annullata.

3)      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ispanjol.