Language of document : ECLI:EU:C:2019:249

Kawża C377/16

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

IlParlament Ewropew

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas26 ta’ Marzu 2019

“Rikors għal annullament – Sistema lingwistika – Proċedura tal-għażla ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt – Sejħa għal espressjoni ta’ interess – Xufiera – Grupp ta’ Funzjoni I – Konoxxenzi lingwistiċi – Limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża – Lingwa ta’ komunikazzjoni – Regolament Nru 1 – Regolamenti tal-Persunal – Sistema applikabbli għall-aġenti l-oħra – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz”

1.        Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Sejħa għal espressjoni ta’ interess sabiex tiġi kkostitwita database ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt – Lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) u l-kandidati – Limitazzjoni – Ammissibbiltà – Motivazzjoni – Ġustifikazzjoni fid-dawl tal-interess tas-servizz – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 1d(1) u (6); Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 80(4); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikoli 2 u 5)

(ara l-punti 38 sa 40, 44, 47, 51)

2.        Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Sejħa għal espressjoni ta’ interess sabiex tiġi kkostitwita database ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni fid-dawl tal-interess tas-servizz – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(6))

(ara l-punti 63, 67, 70, 72 sa 74, 78)

3.        Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Sejħa għal espressjoni ta’ interess sabiex tiġi kkostitwita database ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(6))

(ara l-punti 68, 69)

4.        Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess sabiex tiġi kkostitwita database ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt – Aspettattivi leġittimi tal-kandidati magħżula – Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis – Esklużjoni

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

(ara l-punti 83 sa 88)

Sunt

Fil-proċeduri tal-għażla tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-differenzi fit-trattament ibbażati fuq il-lingwa ma humiex, bħala prinċipju, ammessi

Fis-sentenza Spanja vs Il‑Parlament (C‑377/16), mogħtija fis‑26 ta’ Marzu 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, sejħa għal espressjoni ta’ interess stabbilita mill-Parlament Ewropew għar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt sabiex jassumu l-funzjonijiet ta’ xufier, li kienet illimitat l-għażla tal-lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss u l-użu ta’ dawn tal-aħħar bħala l-lingwi ta’ komunikazzjoni għall-finijiet tal-proċedura.

Fl‑14 ta’ April 2016, il-Parlament Ewropew kien ippubblika sejħa għal espressjoni ta’ interess sabiex tiġi kkostitwita database ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt sabiex iwettqu l-funzjoni ta’ xufier. It-Titolu IV ta’ din is-sejħa kien jipprovdi li r-reklutaġġ inkwistjoni kien suġġett għal “[g]ħarfien sodisfaċenti […] tal-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż” bħala “lingwa 2”. Din il-limitazzjoni kienet tindirizza, skont il-Parlament, l-interess tas-servizz li jeżiġi li “r-reklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih u kapaċi jikkomunikaw b’mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum”, peress li dawn it-tliet lingwi huma l-iktar użati f’din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, il-kandidati kienu obbligati japplikaw billi jużaw formola ta’ applikazzjoni elettronika disponibbli biss f’dawn it-tliet lingwi fis-sit internet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi għall-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO fil-kuntest tal-proċedura tal-għażla inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma setax jiġi eskluż li l-kandidati kienu ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jużaw il-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom sabiex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, u ġew suġġetti, għaldaqstant, għal differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod partikolari li, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58 (1), id-dokumenti li persuna suġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tibgħat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu mfassla, skont l-għażla ta’ min jibgħat, f’waħda mil-lingwi uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament. Dan id-dritt ta’ għażla, fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, tal-lingwa li għandha tintuża għall-komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet, għandu natura fundamentali, bħala element essenzjali tal-osservanza tad-diversità lingwistika tal-Unjoni, li l-importanza tagħha hija mfakkra fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE kif ukoll fl-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri ta’ għażla tal-persunal tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet jistgħu jipprevedu limitazzjonijiet dwar l-użu tal-lingwi uffiċjali, sakemm tali limitazzjonijiet ikunu, konformement mal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif applikat għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 80(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (Kondizzjonijiet tal-impjieg) (2), oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati b’għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal u proporzjonati mal-għan imfittex. Issa, f’dan il-każ, il-Parlament Ewropew ma pprovda l-ebda raġuni li tista’ turi l-eżistenza ta’ tali għan leġittimu ta’ interess ġenerali li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 għal dawn il-lingwi għall-proċedura ta’ għażla nnifisha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kandidati li l-għarfien lingwistiku tagħhom ma kienx jippermettilhom jissodisfaw l-imsemmi rekwiżit kienu mċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw f’din il-proċedura tal-għażla, u dan anki kieku kellhom għarfien suffiċjenti, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Din il-limitazzjoni tista’ tikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa. Issa, għalkemm l-interess tas-servizz jista’ jeħtieġ, abbażi ta’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali, li l-persuni li jiġu rreklutati jkollhom għarfien lingwistiku speċifiku, hija l-istituzzjoni li tillimita s-sistema lingwistika ta’ proċedura tal-għażla, li għandha f’dan ir-rigward setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni hija xierqa sabiex tindirizza l-ħtiġijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni reklutati se jkunu mitluba jwettqu, peress li din il-limitazzjoni għandha tkun proporzjonata għal dan l-interess u tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għal din il-kundizzjoni u sabiex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-raġunijiet mogħtija fit-Titolu IV tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess ma kinux biżżejjed, fihom infushom, sabiex jistabbilixxu li l-funzjonijiet ta’ xufier mal-Parlament Ewropew kienu jeħtieġu b’mod konkret l-għarfien ta’ waħda mit-tliet lingwi inkwistjoni, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni. Peress li, barra minn hekk, il-Parlament Ewropew ma adottax, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58, regoli interni dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika tiegħu, ma jistax jiġi affermat, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet li l-persuni li jiġu rreklutati effettivament ser ikunu jiġu mitluba jwettqu, li dawn it-tliet lingwi huma, neċessarjament, il-lingwi l-iktar utli għall-funzjonijiet kollha f’din l-istituzzjoni. Fir-rigward tal-fatt li d-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li x-xufiera li jiġu rreklutati ser jiġu mitluba jwettqu kienet tindika li dawn kienu jagħmlu parti essenzjali mill-kompiti tagħhom fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strasburgu, jiġifieri fi tliet bliet li jinsabu fi Stati Membri li fost il-lingwi uffiċjali tagħhom hemm il-Franċiż jew il-Ġermaniż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-limitazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, il-Parlament ma weriex li l-limitazzjoni għal kull waħda mil-lingwi magħżula bħala lingwa 2 tal-proċedura tal-għażla kienet oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi funzjonali tal-impjiegi vakanti u għaliex, mil-lat l-ieħor, din l-għażla ma setgħetx tkopri kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra li tista’ tkun rilevanti għal dawn l-impjiegi.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-annullament tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-database kkostitwita għal dan l-għan għandha tiġi annullata. Hija qieset li l-kandidati li ddaħħlu f’din id-database ma rċevew l-ebda garanzija ta’ reklutaġġ u, għaldaqstant, li s-sempliċi inklużjoni ta’ kandidati f’din id-database ma setgħetx toħloq aspettattivi leġittimi li jirrikjedu ż-żamma fis-seħħ tal-effetti tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess annullata. Għall-kuntrarju, l-annullament ma kellux effett fuq kwalunkwe reklutaġġ diġà mwettaq.


1      Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1).


2      Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxu miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).