Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-28 ta' Ġunju 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht Köln - Il-Ġermanja) - Planzer Luxembourg Sàrl vs Bundeszentralamt für Steuern

(Kawża C-73/06)1

Sitt Direttiva VAT - Artikolu 17(3) u (4) - Rifużjoni tal-VAT - Tmien Direttiva VAT - Rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż - Artikolu 3(b) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 9 - Anness B - Ċertifikat ta' impożizzjoni tat-taxxa - Portata ġuridika - Tlettax-il Direttiva VAT - Rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità - Artikolu 1(1) - Kunċett ta' sede ta' l-attività ekonomika

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Planzer Luxembourg Sàrl

Konvenut: Bundeszentralamt für Steuern

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Finanzgericht Köln - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(b) u ta' l-Anness B tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE, tas-6 ta' Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li m'humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU L 331, p.11) u ta' l-Artikolu 1(1) tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE, tas-17 ta' Novembru 1986, fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi [fuq id-dħul mill-bejgħ] - Arranġamenti għar-[rifużjoni] tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU L 326, p.40) - Rifużjoni tal-VAT lil persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru ieħor li hija sussidjarja ta' kumpannija stabbilità fi Stat terz - Kriterji relatati ma' stabbiliment sabiex jiġi kkunsidrat bħala stabbilit fit-territorju tal-pajjiż - Kunċett ta' "sede ta' l-attività ekonomika" u ta' "stabbiliment li minnu jkunu magħmula t-transazzjonijiet tan-negozju"

Dispożittiv

L-Artikolu 3(b) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 9 tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE, tas-6 ta' Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m'humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċertifikat imfassal fuq il-mudell li jinsab fl-Anness B ta' din id-Direttiva jippermetti, bħala prinċipju, li jiġi preżunt li l-persuna kkonċernata mhux biss hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud ġewwa l-Istat Membru fejn tinsab l-amministrazzjoni fiskali li ħarġitu, iżda li hija wkoll stabbilita f'dan l-Istat Membru.

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jimplikawx li mhuwiex permess li l-amministrazzjoni fiskali ta' l-Istat Membru fejn intalbet ir-rifużjoni ta' l-input VAT imħallsa li jkollha dubji dwar ir-realtà ekonomika ta' l-istabbiliment li l-indirizz tiegħu jkun imniżżel f'dan iċ-ċertifikat taċċerta ruħha minn din ir-realtà billi tirrikorri għall-miżuri amministrattivi stabbiliti għal dan il-għan mil-liġi Komunitarja fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

L-Artikolu 1(1) tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE, tas-17 ta' Novembru 1986, fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi [fuq id-dħul mill-bejgħ] - Arranġamenti għar-[rifużjoni] tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sede ta' l-attività ekonomika ta' kumpannija hija l-post fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet essenzjali fir-rigward tad-direzzjoni ġenerali ta' din il-kumpannija u fejn huma eżerċitati l-funzjonijiet ta' amministrazzjoni ċentrali tagħha.

____________

1 - ĠU C 201, 7.8.2004.