Language of document : ECLI:EU:C:2007:397

Kawża C-73/06

Planzer Luxembourg Sàrl

vs

Bundeszentralamt für Steuern

(talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Finanzgericht Köln)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 17(3) u (4) — Rifużjoni tal-VAT — Tmien Direttiva VAT — Rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż — Artikolu 3(b) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9 — Anness B — Ċertifikat ta’ impożizzjoni tat-taxxa — Portata ġuridika — Tlettax-il Direttiva VAT — Rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità — Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ sede ta’ l-attività ekonomika”

Sommarju tas-Sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Rifużjoni tat-taxxa lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż

(Direttiva tal-Kunsill Nru 79/1072, Artikolu. 3(b), 9(2) u Anness B)

2.        Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Rifużjoni tat-taxxa lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità

(Direttiva tal-Kunsill Nru 86/560, Artikolu 1(1))

1.        L-Artikoli 3(b) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9 tat-Tmien Direttiva 79/1072 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċertifikat imfassal fuq il-mudell li jinsab fl-Anness B ta’ din id-Direttiva jippermetti, bħala prinċipju, li jiġi preżunt li l-persuna kkonċernata mhux biss hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud ġewwa l-Istat Membru fejn tinsab l-amministrazzjoni fiskali li ħarġitu, iżda li hija wkoll stabbilita f’dan l-Istat Membru taħt forma jew oħra, kemm jekk għandha hemmhekk is-sede ta’ l-attività ekonomika tagħha jew stabbiliment fiss li minnu teffettwa t-tranżazzjonijiet.

L-amministrazzjoni fiskali ta’ l-Istat Membru fejn intalbet ir-rifużjoni ta’ l-input VAT imħallsa hija, bħala prinċipju, marbuta, fil-fatt u fid-dritt, mill-informazzjoni li tidher f’dan iċ-ċertifikat.

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jimplikawx li mhuwiex permess li l-amministrazzjoni fiskali ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni li jkollha dubji dwar ir-realtà ekonomika ta’ l-istabbiliment li l-indirizz tiegħu jkun imniżżel f’dan iċ-ċertifikat, taċċerta ruħha minn din ir-realtà billi tirrikorri għall-miżuri amministrattivi stabbiliti għal dan il-għan mil-liġi Komunitarja fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Jekk l-informazzjoni miksuba turi li l-indirizz imsemmi fiċ-ċertifikat ta’ impożizzjoni tat-taxxa ma jaqbilx mas-sede ta’ l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli u lanqas ma’ l-istabbiliment fiss li minnu teffettwa t-tranżazzjonijiet tagħha, l-amministrazzjoni fiskali ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu d-dritt li tiċħad ir-rifużjoni mitluba mill-persuna taxxabbli, bla ħsara għall-possibbiltà li din ta’ l-aħħar tressaq appell ġudizzjarju.

(ara l-punti 40-41, 49-50, disp. 1)

2.        L-Artikolu 1(1) tat-Tlettax-il Direttiva 86/560 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sede ta’ l-attività ekonomika ta’ kumpannija hija l-post fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet essenzjali fir-rigward tad-direzzjoni ġenerali ta’ din il-kumpannija u fejn huma eżerċitati l-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ċentrali tagħha.

Id-determinazzjoni ta’ fejn tinsab is-sede ta’ l-attività ekonomika ta’ kumpannija jimplika l-kunsiderazzjoni ta’ numru ta’ fatturi, l-ewwel fosthom hemm l-uffiċċju rreġistrat, il-post ta’ l-amministrazzjoni ċentrali, il-post fejn jiltaqgħu d-diriġenti tal-kumpannija u dak, li normalment ikun l-istess, fejn tiġi deċiża l-politika ġenerali ta’ din il-kumpannija. Elementi oħra, bħal ma huma d-domiċilju tad-diriġenti prinċipali, il-post fejn tiltaqa’ l-assemblea ġenerali, fejn jinżammu d-dokumenti amministrattivi u tal-kontabilità u l-post prinċipali fejn isiru l-attivitajiet finanzjarji, partikolarment dawk bankarji, jistgħu wkoll jittieħdu in kunsiderazzjoni.

B’hekk, installazzjoni fittizzja, bħal ma hija kumpannija “kaxxa ta’ l-ittri” jew “skrin”, ma tistax titqies li hija s-sede ta' l-attività ekonomika skond l-Artikolu 1(1) tat-Tlettax-il Direttiva.

(ara l-punti 61-63, disp. 2)