Language of document : ECLI:EU:T:2021:527

Kawża T96/20

Gruppe Nymphenburg Consult AG

vs

LUffiċċju talProprjetà Intellettwali talUnjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (IlĦames Awla Estiża) tal1 ta’ Settembru 2021

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Limbic® Types – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Deċiżjoni meħuda wara li l-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni preċedenti – Rinviju quddiem il-Bord tal-Appell Estiż – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001) – Żball ta’ liġi – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 – Awtorità ta’ res judicata – Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001 – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż”

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Kundizzjoni ta’ ammissibbiltà – Motivi indirizzati unikament kontra d-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 72(1))

(ara l-punti 22, 23)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Bordijiet tal-Appell – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż – Inklużjoni tal-membru tal-Bord tal-Appell li adotta d-deċiżjoni annullata mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2017/1001, Artikolu 169(1), Regolament tal-Kummissjoni Nru 2018/625, Artikolu 35(4))

(ara l-punti 28, 29, 31)

3.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tad-dispożittiv tas-sentenza – Retroattività tal-annullament

(Artikolu 266 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 72(6))

(ara l-punti 42 sa 44)

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjonijiet proċedurali – Eżami ex officio tal-fatti – Reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Limiti – Awtorità ta’ res judicata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikoli 45(3), 72(6) u 95(1); Regolament tal-Kummissjoni 2018/625, Artikolu 27(1))

(ara l-punti 47 sa 50, 56)

5.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark verbali Limbic® Types

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b) u (c))

(ara l-punti 64, 74 sa 77)

Sunt

Gruppe Nymphenburg Consult AG ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Limbic® Types għal prodotti u servizzi li jappartjenu b’mod partikolari fl-oqsma tal-konsulenza lill-impriżi u tal-konsulenza fl-amministrazzjoni tar-riżorsi umani. Fit‑23 ta’ Ġunju 2015, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li s-sinjal kien deskrittiv u ċaħad l-applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (1).

Permezz tas-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Frar 2017, Gruppe Nymphenburg Consult vs EUIPO (Limbic® Types) (Iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑516/15”) (2), il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell minħabba li dan kien evalwa b’mod żbaljat il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, il-każ intbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appell Estiż sabiex tingħata deċiżjoni mill-ġdid. Fit‑2 ta’ Diċembru 2019, il-Bord tal-Appell Estiż ċaħad ir-rikors ta’ Gruppe Nymphenburg Consult u kkunsidra li t-trade mark kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni u li hija kienet nieqsa minn karattru distintiv.

Il-Qorti Ġenerali, li qed tiddeċiedi bħala kulleġġ ġudikanti estiż, tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż, minħabba li dan kiser, minn naħa, l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza T‑516/15 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, huwa tippreċiża li l-ilmenti diretti kontra d-deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell huma inammissibbli. Minbarra dan, hija tqis li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż setgħet tinkludi l-uniku membru tal-Bord tal-Appell li kien adotta d-deċiżjoni annullata permezz tas-sentenza T‑516/15.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tfakkar li r-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni jista’ jiġi ppreżentat biss kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell (3). Għalhekk, l-ilmenti bbażati fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni tar-rinviju quddiem il-Bord tal-Appell Estiż jikkonċernaw irregolaritajiet li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell, iżda mhux id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż Għalhekk, dawn l-ilmenti huma inammissibbli.

Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegata irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż sa fejn l-uniku membru tal-Bord tal-Appell li adotta d-deċiżjoni annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T‑516/15 kien jagħmel parti wkoll mill-Bord tal-Appell Estiż (4), il-Qorti Ġenerali tfakkar li sentenza għal annullament għandha l-effett li telimina retroattivament l-att annullat mill-ordinament ġuridiku. Peress li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet annullata permezz tas-sentenza T‑516/15, li saret definittiva, id-deċiżjoni appellata quddiem il-Bord tal-Appell Estiż ma hijiex id-deċiżjoni annullata tal-Bord tal-Appell iżda dik tal-eżaminatur tal-EUIPO. Għaldaqstant, sa fejn il-każ intbagħat lura lill-Bord tal-Appell Estiż, dan seta’ jinkludi l-uniku membru tal-Bord tal-Appell li kien adotta d-deċiżjoni annullata.

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, għalkemm huwa minnu li l-Bord tal-Appell għandu d-dritt li jkompli fuq inizjattiva tiegħu stess, fi kwalunkwe mument qabel ir-reġistrazzjoni, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, jekk jidhirlu xieraq (5), huwa marbut li josserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kwistjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet deċiża permezz tas-sentenza T‑516/15 u, għaldaqstant, li l-motivi tas-sentenza dwar l-assenza ta’ tali karattru huma koperti mill-awtorità ta’ res judicata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tispjega li l-fatt li l-Bord tal-Appell Estiż ibbaża l-eżami tiegħu tal-karattru deskrittiv fuq elementi ta’ fatt li l-Ewwel Bord tal-Appell ma kienx ħa inkunsiderazzjoni ma għandux effett fuq l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza T‑516/15. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell Estiż kiser l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ din is-sentenza.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Bord tal-Appell Estiż wettaq ukoll żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u għalhekk annullat id-deċiżjoni fl-intier tagħha.


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).


2      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Gruppe Nymphenburg Consult vs EUIPO (Limbic® Types) (T‑516/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:83).


3      Konformement mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


4      Huwa invoka l-Artikolu 169(1) tar-Regolament 2017/1001, li jipprovdi li l-membri tal-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jieħdu sehem fi proċedura ta’ appell jekk ikunu ħadu sehem fid-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi appellata.


5      Ara l-Artikolu 45(3) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/143 (ĠU 2018, L 104, p. 1).