Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2021 – Portigon vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-462/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Portigon AG (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Bischke, H.-J. Niemeyer u F. Grossmann, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2021 (C (2021) 3489) (AT.40324 – Bonds tal-Istati Ewropej) fit-totalità tagħha, adottata kontra Portigon AG;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

Il-Kummissjoni ma spjegatx u ma ġġustifikatx b’mod ċar l-aġir ilmentat kontra r-rikorrenti u f’dan ir-rigward kisret l-Artikolu 296(2) TFUE;

Il-Kummissjoni ma bagħtitx oġġezzjonijiet supplimentari lir-rikorrenti minflok sempliċi espożizzjoni tal-fatti.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ uniformità tad-dritt.

Bl-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkontradixxi d-deċiżjoni tagħha stess dwar l-għajnuna mill-Istat tal-2011.

It-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni naqset b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ilmenti tar-rikorrenti u naqset b’mod ċar milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-adozzjoni tad-deċiżjoni

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq preżunzjoni żbaljata ta’ ksur uniku u kontinwat.

Il-Kummissjoni tqis b’mod żbaljat li jeżisti ksur uniku u kontinwat li dam lil hinn mit-terminu ta’ preskrizzjoni.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-aġir issanzjonat abbażi tal-Artikolu 101 TFUE u nuqqas ta’ motivazzjoni abbażi tal-Artikolu 296(2) TFUE.

Il-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat kull aġir bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont is-suġġett. Il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ effetti allegatament sensittivi fuq is-suq.

Il-Kummissjoni tattribwixxi b’mod żbaljat l-aġir ta’ ex impjegat lir-rikorrenti.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ħruġ żbaljat ta’ deċiżjoni dikjaratorja skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 1 .

Id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 peress li l-Kummissjoni ma għandha ebda interess leġittimu li tadotta d-deċiżjoni tagħha kontra r-rikorrenti.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).