Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Lulju 2021 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-409/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller u R. Kanitz)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56826 (2020/N) – il-Ġermanja – 2020 reform of support for cogeneration u l-għajnuna mill-Istat SA.53308 (2019/N) – il-Ġermanja – Change of support to existing CHP plants (Artikolu 13 tal-Gesetz für die Erhaltung, die Modernisierung und den Ausbau der Kraft-Wärme-Kopplung (Kräfte-Wärme-Kopplungsgesetz, KWKG) (il-Liġi dwar il-Produzzjoni Kkombinata tas-Sħana u tal-Elettriku – KWKG)), sa fejn tikkonstata li

is-sostenn għall-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-koġenerazzjoni f’installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja mibnija ġodda, modernizzati u aġġornati,

is-sostenn għan-networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ ekonomiċi fl-użu tal-enerġija,

is-sostenn għall-installazzjonijiet li jaħżnu s-sħana u l-kesħa,

is-sostenn għall-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-koġenerazzjoni fl-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni eżistenti ta’ effiċjenza għolja u operati bil-gass fis-settur tat-tisħin urban, u

l-imposta mnaqqsa prevista fil-KWKG għall-produtturi tal-idroġenu

jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont il-KWKG 2020 u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku. Hija tqis li l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn ikkonstatat li l-impriżi kkonċernati mill-miżura nnotifikata bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tissottometti li l-Kummissjoni Ewropea żbaljat meta, l-ewwel, qieset li n-natura fiskali ta’ imposta timplika, fiha nnifisha, li l-fondi miġbura huma ta’ natura ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. It-tieni, il-Kummissjoni Ewropea żbaljat meta qieset li l-imposta stabbilita skont il-KWKG 2020 (“KWKG–Umlage”) fil-fatt tikkostitwixxi taxxa fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. It-tielet, il-Kummissjoni Ewropea żbaljat meta qieset li r-riżorsi miġbura mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni huma taħt il-kontroll tal-Istat u għalhekk huma għad-dispożizzjoni tal-Istat.

____________