Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2021 – UniCredit u UniCredit Bank vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-453/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: UniCredit SpA (Ruma, l-Italja), UniCredit Bank AG (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: I. Vandenborre, S. Dionnet, M. Siragusa, G. Rizza u B. Massella Ducci Teri, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla fis-sħiħ jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3489 finali tal-20 ta’ Mejju 2021 fil-Każ COMP/AT.40324 – Bonds ta’ gvernijiet Ewropej (“Deċiżjoni”), li kkonstatat li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat mid-9 ta’ Settembru 2011 sat-28 ta’ Novembru 2011 fi ksur wieħed u kontinwu fis-settur tal-bonds ta’ gvernijiet Ewropej, u/jew il-multa;

alternattivament, tnaqqas b’mod sostanzjali l-livell tal-multa imposta, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni illimitata tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tordna lill-Kummissjoni, bħala miżura tal-organizzazzjoni tal-proċedura jew tal-inkjesta, biex tressaq il-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet ippreżentati minn terzi mad-DG Kompetizzjoni tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni AT.40324, wara d-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet u s-smigħ orali sabiex jistgħu jiġu introdotti fil-fajl tal-każ

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħdax-il motiv.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn id-Deċiżjoni ma tiddefinix b’mod xieraq is-suq/swieq rilevanti.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tiżbalja billi kkonstatat li UniCredit ipparteċipat fi ksur wieħed u kontinwu li ċċentrat fuq is-suq primarju minkejja n-negozjant ta’ UniCredit ma jinnegozjax f’dak is-suq.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li UniCredit ipparteċipat fi ksur wieħed u kontinwu li kienet tammonta għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont is-suġġett ma hijiex sostnuta b’evidenza kontemporanja u hija rraġunata b’mod insuffiċjenti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljat meta stabbilit li l-parteċipazzjoni ta’ UniCredit f’restrizzjoni ta’ kompetizzjoni skont is-suġġett mingħajr ma analizzat l-impatt potenzjali tal-kondotta tagħha fis-suq sekondarju.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljat meta stabbilit li l-parteċipazzjoni ta’ UniCredit f’restrizzjoni ta’ kompetizzjoni skont is-suġġett mingħajr ma analizzat il-kuntest ekonomiku.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-allegat akkordju.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-metodoloġija fina użata fid-Deċiżjoni hija difettuża sa fejn il-Kummissjoni: (i) użat prokura difettuża biex tikkalkula l-valur tal-bejgħ, (ii) naqset li tuża’ ċ-ċifri l-iktar disponibbli biex tiddetermina l-ammont tal-multa, (iii) naqset milli tindirizza l-adegwatezza tad-data alternattiva sottomessa minn UniCredit, u (iv) naqset milli tosserva d-dmir tagħha ta’ motivazzjoni.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li l-metodoloġija tal-Kummissjoni biex tikkalkula l-prokura għall-valur tal-partijiet tal-bejgħ kienet manifestament irraġonevoli u mhux tajba għall-iskop maħsub tagħha billi naqset mill tirrifletti korrettament il-piż relattiv ta’ UniCredit u tal-partijiet l-oħra fil-ksur allegat.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ propozjalità u l-prinċipju li l-penalitajiet għandhom ikunu speċifiċi għall-persuna ħatja billi jiġi mnaqqas il-komponent varjabbli tal-ammont bażiku tal-multa ta’ UniCredit b’1 % biss meta mqabbel mal-partijiet l-oħra.

L-għaxar motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju li l-penalitajiet għandhom ikunu speċifiċi għall-persuna ħatja, billi naqset li tagħmel aġġustament sinjifikattiv għall-ammont bażiku tal-multa: (a) fuq il bażi tar-regola 37 tal-Linji Gwida dwar il-multi u/jew (b) minħabba ċirkustanzi mitiganti. Bħala riżultat, l-ammont finali tal-multa naqset milli tirrifletti d-differenzi oġġettivi fis-sitwazzjoni ta’ UniCredit meta mqabbla mas-sitwazzjonijiet tal-partijiet l-oħra.

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq il-fatt li l-impożizzjoni mill-Kummissjoni ta’ multa sproporzjonata u inġusta fuq UniCredit għandha tiġi korretta mill-eżerċizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-ġurisdizzjoni illimitata tagħha.

____________