Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2021 – Bank of America u Bank of America Corporation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-456/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Bank of America N.A. (Charlotte, North Carolina, l-Istati Uniti), Bank of America Corporation (Wilmington, North Carolina, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Bailey, Barrister, D. Liddell, Solicitor, u D. Slater, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni C(2021) 3489 tal-20 ta’ Mejju 2021 fil-Każ AT.40324 - Bonds ta’ gvernijiet Ewropej (“Deċiżjoni”), sa fejn tikkonċerna r-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn il-proċedimenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u/jew evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni applikat l-eżami żbaljata għall-parteċipazzjoni fi ksur wieħed u kontinwu; barra minn hekk jew alternattivament, il-Kummissjoni applikat il-liġi b’mod żbaljat dwar l-elementi ta’ ksur wieħed u kontinwu għall-fatti f’din il-kawża.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li ċ-ċirkustanzi li fihom, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-KE 1/2003, il-kondotta tar-rikorrenti mar lil hinn mill-perijodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multa, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li hemm interess leġittimu suffiċjenti, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) 1/2003, fil-konstatazzjoni ta’ ksur kontra r-rikorrenti.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża sa fejn (i) il-każ kontra r-rikorrenti fid-Deċiżjoni ma kkorrispondiex b’mod fundamentali mal-każ essenzjali mressaq kontra r-rikorrenti fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet; (ii) il-Kummissjoni naqset milli tispjega għaliex qieset il-kuntatti riferuti b’mod oblikwu biss fl-Anness 1 għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet u fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni kienu illegali u (iii) ir-rikorrenti ma ngħatawx l-opportunità li jirrispondu għall-punti ġodda magħmula fid-Deċiżjoni – li ma kinux saru fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet – dwar ċerti komunikazzjonijiet.

____________