Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2021 – Commission de régulation de l’énergie vs ACER

(Kawża T-446/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Commission de régulation de l’énergie (Pariġi, Franza) (rappreżentant: C. Le Bihan-Graf, avukata)

Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni Nru A-001-2021 tat-28 ta’ Mejju 2021 li tikkonferma d-Deċiżjoni Nru 30-2020 tal-ACER tat-30 Novembru 2020 fuq il-proposta tat-TSO tar-reġjun prinċipali bil-kapaċità kkalkolata dwar il-metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit u l-Annessi I u Ia tagħha;

bħala konsegwenza, tannulla d-deċiżjoni tal-ACER Nru 30/2020 tat-30 ta’ Novembru 2020 fuq il-proposta tat-TSO tar-reġjun prinċipali bil-kapaċità kkalkolata dwar il-metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit u l-Annessi I u Ia tagħha;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 2019/942 minħabba li l-Bord tal-Appell wettaq biss eżami limitat tal-evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ACER Nru 30/2020.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-735/18, Aquind vs ACER, tat-18 ta’ Novembru 2020 (ECLI:EU:T:2020:542), il-Bord tal-Appell tal-ACER għandu jwettaq eżami sħiħ tal-motivi u tal-argumenti tal-appellant.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament Nru 2019/943 minħabba li l-ACER stabbilixxiet limitu komuni għall-flussi ċirkolari mingħajr ma twettqet ebda analiżi minn qabel mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jew ingħatat approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi li twettaq minħabba r-rabta tal-iskeda ta’ implimentazzjoni tal-metodoloġija ma’ metodoloġiji oħra mingħajr ebda bażi legali.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/58 u tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali minħabba li d-deċiżjoni kkontestata Nru A-001-2021 ġiet imfassla biss bil-lingwa Ingliża. Jidher li d-deċiżjoni kkontestata Nru A-001-2021 ma ġietx ippubblikata bil-Franċiż, u, barra minn hekk, ma hijiex ċara għar-rikorrenti u ma tinftihemx minħabba l-kumplessità tagħha, it-tul tagħha, u n-nuqqas ta’ kompletezza tagħha.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, tal-Artikolu 74(6)(a) tar-Regolament 2015/1222 u tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit għall-metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit huwa eċċessiv.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ma għandux jiġi estiż għal elementi tan-network li ma humiex ikkonċernati minn skambji transkonfinali tal-elettriku skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222 u tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. Il-kamp ta’ applikazzjoni kien marbut ma’ metodoloġiji oħra mingħajr ebda bażi legali.

Kamp ta’ applikazzjoni li huwa iktar wiesa’ minn dak li huwa previst fil-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità ma setax jiġi sostnut legalment. Il-kamp ta’ applikazzjoni għandu jkun konsistenti mal-obbligi u mar-responsabbiltajiet tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni skont l-Artikolu 74(6)(a) tar-Regolament 2015/1222.

Is-sitt motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 minħabba l-istabbiliment ta’ limitu wieħed komuni tal-flussi ċirkolari għall-operaturi kollha tas-sistema ta’ trażmissjoni tar-reġjun prinċipali bil-kapaċità kkalkolata. Ma hemm xejn li jiġġustifika jew jispjega li limitu wieħed komuni għandu japplika għall-fruntieri kollha taż-żona tal-offerta filwaqt li n-networks nazzjonali ta’ trażmissjoni huma differenti u interkonnessi.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2019/943 minħabba li, għad-determinazzjoni tal-piż tal-ispejjeż, fil-metodoloġija ngħatat prijorità lill-konġestjoni kkawżata mill-flussi ċirkolari.

Il-konġestjoni kkawżata mill-flussi interni u mill-flussi ċirkolari għandha tiġi ttrattata b’mod ugwali fil-metodoloġija. Il-fatt li l-flussi ċirkolari jitqiegħdu l-ewwel fil-lista ta’ prijorità tal-flussi li jniġġsu li kkawżaw il-konġestjoni ma jipprovdix inċentivi tajba lill-operaturi għall-ġestjoni tal-konġestjoni.

Il-Bord tal-Appell tal-ACER ċaħad il-provi tar-rikorrenti mingħajr ebda ġustifikazzjoni.

Il-prijoritizzazzjoni tal-flussi ċirkolari hija diskriminanti għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni li għamlu l-investimenti meħtieġa sabiex jiżviluppaw in-networks tagħhom minħabba li dawn l-operaturi setgħu jiġu ppenalizzati għall-flussi ċirkolari residwi li setgħu jkunu responsabbli għalihom.

It-tmien motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament 2019/943 minħabba r-rikonoxximent li l-metodoloġija għandha tkopri l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom.

L-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom għandhom jiġu esklużi mill-metodoloġija. Il-metodoloġija għandha tipprevedi regoli speċifiċi għat-trattament ta’ dawn l-ispejjeż. L-argument tal-Bord tal-Appell huwa inkonsistenti minn perspettiva teknika. Huwa ma weġibx għall-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-impossibbiltà li ssir distinzjoni bejn l-ispejjeż imġarrba sabiex kapaċità transżonali ssir disponibbli u l-ispejjeż imġarrba għal finijiet oħra.

____________