Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2014 – Škugor et vs L-Unjoni Ewropea

(Kawża T-109/14)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Partijiet

Rikorrenti: Davor Škugor (Sisak, il-Kroazja), Ivan Gerometa (Vrsar, il-Kroazja), Kristina Samardžić (Split, il-Kroazja), Sandra Cindrić (Karlovac, il-Kroazja), Sunčica Gložinić (Varaždin, il-Kroazja), Tomislav Polić (Kaštel Novi, il-Kroazja), Vlatka Pižeta (Varaždin) (rappreżentant: Mato Krmek, avukat)

Konvenuta: L-Unjoni Ewropea

Talbiet

tikkonstata, permezz ta’ sentenza, li l-Unjoni Ewropea hija obbligata tikkumpensa d-danni kkawżati lir-rikorrenti minħabba l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ma wettqitx l-obbligu tagħha li twettaq superviżjoni tal-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni (punt 1 tal-Anness VII) għal dak li jirrigwarda l-introduzzjoni, fl-ordinament ġuridiku Kroat, tal-professjoni ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni.

tissospendi d-deliberazzjonijiet fuq l-ammont li għandu jitħallas sal-mument meta din is-sentenza ssir res judicata,

tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni (punt 1 tal-Anness VII) meta ma opponietx it-tħassir tal-Atti li jistabbilixxu u jorganizzaw il-professjoni ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni li kienu ġew adottati mill-Kroazja matul in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, li jiffurmaw parti integrali mit-Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea [Narodne novine — Međunarodni ugovori nº 2/12 Ġurnal Uffiċjali — Trattati internazzjonali)]). L-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni jgħaddi fuq il-Kummissjoni r-responsabbiltà ta’ superviżjoni (monitoring) tal-impenji kollha meħudin mir-Repubblika tal-Kroazja fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u, b’hekk, l-impenji legali meħudin mir-Repubblika tal-Kroazja li tistabbilixxi l-professjoni ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni u li toħloq il-kundizzjonijiet kollha neċessarji għall-implementazzjoni sħiħa ta’ din il-professjoni fl-ordinament ġuridiku Kroat qabel l-1 ta’ Jannar 2012. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea ma għandhiex is-setgħa li tagħti l-kunsens tagħha għal modifiki unilaterali tal-impenn b’hekk meħud mill-Kroazja.It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li, minħabba dan il-ksur indikat, il-Kummissjoni Ewropea kkawżat dannu dirett lir-rikorrenti, li kienu nħatru sabiex jokkupaw il-karigi ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni u li kienu leġittimament qed jistennew li jidħlu fil-kariga mill-1 ta’ Jannar 2012.It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li, peress li naqset mill-obbligi tagħha, il-Kummissjoni manifestament u gravement eċċediet il-limiti ta’ setgħa diskrezzjonali li tiddisponi minnha, u b’hekk ikkawżat lir-rikorrenti (l-uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni maħtura), f’kontradizzjoni mal-aspetattivi leġittimi ta’ dawn, danni materjali u morali kunsiderevoli li l-Unjoni Ewropea hija obbligata li tikkumpensa b’mod konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.