Language of document : ECLI:EU:F:2008:50

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

29 ta’ April 2008

Kawża F-133/07

André Hecq

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunati mix-xogħol – Tul tal-proċedura medika – Rikors għad-danni – Nuqqas ta’ lment – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Hecq jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Lulju 2007, li tiddeċiedi dwar l-ilment tiegħu, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tiegħu, minn naħa, għal interessi moratorji fuq is-somom li jistgħu jingħatawlu skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 2 000 bħala kumpens għad-dannu morali li bata minħabba d-dewmien inaċċettabbli min-naħa tal-amministrazzjoni fl-ipproċessar tat-talba tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni ppreżentat fin-nuqqas ta’ proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti tal-Persunal – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73, 90 u 91)

1.      Talbiet għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad ilment u li ma għandhomx għan ieħor ħlief il-kisba tal-kumpens li din id-deċiżjoni ċaħdet lir-rikorrent huma relatati mat-talbiet għad-danni, b’mod li huma ammissibbli biss, fis-sistema ta’ rimedji stabbilita permezz tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk ir-rikors ġie ppreċedut bi proċedura prekontenzjuża konformi mad-dispożizzjonijet tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proċedura tvarja skont jekk id-dannu li għalih jintalab kumpens jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew minn imġiba tal-amministrazzjoni nieqsa minn karattru deċiżjonali. Fl-ewwel każ, hija l-parti interessata li, fit-termini mogħtija, għandha tmur quddiem l-Awtorità tal-Ħatra b’ilment dirett kontra l-att ikkonċernat. Fit-tieni każ, min-naħa l-oħra, il-proċedura amministrattiva għandha tinbeda permezz tal-preżentazzjoni ta’ talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal intiża sabiex jinkiseb kumpens. Hija biss iċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba li tikkostittwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju li tista’ tiġi kkontestata u huwa biss wara ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ dan l-ilment li rikors għad-danni jista’ jitressaq quddiem il-qorti Komunitarja.

Jekk huwa minnu li kawża għad-danni tista’ tiġi ppreżentata b’mod regolari fl-istadju tal-ilment u, b’konsegwenza ta’ dan, mingħajr ma tiġi neċessarjament ippreċeduta b’talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan huwa biss bil-kundizzjoni li din il-kawża għad-danni tkun ibbażata fuq l-illegalità tal-att li kontrih tressaq l-ilment. F’din l-ipoteżi, teżisti rabta diretta bejn ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni, b’mod li dan tal-aħħar, li jikkumplementa r-rikors għal annullament, huwa ammissibbli, mingħajr ma jkun neċessarjament ippreċedut b’talba li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tirrimedja d-dannu allegatament subit. Meta, min-naħa l-oħra, il-kawża għad-danni ma hijiex ibbażata fuq il-kontestazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju ma jistax jiġi ppreżentat mingħajr qabel ma tiġi kkontestata d-deċiżjoni ta’ ċaħda inkwistjoni quddiem l-amministrazzjoni.

(ara l-punti 18, 23 u 24)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Frar 1992, Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑64/91, Ġabra p. II‑243, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata; 13 ta’ Lulju 1995, Saby vs Il‑Kummissjoni, T‑44/93, ĠabraSP p. I‑A‑175 u II‑541, punt 31; 12 ta’ Mejju 1998, O’Casey vs Il‑Kummissjoni, T‑184/94, ĠabraSP p. I‑A‑183 u II‑565, punt 98; 28 ta’ Jannar 2003, F vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑138/01, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑137, punt 57

2.      Jekk huwa minnu li l-Qorti Komunitarja tista’ ex officio, fl-ambitu ta’ rikors għal annullament, tagħti kumpens bħala ħlas għad-dannu morali subit mir-rikorrent minħabba t-tul anormali ta’ proċedura medika skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li l-parti interessata ma tkunx fetħet kawża għad-danni abbażi tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u li l-kundizzjonijiet proċedurali previsti minn dawn l-artikoli, mid-definizzjoni tagħhom, ma ġewx osservati, it-talba intiża għal tali kundanna tal-amministrazzjoni hija xorta waħda inammissibbli ladarba r-rikors għad-danni ppreżentat mill-uffiċjal ma kienx suġġett għal proċedura prekontenzjuża regolari skont id-dispożizzjonijet tar-Regolamenti tal-Persunal u ladarba l-proċedura medika kienet għadha ma ntemmitx.

Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Komunitarja ma tistax tuża l-prerogattivi ġudizzjarji tagħha, b’mod partikolari l-ġurisdizzjoni sħiħa li hija għandha fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, ħlief jekk titressaq kawża quddiemha b’mod regolari. Min-naħa l-oħra, il-fatt li t-tmiem tal-proċedura skont l-Artikolu 73 ma tkunx magħrufa jostakola l-evalwazzjoni mill-qorti tar-realtà u tal-portata tad-dannu morali allegat. Fl-aħħar nett, f’kull każ, tali kumpens ex officio jista’ jingħata biss sabiex jingħata effett utli għall-konstatazzjoni ta’ tul anormali tal-proċedura medika meta, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, din l-irregolarità ma tistax madankollu tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 26 u 28 sa 30)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑95 u II‑A‑2‑441, punti 162 sa 167; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Frar 2008, Labate vs Il‑Kummissjoni, F‑77/07, Ġabra p. I‑0000, punti 20 sa 22