Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-16 ta’ Mejju 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landgericht Köln - il-Ġermanja) – Touristic Aviation Services Limited vs Flightright GmbH

(Kawża C-405/23 1 , Touristic Aviation Services)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 5(3) – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Ċirkustanzi straordinarji – Nuqqas ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport li jipprovdi servizzi ta’ tagħbija tal-bagalji)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Touristic Aviation Services Limited

Konvenut: Flightright GmbH

Dispożittiv

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

l-fatt li jkun hemm numru insuffiċjenti ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ tagħbija tal-bagalji fl-ajruplani jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, it-trasportatur tal-ajru li t-titjira tiegħu jkollha dewmien twil minħabba tali ċirkustanza straordinarja huwa obbligat jipprova li din iċ-ċirkustanza ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu u li kieku adotta l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tagħha.

____________

1     ĠU C 329, 18.9.2023.